Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta' Frar 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari ta' Krajský soud v Brně - Ir-Repubblika Ċeka) - Toshiba Corporation et vs Úřad pro ochranu hospodářské soutěže

(Kawża C-17/10) 

(Kompetizzjoni - Akkordju, fit-territorju ta' Stat Membru, li beda qabel l-adeżjoni ta' dan l-Istat fl-Unjoni Ewropea - Akkordju ta' portata internazzjonali li għandu effetti fit-territorju tal-Unjoni u taż-Żona Ekonomika Ewropea - Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE - Prosekuzzjoni u sanzjoni tal-ksur għall-perijodu ta' qabel id-data tal-adeżjoni u għall-perijodu ta' wara din id-data - Multi - Delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u dawk tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni - Impożizzjoni ta' multi mill-Kummissjoni u mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni - Prinċipju ne bis in idem - Regolament Nru 1/2003 - Artikoli 3(1) u 11(6) - Konsegwenzi tal-adeżjoni ta' Stat Membru ġdid fl-Unjoni)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Krajský soud v Brně

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Toshiba Corporation, T&D Holding , li kienet Areva T&D Holding SA, Alstom Grid SAS, li kienet Areva T&D SAS, Alstom Grid AG, li kienet Areva T&D AG, Mitsubishi Electric Corp., Alstom, Fuji Electric Holdings Co. Ltd, Fuji Electric Systems Co. Ltd, Siemens Transmission & Distribution SA, Siemens AG Österreich, VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, Siemens AG, Hitachi Ltd, Hitachi Europe Ltd, Japan AE Power Systems Corp., Nuova Magrini Galileo SpA

Konvenut: Úřad pro ochranu hospodářské soutěže

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Krajský soud v Brně - Interpretazzjoni tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u b'mod partikolari tal-Artikoli 3(1) u 11(6) tiegħu, kif ukoll tal-punt 51 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43) - Akkordju fuq it-territorju ta' Stat Membru, mibdi qabel l-adeżjoni ta' dan l-Istat fl-Unjoni Ewropea u li ntemm wara dan l-avveniment - Impożizzjoni ta' multi mill-Kummissjoni u mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni - Kompetenza tal-awtorità nazzjonali sabiex tissanzjona l-istess aġir għall-perijodu ta' qabel l-adeżjoni - Prinċipju non bis in idem

Dispożittiv

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta' proċedura mibdija wara l-1 ta' Mejju 2004, dawn ma humiex applikabbli għal akkordju li pproduċa effetti, matul perijodi qabel din id-data, fit-territorju ta' Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Mejju 2004.

Il-ftuħ mill-Kummissjoni Ewropea ta' proċedura skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta' akkordju ma jċaħħadx, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat mill-kompetenza tagħha li tissanzjona, skont id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-effetti antikompetittivi li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru matul perijodi qabel l-adeżjoni ta' dan tal-aħħar fl-Unjoni Ewropea.

Il-prinċipju ne bis in idem ma jostakolax l-impożizzjoni ta' multi mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat fuq impriżi li jkunu pparteċipaw f'akkordju, bil-għan li jiġu ssanzjonati l-effetti li nibtu minn dan l-akkordju fit-territorju ta' dak l-Istat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea, fil-każ fejn il-multi imposti fuq il-membri ta' dan l-akkordju b'deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata qabel id-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma kinux intiżi li jissanzjonaw l-imsemmija effetti.

____________

1 - ĠU C 100, 17.04.2010