Language of document : ECLI:EU:T:2012:478

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Settembru 2012 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Stħarriġ konġunt – Multi – Ċirkustanzi aggravanti – Rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej – Reċidiva – Tul tal-ksur – Drittijiet tad-difiża – Ġurisdizzjoni sħiħa – Aġir tal-impriża waqt il-proċedura amministrattiva”

Fil-Kawża T‑343/06,

Shell Petroleum NV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi),

The Shell Transport and Trading Company Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati inizjalment minn O. Brouwer, W. Knibbeler u S. Verschuur, sussegwentement minn Brouwer, Knibbeler u P. van den Berg, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, bħala aġent, assistit minn L. Gyselen, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)] sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tal-25 ta’ Mejju 2011 u tas-26 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Ir-rikorrenti

1        Sal-2005, il-grupp Shell, li jinkludi kumpanniji mis-settur tal-enerġija u tal-petrokimika fuq livell dinji, kien proprjetà ta’ żewġ kumpanniji parent tal-grupp, Koninklijke Nederlandsche Petroleum Maatschappij NV (iktar ’il quddiem “KNPM”) u The Shell Transport and Trading Company plc (iktar ’il quddiem “STT plc”). Huma kienu jżommu, rispettivament, madwar 60 % u 40 %, tal-kumpannija The Shell Petroleum Company Ltd (iktar ’il qudduem “SPCo”) kollha u tal-kumpannija Shell Petroleum NV (iktar ’il quddiem “SPNV”) kollha, kumpannija holding li hija nnifisha kienet tinsab fil-pussess tal-ishma kollha ta’ Shell Nederland BV. Din tal-aħħar kienet 100 % proprjetarja tal-kumpannija Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV (iktar ’il quddiem “SNV”), li hija l-entità ġuridika tal-grupp Shell inkarigata mill-kummerċjalizzazzjoni tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-kumpannija Shell International BV, li s-sede tagħha hija fil-Pajjiżi l-Baxxi, hija waħda mill-kumpanniji tal-grupp inkarigat milli jipprovdi sostenn lill-grupp kollu, lill-kumpanniji holding u lill-kumpanniji operattivi tagħha, b’mod partikolari fil-qasam ġuridiku.

2        Fl-20 ta’ Lulju 2005, il-kumpannija Royal Dutch Shell plc, li s-sede tagħha hija f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), akkwistat l-azzjonijiet kollha taż-żewġ kumpanniji parent tal-grupp, KNPM u STT plc. KNPM ġiet kollha kemm hi assorbita mill-kumpannija SPNV u ma teżistix iżjed bħala entità ġuridika. Il-kumpannija parent Royal Dutch Shell plc iżżomm attwalment kważi l-azzjonijiet kollha ta’ SPNV, li fir-rigward tagħha tibqa’ tinsab fil-pussess ta’ kważi l-ishma kollha ta’ Shell Nederland u kważi l-ishma kollha ta’ The Shell Transport and Trading Company Ltd (iktar ’il quddiem “STT”), li ssuċċedied lil STT plc. Shell Nederland għadha sa llum 100 % kumpannija parent ta’ SNV.

2.     Il-proċedura amministrattiva

3        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2002, il-kumpannija British Petroleum (iktar ’il quddiem “BP”) informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-eżistenza allegata ta’ akkordji li jikkonċerna s-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u ppreżentat talba intiża għall-kisba ta’ immunità minn multi skont id-dispożizzjonijiet tal-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

4        Fl-1 u fit-2 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki sorpriża, b’mod partikolari fl-uffiċċji ta’ SNV. Il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil numru ta’ kumpanniji, fosthom SNV, fit-30 ta’ Ġunju 2003, li rrispondiet fit-28 ta’ Awwissu 2003.

5        Fit-8 ta’ Awwissu 2003, rappreżentanti ta’ Shell International iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex jinformawhom dwar l-intenzjoni tagħhom li jmexxu investigazzjoni interna dwar dan il-każ u li jikkomunikawlhom ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni. Madankollu ebda informazzjoni ma ġiet ipprovduta matul din il-laqgħa jew immedjatament wara. SNV ippreżentat talba għall-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fl-10 ta’ Ottubru 2003. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li jkun utli għaliha li tisma l-awtur tad-dikjarazzjoni annessa ma’ din it-talba biss li kieku kien f’pożizzjoni jipprovdi elementi supplimentari meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fid-dikjarazzjoni tagħha. Madankollu, dan l-impjegat awtur tad-dikjarazzjoni finalment ma nstemax.

6        Fl-10 ta’ Frar u fil-5 ta’ April 2004, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni ġodda, li fir-rigward tagħhom Shell International irrispondiet fil-25 ta’ Frar u fis-27 ta’ April 2004.

7        Fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ressqet proċedura skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mibgħuta fid-19 ta’ Ottubru 2004 lil numru ta’ kumpanniji, fosthom SNV, SPNV, KNPM u STT plc.

8        Fit-12 ta’ Jannar 2005, SNV talbet aċċess sħiħ għad-dokumenti kollha li kienu ddaħħlu fil-fajl tal-Kummissjoni wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’mod partikolari għar-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fit-22 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni, irrappreżentata mill-uffiċjal tas-seduta inkarigat mill-każ, irrifjutat li taċċedi għal din it-talba, minħabba l-fatt li l-informazzjoni pprovduta f’dan l-istadju, bħala prinċipju, ma kinitx tagħmel parti mill-istħarriġ, hekk kif kien iddefinit fil-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE, taħt l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl”), u li fi kwalunkwe każ setgħet tiġi trażmessa lilha li kieku l-Kummissjoni kellha tasal sabiex tużaha fid-deċiżjoni tagħha. Fl-20 ta’ April 2005, SNV tenniet mill-ġdid it-talba tagħha u talbet l-aċċess għal dawn id-dokumenti qabel ma jinżamm is-smigħ. Fl-4 ta’ Mejju 2005, l-imsemmi uffiċjal tas-seduta tenna mill-ġdid ir-rifjut tal-Kummissjoni. Fl-24 ta’ Mejju 2006, huwa madankollu ta lil Royal Dutch Shell, lil SPNV u lil SNV l-aċċess għas-siltiet tar-risposta tal-kumpannija Koninklijke Volker Wessels Stevin (iktar ’il quddiem “KWS”) li fuqhom hija kienet tixtieq tibbaża ruħha fid-deċiżjoni, dwar il-kuntatti li seħħew bejn SNV u KWS qabel l-1 ta’ April 1994. Fit-12 ta’ Ġunju 2006, Royal Dutch Shell, SPNV u SNV esprimew oġġezzjonijiet dwar in-natura parzjali tal-iżvelar u mill-ġdid talbu l-aċċess għar-risposti kollha fl-intier.

9        Fit-8 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni ġdida lil SNV, lil SPNV u lil Royal Dutch Shell, sabiex tikseb informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ tagħhom mill-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, billi fiha jinkludu l-prodotti ta’ bitum speċjali kollha. Fit-23 ta’ Mejju 2006, dawn it-tliet kumpanniji pprovdew l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fejn inkludew il-Mexphalte C, l-uniku bitum speċjali li jista’ jkun, fl-opinjoni tagħhom, marbut mal-kostruzzjoni tat-toroq, billi ppreċiżaw madankollu li dan il-prodott ma kienx jikkostitwixxi s-suġġett tal-akkordju.

10      Fit-23 ta’ Diċembru 2005, il-grupp Shell informa lill-Kummissjoni dwar il-bidla fl-istruttura tiegħu, billi f’din id-data kien kollu kemm hu miżmum minn Royal Dutch Shell. Fit-23 ta’ Mejju 2006, inġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li din il-kumpannija ma kinitx teżisti matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur u li, filwaqt li ġiet ikkostitwita fl-2002 taħt l-isem ta’ Forthdeal Ltd, mingħajr għalhekk ma tagħmel bl-ebda mod parti mill-grupp Shell, u billi nbidlet f’Royal Dutch Shell f’Ottubru 2004, hija ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala suċċessur ta’ waħda mill-kumpanniji tal-grupp Shell. Barra minn hekk, peress li Royal Dutch Shell akkwistat l-azzjonijiet kollha ta’ SPNV wara tmiem il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, hija kienet sostniet li ma setgħetx taċċetta li tiġi imputata r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn SNV fil-konfront tagħha.

3.     Id-deċiżjoni kkontestata

11      Wara s-smigħ tal-kumpanniji kkonċernati fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni, fit-13 ta’ Settembru 2006, adottat id-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn sunt tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 196, p. 40) u li ġiet innotifikata lir-rikorrenti, SNV, SPNV u STT, fil-25 ta’ Settembru 2006.

12      Il-Kummissjoni indikat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kumpanniji destinatarji tagħha kienu pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81 KE, li jikkonsisti f’li jiffissaw flimkien b’mod regolari, matul il-perijodi kkonċernati, għall-bejgħ u x-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-prezz gross, tnaqqis uniformi fuq il-prezz gross għall-kostrutturi tat-toroq li jipparteċipaw fl-akkordju (iktar ’il quddiem il-“kostrutturi l-kbar” jew il-“W5”) u tnaqqis massimu mnaqqas fuq il-prezz gross għall-kostrutturi l-oħra tat-toroq (iktar ’il quddiem il-“kostrutturi ż-żgħar”).

13      Ir-rikorrenti tqiesu bħala responsabbli konġuntament għal dan il-ksur, għall-perijodu mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, u ġiet imposta fuqhom multa ta’ EUR 108 miljun, pagabbli in solidum.

14      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, anki jekk is-suq ġeografiku kkonċernat kien limitat (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza speċifika tal-aġir illegali ta’ kull impriża implikata fl-akkordju u tal-importanza tiegħu fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni wettqet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni, abbażi tas-sehem tagħhom fis-suq, u qasmithom f’sitt kategoriji. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkunsidrat ammont inizjali ta’ EUR 15 miljun għar-rikorrenti (premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija applikat ukoll fil-konfront tagħhom koeffiċjenti multiplikatur ta’ 2, intiż sabiex jiggarantixxi l-effett dissważiv tal-multa, fid-dawl tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp (premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu wettqu ksur fit-tul, billi kien ogħla minn ħames snin, u kkonstatat tul totali ta’ tmien snin, mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, liema fatt żied l-ammont tal-multa bi 80 % (premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont bażiku tal-multa, iddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur, għaldaqstant ġie ffissat għal EUR 54 miljun għar-rikorrenti (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-Kummissjoni applikat numru ta’ ċirkustanzi aggravanti fir-rigward tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, hija qieset li, peress li l-impriża Shell kienet suġġetta għal deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni f’kawżi relatati ma’ akkordji fl-1986 [deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ April 1986, Każ IV/31.149 – Polypropylene (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Polypropylene”)] u fl-1994 [deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 1994, Każ IV/31.865 – PVCII, ĠU L 74, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni PVC II”)], kellu jiġi applikat żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva (premessi 336 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni lok, hija qieset li r-rikorrenti kellhom rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju, liema fatt jiġġustifika żieda ġdida ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa (premessi 342 sa 349 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li ebda ċirkustanza attenwanti ma setgħet tiġi kkunsidrata fir-rigward tar-rikorrenti, peress li l-fatt li l-ksur waqaf qabel il-bidu tal-investigazzjoni ma jixraqlu ebda premju għajr il-limitazzjoni tat-tul tal-perijodu li jikkostitwixxi ksur (premessi 361 sa 363 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħhom intiża sabiex tiġi kkunsidrata l-kooperazzjoni effettiva tagħhom, ikkostitwita mir-risposti għat-talbiet għal informazzjoni, ir-rikonoxximent tal-fatti u t-tqegħid fis-seħħ ta’ politika ta’ sanzjonijiet u ta’ prevenzjoni f’dan ir-rigward, bħala ċirkustanza attenwanti (premessi 367 sa 371 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrifjutat li tnaqqas l-ammont tal-multa mogħtija lir-rikorrenti skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, billi qieset li l-informazzjoni li huma kienu pprovdew ma kellhiex valur sinjifikattiv (premessi 394 sa 396 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti, u għamlitilhom xi mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

23      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Mejju 2011.

24      Minħabba l-impediment ta’ membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, bis-saħħa tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla.

25      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida.

26      Il-partijiet instemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012.

27      SPNV u STT jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika fil-konfront tagħhom;

–        sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn fiha l-Kummissjoni tikkonkludi li huma kisru l-Artikolu 81 KE bejn l-1 ta’ April 1994 u d-19 ta’ Frar 1996 u sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-ħlas sħiħ jew parzjali tal-multa jew għall-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja;

–        tordna kull miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis li hija approprjata.

28      SNV titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata sa fejn fiha l-Kummissjoni tikkonkludi li hija kisret l-Artikolu 81 KE bejn l-1 ta’ April 1994 u d-19 ta’ Frar 1996 u sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-ħlas sħiħ jew parzjali tal-multa jew mal-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja;

–        tordna kull miżura oħra li l-Qorti Ġenerali tqis li hija approprjata.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

30      In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi. B’hekk huma jikkritikaw lill-Kummissjoni talli wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi billi imputat lil SPNV u lil STT (li qabel kienet STT plc) il-ksur imwettaq minn SNV, talli kisret formalità sostanzjali u d-drittijiet tad-difiża li setgħu jiġu invokati minnhom billi rrifjutat li tikkomunikalhom it-tweġibiet kollha tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, talli wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u tat-tul tal-ksur u, fl-aħħar nett, talli kkunsidrat lil SNV bħala provokatur u mexxej tal-kartell u talli żiedet l-ammont tal-multa tagħhom minħabba reċidiva.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ evalwazzjoni l-imputabbiltà tal-ksur lill-kumpanniji parent

 Fuq l-iżbalji ta’ liġi

 L-argumenti tal-partijiet

31      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha li hija 100 % proprjetà tagħha, irrikonoxxuta mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 29), kienet teżentaha milli tipprova li s-sussidjarja tagħha awtur tal-ksur kienet eżegwiet l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija parent. F’dan il-każ, il-Kummissjoni rreferiet sempliċement għall-kunċett ta’ entità ekonomika waħda, li madankollu hija biss rilevanti sabiex tiġi imputata r-responsabbiltà għall-ksur lill-kumpannija direttament implikata fil-ksur. Madankollu hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk il-kumpannija parent ipparteċipatx fil-ksur b’mod dirett jew indirett jew jekk hija kinitx taf dwar il-ksur sabiex tkun tista’ timputalha r-responsabbiltà.

32      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni rrikonoxxuta mis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, sabiex timputa r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn SNV lil STT (li qabel kienet STT plc). Fil-fatt, matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, il-kumpannija STT plc, li għaliha STT ssuċċediet fl-2005, kienet waħda miż-żewġ kumpanniji tal-grupp Shell li fallew, iżda kienet iżżomm biss sehem ta’ 40 % fil-kumpannija holding SPNV, li min-naħa tagħha, permezz ta’ Shell Nederland, kienet iżomm l-ishma kollha ta’ SNV, awtur dirett tal-ksur. Il-qorti tal-Unjoni madankollu tillimita l-possibbiltà li jsir użu minn din il-preżunzjoni għall-kumpanniji parent li jżommu l-ishma kollha tas-sussidjarja tagħhom. Il-fatt li l-Qorti Ġenerali applikat din il-preżunzjoni fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni (T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 137), huwa marbut biss maċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, fejn iż-żewġ kumpanniji parent kienu strettament implikati fl-amministrazzjoni kummerċjali tas-sussidjarja, li fiha nnifisha ma kellhiex personalità ġuridika separata.

33      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjara tagħha 100 % proprjetà tagħha, li ma tippermettix il-konfutazzjoni ta’ din il-preżunzjoni u ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza.

34      Il-Kummissjoni titlob sabiex l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

35      Il-Kummissjoni speċifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja li SNV kienet il-persuna ġuridika li pparteċipat direttament fl-akkordju, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet ukoll ġiet indirizzata lil SPNV, lil KNPM u lil STT plc (premessa 209 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, hija fakkret li SNV kienet tappartjeni kollha kemm hi, sal-2005, lil Shell Nederland, li min-naħa tagħha kienet tappartjeni kollha kemm hi lil SPNV, kumpannija holding taħt il-kontroll komuni ta’ KNPM (madwar 60 %) u ta’ STT plc (madwar 40 %). Barra minn hekk, hija enfasizzat l-importanza tar-rabtiet eżistenti bejn dawn l-istrutturi differenti, b’mod partikolari permezz tal-Committee of managing directors (grupp ta’ diretturi ġenerali, iktar ’il quddiem il-“CMD”), tad-dipartiment tal-prodotti petroliferi tal-grupp fl-Ewropa u, mill-1998, ta’ Shell Europe Oil Products (iktar ’il quddiem “SEOP”), organizzazzjoni li kienet tiġbor fiha l-attivitajiet petroliferi ta’ numru mill-kumpanniji ta’ operat tal-grupp fl-Ewropa (premessi 206 sa 208 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement hija indikat li, wara l-bidliet organizzattivi li saru fi ħdan il-grupp fl-2005, hija kienet indirizzat id-deċiżjoni kkontestata lil SNV kif ukoll lill-kumpanniji l-oħra destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienu għadhom jeżistu fid-data li fiha ngħatat l-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri SPNV u STT (li qabel kienet STT plc), u li flimkien dawn il-kumpanniji kienu jikkostitwixxu l-impriża Shell, u li huma kienu responsabbli in solidum għall-ksur (premessa 218 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha

36      Preliminarjament għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jiġbor fih l-attivitajiet tal-impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 59) u li l-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE jinkludi entitajiet ekonomiċi fejn kull waħda minnhom tikkostitwixxi organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, materjali u immaterjali li jippersegwu fit-tul skop ekonomiku determinat, organizzazzjoni li tista’ tikkontribwixxi għat-twettieq ta’ ksur previst minn din id-dispożizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Uralita vs Il‑Kummissjoni, T‑349/08, Ġabra p. II‑373 punt 35). Il-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika, anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija komposta minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I-11987, punt 40).

37      L-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27; u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 117, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58). Għalhekk, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent, peress li dawn iż-żewġ impriżi jikkostitwixxu entità ekonomika waħda (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il‑Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 133 u 134).

38      Għalhekk ma hijiex relazzjoni ta’ istigazzjoni, fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u wisq inqas ma huwa involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens espost iktar ’il fuq li jawtorizza lill-Kummissjoni tindirizza d-deċiżjoni tagħha fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dritt tal-kompetizzjoni Unjoni jirrikonoxxi l-fatt li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003 Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290).

39      Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha awtur ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita effettivament tali influwenza (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex tippreżumi li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is‑sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s‑sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (sentenzi Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 61).

41      Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, ċirkustanzi oħra minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li tali ċirkustanzi l-Qorti tal-Ġustizzja osservathom biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha f’din il-kawża, u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq għall-produzzjoni ta’ provi supplimentari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivament eżerċitat influwenza fuq is-sussidjarja tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 62, u tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il‑Kummissjoni, C‑90/09 P, Ġabra p. I‑1, punt 41).

42      Fir-rigward tal-provi li kumpannija parent għandha tipproduċi sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha 100 % miżmuma, il-qorti tal-Unjoni tqis li hija għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, u sussegwentement, jekk ikun il-każ, tal-qorti tal-Unjoni, kull prova li hija tqis li hija tali li turi li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika, fir-rigward tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi, bejn is-sussidjarja tagħha u hija stess, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux ikunu suġġett ta’ elenku eżawrjenti (sentenza Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punti 72 sa 74).

–       Fuq l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għal żewġ kumpanniji parent 100 % proprjetarji konġunti tas-sussidjarja tagħhom

43      Ir-rikorrenti jqisu li, tkun liema tkun l-interpretazzjoni aċċettata tal-preżunzjoni hekk kif tirriżulta mill-ġurisprudenza li tinsilet mis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika din il-preżunzjoni fil-konfront ta’ STT (li qabel kienet STT plc), peress li din kellha biss sehem ta’ 40 %, u b’mod indirett, mill-kumpannija li wettqet il-ksur.

44      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li KNPM, li kellha l-fdal ta’ 60 % mis-sehem f’SPNV, spiċċat topera fl-2005 huwa mingħajr effett fuq il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, peress li l-impriżi ma jistgħux jevitaw sanzjonijiet minħabba s-sempliċi fatt li l-identità tagħhom inbidlet wara li saru ristrutturar, trasferimenti jew bidliet ġuridiċi jew organizzattivi oħra, sabiex ma jiġix kompromess l-għan li jitrażżan l-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġi evitat li dan jerġa’ jseħħ permezz ta’ sanzjonijiet dissważivi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 41).

45      Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni diġà kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet tapplika l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha meta żewġ kumpanniji jitqiegħdu f’sitwazzjoni analoga għal dik fejn kumpannija waħda biss iżżomm il-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha (sentenza Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 138).

46      Bl-istess mod, f’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi ddeterminat, fid-dawl tal-partikolarità tal-istruttura tal-grupp, jekk iż-żewġ kumpanniji parent KNPM u STT plc (li saret STT) kinux jinsabu f’sitwazzjoni analoga għal dik fejn kumpannija waħda biss kellha sehem sħiħ fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, u mhux dwar dak li jeħtieġ li jiġi deċiż fil-każ ta’ kumpannija li għandha biss sehem parzjali fil-kumpannija li wettqet il-ksur.

47      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat, bħal ma indikat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha mingħajr ma ġiet ikkritikata dwar dan il-punt mir-rikorrenti, li l-eżistenza ta’ żewġ kumpanniji parent fi ħdan il-grupp Shell hija dovuta għal raġunijiet storiċi, peress li l-grupp twieled fl-1907 permezz ta’ ftehim bejn il-kumpannija Olandiża KNPM u l-kumpannija Brittanika STT plc, li ngħaqdu fl-2005 filwaqt li żammew struttura doppja fit-tmexxija tal-grupp, b’sehem rispettiva ta’ 60 % u ta’ 40 %. Mill-fajl, u b’mod partikolari mill-gwida ta’ riferiment għall-istruttura organizzattiva tal-grupp, jirriżulta li dawn iż-żewġ kumpanniji, li kienu jiddikjaraw dħul mill-bejgħ ikkonsolidat identiku, kienu proprjetarji konġunti taż-żewġ kumpanniji holding tal-grupp, SPNV u SPCo, fejn kienu jaħtru flimkien il-membri tal-bord tad-diretturi, skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jorbtuhom, u li magħhom jiltaqgħu ta’ kull xahar, b’mod partikolari sabiex jiġu informati dwar l-iżviluppi prinċipali fi ħdan il-grupp.

