Language of document : ECLI:EU:C:2011:732

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Novembru 2011 (*)

Werrej


I –  Il-kuntest ġuridiku

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-fatti li wasslu għar-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Government of Gibraltar

B –  Ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Government of Gibraltar

III –  Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kontenzjuża

IV –  Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

V –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

VI –  Fuq l-appelli

A –  Fuq l-uniku aggravju tal-Kummissjoni u t-tmien aggravju tar-Renju ta’ Spanja

1.  Il-motivi tas-sentenza appellata

2.  L-argumenti tal-partijiet

3.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)  Fuq il-kundizzjoni li jsiru profitti u l-livell tat-tassazzjoni

b)  Fuq il-vantaġġi li jibbenefikaw lill-kumpanniji off-shore

VII –  Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

A –  Fuq it-tieni motiv tal-Government of Gibraltar u tar-Renju Unit u t-tieni parti tat-tielet motiv tal-Government of Gibraltar

1.  Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

2.  Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv imqajjem mill-Government of Gibraltar

3.  Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

4.  Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

B –  Fuq it-tielet motiv tar-Renju Unit u l-ewwel parti tat-tielet motiv tal-Government of Gibraltar, ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

C –  Fuq l-ewwel motiv dwar is-selettività reġjonali

VIII –  Fuq l-ispejjeż

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Selettività materjali – Sistema fiskali – Ġibiltà – Kumpanniji ‘off-shore’”

Fil-Kawżi magħquda C‑106/09 P u C‑107/09 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fis-16 ta’ Marzu 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea (C‑106/09 P), irrappreżentata minn R. Lyal, V. Di Bucci u N. Khan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

Government of Gibraltar, irrappreżentat minn J. Temple Lang, solicitor, M. Llamas, barrister, u A. Petersen, avukat,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn D. Anderson, QC, u minn M. Gray, barrister,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuti minn

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn B. Doherty, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-appell,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrapreżentat minn N. Díaz Abad u J.M. Rodríguez Cáracamo, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent fl-ewwel istanza,

u

Ir-Renju ta’ Spanja (C‑107/09 P), irrappreżentat minn N. Díaz Abad u J.M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-proċedura li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, V. Di Bucci u N. Khan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Government of Gibraltar, irrappreżentat minn J. Temple Lang, solicitor, M. Llamas, barrister, u A. Petersen, avukat,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn D. Anderson, QC, u minn M. Gray, barrister,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodriguez, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, K. Schiemann, E. Juhász, T. von Danwitz (Relatur), D. Šváby, M. Berger, u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Novembru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Renju ta’ Spanja jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tat-18 ta’ Diċembru 2008, Government of Gibraltar u r-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (T‑211/04 u T‑215/04, Ġabra p. II‑3745, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/261/KE, tat-30 ta’ Marzu 2004, dwar l-iskema ta’ għajnuna li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplementa rigward ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Government of Gibraltar (ĠU 2005 L 85, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) .

I –  Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi:

“Proċedura ta’ investigazzjoni formali

1.      Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima [evlawazzjoni] preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.

2. Il-kummenti riċevuti għandhom ikunu sottomessi lill-Istat Membru kkonċernat. Jekk parti interessata titlob dan, fuq raġunijiet ta’ ħsara potenzali, l-identità tagħha għandha tinżamm mill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrispondi għall-kummenti sottomessi f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista testendi l-perjodu preskritt.”

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –  Il-fatti li wasslu għar-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Government of Gibraltar

3        Fil-11 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE, kontra żewġ liġijiet applikati f’Ġibiltà relatati mat-taxxa fuq il-kumpanniji u li jirrigwardaw, rispettivament, il-“kumpanniji eżenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2002, C 26, p. 13) u l-“kumpanniji kwalifikanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 2002, C 26, p. 9).

4        Sabiex tgawdi mill-istatus ta’ kumpannija eżenti, impriża kellha tissodisfa diversi kundizzjonijiet. Fost dawn il-kundizzjonijiet kien hemm il-projbizzjoni li tiġi eżerċitata attività kummerċjali jew kull attività oħra f’Ġibiltà, ħlief ma’ kumpanniji oħra eżenti jew kwalifikanti. Bla ħsara għal xi eċċezzjonijiet, kumpannija eżenti kienet eżonerata mit-taxxa fuq id-dħul f’Ġibiltà u kienet obbligata tħallas biss taxxa fil-forma ta’ somma f’daqqa annwali ta’ GBP 225.

5        Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ kumpannijia kwalifikanti kienu, essenzjalment, identiċi għal dawk neċessarji għall-għoti tal-istatus ta’ kumpannija eżenti. Il-kumpanniji kwalifikanti jħallsu taxxa abbażi ta’ rata nnegozzjata mal-awtoritajiet tat-taxxa ta’ Ġibiltà li tvarja bejn 2 % u 10 % tal-profitti

6        Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni (T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309), il-Qorti Ġenerali annullat, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-kumpanniji eżenti minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkwalifikat is-sistema applikabbli għal dawn il-kumpanniji bħala għajnuna ġdida fl-intier tagħha, u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ dwar il-kumpanniji kwalifikanti.

7        Il-proċedura dwar il-kumpanniji eżenti wasslet għal deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 1995, li tipproponi miżuri adatti li ġiet aċċettata mir-Renju Unit fit-18 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005 C 228, p. 9). Wara l-proċedura dwar il-kumpanniji kwalifikanti l-Kummissjoni adottat, fit-30 ta’ Marzu 2004, id-Deċiżjoni 2005/77/KE (ĠU 2005, L 29, p. 24), li permezz tagħha hija ddikjarat is-sistema relatata ma’ dawn il-kumpanniji inkompatibbli mas-suq komuni.

B –  Ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Government of Gibraltar

8        Fis-27 ta’ April 2002, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk is-sistemi fiskali dwar il-kumpanniji eżenti u l-kumpanniji kwalifikanti jikkostitwixxu jew le għajnuna mill-Istat, il-Government of Gibraltar ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jabroga l-leġiżlazzjoni kollha tiegħu fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi u li jistabbilixxi sistema fiskali kompletament ġdida għall-kumpanniji kollha ta’ Ġibiltà Din ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Government of Gibraltar hija s-suġġett ta’ din il-kawża.

9        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Awwissu 2002, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88(3) KE, bir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji proposta (iktar ’il quddiem ir-“riforma fiskali proposta”) li l-Government of Gibraltar kien qiegħed jippjana li jimplementa.

10      Sabiex tkun tista’ tiġi applikata mill-Government of Gibraltar, ir-riforma fiskali proposta kellha l-ewwel tiġi adottata mill-House of Assembly tal-Ġibiltà. Fil-kuntest ta’ din ir-riforma, il-leġiżlazzjoni li sa dak iż-żmien kienet tirregola l-kumpanniji eżenti u l-kumpanniji kwalifikanti kellha tiġi abrogata b’effett immedjat.

11      Hekk kif jirriżulta mill-punt 18 tas-sentenza appellata din ir-riforma fiskali proposta tinkludi sistema ta’ tassazzjoni applikabbli għall-kumpanniji kollha stabbiliti f’Ġibiltà u taxxa supplementari jew ta’ penalità (“top-up tax”) applikabbli biss għall-kumpanniji ta’ servizzi finanzjarji u għall-impriżi ta’ netwerk, li jinkludu l-impriżi attivi fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, tal-elettriku u tal-ilma.

12      Il-karatteristiċi tas-sistema ta’ tassazzjoni li kellha tiġi introdotta permezz ta’ din il-proposta huma spjegati fil-punti 21 sa 25 tas-sentenza appellata, bil-mod li ġej:

“21      Is-sistema ta’ tassazzjoni introdotta mir-riforma fiskali u applikabbli għall-kumpanniji kollha stabbiliti f’Ġibiltà hi magħmula minn taxxa fuq in-numru ta’ impjegati (payroll tax), minn taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju (business property occupation tax) u minn taxxa ta’ reġistrazzjoni (registration fee):

–        it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati: il-kumpanniji kollha ta’ Ġibiltà se jkunu suġġetti għal taxxa fuq in-numru ta’ impjegati sa massimu ta’ GBP 3 000 għal kull impjegat u fis-sena; kull ‘persuna li timpjega’ ta’ Ġibiltà għandha tħallas taxxa fuq in-numru ta’ impjegati għall-totalità tal-‘impjegati’ tagħha li jaħdmu full-time jew part-time u ‘impjegati f’Ġibiltà’; il-leġiżlazzjoni dwar ir-riforma fiskali fiha definizzjoni tat-termini ċċitati iktar ’il fuq;

–         it-taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju (Business Property Occupation Tax, iktar ’il quddiem il-‘BPOT’): il-kumpanniji kollha li jokkupaw proprjetà f’Ġibiltà għal skopijiet ta’ negozju għandhom iħallsu taxxa fuq l-okkupazzjoni tal-imsemmija proprjetà stabbilita għal rata ekwivalenti għal persentaġġ ta’ dak li jridu jħallsu skont ir-rata ġenerali tat-taxxa fuq il-proprjetà f’Ġibiltà;

–        – it-taxxa ta’ reġistrazzjoni: il-kumpanniji kollha ta’ Ġibiltà għandhom iħallsu taxxa ta’ reġistrazzjoni annwali ta’ ammont ta’ GBP 150 għall-kumpanniji mhux maħsuba biex jagħmli profitti u ta’ GBP 300 għall-kumpanniji bi skop ta’ profitt.

22      L-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT huwa limitat għal 15 % tal-profitti. Ir-riżultat ta’ dan il-limitu huwa li l-kumpanniji jħallsu t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT biss jekk jagħmlu profitt u l-ammont tat-taxxa ma jissuperax il-15 % tal-imsemmija profitti

[…]

23      Ċertu attivitajiet, jiġifieri s-servizzi finanzjarji u dawk ta’ netwerk, huma suġġetti għal taxxa supplementari (jew ta’ penalità) fuq il-profitti ġġenerati minn dawn l-attivitajiet. It-taxxa supplementari tapplika biss għall-profitti li jistgħu jkunu attribwiti għal dawn l-attivitajiet.

24      B’hekk, il-kumpanniji ta’ servizzi finanzjarji huma suġġetti, minbarra għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, għal taxxa supplementari (jew ta’ penalità) fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji għal rata ta’ bejn l-4 u s-6 % tal-profitti (kkalkolati skont l-istandards ta’ kontabbiltà internazzjonalment rikonoxxuti; l-intaxxar totali ta’ dawn il-kumpanniji (taxxa fuq in-numru ta’ impjegati, BPOT u taxxa supplementari) huwa limitat għal 15 % tal-profitti.

