Language of document : ECLI:EU:C:2017:452

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Leġiżlazzjoni restrittiva ta’ Stat Membru – Sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Proporzjonalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-qorti li teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-proċedura kontra ksur amministrattiv ta’ natura kriminali – Konformità”

Fil-Kawża C‑685/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Online Games Handels GmbH,

Frank Breuer,

Nicole Enter,

Astrid Walden

vs

Landespolizeidirektion Oberösterreich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Online Games Handels GmbH, minn P. Ruth, u D. Pinzger, Rechtsanwälte,

–        għal F. Breuer kif ukoll N. Enter u A. Walden, minn F. Maschke, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer kif ukoll minn F. Herbst u G. Trefil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u R. Verbeke, advocaten,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif interpretati b’mod partikolari fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Online Games Handels GmbH (iktar ’il quddiem, “Online Games”), Frank Breuer kif ukoll Nicole Enter u Astrid Walden u, min-naħa l-oħra, il-Landespolizeidirektion Oberösterreich (direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq) rigward sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali ddikjarati minn dan tal-aħħar fir-rigward tagħhom minħabba l-operat, mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ magni tal-logħob.

 Id-dritt Awstrijak

 Il-liġi kostituzzjonali federali

3        Taħt it-titolu “Implementazzjoni tal-Istat federali”, il-Kapitolu 3 tal-Bundes Verfassungsgesetz (liġi kostituzzjonali federali, BGBl. 1/1930), kif emendata (BGBl. I, 102/2014) (iktar ’il quddiem, il-“B‑VG”), jinkludi fost l-oħrajn l-Artikoli 90 u 94 tal-B‑VG. Skont l-Artikolu 90 tal-B‑VG:

“(1)      Ħlief fil-każ ta’ deroga legali espliċita, is-smigħ fil-kawżi ċivili u kriminali quddiem il-qrati ordinarji huma orali u pubbliċi.

(2)      Il-proċeduri kriminali huma suġġetti għall-prinċipju ta’ kontradittorju.”

4        L-Artikolu 94(1) tal-B‑VG huwa fformulat kif ġej:

“Il-ġustizzja hija indipendenti mill-amministrazzjoni fl-istanzi kollha.”

5        Il-Kapitolu 7 tal-B‑VG huwa intitolat “Garanziji kostituzzjonali u amministrattivi”. Huwa jinkludi l-Artikolu 130 tal-B‑VG li jipprevedi:

“(1)      Il-qrati amministrattivi [Verwaltungsgerichte] jisimgħu u jiddeċiedu:

1.      rikorsi għal annullament minħabba l-illegalità ta’ deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi;

[…]

(4)      Il-qorti amministrattiva għandha tiddeċiedi fuq ir-rikorsi msemmija fil-paragrafu 1(1), fil-kawżi amministrattivi ta’ natura kriminali. […]

[…]”

 Il-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard

6        Il-Glücksspielgesetz (liġi dwar il-logħob tal-ażżard, BGBl. 620/1989), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda ppubblikata fil-BGBl. I, 76/2011 (iktar ’il quddiem, il-“GSpG 2011”), kienet tipprevedi, fl-Artikolu 50 tagħha:

“(1)      Il-ġurisdizzjoni fi proċeduri kriminali u fl-għeluq ta’ impriżi taħt din il-liġi federali hija, fl-ewwel istanza, tal-awtoritajiet amministrattivi tad-distrett (Bezirk) […] u, fit-tieni istanza, tat-tribunali amministrattivi indipendenti imsemmija fl-Artikolu 51(1) tal-Verwaltungsstrafgesetz [(liġi kriminali amministrattiva)].

(2)      Dawn l-awtoritajiet jistgħu jiżguraw il-kollaborazzjoni tal-korpi tal-kontroll pubbliku u, sabiex jiddeċiedu l-kwistjonijiet ta’ fatt imsemmija mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi federali, dik tal-esperti approvati msemmija fl-Artikolu 1(3). F’kull każ, jagħmlu parti mill-korpi tal-kontroll pubbliku l-korpi tas-servizz pubbliku ta’ sigurtà u l-awtoritajiet fiskali.

