Language of document : ECLI:EU:C:2013:90

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-21 ta’ Frar 2013 (1)

Kawżi Magħquda C‑523/11 u C‑585/11

Laurence Prinz

vs

Region Hannover

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Hannover (il-Ġermanja)]


Philipp Seeberger

vs

Studentenwerk Heidelberg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Karlsruhe (Il-Ġermanja)]

“Moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE – Fondi għall-edukazzjoni ogħla barra l-pajjiż – Obbligu ta’ residenza – ‘Regola tat-tliet snin’ – Proporzjonalità”






1.        Il-Ġermanja hija wieħed mill-Istati Membri fejn ċittadini tal-Unjoni Ewropea (“UE”) jistgħu japplikaw għal fondi għall-edukazzjoni ogħla u taħriġ f’istituzzjonijiet li jinsabu f’pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea. L. Prinz u P. Seeberger, it-tnejn li huma ċittadini Ġermaniżi, applikaw għal tali fondi. L-applikazzjonijiet tagħhom ġew irrifjutati abbażi tal-fatt li ħadd minnhom ma stabbilixxa tliet snin ta’ residenza mingħajr interruzzjoni fil-Ġermanja eżatt qabel ma bdew l-istudji tagħhom barra l-pajjiż (‘ir-regola tat-tliet snin’). Ir-regola tat-tliet snin hija imposta, isostni l-Gvern Ġermaniż, sabiex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ piż finanzjarju irraġonevoli li jista’ jkollu effett fuq il-livell globali ta’ assistenza disponibbli (“l-għan ekonomiku”), sabiex jiġu identifikati dawk li huma integrati fis-soċjetà Ġermaniża u sabiex jiġi żgurat li l-fondi jingħataw lil dawk l-istudenti li probabbilment jerġgħu lura fil-Ġermanja wara l-istudji tagħhom u jikkontribwixxu għas-soċjetà ta’ hemmhekk (“l-għan soċjali”). Studenti li ma jistgħux juru tliet snin ta’ tali residenza mingħajr interruzzjoni jiġu rrifjutati l-fondi għat-tul kollu tal-istudju barra l-pajjiż. Madankollu, huma jistgħu jirċievu fondi għall-ewwel sena ta’ dawn l-istudji jew għat-tul kollu tal-istudji fil-Ġermanja.

I –    Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-UE

1.      It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

2.        L-Artikolu 20 TFUE jipprovdi:

“1.      Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza tal-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina tal-Unjoni. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.      Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

(a)      id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

[…]

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.”

3.        Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti [fit-]Trattat [KE u d-dispożizzjonijiet meħuda biex dan jitwettaq”.

4.        Skont l-Artikolu 165(1) TFUE, l-Istati Membri huma responsabbli “għall-kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni”. L-Artikolu 165(1) jipprovdi li “[l]-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn Stati Membri u, jekk meħtieġ, billi ssostni u tikkumplimenta l-azzjoni tagħhom”. Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 165(2), l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata lejn “l-inkoraġġiment tal-mobilità fost l-istudenti”.

2.      Id-Direttiva 2004/38/KE

5.        L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 (2) jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jgħixu skont din id-Direttiva fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat … qabel il-kisba tad-dritt tar-residenza permanenti, [(3)] lil jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet tal-istudenti jew f’self għal studenti lil persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja taghhom.”

B –    Id-dritt nazzjonali

6.        Il-Bundesausbildungsförderungsgesetz (Bundesgesetz über individuelle Förderung der Ausbildung – Bundesausbildungsförderungsgesetz; “il-BaföG” jew “il-liġi dwar l-assistenza lill-istudenti”) hija l-liġi Ġermaniża li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jinkisbu fondi għall-istudji u taħriġ. Din ġiet emendata diversi drabi (4), inkluż sabiex jingħata effett għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Morgan u Bucher (5). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawk li llum huma l-Artikoli 20 u 21 TFUE jipprekludu kundizzjoni bħal dik inkluża fil-punt 3 tal-Paragrafu 5(2) tal-liġi (l-antika) dwar l-assistenza lill-istudenti li kienet tagħmel l-għoti ta’ fondi għal studji fi stabbiliment edukattiv barra l-pajjiż dipendenti fuq jekk dawn l-istudji humiex kontinwazzjoni tal-edukazzjoni jew taħriġ segwit għal mill-inqas sena fl-Istat Membru tal-oriġini (il-‘kundizzjoni tal-ewwel stadju’).

7.        L-ewwel subparagrafu tal-Paragrafu 5 rivedut jiddefinixxi “residenza permanenti” bħala l-post li huwa ċ-ċentru tal-interessi, mhux biss temporanju, tal-persuna kkonċernata, irrispettivament minn kull intenzjoni tagħha li tistabbilixxi ruħha permanentament. Dan jipprovdi wkoll li persuna li tirrisjedi f’post għal skopijiet ta’ edukazzjoni jew taħriġ biss ma tkunx stabbilixxiet ir-residenza tagħha hemmhekk.

8.        Il-Punt 3 tal-Paragrafu 5(2) jipprovdi li l-istudenti li jkollhom ir-residenza permanenti tagħhom fil-Ġermanja għandhom jingħataw fondi talli jattendu stabbiliment edukattiv jew ta’ taħriġ fi Stat Membru tal-UE jew fl-Isvizzera sabiex jibdew jew ikomplu l-edukazzjoni jew it-taħriġ tagħhom hemmhekk.

9.        Skont il-Paragrafu 6, intitolat “Assistenza lill-Ġermaniżi barra l-pajjiż”, ċittadini Ġermaniżi li jkollhom ir-residenza permanenti tagħhom barra l-Ġermanja jistgħu jingħataw fondi għall-edukazzjoni jew għat-taħriġ sabiex jistudjaw fil-post fejn jgħixu jew fi Stat ġar jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ każ individwali.

10.      Il-Paragrafu 8(1) jindika li ċittadini Ġermaniżi u ċittadini oħra tal-UE li għandhom dritt ta’ residenza permanenti jistgħu japplikaw għal fondi.

11.      Il-Paragrafu 16 jistabbilixxi l-perijodu ta’ żmien li għalih jistgħu jinkisbu fondi għal studju jew għal taħriġ. Il-Paragrafu 16(3) jinkludi r-regola tat-tliet snin u jipprovdi kif ġej:

“… fondi għall-edukazzjoni jew għal taħriġ għandha tingħata … fil-każijiet imsemmija fil-Paragrafu 5(2)(3), għal iktar minn sena biss jekk, fil-bidu ta’ soġġorn barra mill-pajjiż wara l-31 ta’ Diċembru 2007, l-istudent kien jirrisjedi b’mod permanenti fil-Ġermanja, minn tal-inqas, matul it-tliet snin preċedenti”.

12.      Il-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Gvern Federali għall-abbozz tal-leġiżlazzjoni li introduċiet ir-regola tat-tliet snin kien jipprovdi li r-regola kienet maħsuba li tiżgura li fondi għat-tul kollu tal-edukazzjoni jew tal-korsijiet ta’ taħriġ barra l-pajjiż ma jingħatawx lil studenti li bil-kemm kienu għexu l-Ġermanja. Huwa prinċipju tal-politika tal-edukazzjoni tal-Ġermanja li l-għoti ta’ fondi għall-edukazzjoni u għat-taħriġ huwa normalment suġġett għall-kundizzjoni li l-edukazzjoni jew it-taħriġ jitkomplew fil-Ġermanja jew li minn tal-inqas li jkun hemm konnessjoni speċjali mal-Ġermanja. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni josserva li l-Istati Membri l-oħra ukoll jimponu obbligu ta’ residenza bħala rekwiżit addizzjonali għal fondi iktar fit-tul għal studji barra l-pajjiż. Dan ir-rekwiżit huwa espressjoni konkreta tal-interess ġustifikabbli tal-Istat li jagħti benefiċċji soċjali, li jillimita l-benefiċċji finanzjarji ffinanzjati mill-fondi pubbliċi għal dawk li juru grad ta’ relazzjoni mill-qrib ma’ dak l-Istat.

II – Il-fatti, il-proċeduri u d-domandi magħmula

Prinz

13.      Laurence Prinz twieldet f’Köln fl-1991 u hija ċittadina Ġermaniża. Hija għexet mal-familja tagħha fit-Tuneżija għal madwar 10 snin fejn missierha kien jaħdem ma’ kumpannija Ġermaniża. Hija ilha tgħix il-Ġermanja mal-familja tagħha minn Jannar 2007.

14.      Minn Frar 2007, L. Prinz attendiet l-iskola l-Ġermanja u spiċċat l-edukazzjoni sekondarja tagħha hemmhekk f’Ġunju 2009. Fl-1 ta’ Settembru 2009, hija bdiet l-istudji tagħha fil-business management fl-Università ta’ Erasmus fil-Pajjiżi l-Baxxi.

15.      Qabel bdiet l-istudji tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, L. Prinz applikat għall-fondi mal-awtorità Ġermaniża rilevanti fit-18 ta’ Awwissu 2009. B’deċiżjoni tat-30 ta’ April 2010, hija ngħatat fondi għas-sena akkademika 2009/2010.

16.      L. Prinz ressqet applikazzjoni oħra għall-fondi għas-sena akkademika sussegwenti. L-applikazzjoni tagħha ġiet irrifjutata b’deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2010 peress li hija bdiet tirrisjedi b’mod permanenti fil-Ġermanja biss minn Jannar 2007 u għalhekk ma kinitx tissodisfa r-regola tat-tliet snin.