25      L-impriżi ta’ netwerk huma suġġetti, minbarra għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, għal taxxa supplementari (jew ta’ penalità) fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet tagħhom li hija ekwivalenti għal 35 % tal-profitti (ikkalkolati skont l-istandards ta’ kontabbiltà internazzjonalment rikonoxxuti). Dawn l-impriżi huma awtorizzati jnaqqsu t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT mit-taxxa supplementari tagħhom. Għalkemm l-intaxxar annwali totali tal-impriżi ta’ netwerk (taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u BPOT) huwa wkoll limitat għal 15 % tal-profitti, il-funzjonament tat-taxxa supplementari għall-impriżi ta’ netwerk jassigura li dawn tal-aħħar iħallsu dejjem taxxa ekwivalenti għal 35 % tal-profitti tagħhom.”

III –  Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kontenzjuża

13      Wara n-notifika lill-Kummissjoni mir-Renju Unit tar-riforma fiskali proposta, permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Ottubru 2002, hija informat lil dan l-Istat Membru bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali”) u stiednet lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ĠU 2002, C 300, p. 2).

14      Din id-deċiżjoni tirreferi għall-punt 9 tal-Avviż tal-Kummissjoni 98/C384/03 fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 277, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa”). Fil-punti 29 sa 33 u 37 sa 44 ta’ din id-deċiżjoni l-Kummissjoni telenka erba’ elementi tar-riforma fiskali proposta li hija tqis jagħtu vantaġġi selettivi fuq il-livell materjali, jiġifieri l-kundizzjoni li jsir profitt li tagħti vantaġġi lill-kumpanniji li ma jagħmlux profitt; id-diversi limiti ta’ tassazzjoni li jagħtu vantaġġi lill-kumpanniji li jibbenefikaw minn dawn il-limiti, l-eżenzjoni mit-taxxa għal impriżi stabbiliti f’ċerti żoni tal-Ġibiltà u fl-aħħar nett, l-eżenzjoni tal-interessi riċevuti bis-saħħa ta’ self mogħti sabiex jitwettqu ċerti għanijiet. Il-kumpanniji “off-shore” ma jissemmewx bħala li jibbenefikaw minn vantaġġ selettiv.

15      Fil-punt 60(f) tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, il-Kummissjoni titlob lir-Renju Unit jipprovdilha l-informazzjoni segwenti:

“Stima tan-numru, tad-daqs u tal-attivitajiet:

–        tal-kumpanniji li ma jagħmlux profitt u, għaldaqstant, ma jħallsux it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT,

–        tal-kumpanniji li jagħmlu profitt mingħajr ma jimpjegaw impjegati jiġifieri mingħajr unitajiet ta’ impjegati taxxabbli),

–        tal-kumpanniji li jagħmlu profitt li jimpjegaw inqas minn impjegat wieħed (bl-esklużjoni ta’ dawk li ma għandhomx impjegati).”

16      Il-Kummissjoni rċiviet osservazzjonijiet tar-Renju Unit, tal-Confederación Española de Organizaciones Empresariales (Konfederazzjoni Spanjola tal-Assoċjazzjonijiet ta’ Impriżi), tal-Ålands Landskapsstyrelse [Eżekuttiv tal-gżejjer Åland] (il-Finlandja), tar-Renju ta’ Spanja u tal-Government of Gibraltar.

17      Għaldaqstant fil-punt 3 tal-kummentarji tiegħu sottomessi lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Jannar 2003 ir-Renju ta’ Spanja qies:

“[…]

Barra dawn l-osservazzjonijiet li jsostnu l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni, li, fundamentalment, huma biżżejjed, waħedhom, sabiex jikkonfutaw il-validità tar-riforma fiskali proposta mir-Renju Unit f’isem il-Government of Gibraltar, inqisu essenzjali li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tas-sistema għandha ssir billi jittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u fiskali reali eżistenti tal-ġurisdizzjoni li qed tipproponiha.

Ir-riforma fiskali proposta tinkludi ċerti karatteristiċi partikolari ħafna, bħal dawn segwenti:

[…]

(c)      Fir-rigward tat-28 800 kumpannija li ma humiex suġġetti għat-taxxa supplementari msemmija fil-punt a) iktar ’il fuq, is-sistema fiskali proposta ma hijiex fil-fatt taxxa ġenerali fuq il-profitti tal-kumpanniji, iżda numru ta’ taxxi speċifiċi differenti (it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati, il-[BPOT], it-taxxa fuq ir-reġistrazzjoni) li huma suġġetti għal limiti, b’mod li l-piż fiskali huwa żgħir ħafna, jew kważi ineżistenti (ma huwiex għal xejn li f’Ġibiltà din il-proposta hija msejħa ‘taxxa żero’).

Wieħed għandu jżomm f’moħħu li, peress li l-biċċa l-kbira tat-28 800 kumpannija rreġistrati jistgħu jitqiesu bħala kumpanniji ‘kaxxa postali’jew li jiġġestixxu l-attiv, dawn għandom, sakemm dawn jagħmlu profitt, iħallsu taxxa ta’ GBP 3 000 għal kul impjegat u fis-sena. Sa fejn il-biċċa l-kbira tagħhom, bħala regola ġenerali, għandhom biss impjegat wieħed (kontabbilist jew awditur), il-biċċa l-kbira impjegat part-time, dawn iħallsu massimu ta’ GBP 3 000 fis-sena jekk dawn ma jokkupawx proprjetà (li huwa l-biċċa l-kbira l-każ), għaliex huma ma jkollhomx iħallsu l-[BPOT].

[…]

(d)      Il-kumpanniji ‘off-shore’ jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tnejn mit-taxxi l-ġodda: għaldaqstant madwar 8 000 kumpannija mingħajr ebda preżenza fiżika f’Ġibiltà jkunu eżenti.

[…]

Tali riforma fiskali għandha ħafna pekuljaritajiet u bl-ebda mod ma tbiddel is-sitwazzjoni fiskali tal-kumpanniji li la għandhom impjegati u lanqas bini f’Ġibiltà.

[…]”

18      Il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lir-Renju Unit, li informaha bil-kummenti tiegħu b’ittra tat-13 ta’ Frar 2003 mingħajr madankollu ma ħa pożizzjoni fuq l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja dwar it-trattament fiskali tal-kumpanniji “off-shore”.

19      Fil-punt 163 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonkludiet li “[r-riforma fiskali proposta] tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) tat-Trattat KE. Ebda waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 87(2) u (3) tat-Trattat KE ma tapplika. Għaldaqstant, ir-Renju Unit ma huwiex awtorizzat jimplementa r-riforma” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      Skont il-Kummissjoni, u kif jirriżulta mill-premessi 98 sa 152 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ir-riforma fiskali proposta hija selettiva fuq il-livell reġjonali kemm kif ukoll fuq dak materjali. Din hija selettiva fuq il-livell reġjonali inkwantu din tipprevedi sistema ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li bis-saħħa tagħha l-impriżi tal-Ġibiltà huma intaxxati, b’mod ġenerali b’rata inqas mill-impriżi Brittaniċi (premessa 127 tad-deċiżjoni kontenzjuża).

21      Il-Kummissjoni tikkunsidra li ċerti aspetti tar-riforma fiskali proposta huma selettivi fuq il-livell materjali. Għaldaqstant, is-segwenti huma selettivi fuq dan il-livell, l-ewwel nett, il-kundizzjoni li jsir profitt qabel l-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT, peress li din il-kundizzjoni tiffavorixxi lill-impriżi li ma jagħmlux profitt (premessi 128 sa 133 tad-deċiżjoni kontenzjuża) u t-tieni nett, il-limitu ta’ 15 % tal-profitti applikat għall-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT, peress li dan il-limitu jiffavorixxi lill-impriżi li, għas-sena fiskali inkwistjoni, għandhom profitti mhux għolja ħafna meta mqabbla man-numru ta’ impjegati tagħhom u mal-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju (premessi 134 sa 141 tad-deċiżjoni kontenzjuża). Fl-aħħar; it-tielet nett, il-fatt li hija prevista taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT huwa wkoll selettiv fuq il-livell materjali, peress li dawn iż-żewġ taxxi jiffavorixxu, minn natura tagħhom, lill-impriżi li ma għandhomx preżenza fiżika reali f’Ġibiltà u li, minħabba dan, ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji (premessi 142 sa 144 u 147 sa 151 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

22      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprovdi fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Il-proposti nnotifikati mir-Renju Unit fid-dawl tar-riforma tas-sistema fiskali tal-impriżi f’Ġibiltà jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni

Għaldaqstant dawn il-proposti ma jistgħux jiġu implementati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] 

IV –  Il-proċedura fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

23      Permezz ta’ talbiet ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ġunju 2004, il-Government of Gibraltar, fil-Kawża T‑211/04, u r-Renju Unit, fil-Kawża T‑215/04, ippreżentaw kull wieħed rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

24      Dawn ir-rikorrenti invokaw, essenzjalment, tliet motivi identiċi f’kull waħda minn dawn il-kawżi. L-ewwel u t-tieni motivi huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni, rispettivament, tal-kriterju ta’ selettività reġjonali u tal-kriterju ta’ selettività materjali. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-forom sostanzjali fil-kuntest tal-eżami tat-tielet aspett tar-riforma fiskali proposta dwar il-kumpanniji “off-shore”. Dan l-aħħar motiv jinqasam f’żewġ partijiet, l-ewwel dwar ksur tad-dritt għal smigħ invokat kemm mir-Renju Unit kif ukoll mill-Government of Gibraltar u t-tieni dwar żball ta’ motivazzjoni mqajjem biss mill-Government of Gibraltar.

25      Permezz ta’ digrieti tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2004 u tal-15 ta’ Frar 2005, it-talbiet għal intervent, rispettivament, tar-Renju Unit insostenn tat-talbiet tal-Government of Gibraltar fil-Kawża T‑211/04 u tar-Renju ta’ Spanja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑215/04, ġew milqugħa.

26      Il-Qorti Ġenerali laqgħet kemm l-ewwel motiv tar-rikorrenti dwar is-selettività reġjonali kif ukoll it-tieni motiv dwar is-selettività materjali. Minħabba dan, il-Qorti Ġenerali ma pproċedietx għall-eżami tat-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-forom sostanzjali.

V –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2009, il-Kawżi C‑106/09 P u C‑107/09 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

28      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2009, l-Irlanda ġiet ammessa tintervjeni f’dawn il-kawżi insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit u tal-Government of Gibraltar.