[…]”

7        L-Artikolu 52 tal-GSpG, intitolat, “Dispożizzjonijiet dwar is-sanzjonijiet amministrattivi”, kien jipprevedi:

“(1)      Iwettaq ksur amministrattiv u huwa suġġett għal multa imposta mill-awtorità amministrattiva ta’ ammont li jista’ jammonta għal EUR 22 000:

1.      kull min, għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni mit-territorju nazzjonali, jinstalla, jorganizza jew iqiegħed għad-dispożizzjoni bħala operatur lotteriji pprojbiti fis-sens tal-Artikolu 2(4), jew jipparteċipa f’dawn tal-aħħar bħala operatur fis-sens tal-Artikolu 2(2);

[…]

(2)      Għalkemm, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni f’lotteriji, xi ġugaturi jew persuni oħra jilagħbu ġugati ta’ iktar minn EUR 10 għal logħba, dawn tal-aħħar ma humiex ikkunsidrati bħala ammonti minimi, u, b’konsegwenza, ir-responsabbiltà possibbli li tirriżulta minn din il-liġi federali hija sussidjarja meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-Artikolu 168 tal-Strafgesetzbuch [(Kodiċi Kriminali)]. […]

[…]”

8        L-Artikolu 53 tal-GSpG 2011 kien ifformulat kif ġej:

“(1)      L-awtorità amministrattiva tista’ tordna l-konfiska tal-magni awtomatiċi tal-logħob tal-ażżard […] meta

1.      hija tissuspetta

a)      l-eżistenza ta’ ksur kontinwu ta’ dispożizzjoni jew ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1) permezz ta’ dawn il-magni awtomatiċi […] li bihom jiġi ppreġudikat il-monopolju li l-Istat federali għandu fil-qasam ta’ logħob tal-ażżard jew

[…]”

9        Emenda ġdida tal-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard ġiet ippubblikata fil-BGBl. I, 13/2014 (iktar ’il quddiem, fil-verżjoni emendata, il-“GSpG 2014”).

10      Skont l-Artikolu 50(1) tal-GSpG 2014:

“Il-ġurisdizzjoni fi proċeduri kriminali u fl-għeluq ta’ impriżi taħt din il-liġi federali hija tal-awtoritajiet amministrattivi tad-distrett (Bezirk) […]. Id-deċiżjonijiet tagħhom huma suġġetti għal rikors quddiem it-tribunal amministrattiv tal-Land.”

11      L-Artikolu 52 tal-GSpG 2014 huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Iwettaq ksur amministrattiv u huwa suġġett għal multa imposta mill-awtorità amministrattiva ta’ ammont li jista’ jammonta għal EUR 60 000 fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 u għal EUR 22 000 fil-każijiet imsemmija fil-punti 2 sa 11:

1.      kull min, għall-finijiet ta’ parteċipazzjoni mit-territorju nazzjonali, jinstalla, jorganizza jew iqiegħed għad-dispożizzjoni bħala operatur lotteriji pprojbiti fis-sens tal-Artikolu 2(4), jew jipparteċipa f’dawn tal-aħħar bħala operatur fis-sens tal-Artikolu 2(2);

[…]

(3)      Kull att li jinkludi kemm l-elementi kostituttivi ta’ ksur amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 52 u l-elementi kostituttivi tal-Artikolu 168 tal-kodiċi kriminali huwa suġġett biss għas-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 52.

[…]”

 Il-kodiċi tal-proċedura tal-qrati amministrattivi

12      Il-Verwaltungsgerichtsverfahrensgesetz (kodiċi tal-proċedura tal-qrati amministrattivi, BGBl. I, 33/2013), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-emenda ppubblikata fil-BGBl. I, 122/2013 (iktar ’il quddiem, il-“VwGVG”), jipprevedi, fl-Artikolu 18 tiegħu:

“L-awtorità konvenuta hija wkoll parti.”

13      Skont l-Artikolu 38 tal-VwGVG:

“Ħlief jekk previst mod ieħor f’din il-liġi, japplikaw b’mod analogu għall-proċedura marbuta ma’ rikors magħmula skont l-Artikolu 130(1) tal-B‑VG fil-kawżi kriminali amministrattivi d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali amministrattiva tal-1991 […] u, għall-bqija, id-dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali stabbiliti fil-liġijiet federali jew liġijiet tal-Länder li l-awtorità applikat jew kellha tapplika fil-proċedura li ppreċediet l-proċedura quddiem il-Verwaltungsgericht [(qorti amministrattiva)].”

14      L-Artikolu 46(1) tal-VwGVG huwa fformulat kif ġej:

“Il-Verwaltungsgericht [(qorti amministrattiva)] għandu jkollha l-provi neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima.”

15      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tal-VwGVG:

“Sakemm ir-rikors ma għandux jiġi miċħud jew il-proċedura ma għandhiex tiġi sospiża, il-Verwaltungsgericht [(qorti amministrattiva)] għandha tiddeċiedi fuq il-mertu fir-rigward tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 130(1)(1) tal-B‑VG.”