17.      L. Prinz appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Hannover (Qorti Amministrattiva, Hannover). L-ewwel nett, hija sostniet li kienet ilha residenti fil-Ġermanja għal total ta’ tliet snin u erba’ xhur, ċjoè minn Settembru 1993 sa April 1994 (6) u minn Jannar 2007 sa Awwissu 2009. It-tieni nett, hija sostniet li obbligu ta’ residenza bħar-regola tat-tliet snin imur kontra d-dritt għall-moviment liberu stabbilit fl-Artikolu  21 TFUE.

18.      It-Tielet Awla tal-Verwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Tkun tikkostitwixxi restrizzjoni fuq id-dritt għal-libertà tal-moviment u tar-residenza mogħti liċ-ċittadini tal-[UE] bl-Artikoli 20 u 21 TFUE, li mhijiex ġustifikata skont id-dritt tal-UE, jekk, konformi mal-[liġi dwar l-assistenza lill-istudenti] ċittadina Ġermaniża, li għandha r-residenza permanenti tagħha fil-Ġermanja u li tattendi fi stabbiliment edukattiv fi Stat Membru tal-UE, tiġi mogħtija fondi għall-edukazzjoni talli attendiet dak l-istabbiliment edukattiv barra l-pajjiż għal sena waħda biss ‘il għaliex meta bdiet is-soġġjorn tagħha barra l-pajjiżi hija kienet għad m’għandhiex ir-residenza permanenti tagħha fil-Ġermanja għal tal-inqas tlett snin?”

19.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvernijiet tal-Awstrija, tad-Danimarka, tal-Finlandja, tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Iżvezja, u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tad-29 ta’ Novembru 2012, saru osservazzjonijiet orali mill-istess partijiet ħlief il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Seeberger

20.      Philipp Seeberger huwa ċittadin Ġermaniż. Huwa twieled fil-Ġermanja fl-1983 u għex hemmhekk mal-ġenituri tiegħu, li huma wkoll ċittadini Ġermaniżi, sal-1994. Mill-1989 sal-1994, huwa attenda skejjel primarji u sekondarji fil-Ġermanja.

21.      Bejn l-1994 u Diċembru 2005, P. Seeberger għex mal-ġenituri tiegħu fi Spanja, fejn missieru ħadem għal rasu bħala konsulent tan-negozju. Il-qorti nazzjonali ssostni li, meta mar hemmhekk għal din ir-raġuni, missier P. Seeberger eżerċita d-drittijiet tiegħu skont dawk li llum huma l-Artikoli 45 u 49 TFUE. P. Seeberger temm l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fi Spanja, u telaq fis-sena 2000 wara li għadda mill-eżami tas-sekondarja. F’April 2005, huwa kkwalifika bħala aġent tal-proprjetà wara taħriġ professjonali li huwa għamel matul l-2004 u l-2005, meta kien għadu fi Spanja. F’Jannar 2006, il-ġenituri ta’ P. Seeberger irritornaw lejn il-Ġermanja. Għalkemm huwa jsostni li, minn dak iż-żmien, huwa kellu wkoll ir-residenza premanenti tiegħu fil-Ġermanja, huwa ma kienx irreġistrat f’München qabel is-26 ta’ Ottubru 2009. Dikjarazzjoni ta’ min kien iħaddmu tidher li turi li huwa temm apprendistat bħala web designer f’Köln bejn it-2 ta’ April 2007 u 27 ta’ Ġunju 2007.

22.      F’April 2009, P. Seeberger għadda minn eżami estern fejn ġie aċċettat biex jistudja fl-Università tal-Baleariċi f’Palma de Mallorca. F’Settembru 2009, beda kors fl-ekonomija hemmhekk. Huwa applika fil-Ġermanja għal fondi għal dawk l-istudji.

23.      L-awtorità Ġermaniża rilevanti rrifjutat l-applikazzjoni tiegħu minħabba li ma kienx hemm evidenza biżżejjed li huwa kien attwalment stabbilixxa r-residenza permanenti tiegħu fil-Ġermanja matul it-tliet snin immedjatament qabel beda l-kors tiegħu.

24.      P. Seeberger ikkontesta din id-deċiżjoni, billi argumenta li r-regola tat-tliet snin kienet tmur kontra l-libertà tal-moviment tiegħu bħala ċittadin tal-UE. Wara li ġiet miċħuda dik il-kontestazzjoni, P. Seeberger ressaq proċeduri quddiem il-Verwaltungsgericht Karlsruhe (Qorti Amministrattiva, Karlsruhe). Quddiem tali qorti, huwa argumenta li l-libertà tal-moviment tiegħu kienet ġiet ristretta peress li r-regola tat-tliet snin kienet tobbligah jabbanduna r-residenza permanenti tiegħu fi Stat Membru ieħor u jistabbilixxi r-residenza permanenti tiegħu lura fil-Ġermanja qabel iż-żmien sabiex ikun eliġibbli għal fondi għall-istudji tiegħu barra l-pajjiż.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ħames Awla tal-Verwaltungsgericht Karlsruhe iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-dritt tal-[UE] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-għoti ta’ għajnuna għall-edukazzjoni u taħriġ għal studji fi Stat Membru ieħor sempliċement għax, meta beda l-istudji tiegħu, l-istudent li eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, ma kellux ir-residenza permanenti fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu għal mill-inqas tliet snin?”

26.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn P. Seeberger, mill-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Finlandja, tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Iżvezja, u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tad-29 ta’ Novembru 2012, saru osservazzjonijiet orali mill-istess partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub ħlief il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi; il-Gvern Grieg kien preżenti wkoll u għamel osservazzjonijiet orali.

III – Evalwazzjoni

Rimarki preliminari

27.      Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi jekk l-Artikoli 20 u 21 TFUE jipprekludux Stat Membru milli jissuġġetta l-fondi għal studji barra l-pajjiż għal obbligu ta’ residenza bħar-regola tat-tliet snin.

28.      B’differenza mill-qorti tar-rinviju fil-kawża Prinz, dik fil-kawża Seeberger fformulat id-domanda tagħha b’mod li ma jingħad xejn dwar jekk l-istudent huwiex ċittadin tal-Istat Membru li jipprovdi l-fondi. Madankollu, il-kumplament tar-rinviju fil-kawża Seeberger jipprovdi b’mod ċar li qiegħda tintalab gwida fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ ċittadin Ġermaniż.

29.      Qabel ma eżerċitaw il-libertà tal-moviment tagħhom li jistudjaw xi mkien ieħor fl-UE, L. Prinz u P. Seeberger iċċaqilqu mill-Ġermanja għal raġunijiet differenti. L. Prinz telqet mill-UE meta missierha beda jaħdem it-Tuneżija. P. Seeberger telaq lejn Spanja meta missieru eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà tal-istabbiliment sabiex jibda attività għal rasu hemmhekk.

30.      B’differenza għal L. Prinz, P. Seeberger għalhekk jidher li eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu taħt id-dritt tal-UE. Dan il-fatt ma jaffettwax l-analiżi tad-domandi rrinvjati lill-Qorti tal-Ġustizzja peress li t-tnejn li huma, bħala ċittadini tal-UE, jistgħu jinvokaw fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom id-drittijiet relatati ma tali status (7), bħal-libertà li wieħed jiċċaqlaq sabiex jistudja xi mkien ieħor fl-UE. Madankollu, il-Kummissjoni tistaqsi jekk il-pożizzjoni ta’ P. Seeberger għandhiex ukoll tiġi eżaminata taħt il-liġi dwar il-libertà tal-istabbiliment. Jiena ser nindirizza dan il-punt bħala kwistjoni taħt il-liġi rilevanti (8).

31.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat f’numru ta’ okkażjonijiet jekk l-Istati Membri jistgħux jissuġġettaw il-fondi ta’ studju għal kundizzjoni dwar residenza ta’ natura ġenerali bħal dik inkwistjoni. Dawn il-każijiet spiċċaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt diversi forom. Dawn ikkonċernaw ħaddiema migranti u membri tal-familja dipendenti tagħhom (9), iżda anki studenti li ma kinux qiegħdin jibbażaw it-talba tagħhom għal fondi fuq il-konnessjoni tagħhom ma’ ċittadin tal-UE li jwettaq attività ekonomika bi qligħ (10). Dawn ikkonċernaw talbiet għall-fondi mill-Istat Membru tal-oriġini (11), l-Istat Membru tal-impjieg (12), jew l-Istat Membru ospitanti fejn l-istudent kien qiegħed jittama li jistudja (13). Ċerti każijiet tressqu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, filwaqt li oħrajn jirreferu direttament jew indirettament għall-Artikolu 24(2) ta’ dik id-direttiva. F’ħafna minn dawn il-każijiet, kien sostnut li l-miżura inkwistjoni kienet ġustifikata għaliex, fost affarijiet oħra, evitat piż irraġonevoli fuq il-baġit pubbliku tal-Istat Membru li kien qiegħed jipprovdi l-fondi u/jew għamilha possibbli li jiġu identifikati dawk li kienu konnessi ma’ dak l-Istat Membru u dawk li, wara l-istudji tagħhom, aktarx li kienu se jirritornaw lura fl-Istat Membru li tahom il-fondi.