29      Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment,

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-Government of Gibraltar u mir-Renju Unit; u

–        tikkundanna lill-Government of Gibraltar kif ukoll lir-Renju Unit għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament:

–        tirrinvija l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami ġdid; u

–        tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

30      Fl-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddikjara d-deċiżjoni kontenzjuża konformi mad-dritt u

–        tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż.

31      Il-Government of Gibraltar jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni u dak ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż sostnuti mill-Government of Gibraltar.

32      Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni u dak ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

33      L-Irlanda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

VI –  Fuq l-appelli

34      Il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE. Dan l-aggravju, dwar il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tas-selettività materjali tar-riforma fiskali proposta, jinqasam f’sitt partijiet. Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka ħdax-il aggravju li jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi dwar, l-ewwel nett, is-selettività reġjonali ta’ din il-proposta u l-istatus ta’ Ġibiltà (l-ewwel seba’ aggravji u d-disa’ aggravju), it-tieni nett, is-selettività materjali (it-tmien aggravju) u, l-aħħar nett, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (l-għaxar u l-ħdax-il aggravju).

35      Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati l-aggravji dwar is-selettività materjali, jiġifieri l-uniku aggravju tal-Kummissjoni u t-tmien aggravju mqajjem mir-Renju ta’ Spanja.

A –  Fuq l-uniku aggravju tal-Kummissjoni u t-tmien aggravju tar-Renju ta’ Spanja

1.     Il-motivi tas-sentenza appellata

36      Qabel ma eżaminat id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet, fil-punti 143 sa 146 tas-sentenza appellata, il-kuntest analitiku li għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni meta teżamina n-natura selettiva ta’ skema ta’ għajnuna fiskali. F’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li l-Kummissjoni tikklassifika miżura fiskali bħala selettiva jippreżumi neċessarjament li hija tidentifika, l-ewwel nett, is-sistema “normali” tas-sistema fiskali. Fir-rigward ta’ din is-sistema fiskali “normali” l-Kummissjoni kellha, it-tieni nett, tevalwa u tistabbilixxi n-natura selettiva eventwali tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni, billi turi li din il-miżura tidderoga mill-imsemmija sistema “normali”. It-tielet nett, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fil-preżenza ta’ tali derogi, il-miżura li għandha bħala konsegwenza differenzazzjoni bejn impriżi tista’ madankollu ma tkunx “selettiva”, meta din tal-aħħar tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta’ ħlas li taqa’ taħtha.

37      Skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma tistax tonqos milli twettaq dawn l-ewwel żewġ stadji tal-istħarriġ tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni, għaliex inkella dan ikun jippermetti lill-Kummissjoni tassumi r-rwol tal-Istat Membru fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sistema fiskali tiegħu u tas-sistema “normali” fi ħdan din is-sistema. Fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sistema fiskali inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar u l-entitajiet infrastatali li jiddisponu minn awtonomija fiskali huma biss kompetenti sabiex jistabbilixxu s-sistemi ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li huma jikkunsidraw l-aħjar adattati għall-bżonnijiet tal-ekonomiji tagħhom

38      Fil-punt 148 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, “il-Kummissjoni kkonkludiet li tliet aspetti tas-sistema fiskali introdotta bir-riforma [fiskali proposta] jagħtu vantaġġi selettivi lill-kumpanniji li jibbenefikaw minnha u huma għalhekk jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, jiġifieri, l-ewwel nett, il-kundizzjoni li l-kumpannija tagħmel profitt qabel ma tkun suġġetta għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT, it-tieni nett, il-limitu ta’ 15 % tal-profitti applikat għall-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT u, it-tielet nett, in-natura inerenti tat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT”

39      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat id-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-kuntest analitiku kif stabbilit fil-punti 143 sa 146 tas-sentenza appellata.

40      F’dan ir-rigward, fil-punt 170 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonstatat li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet pprovduti mill-Government of Gibraltar u mir-Renju Unit, li skonthom l-elementi kollha tas-sistema fiskali proposta jikkostitwixxu sistema fiskali fiha nnifisha li għandha titqies bħala li hija s-sistema fiskali “normali”, “il-Kummissjoni ma setgħetx tirrinunzja milli twettaq id-dmir tagħha, kif deskritt fil-punt 143 [tas-sentenza appellata], li tidentifika preliminarjament u, fejn japplika, li tikkontesta l-kwalifika mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà tal-iskema [sistema] […]“normali ‛tas-sistema fiskali nnotifikata’”. Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 171 sa 174 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma segwietx l-istadji ta’ dan il-kuntest analitiku u għaldaqstant marret lil hinn, fid-dawl tal-kompetenza Statali fil-qasam tat-taxxa, mil-limiti tal-istħarriġ tagħha.

41      Barra minn hekk, fil-punt 175 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li, “indipendentement minn nuqqas ta’ rispett mill-Kummissjoni tal-kuntest ta’ analiżi dwar id-determinazzjoni tas-selettività […] la l-kunsiderazzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni kkontestata […] u lanqas l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mir-Renju ta’ Spanja matul il-kawża mhuma biżżejjed sabiex tiġi ddubbitata l-fondatezza tad-definizzjoni tal-iskema [sistema] ‘normali’ tas-sistema fiskali nnotifikata”.

42      F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-ewwel lok, fil-punti 176 sa 178 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-kundizzjoni tat-tassazzjoni, jiġifieri li jsir profitt, u l-limitu tat-taxxa għal 15 % tal-profitti, għandhom jiġu kkunsidrati bħala derogatorji u li, għaldaqstant, is-sistema fiskali għandha tiġi kkwalifikata bħala selettiva.

43      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 179 sa 181 tas-sentenza appellata, li la l-fatt li l-Kummissjoni qieset din is-sistema fiskali bħala “ibrida” u lanqas il-fatt li impriża li ma għandhiex “preżenza fiżika” f’Ġibiltà ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT ma jippermettu li tiġi murija s-selettività tas-sistema fiskali inkwistjoni.

44      It-tielet nett, skont il-punti 182 sa 184 tas-sentenza appellata, il-kunsiderazzzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-diversi kriterji kkunsidrati mis-sistema kkontestata sabiex tiġi ddeterminata t-tassazzjoni ta’ impriża huma wisq vagi sabiex jikkontestaw id-definizzjoni, kif imressqa mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà, ta’ x’hiex jikkostitwixxi s-sistema “normali” fi ħdan ir-riforma fiskali proposta.

45      Fil-punt 185 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ebda wieħed mill-aspetti tar-riforma fiskali proposta identifikati mill-Kummissjoni ma jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jagħti vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE minħabba li l-Kummissjoni naqset milli turi skont kif meħtieġ mil-liġi li dawn jikkostitwixxu derogi mis-sistema fiskali “normali”.

46      Fl-aħħar, fil-punt 186 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat “li l-paragun tal-allegati effetti tas-sistema fiskali introdotta mir-riforma [fiskali proposta] ma’ l-effetti tas-sistema fiskali preċedenti […] kif magħmul mill-Kummissjoni fit-Tabella 1 u fil-premessa 150 tad-Deċiżjoni kkontestata, ma jistax, f’dan il-każ, ikun aċċettat għall-finijet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE”.

2.     L-argumenti tal-partijiet

47      Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem aggravju wieħed, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 187(1) KE u li jirrigwarda l-eżami tas-selettività materjali mwettaq mill-Qorti Ġenerali. Dan l-aggravju jinqasam f’sitt partijiet.

48      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat ir-rabta bejn l-Artikolu 87(1) KE u l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa. Il-Kummissjoni tqis, f’dan ir-rigward, li l-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa huma rregolati mil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 87(1) KE, u li s-sempliċi fatt li regola nazzjonali taqa’ taħt il-liġi tat-taxxa ma jistax jeżenta lil din ir-regola milli tosserva dan l-artikolu peress li dan l-artikolu jiddefinixxi l-miżuri tal-Istat mhux skont il-kawża jew l-għan tagħhom, iżda skont l-effetti tagħhom.

49      Permezz tat-tieni parti tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni sostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat li hija kienet obbligata tidentifika, minn qabel, is-sistema “normali” tas-sistema fiskali li tinsab fir-riforma proposta u, sussegwentement, li turi n-natura derogatorja tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward ta’ din is-sistema. Approċċ bħal dan jinjora l-possibbiltà li Stat Membru jistabbilixxi sistema fiskali intrinsikament diskriminatorja minħabba l-istess struttura tagħha. Fil-fatt, permezz ta’ għażla għaqlija tal-kriterji li għandhom jiġu applikati fis-sistema ta’ tassazzjoni allegatament “normali” tagħha, Ġibiltà rnexxielha tirriproduċi, fil-biċċa l-kbira, l-effetti ta’ sistema li tinkorpora manifestament għajnuna mill-Istat favur ċerti kategoriji ta’ impriżi.

50      Permezz tat-tielet parti tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji relatati mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, li skonthom il-miżuri nazzjonali għandhom ikunu eżaminati fir-rigward tal-effetti tagħhom u mhux tal-għan imfittex jew ta’ ċerta teknika leġiżlattiva.

51      Permezz tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jwassal sabiex jitqies li l-karatteristiċi kollha ta’ sistema fiskali, mingħajr kunsiderazzjoni għall-vantaġġ li huma jagħtu lil ċerti benefiċjarji, jikkostitwixxu awtomatikament parti integrali minn din is-sistema u mhux deroga u għalhekk, jaħarbu mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

52      Permezz tal-ħames parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli b’mod żbaljat ikkunsidrat li l-Kummissjoni la identifikat is-sistema fiskali “normali” u lanqas ma pprovat li l-karatteristiċi speċifiċi tar-riforma fiskali proposta kienu jikkostitwixxu derogi għal din is-sistema. Fil-fatt, il-Kummissjoni identifikat b’mod ċar u regolari s-sistema fiskali nnotifikata bħala waħda bbażata fuq it-tassazzjoni tal-ħaddiema u tal-okkupazzjoni tal-postijiet tan-negozju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-motiv invokat mill-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kienx nuqqas ta’ motivazzjoni, iżda żball ta’ liġi.

53      Permezz tas-sitt parti tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina t-tliet elementi ta’ selettività kkonstatati fid-deċiżjoni kontenzjuża billi naqset milli tanalizza l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-effetti konkreti tar-riforma fiskali proposta, jiġifieri li din tal-aħħar tasal għal livelli ta’ tassazzjoni differenti għal diversi setturi tal-ekonomija ta’ Ġibiltà u tagħti vantaġġ selettiv lill-impriżi “off-shore” li ma għandhomx impjegati u li ma jokkupawx bini f’Ġibiltà.

