Language of document : ECLI:EU:C:2018:167

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Marzu 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni esklużiva – Il-punt 2 tal-Artikolu 22 – Validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tal-kumpanniji jew tal-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru – Deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija li tordna t-trasferiment obbligatorju tat-titoli tal-azzjonisti minoritarji ta’ din il-kumpannija lill-azzjonist maġġoritarju tagħha u li tistabbilixxi l-ammont tal-korrispettiv li għandu jitħallas lilhom minn dan tal-aħħar – Proċedura ġudizzjarja li għandha l-għan li tistħarreġ in-natura raġonevoli tal-korrispettiv”

Fil-Kawża C‑560/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura

E.ON Czech Holding AG

vs

Michael Dědouch,

Petr Streitberg,

Pavel Suda,

fil-preżenza ta’:

Jihočeská plynárenská, a.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal E.ON Czech Holding AG, minn D. Vosol, advokát,

–        għal Dědouch, Streitberg u Suda, minn P. Zima, advokát,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u J. Hradil, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1(a) u 3 tal-Artikolu 5 kif ukoll il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn E.ON Czech Holding AG (iktar ’il quddiem “E.ON”) u Michael Dědouch, Petr Streitberg u Pavel Suda dwar l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija tal-azzjonijisti minoritarji, E.ON kienet obbligata tħallashom wara t-trasferiment obbligatorju tat-titoli li kellhom f’Jihočeská plynárenská, a.s.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2, 11 u 12 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxu:

“(2)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[…]

(11)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

5        Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 5 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

7        L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1)      meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

[…]”

8        L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[…]

2)      fi proċedimenti li jkollhom bħala l-obbjettiv tagħhom il-validità tal-kostituzzjoni, in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra jew għaqdiet ta’ persuni naturali jew ġuridiċi, jew il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi tagħhom, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih il-kumpannija, persuna ġuridika jew għaqda jkollha s-sede tagħhom. Sabiex tiġi determinata s-sede, il-qorti għandha tapplika r-regoli tal-liġi privata internazzjonali;

[…]”

 Id-dritt Ċek

9        L-Artikolu 183i taz-zákon č. 513/1991 Sb., obchodní zákoník (il-Liġi Nru 513/1991, li tirrigwarda l-Kodiċi tal-Kummerċ, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)      Persuna li għandha titoli ta’ sehem ta’ kumpannija (a) li l-valur nominali totali tagħhom huwa ekwivalenti għal mill-inqas 90 % tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, jew (b) li jissostitwixxu titoli ta’ sehem ta’ kumpannija li l-valur nominali totali tagħhom huwa ekwivalenti għal mill-inqas 90 % tal-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, jew (c) li jirrappreżentaw mill-inqas 90 % tad-drittijiet tal-vot tal-kumpannija (iktar ’il quddiem l-‘azzjonist prinċipali’) għandha l-possibbiltà li titlob lill-kunsill ta’ amministrazzjoni jsejjaħ laqgħa ġenerali, sabiex jieħu deċiżjoni dwar it-trasferiment tat-titoli l-oħra kollha ta’ sehem tal-kumpannija lilha.

[…]

(3)      Ir-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali tidentifika lill-azzjonist prinċipali, fiha l-elementi li jistabbilixxu li dan l-azzjonist huwa tassew l-azzjonist prinċipali u tindika l-ammont tal-korrispettiv […] kif ukoll it-terminu relatat mal-pagament tiegħu.”

10      L-Artikolu 183k ta’ din il-liġi tipprevedi:

“(1)      Id-detenturi tat-titoli ta’ sehem għandhom il-possibbiltà, mid-data li fiha jirċievu l-istedina sabiex jipparteċipaw fil-laqgħa ġenerali jew tan-notifika li ser tinżamm din il-laqgħa ġenerali, li jitolbu lil qorti tistħarreġ in-natura raġonevoli tal-korrispettiv; […]

[…]

(3)      Id-deċiżjoni ta’ qorti li tagħti d-dritt għal ammont differenti tal-korrispettiv hija vinkolanti għall-azzjonist prinċipali u l-kumpannija, f’dak li jikkonċerna l-bażi tad-dritt mogħti, l-istess fir-rigward tad-detenturi l-oħra ta’ titoli ta’ sehem. […]

(4)      Deċiżjoni skont liema l-korrispettiv ma jkunx raġonevoli ma għandhiex l-effett li tinvalida r-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali adottata f’konformità mal-Artikolu 183i(1)

(5)      Deċiżjoni skont liema l-korrispettiv ma jkunx raġonevoli ma tistax tiġi invokata għall-finijiet ta’ rikors għal invalidità tar-riżoluzzjoni adottata mil-laqgħa ġenerali msemmi fl-Artikolu 131.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Permezz ta’ riżoluzzjoni tat-8 ta’ Diċembru 2006, il-laqgħa ġenerali ta’ Jihočeská plynárenská ddeċidiet dwar it-trasferiment obbligatorju tat-titoli kollha ta’ sehem ta’ din il-kumpannija lill-azzjonist prinċipali tagħha, E.ON.