48      Barra minn hekk, KNPM u STT plc (li saret STT) ħolqu żewġ kumitati ta’ sorveljanza, il-Group Audit Committee (kumitat ta’ verifika tal-grupp, iktar ’il quddiem il-“GAC”) u r-Remuneration and succession review committee (kumitat inkarigat mill-eżami tar-remunerazzjonijiet u tal-ħatriet, iktar ’il quddiem ir-“REMCO”), kompost b’mod paritarju minn tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ KNPM u minn tliet membri tal-bord tad-diretturi ta’ STT plc (li saret STT), inkarigati, fir-rigward tal-ewwel kumitat, milli jeżaminaw l-iżviluppi finanzjarji prinċipali tal-grupp, il-proċeduri ta’ verifika interna tiegħu u l-verifiki esterni tagħha, u fir-rigward tal-kumitat l-ieħor, milli jifformolaw pariri fil-qasam ta’ remunerazzjonijiet u ta’ ħatriet tad-diretturi tal-grupp. Mill-fajl jirriżulta wkoll li l-bordijiet tad-diretturi tal-kumpanniji holding tal-grupp kienu jaġixxu b’mod ikkoordinat u kienu jinkludu fi ħdanhom il-membri tal-bordijiet tad-diretturi taż-żewġ kumpanniji parent.

49      Barra minn hekk, il-CMD, organu kompost mill-membri tal-presidenza tal-bord tad-diretturi ta’ SPNV u mid-diretturi ġenerali ta’ SPCo, li kienu wkoll membri tal-bord tad-diretturi ta’ waħda miż-żewġ kumpanniji parent, kellu rwol determinanti fi ħdan il-grupp. Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta li minkejja l-fatt li l-CMD ma jikkostitwixxix entità b’personalità ġuridika separata, huwa kien inkarigat milli jikkoordina l-attività operattiva u t-tmexxija tal-kumpanniji kollha tal-grupp.

50      Fl-aħħar nett, il-fatt li ż-żewġ kumpanniji parent iddeċidew, fl-2005, li jingħaqdu jikkostitwixxi indikazzjoni supplimentari tal-eżistenza ta’ impriża parent komuni minkejja l-koeżistenza ta’ żewġ entitajiet ġuridiċi.

51      Fid-dawl tal-elementi fattwali kollha msemmija fil-punti 47 sa 50 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ġustament setgħet tikkunsidra, fil-premessi 206 sa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, li din kienet tirrigwarda sitwazzjoni analoga għal dik li fiha kumpannija parent waħda biss tikkontrolla s-sussidjarja tagħha kollha kemm hi, liema fatt kien jippermettilha b’hekk tirrikorri għall-preżunzjoni li l-imsemmija kumpanniji parent kienu jeżerċitaw effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja komuni tagħhom.

52      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi applikat il-ġurisprudenza li tinsilet mis-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, lil STT (li qabel kienet STT plc), minħabba l-fatt li, flimkien ma’ KNPM, hija kienet fil-pussess tal-kapital kollu ta’ SNV biss permezz tal-kumpannija holding SPNV, li kienet proprjetarja tal-kumpannija Shell Nederland, kumpannija parent ta’ SNV. Il-qorti tal-Unjoni tqis fil-fatt li l-eżistenza ta’ kumpanniji intermedjarji bejn is-sussidjarja u l-kumpannija parent hija mingħajr effett fuq il-possibbiltà li tiġi applikata l-preżunzjoni li l-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarja 100 % tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punti 78 u 83, u General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 86 u 87; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, T‑354/94, Ġabra p. II‑2111, punti 80 sa 85). Kumpannija parent tista, barra minn hekk, tiġi kkunsidrata responsabbli għal ksur imwettaq minn sussidjarja, anki meta jeżisti numru kbir ta’ kumpanniji operattivi fi grupp (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 989).

–       Fuq in-natura konfutabbli tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % tagħha

53      Ir-rikorrenti jqisu li l-interpretazzjoni aċċettata mill-Kummissjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % tagħha tipprekludi l-konfutazzjoni tagħha.

54      Madankollu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq jirriżulta li sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li kumpannija parent b’sehem ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija tas-sussidjarja tagħha teżerċita effettivament influwenza determinanti fuqha, hekk kif interpretat mill-Kummissjoni, hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tal-qorti tal-Unjoni, kull element relatat mar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejnha stess u s-sussidjarja tagħha b’tali mod li jiġi pprovat li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda (sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 65, u General Química et vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punti 51 u 52). Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, din hija preżunzjoni li tista’ tiġi kkonfutata u li għandha tiġi kkonfutata minnhom. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li preżunzjoni, anki jekk diffiċli li tiġi kkonfutata, tibqa’ fil-limiti aċċettabbli sakemm tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex, li teżisti l-possibbiltà li tiġi prodotta l-prova kuntrarja u li d-drittijiet tad-difiża jiġu żgurati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, Ġabra p. I‑8947, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi billi imputat lil STT (li qabel kienet STT plc) u lil SPNV ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħhom SNV.

 Fuq l-elementi intiżi għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha

 L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti jqisu li huma stabbilixxew li STT plc (li saret STT) u SPNV ma kienux jafu dwar il-ksur u li huma qatt ma kienu pparteċipaw fih, direttament jew indirettament. Il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza jirrikjedu għaldaqstant parteċipazzjoni tal-kumpannija parent fil-ksur sabiex ikunu f’pożizzjoni li jimputawlha l-attivitajiet ta’ waħda mis-sussidjarja tagħha. Barra minn hekk il-Kummissjoni rrikonoxxiet f’dan il-każ li l-ksur kien limitat għas-sempliċi aġir tad-direttur tal-bejgħ ta’ bitum lil SNV. Bl-istess mod, l-organizzazzjoni tar-reporting (iktar ’il quddiem il-“fluss ta’ informazzjoni”) fi ħdan il-grupp Shell juri li SNV ma kienet tirċievi ebda istruzzjoni minn STT plc (li saret STT) u minn SPNV. STT plc (li saret STT) fil-fatt kellha biss sehem ta’ 40 % f’SPNV, li min-naħa tagħha kellha ishma f’iktar minn 500 kumpannija, fosthom Shell Nederland, li min-naħa tagħha kellha iktar minn 30 sussidjarja, fosthom SNV. Wieħed mid-diretturi ta’ SNV ħa l-ħsieb li jinforma fil-qosor ħafna lill-bord tad-diretturi u lill-bord ta’ sorveljanza ta’ Shell Nederland, waqt il-laqgħat li kienu jsiru kull tliet xhur, dwar il-kwistjonijiet prinċipali relatati mal-attività tagħha, bħall-waqfien ta’ fabbrika jew riżultati finanzjarji diżappuntanti.

57      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u SPNV fuq is-sussidjarja komuni tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

58      Mill-premessi 206 sa 218 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet, essenzjalment, li hija setgħet tapplika l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u SPNV fuq SNV matul il-perijodu mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002 minħabba l-istruttura ta’ sehem li teżisti bejn dawn il-kumpanniji [sehem ta’ 100 % għal SPNV, sehem konġunt ma’ KNPM ta’ 100 % għal STT plc (li saret STT)]. Sussegwentement, hija qieset, barra minn hekk, li numru ta’ elementi relatati mal-istruttura ġerarkika tal-grupp kienu jsaħħu din il-preżunzjoni, bħar-rwol tal-CMD, il-funzjonijiet ta’ stħarriġ tas-sussidjarji tagħha minn SPNV jew il-mekkaniżmi ta’ ħatra tad-diretturi tal-kumpanniji operattivi.

59      Hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti pproduċewx provi li jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li STT plc (li saret STT) u SPNV kienu jikkostitwixxu entità ekonomika waħda ma’ SNV.

60      Fil-fatt, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-partijiet għandhom l-obbligu li jissottomettu għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, tal-Qorti Ġenerali, kull prova li huma jqisu li hija tali li turi li kumpanniji jikkostitwixxu jew li ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika, fir-rigward tar-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi tagħha (ara l-punt 42 iktar ’il fuq).

61      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni diretta jew indiretta ta’ STT plc (li saret STT) u ta’ SPNV fil-ksur, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li dawn ma huma fondati la fid-dritt u lanqas fil-fatt. Fil-fatt, il-kontroll eżerċitat mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha ma għandhiex neċessarjament ikollha rabta mal-aġir li jikkostitwixxi ksur (sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 59, u General Química, punt 41 iktar ’il fuq, punti 38, 102 u 103). Għalhekk ma huwiex neċessarju għall-Qorti Ġenerali li jiġi eżaminat jekk STT plc (li saret STT) u SPNV effettivament eżerċitawx influwenza diretta jew indiretta fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ SNV jew jekk huma kellhomx għarfien dwar dan l-aġir.

62      Fi kwalunkwe każ, u bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ċerta informazzjoni mill-fajl kienet tindika li membri tal-grupp Shell li ma kinux jappartjenu lil SNV kellhom għarfien dwar il-prattiki antikompetittivi ta’ din tal-aħħar matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur. Fil-fatt, nota interna tal-14 ta’ Lulju 2000, li tanalizza s-sitwazzjoni tas-suq tal-bitum Olandiż mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, ikkonfiskata mill-Kummissjoni waqt il-verifiki tagħha fl-uffiċċji ta’ SNV, tqassmet barra minn din il-kumpannija. Din in-nota, bir-riferiment “strettament kunfidenzjali”, ġiet redatta konġuntament minn impjegat ta’ SNV u minn uffiċjal tas-servizz ġuridiku tal-grupp, li jappartjeni lil Shell International, wara seduta ta’ ħidma relatata mat-tqegħid f’konformità mar-regoli ta’ kompetizzjoni li matulhom id-direttur tal-bejgħ responsabbli mill-bitum kien ġibed l-attenzjoni dwar is-suq Olandiż tal-bitum u l-kostruzzjoni tat-toroq. Din in-nota kienet b’mod partikolari indirizzata lid-direttur tas-servizz ġuridiku tal-grupp, lil impjegat ta’ Shell International, lill-Viċi-president kummerċjali tal-bejgħ tal-grupp għall-Ewropa kif ukoll lill-Viċi-president eżekuttiv tal-prodotti tal-grupp għall-Ewropa. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li Shell International kellha relazzjoni diretta mal-CMD, organu deċiżjonali prinċipali tal-grupp, kompost mill-membri tal-presidenza tal-bord tad-diretturi ta’ SPNV u mid-diretturi ġenerali ta’ SPCo, li kienu wkoll membri tal-bord tad-diretturi ta’ waħda miż-żewġ kumpanniji parent.

63      Din in-nota tindika li s-suq tal-bitum Olandiż kien suġġett għal eżami intern bejn fl-1992/1993 u fi Frar 1995, fejn il-fornituri kollha ta’ bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“fornituri”) innegozjaw kollettivament prezz standard mal-W5, li impjegat ta’ SNV kien, barra minn hekk, ta parir li wieħed għandu jirtira minn dan is-suq, iżda li dan is-suq kien ġie rristrutturat u li SNV kienet baqgħet preżenti fih. In-nota tispeċifika wkoll li t-tipi l-oħra ta’ bitum ma jidhrux li kienu s-suġġett ta’ aġir antikompetittiv min-naħa ta’ Shell, billi tagħti x’tifhem, a contrario, li l-grupp kellu għarfien tal-karattru antikompetittiv tal-aġir ta’ SNV fis-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq. Barra minn hekk, din in-nota tindika, b’mod dettaljat, il-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-bitum, billi tenfasizza li, meta SNV xtaqet iżżid il-prezzijiet tagħha, hija kienet tikkuntattja lil KWS, il-kostruttur prinċipali, qabel tapplika din iż-żieda. KWS kienet għalhekk tikkonsulta lill-fornituri l-oħra kollha individwalment fuq il-livell tal-prezzijiet, imbagħad kienet tiddiskuti dwar din iż-żieda fil-prezzijiet mal-kostrutturi l-kbar l-oħra, qabel ma tinforma s-Centrum voor regelgeving en onderzoek in de grond-, water- en wegenbouw en de Verkeerstechniek (CROW, Ċentru għar-regolamentazzjoni u għar-riċerka fil-qasam tal-inġenjerija ċivili u ta’ traffiku), korp mingħajr skop ta’ lukru li kien b’mod partikolari inkarigat milli jippubblika kull xahar il-prezzijiet tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, li minnhom, fil-każ ta’ varjazzjoni ogħla minn ċertu limitu, il-kostrutturi kienu jibbenefikaw minn kumpens min-naħa tal-partijiet l-oħra fil-kuntratt. Barra minn hekk, in-nota tispeċifika li SNV, bħall-fornituri l-oħra, tat lill-W5 tnaqqis fuq il-prezz li ġie ffissat. Fl-aħħar nett, l-awturi tal-imsemmija nota kkonkludew billi qiesu li kien meħtieġ li jintemmu d-diskussjonijiet bilaterali ma’ KWS, il-kelliema tal-W5, dwar iż-żidiet fil-prezzijiet, u sabiex dawn jiġu ssostitwiti b’diskussjonijiet bilaterali ma’ kull kostruttur.

64      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegata awtonomija tal-mexxejja ta’ SNV li tirriżulta min-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ fluss tal-informazzjoni b’saħħtu biżżejjed bejn STT plc (li saret STT), SPNV u SNV, għandu jiġi osservat li l-elementi prodotti d’dan ir-rigward mir-rikorrenti ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu li SNV kienet tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u, għaldaqstant, li hija ma kinitx tikkostitwixxi unità ekonomika ma’ STT plc (li saret STT) u SPNV fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

65      Fil-fatt, qabel kollox għandu jiġi speċifikat li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti relatati man-numru importanti ta’ sussidjarji proprjetà ta’ SPNV u ta’ Shell Nederland ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li STT plc (li saret STT) u SPNV ħallew lil SNV biżżejjed awtonomija sabiex tiddefinixxi l-aġir tagħha fis-suq.

66      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi ġustament għal numru ta’ elementi li hija kienet semmiet fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 207 sa 214 tad-deċiżjoni kkontestata) u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li kienu jgħaqqdu lil SNV ma’ STT plc (li saret STT) u ma’ SPNV, sabiex jiġu esklużi l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq.

67      B’hekk il-grupp iddikkjara b’mod partikolari, f’rapport tat-13 ta’ Marzu 2006 iddepożitat għandu s-Securities and Exchange Commission (Kummissjoni tat-tranżazzjonijiet tal-borża Amerikana), li “l-attivitajiet kollha ta’ operat kienu ġew eżerċitati mis-sussidjarji ta’ Royal Dutch u ta’ Shell Transport li kienu jiffunzjonaw bħallikieku kienu impriża ekonomika waħda”. Barra minn hekk, il-klijenti u l-kompetituri kienu normalment jirreferu għall-impriża kollha u għal kull waħda mill-entitajiet ġuridiċi tagħha bl-isem “Shell”, fejn b’hekk kienu jindikaw li SNV kienet ipperċepita mit-terzi u fis-suq inkwistjoni bħala li taqa’ taħt il-grupp Shell.

68      Għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punti 47 sa 50 iktar ’il fuq, dwar l-istruttura tal-grupp u kif titqassam il-proprjetà tal-azzjonijiet li jiffurmawh, u b’mod partikolari l-organizzazzjoni ġerarkika u l-mekkaniżmi ta’ fluss tal-informazzjoni li teżisti fi ħdanu.

69      Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, barra minn hekk, ipproduċiet l-elementi li ġejjin: kien jeżisti livell ta’ koinċidenza kunsiderevoli bejn il-funzjonijiet eżerċitati f’pajjiżi differenti minn entitajiet differenti, fejn il-persuna responsabbli mill-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi kienet għal żmien twil responsabbli mis-suq Belġjan; numru ta’ analiżi interni tas-suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni ġew iddistribwiti lil entitajiet differenti tal-grupp, fosthom id-dipartiment ġuridiku ta’ Shell International, li kien jinsab f’rabta diretta mal-CMD; Shell International aġixxiet bħala l-korrispondenti prinċipali tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva kollha; id-direttur ġenerali ta’ KNPM kien ukoll id-direttur prinċipali ta’ SPNV u membru tal-bord tad-diretturi ta’ Shell Nederland BV, kumpannija parent diretta ta’ SNV; il-kumpanniji parent għandhom is-setgħa li jaħtru u li jikkonġedaw id-diretturi ġenerali tal-kumpanniji operattivi; huma jissorveljaw il-ġestjoni tal-kumpanniji operattivi, billi d-diretturi ġenerali ta’ dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li jipprovdu lil kull azzjonist, jekk issir talba f’dan is-sens, informazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ negozju tal-kumpannija u li jipprovdulu aċċess għall-kotba u għad-dokumenti li jkun jixtieq jikkonsulta.

70      Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-CMD kellu rwol determinanti fi ħdan l-impriża. B’hekk, sal-1998, il-livelli ġerarkiċi kienu organizzati b’mod ġeografiku, id-direttur “Bitum” ta’ SNV kien jiddependi mid-direttur ġenerali “Bejgħ kummerċjali”, li min-naħa tiegħu kien jiddependi mid-direttur ġenerali “Pajjiż”, li fir-rigward tiegħu kien jaqa’ taħt l-awtorità tal-koordinatur reġjonali “Ewropa” ta’ Shell International Petroleum Maatschappij NV, 100 % proprjetà ta’ SPNV, li kienet tiddependi direttament minn membri tal-CMD. Mill-1998 sa tmiem il-perijodu li jikkostitwixxi ksur, SNV kienet taqa’ taħt id-diviżjoni “Kostruzzjoni” tad-dipartiment tal-prodotti petroliferi tal-grupp fl-Ewropa, is-SEOP, li kien immexxi mill-president eżekuttiv għall-Ewropa, li kien jiddependi mill-president-direttur ġenerali għall-prodotti petroliferi, li kien membru tal-CMD. Mekkaniżmi ta’ fluss ta’ informazzjoni kienu jeżistu, barra minn hekk, bejn il-kumpanniji parent u s-sussidjarji tagħhom, permezz taż-żewġ kumitati ta’ sorveljanza li kienu l-GAC u r-REMCO.

71      Sussegwentement, ir-rikorrenti ammettew li amministratur delegat ta’ SNV kien jinforma lill-bord tad-diretturi u lill-bord ta’ sorveljanza ta’ Shell Nederland, waqt il-laqgħat li kienu jinżammu kull tliet xhur komuni għal dawn iż-żewġ bordijiet, dwar il-kwistjonijiet prinċipali relatati mal-attività ta’ SNV. Anki jekk huma kienu jqisu li din l-informazzjoni kienet limitata għal ċerti deċiżjonijiet ewlenin, madankollu din l-affermazzjoni ma hi ssostanzjata minn ebda element probatorju.

72      Fl-aħħar nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti kumpanniji tal-grupp kienu inkarigati mill-provvista ta’ funzjonijiet ta’ sostenn għas-sussidjarji kollha, fejn b’hekk Shell International kienet tipprovdi sostenn ġuridiku lis-sussidjarji kollha tal-grupp. L-analiżi tan-nota tal-14 ta’ Lulju 2000 turi barra minn hekk li impjegati ta’ SNV kienu jagħmlu parti mill-awturi u mid-destinatarji tagħha u li SNV kienet teżerċita kontroll strett fuq l-attivitajiet tas-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari fuq is-sitwazzjoni fis-suq tal-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi.

73      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li jiġi konkluż li, fid-dawl tal-elementi pprovduti mir-rikorrenti li jikkonċernaw, minn naħa, il-fatt li STT plc (li saret STT) u SPNV la kellhom għarfien dwar il-ksur inkwistjoni, la pparteċipaw f’dan il-ksur, u lanqas ma inkoraġġew lis-sussidjarja tagħhom sabiex twettaq il-ksur u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi ta’ fluss ta’ informazzjoni minn SNV lil STT plc (li saret STT) u lil SPNV, flimkien mal-elementi kollha rilevanti tal-fajl imsemmija fil-punti 47 sa 50 u 62 sa 72 iktar ’il fuiq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-elementi prodotti mir-rikorrenti ma kinux juru li SNV kienet tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u għaldaqstant ma kinux jippermettu li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni li STT plc (li saret STT) u SPNV kienu effettivament jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ SNV.

74      Għaldaqstant, hemm lok sabiex l-ewwel motiv jiġi kollu hemm hu miċħud bħala infondat.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrenti jqisu li, billi rrifjutat li tikkomunikalhom ir-risposti kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u billi llimitat l-iżvelar tar-risposta ta’ KWS għal ċerti siltiet li hija kienet tinkludi, il-Kummissjoni marret kontra l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll kontra d-drittijiet tad-difiża tagħhom. Huma jsostnu li, kieku kellhom għarfien ta’ dawn id-dokumenti, huma setgħu jinfluwenzaw l-eżitu tal-proċedura amministrattiva u jbiddlu s-sens tad-deċiżjoni kontestata, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tagħhom ta’ provokatur u ta’ mexxej.

76      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni jmissha laqgħet it-talba tagħhom għal aċċess għar-risposti kollha tal-kumpanniji l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li setgħu jinkludu elementi li jikkonfutaw ir-rwol tagħhom ta’ provokatur u ta’ mexxej, b’mod partikolari minħabba n-natura orizzontali u vertikali tal-akkordju. Barra minn hekk il-Kummissjoni diġà żvelat ir-risposti kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-każijiet preċedenti [Każijiet COMP/E‑1/37.512 (ĠU L 6, p. 147) u COMP/E‑1/36.490 (ĠU L 100, p. 1)]. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu li tiddeċiedi hija stess liema dokumenti huma utli għad-difiża tal-impriżi kkonċernati (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 126) u l-komunikazzjoni relatata mal-aċċess għall-fajl hija għaldaqstant illegali sa fejn ikun hemm indikazzjoni li l-aċċess għar-risposti kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistax jingħata.

77      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni jmissha tathom aċċess għar-risposta sħiħa ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’mod partikolari għad-dikjarazzjoni tax-xhud li fuqu l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament sabiex timputa fil-konfront tagħhom ir-rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju. Il-qorti tal-Unjoni għalhekk tirrikonoxxilhom id-dritt li jkollhom aċċess għall-provi kollha kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-rigward tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Siment”, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 386).

78      Il-Kummissjoni tqis li hija ma kellhiex l-obbligu li tiżvela r-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

79      Mill-atti jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jinkiseb aċċess sħiħ għad-dokumenti kollha li kienu ġew annessi mal-fajl wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’mod partikolari għar-risposti kollha tal-impriżi l-oħra lilha. Madankollu hija tathom aċċess għas-siltiet tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fid-deċiżjoni finali, dwar il-kuntatti li seħħew bejn SNV u KWS qabel l-1 ta’ April 1994.

 Prinċipji ġenerali relatati mal-aċċess għad-dokumenti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

80      L-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa hekk redatt:

“      Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess għal file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”.

81      Fil-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl, il-Kummissjoni tiddefinixxi fil-punt 8 il-fajl tal-Kummissjoni bħala “id-dokumenti kollha miksuba, prodotti u/jew miġbura mid-direzzjoni ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni meta ssir investigazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 27 ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tispeċifika li ġej:

“L-aċċess għall-fajl jingħata fuq talba u normalment darba biss, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni lill-partijiet, sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża. Bħala regola ġenerali, il-partijiet għaldaqstant ma għandhomx aċċess għar-risposti tal-partijiet l-oħra għall-oġġezzjonijiet ifformolati mill-Kummissjoni.

Madankollu parti jkollha aċċess għad-dokumenti rċevuti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-fażijiet ulterjuri tal-proċedura amministrattiva, meta dawn id-dokumenti jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, li jinkriminaw jew li jiskaġunaw, relatati mal-allegazzjonijiet ifformolati fir-rigward ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq provi ġodda”.