54      Anki jekk il-Qorti Ġenerali rriproduċiet is-siltiet rilevanti tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-punti 156 sa 162 tas-sentenza appellata, hija ma ħaditx pożizzjoni dwar l-aspetti selettivi tar-riforma fiskali proposta hekk identifikati. Fil-punt 186 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali injorat ir-rilevanza tal-paragun tar-riforma fiskali proposta mas-sistema fiskali preċedenti. Għandu jingħad li l-Kummissjoni kienet enfasizzat, billi rreferiet għas-sistema preċedenti, li s-sistema eżaminata fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet intiża li żżomm fis-seħħ is-sitwazzjoni preċedenti billi tipproduċi l-istess effetti filwaqt li tuża teknika differenti. Għaldaqstant, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jagħti piż deċiżiv lil kunsiderazzjonijiet tekniċi fiskali għad-detriment ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-effetti ta’ miżura.

55      Permezz tat-tmien aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-kriterju ta’ selettività materjali ma kienx issodisfatt. Fil-fatt, il-maġġoranza kbira tal-impriżi stabbiliti f’Ġibiltà, jiġifieri 28 798 minn 29 000 kumpannija, waslu sabiex kisbu rata ta’ taxxa żero. B’hekk, is-sistema li l-Qorti Ġenerali tikklassifika bħala ġenerali hija, fir-realtà, sistema speċjali li toħloq “selettività de facto”.

56      Fir-risposta tiegħu għall-appell tal-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni. L-għan veru segwit mir-riforma fiskali proposta jikkonsisti f’li jiġi attirat il-kapital barrani li d-detenturi tiegħu jippruvaw jaħarbu s-sistemi ta’ tassazzjoni normali li jkunu suġġetti għalihom fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Barra minn hekk, peress li l-analiżi ta’ taxxa fuq il-kumpanniji hija eżerċizzju li jeħtieġ evalwazzjoni ekonomika kumplessa, il-Qorti Ġenerali, kienet żbaljata meta ssostitwixxiet l-evalwazzjoni ekonomika mwettqa mill-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess f’dak li jikkonċerna l-elementi ta’ selettività identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

57      Il-Government of Gibraltar u r-Renju Unit jsostnu, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta ċaħdet l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Dan l-approċċ huwa żbaljat u huwa oppost għall-approċċ normali tal-Kummissjoni kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa. Dan l-approċċ il-ġdid iwassal sabiex titneħħa s-sovranità fiskali rikonoxxuta lill-Istati Membri mit-Trattat KE kif ukoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tippermetti lill-Kummissjoni tipproċedi għall-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni diretta.

58      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni, il-Government of Gibraltar u r-Renju Unit iqisu li din tippreġudika l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa u hija bbażata fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali ma injoratx il-limitazzjoni, mid-dritt tal-Unjoni, tas-sovranità fiskali tal-Istati Membri.

59      Bl-istess mod, l-argument invokat insostenn tat-tieni parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni jippreġudika s-sovranità fiskali tal-Istati Membri. Is-sempliċi fatt li sistema fiskali toħloq vantaġġ għal ċerti impriżi ma jistax waħdu jkun biżżejjed sabiex din is-sistema titqies bħala selettiva, peress li huwa neċessarju l-ewwel nett li tiġi identifikata s-sistema normali. Dan huwa kkorraborat mill-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa li huwa vinkolanti fir-rigward tal-Kummissjoni skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

60      Fil-kuntest tat-tielet parti tal-uniku aggravju tagħha l-Kummissjoni tipproċedi wkoll għal qari żbaljat tas-sentenza appellata inkwantu din tallega li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha fuq l-għanijiet iddikjarati mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali minflok ma teżamina l-kontenut reali tar-regoli inkwistjoni.

61      L-argument sostnut mill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-raba’ parti tal-uniku aggravju tagħha, li sistema fiskali “normali” ma tistax tapplika iktar minn kriterju ta’ tassazzjoni wieħed, huwa wkoll inkonċiljabbli mas-sovranità fiskali tal-Istati Membri. Fil-fatt, dawn l-Istati għandhom ikunu liberi li jadottaw it-taxxi li huma jqisu li huma l-iktar adatti għall-ħtiġijiet tagħhom u li jagħżlu l-vauri taxxabbli li huma jixtiequ, billi jinkludu, fir-regoli fiskali tagħhom, id-dispożizzjonijiet normali u neċessarji relatati mal-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli li huma karatteristika komuni tat-taxxi. Il-fatt li sistema fiskali tissodisfa iktar minn għan wieħed huwa totalment leġittimu.

62      Barra minn hekk, l-argument li fuqu hija bbażata l-ħames parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni huwa żbaljat. Sistema fiskali bbażata fuq l-użu ta’ diversi valuri ta’ tassazzjoni, li tinkludi wkoll dispożizzjonijiet fuq il-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli, ma tistax titqies bħala inkoerenti. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija wettqet analiżi fi tliet stadji hija żbaljata.

63      Fl-aħħar, fir-rigward tas-sitt parti tal-uniku aggravju, il-Government of Gibraltar u r-Renju Unit jikkunsidraw li l-argument tal-Kummissjoni li s-sistema fiskali għandha titqies bħala selettiva minħabba l-fatt li l-ekonomija “off-shore” ma hijiex intaxxata, huwa żbaljat. Fil-fatt, f’kull sistema fiskali, il-kumpanniji li ma għandhomx bażi li tikkorrispondi għal dik iddefinita mis-sistema fiskali nazzjonali ma jħallsux taxxa abbażi ta’ din is-sistema. B’hekk, l-argument tal-Kummissjoni jammonta għal impożizzjoni fuq l-Istati Membri, minkejja s-sovranità fiskali tagħhom, tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni dwar liema huwa l-valur taxxabbli adatt. Is-sempliċi fatt li kumpanniji differenti jħallsu ammonti ta’ taxxa differenti fih innifsu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li r-riforma fiskali proposta hija selettiva.

64      Fir-rigward tat-tmien aggravju mqajjem mir-Renju ta’ Spanja dwar is-selettività materjali ta’ din il-proposta, il-Government of Gibraltar u r-Renju Unit jenfasizzaw, qabel kollox, li s-sempliċi fatt li ċerti kumpanniji ma jħallsux taxxa ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li t-trattament fiskali li huwa rriżervat għalihom huwa selettiv u sabiex jitqies li dawn il-kumpanniji jirċievu għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, id-determinazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu l-bażi fiskali taqa’ taħt is-sovranità fiskali tal-Istati Membri. L-awtoritajiet kompetenti ma humiex b’mod partikolari obbligati jużaw jew id-dħul, jew il-profitti bħala valur taxxabbli. Barra minn hekk, il-Government of Gibraltar u r-Renju Unit jenfasizzaw li l-eżami fi tliet stadji ta’ miżura fiskali, kif previst fl-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa u adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, huwa neċessarju sabiex jiġu identifikati l-vantaġġi selettivi mogħtija minn din il-miżura. Fl-aħħar, fir-rigward tal-affermazzjoni mir-Renju ta’ Spanja li 28 798 kumpannija mid-29 000 kumpannija stabbilita f’Ġibiltà tista’ bis-saħħa tar-riforma fiskali proposta, tikseb effettivmant “rata żero” ta’ tassazzjoni, ir-Renju Unti esprima dubji dwar l-eżattezza ta’ dawn iċ-ċifri. Il-Government of Gibraltar, mingħajr ma ħa speċifikament pożizzjoni fuq din l-affermazzjoni tar-Renju ta’ Spanja, isostni li huwa diffiċli jitqies kemm il-kumpannija ser tibqa’ stabbilita f’Ġibiltà meta din ir-riforma fiskali proposta tiġi implementata u jenfasizza, fir-risposta tiegħu, l-fatt li, fil-preżent, minn 24 000 kumpannija rreġistrata f’Ġibiltà, madwar 3 000 huma kumpanniji “eżenti” taħt is-sistema fiskali preċedenti, madwar 260 huma kumpanniji pubbliċi jew ta’ servizzi finanzjarji u 18 000 huma kumpanniji mhux attivi, li jipposjedu beni.

65      L-Irlanda, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit fil-Kawża C‑106/09 P tqis li l-appell tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli inkwantu dan imur lil hinn mill-elementi żviluppati fid-deċiżjoni kontenzjuża u fis-sentenza appellata. L-Irlanda tqis li, permezz tal-ewwel parti tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni tipprova timponi fuq l-Istati Membri l-oneru tal-prova fir-rigward tal-konformità tan-natura u tal-istruttura tas-sistema fiskali tagħhom mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija tirrimarka li l-Kummissjoni tipprova tibbaża l-argument tagħha f’dan il-qasam fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, filwaqt li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma humiex ibbażati fuq dan il-prinċipju, iżda fuq il-kunċett ta’ kompetizzjoni leali fis-suq komuni. Fir-rigward tal-partijiet l-oħra tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni, l-Irlanda tqis li l-Kummissjoni hija marbuta, skont il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, bl-Avviż tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa. Il-fatt li sistema fiskali titqies bħala intrinsikament diskriminatorja minħabba l-effetti tagħha, mingħajr ma tkun tista’ tiġi identifikata rata ta’ tassazzjoni normali, huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza stabbilita u għas-sovranità fiskali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, ma huwiex, b’mod partikolari, biżżejjed li sistema fiskali tiġi kklassifikata bħala “ibdrida” sabiex jiġi konkluż li l-impriżi ffavoriti minn din is-sistema jirċievu għajnuna mill-Istat.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda, l-uniku aggravju tal-Kummissjoni huwa ammissibbli minħabba li huwa intiż, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-annullament tas-sentenza appellata mingħajr ma huwa intiż sabiex ibiddel l-għan tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, il-Kummissjoni takkuża, għal dan il-għan, lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 87 KE inkwantu hija kkonstatat, b’mod żbaljat, li ebda wieħed mit-tliet elementi identifikati mid-deċiżjoni kontenzjuża bħala selettivi ma jagħti vantaġġi selettivi.

67      Mill-bidu nett għandu jiġi miċħud l-ilment tal-Kummissjoni, imqajjem fil-kuntest tat-tieni parti tal-uniku aggravju tagħha, li permezz tiegħu hija takkuża lill-Qorti Ġenerali li bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq l-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa, li tiegħu hija kisret il-kontenut.