 Il-liġi ġenerali fuq il-proċeduri amministrattivi

16      Skont l-Artikolu 8 tal-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz, (liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva, BGBl. I, 51/1991) fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda ppubblikata fil-BGBl. I, 161/2013 (iktar ’il quddiem l-“AVG”):

“Il-persuni li jindirizzaw ruħhom lill-awtorità jew li lejhom huwa indirizzat att ta’ din huma kkonċernati mill-proċedura u, sa fejn huma kkonċernati mill-kawża minħabba dritt jew interess legali, huma għandhom il-kwalità ta’ partijiet.”

17      L-Artikolu 37 tal-AVG jipprevedi:

“Il-proċedura istruttorja għandha l-għan li tippermetti li jiġi kkonstatati l-fatti li l-għarfien tagħhom huwa neċessarju għar-riżoluzzjoni ta’ kawża amministrattiva u sabiex il-partijiet jingħataw l-opportunità jinvokaw id-drittijiet tagħhom u l-interessi legali tagħhom.

[…]”

18      L-Artikolu 39 tal-AVG huwa fformulat b’dan il-mod:

“(1)      Il-proċedura istruttorja hija suġġetta għar-regoli amministrattivi.

(2)      Sa fejn ir-regoli amministrattivi ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward, l-awtorità għandha taġixxi ex officio u tiddetermina l-iżvolġiment tal-proċedura istruttorja filwaqt li tosserva d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu. B’mod partikolari, hija tista’ ssejjaħ lill-partijiet għal smigħ ex officio jew fuq it-talba ta’ waħda minnhom u tgħaqqad diversi kawżi amministrattivi bl-għan ta’ trattament komuni jew tisseparahom mill-ġdid. Meta hija tadotta deċiżjonijiet bħala dawn dwar l-organizzazzjoni tal-proċedura, hija għandha tkun iggwidata bil-ħsieb li toħloq kemm jista’ jkun possibbli kundizzjonijiet ta’ effikaċja, ta’ ħeffa, ta’ sempliċità u ta’ ekonomija.

[…]”

 Il-liġi kriminali amministrattiva

19      L-Artikolu 24 tal-Verwaltungsstrafgesetz (liġi kriminali amministrattiva, BGBl. 52/1991), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda ppubblikata fil-BGBl. I, 33/2013 (iktar ’il quddiem il-“VStG”), jipprevedi:

“Ħlief jekk previst mod ieħor f’din il-liġi federali, l-[AVG] tapplika wkoll fil-proċeduri kriminali amministrattivi. […]”

20      Skont l-Artikolu 25 tal-VStG:

“(1)      Fir-rigward ta’ ksur amministrattiv, għandhom jinbdew proċeduri exofficio […].

(2)      Iċ-ċirkustanzi attenwanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bl-istess mod bħaċ-ċirkustanzi aggravanti.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21      Il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq) ġiet adita b’żewġ kawżi. L-ewwel waħda tirrigwarda l-legalità tas-sekwestru ta’ magna li l-użu tagħha għandu mnejn jikser il-monopolju li għandu l-Istat federali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u t-tieni waħda tirrigwarda l-legalità ta’ multi imposti minħabba li ġie organizzat logħob tal-ażżard b’tali magni jew talli ġiet permessa l-organizzazzjoni tiegħu.

22      L-ewwel waħda ssegwi investigazzjoni magħmula, fit-8 ta’ Marzu 2012, fuq it-talba tad-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq, mill-awtoritajiet tat-taxxa fl-istabbiliment “SJ-Bet Sportbar” li jinsab f’Wels (l-Awstrija).

23      Wara li kkonstataw il-preżenza ta’ tmien magni li kien issuspettat li kienu qed jintużaw bi ksur tal-monopolju tal-Istat federali Awstrijak fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, l-imsemmija awtoritajiet issekwestrawhom. Waqt din l-investigazzjoni, ġie allegat li waħda minn dawn il-magni kienet ta’ Online Games.

24      B’deċiżjoni tas-17 ta’ April 2012, id-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq ordna l-konfiska għal tul indeterminat tal-magna li kien preżunt li hija ta’ Online Games, skont l-Artikolu 53(1)(1)(a) tal-GSpG 2011.

25      Online Games ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Unabhängiger Verwaltungssenat Oberösterreich (tribunal amministrattiv indipendenti tal-Awstrija ta’ Fuq) li sar Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq). B’deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2012, dan ir-rikors ġie miċħud bħala infondat.

26      B’deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva, l-Awstrija) laqgħet l-appell ta’ Online Games kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2012 billi annullat din tal-aħħar minħabba li ma ġiex ikkonstatat fiha bi preċiżjoni biżżejjed l-ammont tal-imħatri massimi li setgħu jsiru mill-ġugaturi permezz tal-magni kkonfiskati sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati kriminali ordinarji jew amministrattivi li jisimgħu l-kawża inkwistjoni. Din ġiet għaldaqstant irrinvijata quddiem il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq).