82      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal ħlas ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat anki jekk din tkun proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il‑Kummissjoni, C‑176/99 P, Ġabra p. I‑10687, punt 19). Barra minn hekk, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU  C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta tad-drittijiet fundamentali”), tistabbilixxi dritt fundamentali billi tiddeskrivih bħala element li jikkostitwixxi dritt għal amministrazzjoni tajba. F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li għandha tintbagħat lill-partijiet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għandha turi, b’mod ċar, il-fatturi essenzjali kollha li fuqhom tkun ibbażat ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċeduri. Din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li tapplika l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punti 34 u 35).

83      Għandu jitfakkar li l‑aċċess għall‑fajl, fil‑kawżi tal‑kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti lid‑destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet jieħdu konjizzjoni tal‑provi li jinsabu fil‑fajl tal‑Kummissjoni, bil‑għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli dwar il‑konklużjonijiet li l‑Kummissjoni tkun waslet għalihom, fid‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn l‑elementi. Għalhekk l-aċċess għall‑fajl jifforma parti mill‑garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d‑drittijiet tad‑difiża u sabiex b’mod partikolari jiżguraw l‑eżerċizzju effettiv tad‑dritt għal smigħ (ara s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 334, u l‑ġurisprudenza ċċitata). Id‑dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l‑Kummissjoni għandha tagħti lill‑impriża kkonċernata l‑possibbiltà li twettaq eżami tad‑dokumenti kollha li jinsabu fil‑fajl tal‑investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad‑difiża tagħha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 125, u s‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 81). Dawn jinkludu kemm il‑provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas‑sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad‑dokumenti interni tal‑Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenzi Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, punt 82 ’il fuq, punti 9 u 11, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 68).

84      Skont il-ġurisprudenza, huwa biss fil-bidu tal-fażi kontradittorja amministrattiva li l-impriża kkonċernata tiġi informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Għalhekk, ir-risposta tal-partijiet l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex inkluża, bħala prinċipju, fid-dokumenti kollha tal-fajl ta’ investigazzjoni li jistgħu jikkonsultaw il-partijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 163). Madankollu, jekk il-Kummissjoni jkollha intenzjoni tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-partijiet l-oħra implikati f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar tali prova (ara s-sentenzi Ciments, punt 77 iktar ’il fuq, punt 386, u Avebe vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess jgħodd meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq tali dokument sabiex tistabbilixxi r-rwol ta’ provokatur jew ta’ mexxej ta’ waħda mill-impriżi kkonċernati.

85      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-punt 27 tal-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl huma konformi mal-ġurisprudenza li, jekk, bħala regola ġenerali, il-partijiet ma għandhox aċċess għar-risposti tal-partijiet oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, parti tista’ madankollu jkollha aċess meta dawn id-dokumenti jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, sew jekk jinkriminaw, sew jekk jiskaġonaw, dwar l-allegazzjonijiet ifformulati fir-rigward ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

86      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza dwar l-aċċess għall-fajl amministrattiv li jippreċedi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument biex tissostanzja l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 7 u 9, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 71) u, min-naħa l-oħra, li dan l-ilment jista’ jiġi pprovat biss b’riferiment għall-imsemmi dokument (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG‑Telefunken vs Il‑Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 24 sa 30, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 71; sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 58). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi distinzjoni bejn id-dokumenti li jinkriminaw u d-dokumenti li jiskaġonaw. Jekk il-fatt ikun jirrigwarda dokument li jinkrimina, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni kien ikun differenti li kieku dan id-dokument ma kellux jiġi kkunsidrat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha sempliċement tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ influwenza, b’detriment għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 73 u 74). Din id-distinzjoni tapplika wkoll għad-dokumenti prodotti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 351 sa 359). Għaldaqstant ir-rikorrenti jwettqu interpretazzjoni żbaljata tal-punt 383 tas-sentenza Siment, punt 77 iktar ’il fuq, meta huma jsostnu li l-Kummissjoni tikser awtomatikament id-drittijiet tad-difiża billi tirrifjuta li tittrażmetti dokumenti prodotti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ladarba kienet kumpannija li talbithom mingħandha. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ dokument li jiskaġuna, tali dokument huwa illegali biss jekk l-imsemmija kumpannija tkun stabbilixxiet li n-nuqqas ta’ żvelar ta’ dan id-dokument seta’ influwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni b’detriment għaliha.

87      Bl-istess mod, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, meta jintuża mill-Kummissjoni bħala prova fid-deċiżjoni tagħha, dokument prodott wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandux jiġi trażmess kollu kemm hu jew le, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza jirriżulta, u b’mod partikolari mill-punt 386 tas-sentenza Siment, punt 77 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, sabiex tippermetti lill-impriża kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tesprimi ruħha utilment dwar din il-prova, li ma tikkomunikalhiex biss is-sempliċi silta rilevanti tad-dokument inkwistjoni, iżda din għandha titħalla fil-kuntest tagħha jekk dan ikun neċessarju sabiex din tinftiehem.

88      Barra minn hekk għandu jiġi speċifikat li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni sistematika tar-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma huwiex kuntrarju għall-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Bħal ma tfakkar iktar ’il fuq, dan il-prinċipju jimplika li l-Kummissjoni għandha, matul il-proċedura amministrattiva, tiżvela lill-impriżi kkonċernati l-fatti, iċ-ċirkustanzi u d-dokumenti kollha li fuqhom hija tibbaża ruħha, sabiex tippermettilhom jesprimu utilment l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar id-dokumenti kkunsidrati minnha insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha. B’hekk, il-Kummissjoni tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti li dwarhom huma kellhom l-opportunità li jesprimu ruħhom.

89      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni, li tinnotifika l-oġġezzjonijiet u tagħti deċiżjoni li timponi multa, ma tistax waħedha tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 126; sentenzi Solvay vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punti 81 u 83, u Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 339). Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni, dwar id-dokumenti li jaqgħu taħt il-fajl ikkostitwit mill-Kummissjoni, ma tistax tapplika għal risposti mogħtija minn partijiet oħra kkonċernati għall-oġġezzjonijiet ikkomunikati minn din tal-aħħar.

90      Fl-aħħar nett, għandu jiġi speċifikat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma hijiex marbuta bil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha fir-rigward tat-trażmissjoni sħiħa tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress li l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha tista’ tiġi evalwata biss abbażi tar-regoli imposti fuqha, fosthom, b’mod partikolari, mir-Regolament Nru 1/2003, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE u] 82 [KE] (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), u l-Komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl, hekk kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni.

 Applikazzjoni f’dan il-każ

91      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fl-24 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni ppermettiet lir-rikorrenti jieħdu konjizzjoni tas-siltiet tar-risposta ta’ KWS li fuqhom hija xtaqet tibbaża ruħha fid-deċiżjoni finali, dwar il-kuntatti li seħħew bejn SNV u KWS qabel l-1 ta’ April 1994 u dwar proposta ta’ tnaqqis preferenzjali lill-W5, indirizzata lil KWS.

92      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument intiż sabiex jiġi rrikonoxxut li l-aċċess għar-risposta kollha ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imissha ġiet awtorizzata, għandu jiġi speċifikat, qabel kollox, li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-premessi 343 sa 348 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq is-sempliċi siltiet inkwistjoni tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex timputalhom ir-rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju. Fi kwalunkwe każ, l-eżami tas-siltiet ta’ dan id-dokument trażmess mill-Kummissjoni lir-rikorrenti jippermetti li jiġi kkonstatat li dawn huma perfettament komprensibbli u espliċiti mingħajr ma huwa neċessarju li jitqiegħdu f’kuntest usa’. Fil-fatt għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għamlet użu biss minn żewġ mis-seba’ punti ta’ dan id-dokument, ikkomunikati lir-rikorrenti. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dokument ta’ KWS li jistrieħ fuq dikjarazzjoni ta’ xhud, wieħed mill-impjegati preċedenti tagħha, liema dokument ġie pprovdut volontarjament lill-Kummissjoni minn KWS sabiex tkun tista’ tiżgura d-difiża tagħha, billi tenfasizza r-rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej ta’ SNV fl-akkordju u billi timminimalizza r-rwol tagħha, wieħed ma jistax jifhem li dan seta jinkludi element li jiskaġuna lil SNV.

93      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li setgħu jinkludu elementi li jiskaġunaw, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, kienu r-rikorrenti li kellhom jipproduċu prova prima facie li tagħti lil wieħed x’jifhem li n-nuqqas ta’ żvelar tagħhom seta’ jinfluwenza, b’detriment għalihom, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Madankollu r-rikorrenti ħadu l-inizjattiva jsostnu b’mod ġenerali u purament spekulattiv li r-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħu jipprovdulhom elementi li jiskaġunawhom fir-rigward tar-rwol tagħhom ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju. Lilhinn min-natura orizzontali u vertikali tal-akkordju, huma ma pprovdew ebda indikazzjoni speċifika li tista’ tikkostitwixxi prova prima facie f’dan is-sens. Barra minn hekk, bħal ma tenfasizza l-Kummissjoni, ftit huwa probabbli, f’akkordju, li kumpannija tipprovdi elementi li jistgħu jimminimizzaw ir-rwol ta’ kumpannija oħra fl-akkordju, anki jekk, f’dan il-każ, il-fatt li l-akkordju ġie organizzat bejn żewġ gruppi b’interessi li jistgħu jkunu potenzjalment u parzjalment diverġenti, il-kostrutturi l-kbar u l-fornituri, jispjega li kull parti kellha t-tendenza timminimizza r-rwol tagħha fl-akkordju b’detriment għall-oħra. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li impriżi oħra setgħu jimminimizzaw, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rwol tal-fornituri b’detriment għall-kostrutturi l-kbar ma jistax jikkostitwixxi element li jiskaġuna (sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 353 sa 356). B’hekk, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova prima facie dwar l-utilità ta’ trażmissjoni eventwali tar-risposti tal-kumpanniji l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

94      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament irrifjutat tikkomunika lir-rikorrenti r-risposti kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u llimitat l-iżvelar tar-risposta ta’ KWS għal ċerti siltiet. Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u d-determinazzjoni tat-tul tal-ksur

 Fuq il-gravità tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

95      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni, billi kklassifikat lill-impriżi skont il-kategorija tagħhom sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika tagħhom li jippreġudikaw il-kompetizzjoni b’mod kunsiderevoli, wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fid-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża Shell fir-rigward tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, billi inkludiet b’mod żbaljat id-dħul mill-bejgħ mill-Mexphalte C, u, fi kwalunkwe każ, immotivat insuffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. B’hekk huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom billi teskludi l-valur tal-bejgħ mill-Mexphalte C mill-kalkolu tagħha, billi jqisu li l-fatt li l-ammont bażiku tal-multa tagħhom ikun ogħla minn dak tal-impriża Kuwait Petroleum imur kontra l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità (iktar ’il quddiem “Kuwait Petroleum”) filwaqt li s-sehem tagħhom mis-suq kien inferjuri għal tagħha.

96      B’hekk ir-rikorrenti jfakkru li l-unika raġuni għalfejn il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, ġustament, id-dħul mill-bejgħ tal-prodotti speċjali tal-bitum użati fil-kostruzzjoni tat-toroq hija li l-prezz tagħhom huwa direttament marbut mal-prezz tas-suq ġenerali tal-kategorija ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard, miżjuda b’ammont addizzjonali. Min-naħa l-oħra, huma jqisu li l-Kummissjoni ma jmisshiex inkludiet id-dħul mill-bejgħ mill-Mexphalte C, ġaladarba dan ma huwiex kompost minn bitum, li l-prezz tiegħu assolutament ma huwiex konness ma’ dak tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq u li huwa mibjugħ f’suq differenti tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard, peress li ż-żewġ prodotti ma humiex sostitwibbli. Dawn l-affermazzjonijiet jistrieħu b’mod partikolari fuq dikjarazzjoni tad-direttur ta’ SNV tat-30 ta’ Novembru 2006 u fuq tabella ta’ paragun tal-bidliet fil-prezz tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard u tal-Mexphalte C mill-1995 sal-2002.

97      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli fid-deċiżjoni kkontestata hija ma semmietx ir-raġunijiet li għalihom l-ammont ta’ bejgħ ta’ Mexphalte C kien ittieħed inkunsiderazzjoni, meta huma kienu indikaw, fit-23 ta’ Mejju 2006, fir-risposta tagħhom għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2006, li l-Mexphalte C ma kellu ebda konnessjoni mal-ksur. Bl-istess mod, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni qatt ma indikat l-intenzjoni tagħha li tinkludi l-ammont tal-bejgħ ta’ Mexphalte C fil-kalkolu tal-ammont tal-multa u qatt ma semmiet dan il-prodott fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dokument mill-fajl amministrattiv madankollu jispeċifika li l-Mexphalte C jikkostitwixxi agglomerat sintetiku li jista’ jintuża sabiex jiġi prodott asfalt ikkulurit, u mhux bitum sintetiku.

98      Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

99      Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2004 (premessi 1 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni indikat li l-prodott li kien is-suġġett tal-kawża kien il-bitum użat għall-kostruzzjoni tat-toroq u tal-applikazzjonijiet paragunabbli (pereżempju r-runways), li jinkludu bitumi ta’ dewmien differenti, li jippermetti użu varjat, kif ukoll bitumi ta’ gradi differenti, fosthom bitumi speċifiċi li joffru prestazzjonijiet aħjar, li madankollu huma ffabbrikati mill-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard, u li l-prezz tagħhom jiddependi għalhekk mill-prezz ta’ dan tal-aħħar. Żewġ kumpanniji biss, BAM NBM Wegenbouw BV u Hollandsche Beton Groep (iktar ’il quddiem “HBG”), ikkontestaw fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-inklużjoni tal-prodotti tal-bitum użati fil-kostruzzjoni tat-toroq minbarra l-bitum għall-kisu tal-uċuħ tat-toroq standard. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma rreaġixxewx fuq dan il-punt fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

100    Fit-8 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil SNV, lil SPNV u lil Royal Dutch Shell sabiex tikseb informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ tagħhom li jirriżulta mill-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, inklużi l-prodotti kollha speċjali tal-bitum. Fit-23 ta’ Mejju 2006, dawn it-tliet kumpanniji pprovdew l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħhom billi inkludew il-Mexphalte C, l-uniku bitum speċjali li jista’ jkun, fl-opinjoni tagħhom, marbut mal-kostruzzjoni tat-toroq, billi speċifikaw madankollu li dan il-prodott ma jikkostitwixxix is-suġġett tal-akkordju. Fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 4 sa 6), il-Kummissjoni żammet l-analiżi magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, billi sostniet li l-prezzijiet tal-prodotti l-oħra tal-bitum użati fil-kostruzzjoni tat-toroq kienu direttament marbuta mal-prezz tas-suq ġenerali tal-kategorija ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija użat id-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ kumpanniji, BP u ExxonMobil, fejn din tal-aħħar hija fornitur ta’ bitum mhux issanzjonat mill-Kummissjoni, kif ukoll dokumenti ssekwestrati matul ispezzjonijiet, b’mod partikolari għand KWS u SNV.

101    Fir-risposta, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija bbażat ruħha fuq numru ta’ elementi sabiex tinkludi l-Mexphalte C fost il-prodotti tal-bitum li kkostitwixxew is-suġġett tal-akkordju. Numru ta’ dokumenti ta’ SNV b’hekk juru l-Mexphalte C fl-iskala tagħha li tikkonċerna l-bitum taħt it-titolu “Bitum trasparenti li jista’ jiġi kkulurit”; barra minn hekk, fl-ittra tat-23 ta’ Mejju 2006 indirizzata lill-Kummissjoni, SNV iddikjarat li l-uniku bitum speċjali li jista’ jkun marbut mal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq kien il-Mexphalte C u pprovdiet dħul mill-bejgħ ta’ EUR 12 113 015 għall-“valur totali tal-bejgħ bl-imnut tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, inkluż il-Mexphalte C”, fl-2001; dokument ta’ Shell li jinkludi informazzjoni teknika dwar il-Mexphalte C u li kien jagħmel parti mill-fajl amministrattiv jiddeskrivih bħala bitum sintetiku li jista’ jiġi kkulurit; dokument ieħor mill-fajl amministrattiv juri li l-lista ta’ prezzijiet tal-prodott tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, mibgħut fl-2001 minn SNV lill-klijenti tagħha, kien jinkludi ittra standard li tindika li l-varjazzjonijiet tal-prezzijiet tal-prodotti li jinsabu f’din il-lista, fosthom il-Mexphalte C, kienu dovuti għall-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq taż-żejt.

102    Ir-rikorrenti pproduċew għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali żewġ dokumenti li jippermettu, fl-opinjoni tagħhom, jistabbilixxu li l-Kummissjoni ma misshiex ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-Mexphalte C fid-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ Shell fir-rigward tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-ewwel dokument jikkomporta tabella li tipparaguna l-iżvilupp tal-prezz tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq standard u tal-Mexphalte C matul il-perijodu 1995‑2002 kif ukoll ittri ta’ SNV, ta’ dan il-perijodu, li jħabbru lill-klijenti tagħha li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet kienu dovuti għall-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima. It-tieni dokument jikkonsisti fid-dikjarazzjoni tad-direttur ta’ SNV, tat-30 ta’ Novembru 2006 li tindika li l-Mexphalte C ma huwiex prodott iffabbrikat mill-bitum, li l-iżviluppi fil-prezz ta’ dan il-prodott jistgħu jiġu biss kemxejn affettwati bil-prezz taż-żejt, li s-suq li fuqu jinbiegħ dan il-prodott huwa suq differenti minn dak tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq u li SNV kienet l-unika impriża li tipprovdi dan it-tip ta’ prodott fil-Pajjiżi l-Baxxi.

103    Minkejja l-fatt li r-rikorrenti ma esprimewx ruħhom b’mod ċar f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tagħhom, minn naħa, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

–       Eżami tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità

104    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ fatt u ta’ liġi li jeżistu fid-data meta l-att ġie adottat, u b’mod partikolari tal-informazzjoni li l-istituzzjoni setgħet kellha meta hija waqfitu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7). B’hekk ħadd ma jista’ jinvoka quddiem il-qorti tal-Unjoni, sabiex tiġi stabbilita l-illegalità tal-att ikkontestat, fatti li, peress li ma ġewx prodotti matul il-proċedura amministrattiva, setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, T‑58/05, Ġabra p. II‑2523, punt 151, u tal-25 ta’ Ġunju 2008, Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il‑Kummissjoni, T‑268/06, Ġabra p. II‑1091, punt 55). F’dan il-każ, mill-investigazzjoni jirriżulta li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tagħha, il-Kummissjoni ma kellhiex fil-pussess tagħha ż-żewġ dokumenti ċċitati fil-punt 102 iktar ’il fuq, li ġew prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, hekk kif ġie indikat fl-imsemmi punt.

105    Sa fejn dan jikkomporta l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-motiv għandu għaldaqstant jiġi eżaminati mingħajr ma l-imsemmija dokumenti jittieħdu inkunsiderazzjoni.

106    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kienet indikat b’mod ċar, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet tqis li l-akkordju kien jinkludi l-prodotti kollha tal-bitum użati għall-kostruzzjoni tat-toroq u tal-applikazzjonijiet paragunabbli, inklużi l-prodotti speċjali tal-bitum, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tal-bitum għal użu industrijali. Madankollu r-rikorrenti ma rreaġixxewx fuq dan il-punt fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bil-kontra ta’ impriżi oħra. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex jittrażmettu d-dħul mill-bejgħ tagħhom, fit-23 ta’ Mejju 2006 huma pprovdew l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħhom billi magħhom inkludew il-Mexphalte C, filwaqt li indikaw li, anki jekk dan il-prodott, fih innifsu, ma kienx ikkostitwixxa s-suġġett tal-akkordju, huwa kien l-“uniku bitum speċjali li jista’ jkun marbut mal-kostruzzjoni tat-toroq”.

107    Bħalma huwa indikat fil-punt 100 iktar ’il fuq, sabiex tiddefinixxi, fid-deċiżjoni kkontestata, is-suq rilevanti bħala li jinkludi l-prodotti speċjali kollha tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokumenti ta’ BP, ta’ ExxonMobil, ta’ KWS u ta’ SNV, li juru li l-iskali ta’ prezzijiet indirizzati lill-klijenti kienu jikkonċernaw il-prodotti tal-bitum kollha, inklużi l-prodotti speċjali, u li ż-żidiet fil-prezzijiet eventwali kienu jikkonċernaw ukoll dawn il-prodotti kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset ġustament, permezz tal-elementi li hija kellha meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, li l-bejgħ ta’ Mexphalte C kellu jidħol fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ ta’ Shell relatat mal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi.

108    Barra minn hekk, fir-rigward tal-istħarriġ tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jieħdu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u sabiex il-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-fatti u l-elementi ta’ dritt rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandu jiġi evalwat mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 216, u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, għandu jitfakkar li dan l-obbligu għandu importanza partikolari u hija l-Kummissjoni li għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha u, b’mod partikolari, li tispjega l-ponderazzjoni u l-evalwazzjoni li hija għamlet mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punt 61). Dan l-obbligu għandu jiġi ddeterminat fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 li jipprovdi li, “[f]it-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.” F’dan ir-rigward, il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi”), kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jinkludu regoli indikattivi dwar l-elementi ta’ evalwazzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-gravità u t-tul tal-ksur (sentenza Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 217). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti tal-formalità sostanzjali li tikkostitwixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li hija ħadet inkunsiderazzjoni skont il-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi u, jekk ikun il-każ, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li ppermettewlha tikkonstata l-gravità u t-tul tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa (sentenza Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 218).

110    Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni speċifikat li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi b’mod partikolari ddeterminata fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont numru kbir ta’ elementi bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, meta tkun qiegħda tiffissa l-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali u ma tistax titqies li hija marbuta tapplika, għal dan il-għan, formula matematika preċiża. Meta tikkonstata, f’deċiżjoni, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u timponi multi fuq l-impriżi li ħadu sehem f’dan il-ksur, il-Kummissjoni għandha, jekk tkun sistematikament ħadet inkunsiderazzjoni ċerti elementi bażiċi sabiex tiffissa l-ammont tal-multi, tindika dawn l-elementi fit-test tad-deċiżjoni sabiex id-destinatarji tagħha jkunu jistgħu jivverifikaw il-fondatezza tal-livell tal-multa u jevalwaw jekk kienx hemm diskriminazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il‑Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra p. II‑813, punti 162 sa 164, 171 u 173).

111    Fl-aħħar nett, il-qorti tal-Unjoni speċifikat li l-fatt li informazzjoni iktar preċiża minn dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni, bħad-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi jew ir-rati ta’ tnaqqis ikkunsidrati mill-Kummissjoni, ġew ikkomunikati ulterjorment, waqt konferenza tal-istampa jew matul il-proċedura kontenzjuża, ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni. Fil-fatt, preċiżazzjonijiet magħmula mill-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata, li jikkompletaw motivazzjoni li fiha nnifisha hija diġà suffiċjenti, ma jaqgħux daqstant taħt ir-rispett tal-obbligu ta’ motivazzjoni, anki jekk jistgħu jkunu utli għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni, eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, inkwantu jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet abbażi tad-deċiżjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il‑Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punti 41, 42 u 44).