68      Fil-fatt, fir-rigward tar-referiment, fil-punti 143 u 146 tas-sentenza appellata, għal dan l-avviż, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma siltet ebda konsegwenza ta’ fatt jew ta’ liġi minnu, kif jirriżulta mill-użu tal-kliem “kif iddikjarat il-Kummissjoni stess” u “barra minn hekk” użati f’dawn il-punti, iżda hija bbażat ruħha sabiex tissostanzja l-approċċ tagħha, kif espost fil-punti 143 sa 146 tas-sentenza appellata, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u t-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam tat-taxxa bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Kummissjoni intiż kontra dan ir-referimenti fl-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa huwa ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑182/99 P, Ġabra p. I‑10761, punti 54 u 55), b’mod li, f’dan l-istadju, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-kontenut u l-għan ta’ dan l-avviż.

70      Bil-għan li jiġu eżaminati l-uniku aggravju tal-Kummissjoni u t-tmien aggravju tar-Renju ta’ Spanja, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ vantaġġ selettiv fil-qasam tat-taxxa.

71      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju peress li ma jinkludix biss prestazzjonijiet pożittivi, bħalma huma s-sussidji stess, iżda jinkludi wkoll interventi tal-Istat li, f’forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fil-veru sens tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & amp; Peggauer Zementwerke, C‑143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 38; u tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, Ġabra p. I-0000, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Minn dan jirriżulta li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali favorevoli li, għalkemm ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik tal-persuni taxxabbli l-oħra, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 14, u Paint Graphos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73      Għall-kuntrarju, vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kollha ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 22, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I‑5293, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74      Għaldaqstant għandu jiġi ddeterminat jekk ir-riforma fiskali proposta hijiex ta’ natura selettiva, peress illi s-selettività tikkostitwixxi l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra p. I‑7115, punt 54).

75      F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 87(1) KE jirrikjedi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli (sentenzi Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali kisritx l-Artikolu 87(1) KE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi ddeċidiet li ebda wieħed mit-tliet elementi identifikati mid-deċiżjoni kontenzjuża ma jagħti vantaġġi selettivi.

a)     Fuq il-kundizzjoni li jsiru profitti u l-livell tat-tassazzjoni

77      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fir-rigward tal-ewwel żewġ elementi ta’ selettività tal-miżura inkwistjoni identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża jiġifieri l-fatt li taxxa fil-forma ta’ taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT hija dovuta biss inkwantu l-persuna taxxabbli tagħmel profitt u t-tassazzjoni hija limitata skont dawn iż-żewġ valuri taxxabbli għal 15 % tal-profitti, li l-Kumissjoni ma rnexxilhiex turi li dawn l-elementi jagħtu vantaġġi selettivi.

78      Din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

79      Kif ġie mfakkar fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, biss vantaġġi selettivi u mhux vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha jaqgħu taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

80      Issa, il-kundizzjoni li .jsir profitt u l-limitu tat-tassazzjoni tal-profitti huma, fihom infushom, miżuri ġenerali, applikabbli mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kolha u għaldaqstant ma jistgħux jagħtu vantaġġi selettivi.

81      L-affermazzjoni tal-Kummissjoni, li l-kriterju ta’ profitt huwa barranni għal-loġika inerenti ta’ sistema ta’ tassazzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT, ma timplikax li dan il-kriterju, li fih innifsu huwa newtrali, isir selettiv.

82      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-kundizzjoni li jsir profitt u l-limitu ta’ tassazzjoni għal 15 % tal-profitti ma jagħtux vantaġġi selettivi.

83      Fil-fatt, il-vantaġġi allegati mill-Kummissjoni li jirriżultaw minn miżuri applikabbli mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kollha, prinċipalment il-kundizzjoni li jsir profitt, li minnhom jibbenefikaw l-operaturi li ma tantx jagħmlu profitt u dawk li jirriżultaw mil-limitu ta’ tassazjoni li minnhom jibbenefikaw l-operaturi li jagħmlu ħafna profitt, ma jippermettux li s-sistema fiskali eżaminata titqies bħala li tinkludi effetti selettivi. Dawn l-effetti ma humiex tali li jiffavorixxu “ċerti impriżi” jew “ċerti produtturi” skont l-Artikolu 87(1) KE, iżda huma biss il-konsegwenza tal-fatt fortuwitu li l-operatur inkwistjoni jagħmel ftit jew ħafna profitt matul il-perijodu ta’ tassazzjoni

84      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti intiżi kontra l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex turi li l-ewwel żewġ elementi identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri l-kundizzjoni li jsir profitt u l-limitu ta’ tassazzjoni għal 15 % tal-profitti, jagħtu vantaġġi selettivi.

b)     Fuq il-vantaġġi li jibbenefikaw lill-kumpanniji off-shore

85      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 185 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm vantaġġi selettivi għall-kumpanniji “off-shore”. Il-Kummissjoni, billi naqset milli tosserva l-kuntest analitiku dwar id-determinazzjoni tas-selettività tal-miżura fiskali kif espost fil-punti 143 sa 146 tas-sentenza appellata u mfakkar fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, ma rnexxilhiex turi li l-kumpaniji “off-shore”, li min-natura tagħhom stess ma għandhomx preżenza fiżika f’Ġibiltà, jibbenefikaw minn vantaġġi selettivi.

86      Dan ir-raġunament huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi.

87      Fil-fatt, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita li skontha l-Artikolu 87(1) KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom, u għaldaqstant independentament mit-tekniċi użati (ara s-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 85 u 89 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, Ġabra p. I‑0000, punt 51).

88      Issa, l-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tat-teknika leġiżlattiva użata mir-riforma fiskali proposta, ma jippermettix li jiġu eżaminati l-effetti tal-miżura fiskali inkwistjoni u jeskludi a priori kull possibbiltà li jiġi kklassifikat bħala “vantaġġ selettiv” in-nuqqas ta’ kull impożizzjoni għall-kumpanniji “off-shore”. Għaldaqstant, dan l-approċċ imur kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 87 ta’ din is-sentenza.

89      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jmur ukoll kontra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 71 ta’ din is-sentenza li skontha l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv għal impriża jinvolvi t-tnaqqis tal-ispejjeż normalment inklużi fil-baġit tagħha

90      Ċertament, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 56 tas-sentenza tagħha Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li d-determinazzjoni tal-kuntest ta’ referiment għandha importanza ikbar fil-każ ta’ miżuri fiskali għaliex l-eżistenza nnifisha ta’ vantaġġ tista’ tiġi stabbilita biss billi tiġi mqabbla ma’ tassazzjoni msejħa “normali”.

91      Madankollu, kuntrarjament għar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u għall-argument tal-Government of Gibraltar u tar-Renju Unit, din il-ġurisprudenza ma tissuġġettax il-klassifikazzjoni ta’ sistema fiskali bħala “selettiva” għall-fatt li din hija stabbilita b’mod li l-impriżi li jibbenefikaw eventwalment minn vantaġġ selettiv huma, bħala regola ġenerali, suġġetti għall-istess piżijiet fiskali bħall-impriżi l-oħra iżda jibbenefikaw minn regoli derogatorji, b’mod li l-vantaġġ selettiv jista’ jiġi identifikat bħala li huwa d-differenza bejn il-piż fiskali normali u dak sostnut minn dawn l-ewwel impriżi.

92      Fil-fatt din l-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ selettività teħtieġ, kuntrarjament għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, li sabiex tkun tista’ tiġi kklasifikata bħala selettiva sistema fiskali għandha tkun stabbilita skont ċerta teknika leġiżlattiva, fatt li jkollu bħala konsegwenza li regoli fiskali nazzjonali jaqgħu mill-ewwel barra l-istħarriġ fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat minħabba s-sempliċi fatt li dawn ġew adottati taħt teknika leġiżlattiva oħra minkejja li dawn jipproduċu, fid-dritt u/jew fil-fatt, l-istess effetti.

93      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari fir-rigward ta’ sistema fiskali li, bħal f’dan il-każ, minflok ma tistabbilixxi regoli ġenerali għall-imrpiżi kollha, li minnhom issir deroga favur ċerti impriżi, tilħaq riżultat identiku billi taġġusta u billi tgħaqqad ir-regoli fiskali b’mod li l-applikazzjoni stess tagħhom twassal għal piż fiksali differenti għall-impriżi differenti.

94      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 184 sa 186 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkritikat lill-Kummissjoni li ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv għall-kumpanniji off-shore, minħabba li naqset milli tidentifika, fid-deċiżjoni kontenzjuża, kuntest ta’ riferiment li fir-rigward tiegħu l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv tista’ tiġi stabbilita.

95      Fil-fatt, f’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fir-rigward tal-punti 143, 144 u 150 tad-deċiżjoni kontenzjuża, minn dawn il-punti jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi għall-kumpanniji “off-shore” fir-rigward tas-sistema fiskali inkwistjoni li tapplika formalment għall-impriżi kollha. Jidher għaldaqstant li d-deċiżjoni kontenzjuża tidentifika din is-sistema bħala l-kuntest ta’ riferiment li fir-rigward tiegħu l-kumpanniji “off-shore” huma, fil-fatt, iffavorizzati.

96      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, uriet skont kif meħtieġ mil-liġi, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kumpanniji “off-shore” jibbenefikaw, fir-rigward ta’ dan il-kuntest ta’ riferiment, minn vantaġġi selettivi skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 75 ta’ din is-sentenza.

97      Ċertament, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar dan, l-indikazzjoni tal-valuri taxxabbli u t-tqassim tal-piż fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri jew l-entitajiet infrastatali li għandhom awtonomija fiskali, hekk kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 146 tas-sentenza appellata.

98      Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa s-sistema inkwistjoni fl-intier tagħha u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tas-sistema inkwistjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża.

99      Għal dan il-għan, għandhom jiġu mfakkra l-karatteristiċi stabbiliti tas-sistema inkwistjoni, kif deskritta fil-punti 21 sa 25 tas-sentenza appellata.

100    Din is-sistema hija kkaratterizzata, min-naħa, mit-tgħaqid tat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT bħala l-uniċi valuri taxxabbli, flimkien mal-kundizzjoni li jsir profitt li t-tassazzjoni tiegħu hija limitata għal 15 % u, min-naħa l-oħra, min-nuqqas ta’ valur taxxabbli ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprevedi tassazzjoni tal-kumpanniji kollha koperti minn din is-sistema.

101    Fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ din is-sistema, imfakkra fil-punt preċedenti, jidher li s-sistema kontenzjuża, billi tgħaqqad dawn il-valuri taxxabbli, anki jekk dawn huma bbażati fuq kriterji li huma, fihom infushom, ta’ natura ġenerali, fil-fatt, tagħmel diskriminazzjoni bejn kumpanniji li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan tar-riforma fiskali proposta, jiġifieri dak li tiġi introdotta sistema ġenerali ta’ tassazzjoni għall-kumpanniji kollha stabbiliti f’Ġibiltà.