12      Din ir-riżoluzzjoni kienet tindika l-ammont tal-korrispettiv li dan tal-aħħar kien obbligat li jħallas lill-azzjonisti minoritarji wara dan it-trasferiment.

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2007, M. Dědouch, P. Streitberg u P. Suda talbu lill-Krajský soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Reġjonali ta’ České Budějovice, ir-Repubblika Ċeka) tistħarreġ dwar in-natura raġonevoli ta’ dan il-korripsettiv.

14      Matul din il-proċedura, E.ON qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Ċeki, fejn sostniet li, fid-dawl tal-post tas-sede tagħha, il-qrati Ġermaniżi biss kienu jgawdu mill-ġurisdizzjoni internazzjonali.

15      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Awwissu 2009, il-Krajský soud v Českých Budějovicích (il-Qorti Reġjonali ta’ České Budějovice) ċaħdet din l-eċċezzjoni minħabba li l-qrati Ċeki kellhom ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-punt 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001 biex jieħdu konjizzjoni tar-rikors.

16      E.ON appellat din id-deċiżjoni quddiem il-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka), li, permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Ġunju 2010, qieset li l-kawża li kienet adita biha kienet taqa’ taħt il-punt 2 tal-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament u li, b’kunsiderazzjoni tal-post tas-sede ta’ Jihočeská plynárenská, huma l-qrati Ċeki li għandhom il-ġurisdizzjoni internazzjonali.

17      Adita b’rikors kostituzzjonali ppreżentat minn E.ON, l-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, annullat dan id-digriet u bagħtet il-kawża lura lill-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga).

18      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Mejju 2014, il-Vrchní soud v Praze (il-Qorti Superjuri ta’ Praga) qieset li l-qrati Ċeki għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawża prinċipali fuq il-bażi tal-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001.

19      E.ON ippreżentat appell minn dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      Huwa f’dan il-kuntest li n-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għall-proċedura li tinvolvi l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali huwa obbligat iħallas, inkambju għal titoli ta’ sehem, lid-detenturi preċedenti tal-imsemmija titoli, li ġew ittrasferiti lilu bħala riżultat ta’ riżoluzzjoni adottata mil-laqgħa ġenerali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, dwar it-trasferiment obbligatorju tat-titoli l-oħra ta’ sehem lill-azzjonist prinċipali (proċedura msejħa ta’ ‘tneħħija’), meta r-riżoluzzjoni hekk adottata tiffissa l-ammont tal-korrispettiv raġonevoli u meta […] deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti d-dritt għal ammont ta’ korrispettiv differenti [tkun] ta’ natura vinkolanti għall-azzjonist prinċipali u għall-kumpannija, fir-rigward tal-bażi tad-dritt mogħti, kif ukoll anki fir-rigward tad-detenturi l-oħra ta’ titoli ta’ sehem?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-punt 1(a) tal-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċedura li tinvolvi l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv deskritt fl-ewwel domanda?

3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi, il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll il-proċedura li tinvolvi l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv deskritt fl-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li rikors, bħal dak fil-kawża prinċipali, li għandu bħala suġġett l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali ta’ kumpannija għandu jħallas lill-azzjonisti minoritarji ta’ din fil-każ tat-trasferiment obbligatorju tal-azzjonijiet tagħhom lil dan l-azzjonist prinċipali, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita din il-kumpannija.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża prinċipali, għalkemm ir-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ Jihočeská plynárenská kienet kemm dwar it-trasferiment tal-azzjonijiet ta’ din lill-azzjonist prinċipali kif ukoll fuq l-istabbiliment tal-ammont tal-korrispettiv li għandu jitħallas lill-azzjonisti minoritarji, M. Dědouch, P. Streitberg u P. Suda sempliċement jikkontestaw, fir-rikors tagħhom, in-natura raġonevoli ta’ dan l-ammont.

23      Issa, jekk wieħed jassumi li dan ir-rikors jagħti lok għal deċiżjoni li biha l-imsemmi ammont ma huwiex raġonevoli, id-dritt Ċek jeskludi espressament li din id-deċiżjoni jista’ jkollha l-effett li tinvalida r-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali fir-rigward ta’ dan it-trasferiment jew li tista’ tiġi invokata għall-finijiet ta’ rikors ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din ir-riżoluzzjoni.