32.      Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddefinixxu jekk u kif għandhom jiffinanzjaw l-istudji u lil min jagħtu dawk il-fondi, fil-fehma tiegħi kienet inqas ċara sabiex tispjega liema elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi eżaminat jekk restrizzjoni partikolari tistax tkun ġustifikata. Huwa biżżejjed għal Stat Membru li jibbaża ruħu fuq l-għan ekonomiku jew irid jistabbilixxi wkoll l-eżistenza ta’ riskju ta’ piż finanzjarju irraġonevoli? Jista’ Stat Membru jiġġustifika restrizzjoni bħar-regola tat-tliet snin ibbażata fuq l-għan li jingħataw fondi lil studenti li juru li għandhom ċertu grad ta’ integrazzjoni, indipendentement mit-tħassib dwar l-ispiża finanzjarja tal-iskema? Huwa xieraq li l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni bħar-regola tat-tliet snin tiġi evalwata fir-rigward tal-għan ekonomiku billi jiġi vverifikat jekk ir-regola hijiex iktar restrittiva minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi stabbiliti l-grad rikjest ta’ integrazzjoni?

33.      Dawn, u possibbilment inċertezzi oħra, jistgħu jispjegaw għalfejn xi Stati Membri jibqgħu jużaw ir-rekwiżit tar-residenza bħala l-unika miżura sabiex jinkisbu dawk li evidentement huma għanijiet kumplessi, għalfejn sitt Stati Membri intervjenew fil-kawżi preżenti insostenn tal-Ġermanja u għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament tintalab tiddeċiedi jekk varjazzjoni tar-rekwiżit tar-residenza huwiex konformi mad-dritt tal-UE.

Il-liġi rilevanti

34.      Il-qrati tar-rinviju talbu biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-UE.

35.      Evidentement kienu korretti li ma jitolbux lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38. Din id-dispożizzjoni tirregola meta Stat Membru ospitanti huwa obbligat jagħti lil ċittadini tal-UE li jgħixu fit-territorju tiegħu abbażi tad-direttiva trattament ugwali maċ-ċittadini tiegħu, inkluż fir-rigward ta’ għajnuna ta’ manteniment għall-istudji. Madankollu, ma hemm ebda indikazzjoni li L. Prinz u P. Seeberger applikaw għall-fondi fil-Pajjiżi l-Baxxi u fi Spanja rispettivament. Kuntrarjament, huma applikaw għall-fondi fl-Istat Membru tal-oriġini tagħhom.

36.      U x’għandu jingħad dwar is-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-pożizzjoni ta’ P. Seeberger għandha tiġi eżaminata b’riferiment għal-liġi dwar il-libertà tal-istabbiliment?

37.      Ir-regola tat-tliet snin ma kinitx fis-seħħ meta P. Seeberger u l-familja tiegħu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu lejn Spanja. Għalhekk, din ma setgħetx affettwat din iċ-ċaqliqa inizjali.

38.      Issa li din ir-regola tinsab fis-seħħ, din madankollu, għandha potenzjalment ‘effett li jiddiswadi’ lil kull ċittadin tal-UE li jikkontempla jeżerċita d-drittijiet tal-moviment liberu ġewwa l-UE bħala ħaddiem, persuna li taħdem għal rasha jew sempliċement bħala ċittadin. Din tiżvantaġġa wkoll lil dawk kollha li eżerċitaw dawk id-drittijiet u ma jirritornawx il-Ġermanja suffiċjentement minn qabel sabiex jissodisfaw ir-regola tat-tliet snin.

39.      Il-qorti tar-rinviju ntalbet tikkunsidra l-validità tad-deċiżjoni dwar ċaħda ta’ fondi lil P. Seeberger. Din ma għamlet ebda konstatazzjonijiet dwar jekk P. Seeberger għadux dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu (jew fuq wieħed minnhom) jew, jekk le, meta ma baqax dipendenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed elementi sabiex tikkonkludi jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex tittratta l-każ quddiemha abbażi tal-fatt li P. Seeberger eżerċita d-drittijiet tal-moviment liberu tiegħu flimkien (i) mal-eżerċizzju minn missieru tad-dritt tal-istabbiliment tiegħu u (ii) mad-deċiżjoni sussegwenti ta’ missieru li jirritorna fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu.

40.      Jiena nżid ngħid li ma hemm xejn fir-rinviji li jissuġġerixxi li L. Prinz u P. Seeberger qiegħdin jiddependu fuq l-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-UE ekonomikament attivi jew fuq konnessjonijiet familjari rilevanti, pereżempju, mal-ħaddiem migrant fil-Ġermanja. Għalhekk, bħall-qrati tar-rinviju, jiena ser nittratta l-kwistjoni esklużivament abbażi tal-Artikoli 20 u 21 TFUE.

Definizzjoni ta’ residenza

41.      Fejn wieħed jgħix fiżikament hija kwistjoni ta’ fatt. Madankollu, l-post fejn persuna attwalment tgħix jew fejn hija rreġistrata bħala li tgħix jistgħu ma jkunux neċessarjament il-post fejn Stat Membru jiddefinixxi, bħala punt ta’ dritt, li dak il-persuna jkollu r-residenza permanenti jew id-domiċilju tiegħu.

42.      Ir-regola tat-tliet snin hija definita b’riferiment għar-residenza permanenti mingħajr interruzzjoni fil-Ġermanja. Konformi mal-Paragrafu 5(1) tal-liġi dwar l-assistenza lill-istudenti, residenza permanenti hija ddefinita bħala “il-post li huwa ċ-ċentru tal-interessi, mhux biss temporanjament, tal-persuna kkonċernata, irrispettivament mill-intenzjoni tagħha li tiġi stabbilita permanentement”.

43.      Iżda, għall-inqas fil-każ ta’ P. Seeberger, jidher li d-deċiżjoni ta’ ċaħda għal fondi kienet ibbażata fuq kunċett differenti minn dak ta’ residenza. P. Seeberger isostni li huwa għex fil-Ġermanja minn Jannar 2006 iżda li kien biss irreġistrat bħala residenti f’München fis-26 ta’ Ottubru 2009.

44.      Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma li l-awtoritajiet rilevanti xi drabi jużaw id-data tar-reġistrazzjoni bħala fatt indikattiv sabiex jiddeterminaw jekk ir-regola tat-tliet snin hijiex sodisfatta. Jekk il-fondi jiġu rrifjutati għaliex il-perijodu bejn id-data tar-reġistrazzjoni u l-bidu tal-istudju huwa ta’ inqas minn tliet snin, l-applikant jista’ jikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati Ġermaniżi u jipproduċi provi li huwa għex fil-Ġermanja qabel ma rreġistra hemmhekk. Il-Gvern Ġermaniż enfasizza li l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni dwar jekk l-applikant għandux ir-residenza tiegħu fil-Ġermanja fis-sens tal-Paragrafu 5(1) tal-liġi dwar l-assistenza lill-istudenti.

Restrizzjoni fuq id-dritt tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE

45.      Id-dritt tal-UE ma jobbligax lill-Istati Membri jagħtu fondi għal studji ġewwa t-territorju tagħhom jew x’imkien ieħor. Madankollu, filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti f’dan il-qasam, madankollu huma għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-UE fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom (14).

46.      Il-qrati tar-rinviju fil-kawżi Prinz u Seeberger jikkunsidraw li r-regola tat-tliet snin tista’ probabbilment tillimita d-drittijiet tal-moviment liberu għal ċittadini tal-UE skont l-Artikoli 20 u 21 TFUE. Għal raġunijiet simili għal dawk applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Morgan u Bucher, (15) huma jikkunsidraw li r-regola tat-tliet snin tista’ tiskoraġġixxi ċittadin tal-UE milli jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor sabiex jibda l-istudju jew it-taħriġ tiegħu hemmhekk jew, jekk tali studju jew taħriġ ikun diġà nbeda, li pressjoni fuq l-istudent sabiex iwaqqaf l-istudji u jirritorna l-Ġermanja.

47.      Jiena naqbel li r-regola tat-tliet snin hija restrizzjoni.

48.      Miżura li tagħmel id-dritt għal vantaġġ soċjali dipendenti fuq ir-residenza fl-Istat Membru li jipprovdieha tista’ tirrestrinġi l-moviment liberu. Din tiżvantaġġa lil kull ċittadin tal-UE li jkun diġà eżerċita d-drittijiet tal-moviment liberu tiegħu (ċjoè kull ċittadin tal-UE li jgħix jew kien jgħix xi mkien ieħor fl-UE) qabel ma japplika għall-benefiċċju. Min-natura tiegħu, l-obbligu tar-residenza tat-tip inkwistjoni aktarx li jiskoraġġixxi ċittadin tal-UE milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jiċċaqlaq għal Stat Membru ieħor (16) u li jsegwi l-edukazzjoni sekondarja tiegħu hemmhekk qabel ma japplika għall-fondi għall-edukazzjoni terzjarja (“l-effett li jiddiswadi”).

49.      Fil-każijiet preżenti, P. Seeberger isib ruħu fi żvantaġġ meta jkun jixtieq isegwi l-istudji tiegħu barra mill-Ġermanja sempliċement minħabba li, qabel jibda dawk l-istudji, hu u l-ġenituri tiegħu kienu eżerċitaw il-moviment liberu tagħhom u hu ma kienx irritorna l-Ġermanja suffiċjentement minn qabel ma beda l-istudji tiegħu. L. Prinz hija wkoll taħt pressjoni finanzjarja sabiex tistudja fil-Ġermanja pjuttost milli ssegwi l-kors preferut tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi għax hija ma tistax tikseb fondi sabiex tistudja fil-Pajjiżi Baxxi lil hinn mill-ewwel sena tal-kors tagħha.