102    Għaldaqstant, it-tgħaqid ta’ dawn il-valuri taxxabbli ma jirriżultax biss f’tassazzjoni skont in-numru ta’ impjegati u d-daqs tal-proprjetà tan-negozju okkupata, iżda jeskludi mill-ewwel minn kull tassazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ valuri taxxabbli oħra, lill-kumpanniji “off-shore” minħabba l-fatt li huma ma għandhomx impjegati u lanqas ma jokkupaw proprjetà tan-negozju.

103    Ċertament, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, piż fiskali differenti li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ sistema fiskali “ġenerali” ma jistax ikun biżżejjed, fih innifsu, biex jistabbilixxi s-selettività ta’ tassazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 87(1) KE.

104    Għaldaqstant, il-kriterji li jikkostitwixxu l-valur taxxabbli adottati minn sistema fiskali għandhom ukoll ikunu, sabiex jiġu rikonoxxuti bħala li jagħtu vantaġġi selettivi, ta’ natura li jikkaratterizzaw l-impriżi benefiċjarji, abbażi tal-proprjetajiet speċifiċi għalihom, bħala kategorija pprivileġġjata, u b’hekk jippermettu l-klassifikazzjoni ta’ tali sistema bħala li tiffavorixxi “ċerti” impriżi jew “ċerti” produtturi skont l-Artikolu 87(1) KE.

105    Issa, dan huwa preċiżament il-każ f’dan il-każ.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-kumpanniji “off-shore” ma humiex intaxxati ma huwiex konsegwenza fortuwita tas-sistema inkwistjoni, iżda l-konsegwenza inevitabbli tal-fatt li l-valuri taxxabbli huma preċiżament maħsuba b’mod li l-kumpanniji “off-shore” li, min-natura tagħhom, ma għandhomx impjegati u ma jokkupawx proprjetà tan-negozju, ma għandhomx il-bażi fiskali fis-sens tal-valuri taxxabbli adottati fir-riforma fiskali proposta.

107    Għaldaqstant, il-fatt li l-kumpanniji “off-shore”, li jikkostitwixxu fir-rigward tal-valuri taxxabbli adottati fir-riforma fiskali proposta grupp ta’ kumpanniji, ma humiex intaxxati preċiżament minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-grupp, jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn il-kumpanniji jibbenefikaw minn vantaġġi selettivi.

108    Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonstatat li r-riforma fiskali proposta ma tagħtix vantaġġi selettivi, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, lill-kumpanniji “off-shore”.

109    Għaldaqstant, l-uniku aggravju tal-Kummissjon u t-tmien aggravju tar-Renju ta’ Spanja huma fondati fuq dan il-punt, b’mod li hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata f’dan il-kap.

110    Minn dan jirriżulta li ma hemmx iktar lok li jiġu eżaminati l-ewwel seba’ aggravji u d-disa’ aggravju tar-Renju ta’ Spanja, dwar is-selettività reġjonali u l-istatus ta’ Ġibiltà. Lanqas ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-għaxar u l-ħdax-il aggravju ta’ dan l-Istat Membru, relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

VII –  Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

111    Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi l-kawża definittivament, meta din tkun fi stadju li tiġi deċiża.

112    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ppreżentati mir-rikorrenti fl-ewwel instanza huma fi stadju li jiġu deċiżi u li hemm lok li tittieħed deċiżjoni definittiva dwarhom.

113    Għaldaqstant hemm lok li jiġu eżaminati r-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali mill-Government of Gibraltar u mir-Renju Unit.

114    Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza invokaw, essenzjalment, tliet motivi. L-ewwel motiv u t-tieni motiv li jinqasam fi tliet partijiet huma bbażati fuq żbalji dwar l-applikazzjoni, rispettivament, tal-kriterju ta’ selettività reġjonali u tal-kriterju ta’ selettività materjali. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-forom sostanzjali fil-kuntest tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni dwar il-kumpanniji “off-shore”. Dan l-aħħar motiv jinqasam f’żewġ partijiet, l-ewwel parti, dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża, hija invokata kemm mill-Government of Gibraltar kif ukoll mir-Renju Unit u t-tieni parti, dwar żball ta’ motivazzjoni, hija mqajma biss mill-Government of Gibraltar.

115    L-ewwel nett, hemm lok li jiġu ttrattati t-tliet partijiet tat-tieni motiv dwar is-selettività materjali kif ukoll it-tieni parti tat-tielet motiv tal-Government of Gibraltar ibbażat ukoll fuq element relatat mas-selettività materjali. It-tieni nett, hemm lok li tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-tielet motiv dwar id-drittijiet tad-difiża. Fl-aħħar nett, hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ewwel motiv dwar is-selettività reġjonali.

A –  Fuq it-tieni motiv tal-Government of Gibraltar u tar-Renju Unit u t-tieni parti tat-tielet motiv tal-Government of Gibraltar

116    It-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, dwar is-selettività materjali, jinkludi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, dawn ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma segwietx il-prassi deċiżjonali tagħha u l-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa. Permezz tat-tieni parti, li hija l-unika parti li fir-rigward tagħha s-sentenza appellata tiddeċiedi, dawn ir-rikorrenti jsostnu li ebda wieħed mit-tliet elementi identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża ma jagħti vantaġġi selettivi. Fl-aħħar, it-tielet parti hija intiża sabiex turi li l-imsemmija deċiżjoni ma qiesitx il-fatt li vantaġġi seletttivi eventwali huma, f’kull każ, iġġustifikati min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali inkwistjoni. Permezz tat-tieni parti tat-tielet motiv tiegħu, il-Government of Gibraltar jinvoka żball ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

1.     Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

117    Fir-rigward tal-ilmenti mressqa fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, dwar il-klassifikazzjoni tat-tliet elementi identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi mfakkar li mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 86 sa 110 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 87(1) KE billi qieset, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li s-sistema fiskali inkwistjoni tagħti vantaġġi selettivi.

118    Fil-fatt, għalkemm jirriżulta mill-punti 77 sa 84 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi kkonludiet li l-ewwel żewġ elementi identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri l-kundizzjoni li jsir profitt u l-limitu tat-tassazzjoni għal 15 % tal-profitti, ma jagħtux vantaġġi selettivi, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fir-rigward tat-tielet element identifikat fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar it-trattament fiskali tal-kumpanniji “off-shore”, li dawn il-kumpanniji jibbenefikaw minn tali vantaġġi.

119    Issa, għalkemm mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li s-sistema fiskali inkwistjoni tagħti vantaġġi selettivi, din il-konklużjoni hija ġġustifikata skont kif meħtieġ mil-liġi bl-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi għal kumpanniji “off-shore”, mingħajr ma huwa neċessarju li, barra minn hekk, iż-żewġ elementi l-oħra identifikati f’din id-deċiżjoni bħala selettiivi jagħtu wkoll vantaġġi selettivi (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra p. I‑10901, punt 98). Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv hija ineffettiva

120    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv tal-Government of Gibraltar u tar-Renju Unit imressqa fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv imqajjem mill-Government of Gibraltar

121    Qabel kollox, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tielet motiv tal-Government of Gibraltar, ibbażata fuq żball ta’ motivazzjoni inkwantu l-Kummissjoni ma ppreċiżatx liema kumpanniji jifformaw is-“settur ‘off-shore’ kbir” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li l-punt 143 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirreferi għalih, peress li ma indikatx kumpannija individwali, numru ta’ impriżi individwali jew settur ekonomiku li allegatament jibbenefikaw mir-riforma fiskali proposta.

122    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista’, f’każ ta’ skema ta’ għajnuna, tillimita ruħha teżamina l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma hija obbligata teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari, sabiex tivverifika jekk din l-iskema tinkludix elementi ta’ għajnuna (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑0000, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

3.     Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

a)     L-argumenti tal-partijiet

123    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza jilmentaw li l-Kummissjoni ma segwietx, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa. Il-Government of Gibraltar jsostni barra minn hekk li din id-deċiżjoni ma hijiex konformi mal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

124    Fir-rigward tal-għan tal-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa, ir-rikorrenti jsostnu li mill-punt 13 ta’ dan l-avviż jirriżulta li l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jagħżlu l-politika ekonomika li jqisu l-iktar adatta u, b’mod partikolari, li jaqsmu kif huma jidrilhom xieraq il-piż fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni. Barra minn hekk, skont il-punti 9 u 16 ta’ dan l-avviż, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tistabbilixxi li miżura fiskali tipprevedi, favur ċerti impriżi tal-Istati Membri, eċċezzjoni għall-applikabbiltà tas-sistema fiskali, li jimplika li qabel kollox għandha tiġi stabbilita s-sistema komuni applikabbli li sussegwentement issir deroga minnha. Fl-aħħar, skont il-punt 14 ta’ dan l-avviż, il-fatt li ċerti impriżi jew ċerti setturi jibbenefikaw iktar minn oħrajn minn ċerta miżura fiskali ma jfissirx li din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

125    L-approċċ adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-vantaġġi li minnhom jibbenefikaw il-kumpanniji “off-shore” huwa inkonċiljabbli mal-orjentament li jirriżulta minn dan l-avviż. Billi ma segwietx dan l-istess avviż, il-Kummissjoni ksiret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

126    Insostenn tal-ilment, imqajjem biss mill-Government of Gibralta, li l-Kummissjoni żviluppat prinċipju ġdid ta’ selettività materjali mhux konformi mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, dan ir-rikorrent jelenka xi deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

127    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti fl-ewwel istanza qraw ħażin l-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa. Hija ssostni wkoll li hija ma dderogatx mill-prassi deċiżjonali tagħha u li l-approċċ adottat fid-deċiżjoni kontenzjuża huwa konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

128    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ilment li l-Kummissjoni ma segwietx, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa, għandu jiġi mfakkar li dan l-avviż, li, bħala miżura ta’ organizzazzjoni interna adottata mill-amministrazzjoni, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala regola tad-dritt, madankollu jistabbilixxi regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li din tal-aħħar ma tistax titbiegħed minnha, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, fir-rigward tal-linji gwida fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, Ġabra p. I‑0000, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni effettivament ma segwietx, f’dak li jikkonċerna l-eżami tas-selettività tas-sistema inkwistjoni, dan l-avviż.