112    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jidher li l-Kummissjoni mmotivat suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata.

113    Fil-fatt, f’din tal-aħħar, il-Kummissjoni pprovdiet bosta elementi ta’ evalwazzjoni li jippermettu li tiġi kkonstatata l-gravità tal-ksur. B’hekk hija ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, indikat ir-raġuni li għaliha ma kienx possibbli għaliha li tqis l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq, iddeterminat id-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni, ikklassifikat lill-impriżi kkonċernati f’numru ta’ kategoriji skont l-ishma tagħhom fis-suq fl-2001, l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, u, fl-aħħar nett, ħadet inkunsiderazzjoni l-aħħar dħul mill-bejgħ dinji ta’ dawn l-impriżi sabiex tiżgura ruħha mill-effett dissważiv suffiċjenti tal-multa (premessi 310 sa 325 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni preċiżat, fil-premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet ibbażat ruħha, għall-kalkolu tal-ishma tas-suq, fuq il-valur tal-bejgħ għall-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fl-2001 (jew tax-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuh tat-toroq, għall-kostrutturi). Issa, fil-premessi 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ppreċiżat li l-“bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq” għandu jiġi ddefinit bħala l-bitum użat għall-kostruzzjoni tat-toroq u tal-applikazzjonijiet paragunabbli, jiġifieri bitum ta’ reżistenza differenti, li jippermettu użu differenti, kif ukoll bitum ta’ kategoriji differenti, fosthom il-bitumi speċjali. Hija rrispondiet b’mod partikolari għall-oġġezzjonijiet ta’ żewġ impriżi intiżi sabiex jiġu esklużi l-prodotti speċjali tal-bitum billi straħet fuq dokumenti li rriżultaw minn numru ta’ kumpanniji (BP, ExxonMobil, KWS u SNV), li kienu jindikaw li l-bidliet fil-prezz tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq kellhim influwenza fuq dawk tal-prodotti oħra tal-bitum użati f’dan is-settur. Kif indikat id-deċiżjoni kkontestata (premessa 6 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 11), fost dawn id-dokumenti hemm dawk issekwestrati waqt spezzjonijiet li saru fl-uffiċċji ta’ SNV. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tagħmel preċiżazzjonijiet fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha waqt il-fażi kontenzjuża, li jistgħu jkunu utli għall-istħarriġ intern tal-motivi tad-deċiżjoni eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, peress li jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tagħha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni b’hekk ippreċiżat, fir-risposta, ċerti elementi speċifiċi li fuqhom hija kienet ibbażat ruħha sabiex tinkludi l-Mexphalte C fil-prodotti mill-bitum li kkostitwixxew is-suġġett tal-akkordju (ara l-punt 101 iktar ’il fuq).

114    Fl-aħħar nett, fir-replika, ir-rikorrenti qajmu l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, inkwantu l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-valur tax-xiri ta’ Mexphalte C fil-kalkolu tas-sehem mis-suq ta’ KWS. Madankollu għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-prodott ikkonċernat għall-parteċipanti kollha fl-akkordju kien il-bitum użat għall-kostruzzjoni tat-toroq u tal-applikazzjonijiet paragunabbli, inklużi l-bitumi speċjali (premessa 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata), u li, sabiex jiġu ddeterminati l-ishma mis-suq ta’ kull impriża kkonċernata, hija kienet bagħtitilhom talbiet għal informazzjoni li kienu ppermettewlha tistabbilixxi tabelli tal-valur tal-bejgħ u tax-xiri ta’ bitum għal kull impriża fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-2001, u li t-total tax-xiri tal-kostrutturi kien ugwali għat-total tal-bejgħ tal-fornituri (premessi 29, 319 u 320 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti ma pproduċew ebda element li jippermetti li jiġi indikat li l-Kummissjoni waslet għal definizzjoni differenti tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju fid-determinazzjoni tagħha tas-sehem mis-suq ta’ KWS, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

115    B’hekk ebda wieħed mill-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors tagħhom għal annullament u dwar l-inklużjoni tal-Mexphalte C fil-prodotti kkonċernati mill-akkordju ma huwa tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Eżami tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa

116    Għandu jitfakkar li l-istħarriġ ta’ legalità huwa kkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa, li kienet irrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u li issa hija rrikonoxxuta mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lilhinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti. Għaldaqstant l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika, skont ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm legali kif ukoll fattwali u li din għandha s-setgħa tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata, u temenda l-ammont tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punti 103 u 106; Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punti 63 u 67, u KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra p. I‑13125, punti 130 u 133). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE, l-ebda dispożizzjoni ma timponi fuq id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta, matul il-proċedura amministrattiva, id-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi li din id-dikjarazzjoni tinkludi, taħt piena li ma jkunx jista’ jikkontestahom ulterjorment fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6371, punt 89).

117    Għalhekk hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa, fid-data li fiha tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ġietx imposta fuq ir-rikorrenti multa li l-ammont tagħha jirrifletti korrettament il-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, T‑156/94, Ġabra p. II‑645, punti 584 sa 586; tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 51 sa 56 u 293 sa 315, u tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/06, Ġabra p. II‑2593, punti 251 sa 253), u b’mod partikolari jekk il-Kummissjoni ddeterminatx korrettament id-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti relatat mal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi.

118    Madankollu għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lil impriża sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja li tikkonċerna fatti li hija setgħet kellha għarfien dwarhom u sabiex tikkomunikalha, jekk ikun hemm bżonn, id-dokumenti relatati li jkunu fil-pussess tagħha, bis-sempliċi kundizzjoni li ma timponix fuq l-impriża l-obbligu li tipprovdi risposti li permezz tagħhom hija tasal sabiex taċċetta l-eżistenza tal-ksur li fir-rigward tiegħu għandha tkun il-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prova tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punti 34 u 35). Impriża li lilha l-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, hija, barra minn hekk, marbuta b’obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva u tista’ tiġi ssanzjonata b’multa speċifika, prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, li tista’ tirrappreżenta sa 1 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha jekk hija tipprovdi, deliberatament jew b’negliġenza, informazzjoni ineżatta jew żnaturata. Minn dan jirriżulta li, fl-eżerċizzju tal-urisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, nuqqas ta’ kollaborazzjoni ta’ impriża u b’konsegwenza ta’ dan iżżid l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha għal ksur tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE, sakemm din l-impriża ma tkunx ġiet issanzjonata għal dan l-istess aġir permezz ta’ multa speċifika bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

119    Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fl-ipoteżi fejn, b’risposta għal domanda f’dan is-sens min-naħa tal-Kummissjoni, impriża tkun naqset milli tippreżenta, b’mod deliberat jew b’negliġenza, matul il-proċedura amministrattiva, elementi determinanti bil-għan li jiġi ffissat l-ammont tal-multa u li hija kellha jew li setgħet kellha meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali ma hijiex impedita milli tieħu dawn l-elementi inkunsiderazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-impriża li tistabbilixxi dan biss fl-istadju kontenzjuż, billi b’hekk tippreġudika l-għan u t-tmexxija tajba tal-proċedura amministrattiva, tesponi ruħha għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-fatt fid-determinazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ammont xieraq tal-multa.

120    Għaldaqstant, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-elementi pprovduti mir-rikorrenti fl-istadju kontenzjuż jippermettux li jiġi stabbilit li d-dħul mill-bejgħ mill-Mexphalte C ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

121    L-ewwel dokument, li jikkomporta tabella li tipparaguna l-iżvilupp tal-prezz tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq u tal-Mexphalte C matul il-perijodu 1995-2002 kif ukoll tal-ittri ta’ SNV, ta’ dan il-perijodu, li tinforma lill-klijenti tagħha li ż-żidiet fil-prezzijiet kienu dovuti għall-iżvilupp tal-prezzijiet fil-materji primi, jippermetti biss li jiġi kkonstatat li ż-żidiet fil-prezz tal-Mexphalte C saħansitra kienu jikkorrispondu ma’ dawk tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, anki jekk dan ma kienx sistematikament il-każ (paralleliżmu tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet f’Mejju u f’Ġunju 1999, fi Frar 2000, f’April u f’Settembru 2002), liema fatt jista’ jiġi spjegat permezz ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ politika kummerċjali (pereżempju, fis-27 ta’ Mejju 1999, SNV tat tnaqqis speċjali lill-klijenti tagħha fuq dan il-prodott sabiex tinċentiva l-użu tiegħu). Barra minn hekk, l-ittri li SNV bagħtet lill-klijenti tagħha, li akkumpanjaw dawn iż-żidiet fil-prezzijiet, indikaw li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet kienu dovuti għall-iżvilupp tal-prezzijiet fis-suq taż-żejt.

122    It-tieni dokument, li jikkonsisti fid-dikjarazzjoni tad-direttur ta’ SNV tat-30 ta’ Novembru 2006, jippermetti biss li jiġi konkluż li l-Mexphalte C huwa ffabbrikat mir-reżina, minn estratti ta’ żejt lubrifikanti u minn polimeri. B’risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti barra minn hekk ippreċiżaw li l-Mexphalte C essenzjalment kien kompost minn żewġ elementi, il-BFE u n-Nevchem 2338, li huma stess huma derivati taż-żejt mhux maħdum, prodotti skont proċess ta’ produzzjoni differenti minn dak tal-bitum. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li, anki jekk il-Mexphalte C huwa prodott skont proċess ta’ fabbrikazzjoni separat minn dak tal-bitum u li l-komponenti tiegħu ma humiex derivati mill-bitum, iż-żejt mhux maħdum jibqa’ l-ewwel materja prima ta’ oriġini tal-komponenti tiegħu, bħal fil-każ tal-bitum.

123    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li l-Mexphalte C jikkostitwixxi suq differenti minn dak tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq. Fil-fatt, huma ħadu l-ħsieb li jsostnu li l-Mexphalte C kien, b’mod ġenerali, jinxtara mill-muniċipalitajiet u li ma kienx jintuża għall-awtostradi. Min-naħa l-oħra, huma ma pproduċew ebda prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-iżvilupp tal-prezz tal-Mexphalte C kien indipendenti minn dak tal-prezz tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq matul il-perijodu li jikkostitwixxi ksur.

124    Bħala konklużjoni, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali li tippermetti li jiġi stabbilit li l-Mexphalte C ma kienx jagħmel parti mill-prodotti li jifformaw is-suq li jikkostitwixxi s-suġġett tal-akkordju, filwaqt li numru ta’ elementi mill-fajl jindikaw li l-prezz tal-Mexphalte C kien strettament marbut mal-prezz tal-bitum standard għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq. Għaldaqstant xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li d-dħul mill-bejgħ relatat mal-Mexphalte C għandu jiġi eskluż mid-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

125    Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti naqsux mill-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva billi pproduċiet l-elementi esposti iktar ’il fuq biss fl-istadju kontenzjuż u mhux matul il-proċedura amministrattiva.

126    Mill-ittra indirizzata mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Mejju 2006 jirriżulta li huma pprovdew l-ammont tad-dħul mill-bejgħ tagħhom billi inkludew il-Mexphalte C, l-uniku bitum speċjali li, fl-opinjoni tagħhom, jista’ jkun marbut mal-kostruzzjoni tat-toroq, billi madankollu ppreċiżaw li dan il-prodott ma jikkostitwixxix fih innifsu s-suġġett tal-akkordju. Minkejja li din il-formolazzjoni tikkomporta ċerta ambigwità u li r-rikorrenti ma pprovdew l-ebda element probatorju insostenn ta’ dawn l-affermazzjonijiet, huwa paċifiku li huma indikaw lill-Kummissjoni li kienu jqisu li d-dħul mill-bejgħ tal-Mexphalte C ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa tagħhom. Fin-nuqqas ta’ talba għal informazzjoni komplementari indirizzata mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fuq dan il-punt, ma jidhirx, f’dan il-każ, li r-rikorrenti naqsu mill-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali matul il-proċedura amministrattiva billi ma pprovdewx id-dokumenti deskritti fil-punti 121 u 122 iktar ’il fuq, minkejja li dawn setgħu ġew prodotti f’din l-okkażjoni.

127    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti naqsu mill-obbligu tagħhom ta’ kollaborazzjoni li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003.

128    Għaldaqstant l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

129    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt billi qieset li l-ksur kien beda fl-1 ta’ April 1994. Din l-affermazzjoni tistrieħ biss fuq żewġ noti interni ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu u t-8 ta’ Lulju 1994, li madankollu ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ ftehimiet fuq il-prezzijiet bejn il-fornituri. Skont huma, il-kuntratti ma’ KWS li għalihom jirreferu dawn in-noti kienu għalhekk purament bilaterali. Għas-sena 1995, il-Kummissjoni saħansitra rrikonoxxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kellha ebda prova ta’ kuntatti antikompetittivi bejn il-fornituri. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-akkordju beda matul l-ewwel laqgħa antikompetittiva, li nżammet fid-19 ta’ Frar 1996. Huma jfakkru li, fi kwalunkwe każ, id-dubju għandu jiffavorixxi lilhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 115).

130    Il-Kummissjoni tqis li hija ma wettqet ebda żball ta’ fatt billi qieset li l-ksur kien beda fl-1 ta’ April 1994 u kompla fl-1995.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

131    F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu wettqu ksur fit-tul, billi dan kien ogħla minn ħames snin, u kellu tul totali ta’ tmien snin, mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, fejn b’hekk l-ammont tat-tul kellu jiżdied bi 80 % (premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata).

132    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni użat numru ta’ provi konkordanti sabiex tikkunsidra li l-akkordju kien beda mill-1994 (premessi 93 sa 99 u 175 sa 178 tad-deċiżjoni kkontestata).

133    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni b’hekk ibbażat ruħha fuq iż-żewġ noti interni ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu u t-8 ta’ Lulju 1994, li jistabbilixxi t-tħabbir minn Shell tal-iffissar tal-prezz tal-bitum tal-1 ta’ April 1994 sal-1 ta’ Jannar 1995, bi tnaqqis massimu lill-W5 (u tnaqqis inqas importanti lill-kostrutturi ż-żgħar), u tal-eżistenza ta’ ftehimiet fuq il-prezzijiet konklużi bejn il-kumpanniji taż-żejt u l-W5 saħansitra qabel ix-xahar ta’ Marzu 1994. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dawn iż-żewġ noti ma jippermettux li jiġu stabbiliti l-kuntatti purament bilaterali bejn Shell u KWS, iżda jistabbilixxu, b’mod inekwivoku, l-eżistenza ta’ ftehimiet bejn il-fornituri u l-W5.

134    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq iż-żewġ noti interni ta’ SNV tas-6 u tad-9 ta’ Frar 1995. In-nota tas-6 ta’ Frar 1995, li tagħmel deskrizzjoni storika tal-iżvilupp tas-suq tal-kostruzzjoni tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, tistabbilixxi b’mod partikolari l-“oriġini tal-kartell” sa mill-1980, tas-sehem ta’ responsabbiltà li jappartjeni kemm lill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll lill-kostrutturi u lill-fornituri fit-tfassil ta’ ċertu ftehimiet, tat-tneħħija tal-akkordju fil-forma inizjali tiegħu fl-1993 u tal-fatt li l-kostrutturi rrikjedew stabbiltà ikbar tal-prezzijiet fl-1995, sabiex il-volumi u t-tqassim tas-swieq jerġgħu jsibu approssimativament il-livell tagħhom tal-1993. In-nota tad-9 ta’ Frar 1995 issemmi tentattiv min-naħa ta’ SNV li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mill-1992, li madankollu ma tatx ir-riżultati xierqa, kif ukoll il-konklużjoni ta’ ftehimiet fuq il-prezzijiet bejn il-W5 u l-fornituri, b’deteriment tal-kontraenti u tal-impriżi li ma jappartjenux lill-W5. Din in-nota ssemmi l-possibbiltajiet differenti li jistgħu jippermettu lil SNV tirtira minn dan l-akkordju, filwaqt li tenfasizza d-diffikultajiet inerenti għal tali għażla. Id-dikjarazzjoni ta’ impjegat ta’ Kuwait Petroleum tad-9 ta’ Ottubru 2003 tippermetti wkoll li jiġi kkonfermat li l-ftehimiet bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar kienu diġà jeżistu mal-wasla ta’ dan l-impjegat fi ħdan id-diviżjoni “Bitum” ta’ din il-kumpannijia f’Marzu u f’April 1994. Fl-aħħar nett, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-impriża tal-10 ta’ Ottubru 2003, SNV stess indikat li, wara l-1993, il-kostrutturi l-kbar kienu sabu metodu ieħor sabiex jevitaw il-perturbazzjonijiet tas-suq tal-kostruzzjoni tat-toroq, billi jorganizzaw laqgħat mal-fornituri (premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

135    Fit-tielet lok, numru ta’ dokumenti ssekwestrati mill-Kummissjoni jippermettu li jiġi kkonfermat li s-sistema ta’ tnaqqis u ta’ sanzjonijiet kienet topera fl-1995. B’hekk il-Kummissjoni ssekwestrat nota interna ta’ HBG tas-7 ta’ Lulju 1995, li tindika li Kuwait Petroleum Nederland BV (iktar ’il quddiem “KPN”) u Wintershall AG kienu joffru tnaqqis supplimentari lil HBG, u rapport intern ta’ Wintershall tal-4 ta’ Marzu 1996, dwar laqgħa mal-kumpannija Heijmans, li ssemmi l-ammont tat-tnaqqis dovut lil din il-kumpannija (premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, dan l-istess rapport ta’ Wintershall jindika li, fl-1995, hija kienet ikkonstatat li l-fornituri kienu taw tnaqqis indebitu lill-kostrutturi ż-żgħar (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata).

136    Fir-raba’ lok, ir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-20 ta’ Mejju 2005 tindika wkoll li l-ftehimiet bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar kienu jeżistu sa mill-1993 (premessi 96 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, it-talbiet ta’ tliet impriżi intiżi sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jippermettu li jiġi kkonfermat li l-ftehimiet kienu jeżistu mill-inqas sa mill-1 ta’ April 1994. Dawn jirrigwardaw id-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum tad-9 ta’ Ottubru 2003, ir-risposta tal-impriża Nynas tat-2 ta’ Ottubru 2003 għal talba għal informazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ BP tat-12 ta’ Lulju 2002.

138    Fir-rigward tas-sena 1995, għandu jiġi ppreċiżat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni assolutament ma rrikonoxxietx li hija ma kellha ebda prova ta’ kuntatti antikompetittivi bejn il-fornituri, iżda biss li hija ma kellhiex provi dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda fl-1995 u lanqas li l-ftehimiet preċedenti kienu ntemmew dik is-sena, u li hija għalhekk kienet ikkonkludiet li l-ftehimiet stabbiliti fl-1994 kienu baqgħu fis-seħħ fl-1995 (premessi 98 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

139    B’hekk minn dawn il-provi konkordanti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra u pprovat suffiċjentement skont il-liġi li l-ksur imwettaq mir-rikorrenti kien beda fl-1 ta’ April 1994. Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jikkonċernaw iċ-ċirkustanzi aggravanti

140    Qabel kollox, għandu jiġi speċifikat li l-qorti tal-Unjoni tqis li huwa neċessarju, waqt l-eżami tar-rwol ta’ impriża fi ksur, li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ mexxej u dak ta’ promotur ta’ ksur u li jsiru żewġ analiżi separati sabiex jiġi vverifikat jekk hija kellhiex rwol jew ieħor. Fil-fatt, filwaqt li r-rwol ta’ promotur jikkonċerna l-mument meta jiġi stabbilit jew jitkabbar akkordju, ir-rwol ta’ mexxej jikkonċerna l-funzjonament tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 316).

 Fuq ir-rwol ta’ promotur ta’ SNV

 L-argumenti tal-partijiet

141    Ir-rikorrenti jqisu li, billi attribwixxiet lil SNV, flimkien ma’ KWS, ir-rwol ta’ promotur tal-akkordju, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li jiġġustifikaw l-annullament, sħiħ jew parzjali, taż-żieda ta’ 50 % fil-multa li ġiet imposta fuqhom.

142    Il-Kummissjoni tfakkar li l-qorti tal-Unjoni tagħmel distinzjoni bejn ir-rwolijiet ta’ promotur u ta’ mexxej u li, għalkemm il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-provi huma insuffiċjenti fir-rigward ta’ wieħed miż-żewġ rwoli, hija madankollu tista’ xorta waħda żżomm iż-żieda ta’ 50 % fl-ammont tal-multa (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 342 sa 349). Fir-rigward tal-attribuzzjoni tar-rwol ta’ promotur lil SNV, il-Kummissjoni tindika li bbażat ruħha fuq il-fatt, minn naħa, li SNV kienet ipproponiet lil KWS li twettaq tnaqqis speċifiku għall-kostrutturi l-kbar, fejn b’hekk tinterpreta rwol fit-tfassil tal-akkordju, u, min-naħa l-oħra, li SNV kienet ipprovat tipperswadi lil ExxonMobil tidħol fl-akkordju. Il-Kummissjoni użat tliet provi konkordanti, jiġifieri silta minn rapport intern ta’ Wintershall tal-1992, żewġ elementi mir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, fl-aħħar nett, żewġ noti interni ta’ ExxonMobil tal-1993. Fl-aħħar nett hija tfakkar li l-qorti tal-Unjoni ma timponilhiex li jkollha fil-pussess tagħha elementi li jikkonċernaw l-elaborazzjoni jew il-konċepiment tad-dettalji tal-akkordju sabiex tistabbilixxi r-rwol ta’ promotur ta’ impriża (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 578, u BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 321).

–       Fuq il-proposta magħmula lil KWS ta’ skont speċjali lill-W5

143    Sabiex tistabbilixxi li SNV kienet responsabbli għall-akkordju, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq xhieda ta’ wieħed mill-impjegati ta’ KWS, mogħtija fir-risposta minn din tal-aħħar għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tindika li SNV kienet ipproponiet għall-ewwel darba fl-1993 li l-fornituri jagħtu skont speċjali lill-W5. Madankollu, wara t-trażmissjoni ta’ din ix-xhieda lil SNV, id-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ din tal-aħħar kien għamel, fit-22 ta’ Novembru 2006, dikjarazzjoni ġuramentata li tikkontesta din l-affermazzjoni, fejn kien ġie indikat b’mod partikolari li l-W5, li diġà kienet irrikjediet skontijiet preferenzjali meta kienet ħadet il-post tagħha fl-1992, kienet il-ħsieb wara dawn l-iskontijiet preferenzjali.

144    Preliminarjament, il-Kummissjoni tqajjem kwistjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-dikjarazzjoni, li ma tistax, fl-opinjoni tagħha, tikkostitwixxi prova valida. Ir-rikorrenti jispeċifikaw li d-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV ma nstemax mill-Kummissjoni wara l-introduzzjoni tat-talba ta’ SNV intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, peress li l-Kummissjoni kienet indikatilha li dan is-smigħ kien neċessarju biss sa fejn din il-persuna kienet f’pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni komplementari, liema fatt ma kienx il-każ. B’hekk, minkejja li hija nżammet għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma qisitx li kien utli li tismagħha matul il-proċedura amministrattiva.