50.      Għalhekk jiena naqbel li r-regola tat-tliet snin tikkostitwixxi restrizzjoni għad-drittijiet tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE mogħti bl-Artikoli 20 u 21 TFUE.

51.      Tali restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess pubbliku, tkun xierqa sabiex jinkiseb dan l-għan leġittimu u tkun proporzjonata fir-rigward tiegħu, ċjoè, ma tkunx iktar restrittiva minn dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan.

52.      Il-Gvern Ġermaniż jidentifika żewġ għanijiet li abbażi tagħhom ir-regola tat-tliet snin tista’ tkun iġġustifikata. Jiena ser neżaminahom wieħed wieħed.

Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan ekonomiku

 Leġittimità tal-għan

53.      Il-Gvern Ġermaniż jibbaża ruħu fuq id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Bidar u Morgan u Bucher sabiex jiġġustifika r-regola tat-tliet snin. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-abbozz tal-leġiżlazzjoni li introduċiet ir-regola (17).

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Bidar li, fir-rigward ta’ ċittadini tal-UE li huma inattivi ekonomikament, “l-Istat Membru jista’ jiżgura li l-għoti ta’ għajnuna intiża li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment ta’ studenti minn Stati Membri oħra ma ssirx piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tkun tista’ tingħata minn dan l-Istat” (18). Konsegwentement, kien leġittimu li l-fondi jingħataw “biss lil studenti li jkunu wrew ċeru grad ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dak l-Istat” (19) F’Morgan u Bucher, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-istess raġunament fir-rigward tal-għoti minn Stat Membru ta’ fondi liċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ jistudjaw fi Stat Membru ieħor (20), qabel ma kkonkludiet li l-kundizzjoni dwar l-istudji fl-ewwel stadju, li kien hemm kwistjoni dwarha hemmhekk, kienet waħda ġenerali u esklużiva wisq sabiex tissodisfa t-test ta’ proporzjonalità (21).

55.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk irrikonoxxiet li l-għan li jiġi evitat piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ assistenza jista’ fil-prinċipju jiġġustifika restrizzjoni fuq il-moviment liberu bħar-regola tat-tliet snin.

56.      Iżda huwa suffiċjenti għal Stat Membru li sempliċement jasserixxi, mingħajr ma jżid xejn iktar, li tali għan ekonomiku jeżisti?

57.      Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex il-każ.

58.      Fil-kawża Morgan u Bucher, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li bħala prinċipju kunsiderazzjonijiet bħal dawk imressqa fil-kawża Bidar jistgħu japplikaw għall-għotjiet lil studenti li jixtiequ jistudjaw barra l-pajjiż “jekk ikun jeżisti r-riskju ta’ tali piż irraġonevoli” (22). Il-Kummissjoni tirrileva fil-kawżi preżenti li l-Ġermanja ma wrietx l-eżistenza tar-riskju li qiegħda tfittex li tevita jew tillimita.

59.      Evidentement huwa kull Stat Membru li għandu jiddeċiedi liema parti mill-baġit pubbliku tiegħu jrid jalloka bħala fondi għall-istudji fil-pajjiż u barra mill-pajjiż u sabiex jevalwa liema piż finanzjarju ġenerali jikkunsidra li huwa raġonevoli (23). Ċerti Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li jallokaw ammont modest ta’ fondi disponibbli. Oħrajn jistgħu jkunu disposti li jallokaw parti sostanzjalment akbar mill-baġit pubbliku tagħhom għal dak l-iskop. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tistħarreġ deċiżjoni ta’ Stat Membru dwar dak li huwa “raġonevoli”, din tista’ tagħti gwida lill-qrati nazzjonali dwar l-evalwazzjoni tagħhom dwar jekk, f’każ ta’ tali deċiżjoni, li jiġu koperti l-ispejjeż tal-manteniment (u possibbilment) spejjeż oħra ta’ studenti minn Stati Membri oħra, huwiex ser joħloq riskju ta’ piż irraġonevoli.

60.      Li tiżdied xi tip ta’ kundizzjoni għall-intitolament ta’ vantaġġ soċjali aktarx tillimita n-numru ta’ persuni li jistgħu japplikaw b’suċċess u għalhekk l-ispiża baġitarja globali sabiex jagħmel dak il-vantaġġ disponibbli. Dan il-fatt minnu nnifsu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika restrizzjoni fuq d-drittijiet tal-moviment liberu skont l-Artikoli 20 u 21 TFUE. Pjuttost, inqis li Stat Membru għandu jevalwa r-riskji attwali jew potenzjali li jirriżultaw meta jqiegħed għad-dispożizzjoni verżjonijiet partikolari ta’ fondi. Ibbażat fuq din l-evalwazzjoni, dan jista’ mbagħad jistabbilixxi dak li jista’ jkun piż finanzjarju irraġonevoli u jistabbilixxi miżuri mmirati sabiex jiġi evitat jew limitat ir-riskju li jinħoloq piż bħal dan.

61.      Fil-każijiet preżenti, il-Gvern Ġermaniż jibbaża ruħu fuq data ġġenerata mill-uffiċċju federali tad-data (‘Statistisches Bundesamt’) li turi li, fl-2008, madwar miljun ċittadin Ġermaniż kienu jgħixu fi Stati Membri oħra, inkluż nofs miljun fi Stati Membri ġirien. Il-Gvern Ġermaniż isostni li, jekk l-obbligu tar-residenza kellu jiġi eliminat, dak il-grupp, flimkien ma’ ċerti persuni mhux ċittadini, ikunu jikkwalifikaw għall-fondi għat-tul kollu tal-istudji barra l-Ġermanja.

62.      Filwaqt li ma nara ebda bażi għalfejn niddubita mill-preċiżjoni ta’ dawk iċ-ċifri, dawn ovvjament ma jgħidu xejn dwar l-eżistenza ta’ riskju attwali jew potenzjali ta’ piż finanzjarju irraġonevoli. Huwa dubjuż jekk il-Ġermaniżi kollha li jgħixu x’imkien ieħor fl-UE, minn trabi tal-idejn għall-pensjonanti anzjani, għandhomx il-ħsieb li jkomplu bl-istudju (u b’mod partikolari barra l-Ġermanja). Lanqas ma huwa evidenti jekk dawk li għandhom il-ħsieb li jkunu studenti ser japplikaw kollha mal-awtoritajiet Ġermaniżi għal fondi.

63.      Il-Gvern Ġermaniż ikkonferma waqt is-seduta li ma kellu ebda materjal ieħor, f’iktar dettall, li seta’ jippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

64.      Fil-fehma tiegħi, evalwazzjoni iktar robusta tar-riskju probabbli ta’ “piż finanzjarju irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ assistenza li tista’ tingħata” (24) hija meħtieġa sabiex jiġi stabbilit jekk restrizzjoni bħal dik tar-regola tat-tliet snin hijiex ġustifikata abbażi tal-għan ekonomiku. Tali evalwazzjoni tkun teħtieġ ukoll li tikkunsidra l-adegwatezza tar-restrizzjoni bħala mezz sabiex jiġi evitat jew limitat ir-riskju li jinħoloq tali piż.

65.      Sal-punt li l-għan leġittimu rikonoxxut fil-kawżi Bidar u Morgan u Bucher huwa dak li jiġi evitat piż finanzjarju irraġonevoli li jista’ jaffettwa l-livell globali tal-assistenza mogħtija, l-adegwatezza u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni għandhom jiġu evalwati fir-rigward ta’ dan l-għan.

66.      Madankollu, filwaqt li l-Ġermanja fil-każijiet preżenti ċertament tinvoka l-għan ekonomiku, din targumenta wkoll li r-restizzjoni hija proporzjonata fir-rigward tal-bżonn li jingħataw fondi biss lil dawk l-istudenti li juru ċertu grad ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tagħha.

67.      Dik il-pożizzjoni tissuġġerixxi li l-Istat Membru jinterpreta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li turi li restrizzjoni bħal dik tar-regola tat-tliet snin tista’ tkun iġġustifikata skont il-bżonn li tirrikjedi ċertu grad ta’ integrazzjoni (“l-għan tal-integrazzjoni”) indipendentement mit-tħassib dwar l-ispiża finanzjarja tal-iskema (l-għan ekonomiku).

68.      Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-għan ekonomiku jista’ jintlaħaq billi jingħataw fondi biss lil dawk l-istudenti li juru ċertu grad ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru li jagħmel l-għotja – kemm jekk ikun l-Istat Membru ospitanti u kemm jekk ikun l-Istat Membru tal-oriġini. Jekk il-fondi jintalbu mill-Istat Membru ospitanti, is-solidarjetà finanzjarja trid tintwera biss ma’ studenti li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor wara perijodu ta’ residenza inizjali (25).

69.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, jiena spjegajt dak li nifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Bidar. Kif ninterpreta dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxietx li hemm għan ta’ integrazzjoni separat. Pjuttost, il-fatt li insistiet għal evidenza dwar grad ta’ integrazzjoni kien ittrattat bħala l-mezz biex jiġi limitat l-għadd ta’ dawk intitolati għall-għajnuna u b’hekk jiġi evitat piż finanzjarju irraġonevoli (26). L-obbligu tar-residenza jservi tali skop. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi ma ddeċidietx dwar dan il-punt. Din iddeċidiet li l-għan ekonomiku ma kienx kapaċi jiġġustifika trattament mhux ugwali ta’ ħaddiema migranti iżda, bħala parti mill-istess analiżi, irrikonoxxiet id-dritt tal-Istati Membri li jirrikjedu ċittadini ta’ Stati Membri oħra li juru ċertu grad ta’ integrazzjoni fis-soċjetajiet tagħhom sabiex jirċievu vantaġġi soċjali (27).