24      Konsegwentment, skont interpretazzjoni letterali tal-kliem tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, ma jidhirx b’mod ċert li tali rikors jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, peress li r-regola tal-ġurisdizzjoni ddikjarata minn din hija applikabbli fil-qasam tal-“validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi” tal-kumpanniji jew tal-persuni ġuridiċi.

25      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 29; tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty, C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 17, kif ukoll tas‑16 ta’ Jannar 2014, Kainz, C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 19).

26      Fir-rigward tal-kuntest u l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dik tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikollu d-domiċilju, hija r-regola ġenerali. Huwa biss b’eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali, li l-imsemmi regolament jipprevedi regoli speċjali u esklużivi ta’ ġurisdizzjoni f’każi elenkati b’mod limitat fejn il-konvenut jista’ jew għandu, skont il-każ, jiġi mħarrek quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C‑103/05, EU:C:2006:471, punt 22, u tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG, C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30).

27      Dawn ir-regoli speċjali u esklużivi ta’ ġurisdizzjoni għandhom, għalhekk, jiġu interpretati b’mod restrittiv. Fil-fatt, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 ma għandhomx jiġu interpretati f’sens iktar wiesa’ milli jitlob l-għan tagħhom (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty, C‑372/07, EU:C:2008:534, punti 18 u 19, kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG, C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30).

28      Dwar l-għanijiet u l-iskop tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 11, dan huwa intiż sabiex jgħaqqad ir-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li jippreżentaw grad għoli ta’ prevedibbiltà. Dan ir-regolament għandu għalhekk għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi jippermetti kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C‑533/07, EU:C:2009:257, punti 21 u 22; tas-17 ta’ Marzu 2016, Taser International, C‑175/15, EU:C:2016:176, punt 32, kif ukoll tal-14 ta’ Lulju 2016, Granarolo, C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 16).

29      Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 12 tal-imsemmi regolament, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu l-konvenut huwa ddomiċiljat jissumplementaw din tal-aħħar meta jkun hemm rabta stretta bejn il-qorti nnominata minn dawn ir-regoli u t-tilwima jew sabiex tiffaċilita amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

30      B’mod partikolari, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni esklużiva previsti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 huma intiżi sabiex il-kawżi previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet ikunu rriżervati għall-qrati li jkollhom konnessjoni sostantiva u ġuridika ma dawn il-kawżi (ara, fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32) fejn id-dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT, C‑4/03, EU:C:2006:457, punt 21), jiġifieri li jagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati ta’ Stat Membru f’ċirkustanzi partikolari fejn, fid-dawl tal-materja inkwistjoni, dawn il-qrati jkunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi li jaqgħu taħtha minħabba l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn dawn il-kawżi u l-imsemmi Stat Membru (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, BVG, C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 36).

31      Għalhekk, l-għan essenzjali segwit mill-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 huwa li jiċċentralizza l-ġurisdizzjoni sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet kontradittorji f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-kumpanniji u l-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħhom (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty, C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 20).

32      Fil-fatt, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha jidhru fl-aħjar pożizzjoni sabiex jaqtgħu dawn il-kawżi, b’mod partikolari minħabba li l-formalitajiet ta’ pubbliċità tal-kumpannija jsiru fl-istess Stat. L-attribuzzjoni ta’ tali ġurisdizzjoni esklużiva lil dawn il-qrati għalhekk titwettaq fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty, C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 21).

33      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minn dan ma jistax jiġi dedott li huwa suffiċjenti, sabiex japplika l-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li azzjoni ġudizzjarja tippreżenta xi rabta kwalunkwe ma’ deċiżjoni meħuda minn organu ta’ kumpannija (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty, C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 22) u li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkopri biss kawżi fejn parti tikkontesta l-validità ta’ deċiżjoni ta’ organu ta’ kumpannija fid-dawl tad-dritt tal-kumpanniji applikabbli jew ta’ dispożizzjonijiet statutarji dwar it-tħaddim tal-organi tagħha (sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2008, Hassett u Doherty, C‑372/07, EU:C:2008:534, punt 26, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2014, flyLAL-Lithuanian Airlines, C‑302/13, EU:C:2014:2319, punt 40).