145    Barra minn hekk ir-rikorrenti jqisu li d-dikjarazzjoni ta’ KWS ma tantx hija affidabbli u jfakkru li hija ġiet ikkontestata mid-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV u li din ma hija kkorroborata minn ebda prova oħra. Barra minn hekk huma jqisu li l-Kummissjoni marret kontra d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u għal investigazzjoni imparzjali billi ma vverifikatx il-kredibbiltà tal-affermazzjonijiet ta’ KWS u billi l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u ta’ liġi u naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi qieset li din id-dikjarazzjoni ta’ KWS kienet tippermetti li jiġi stabbilit li SNV kienet il-promotur tal-akkordju.

146    Skont il-Kummissjoni, minn naħa, mill-fajl tagħha ma jirriżultax li KWS kienet l-unika li ħadet l-inizjattiva sabiex isir l-akkordju u, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li SNV ħadet l-inizjattiva li ttemm il-parteċipazzjoni tagħha f’ftehimiet antikompetittivi preċedenti. Bil-kontra, il-Kummissjoni tqis li ż-żewġ gruppi ta’ impriżi kellhom interess ekonomiku għall-funzjonament tas-suq, wieħed fuq in-naħa tal-offerta, mal-fornituri, u l-ieħor fuq in-naħa tad-domanda, mal-kostrutturi. B’hekk il-fornituri kellhom interess fl-akkordju, peress li huwa kien jiggarantilhom iż-żieda u l-istabbiltà tal-prezzijiet u kien jippermettilhom jipprevjenu l-wasla ta’ fornitur ġdid fis-suq, li seta’ jipproponi prezzijiet inferjuri, b’mod individwali, lill-kostrutturi u b’hekk inaqqas l-ishma tagħhom mis-suq.

147    Sabiex jiġi stabbilit li SNV kellha rwol ta’ promotur, billi pproponiet lil KWS tagħti skont speċjali lill-W5, il-Kummissjoni indikat li straħet, hekk kif tippermettilha l-qorti tal-Unjoni, fuq numru ta’ dokumenti kontemporanji u posterjuri għall-akkordju, li jikkorroboraw l-elementi li jinsabu fir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2007, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02 u T‑126/02, T‑128/02 u T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 563). Hija ħadet ukoll inkunsiderazzjoni, minn naħa, ir-rapport intern ta’ Wintershall tal-20 ta’ Frar 1992, li jsemmi kuntatti bejn SNV u KWS, fejn SNV kienet inkarigata milli tagħmel proposti ta’ kooperazzjoni futura bejn il-fornituri u l-W5, u, min-naħa l-oħra, nota interna ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu 1994, dwar il-komunikazzjoni minn SNV tal-prezzijiet u l-iskontijiet miftiehma.

148    Il-fatt li elementi oħra jippermettu li tiġi kkorroborata x-xhieda ta’ KWS jispjega wkoll id-differenza fit-trattament li l-Kummissjoni rriżervat lil ExxonMobil meta din tal-aħħar ġiet involuta minn kumpanniji oħra.

–       Fuq it-tentattivi sabiex ExxonMobil tiġi persważa tingħaqad mal-akkordju

149    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha biss fuq iż-żewġ noti interni ta’ ExxonMobil sabiex tistabbilixxi li SNV ipprovat tipperswadiha tingħaqad mal-akkordju u li b’hekk kellha rwol ta’ promotur.

150    Skont il-Kummissjoni, iż-żewġ noti interni ta’ ExxonMobil huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li SNV ipprovat tipperswadiha tingħaqad mal-akkordju u li għalhekk, hija kellha r-rwol ta’ provokatur. Qabel kollox hija tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, impriża li ssuġġeriet lil oħra l-opportunità ta’ kollużjoni jew li pprovat tikkonvinċiha tingħaqad fiha tista’ tiġi kkwalifikata bħala provokatur tal-akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 321). Il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-fatt li msieħeb kummerċjali jinforma lill-ieħor dwar il-prezzijiet li għandu l-intenzjoni japplika fil-konfront tal-klijenti tiegħu huwa illegali. Barra minn hekk, hija tispeċifika li dan ma kienx jirrigwarda inċident wieħed, peress li d-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV ikkuntattja lil ExxonMobil f’Marzu 1993 u f’Marzu 1994, u li l-fatt, jekk jitqies li dan ġie stabbilit, li l-akkordju kien għadu ma ġiex implementat huwa mingħajr effett fuq il-kwalifika ta’ provokatur. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni li fornituri oħra kellhom kuntatt ma’ ExxonMobil, dan ma ġiex stabbilit b’mod suffiċjenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

151    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li SNV, fi ħdan il-grupp tal-fornituri, u KWS, fi ħdan il-W5, kellhom responsabbiltà partikolari minħabba r-rwol rispettiv tagħhom ta’ provokatur tal-akkordju (premessa 342). Hija qieset li ż-żewġ elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li SNV kellha rwol ta’ provokatur fl-akkordju: minn naħa, SNV pproponiet lil KWS tagħti tnaqqis speċifiku lill-W5, fejn b’hekk kellha rwol fit-tfassil tal-akkordju, u, min-naħa l-oħra, SNV ippruvat tipperswadi lil ExxonMobil sabiex tingħaqad mal-akkordju. Għalhekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tliet provi li hija tqis li huma konkordanti: silta minn rapport intern ta’ Wintershall tat-18 ta’ Frar 1992, li tindika, minn naħa, li KWS informatha li hija kienet ikkuntattjat lil SNV sabiex titlobha tagħmel proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5 u, min-naħa l-oħra, li SNV kienet għalhekk ipproponitilha offerta ta’ tnaqqis speċjali għall-W5 fl-1993, żewġ elementi tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li jikkonfermaw li dawn l-inizjattivi ta’ SNV kienu taw lok għall-akkordju, u, fl-aħħar nett, noti interni ta’ ExxonMobil relatati mat-tentattiv ta’ SNV li tħajjarha tingħaqad fl-akkordju.

–       Prinċipji ġenerali relatati mar-rwol ta’ provokatur

152    Meta jitwettaq ksur minn numru ta’ impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 92), liema fatt jimplika, b’mod partikolari, li għandhom jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur matul il-parteċipazzjoni tagħhom fih (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 150, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il‑Kummissjoni, T‑6/89, Ġabra p. II‑1623, punt 264).

153    Jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ provokatur jew ta’ mexxej ta’ impriża jew ta’ numru ta’ impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, inkwantu l-impriżi li kellhom tali rwol għandhom, minħabba f’hekk, iġorru responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr Melnhof vs Il‑Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 291, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, imsejħa “Tokai I”, punt 301).

154    B’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi jistabbilixxi, taħt l-intestatura ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda tal-ammont bażiku tal-multa u li tinkludi, b’mod partikolari, ir-“rwol ta’ mexxej, jew provokatur tal-ksur” (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 280 sa 282).

155    Għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi kkwalifikata bħala provokatur ta’ akkordju, impriża għandha tkun imbuttat jew inkoraġġiet impriżi oħra sabiex jiġi stabbilit l-akkordju jew sabiex jingħaqdu miegħu. Min-naħa l-oħra, ma huwiex biżżejjed li wieħed sempliċement jirriżulta fost il-membri fundaturi tal-akkordju. Din il-kwalifika għandha tiġi riżervata għall-impriża li, jekk ikun il-każ, tkun ħadet l-inizjattiva, pereżempju billi tissuġġerixxi lill-oħra l-opportunità ta’ kollużjoni jew billi tipprova tikkonvinċiha tipproċedi fiha (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 321). Madankollu l-qorti tal-Unjoni ma timponix lill-Kummissjoni ikollha fil-pussess tagħha l-informazzjoni relatata mal-elaborazzjoni jew mal-ippjanar tad-dettalji tal-akkordju. Fl-aħħar nett, hija ppreċiżat li r-rwol ta’ provokatur kien jikkonċerna l-mument tal-istabbiliment jew tat-tkabbir ta’ akkordju (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 316), liema fatt jippermetti li jitqies li numru ta’ impriżi jistgħu simultanjament ikollhom rwol ta’ provokatur fi ħdan akkordju.

156    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, il-fatt li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq ġrajja unika sabiex tistabbilixxi li impriża kellha rwol ta’ provokatur f’akkordju, bil-kundizzjoni li dan l-element uniku jippermetti li jiġi stabbilit b’mod ċert li din l-impriża mbuttat jew inkoraġġiet lil impriżi oħra jistabbilixxu l-akkordju jew jingħaqdu miegħu. Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, peress li l-legalità tad-deċiżjonijiet tagħha fis-suġġett jistgħu jiġu evalwati biss abbażi ta’ regoli imposti fuqha, fosthom, b’mod partikolari, ir-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004 u l-Linji Gwida, hekk kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni (ara l-punt 90 iktar ’il fuq). Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta biss mill-punt 350 tas-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, li impriża ma tistax tipprova timminimizza r-rwol tagħha ta’ mexxej ta’ ksur billi timputah lil impriża oħra, ġaladarba din tal-aħħar tkun ħadet darba biss l-inizjattiva li tħabbar żieda fil-prezz deċiż fi ħdan l-akkordju, meta jkun paċifiku li hija stess kienet ħabbret dawn iż-żidiet fil-prezzijiet numru ta’ drabi.

157    Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 342) jirriżulta li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq ir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tqis li SNV kellha rwol ta’ provokatur f’dan l-akkordju, iżda użat ukoll silta minn rapport intern ta’ Wintershall, tat-18 ta’ Frar 1992, li tindika li KWS informatha li hija kienet ikkuntattjat lil SNV sabiex titlobha tagħmel proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5, u li b’hekk SNV kienet għamlitilha offerta ta’ tnaqqis speċjali għall-W5 fl-1993, kif ukoll noti interni ta’ ExxonMobil relatati mat-tentattiv ta’ SNV li tipprovokaha sabiex tingħaqad mal-akkordju.

158    Fir-rigward tal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa jekk il-Kummissjoni pproduċietx provi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li SNV kellha rwol ta’ provokatur fl-akkordju.

–       Ammissibbiltà tax-xhieda pprovduta mir-rikorrenti

159    Qabel kollox, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni tad-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV, magħmula fit-22 ta’ Novembru 2006, li tindika li kienet biss il-W5 li kienet responsabbli għall-akkordju. Fil-fatt il-Kummissjoni tqis li, wara t-talba magħmula minn SNV fl-10 ta’ Ottubru 2003, intiża sabiex tibbenefika mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li kienet tikkomporta dikjarazzjoni ta’ impjegat tagħha, hija kienet xtaqet tisma’ lil dan tal-aħħar, iżda SNV kienet opponiet dan is-smigħ, u d-dikjarazzjoni tal-2006 kienet tikkostitwixxi abbuż tal-proċedura ta’ smigħ ta’ xhieda prevista mir-Regoli tal-Proċedura u ma setgħetx, għalhekk, tikkostitwixxi prova valida (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ April 2004, M vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑172/01, Ġabra p. II‑1075, punt 94).

160    Madankollu għandu jiġi enfasizzat li din is-sentenza tippreċiża biss li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn xhieda miġbura mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-proċedura ta’ smigħ prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 68 sa 76 tar-Regoli tal-Proċedura u xhieda miġbura f’kuntest ieħor, li tikkostitwixxi biss produzzjoni ta’ prova. Il-Qorti Ġenerali hija wara kollox libera tevalwa mingħajr restrizzjoni l-valur li għandu jiġi attribwit lill-punti ta’ fatt u lill-provi differenti sottomessi lilha jew li setgħet ġabret hija stess (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-20 ta’ Ottubru 2004, Ripa di Meana vs Il‑Parlament, C‑360/02 P, Ġabra p. I‑10339, punt 28). Ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lil rikorrenti tissottometti produzzjoni ta’ prova quddiem il-Qorti Ġenerali meta hija ma tkunx ipproduċietha waqt il-proċedura amministrattiva. Madankollu, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu dan il-fatt inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tas-saħħa probatorja ta’ din il-produzzjoni ta’ prova. Għalhekk id-dikjarazzjoni inkwistjoni għandha titqies li hija ammissibbli.

161    Fir-rigward tas-saħħa probatorja ta’ din ix-xhieda ppreżentata mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi, bl-eċċezzjoni tad-derogi previsti mir-Regoli tal-Proċedura msemmija iktar ’il fuq, u li l-uniku kriterju biex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (konklużjonijet tal-Imħallef Vesterdorf fil-kapaċità tiegħu bħala Avukat Ġenerali għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône‑Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, II‑869). F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li tiġi vverifikata l-verità tal-informazzjoni li tinsab ġo fiha. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-orġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tal-elaborazzjoni tiegħu, id-destinatarju tiegħu, u wieħed għandu jistaqsi jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa sensat u affidabbli (sentenza Ciments, punt 77 iktar ’il fuq, punt 1838). Għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex il-possibbiltà li timponi s-smigħ ta’ persuni bħala xhieda taħt ġurament, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jippermettulha tiġbor id-dikjarazzjonijiet ta’ kull persuna li taċċetta li tiġi interrogata.

162    F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, wara t-talba magħmula minn SNV fl-10 ta’ Ottubru 2003, intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li kienet tikkomporta dikjarazzjoni tad-direttur tal-bejgħ ta’ bitum tagħha, il-Kummissjoni staqsiet lil SNV jekk din il-persuna kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni komplementari meta mqabbla ma’ dik li tinsab f’din id-dikjarazzjoni, f’liema kuntest SNV wieġbet fin-negattiv, filwaqt li indikat li l-Kummissjoni madankollu setgħet tismagħha li kieku hija kellha tqis li dan kien neċessarju. Għalkemm huwa minnu li, madankollu l-Kummissjoni ma talbitx li tisma’ din il-persuna, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-24 ta’ Settembru 2003 magħmula fil-kuntest tat-talba ta’ SNV sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, din il-persuna impjegata ta’ SNV kienet indikat li l-W5 xtaqet issir taf il-prezz gross ta’ SNV bħala bażi ta’ kalkolu sabiex tipproċedi sabiex twettaq żidiet fil-prezz uniformi fis-suq kollu u li kienet inkarigata tikkuntattja lil KWS hekk kif il-ħtieġa ta’ laqgħa ta’ ftehim fuq il-bitum kienet tirriżulta neċessarja, meta, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-2006, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija ċaħdet li pproponiet l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ tnaqqis speċifika għall-W5 u li ftehmet mal-fornituri l-oħra. B’hekk, għandu jiġi konkluż li dawn l-elementi jnaqqsu s-saħħa probatorja u, konsegwentement, il-kredibbiltà tax-xhieda ppreżentata mir-rikorrenti.

–       Fuq it-tnaqqis speċifiku mogħti lill-W5

163    Qabel kollox ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex koerenti li jiġi kkunsidrat li l-fornituri seta’ kellhom interess għall-istabbiliment ta’ tali akkordju, liema fatt jippermetti li jiġi stabbilit li kienu biss il-kostrutturi li ħadu l-inizjattiva sabiex jiġi fis-seħħ. Huma jippreċiżaw li huma biss dawn tal-aħħar li kienu implementaw miżuri ta’ ritorsjoni kontra fornituri li ma josservawx it-termini tal-ftehimiet.

164    Madankollu mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 146 sa 154) jirriżulta li ż-żewġ gruppi ta’ impriżi kellhom interess ekonomiku għall-funzjonament tal-akkordju, peress li fornituri, min-naħa tal-offerta, għandhom il-vantaġġ li jiggarantixxu ż-żieda fil-prezzijiet ta’ bejgħ tagħhom (peress li anki wara t-tnaqqis għall-W5, dawn kienu jinsabu fuq livell ogħla minn dawk tal-pajjiżi ġirien) kif ukoll l-istabbiltà tagħhom, filwaqt li jipprevjenu d-dħul ta’ fornitur ġdid fis-suq li seta’ ppropona prezzijiet inferjuri, b’mod individwali, lill-kostrutturi. Barra minn hekk, l-argument dwar in-nuqqas ta’ interess għall-fornituri li jipproponu tnaqqis preferenzjali lill-W5 jista’ jiġi eskluż, ġalabarba, bħal ma indikat ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 149), iż-żidiet fil-prezz gross issuġġeriti mill-fornituri ġew aċċettati mill-kostrutturi l-kbar biss taħt il-kundizzjoni li jiġu assoċjati ma’ żieda fit-tnaqqis mogħti lill-W5.

165    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li SNV ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-provokatur tal-akkordju meta hija pprovat ittemm l-akkordju fl-1993. Madankollu din l-affermazzjoni ma tistrieħx fuq provi konvinċenti biżżejjed. Fil-fatt, in-nota interna tas-6 ta’ Frar 1995 li fuqha jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti tindika biss tentattiv wieħed min-naħa ta’ SNV li ttemm akkordju, min-naħa tal-bejgħ, fl-1993, iżda ma jidhirx li rnexxa, u ssemmi, barra minn hekk, li SNV u ExxonMobil kienu wara dan l-istess akkordju (u mhux wara l-waqfien tiegħu) min-naħa tal-offerta.

166    Barra minn hekk ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq ir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tqis li SNV kienet għamlet proposti ta’ tnaqqis speċifiku lill-W5 u li x-xhieda tal-impjegat ta’ KWS li tinsab f’dan id-dokument kellha biss valur probatorju limitat ħafna, peress li kien ġie pprovdut fil-kuntest tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kien jiddeskrivi lil KWS bħala provokatur tal-kartell, u għaldaqstant kien intiż biss sabiex jattribwixxi r-rwol ta’ provokatur lil kumpannija oħra. Fil-fehma tagħhom, jeħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din ix-xhieda saret tnax-il sena wara l-fatti kontenzjużi u li r-risposta ta’ KWS kienet, b’mod ġenerali, ftit kredibbli, peress li kienet tikkomporta bosta ineżattezzi. Madankollu għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq dan id-dokument biss sabiex tistabbilixxi li SNV kienet wettqet proposti ta’ skontijiet speċifiċi għall-W5. L-interpretazzjoni tal-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti, fil-fatt, li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni qieset li SNV kellha r-rwol ta’ provokatur tal-akkordju fi ħdan il-fornituri billi straħet fuq ħames dokumenti, jiġifieri n-nota interna ta’ Wintershall, ir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, in-nota interna ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu 1994 (b’riferiment għall-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll iż-żewġ dokumenti ta’ ExxonMobil relatati mat-tentattivi ta’ SNV li tikkonvinċihom jingħaqdu mal-akkordju.

167    Uħud minn dawn il-provi għalhekk jindikaw li SNV għamlet proposti ta’ tnaqqis speċifiċi għall-W5. Minn naħa, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-rapport intern ta’ Wintershall tat-18 ta’ Frar 1992, redatt wara żjara ta’ KWS, li jsemmi kuntatti bejnha u bejn SNV, fejn SNV kienet inkarigata, bħala “marketleader”, sabiex twettaq proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5, li jikkorrispondu għal monopolju ta’ xiri. Min-naħa l-oħra, hija użat in-nota interna ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu 1994, li tikkonstata l-komunikazzjoni min-naħa ta’ SNV lill-fornituri l-oħra, ta’ prezzijiet tal-bitum u tat-tnaqqis miftiehem mal-W5. Għalkemm dan l-ewwel dokument jippermetti li tiġi kkonfermata s-silta tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fiha hija sostniet li SNV kienet wettqet proposti ta’ tnaqqis speċifiku għall-W5, it-tieni wieħed madankollu jippermetti biss li jiġi indikat li SNV nnegozjat mal-W5 u li hija ttrażmettiet ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati lil HBG. Għaldaqstant dawn il-provi ma jippermettux, waħedhom, li jiġi stabbilit li SNV kienet responsabbli għall-istabbiliment ta’ tnaqqis supplimentari għall-W5. Fil-fatt, tirriżulta inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk SNV ħaditx din l-inizjattiva b’mod spontanju jew jekk hija pproċedietx fuq talba ta’ KWS, bħal ma tagħti x’tifhem in-nota ta’ Wintershall tal-1992.

168    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat din is-silta tar-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ma tippermettix li jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li SNV kellha rwol ta’ kelliem tal-fornituri, u li b’hekk hija wettqet żball ta’ liġi, żball ta’ fatt u mmotivat insuffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, f’dan id-dokument, KWS tindika b’mod ċar li, fl-1993, SNV, bl-għajnuna ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, informatha dwar proposta ta’ prezzijiet kif ukoll, għall-ewwel darba, proposta ta’ tnaqqis speċjali għall-W5 f’isem il-fornituri.

169    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni marret kontra d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq u għal investigazzjoni imparzjali, ġaladarba, wara d-dikjarazzjoni tal-impjegat tagħhom tat-12 ta’ Ġunju 2006 li tqiegħed inkwistjoni l-allegazzjonijiet ta’ KWS, hija jmissha vverifikat il-kredibbiltà tagħhom, bħal ma għamlet meta d-dikjarazzjonijiet ta’ Kuwait Petroleum u ta’ Nynas dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju tqiegħdu inkwistjoni minn impriżi oħra waqt is-smigħ.

170    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit bl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li magħha jintrabat l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (sentenza Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 404).

171    Madankollu huwa neċessarju li jiġi speċifikat li la r-Regolament Nru 1/2003, la r-Regolament Nru 773/20024, u l-ebda test ieħor ma jimponu lill-Kummissjoni twettaq smigħ ġdid jew tibgħat talbiet għal informazzjoni ġodda meta l-affermazzjonijiet ta’ impriża jitqiegħdu inkwistjoni minn impriża oħra matul il-proċedura amministrattiva. L-unika restrizzjoni li għaliha hija suġġetta l-Kummissjoni hija dik tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża meta jkunu qed jiżvolġu l-proċeduri, imfakkar mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Il-qorti tal-Unjoni għalhekk diġà fakkret li l-Kummissjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interess li seta’ jippreżenta smigħ ta’ persuni li x-xhieda tagħhom jista’ jkollha importanza għall-istruzzjoni tal-fajl (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 18; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il‑Kummissjoni, T‑86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 468, u HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 383), peress li l-garanzija tad-drittijiet tad-difiża ma tirrikjedix li l-Kummissjoni tipproċedi sabiex tisma’ x-xhieda indikati mill-partijiet ikkonċernati, meta tqis li l-istruzzjoni tal-kawża kienet suffiċjenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1984, Eisen und Metall vs Il‑Kummissjoni, 9/83, Ġabra p. 2071, punt 32, u s-sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 383). Bl-istess mod, meta t-testi leġiżlattivi u l-komunikazzjonijiet tagħha jagħtuha l-possibbiltà li tagħżel minn fost numru ta’ tipo ta’ elementi jew approċċi li jistgħu jkunu teoretikament rilevanti, il-Kummissjoni żżomm libertà ta’ azzjoni kbira (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 519).