70.      Kif inhu llum id-dritt tal-UE, huwa irraġonevoli li tirrikjedi Stat Membru li jassumi responsabbiltà finanzjarja għal student li ma għandu ebda konnessjoni miegħu. Is-sitwazzjoni kuntrarja tkun timplika li l-Istati Membri qablu dwar solidarjetà finanzjarja sħiħa għal fondi għall-istudenti u li hemm “mobbiltà” sħiħa ta’ dak il-vantaġġ soċjali, li evidentement ma huwiex il-każ. Għalhekk, l-Istati Membri huma ġustifikati li jirrifjutaw fondi għal studenti li ma għandhom ebda konnessjoni sinjifikanti magħhom sabiex jevitaw piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ assistenza. Fi kliem ieħor, huma jistgħu jillimitaw il-firxa ta’ benefiċjarji sabiex jintlaħaq l-għan ekonomiku; u huwa aċċettabbli għal dak l-iskop li jintuża kriterju li jistabbilixxi evidenza ta’ grad ta’ integrazzjoni.

71.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, ħallejt miftuħa l-possibbiltà ta’ interpretazzjoni differenti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja: ċjoè, indikajt li Stat Membru jista’ jirrikjedi grad ta’ integrazzjoni indipendentement minn tħassib dwar l-ispiża finanzjarja sabiex jagħmel disponibbli fondi għall-istudji (28). Skont dan l-approċċ, l-għan tal-integrazzjoni (imfisser kif xieraq) ikun biżżejjed minnu nnifsu sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni fuq id-drittijiet tal-libertà tal-moviment. Il-fatt dwar jekk l-obbligu ta’ residenza bħar-regola tat-tliet snin jitqiesx li huwa proporzjonat ikun imbagħad jiddependi fuq jekk dik ir-regola kinitx iktar restrittiva minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi identifikat liema applikanti stabbilixxew il-grad ta’ konnessjoni rikjest (29).

72.      Jiena nħoss li jkun ta’ għajnuna għall-qrati tar-rinviju fil-każijiet preżenti jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkjarifika l-pożizzjoni tagħha dwar ir-relazzjoni bejn l-għan ekonomiku u l-għan tal-integrazzjoni. L-għan tal-integrazzjoni huwa għan leġittimu separat li kapaċi jiġġustifika restrizzjoni fuq id-dritt tal-moviment liberu (30), inkluż meta dik ir-restrizzjoni tiġi applikata għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru? Jew inkella ż-żewġ għanijiet jirrappreżentaw interessi li huma konnessi u dan għandu għalhekk ikun ikkunsidrat bħala parti minn għan wieħed?

73.      Fil-kumplament tal-analiżi tiegħi jiena ser nikkunsidra l-adegwatezza u l-proporzjonalità ta’ miżura bħar-regola tat-tliet snin fir-rigward ta’ kull wieħed mill-għanijiet.

 L-adegwatezza tar-restrizzjoni

–       L-għan ekonomiku

74.      Evidentement kull miżura li tillimita l-grupp ta’ benefiċjarji se tnaqqas l-ispiża tal-iskema komparata mal-ispiża ta’ skema li tagħti fondi liċ-ċittadini kollha tal-UE mingħajr distinzjoni. Ir-regola tat-tliet snin tabilħaqq tillimita l-grupp ta’ benefiċjarji potenzjali.

75.      Madankollu, il-qorti nazzjonali xorta għandha tiddeċiedi jekk ir-regola tat-tliet snin hijiex raġonevolment konnessa mal-għan li jiġi evitat piż irraġonevoli li jista’ jkollu konsegwenzi għal-livell globali ta’ assistenza. Dan ikun jiddependi fuq jekk ir-riskju jiġix ridott għal piż raġonevoli meta tiġi applikata r-regola tat-tliet snin.

–       L-għan tal-integrazzjoni

76.      Fejn persuna tgħix normalment juri fejn tali persuna hija integrata fis-soċjetà. Rekwiżit ibbażat fuq ir-residenza huwa għalhekk prima facie mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-għan tal-integrazzjoni.

 Il-proporzjonalità tar-restrizzjoni

77.      L-ambigwità dwar jekk restrizzjoni bħall-obbligu li jinsab fir-regola tat-tliet snin jistax ikun ġustifikat abbażi tal-għan ekonomiku jew l-għan tal-integrazzjoni jidher li rriżultat f’loġika falza fil-każ tal-evalwazzjoni dwar il-proporzjonalità ta’ tali restrizzjoni. L-Istati Membri jidhru li qiegħdin jinvokaw l-għan ekonomiku sabiex jiġġustifikaw restrizzjoni iżda mbagħad jissottomettu li l-miżura hija proporzjonata b’riferiment għall-għan tal-integrazzjoni.

78.      Għalhekk, fil-każijiet preżenti l-Gvern Ġermaniż essenzjalment isostni li r-regola tat-tliet snin tidentifika dawk l-applikanti li huma konnessi biżżejjed mas-soċjetà Ġermaniża sabiex jiġu allokati fondi li jitħallsu mill-baġit pubbliku. Dan jissottometti li huwa importanti li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ dik il-konnessjoni għaċ-ċittadini tiegħu peress li t-tip ta’ solidarjetà inerenti fil-ħlas mill-baġit pubbliku sabiex jiġu ffinanzjati l-istudji hija solidarjetà li teżisti bejn l-abitanti ta’ Stat Membru u mhux neċessarjament bejn iċ-ċittadini tiegħu (31). Bħala argument separat, il-Gvern Ġermaniż isostni li r-regola tat-tliet snin topera b’mod li huwa trasparenti, li joffri ċertezza legali u li huwa amministrattivament effiċjenti.

79.      Jiena ser nikkunsidra r-regola tat-tliet snin fir-rigward kemm tal-għan ekonomiku u kemm tal-għan tal-integrazzjoni.

–       L-għan ekonomiku

80.      Miżura bħar-regola tat-tliet snin hija proporzjonata jekk ma timponix restrizzjoni akbar minn dak li huwa meħtieġ sabiex il-piż finanzjarju jitqiegħed fil-limiti ta’ dak li huwa raġonevoli. Meta ssir din l-evalwazzjoni, huwa neċessarju li tkun ikkunsidrata d-disponibbiltà ta’ miżuri alternattivi inqas restrittivi. Ir-raġunijiet ta’ effiċjenza amministrattiva, ċertezza legali u trasparenza jidħlu fix-xena meta l-miżura attwali (jew ippreferuta) tiġi pparagunata mal-miżuri alternattivi.

81.      Il-qorti nazzjonali ma tistax twettaq din l-evalwazzjoni mingħajr ma tkun taf (i) dak li huwa kkunsidrat bħala piż finanzjarju mhux raġonevoli u (ii) kemm huwa stmat li huwa l-impatt kwantitattiv tar-regola tat-tliet snin fuq dak il-piż.

82.      Ejja ngħidu, pereżempju, Stat Membru jiddeċiedi li huwa ppreparat li jiddedika EUR 800 miljun bħala fondi għall-istudenti għall-edukazzjoni terzjarja. Dan janalizza l-arranġamenti l-ġodda li jipproponi li jistabbilixxi u jirrealizza li, jekk ma jimponix xi kriterji addizzjonali, ikun hemm riskju li ser ikollu jħallas ’il fuq minn EUR 1 biljun. Dan jikklassifika dan ir-riskju bħala inaċċettabbli. Wara li jeżamina l-istorja ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ studenti eżistenti li jibbenefikaw mill-fondi (kampjun li jkun kbir biżżejjed li jkun statistikament attendibbli), dan jasal għall-konklużjoni li, kieku kellu jimponi r-rekwiżit li l-applikant irid ikun għex erba’ snin ġewwa t-territorju tiegħu, dan ikun jeskludi biżżejjed kandidati prospettivi biex jiġi limitat ir-riskju li jiġi maqbuż serjament il-baġit. L-uniku kriterju addizzjonali jiġi magħżul biex jintlaħaq l-għan ekonomiku. Sakemm titwettaq kif suppost l-analiżi tar-riskju u tal-ispejjeż, jien ma naħsibx li l-arranġamenti huma intrinsikament oġġezzjonali, anki jekk dawn jistgħu tabilħaqq jirriżultaw f’restrizzjoni fuq id-drittijiet tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE. U, meta pparagunat ma’ miżuri alternattivi, dan il-kriterju jista’ jkun proporzjonat. Madankollu, jiena nenfasizza li tali analiżi għandha tkun purament ekonomika. L-obbligu tar-residenza ma jintalabx bħala miżura alternattiva b’sostenn għal “ċertu grad ta’ integrazzjoni”.

–       L-għan tal-integrazzjoni

83.      Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li l-limitazzjoni tal-grupp ta’ benefiċjarji, indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom, għal dawk li jissodisfaw ir-regola tat-tliet snin hija miżura proporzjonata sabiex jiġi żgurat li jkunu biss dawk l-istudenti li juru grad suffiċjenti ta’ konnessjoni mas-soċjetà Ġermaniża li jiksbu fondi mill-baġit pubbliku. B’sostenn għall-pożizzjoni tiegħu, dan jinvoka b’mod partikolari s-sentenzi Bidar u Förster.