130    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fl-ewwel istanza, il-punt 13 ta’ dan l-avviż ma jistax jinftiehem bħala li jeżenta minn kull stħarriġ fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat is-setgħa tal-Istati Membri li jaqsmu l-piż fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni. Fil-fatt, dan il-punt 13 jippreċiża biss li “l-miżuri fiksali miftuħa għall-aġenti ekonomiċi kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat filwaqt li, f’dan il-każ, il-vantaġġi fiskali li minnhom jibbenefikaw il-kumpanniji “off-shore” ma humiex effettivament miftuħa għall-aġenti ekonomiċi kollha, kif jirriżulta mill-punt 102 ta’ din is-sentenza.

131    Sussegwentement, fir-rigward tal-punti 9 u 16 tal-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fl-ewwel istanza, minn dawn il-punti ma jirriżultax li l-eżistenza ta’ vantaġġi tista’ tiġi stabbilita biss bil-konstatazzjoni ta’ deroga minn sistema normali ta’ tassazzjoni

132    Fil-fatt, minn naħa, dan il-punt 9 jagħti biss eżempji ta’ vantaġġi selettivi li huma komuni ħafna. Min-naħa l-oħra, il-punt 16 jippreċiża li vantaġġi li jirriżultaw minn miżura apparentament ġenerali jistgħu xorta waħda jiġu rikonoxxuti bħala selettivi. Din il-konklużjoni hija kkorraborata mill-punt 13 ta’ dan l-avviż, li huwa l-ewwel punt li jitratta d-distinzjoni bejn l-għajnuna mill-Istat u l-miżuri ġenerali u li jindika b’mod ċar li dawn tal-aħħar għandhom ikunu “effettivament miftuħa għall-impriżi kollha fuq bażi ta’ aċċess ugwali u [li] l-għan tagħhoma ma jistax ikun de facto mnaqqas” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

133    Fl-aħħar, l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, li l-Kummissjoni ma segwietx l-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa, ma huwiex sostnut fil-punt 14 ta’ dan l-avviż. Mill-kliem “ma jfissirx neċessarjament li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], diġà jirriżulta li dan il-punt ma huwiex intiż sabiex jeskludi b’mod kategoriku ċerti miżuri mill-applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat.

134    Għaldaqstant, l-ilment li l-Kummissjoni ma segwietx, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa, għandu jiġi miċħud.

135    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-ilment imqajjem mill-Government of Gibraltar li l-Kummissjoni dderogat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, mill-prassi deċiżjonali tagħha.

136    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 87(1) KE, li għandha tiġi evalwata n-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ ċerta miżura u mhux fid-dawl ta’ allegata prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, C‑459/10 P, punt 50).

137    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

4.     Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv

a)     L-argumenti tal-partijiet

138    Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE billi ma kkunsidratx li l-vantaġġ selettiv favur kumpanniji “off-shore” kien iġġustifikat minn natura u mill-istruttura tas-sistema.

139    Skont dawn ir-rikorrenti, il-karatteristiċi tar-riforma fiskali proposta jirriflettu l-eżistenza ta’ amministrazzjoni tat-taxxa neċessarjament żgħira f’Ġibiltà kif ukoll il-bażi fiskali żgħira ta’ Ġibiltà li timponi limiti inevitabbli u inerenti għall-funzjonament u għall-effikaċja tas-sistema fiskali ta’ Ġibiltà

140    L-użu tal-impjieg u tal-okkuppazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju bħala valuri taxxabbli hija għażla loġika fir-rigward tal-karatterisitiċi speċifiċi ta’ Gibiltà peress li tali sistema fiskali twassal għal taxxa sempliċi u li faċilment tista’ tiġi kkontrollata, mhux ta’ spiża kbira biex tinġabar u simili għat-taxxi l-oħra li l-amministrazzjoni tat-taxxa żgħira ta’ Ġibiltà normalment tiġbor. Il-Government of Gibraltar jsostni wkoll li r-riforma fiskali proposta għandha bħala konsegwenza li l-kumpanniji kummerċjali kollha jkunu intaxxati. Il-fatt li kumpanniji mhux kummerċjali, li għandhom biss assi, ma jkunux intaxxati jikkorrispondi għar-regola fil-qasam tas-sistemi fiskali.

141    Skont il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, il-vantaġġi selettivi li jibbenefikaw minnhom il-kumpanniji “off-shore” ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn natura u mill-istruttura ġenerali tar-riforma fiskali proposta, peress li din tikkonsisti, minn natura tagħha stess, fil-ħolqien ta’ sistema li, de facto, tistabbilixxi rati ta’ tassazzjoni differenti għad-diversi tipi ta’ impriżi.

142    Għalkemm ir-riforma fiskali proposta tista’ tirrappreżenta għażla strateġika raġonevoli tal-Government of Gibraltar din xorta waħda hija ta’ natura selettiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ma jispjegawx sa liema estent huwa neċessarju, sabiex tiġi evitata tassazzjoni eċċessiva ta’ numru ta’ impriżi żgħar, li xi wħud minn dawn l-impriżi jiġu intaxxati bl-esklużjoni ta’ oħrajn, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva ta’ dawn l-impriżi. Fir-rigward tal-argument li l-Government of Gibraltar kellu bżonn ikollu taxxa sempliċi, li malajr tista’ tiġi vverifikata, dan ma jistax jiġġustifika li numru kbir ta’ kumpanniji f’Ġibiltà huma eżenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

143    Sabiex tiġi evalwata t-tielet parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti fl-ewwel istanza għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tittrattax il-kwistjoni tal-eventwali ġustifikazzjoni minn natura u l-istruttura tas-sistema fiskali għall-vantaġġ li minnu jibbenefikaw il-kumpanniji “off-shore”.

144    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex tieħu pożizzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, fuq eventwali ġustifikazzjoni minn natura u l-istruttura tas-sistema fiskali għall-vantaġġ selettiv li minnu jibbenefikaw il-kumpanniji “off-shore”.

145    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi u li huma, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li huma jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 42, u Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, punt 52 kif ukoll British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 83).

146    Huwa l-Istat Membru, li introduċa din id-differenzazzjoni bejn l-impriżi fir-rigward tal-ispejjeż, li għandu juri li din hija effettivament iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni C‑159/01, Ġabra p. I‑4461, punt 43, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

147    Stat Membru li jitlob li jkun jista’ jagħti għajuna b’deroga mir-regoli tat-Trattat għandu d-dmir jikkollabora mal-Kummissjoni. Abbażi ta’ dan id-dmir huwa għandu, b’mod partikolari jipprovdi l-elementi kollha tali li jippermettu lil din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonjiet tad-deroga mitluba huma ssodisfatti (ara s-sentenzi tat-28 ta’ April 1993, L-Italja vs Il-Kummissjoni C‑364/90, Ġabra p. I‑2097, punt 20, u tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra p. I‑3679, punt 81).

148    Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-elementi kollha li hija għandha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 62).

149    Issa, f’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, minn naħa, ir-Renju Unit ma invokax, la fin-notifika tar-riforma fiskali proposta u lanqas fil-fażi ta’ investigazzjoni formali tagħha, ġustifikazzjoni fir-rigward tal-vantaġġi selettivi li minnhom jibbenefikaw il-kumpanniji “off-shore”. Fil-fatt huwa paċifiku li matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tar-riforma fiskali proposta, r-Renju Unit ma ħax pożizzjoni fuq l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja dwar dawn il-vantaġġi.

150     Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza lanqas ma sostnew fir-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li abbażi tagħhom hija kien imissha investigat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ġustifikazzjoni eventwali għall-vantaġġ selettiv li minnu bbenefikaw il-kumpanniji “off-shore”.

151    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kellhiex lok tinvestiga ġustifikazzjoni eventwali min-natura u l-istruttura tas-sistema fiskali ta’ vantaġġi selettivi favur il-kumpanniji “off-shore”, b’mod li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma ttrattatx dan il-punt fid-deċiżjoni kontenzjuża.

152    F’dawn il-kundizzjonijiet l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE billi ma kkunsidratx li l-vantaġġ selettiv favur kumpanniji “off-shore” kien iġġustifikat min-natura u l-istruttura tas-sistema għandu jiġi miċħud

153    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

154    Fid-dawl ta’ kull ma ntqal preċedentement, hemm lok li t-tieni motiv fl-intier tiegħu u t-tieni parti tat-tielet motiv invokata mill-Government of Gibraltar, jiġu miċħuda.

B –  Fuq it-tielet motiv tar-Renju Unit u l-ewwel parti tat-tielet motiv tal-Government of Gibraltar, ibbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

155    Ir-Renju Unit u l-Government of Gibraltar jsostnu, wieħed permezz tat-tielet motiv tiegħu u l-ieħor permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv tiegħu, imqajma quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

1.     L-argumenti tal-partijiet

156    Il-Government of Gibraltar u r-Renju Unit jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom inkwantu hija qajmet għall-ewwel darba, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-kwistjoni tas-selettività materjali mill-perspettiva tat-trattament allegatament vantaġġuż tal-kumpanniji “off-shore”, peress li din il-kwistjoni hija ta’ natura differenti minn dawk li ġew analizzati fl-evalwazzjoni preliminari, imwettqa fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

157    Issa, waqt it-twettiq tal-proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-aspettattivi leġittimi li l-indikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali setgħu nisslu, li jimplika li hija ma tibbażax id-deċiżjoni finali tagħha fuq kunsiderazzjonijiet li fir-rigward tagħhom, fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, il-partijiet interessati ma jqisux li għandhom jieħdu pożizzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza jirreferu b’mod partikolari għall-punt 126 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni (T‑6/99, Ġabra p. II‑1523), u għall-punt 88 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (T‑176/01, Ġabra p. II‑3931).

158    La l-kwistjoni indirizzata mir-Renju Unit fil-punt 60(f) ta’ din id-deċiżjoni, dwar il-kumpanniji li ma jagħmlu ebda profitt jew li ma għandhomx impjegati, u lanqas il-fatt li r-Renju ta’ Spanja rrefera, fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għas-settur tal-“off-shore” ma ppermettew lill-Government of Gibraltar u lir-Renju Unit jippreżumu li l-Kummissjoni kienet ser teżamina s-selettività materjali wkoll mill-perspettiva tat-trattament tal-kumpanniji “off-shore”.

159    Fil-fatt min-naħa, din il-kwistjoni ma kinitx marbuta mal-analiżi ddettaljata tar-riforma fiskali proposta li tinsab fil-punti 2 sa 59 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Min-naħa l-oħra, il-kummenti tar-Renju ta’ Spanja kienu ta’ natura purament formali u l-Kummissjoni, fl-ebda moment, ma ssuġġeriet li hija qieset dan l-element bħala rilevanti għall-investigazzjoni tagħha.