172    Il-Kummissjoni rrispondiet dan l-argument tar-rikorrenti billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux itrattati b’mod differenti, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1990, Wuidart et, C‑267/88 sa C‑285/88, Ġabra p. I‑435, punt 13). Huwa minnu li, mingħajr ma jirreferu għal dan il-prinċipju, ir-rikorrenti esponew il-fatt li l-Kummissjoni kienet tathom trattament differenti minn dak irriżervat lil Kuwait Petroleum u lil Nynas, fejn id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju kienu tqiegħdu inkwistjoni minn impriżi oħra waqt is-smigħ u kienet reġgħet għamlet kuntatt magħhom f’dan ir-rigward. Bħal ma tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ impriżi kienet differenti minn dik ta’ SNV. Fil-fatt, il-Kummissjoni bagħtet lil Kuwait Petroleum u lil Nynas talba għal informazzjoni komplementari fuq dan il-punt wara s-smigħ, fejn dawn iż-żewġ impriżi ma kinux f’pożizzjoni, wara s-smigħ, li jirreaġġixxu għall-affermazzjonijiet ta’ numru ta’ impriżi oħra li qegħdu inkwistjoni l-verità tad-dikjarazzjonijiet tagħhom relatati ma’ ExxonMobil. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ SNV, il-Kummissjoni qieset li, peress li elementi oħra dwar ir-rwol ta’ SNV fl-akkordju jikkorroboraw dawk li jinsabu fir-risposta ta’ KWS għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma kienx neċessarju li tadotta miżuri partikolari wara li rċeviet id-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ SNV tat-12 ta’ Ġunju 2006, li tqiegħed inkwistjoni l-allegazzjonijiet ta’ KWS. Għalhekk, il-Kummissjoni ma marritx kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali f’dan il-każ.

173    Fl-aħħar nett, sussidjarjament u fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li ksur tad-drittijiet tad-difiża jagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss jekk, fin-nuqqas ta’ dan il-ksur, kienet teżisti possibbiltà – anki minima – li r-rikorrenti setgħu jwasslu l-proċedura amministrattiva għal riżultat differenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 56, u Ciments, punt 77 iktar ’il fuq, punt 383). Issa, ir-rikorrenti ma jipproduċu ebda element f’dan is-sens.

174    Fl-aħħar nett, għalkemm il-provi użati mill-Kummissjoni jippermettu li jiġi kkunsidrat li SNV għamlet proposti ta’ tnaqqis speċifikament lill-W5, madankollu dawn ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jiġi stabbilit li hija kienet responsabbli għall-istabbiliment ta’ tali tnaqqis jew li hija pproċediet f’dan is-sens fuq talba ta’ KWS. Għalhekk, sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ provokatur ta’ SNV fl-akkordju, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-provi dwar it-tentattivi ta’ SNV intiżi sabiex tipperswadi lil impriżi oħra jingħaqdu mal-akkordju.

–       Fuq it-tentattivi sabiex ExxonMobil tiġi persważa tingħaqad mal-akkordju

175    It-tentattiv ta’ SNV li tinkoraġġixxi lil ExxonMobil tingħaqad mal-akkordju jikkostitwixxi t-tieni element li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni, sabiex tikkunsidra li SNV kienet responsabbli għall-akkordju. Sabiex tistabbilixxi dan il-fatt, il-Kummissjoni użat dokumenti interni ta’ ExxonMobil relatati ma’ żewġ inċidenti.

176    Qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li wieħed minn dawn id-dokumenti, tal-11 ta’ April 2004, ma ġiex iċċitat espressament la mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda madankollu kien jagħmel parti mill-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, li għalih kellhom aċċess ir-rikorrenti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li, konsegwentement, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 55, u s-sentenza Tokai I, punt 153 iktar ’il fuq, punt 165, u, għal applikazzjoni li tikkonċerna r-rwol ta’ mexxej, is-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 354).

177    L-ewwel serje ta’ dokumenti tikkonċerna, minn naħa, laqgħa li seħħet fit-22 ta’ Marzu 1993 bejn iż-żewġ kumpanniji, li fil-kuntest tagħha r-rappreżentant ta’ SNV semma, b’mod inċidentali, iż-żieda fil-prezz tal-bitum prevista għall-1 ta’ April 1993, u li fir-rigward ta’ dan ExxonMobil iddikjarat li ma għamlet ebda reazzjoni, u, min-naħa l-oħra, telefonata ta’ dan l-istess impjegat ta’ SNV, fl-istess jum, lejn ir-residenza tal-impjegat ta’ ExxonMobil, li kienet tinformah mill-ġdid dwar l-intenzjoni ta’ SNV li jiżdiedu l-prezzijiet fl-1 ta’ April 1993, bil-għan li “tinkiser is-sistema ta’ prezzijiet tal-CROW”, u li għaliha dan l-impjegat irreaġixxa billi indikalu jieqaf jittrażmettilu informazzjoni marbuta ma’ prattiki antikompetittivi.

178    Għalkemm dawn iż-żewġ elementi jippermettu li jiġi kkunsidrat li impjegat ta’ SNV irrefera għal prattiki antikompetittivi dwar żieda miftiehema tal-prezz tal-bitum fl-1993, madankollu għandu jiġi enfasizzat li jeżisti dubju fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn jikkonċernawx l-akkordju inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, jidher li l-proposti magħmula minn SNV kienu intiżi sabiex jitfarrak il-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet tal-CROW, meta, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-membri tal-W5 kellhom interess qawwi sabiex dan il-mekkaniżmu jinżamm (premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni fl-aħħar nett qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li ExxonMobil ma kinitx ipparteċipat fl-akkordju inkwistjoni.

179    It-tieni serje ta’ dokumenti tikkonċerna s-sena 1994. Nota tat-28 ta’ Marzu 1994 issemmi telefonata ta’ impjegat ta’ SNV li ppreżenta ruħu bħala persuna inkarigata mill-kwistjonijiet relatati mal-bitum u ppropona lil ExxonMobil sabiex tiġi organizzata laqgħa sabiex tiġi diskussa, b’mod partikolari, l-“istrateġija komuni ta’ klijenti”. Nota oħra, tal-11 ta’ April 2004, tirreferi għal laqgħa tat-8 ta’ April 1994 ma’ dan l-istess impjegat “fil-kuntest ta’ laqgħa Nabit” (Nabit tikkorrispondi għall-isem tal-organizzazzjoni professjonali tal-impriżi ta’ bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi), li matulha ExxonMobil talbitu joqgħod lura milli jiddiskuti ċerti suġġetti “pprojbiti kemm mill-politika ta’ Esso kif ukoll minn dik ta’ Shell”. Minn dan irriżulta li dawn id-dokumenti, li l-kontenut tagħhom huwa pjuttost vag, ma jippermettux li jiġi ddeterminat jekk SNV għamlitx riferiment għall-akkordju inkwistjoni.

180    Għalkemm ma jkunx koerenti li dawn id-dokumenti jiġu interpretati bħallikieku kienu jinsabu fil-kuntest ta’ skambji bilaterali komuni u legali bejn żewġ kumpanniji, bħal ma jissuġġerixxu r-rikorrenti, madankollu għandu jiġi kkonstatat li dawn l-erba’ dokumenti huma relattivament vagi u ma jindikawx neċessarjament l-akkordju inkwistjoni. Barra minn hekk il-Kummissjoni stess għażlet li ma ssemmix iż-żewġ dokumenti tal-1994 fid-deċiżjoni kkontestata, meta hija kienet semmiet dan il-fatt li rriżulta fl-1994 fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punt 204).

181    B’hekk il-provi pprovduti mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi konkluż b’mod ċert li SNV kellha rwol ta’ provokatur b’mod partikolari fir-rigward ta’ ExxonMobil, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-akkordju inkwistjoni.

–       Konklużjoni dwar ir-rwol ta’ provokatur

182    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li SNV kellha rwol ta’ provokatur fil-ksur inkwistjoni, ma hijiex issostanzjata biżżejjed.

183    Peress li l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda element addizzjonali lill-Qorti Ġenerali fid-dawl taċ-ċirkustanzi indikati fil-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata, bil-għan li tipprova r-rwol ta’ provokatur ta’ SNV, l-eżami tal-Qorti Ġenerali għandha tikkonċentra ruħha fuq ir-rwol ta’ mexxej li kellha SNV f’dan l-istess ksur.

 Fuq ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV

 L-argumenti tal-partijiet

184    Ir-rikorrenti jqisu li, billi tattribwixxi lil SNV r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li jiġġustifikaw l-annullament, totali jew parzjali, taż-żieda ta’ 50 % tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom. Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit li impriża kellha rwol ta’ mexxej, il-Kummissjoni għandha tipprova li hija wettqet azzjonijiet konkreti li jagħtu impuls ikbar għall-implementazzjoni tal-ftehim, b’tali mod li tiddistingwi ruħha kjarament mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju li jikkonċernaha (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 348), liema fatt ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel.

185    F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-elementi relatati ma’ ħames modi ta’ aġir ta’ SNV sabiex tqis li hija kienet mexxej tal-akkordju: ir-rwol li hija kellha, matul l-ewwel snin tal-akkordju, fl-1994 u fl-1995, fin-negozjati mal-membri tal-W5 f’isem il-fornituri; mill-1996, meta bdew il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum, il-fatt li hija ħadet l-inizjattiva tħabbar lil KWS, b’mod bilaterali, iż-żiediet fil-prezz mistennija, imbagħad li jevalwaw flimkien l-opportunità li tiġi organizzata laqgħa bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar; ir-rwol preponderanti tagħha matul laqgħat preparatorji bejn il-fornituri; ir-rwol maġġuri tagħha bħala kelliema tal-fornituri waqt il-laqgħat ta’ ftehim mal-kostrutturi l-kbar u, fl-aħħar nett, il-missjoni tagħha ta’ kontroll tal-osservanza tal-ftehimiet.

–       Fuq ir-rwol ta’ SNV fl-1994 u fl-1995 fin-negozjati ma’ KWS f’isem il-fornituri

186    Qabel kollox, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi billi kkunsidrat li SNV kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju abbażi taż-żewġ noti interni ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu u t-8 ta’ Lulju 1994. B’hekk huma jqisu li dawn iż-żewġ noti jistgħu jirreferu biss għal kuntatti purament bilaterali bejn SNV u KWS. Barra minn hekk, dawn ma jippermettux li jiġi konkluż li jeżistu ftehimiet bejn il-kostrutturi l-kbar u l-fornituri bl-involviment ta’ SNV u ta’ KWS, peress li huma jistabbilixxu biss is-sempliċi fatt li prezz speċifiku ġie propost lil HBG; huma ma ġewx redatti bix-xhieda diretta tan-negozjati, iżda mid-direttur tas-sejħiet għal offerti ta’ HBG, u ma ġewx ikkorroborati minn elementi oħra, u sussegwentement ġew ikkontestati bid-dikjarazzjonijiet taħt ġurament magħmula mid-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV fit-22 ta’ Novembru 2006. Għaldaqstant il-Kummissjoni jmissha stabbiliet l-eżistenza ta’ ftehim ta’ prezz orizzontali bejn il-fornituri li jissottoskrivi l-kundizzjonijiet deċiżi bilateralment minn SNV u KWS. Fl-aħħar nett, din it-teorija tal-eżistenza ta’ negozjati bejn il-kostrutturi l-kbar u l-fornituri, irrappreżentati rispettivament minn KWS u minn SNV fl-1994 u fl-1995, ma tirriżultax fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

187    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li dawn iż-żewġ noti ta’ HBG jirreferu b’mod inekwivoku għall-eżistenza ta’ ftehim konkluż bejn il-fornituri u l-W5, u jistabbilixxu li SNV kienet inkarigata tirrappreżenta l-fornituri, billi ssemmi b’mod partikolari li dawn tal-aħħar kellhom l-intenzjoni jitilqu mill-ftehim konkluż mal-kostrutturi l-kbar, billi jżidu l-prezzijiet tagħhom. Hija tispeċifika wkoll li l-awtur ta’ dawn in-noti kien l-impjegat ta’ HGB inkarigat mix-xiri ta’ bitum, li kien jaħdem b’kooperazzjoni stretta mal-impjegat li kien jipparteċipa fil-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum, u li, fi kwalunkwe każ, il-qorti tal-Unjoni tqis li huwa mingħajr importanza għall-valur probatorju ta’ dokument li dan ikun ġie redatt fil-mument tal-fatti minn persuna li ma kinitx preżenti fil-laqgħa (Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il‑Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757, punt 86). Dawn il-provi dokumentarji kontemporanji ma jistgħu jitqiegħdu inkwistjoni permezz ta’ dikjarazzjoni sussegwenti ta’ impjegat ta’ SNV. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-istabbiliment ta’ rwol ta’ mexxej ma jiddependix mill-fatt li l-attitudni tal-mexxej jivvinkola awtomatikament lill-membri l-oħra tal-akkordju, iżda mill-eżistenza ta’ rwol suffiċjentement attiv tal-impriża fl-akkordju. Fl-aħħar nett, it-teorija tal-eżistenza ta’ dawn in-negozjati bejn SNV u KWS, f’isem il-grupp rispettiv tagħhom, tirriżulta bosta drabi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għaliha r-rikorrenti rrispondew fl-20 ta’ Mejju 2005.

–       Fuq il-fatt li, mill-1996, SNV iddeċidiet Sur le fait que, à partir de 1996, SNV ddeċidiet minn qabel ma’ KWS dwar l-opportunità li tiġi organizzata laqgħa bejn il-fornituri u l-W5

188    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt billi qieset li l-kuntatti bilaterali bejn SNV u KWS, stabbiliti mill-1996, kienu jikkostitwixxu indikazzjoni tar-rwol ta’ mexxej li SNV kellha fl-akkordju. Fil-fatt, dawn il-laqgħat inżammu f’kuntest ta’ instabbiltà tal-prezz taż-żejt u tar-rata ta’ kambju tad-dollaru, fejn il-W5 xtaqu jinnegozjaw mill-ġdid il-prezz tal-bitum mal-fornituri tagħhom f’intervalli regolari u li jiksbu l-assigurazzjoni ta’ ċertu stabbiltà tal-prezzijiet, billi jevitaw tnaqqis importanti u billi jħarsu sabiex iż-żidiet isiru b’mod kollettiv, liema fatt jippermetti li jintuża l-mekkaniżmu ta’ prezzijiet stabbilit mill-gvern Olandiż għall-kuntratti pubbliċi, li kellu bħala għan li jittrasferixxi l-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet fuq il-kuntrattur. Għaldaqstant huma jsostnu li dan kien jirrigwarda kuntatti normali bejn fornitur u klijent u li l-laqgħat relatati mal-bitum kienu dovuti biss għall-inizjattiva ta’ KWS. B’hekk, il-kuntatti bejn l-impjegati ta’ SNV u s-segretarjat ta’ KWS kienu jseħħu biss meta KWS issejjaħ it-tali laqgħa. Fl-aħħar nett, huma jenfasizzaw li d-dikjarazzjonijiet ta’ Kuwait Petroleum, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex issostni li dawn il-kuntatti bilaterali kienu juru r-rwol tagħha ta’ mexxej tal-akkordju, jirriżultaw biss minn għajdut. Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ SNV, hija tindika biss li kien ikkuntattja lil KWS waqt il-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materjal primarju li jikkomponi l-prodotti bbażati fuq il-bitum.

189    Il-Kummissjoni tqis li l-akkordju kellu natura bilaterali u li r-rikorrenti jonqsu milli jippreċiżaw li l-fornituri kellhom ukoll interess għal żieda fil-prezz tal-bitum. Hija tidher li bbażat ruħha fuq numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ impriżi, fosthom dik ta’ SNV annessa mat-talba tagħha sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, sabiex issostni li Shell u KWS eżaminaw minn qabel bejniethom l-opportunità ta’ laqgħa bejn fornituri u kostrutturi kbar. Hija tispeċifika wkoll li d-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum tirriżulta minn parteċipant regolari għal-laqgħat ta’ ftehim multilaterali dwar il-bitum.

–       Fuq ir-rwol preponderanti ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri

190    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma kellha ebda prova sabiex issostni li SNV kellha rwol preponderanti matul il-laqgħat preparatorji bejn fornituri. Huma jqisu li numru ta’ fornituri kienu implikati fl-organizzazzjoni, il-loġistika u t-tmexxija tal-imsemmija laqgħat. Id-dikjarazzjoni magħmula minn BP f’dan ir-rigward hija sempliċement suġġeriment pur, li ma huwa kkorroborat minn ebda element ieħor. Min-naħa l-oħra, dikjarazzjonijiet oħra ta’ BP u ta’ Kuwait Petroleum jindikaw li ma kienx hemm fornitur wieħed, iżda numru ta’ fornituri li kienu jmexxu u jorganizzaw dawn il-laqgħat. Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi dikjarazzjoni ta’ BP, li fir-rigward tagħha huma jikkontestaw il-verità, ma tistax tikkostitwixxi prova suffiċjenti skont il-ġurisprudenza (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso‑Gutzeit vs Il‑Kummissjoni, T‑337/94, Ġabra p. II‑1571, punt 91, u tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 219). Fir-rigward tad-dokument intern ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001, ir-rikorrenti jqisu li dan ma għandu l-ebda saħħa probatorja u li, fi kwalunkwe każ, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tad-difiża, ġaladarba kien biss anness mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mingħajr ma ssemma fiha (sentenza Shell vs Il‑Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punti 55 u 56). Fl-aħħar nett, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li SNV irrediġiet minuti tal-konsultazzjonijiet relatati mal-bitum lill-fornituri li ma kinux preżenti u dan l-argument barra minn hekk ma jirriżultax fid-deċiżjoni kkontestata.

191    Il-Kummissjoni tfakkar li hija bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni li tinsab fit-talba ta’ BP intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll minn nota interna ta’ HBG ta’ April 2001 sabiex tistabbilixxi li SNV kienet tiftaħ il-laqgħat preparatorji u kienet tmexxi d-dibattiti fi ħdanhom. Min-naħa l-oħra, hija qatt ma sostniet li SNV kellha rwol partikolari fis-sejħa ta’ dawn il-laqgħat preparatorji jew fl-organizzazzjoni konkreta tagħhom u lanqas ma tqiegħed inkwistjoni l-fatt li l-konklużjonijiet li għalihom jaslu l-parteċipanti f’dawn il-laqgħat ma kinux imposti minn SNV, iżda kienu r-riżultat ta’ kompromess bejniethom. Fl-aħħar nett, hija tqis li l-Qorti Ġenerali tista’, fil-kuntest tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, tieħu inkunsiderazzjoni l-provi ġodda, eżaminati matul il-proċedura ġudizzjarja (ara s-sentenza Tokai I, punt 153 iktar ’il fuq, punt 165, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, hija tqis li SNV setgħet tiddeduċi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija tista’ tuża n-nota interna ta’ HBG li ġiet annessa magħha bħala prova li tikkorrobora r-rwol tagħha ta’ mexxej.

–       Fuq ir-rwol ta’ kelliema tal-fornituri ta’ SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum

192    Ir-rikorrenti jqisu li SNV ma kellhiex rwol ta’ mexxej waqt il-laqgħat ta’ ftehim, li kienu ddominati mill-kostrutturi l-kbar, u b’mod iktar partikolari minn KWS. Huma jenfasizzaw, barra minn hekk, li d-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ Kuwait Petroleum, li SNV kienet l-avversarja ta’ KWS matul dawn il-laqgħat, hija biss xhieda indiretta, bħal ma rrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 78), li għalhekk għandha saħħa probatorja ridotta u ma tippermettix li jiġi konkluż li SNV kienet tmexxi l-laqgħat f’isem il-fornituri. Fil-verità, SNV ġiet sempliċement mitluba mill-membri tal-W5 sabiex tispjega l-varjazzjonijiet fil-prezz tal-materji primarji li jikkomponu l-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq u r-rwol tagħha llimita ruħu għal dak ta’ kelliema tal-fornituri, separat mir-rwol volontarju ta’ mexxej. Issa, il-qorti tal-Unjoni tqis li tali aġir ma jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex il-kumpannija kkonċernata tiġi kkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 427). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jindikaw li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li ebda fornitur ta’ bitum b’mod partikolari ma kellu r-rwol ta’ mexxej meta kien meħtieġ li jiġu kkomunikati r-riżultati tal-konsultazzjonijiet lil kumpanniji oħra, iżda li numru ta’ kumpanniji eskludew li jassumu din il-funzjoni.

193    Il-Kummissjoni tfakkar li l-qorti tal-Unjoni diġà kkunsidrat li akkordju seta jkollu żewġ mexxejja (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punti 299 sa 301). F’dan il-każ, mid-dikjarazzjonijiet ta’ impjegat ta’ SNV, tal-24 ta’ Settembru 2003, u minn impjegat ta’ Kuwait Petroleum jirriżulta li SNV kienet tirrappreżenta lill-fornituri assenti, li hija ġeneralment kienet tintroduċi l-laqgħat f’isem il-fornituri kollha u li hija kellha r-rwol ta’ avversarja ta’ KWS. Id-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ Kuwait Petroleum għandha valur probatorju ċert, peress li huwa kkoopera direttament mal-impjegat li kien jipparteċipa f’dawn il-laqgħat kollha u xi drabi kien jiġi indikat b’ismu bħala preżenti f’dawn il-laqgħat. Barra minn hekk hija tispeċifika li l-fatt li l-fornituri kellhom pjan predefinit bejniethom qabel kull laqgħa huwa mingħajr effett fuq il-kwalifika ta’ mexxej, fejn il-qorti tal-Unjoni ma tirrikjedix, sabiex l-eżistenza ta’ mexxej tkun tista’ tiġi kkonstatata, li huwa jiddetta l-aġir tiegħu lill-oħrajn (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 374). Barra minn hekk, fir-rigward tal-informazzjoni a posteriori tal-fornituri li ma jipparteċipawx direttament għal-laqgħat, il-Kummissjoni tqis li dan ma jikkostitwixxix element determinanti għall-kwalifika ta’ mexxej f’akkordju bilaterali. Fl-aħħar nett, hija tfakkar li qieset li SNV kellha rwol ta’ mexxej fl-istadji kollha tal-akkordju abbażi ta’ numru ta’ elementi, u mhux fuq is-sempliċi fatt li SNV kienet tintroduċi l-laqgħat u li kienet isservi bħala kelliema għall-fornituri.

–       Fuq il-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju

194    Il-Kummissjoni tindika li semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li SNV kienet taġixxi wkoll bħala mexxej fl-attivitajiet ta’ kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju, billi kienet tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq id-dokument intern ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001 (premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll fuq nota interna ta’ KWS (premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

195    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li SNV, fi ħdan il-grupp tal-fornituri, u KWS, fi ħdan il-W5, kellhom responsabbiltà partikolari minħabba r-rwol rispettiv tagħhom ta’ “mexxej” tal-akkordju matul il-perijodu kollu li fih kien fis-seħħ (premessi 343 sa 349 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Prinċipji ġenerali relatati mar-rwol ta’ mexxej

196    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, meta jkun twettaq ksur minn numru ta’ impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur tul il-parteċipazzjoni tagħhom fih (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 152 iktar ’il fuq, punt 150, u Enichem Anic vs Il‑Kummissjoni, punt 152 iktar ’il fuq, punt 264). Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ “mexxejj” ta’ impriża waħda jew ta’ diversi impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, sa fejn l-impriżi li kellhom rwol bħal dan għandhom, minħabba f’hekk, jerfgħu responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 45).

197    Skont dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi jistabbilixxi, taħt it-titolu ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-ammont bażiku tal-multa, fejn fosthom jirriżulta r-“rwol ta’ mexxej jew ta’ provokatur tal-ksur” (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 280 sa 282).