84.      Kif irrilevajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bidar ma kellhiex bżonn teżamina l-proporzjonalità (32). Fil-kawża Förster hija bbażat ruħha fuq it-test tad-Direttiva 2004/38 sabiex tikkonkludi li r-restrizzjoni li tirriżulta mir-rekwiżit tar-residenza in kwistjoni f’dak il-każ kienet iġġustifikata. Meta għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li d-direttiva tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-grad ta’ integrazzjoni ta’ persuni mhux ċittadini fl-Istat Membru ospitanti (33).

85.      Id-Direttiva 2004/38 ma tapplikax hawnhekk (34). Għal din ir-raġuni, ma huwiex il-mument xieraq li wieħed jerġa’ jeżamina s-sentenza Förster jew li wieħed jagħti ħarsa iktar mill-viċin lejn ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 24(2) ta’ dik id-direttiva u l-prinċipju tal-proporzjonalità. Bl-istess mod, jiena ma jidhirlix li l-analiżi fil-kawża Förster tal-obbligu ta’ residenza ta’ ħames snin sabiex tintwera integrazzjoni bil-għan li jinkisbu fondi għall-istudenti minn Stat Membru ospitanti tipprovdi għajnuna kbira sabiex jiġu riżolti l-każijiet preżenti.

86.      Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, jiena nikkunsidra li l-Istati Membri għandha titħallielhom ċertu libertà sabiex jiddefinixxu l-grad ta’ integrazzjoni li jirrikjedu mill-applikanti għal fondi għal studju jew taħriġ; u li jagħżlu miżura primarja xierqa sabiex jistabbilixxu prova ta’ dik l-integrazzjoni.

87.      Il-konnessjoni ta’ ċittadin tal-UE mas-soċjetà ta’ Stat Membru partikolari hija kwistjoni kumplessa, kemm mill-perspettiva taċ-ċittadin u anki minn dik tal-Istat. Tali konnessjoni tista’ tkun teżisti mit-twelid (u għalhekk involontarja) jew tiġi akkwista. Din probabbilment tevolvi maż-żmien, b’intensità varjata. L-apprezzament tagħha jista’ jkun suġġettiv jew oġġettiv. Jidher li jkun raġonevoli li wieħed jassumi li, fi kwalunkwe kuntest, dan jimplika sħubija f’ komunità definita.

88.      Madankollu, filwaqt li l-Istati Membri għandhom ikollhom ċertu libertà sabiex jiddefinixxu dik il-komunità, huwa insuffiċjenti li dawn jargumentaw li l-grad rikjest ta’ konnessjoni jintwera invarjabbilment bir-residenza għal ċertu numru ta’ snin. Dan l-argument huwa ċirkolari għaliex jissuġġerixxi li, fil-kuntest tal-każijiet preżenti, ir-regola tat-tliet snin tkun għalhekk proporzjonata għaliex ma hijiex iktar restrittiva minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi stabbilit min jista’ jagħti prova ta’ tliet snin ta’ residenza mhux interrotta immedjatament qabel ma jagħti bidu għall-istudju barra l-pajjiż.

89.      Jekk Stat Membru jagħżel li jirrikjedi provi dwar l-integrazzjoni permezz ta’ miżura li tirrestrinġi d-dritt tal-libertà tal-moviment, dan irid jaċċetta li l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tiegħu f’dan il-kamp ikun suġġett għal, fost affarijiet oħra, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni. Għalhekk, fil-kawża Bidar, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament li l-obbligu li applikant għal self lill-istudenti jkun stabbilit fir-Renju Unit għall-iskopijiet tal-liġi nazzjonali u jissodisfa l-obbligu ta’ residenza ta’ tliet snin, wassal għal diskriminazzjoni indiretta kontra persuni li ma humiex ċittadini: għalhekk, din kienet iġġustifikata biss jekk kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendentement miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u kienet proporzjonata mal-għan leġittimu tad-dispożizzjoniijet nazzjonali (35).

90.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li diġà ċaħdet il-kunċett li, fir-rigward tal-għan tal-integrazzjoni, kriterju wieħed jista’ jkun proporzjonat.

91.      Pereżempju, fil-kawża Morgan u Bucher, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kundizzjoni tal-istudji tal-ewwel stadju (36) ma kinitx proporzjonata għax “il-livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà li Stat Membru jista’ leġittimament jirrikjedi għandu, f’kull każ jiġi kkunsidrat bħala stabbilit mill-fatt li r-rikorrenti … trabbew fil-Ġermanja u spiċċaw l-edukazzjoni skolastika tagħom hemm”. Filwaqt li l-kundizzjoni tal-istudji tal-ewwel stadju kienet imposta sabiex tivverifika l-grad ta’ integrazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja (u l-qorti nazzjonali) aċċettat li l-grad ta’ integrazzjoni neċessarju kien ġie ppruvat “fi kwalunkwe każ” fil-każ tal-applikanti (li kienu ċittadini Ġermaniżi) bbażat fuq fatturi oħra bħall-post fejn trabbew u fejn temmew l-edukazzjoni tagħhom (37).

92.      Iktar reċentement, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat f’termini ġenerali li “[i]l-prova rikjesta biex tintwera l-konessjoni r-rabta ġenwina m’għandhiex tkun ta’ natura esklussiva ż-żejjed jew li tiffavorixxi indebitament xi element li ma jkunx neċessarjament rappreżentattiv tal-grad reali u effettiv tal-konnessjoni bejn min jagħmel it-talba … u l-Istat Membru … ad esklużjoni tal-elementi rappreżentattivi l-oħra” (38). Il-konnessjoni ġenwina rikjesta “għandha tkun stabbilita skont l-elementi kostituttivi tal-benefiċċju in kwistjoni, inkluż in-natura u l-iskop jew skopijiet tiegħu” (39).

93.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni sabiex nikkonkludi li r-regola tat-tliet snin, inkwistjoni f’din il-kawża, hija bl-istess mod restrittiva iktar milli huwa neċessarju.

94.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreżentat l-eżempju ta’ żewġ ċittadni Ġermaniżi: l-ewwel wieħed, li wara li għex 17-il sena barra l-Ġermanja, irritorna lura l-Ġermanja tliet snin qabel ma beda l-istudji tiegħu barra l-pajjiż; it-tieni wieħed wara li għex 17-il sena fil-Ġermanja, telaq mill-Ġermanja tliet snin qabel ma beda l-istudji tiegħu xi mkien ieħor fl-UE. Skont ir-regola tat-tliet snin, l-ewwel wieħed jista’ jikseb fondi, iżda t-tieni wieħed ma jistax. Madankollu, liema ċittadin huwa l-iktar integrat fis-soċjetà Ġermaniża?

95.      Dan l-eżempju juri li r-regola tat-tliet snin hija riġida żżejjed. Din għandha r-riskju li teskludi mill-fondi studenti li, minkejja li ma jkunux għexu għal perijodu mhux interrott ta’ tliet snin fil-Ġermanja immedjatament qabel ma jagħmlu l-applikazzjoni, huma madankollu suffiċjentement konnessi mas-soċjetà Ġermaniża minħabba ċ-ċittadinanza Ġermaniża tagħhom, ir-residenza, l-edukazzjoni jew l-impjieg tagħhom hemmhekk, il-ħiliet fil-lingwa, ir-rabtiet familjari, soċjali jew ekonomiċi, jew elementi oħra li kapaċi jagħtu prova ta’ dik il-konnessjoni.

96.      Taħt il-liġi dwar l-assistenza lill-istudenti, huwa għal kollox irrilevanti jekk student Ġermaniż li jixtieq jistudja fi Franza jkunx, pereżempju, għex u studja qabel fil-Ġermanja jew għandux il-familja tiegħu tgħix fil-viċin u/jew il-ġenituri tiegħu jaħdmu fil-Ġermanja. B’kuntrast ma’ dan, jekk l-istudent kien, pereżempju, Bulgaru u ċċaqlaq għall-Ġermanja tliet snin biss qabel ma beda l-istudji tiegħu fil-Polonja jew fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, huwa jkun intitolat għall-fondi mħallsin mill-baġit pubbliku Ġermaniż u l-ebda fatti oħra ma jkollhom għalfejn ikunu kkunsidrati sabiex jiġi deċiż jekk huwa kienx jappartjeni għall-grupp speċifiku ta’ benefiċjarji “integrati”.

97.      Il-kwistjoni, naturalment, ma hijiex jekk l-istudenti Bulgari jew Ġermaniżi humiex intitolati jirċievu fondi mill-Gvern Ġermaniż. Li huwa importanti hija r-relazzjoni bejn ir-regola tat-tliet snin, l-għan li din trid tilħaq u l-bażi li fuqha tittieħed id-deċiżjoni (f’dan l-eżempju) li l-istudent Bulgaru jikseb fondi filwaqt li l-istudent Ġermaniż le.

98.      Skont ir-regola tat-tliet snin, huwa rrilevanti jekk min jagħmel it-talba għandux ċittadinanza Ġermaniża jew le. Madankollu, iċ-ċittadinanza hija, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Rottman, “relazzjoni speċjali ta’ solidarjetà u bona fede” li flimkien mar-“reċiproċità ta’ drittijiet u dmirijiet … jiffurmaw is-sisien tar-rabta tan-nazzjonalità” (40). Jiena nsibha diffiċli nikkonstata li din hija konnessjoni li tista’ tkun injorata għal kollox meta tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-miżuri adottati minn Stat Membru sabiex jintlaħaq l-għan tal-integrazzjoni.