160    Jekk il-Kummissjoni kienet debitament ġibdet l-attenzjoni tagħhom għall-aspett tat-trattament fiskali tal-kumpanniji “off-shore”, il-proċedura ta’ investigazzjoni setgħet twassal għal riżultat differenti.

161    Il-Kummissjoni sostnuta mir-Renju ta’ Spajna, tqis li d-drittijiet tad-difiża tal-Government of Gibraltar u tar-Renju Unit ma ġewx miksura.

162    Hija ssostni, prinċipalment, li l-kwistjoni tan-natura selettiva tat-tassazzjoni tal-kumpanniji “off-shore” ġiet imqajma, kemm fil-punt 60(f) tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kif ukoll mir-Renju ta’ Spanja fl-osservazzjonijiet tiegħu sottomessi fir-rigward tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li fuqhom il-Government of Gibraltar u r-Renju Unit kellhom il-possibbiltà jesprimu ruħhom.

163    Il-Kummissjoni tqis, sussidjarjament, li r-riżultat tal-proċedura ma kinitx tkun differenti, anki jekk id-drittijiet tad-difiża tal-Government of Gibraltar u tar-Renju Unit kienu ġew miksura.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

164    L-ewwel nett għandu jiġi eżaminat jekk id-drittijiet tad-difiża tar-Renju Unit ġewx miksura.

165    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE, jeħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-possibbiltà li jagħti b’mod utli l-opinjoni tiegħu fuq ir-realtà u fuq ir-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti miksuba mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il-Kummissjoni, 40/85, Ġabra p. 2321, punt 28, u Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, Ġabra p 2263, punt 27) kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet ippreżentati minn terzi interessati, skont l-Artikolu 88(2) KE. Sa fejn l-Istat Membru ma ngħatax il-possibbiltà li jikkummenta dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tużahom fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 30; tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 47, u tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 100).

166    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, huwa paċifiku li r-Renju Unit kellu l-possibbiltà jagħti l-opinjoni tiegħu fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet ippreżentati minn terzi interessati, bħal f’dan il-każ dawk tar-Renju ta’ Spanja, b’mod li l-obbligi li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ġew osservati.

167    Sa fejn ir-Renju Unit isostni li huwa ma setax b’mod utli jagħti l-opinjoni tiegħu, għaliex, minn naħa, l-evalwazzjoni preliminari magħmula fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kinitx tinkludi kunsiderazzjonijiet dwar il-kumpanniji “off-shore” u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, fid-diskussjonijiet tagħha mal-Government of Gibraltar u mar-Renju Unit matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ma kinitx ippreċiżat li hija kienet tqis li l-kumpanniji “off-shore” kienu jibbenefikaw minn vantaġġi selettivi, l-argument tiegħu ma jistax ikun validu.

168    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-fatt li l-evalwazzjoni preliminari ma kinitx tinkludi kunsiderazzjonijiet fuq il-kumpanniji “off-shore”, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-Kummissjoni hija obbligata tifformula b’mod ċar id-dubji tagħha fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna meta hija tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, sbaiex tippermetti lill-Istat Membru u lill-persuni interessati jwieġbu għalihom bl-aħjar mod (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, C‑49/05 P, punt 92).

169    Madankollu, is-sempliċi fatt li l-evalwazzjoni preliminari tar-riforma fiskali proposta nnotifikata ma kinitx tinkludi kunsiderazzjonijiet fuq il-kumpanniji “off-shore” ma jistax jikkostitwixxi element li jista’ jnissel, fir-rigward tar-Renju Unit, l-aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni ser tillimita l-investigazzjoni tagħha għall-aspetti biss ikkunsidrati fl-imsemmija evalwazzjonijiet preliminari. Bl-istess mod, dan il-fatt lanqas ma jimplika li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tifformula b’mod ċar id-dubji tagħha.

170    Fil-fatt, qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ formali kienet tinkludi, fil-punt 60(f) tagħha, kwistjonijiet dwar preċiżament dan is-settur, u dan anki jekk il-kelma “off-shore” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma ntużatx.

171    Għaldaqstant, ir-Renju Unit kien biżżejjed avżat, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura nnifisha, li l-investigazzjoni ddettaljata, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tar-riforma fiskali proposta, tista’ wkoll tikkonċerna s-setturi li, peress li ma għandhomx impjegati u ma għandhomx bżonn jokkupaw proprejtà, jevitaw b’hekk din it-tassazzjoni.

172    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-evalwazzjoni inkluża, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali hija biss “stima [evalwazzjoni] preliminari”, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li timmarka l-bidu tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni u li timplika fuq kollox il-possibbiltà għall-persuni interessati li jagħtu b’mod utli l-opinjoni tagħhom.

173    Sabiex b’mod partikolari tiġi żgurata l-utilità ta’ din il-possibbiltà, il-Kummissjoni ma tistax tiġi impedita, fid-deċiżjoni finali tagħha wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, milli tikkompleta l-evalwazzjoni “preliminari” tagħha billi tadotta l-opinjoni espressa minn dawn il-persuni interessati.

174    F’dawn il-kundizzjonijiet hemm lok li jiġi konkluż li l-fatt biss li l-evalwazzjoni preliminari tar-riforma fiskali proposta nnotifikata ma kinitx tinkludi kunsiderazzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ kumpanniji “off-shore” ma jwassalx għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Renju Unit.

175    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsosnti r-Renju Unit, l-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jinkludux biss argumenti ta’ natura purament fattwali, iżda huma preċiżament intiżi sabiex juru li r-riforma fiskali proposta nnotifikata hija wkoll selettiva inkwantu tagħti vantaġġ lill-kumpanniji “off-shore” li jibbenefikaw minn eżenzjoni minn kull taxxa.

176    Il-Kummissjoni kkomunikat dawn l-osservazzjonijiet lir-Renju Unit, li fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Frar 2003, indika l-kummenti tiegħu mingħajr madankollu ma ħa pożizzjoni dwar il-kumpanniji “off-shore”.

177    Ir-Renju Unit, billi jsostni li huwa ma setax b’mod utli jgħarraf l-opinjoni tiegħu minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma ssuġġerietx li hija tat importanza lill-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, jadotta argument li jwassal sabiex iqiegħed lill-Kummissjoni fl-obbligu li tieħu pożizzjoni, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fuq il-kummenti riċevuti mill-partijiet interessati.

178    Issa, l-eżistenza ta’ tali obbligu ma jirriżultax mir-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament jimponi biss fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tikkomunika lill-Istat Membru kkonċernat l-osservazzjonijiet li hija rċeviet matul il-proċedura formali, obbligu li f’dan il-każ il-Kummissjoni kompletament osservat.

179    Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet motiv tar-Renju Unit ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk, fin-nuqqas tal-irregolarità allegata, il-proċedura setgħetx twassal għal riżultat differenti, kundizzjoni neċessarja sabiex ksur tad-drttijiet tad-difiża jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Franza vs Il-Kummissjoni, punt 31; tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 48 u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 101).

180    Fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża tal-Government of Gibraltar, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li dan kellu l-oppoprtunità jissottometti kummenti lill-Kummissjoni, possibbiltà li huwa uża. Sa fejn il-Government of Gibraltar iressaq, essenzjalment, l-istess argumenti bħar-Renju Unit, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li d-drittjiet tad-difiża ta’ dan l-Istat Membru ma ġewx miksura u għalhekk l-istess japplika fir-rigward ta’ dawk tal-Govenment of Gibraltar. Fil-fatt, id-drittijiet proċedurali tal-Government of Gibraltar huma, f’kull każ, inqas estiżi minn dawk tar-Renju Unit inkwantu Stat Membru kkonċernat fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 88(2) KE.

181    F’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-persuni interessati, bħal f’dan il-każ il-Governement of Gibraltar, minbarra l-Istat Membru kkonċernat għandhom, fil-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, biss il-possibbiltà li jibagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni meħtieġa sabiex tgħin lil din tal-aħħar fl-azzjoni futura tagħha u huma ma jistgħux huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni bl-istess mod kif offrut lil dan l-Istat Membru (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, kif ukoll tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punti 80 u 82).

182    Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok li t-tielet motiv tar-Renju Unit u l-ewwel part tat-tielet motiv tal-Government of Gibraltar jiġu miċħuda bħala mhux fondati

C –  Fuq l-ewwel motiv dwar is-selettività reġjonali

183    Permezz tal-ewwel motiv tagħhom ir-rikorrenti fl-ewwel istanza jsostnu li d-deċiżjoni kontenzjuża kisret l-Artikolu 87(1) KE sa fejn din ikkonkludiet li r-riforma fiskali proposta kienet reġjonalment selettiva

184    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mill-punti 86 sa 108 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-riforma fiskali proposta hija materjalment selettiva sa fejn din tagħti vantaġġi selettivi lill-kumpanniji “off-shore”.

185    Din il-konstatazzjoni tippermetti, waħeda, li jiġi ġġustifikat id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża, li skontu r-riforma fiskali proposta tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE, li r-Renju Unit ma huwiex awtorizzat jimplementa.

186    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv tar-rikorrenti, dwar is-selettività reġjonali, sa fejn dan ma jikkonfutax l-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi materjali, ma jistax iwassal għall-annullament, anki parzjali, tad-deċiżjoni kontenzjuża (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1998, Antilles néerlandaises vs Il-Kunsill, C‑159/98 P(R), Ġabra p. I‑4147, punt 111).

187    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ewwel motiv, anki fuq il-preżunzjoni li huwa fondat, ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u li dan huwa għaldaqstant ineffettiv.

188    Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok li jiġu miċħuda fl-intier tagħhom ir-rikorsi ppreżentati mill-Government of Gibraltar u mir-Renju Unit.

VIII –  Fuq l-ispejjeż

189    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, jipprevedi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) jipprevedi Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

190    Peress li l-appelli tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja ġew milqugħ u r-rikors tal-Government of Gibraltar u tar-Renju Unit kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ġew miċħuda, hemm lok, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja, li l-Government of Gibraltar u r-Renju Unit jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni u mir-Renju ta’ Spanja fil-każ ta’ dawn l-appelli kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza.

191    Ir-Renju ta’ Spanja u l-Irlanda, bħala intervenjenti, rispettivament quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Diċembru 2008, Government of Gibraltar u r-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni (T‑211/04 u T‑215/04), hija annullata.

2)      Ir-rikors tal-Government of Gibraltar u r-rikors tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huma miċħuda.

3)      Il-Government of Gibraltar u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Renju ta’ Spanja fil-każ ta’ dawn l-appelli kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fl-ewwel istanza.

4)      Ir-Renju ta’ Spanja u l-Irlanda, bħala intervenjenti, rispettivament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.