198    Sabiex tiġi kkwalifikata bħala mexxej ta’ akkordju, impriża kellha tirrappreżenta saħħa ta’ tinfluwenza sinjifikattiva għall-akkordju jew għandha tkun ikkontribwixxiet b’responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu. Din iċ-ċirkustanza għandha tiġi evalwata mill-perspettiva globali fir-rigward tal-kuntest tal-każ (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 299, 300, 373 u 374, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 423).Hija tista, b’mod partikolari, tiġi dedotta mill-fatt li l-impriża, permezz ta’ inizjattivi speċifiċi, tat b’mod spontanju impetu fundamentali lill-akkordju (sentenzi BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 348, 370 sa 375 u 427, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 426). Hija tista’ wkoll tiġi dedotta minn numru ta’ ħjiel li jiżvelaw il-ħidma tal-impriża li tiżgura l-istabbilità u s-suċċess tal-akkordju (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 351).

199    Hekk jirriżulta meta l-impriża tkun ipparteċipat fil-laqgħat tal-akkordju f’isem impriża oħra li ma attendithomx u tkun ikkomunikatilha r-riżultati tal-imsemmija laqgħat (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 439). L-istess jgħodd meta jirriżulta li l-imsemmija impriża kellha rwol ċentrali fil-funzjonament konkret tal-akkordju, pereżempju billi organizzat bosta laqgħat, billi ġabret u qassmet l-informazzjoni fi ħdan l-akkordju, u billi ta’ spiss ifformolat proposti relatati mal-funzjonament tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 57 u 58, u s-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 404, 439 u 461).

200    Barra minn hekk, il-fatt li tħares attivament sabiex il-ftehimiet konklużi fi ħdan l-akkordju jiġu osservati jikkostitwixxi ħjiel determinanti tar-rwol ta’ mexxej li kellha impriża (sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 577).

201    Min-naħa l-oħra, il-fatt li impriża teżerċita pressjoni, jew saħansitra tiddetta l-aġir tal-membri l-oħra fl-akkordju, ma huwiex kundizzjoni neċessarja sabiex din l-impriża tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju (sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 374). Il-pożizzjoni fis-suq ta’ impriża jew ir-riżorsi li hija għandha lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu ħjiel ta’ rwol ta’ mexxej tal-ksur, anki jekk jagħmlu parti mill-kuntest li fir-rigward tiegħu għandu jiġi evalwat tali ħjiel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 241, u BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 299).

202    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà qieset li l-Kummissjoni setgħet tqis li numru ta’ impriżi kellhom rwol ta’ mexxej f’akkordju (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, punt 201 iktar ’il fuq, punt 239).

203    Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, fir-rigward tal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni pproduċietx biżżejjed provi sabiex jiġi stabbilit li SNV kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju.

204    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ħames modi ta’ aġir ta’ SNV sabiex tqis li hija kienet waħda mill-mexxejja tal-akkordju, jiġifieri:

–        l-ewwel nett, ir-rwol li kellha fl-1994 u fl-1995 fin-negozjati ma’ KWS f’isem il-fornituri;

–        it-tieni nett, il-fatt li, mill-1996, hija ddeċidiet minn qabel ma’ KWS dwar l-opportunità li torganizza laqgħa bejn il-fornituri u l-W5;

–        it-tielet nett, ir-rwol preponderanti tagħha waqt il-laqgħat preparatorji bejn il-fornituri;

–        ir-raba’ nett, ir-rwol ewlieni tagħha bħala kelliema tal-fornituri waqt il-laqgħat mal-W5;

–        il-ħames nett, il-missjoni ta’ kontroll min-naħa tagħha tal-implementazzjoni tal-akkordju.

205    Sabiex tiġi stabbilita r-realtà ta’ dawn il-ħames modi ta’ aġir, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokumenti kontemporanji tal-fatti ssekwestrati meta saru spezzjonijiet kif ukoll fuq dikjarazzjonijiet li saru mir-rikorrenti u minn membri oħra fl-akkordju (premessi 343 sa 349 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq ir-rwol li kellha SNV fl-1994 u fl-1995 fin-negozjati ma’ KWS f’isem il-fornituri

206    Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq iż-żewġ noti interni ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu u tat-8 ta’ Lulju 1994, sabiex tistabbilixxi li, matul l-ewwel sentejn tal-akkordju, il-ftehimiet kienu ġew konklużi permezz ta’ kuntatti bilaterali bejn SNV u KWS. Dawn iż-żewġ noti jikkonstataw ftehimiet ta’ Marzu 1994, konklużi bejn KWS, f’isem il-W5, u SNV, f’isem kumpanniji taż-żejt, relatati mal-prezz tal-bitum, li kellu jibqa’ l-istess sal-1 ta’ Jannar 1995. Bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, huwa impossibbli li wieħed jinterpreta dawn id-dokumenti bħallikieku kellhom jiġu kkonstatati kuntatti purament bilaterali bejn SNV u KWS. Fil-fatt, l-ewwel nota tikkomporta riferiment għall-“ftehim li l-kumpanniji taż-żejt ikkonkludew mal-[W5]”, u t-tieni tagħmel ukoll riferiment għal ftehim konkluż f’Marzu “mal-[W5] (is-Sur H./KWS) u l-kumpanniji tal-petrol (is-Sur E./SNV)”. Fl-istess ħin, din it-tieni nota ma tistax tindika li l-fornituri kienu pproponew prezzijiet speċifiċi lil HBG, iżda turi biss li l-kumpanniji taż-żejt kienu ħadu r-riskju, f’Lulju 1994, li jitbegħdu mill-ftehimiet konklużi mal-W5 f’Marzu 1994 billi jżidu l-prezzijiet tagħhom. Fl-aħħar nett, id-dokumenti annessi mir-rikorrenti fir-replika, intiżi sabiex juru li KWS kienet talbet, fl-1987 u fl-1988, lill-kumpannija Smid et Hollander sabiex tallinja ruħha fuq il-prezzijiet u t-tnaqqis konkluż bejn KWS u SNV, ma humiex ta’ natura probatorja, ġaladarba jikkonċernaw perijodu li jippreċedi wisq dak tal-ksur.

207    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw is-saħħa probatorja ta’ dawn iż-żewġ noti billi jindikaw li dawn ġew redatti mid-direttur tas-sejħiet għal offerta ta’ HBG, li, peress li qatt ma pparteċipa f’negozjat dwar il-bitum, kien sempliċement xhud indirett tal-ġrajjiet deskritti. Madankollu l-qorti tal-Unjoni tqis li l-fatt li informazzjoni tiġi prodotta b’mod indirett fuq livell sekondarju huwa mingħajr influwenza fuq il-valur probatorju tagħha (sentenza Shell vs Il‑Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punt 86) u li, skont ir-regoli ġenerali applikabbli fil-qasam tal-provi, għandha tingħata importanza kbira għall-fatt li dokumenti ġew stabbiliti b’rabta immedjata mal-laqgħat ikkonċernati u manifestament mingħajr ma wieħed ikun jista’ jaħseb li dawn jistgħu jsiru magħrufa minn terzi mhux ikkonċernati (konklużjonijiet tal-Imħallef Vesterdorf fil-kapaċità tiegħu bħala Avukat Ġenerali għas-sentenza Rhône‑Poulenc vs Il‑Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq). F’dan il-każ, dan l-impjegat kien inkarigat mix-xiri ta’ bitum għal HBG u kien jaħdem f’kooperazzjoni stratta mal-impjegat li kien jipparteċipa direttament fil-ftehim mal-W5, u sussegwentement fil-laqgħat tal-akkordju. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li n-noti redatti mid-direttur tas-sejħiet għal offerta ta’ HBG fil-mument tal-fatti għandhom saħħa probatorja sinjifikattiva. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża ruħha fuq dawn in-noti, mingħajr ma kien neċessarju għaliha li tipproduċi elementi oħra li jippermettu li jiġi kkorroborat il-kontenut tagħhom, li l-valur probanti tagħhom ma jistax jitqiegħed inkwistjoni bis-sempliċi dikjarazzjoni tad-direttur tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV tat-22 ta’ Novembru 2006. Fil-fatt, għandu jitfakkar li din id-dikjarazzjoni ġiet stabbilita wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li meta saret l-awtur tagħha kien impjegat tar-rikorrenti.

208    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma esponietx it-teorija tagħha dwar l-eżistenza ta’ negozjati bejn KWS u SNV f’isem il-grupp rispettiv tagħhom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, dan l-argument huwa fattwalment nieqes. Fil-fatt, mill-punti 111, 139 u 201 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni kienet diġà informat lill-impriża dwar din l-analiżi.

209    Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament li, fl-1994 u fl-1995, il-ftehimiet kienu ġew konklużi permezz ta’ kuntatti bilaterali bejn SNV u KWS.

210    Għalkemm SNV għalhekk kellha rwol partikolari fil-funzjonament tal-akkordju matul dawn l-ewwel sentejn, madankollu hemm lok li jiġu eżaminati, sabiex jiġi stabbilit ir-rwol tagħha ta’ mexxej, l-elementi l-oħra użati mill-Kummissjoni u li jikkonċernaw il-perijodu kollu li jikkostitwixxi ksur.

–       Fuq il-fatt li, mill-1996, SNV iddeċidiet ma’ KWS minn qabel dwar l-opportunità li torganizza laqgħa bejn il-fornituri u l-W5

211    Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq erba’ dokumenti sabiex tistabbilixxi li, mill-1996, meta bdew il-laqgħat ta’ ftehim multilaterali dwar il-bitum, SNV ħadet l-inizjattiva li tħabbar lil KWS b’mod bilaterali ż-żidiet fil-prezz mistennija, u sussegwentement li kellhom jevalwaw flimkien l-opportunità li tiġi organizzata laqgħa bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar (premessi 344 u 345 tad-deċiżjoni kkontestata).

212    Fl-ewwel lok, din tirrigwarda r-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-20 ta’ Mejju 2005, li fiha huma rrikonoxxew li SNV ta’ spiss kienet tkun l-ewwel waħda li tikkuntattja lil KWS sabiex titlob żieda fil-prezzijiet, minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala l-iktar fornitur importanti tal-bitum fis-suq Olandiż. Madankollu hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan id-dokument jippermetti biss li jiġi kkonstatat li SNV ikkuntattjat lil KWS sabiex titlob żieda fil-prezzijiet, iżda ma jipprovdix indikazzjoni dwar ir-rwol tagħha fid-deċiżjoni ta’ sejħa tal-laqgħat tal-akkordju.

213    Bl-istess mod, it-tieni nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-impjegat ta’ SNV tal-24 ta’ Settembru 2003, annessa mat-talba tar-rikorrenti tal-10 ta’ Ottubru 2003, intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, din tindika li “kumpanniji ta’ kostruzzjoni tat-toroq talbu lid-direttur tal-bejgħ ta’ bitum [ta’ SNV] sabiex jindika lil KWS it-tibdiliet fil-prezzijiet tal-materja prima, liema fatt, f’ċertu numru ta’ każijiet, wassal lil KWS tistieden lill-kumpanniji kkonċernati għal laqgħa”. Madankollu hija ma tippermettix li jiġi stabbilit li SNV u KWS kienu jevalwaw flimkien l-opportunità li jorganizzaw laqgħa tal-akkordju.

214    It-tielet nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum tal-1 ta’ Ottubru 2003, li, “ġeneralment, [impjegat ta’ SNV] u [impjegat ta’ KWS] kienu jiltaqgħu waqt laqgħa preparatorja sabiex jiddeterminaw jekk laqgħa dwar il-bitum kinitx suffiċjentement iġġustifikata”, għandu jiġi indikat li, peress li Kuwait Petroleum setgħet kellha interess timminimizza r-rwol tagħha nnifisha fil-funzjonament tal-akkordju, din id-dikjarazzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi milqugħa t-teżi tar-rwol ta’ mexxej ta’ SNV biss bil-kundizzjoni li tiġi kkorroborata permezz ta’ dokumenti oħra.

215    Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, in-nota tal-1 ta’ Ottubru 2002 issekwestrata meta saru spezzjonijiet għand KWS u dwar l-attivitajiet tas-segretarjat ta’ tmexxija, li tgħid li “xi drabi kienet isseħħ laqgħa, f’din il-kompożizzjoni, mal-fornituri tal-bitum” u “[SNV] kienet [tieħu] l-inizjattiva fiha”, lanqas ma tippermetti li jiġi konkluż li SNV u KWS kienu jevalwaw flimkien l-opportunità li jorganizzaw laqgħa tal-akkordju.

216    Ir-rikorrenti jsostnu li huma l-kostrutturi l-kbar li jaqilbu dawn il-laqgħat bilaterali f’negozjati kollettivi u li KWS kellha rwol preponderanti fid-deċiżjoni tal-organizzazzjoni ta’ dawn il-laqgħat. Għalhekk, huma jqisu li l-kuntatti bejn l-impjegati ta’ SNV u s-segretarjat ta’ KWS seħħew biss meta KWS kienet iddeċidiet li ssejjaħ tali konsultazzjoni. Huwa minnu li, ħlief għad-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum imsemmija fil-punt 214 iktar ’il fuq, il-provi użati mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi kkonstatat li SNV kienet l-ewwel waħda li kienet tagħmel kuntatt ma’ KWS sabiex titlobha żidiet fil-prezzijiet, iżda huma ma jindikawx jekk KWS kinitx tiddeċiedi waħedha dwar l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-akkordju jew jekk kinitx tagħmel dan flimkien ma’ SNV. B’hekk, minkejja n-natura bilaterali tal-akkordju (ara l-punt 164 iktar ’il fuq) u minkejja l-fatt li l-fornituri kellhom ukoll interess għal żieda fil-prezz tal-bitum, għandu jiġi kkunsidrat li l-provi użati mill-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti, waħedhom, sabiex jistabbilixxu li SNV kienet responsabbli għaż-żamma tal-laqgħat tal-akkordju.

217    Għalhekk, sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV fl-akkordju, għandhom jiġu eżaminati l-provi oħra użati mill-Kummissjoni.

–       Fuq ir-rwol preponderanti ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri

218    Il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li SNV kienet tiftaħ u tmexxi d-dibattiti waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri, billi tinvoka żewġ provi f’dan ir-rigward. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, hija madankollu qatt ma sostniet li SNV kellha rwol partikolari fis-sejħa u l-organizzazzjoni ta’ dawn il-laqgħat, u lanqas li hija kienet timponi l-konklużjonijiet tagħha.

219    Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ BP tat-12 ta’ Lulju 2002, li skonthom SNV kienet tiftaħ il-laqgħa u tmexxi d-dibattiti u fuq id-dokument intern ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001, li jagħmel riferiment għal SNV bħala l-“mexxej”. Ir-rikorrenti jikkwalifikaw id-dikjarazzjoni ta’ BP bħala ipoteżi pura, li ma hija kkorroborata b’ebda prova oħra u ma tistax tikkostitwixxi prova suffiċjenti tar-rwol ta’ mexxej. Barra minn hekk, huma jqisu li, peress li l-Kummissjoni ma semmietx id-dokument ta’ HBG fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u peress li sempliċement annettietu, dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova valida mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

220    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dokument ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha rrikonoxxuta permezz tal-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, hija kompetenti sabiex tevalwa n-natura approprjata tal-ammont tal-multi, billi tibbaża ruħha fuq informazzjoni komplementari, li ma tissemmiex fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 55; sentenza Tokai I, punt 153 iktar ’il fuq, punt 165, u, għal applikazzjoni relatata mar-rwol ta’ mexxej, sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punt 354).

221    Dan id-dokument jikkostitwixxi skambju ta’ posta elettronika interna fi ħdan HBG, li fiha parteċipant regolari għal-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum, li kien qed jirrispondi lil wieħed mill-kollegi tiegħu li kien identifikalu problema ta’ ffissar ta’ tnaqqis għall-bitum fit-Tramuntana tal-pajjiż, kien issuġġerielu jqajjem il-problema waqt il-laqgħa tal-akkordju li kien imiss, u kien indikalu li kien opportun li f’dan ir-rigward jiltaqa’ mas-Sur E, impjegat ta’ SNV, ikkwalifikat bħala “mexxej”.

222    Issa, l-ewwel nett, mill-fajl jirriżulta li HBG stess, kostrutturi kbir u awtur tad-dokument inkwistjoni, ikkunsidrat, fir-risposta tagħha tat-23 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li l-kwalifika tagħha ta’ impjegat ta’ SNV bħala “mexxej” kienet tirreferi sempliċement għall-pożizzjoni ewlenija ta’ SNV fis-suq. It-tieni nett, għalkemm dan id-dokument jista’ jikkostitwixxi prova dwar ir-rwol ta’ SNV fil-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju, madankollu ma jidhirx rilevanti sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri.

223    Fit-tieni lok, jeħtieġ li jsir l-eżami ta’ prova oħra invokata mill-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit ir-rwol ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri.

224    Mid-dikjarazzjoni ta’ BP tat-12 ta’ Lulju 2002 jirriżulta li, b’risposta għall-kwistjoni dwar min kien jagħmel proposti ta’ prezzijiet u min kien imexxi l-laqgħat preparatorji bejn fornituri, l-impjegat ta’ BP li kien assista għal dawn il-laqgħat kien indika, bosta drabi, lis-Sur E, impjegat ta’ SNV. Fir-rigward ta’ dikjarazzjoni ta’ fornitur ieħor li seta’ kellu interess jimminimizza r-rwol tiegħu stess fil-funzjonament tal-akkordju, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-element jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi milqugħa t-teżi tar-rwol ta’ mexxej ta’ SNV biss bil-kundizzjoni li jiġi kkorroborat b’dokumenti oħra. Issa, għalkemm mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi oħra sabiex timputa lil SNV r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju (punt 204 iktar ’il fuq), madankollu mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi oħra li jippermettu li jiġi stabbilit ir-rwol partikolari li kellha SNV waqt il-laqgħat preparatorji tal-akkordju.

225    Għalhekk, sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV fl-akkordju, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-provi l-oħra użati mill-Kummissjoni.

–       Fuq ir-rwol ta’ kelliema tal-fornituri ta’ SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum

226    Qabel kollox, għandu jiġi indikat li l-Kummissjoni kkonfermat, fir-risposta, li hija ma kinitx ikkunsidrat il-fatt li SNV kellha l-abitudni, bħal impriżi oħra, li tinforma lill-fornituri assenti għal-laqgħat bħala indikazzjoni tar-rwol tagħha ta’ mexxej.

227    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset, billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Kuwait Petroleum tal-1 u d-9 ta’ Ottubru 2003, li SNV “kienet tagħmel l-introduzzjonijiet f’isem il-fornituri u kellha r-rwol ta’ avversarju [ta’ KWS]” u kienet tiżgura “għalhekk, ir-rwol ta’ mexxej fi ħdan il-grupp tal-fornituri” (premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata).

228    Madankollu għandu jitfakkar li d-dikjarazzjonijiet ta’ fornitur ieħor li seta kellu interess jimminimizza r-rwol tiegħu stess fil-funzjonament tal-akkordju jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tintlaqa’ t-teżi tar-rwol ta’ mexxej ta’ SNV, biss bil-kundizzjoni li jiġu kkorroborati b’dokumenti oħra. Issa, għalkemm mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq provi oħra sabiex timputa lil SNV r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju (punt 204 iktar ’il fuq), madankollu mill-argumenti preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma pproduċietx prova oħra li tippermetti li jiġi stabbilit ir-rwol partikolari li kellha SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum.

229    Għalhekk, sabiex jiġi evalwat ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV fl-akkordju, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-provi l-oħra użati mill-Kummissjoni.

–       Fuq il-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju

230    Il-Kummissjoni tfakkar li semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 347 u 352), li SNV kienet taġixxi wkoll bħala mexxej fl-attivitajiet ta’ kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju, fejn il-qorti tal-Unjoni kienet tqis li l-fatt li wieħed iħares attivament li jiġu osservati l-ftehimiet konklużi fi ħdan l-akkordju kien jikkostitwixxi ħjiel determinanti tar-rwol ta’ mexxej ta’ impriża (sentenza HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 142 iktar ’il fuq, punt 577).

231    F’dan ir-rigward hija straħet, minn naħa, fuq id-dokument intern ta’ HBG tat-23 ta’ April 2001 (punti 221 u 222 iktar ’il fuq), dwar problema ta’ ffissar ta’ tnaqqis minn ċerti fornituri, li fiha ssemmiet l-utilità li wieħed jindirizza ruħu lil SNV sabiex tiġi solvuta din il-problema, u, min-naħa l-oħra, fuq nota interna ta’ KWS (premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata), li tindika li ċerti fornituri ma kinux osservaw it-tnaqqis previst u li SNV kienet irreaġixxiet billi tkellmet dwar “kastig ġustifikat lejn il-fornituri li jeċċedu l-limiti”.

232    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan id-dokument intern ta’ HBG jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara l-punt 220 iktar ’il fuq).

233    Madankollu l-Qorti Ġenerali tqis li, għalkemm dawn iż-żewġ dokumenti jippermettu li jiġi kkonstatat li SNV kienet tikkostitwixxi membru attiv tal-akkordju, dawn ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hija effettivament ħarset li jiġu osservati l-ftehimiet konklużi fi ħdan l-akkordju, jew li hija għamlet dan b’mod partikolarment attiv.

–       Konklużjoni dwar ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV

234    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, għalkemm SNV okkupat rwol partikolari waqt l-ewwel sentejn tal-funzjonament tal-akkordju, il-provi pprovduti mill-Kummissjoni madankollu ma jippermettux li jiġi konkluż b’mod ċert li hija kellha rwol ta’ mexxej mill-mument meta l-akkordju ffunzjona b’mod multilaterali.

235    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li SNV kellha rwol ta’ mexxej fil-ksur inkwistjoni, ma huwiex issostanzjat biżżejjed.

236    Peress li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element supplimentari quddiem il-Qorti Ġenerali, bil-għan li tipprova r-rwol ta’ mexxej ta’ SNV fil-ksur inkwistjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi indikati fil-premessi 343 sa 348 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi konkluż li l-elementi li jinsabu fil-fajl ma jippermettux li SNV tiġi kkwalifikata bħala mexxej.

237    Għalhekk iż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandha titneħħa kemm fejn din tikkonċerna r-rwol ta’ provokatur (ara l-punt 182 iktar ’il fuq) kif ukoll ta’ mexxej (ara l-punti 233 u 234 iktar ’il fuq) ta’ SNV. Il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għandhom jiġu eżaminati fil-punti 277 et seq iktar ’il quddiem.

 Fuq ir-reċidiva

 L-argumenti tal-partijiet

238    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma mmotivatx biżżejjed id-deċiżjoni tagħha billi żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba reċidiva, peress li l-impriża Shell, permezz tas-sussidjarja tagħha Shell International Chemicals Co. Ltd (iktar ’il quddiem “SICC”), kienet suġġetta għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II (premessi 336 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata).