99.      Għalhekk, jiena nqis li miżura bħar-regola tat-tliet snin hija riġida żżejjed u ma tagħtix il-possibbiltà lill-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu l-grad reali u effettiv tal-integrazzjoni.

100. Jeżistu miżuri alternattivi li huma inqas restrittivi?

101. Jiena tal-fehma li jista’ jkun hemm tali miżuri.

102. Il-qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra li r-regola tista’ titfassal b’mod inqas restrittiv mingħajr ma titlef il-kapaċità tagħha li tidentifika l-istudenti li għandhom grad suffiċjenti ta’ integrazzjoni fil-Ġermanja. Regoli alternattivi possibbli jistgħu jkunu inqas restrittivi iżda xorta effettivi. Approċċ differenti jista’ jinkorpora iktar flessibbiltà. Jiena nenfasizza li miniex qiegħda nirrakkomanda regola partikolari – din hija l-prerogattiva tal-Istat Membru. Jiena sempliċement nosserva li huwa possibbli li jitfasslu arranġamenti inqas riġidi, u għalhekk iktar proporzjonati.

103. Meta jiġu pparagunati miżuri alternattivi, huwa ovvjament importanti li jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni ta’ miżura “tistrieħx fuq kriterji ċari magħrufa minn qabel u [tipprovdix] għall-possibbiltà ta’ rimedju ta’ natura ġudizzjarja” (41).

104. Hawnhekk, jien naqbel mal-Gvern Ġermaniż li r-regola tat-tliet snin hija trasparenti u amministrattivament effiċjenti u toffri ċertezza legali. L-informazzjoni rilevanti faċilment tista’ tinġabar u d-deċiżjoni hija mekkanika, jew iva jew le. L-ispiża sabiex tiġi amministrata l-iskema aktarx li tkun relattivament baxxa, speċjalment fir-rigward tal-allokazzjoni tal-baġit globali tal-fondi għall-istudenti. Dawn huma kollha fatturi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati meta r-regola tat-tliet snin tiġi pparagunata ma’ miżuri possibbli oħra.

105. Madankollu, l-iżjed miżura trasparenti u effiċjenti ma hijiex neċessarjament miżura proporzjonata. Jekk tkunx effettivament proporzjonali jiddependi minn elementi oħra bħad-disinn u l-istruttura tal-iskema, il-koerenza globali tal-iskema u l-għan li qiegħed jiġi kkunsidrat.

106. Miżura bħar-regola tat-tliet snin aktarx li tkun iktar trasparenti u effiċjenti minn regola li tirrikjedi li jiġu eżaminati ċirkustanzi individwali f’kull każ. Forsi tal-aħħar tkun inqas restrittiva u iktar inklużiva. It-tielet tip ta’ miżura tista’ tipprovdi li r-residenza tista’ tintuża bħala l-mod primarju jew komuni sabiex jintwera l-grad rikjest ta’ integrazzjoni, mingħajr ma l-applikant jew l-awtorità jiġu preklużi milli jippreżentaw fatti li juru l-eżistenza (jew l-assenza) ta’ konnessjoni reali u effettiva. Tali miżura tkun tidher li hija iktar trasparenti u effiċjenti minn tat-tieni tip li ddeskrivejt u inqas restrittiva minn miżura bħar-regola tat-tliet snin.

107. Il-benefiċċji ta’ miżura bħar-regola tat-tliet snin għandhom jiġu apprezzati fl-isfond tal-iskema regolatorja globali li tifforma parti minnha. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali tista’ żżomm f’moħħha li f’aspetti oħra – bħall-evalwazzjoni dwar jekk student għandux ir-residenza tiegħu fil-Ġermanja (42) jew jekk jeżistux “ċirkustanzi partikolari” li jiġġustifikaw l-għoti ta’ fondi taħt il-Paragrafu 6 tal-liġi tal-assistenza lill-istudenti (43) – jidher li huwa possibbli li jintlaħaq kompromess bejn evalwazzjoni preċiża ta’ ċirkustanzi individwali u l-bżonn li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali, it-trasparenza u l-effiċjenza amministrattiva.

 Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan soċjali

108. Ma joħroġx għal kollox ċar mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż jekk kienx qiegħed jippreżenta bażi oħra ta’ ġustifikazzjoni għar-regola tat-tliet snin, ċjoè, li xtaq jagħti fondi biss lil dawk l-istudenti li, wara li jtemmu l-istudji tagħhom barra l-pajjiż, isiru effettivament parti mill-ħaddiema Ġermaniżi jew li b’xi mod ieħor jintegraw fl-ekonomija u fis-soċjetà tagħha.

109. Madankollu, ħafna mill-Istati Membri l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet sostnew li s-suċċess jew le ta’ fondi disponibbli għal studju barra l-pajjiż jiddependi parzjalment fuq jekk l-istudenti jirritornawx fl-Istat Membru li jipprovdi l-fondi meta jtemmu l-istudji tagħhom. Ħafna drabi l-Istati Membri jipprovdu tali fondi minħabba l-effetti pożittivi mistennija fuq is-suq tax-xogħol tagħhom, ibbażati fuq il-probabbiltà prevedibbli li student li jkun ngħata tali fondi aktarx jirritorna lura u jikkontribwixxi għal dik is-soċjetà.

110. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma li adotta l-pożizzjoni li r-regola tat-tliet xhur kienet ukoll ġustifikata abbażi tal-għan soċjali.

Il-leġittimità tal-għan

111. Dan l-għan jikkorrispondi parzjalment mal-għan soċjali invokat fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi sabiex tiġi ġġustifikata r-regola tat-tliet snin minn sitta li kien hemm inkwistjoni f’dan il-każ (44). Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-inkoraġġiment tal-mobbiltà tal-istudenti kien għan fl-interess pubbliku li kapaċi jiġġustifika restrizzjoni (45). Hija aċċettat ukoll il-premessi doppji li (i) l-iskema kienet immirata li tinkoraġġixxi lill-istudenti li jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidraw jistudjaw barra pjuttost milli f’pajjiżhom, u (ii) il-Pajjiżi l-Baxxi kienu qiegħdin jistennew li studenti li bbenefikaw mill-iskema jirritornaw lura fil-Pajjiżi l-Baxxi wara li jtemmu l-istudji tagħhom sabiex jgħixu u jaħdmu hemmhekk. (46)

112. Jien nikkunsidra li l-istess għan kapaċi jiġġustifika r-regola tat-tliet snin inkwistjoni.

L-adegwatezza tar-restrizzjoni

113. Fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li r-regola tat-tliet snin minn sitta kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan soċjali għaliex inkella l-istudenti normalment jistudjaw fl-Istat Membru fejn jgħixu u l-istudju barra l-pajjiż jarrikkixxi lill-istudenti kif ukoll lis-soċjetà u lis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri (47).

114. Fil-konklużjonijiet tiegħi f’dak il-każ, jiena ħadt pożizzjoni differenti, ibbażata fuq kunsiderazzjoni li ma ġietx diskussa fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jien ma kontx konvinta li kien hemm konnessjoni ovvja bejn il-post fejn l-istudenti għexu qabel l-istudji tagħhom barra l-pajjiż u l-post fejn ser jgħixu u jaħdmu wara l-istudji tagħhom (48).

115. Jiena ma biddiltx il-pożizzjoni tiegħi; u r-regola tat-tliet snin infisha tgħin sabiex turi għalfejn.

116. L-ewwel nett, dik ir-regola teskludi mill-fondi għal studji barra l-pajjiż l-istudenti kollha li ma jistgħux juru li għandhom tliet snin ta’ residenza mhux interotta fil-Ġermanja. Hemm l-argumentat li tali regola aktarx tidentifika lil dawk li ser jirritornaw il-Ġermanja. Iżda l-istess loġika ma twassalx bl-istess mod għall-konklużjoni li, wara li jkun għamel tliet snin jew iktar jistudja jew jgħix barra, ladarba jiggradwa, student ser jibqa’ fl-Istat Membru fejn studja sabiex jaħdem u jgħix?

117. It-tieni nett, fejn ser jibda jaħdem gradwat, wara li jkun temm l-istudji barra l-pajjiż, jista’ jkun stabbilit plawżibbilment minn affarijiet prattiċi bħal fejn ikun disponibbli xogħol, liema lingwa(i) jitkellem u l-istat ġenerali tas-suq tax-xogħol fl-UE. Naturalment, huwa xorta jista’ jmur lura lejn l-Istat Membru tar-residenza preċedenti tiegħu; iżda jista’ tabilħaqq jibqa’ fil-post fejn studja jew inkella jiċċaqlaq xi mkien ieħor. Għandu wieħed jassumi realistikament li l-konnessjoni mal-Istat Membru fejn għex mingħajr interruzzjoni għal tliet snin immedjatament qabel beda l-istudji tiegħu ser tissupera awtomatikament kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra?

118. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nikkunsidra li l-konnessjoni bejn ir-regola tat-tliet snin u l-għan soċjali ma hijiex daqstant evidenti.

119. Għall-finijiet ta’ eżawriment, jiena madankollu ser nikkunsidra fil-qosor il-proporzjonalità tar-regola tat-tliet snin fir-rigward tal-għan soċjali.