34      F’dan il-każ, għalkemm huwa veru li, skont id-dritt Ċek proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax twassal formalment għal deċiżjoni li għandha bħala effett li tinvalida riżoluzzjoni ta’ laqgħa ġenerali ta’ kumpannija dwar it-trasferiment obbligatorju ta’ titoli ta’ azzjonisti minoritarji ta’ din il-kumpannija lill-azzjonist maġġoritarju ta’ din, xorta jibqa’ l-fatt li, konformement mar-rekwiżiti tal-interpretazzjoni awtonoma u tal-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, il-portata tal-punt 2 tal-Artikolu 22 ta’ dan ma tkunx tiddependi mill-għażliet magħmula fid-dritt intern tal-Istati Membri jew li jvarjaw skont dan.

35      Issa, minn naħa, din il-proċedura għandha l-oriġini tagħha fil-konstatazzjoni tal-ammont tal-korrispettiv relattiv għal tali trasferiment, u, min-naħa l-oħra, għandha bħala suġġett l-istħarriġ tan-natura raġonevoli ta’ dan l-ammont.

36      Minn dan isegwi li fir-rigward tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, proċedura ġudizzjarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-istħarriġ tal-validità parzjali ta’ deċiżjoni ta’ organu ta’ kumpannija u li tali proċedura tista’, minħabba dan il-fatt, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kif huwa previst mill-formulazzjoni ta’ din tal-aħħar.

37      Għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti adita b’tali talba ta’ stħarriġ għandha teżamina l-validità ta’ deċiżjoni ta’ organu ta’ kumpannija sa fejn din id-deċiżjoni tirrigwarda l-iffissar tal-imsemmi ammont, tiddeċiedi jekk dan tal-aħħar huwiex raġonevoli kif ukoll, skont il-każ, tannulla l-imsemmija deċiżjoni dwar dan il-punt u tiffissa ammont differenti tal-korripsettiv.

38      Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li biha din id-dispożizzjoni tapplika għal proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija konformi mal-għan essenzjali segwit mill-imsemmija dispożizzjoni u ma għandhiex bħala effett li tesendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din lil hinn milli huwa meħtieġ minn dan il-għan.

39      F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ rabta stretta bejn il-qrati tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu hija stabbilita Jihočeská plynárenská, f’dan il-każ il-qrati Ċeki, u t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija manifesta.

40      Fil-fatt, minbarra l-fatt li Jihočeská plynárenská hija kumpannija rregolata mid-dritt Ċek, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali li ffissat l-ammont tal-korrispettiv li huwa s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali kif ukoll l-atti u l-formalitajiet dwar din ġew imwettqa konformement mad-dritt Ċek u bil-lingwa Ċeka.

41      Bl-istess mod, huwa paċifiku li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tapplika d-dritt sostantiv Ċek fil-kawża prinċipali.

42      Konsegwentement, fid-dawl tar-rabta stretta bejn it-tilwima fil-kawża prinċipali u l-qrati Ċeki, dawn huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ din it-tilwima dwar l-istħarriġ tal-validità parzjali tal-imsemmija riżoluzzjoni u l-għoti, skont il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lil dawn il-qrati huwa ta’ natura li jiffaċilita l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

43      L-għoti ta’ din il-ġurisdizzjoni lill-qrati Ċeki hija wkoll konformi mal-għanijiet ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ ċertezza legali mfittxija mir-Regolament Nru 44/2001, peress li, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-azzjonisti ta’ kumpannija, b’mod partikolari l-azzjonist prinċipali, għandhom jistennew li l-qrati tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu din il-kumpannija hija stabbilita jkunu l-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar kull tilwima interna tal-imsemmija kumpannija dwar l-istħarriġ tal-validità parzjali ta’ deċiżjoni ta’ organu ta’ kumpannija.

44      Barra minn hekk, sa fejn l-azzjonist prinċipali ta’ kumpannija jista’ jibdel matul l-eżistenza ta’ din il-kumpannija, l-applikazzjoni tar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu l-konvenut għandu d-domiċilju tiegħu, prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali dan ma jippermettix li jiġi żgurat it-twettiq tal-imsemmija għanijiet.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li rikors, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu bħala suġġett l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali ta’ kumpannija għandu jħallas lill-azzjonisti minoritarji ta’ din fil-każ tat-trasferiment obbligatorju tal-azzjonijiet tagħhom lil dan l-azzjonist prinċipali, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita din il-kumpannija.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

46      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġ interpretat fis-sens li rikors, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu bħala suġġett l-istħarriġ tan-natura raġonevoli tal-korrispettiv li l-azzjonist prinċipali ta’ kumpannija għandu jħallas lill-azzjonisti minoritarji ta’ din fil-każ tat-trasferiment obbligatorju tal-azzjonijiet tagħhom lil dan l-azzjonist prinċipali, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita din il-kumpannija.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.