239    Huma jfakkru li l-qorti tal-Unjoni ffissat, fil-qasam tar-reċidiva, kriterju li skontu l-kumpanniji implikati fil-ksur differenti għandhom jappartjenu għall-istess kumpannija parent, li effettivament tkun eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa tas-sussidjarji tagħha (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 290). Żieda fl-ammont tal-multa minħabba reċidiva tista’, għaldaqstant, tiġi imposta biss fil-każ fejn il-ksur differenti seta’ jiġi imputat lill-istess kumpannija parent. Issa, f’dan il-każ, iż-żewġ ksur preċedenti ġew imputati lil SICC, li hija 100 % proprjetà ta’ SPCo, kumpannija holding differenti ta’ SPNV, li hija proprjetarja ta’ SNV. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li l-Kummissjoni kienet eskludiet li timputa l-ksur lill-kumpanniji parent elles STT plc (li saret STT) u KNPM. B’hekk f’dan il-każ, il-kriterju stabbilit bis-sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, ma ġiex sodisfatt.

240    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi ebda spjegazzjoni li tikkonċerna, minn naħa, il-fatt li l-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II seta’ ġie imputat lil STT (li qabel kienet STT plc) u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din tal-aħħar effettivament kienet eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ SICC, sussidjarja li wettqet il-ksur li kien is-suġġett ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

241    Sussidjarjament, huma jqisu li ż-żieda ta’ 50 % minħabba reċidiva hija sproporzjonata, fid-dawl tal-fatt li ebda direttur ta’ livell għoli ma kien implikat f’dan l-akkordju, li l-impjegat ta’ SNV li pparteċipa f’dan l-akkordju ma kienx ipparteċipa fiż-żewġ akkordji preċedenti u li l-ammont tal-multa impost huwa ħafna ogħla mill-profitti annwali tal-bejgħ ta’ bitum ta’ SNV fil-Pajjiżi l-Baxxi.

242    Waqt is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti, barra minn hekk, indikaw li l-Kummissjoni marret kontra d-drittijiet tad-difiża tagħhom billi ma tathomx l-opportunità li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u ta’ KNPM fuq is-sussidjarji tagħhom issanzjonati għaż-żewġ ksur preċedenti.

243    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, hija ppreċiżat waqt is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012, li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat, fit-13 ta’ Lulju 2011, id-deċiżjoni tagħha tad-29 ta’ Novembru 2006 li timponi żieda minħabba reċidiva ta’ multa imposta fuq SPNV u fuq żewġ kumpanniji oħra tal-grupp Shell, minħabba l-fatt li l-impriża Shell kienet suġġetta għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑38/07, Ġabra p. II‑4383).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

244    Il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 336 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien opportun li tiġi imposta fuq Shell żieda ta’ 50 % tal-ammont tal-multa minħabba reċidiva, peress li hija diġà kienet suġġetta għad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II.

245    Għandu jitfakkar li l-analiżi tal-gravità ta’ ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni reċidiva eventwali (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 91). Fil-fatt, minn perspettiva ta’ dissważjoni, ir-reċidiva tikkostitwixxi ċirkustanza li tiġġustifika żieda kunsiderevoli fl-ammont bażiku tal-multa, ġaladarba hija tikkostitwixxi prova tal-fatt li s-sanzjoni imposta preċedentement ma kinitx dissważiva biżżejjed (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 293).

246    Konformement ma’ dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi jistabbilixxi, taħt it-titolu ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jagħtu lok għal żieda fl-ammont bażiku tal-multa, fost liema l-“ksur ripetut ta’ l-istess tip magħmul mill-istess impriża(/i)”.

247    Il-kunċett ta’ reċidiva għandu jinftiehem li huwa intiż għall-każ fejn l-istess impriża, wara li tkun ġiet issanzjonata għal ksur, twettaq ksur ieħor simili (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 284).

248    Skont il-ġurisprudenza, ġaladarba d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrikonoxxi li kumpanniji differenti li jappartjenu għall-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq, bil-konsegwenza li l-Kummissjoni tista’ timponi multa fuq il-kumpannija parent għal prattiki ta’ kumpanniji tal-grupp, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkunsidra li quddiemha tinsab sitwazzjoni ta’ reċidiva meta waħda mis-sussidjarji tal-kumpannija parent twettaq ksur tal-istess tip bħal dak li għalih ġiet preċedentement issanzjonata sussiddjarja oħra (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 290).

249    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li l-kundizzjonijiet iffissati mill-ġurisprudenza fid-dawl tas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, ma ġewx issodisfatti f’dan il-każ, ġaladarba l-kumpannija parent, li lilha l-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II kien ġie imputat, ma hijiex l-istess bħal dik implikata fil-ksur imwettaq minn SNV. Huma jindikaw ukoll li, fiż-żewġ kawżi preċedenti, ir-responsabbiltà għall-ksur ġie imputat lil SICC, li kienet kollha kemm hi proprjetà ta’ STT plc u KNPM, filwaqt li dan il-ksur la jista’ jiġi imputat lil STT (li qabel kienet STT plc), u lanqas lil KNPM, li ma għadhiex teżisti.

250    Għandu jiġi kkonstatat li SICC, implikata taħt id-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, u SNV, implikata taħt id-deċiżjoni kkontestata, huma sussidjarji li indirettament huma 100 % proprjetà tal-istess kumpanniji parent, jiġifieri STT (li qabel kienet STT plc) u KNPM.

251    Bħal ma fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ssemmi l-attivitajiet tal-impriżi, fejn il-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi għandu jinftiehem li jindika unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija kkostitwita minn numru ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 55). L-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi imputat lil impriża oħra meta hija ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat id-direttivi maħruġa minn din tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi li jgħaqqduhom (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 58).

252    Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni tqis li, ġaladarba l-Kummissjoni għandha l-fakultà, iżda mhux l-obbligu, li timputa r-responsabbiltà għall-ksur lil kumpannija parent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 82, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 331), is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma għamlitx tali imputazzjoni f’deċiżjoni preċedenti ma jimplikax li hija għandha l-obbligu li tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni ulterjuri (sentenzi tal-Qorti Ġenerali PVC II, punt 52 iktar ’il fuq, punt 990 ; tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, T‑299/08, Ġabra p. II‑2149, punt 60, u Arkema France vs Il‑Kummissjoni, T‑343/08, Ġabra p. II‑2287, punt 100).

253    B’hekk, f’dan il-każ, il-fatt li, fil-kawżi msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet għażlet li timputa l-ksur lil SICC, 100 % sussidjarja ta’ SPCo, li min-naħa tagħha hija kollha kemm hi proprjetà ta’ STT plc (li saret STT) u KNPM, pjuttost milli lil dawn tal-aħħar huwa mingħajr influwenza fuq il-possibbiltà li tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar ir-reċidiva.

254    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-punti 35 sa 52 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament imputat il-ksur, f’dan il-każ, lil STT (li qabel kienet STT plc).

255    Fir-rigward tal-argument dwar il-fatt li KNPM ma baqgħetx teżisti, il-Qorti Ġenerali tfakkar li għandu jiġi evitat li impriżi jistgħu jaħarbu minn sanzjonijiet permezz tas-sempliċi fatt li l-identità tagħhom tkun inbidlet wara ristrutturar, trasferimenti jew bidliet oħra ġuridiċi jew organizzattivi, sabiex ma jiġix kompromess l-għan ta’ trażżin tal-aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni u ta’ prevenzjoni mill-possibbiltà li dan l-aġir jerġa’ jseħħ permezz ta’ sanzjonijiet dissważivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 173; tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 61; tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 22, u ETI et, punt 44 iktar ’il fuq, punt 41). Għalhekk, din in-nuqqas ta’ eżistenza ma jistax ikollha konsegwenza fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi applikata r-reċidiva għall-impriża li kompliet teżisti.

256    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti b’mod żbaljat qiesu li l-kundizzjonijiet iffissati mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq ma kinux sodisfatti. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi bolli kkunsidrat lir-rikorrenti bħala reċidivi.

257    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jqisu, sussidjarjament, li hija l-Kummissjoni, taħt l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, li għandha tipprovdi, fid-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II seta’ ġie imputat lil STT (li qabel kienet STT plc) u li din tal-aħħar kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ SICC, sussidjarja li wettqet il-ksur li kien is-suġġett tal-imsemmija deċiżjonijiet.

258    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 108 sa 111 iktar ’il fuq).

259    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu ta’ multa imposta minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu importanza għal kollox partikolari (sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, punt 61). B’hekk, meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tinvoka l-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għall-finijiet tal-applikazzjoni taċ-ċirkustanza aggravanti marbuta mar-reċidiva, hi għandha tipproduċi elementi ddettaljati u preċiżi insostenn tal-allegazzjoni tagħha.

260    F’dan il-każ, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet indikat li hija tikkwalifika bħala ċirkustanza aggravanti l-fatt li ksur simili kien ġie preċedentement ikkonstatat fir-rigward tal-istess impriżi (premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kienu sostnew li l-entitajiet ġuridiċi destinatarji tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ma kellhom ebda rabta mal-attività li tikkonċerna l-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi.

261    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-impriża Shell, permezz tas-sussidjarja tagħha SICC, diġà kienet suġġetta għal deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni li jippreċedu Polypropylene u PVC II (premessi 336 sa 338 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija indikat espressament li kellu jiġi eżaminat jekk l-istess impriża kinitx wettqet dan il-ksur differenti, li l-entitajiet ġuridiċi li kienu jagħmlu parti mill-impriża, il-prodotti u l-persunal ma kellhomx neċessarjament ikunu l-istess għal dawn id-deċiżjonijiet kollha u li, f’dan il-każ, hija kienet stabbilixxiet, fil-kapitlu ddedikat għar-responsabbiltà, li l-entitajiet ġuridiċi ta’ Shell li kienu pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni kienu jagħmlu parti mill-istess impriża bħal dik li kienet ipparteċipat fil-ksur preċedenti (premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata).

262    Fil-fatt, il-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari, fil-premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-deċiżjoni PVC II u s-sentenza PVC II, punt 52 iktar ’il fuq (punt 312), fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni kienu stabbilixxew b’mod ċar li SICC kienet tagħmel parti mill-impriża unika Shell li kienet wettqet il-ksur, anki jekk, f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni kienet għażlet li ma tindirizzax id-deċiżjoni lill-kumpanniji parent tal-grupp. Hija ppreċiżat ukoll li, fil-kawża Polypropylene, is-sanzjoni imposta fuq SICC kienet tapplika għall-grupp Shell kollu (premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija indikat li f’dan il-każ, bil-kontra taż-żewġ kawżi preċedenti, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina, għaż-żmien kollu tal-ksur, entità ġuridika waħda li kellha rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ pjanifikazzjoni strateġika fi ħdan il-grupp ta’ livell inferjuri minn dak tal-kumpanniji parent. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fid-deċiżjoni PVC II (premessi 44 u 46), il-Kummissjoni kienet ippreċiżat li, “fil-każ ta’ gruppi industrijali importanti, [kien] normali li d-destinatarju tad-deċiżjoni tkun il-holding jew is-‘sede’, minkejja li l-impriża nnifisha [kienet] ikkostitwita mill-unità fformata mill-kumpannija parent u mis-sussidjarji kollha tagħha”, iżda li, fid-dawl tal-istruttura biċefala partikolari ta’ Shell u tal-fatt li ma għandhiex sede waħda li lilha tista’ tiġi indirizzata d-deċiżjoni, hija kienet indirizzat id-deċiżjoni tagħha lil SICC.

263    Fir-rigward tal-ilment ifformulat mir-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li STT (li qabel kienet STT plc) kienet effettivament eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ SICC, sussidjarja li wettqet il-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, għandu jitfakkar, konformement mal-prinċipji msemmija fil-punti 36 sa 52 iktar ’il fuq, li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tindika tali elementi, ġaladarba SICC, fil-mument meta twettaq il-ksur, kienet tappartjeni 100 % konġuntament lil STT plc (li saret STT) u lil KNPM u li dan il-fatt qatt ma ġie kkontestat mir-rikorrenti.

264    Mill-argumenti kollha preċedenti jirriżulta li l-motivazzjoni esposta mill-Kummissjoni hija ddettaljata u preċiża biżżejjed fir-rigward tar-rekwiżiti magħmula mill-ġurisprudenza, ġaladarba hija tippermetti lir-rikorrenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u hija suffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha. B’hekk ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jifhmu b’mod mhux ekwivoku r-raġunament li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tqis li l-istess impriża kienet wettqet it-tliet ksur inkwistjoni.

265    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li r-rata ta’ żieda fl-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva ta’ 50 % hija sproporzjonata, fid-dawl tal-fatt li ebda direttur ta’ livell għoli ta’ Shell ma kien implikat f’dan il-ksur, li min-naħa l-oħra, l-impjegat ta’ SNV implikat ma kienx ipparteċipa fiż-żewġ ksur preċedenti u li l-benefiċċji tal-bejgħ ta’ SNV kienu negliġibbli meta mqabbla mal-ammont tal-multa.

266    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li ma jirriżultax b’mod ċar mill-argument tar-rikorrenti jekk, permezz ta’ dan l-ilment, huma jallegawx ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-Kummissjoni jew jekk huma jitolbux lill-Qorti Ġenerali tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, in-natura proporzjonali tar-rata ta’ żieda tal-ammont bażiku tal-multa minħabba reċidiva applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

267    Fi kwalunkwe każ, il-qorti tal-Unjoni diġà fakkret li l-Kummissjoni kellha, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, tħares li l-azzjoni tagħha tkun ta’ natura dissważiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il‑Kummissjoni, T‑228/97, Ġabra p. II‑2969, punt 245) u li r-reċidiva kienet ċirkustanza li tiġġustifika żieda kunsiderevoli tal-ammont bażiku tal-multa, ġaladarba hija kienet tikkostitwixxi l-prova tal-fatt li s-sanzjoni imposta preċedentement ma kinitx dissważiva biżżejjed (sentenza Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 38 iktar ’il fuq, punt 293). Bl-istess mod, il-fatt li tiġi imposta multa fuq impriża li ma tkunx proporzjonali mal-importanza tagħha fis-suq inkwistjoni ma jirriżultax minn idea manifestament eċċessiva tal-kuntest ta’ reċidiva, iżda mill-kunsiderazzjonijiet kollha li l-Kummissjoni tista’, ġustament, tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, il-gravità tal-ksur li għandha tiġi stabbilita permezz ta’ numru ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom ta’ bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punti 368 u 369).

268    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tista’, billi tiffissa rata ta’ żieda minħabba r-reċidiva, tieħu inkunsiderazzjoni l-ħjiel intiż li jikkonferma l-propensità tal-impriża kkonċernata li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, inkluż iż-żmien li ddekorra bejn il-ksur inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Outokumpu u Luvata vs Il‑Kummissjoni, T‑122/04, Ġabra p. II‑1135, punt 62). F’dan il-każ, għandi jiġi osservat, qabel kollox, li l-ksur inkwistjoni kien, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-tielet tal-istess tip li għalih l-impriża Shell kienet suġġetta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-ksur inkwistjoni fid-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II kellu bħala għan, bħal dik li tat lok għal din il-kawża, l-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet kew it-tqassim ta’ ishma. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà qieset li żieda ta’ 50 % kienet iġġustifikata meta perijodu inferjuri għal għaxar snin kien iddekorra bejn il-ksur differenti, bħal fil-każ inkwistjoni, fejn l-akkordju beda fl-1994 (sentenza Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 267 iktar ’il fuq, punti 354 u 355). Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni qieset li l-impriża Shell kienet kisret l-Artikolu 81 KE billi pparteċipat flimkien ma’ impriżi oħra, mill-20 ta’ Mejju 1996 sal-31 ta’ Mejju 1999, fi ftehim li fil-kuntest tiegħu kien ġie deċiż li jiġu ffissati miri ta’ prezzijiet, li klijenti jinqasmu permezz ta’ ftehimiet ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u li tiġi skambjata informazzjoni sensittiva dwar il-prezzijiet, dwar il-kompetituri u dwar il-klijenti fis-setturi tal-gomma u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni [Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni)].

269    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda mill-elementi invokati mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li ż-żieda fl-ammont bażiku tal-multa ta’ 50 %, sabiex tidderiġi l-aġir tagħhom lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni hija sproporzjonata. Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud inkwantu, minn naħa, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, min-naħa l-oħra, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti ma jiġġustifikawx evalwazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali differenti minn dik tal-Kummissjoni.

270    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti sostnew, għall-ewwel darba, waqt is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012, li l-Kummissjoni kienet marret kontra d-drittijiet tad-difiża tagħhom billi ma tathomx l-opportunità li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u ta’ KNPM fuq is-sussidjarji tagħhom issanzjonati għaż-żewġ ksur preċedenti.

271    Għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi, b’mod partikolari, sunt tal-motivi invokati u li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li jirriżultaw matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta ma’ dan il-motiv, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il‑Kummissjoni, C‑430/00 P, Ġabra p. I‑8547, punt 17).

272    Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tista’ tilqa’ motivi jew argumenti ġodda biss taħt il-kundizzjoni doppja li dawn ikunu operattivi għall-finijiet tas-setgħat tagħha, u li ma jkunux ibbażati fuq motiv ta’ illegalità differenti minn dawk imqajma fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra p. I‑6983, punti 27 sa 29).

273    F’dan il-każ, huwa paċifiku li waqt il-proċedura bil-miktub ir-rikorrenti ma qajmu ebda motiv relatat mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ opportunità li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ STT plc (li saret STT) u ta’ KNPM fuq is-sussidjarji tagħhom issanzjonati għaż-żewġ ksur preċedenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdew ebda indikazzjoni li dan il-motiv huwa bbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li rriżultaw matul il-proċedura. Fl-aħħar nett, bil-kontra ta’ dak li sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2012, dan il-motiv ma jistax jiġi kkunsidrat bħala estensjoni tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mqajjem fir-rikors.

274    Għalhekk, mill-argumenti preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

275    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li mill-fajl jirriżulta li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti kellhom l-opportunità, waqt il-proċedura amministrattiva, li jipproduċu elementi intiżi sabiex jiġi stabbilit li l-impriża ssanzjonata fl-ewwel żewġ ksur ma kinitx l-istess bħal dik li kienet is-suġġett ta’ dan il-ksur, ġaladarba l-Kummissjoni kienet indikat fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punti 93 u 283) li l-impriża Shell kienet, fl-imgħoddi, diġà ġiet meqjusa responsabbli għal ksur tal-Artikolu 81 KE, billi semmiet id-deċiżjonijiet Polypropylene u PVC II, kif ukoll is-sentenza Shell vs Il‑Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq.

276    Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet fondata billi żiedet l-ammont bażiku tal-multa b’50 % minħabba r-reċidiva u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali tqis li din iż-żieda hija xierqa.

 Konklużjoni dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti

277    Mill-punti 140 sa 237 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx suffiċjentement skont il-liġi li SNV kellha rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej fil-ksur inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li din il-konstatazzjoni tiġġustifika l-fatt li hija teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-rwol ta’ SNV fil-ksur inkwistjoni. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti żieda unika ta’ 50 % fl-ammont bażiku tal-multa bħala ċirkustanza aggravanti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi.

278    Il-Qorti Ġenerali tqis li jeħtieġ li ż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti għandha titneħħa.

279    Minħabba dan it-tibdil il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(l) tad-deċiżjoni kkontestata għandha titnaqqas għal EUR 81 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

280    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

281    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfu f’parti sinjifikattiva tat-talbiet tagħhom, tkun saret evalwazzjoni ġusta tal-fatti tal-każ jekk jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

282    Barra minn hekk, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tat-talbiet tagħhom fuq l-ispejjeż, intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-ħlas tal-multa jew mill-kostituzzjoni ta’ garanzija bankarja. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, tali spejjeż ma jikkostitwixxux spejjeż tal-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ciments, punt 77 iktar ’il fuq, punt 5133, u l-ġurisprudenza ċċitata).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(l), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (il‑Pajjiżi l‑Baxxi)], huwa annullat inkwantu jiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq Shell Petroleum NV, fuq The Shell Transport and Trading Company Ltd u fuq Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV għal EUR 108 miljun.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Shell Petroleum, fuq The Shell Transport and Trading Company Ltd u fuq Shell Nederland Verkoopmaatschappij permezz tal-imsemmi Artikolu 2(l), għandu jitnaqqas għal EUR 81 miljun.

3)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Jaeger

Wahl

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Ir-rikorrenti

2.  Il-proċedura amministrattiva

3.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji ta’ evalwazzjoni l-imputabbiltŕ tal-ksur lill-kumpanniji parent

Fuq l-iżbalji ta’ liġi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha

–  Fuq l-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni għal żewġ kumpanniji parent 100 % proprjetarji konġunti tas-sussidjarja tagħhom

–  Fuq in-natura konfutabbli tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 % tagħha

Fuq l-elementi intiżi għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Prinċipji ġenerali relatati mal-aċċess għad-dokumenti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

Applikazzjoni f’dan il-każ

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u d-determinazzjoni tat-tul tal-ksur

Fuq il-gravità tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Eżami tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalitŕ

–  Eżami tal-argumenti tar-rikorrenti fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa

Fuq it-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li jikkonċernaw iċ-ċirkustanzi aggravanti

Fuq ir-rwol ta’ promotur ta’ SNV

L-argumenti tal-partijiet

–  Fuq il-proposta magħmula lil KWS ta’ skont speċjali lill-W5

–  Fuq it-tentattivi sabiex ExxonMobil tiġi persważa tingħaqad mal-akkordju

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Prinċipji ġenerali relatati mar-rwol ta’ provokatur

–  Ammissibbiltà tax-xhieda pprovduta mir-rikorrenti

–  Fuq it-tnaqqis speċifiku mogħti lill-W5

–  Fuq it-tentattivi sabiex ExxonMobil tiġi persważa tingħaqad mal-akkordju

–  Konklużjoni dwar ir-rwol ta’ provokatur

Fuq ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV

L-argumenti tal-partijiet

–  Fuq ir-rwol ta’ SNV fl-1994 u fl-1995 fin-negozjati ma’ KWS f’isem il-fornituri

–  Fuq il-fatt li, mill-1996, SNV iddeċidiet Sur le fait que, à partir de 1996, SNV ddeċidiet minn qabel ma’ KWS dwar l-opportunità li tiġi organizzata laqgħa bejn il-fornituri u l-W5

–  Fuq ir-rwol preponderanti ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri

–  Fuq ir-rwol ta’ kelliema tal-fornituri ta’ SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum

–  Fuq il-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Prinċipji ġenerali relatati mar-rwol ta’ mexxej

–  Fuq ir-rwol li kellha SNV fl-1994 u fl-1995 fin-negozjati ma’ KWS f’isem il-fornituri

–  Fuq il-fatt li, mill-1996, SNV iddeċidiet ma’ KWS minn qabel dwar l-opportunità li torganizza laqgħa bejn il-fornituri u l-W5

–  Fuq ir-rwol preponderanti ta’ SNV waqt il-laqgħat preparatorji bejn fornituri

–  Fuq ir-rwol ta’ kelliema tal-fornituri ta’ SNV waqt il-laqgħat ta’ ftehim dwar il-bitum

–  Fuq il-kontroll tal-implementazzjoni tal-akkordju

–  Konklużjoni dwar ir-rwol ta’ mexxej ta’ SNV

Fuq ir-reċidiva

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Konklużjoni dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.