Proporzjonalità tar-restrizzjoni

120. Hawnhekk, l-osservazzjonijiet bil-miktub u l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern Ġermaniż kienu kunsiderevolment inqas żviluppati minn kemm kienu fir-rigward tal-għan ekonomiku u l-għan tal-integrazzjoni.

121. Filwaqt li l-Gvern Ġermaniz enfasizza l-attrazzjoni tar-regola tat-tliet snin f’termini ta’ ċertezza legali, trasparenza, u effiċjenza amministrattiva fil-kuntest tal-għan ekonomiku, dan ma stqarrx espressament jekk invokax ukoll dawk l-argumenti fir-rigward tal-għan soċjali. Jekk wieħed jassumi li kellu l-ħsieb jagħmel dan, jiena nikkunsidra, għar-raġunijiet li diġà semmejt (49), li dawn il-fatturi ma humiex biżżejjed sabiex juru li r-regola tat-tliet snin ma hijiex iktar restrittiva milli neċessarju fir-rigward tal-għan soċjali.

122. F’ċirkustanzi simili fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien l-obbligu tal-Istat Membru li jispjega għalfejn kien jippreferi l-obbligu tar-residenza minflok fatturi iktar rappreżentattivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dak l-obbligu kien “[wisq] esklussiv” peress li “jagħti priorità lil element li ma huwiex neċessarjament l-uniku element rappreżentattiv tal-grad attwali ta’ konnessjoni bejn il-parti kkonċernata u [l-Istat Membru li jagħti l-fondi]” (50).

123. Jiena nasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tar-regola tat-tliet snin. Miniex konvinta li r-residenza fil-passat fi Stat Membru tista’ tintuża bħala l-uniku kriterju sabiex wieħed jipprevedi r-residenza futura fi Stat Membru ieħor (51). Pjuttost, kif sostniet il-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha, “l-Ewropej li huma mobbli bħala studenti aktarx ikunu mobbli wkoll bħala ħaddiema fil-ħajja professjonali tagħhom” (52).

IV – Konklużjoni

124. Għaldaqstant nipproponi li r-risposti għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ikunu kif ġej:

“L-Artikoli 20 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru huwa prekluż milli jissuġġetta għotja għall-edukazzjoni sabiex wieħed jattendi stabbiliment edukattiv barra l-pajjiż għat-tul kollu ta’ dawk l-istudji għall-osservanza ta’ kundizzjoni li teħtieġ li kwalunkwe ċittadin tal-UE, inklużi ċ-ċittadini tiegħu, ikunu għexu fit-territorju tiegħu matul perijodu ta’ tliet snin mingħajr interruzzjoni immedjatament qabel ma jinbeda dan l-istudju barra l-pajjiż”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46 u korriġendum ĠU 2004 L 229, p. 35, ĠU 2005 L 30, p. 27, ĠU 2005 L 197, p. 34, u ĠU 2007 L 204, p. 28).


3 –      Bħala regola ġenerali, id-dritt ta’ residenza permanenti jinkiseb wara ħames snin ta’ residenza legali kontinwa: ara l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.


4 – Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, jidher li l-verżjoni li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li ġiet ippubblikata fis-7 ta’ Diċembru 2010.


5 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007 (Kawżi Magħquda C-11/06 u C-12/06, Ġabra I‑9161).


6 – Ma joħroġx b’mod ċar mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari eżattament meta wara t-twelid tagħha L. Prinz iċċaqilqet mal-familja tagħha lejn it-Tuneżija, jew għalfejn irritornat mit-Tuneżija għal perijodu qasir fil-Ġermanja f’Settembru 1993 qabel ma apparentement reġgħet lura f’April 1994.


7 – Morgan u Bucher, nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, punti 22 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.


8 – Ara l-punti 36 u 39 iktar ’il quddiem.


9 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09).


10 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra I-2219).


11 – Ara, pereżempju, Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


12 – Ara, pereżempju, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.


13 – Ara, pereżempju, Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq.


14 – Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata.


15 – Ara Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, punti 25 u 26.


16 – Ara pereżempju, fil-kuntest ta’ pensjoni tad-diżabbiltà, sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska (Kawża C-499/06, Ġabra I‑3993, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitat).


17 – Ara l-punt 12 aktar ’il fuq.


18 – Sentenza Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 56.


19 – Sentenza Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 57.


20 – Ara s-sentenza Morgan u Bucher iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, punti 43 u 44.


21 – Sentenza Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, punt 46.


22 – Sentenza Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, punt 44 (enfasi miżjuda minni).


23 – Ara wkoll, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kummisjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq, punt 103.


24 – Sentenza Bidar, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 iktar ’il fuq, punt 56.


25 – Ara l-premessa 10 tad-Direttiva 2004/38; is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑75/11, punt 60).


26 – Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 84.


27 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 63 u 69).


28 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 120.


29 – Ara l-punti 80 u 82 iktar ’il quddiem.


30 – Filwaqt li fil-kawża Stewart ma kienx hemm involut l-istess tip ta’ vantaġġ soċjali bħal dak inkwistjoni fil-każijiet preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huwa leġittimu li (i) jiġi żgurat li hemm konnessjoni ġenwina bejn min jagħmel talba għall-benefiċċju u l-Istat Membru kompetenti u (ii) li jkun hemm garanzija tal-bilanċ finanzjarju ta’ sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali. Din imbagħad dehret li qiegħda teżamina l-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tal-ewwel għan qabel ma tikkonkludi li, fir-rigward tat-tieni objettiv, “il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw ukoll fir-rigward [tat-tieni għan]” u li “in-neċessità li tiġi stabbilita konnessjoni ġenwina u suffiċjenti … tippermetti lil dak l-Istat li jissodisfa ruħu li l-ispiża ekonomika li jħallas il-benefiċċju inkwistjoni … ma ssirx irraġonevoli”: Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Stewart (C-503/09, Ġabra p. I‑6497, punti 89 u 103).


31 – Filwaqt li dawn l-argumenti jistgħu jissuġġerixxu li l-Ġermanja tissuġġetta l-intitolament għal fondi għall-istudji barra l-pajjiż għal konnessjoni mas-sistema fiskali tagħha, il-Gvern Ġermaniż ikkonferma waqt is-seduta li dan ma huwiex il-każ. Dan stqarr espressament li ma kienx qiegħed jimmira li jagħti fondi biss lil dawk iċ-ċittadini tal-UE li kienu kkontribwixxew qabel għall-baġit pubbliku li minnu tħallsu l-fondi. Meta ntalab waqt is-seduta sabiex jiddefinixxi s-solidarjetà li għamel riferiment għaliha fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ġermaniż wieġeb li l-benefiċjarji għandhom ikunu persuni li għandhom forma ta’ rabta mas-soċjetà Ġermaniża.


32 – Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq, punt 113 tal-konklużjonijiet.


33 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (C-158/07, Ġabra p. I‑8507, punti 54 u 55).


34 – Ara l-punt 35 iktar ’il fuq.


35 – Ara s-sentenza Bidar (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punti 51 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.


36 – Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.


37 – Ara s-sentenza Morgan u Bucher, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, punti 45 u 46.


38 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 62.


39 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 63.


40 – Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottman (C‑135/08, Ġabra p. I‑1449, punt 51).


41 – Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C-138/02, Ġabra p. I‑2703, punt 72). F’din il-kawża, l-obbligu ta’ residenza kien kundizzjoni applikata sabiex jiġi llimitat l-aċċess għal vantaġġ soċjali li, skont il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jiġi konness mas-suq tax-xogħol ġeografiku inkwistjoni (ara punt 67).


42 – Ara l-punt 44 iktar ’il fuq.


43 – Ara l-punt 9 iktar ’il fuq. Waqt is-seduta kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-iskop tal-applikazzjoni ta’ din ir-regola. Il-Gvern Ġermaniż iddeskrivieha bhala “regola ta’ diffikultà” applikabbli f’ċirkustanzi eċċezzjonali fejn l-istudent ma jkunx jista’ jiċċaqlaq lejn il-Ġermanja sabiex jistudja hemmhekk (pereżempju, għaliex l-istudent għandu diżabbiltà jew huwa taħt l-età). Id-difiża ta’ P. Seeberger issuġġerixxiet li din kienet intużat sabiex takkomoda lit-tfal ta’ diplomatiċi Ġermaniżi li kienu qiegħdin jgħixu barra l-pajjiż. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha opportunità tikkunsidra l-Paragrafu 6 tal-BAföG fil-Kawża C-220/12, Thiele Meneses, li fil-preżent għadha pendenti.


44 – Din ir-regola kienet tirrikjedi li applikant għall-fondi tal-istudenti “mobbli”, minbarra li jkun eliġibbli għall-fondi għal studji fil-Pajjiżi l-Baxxi, ikun ukoll għex b’mod legali fil-Pajjiżi l-Baxxi minn tal-inqas għal tliet snin fis-sitt snin preċedenti.


45 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 72); ara wkoll punti 135 sa 140 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dak il-każ.


46 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 77).


47 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 76 u 79).


48 – Ara l-punt 147 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.


49–      Ara l-punti 103 sa 106 iktar ’il fuq.


50 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 86).


51 – Ara wkoll il-punt 117 iktar ’il fuq.


52 – Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tal-mobilità fit-tagħlim ta’ persuni żgħażagħ, KUM(2009) 329 finali, paġna 2.