27      Deher li, f’din l-ewwel kawża, l-organizzatur tal-logħob tal-ażżard li fih il-ġugaturi setgħu jipparteċipaw permezz tal-magna kkonfiskata kien kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita f’Brno, fir-Repubblika Ċeka.

28      Fil-kuntest tat-tieni kawża, fl-14 ta’ Awwissu 2014, l-awtoritajiet tat-taxxa wettqu investigazzjoni fl-istabbiliment “Café Vegas”, li jinsab f’Linz (l-Awstrija).

29      Wara li kkonstataw il-preżenza ta’ tmien magni u qiesu li dawn kienu jintużaw bi ksur tal-monopolju tal-Istat federali fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, dawn l-awtoritajiet ikkonfiskawhom.

30      B’deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2015, id-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq impona, skont l-Artikolu 52(1)(1) tal-GSpG 2014, multi ta’ EUR 24 000 kull waħda fuq F. Breuer kif ukoll fuq N. Enter u A. Walden, minħabba l-organizzazzjoni jew il-parteċipazzjoni fl-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard fl-istabbiliment “Café Vegas”.

31      F. Breuer kif ukoll N. Enter u A. Walden ippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju. F’din l-okkażjoni, huma speċifikaw li l-magni inkwistjoni kienu alimentati b’server għall-programmi tal-logħob li jinsab fis-Slovakkja.

32      Is-suġġett tal-kawżi prinċipali huwa, kif huwa indikat fid-deċiżjoni tar-rinviju, limitat għall-kwistjoni dwar jekk il-konfiska definittiva tal-magna ta’ Online Games kif ukoll il-multi imposti fuq F. Breuer, N. Enter u A. Walden humiex konformi mad-dritt, inkluż id-dritt tal-Unjoni.

33      Il-qorti tar-rinviju organizzat żewġ seduti, waħda fil-11 ta’ Novembru 2015, fil-kuntest tal-ewwel kawża, u l-oħra fil-11 ta’ Diċembru 2015, fil-kuntest tat-tieni kawża.

34      Fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2015 ipparteċipaw rappreżentant ta’ Online Games u rappreżentant tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-belt ta’ Linz. Id-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq ma kienx rappreżentat waqt l-imsemmija seduta. Is-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2015 seħħet fil-preżenza tad-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq kif ukoll fil-preżenza tal-awtoritajiet tat-taxxa. Il-konsulent ta’ F. Breuer kif ukoll ta’ N. Enter u ta’ A. Walden, assenti f’din l-aħħar seduta, madankollu pprovda lill-qorti tar-rinviju l-provi li fuqhom hija bbażata d-difiża tagħhom. Kemm fil-kuntest tal-ewwel kawża kif ukoll fil-kuntest tat-tieni waħda, l-awtoritajiet tat-taxxa u d-direttorat tal-pulizija reġjonali fl-Awstrija ta’ Fuq qajmu diversi motivi sabiex jiġġustifikaw il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jiġifieri l-GspG 2011 u l-GSpG 2014.

35      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hemm differenzi ta’ opinjoni bejn il-qorti tar-rinviju u l-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) rigward il-portata tal-prinċipju li jirregola l-proċeduri amministrattivi ta’ natura kriminali, li jagħti lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu rwol attiv fl-istabbiliment tal-verità u li jgħid li hija din tal-aħħar li għandha tirrimedja l-lakuni u l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet ta’ prosekuzzjoni.

36      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika, f’dan ir-rigward, li, wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), il-qorti nazzjonali adita bil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kkonstatat, b’deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2014, l-inkompatibbiltà tal-monopolju tal-Istat Awstrijak fil-qasam tal-logħob tal-ażżard mal-Artikolu 56 TFUE. Wara appell fuq punt ta’ liġi ppreżentat mill-ministeru federali tal-finanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) annullat din id-deċiżjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2014, u l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-qorti tar-rinviju. Fid-29 ta’ Mejju 2015, din affermat mill-ġdid l-inkompatibbiltà tal-monopolju li għandu l-Istat Awstrijak fil-qasam tal-logħob tal-ażżard mad-dritt tal-Unjoni. Din id-deċiżjoni kienet, mill-ġdid, is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva).

37      Il-qorti tar-rinviju tiddubita l-kompatibbiltà mal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal-prinċipju li jgħid li hija l-qorti adita li għandha teżamina ex officio l-fatti li għandhom mnejn jikkostitwixxu ksur amministrattiv ta’ natura kriminali, kif stabbilit bl-Artikolu 38 tal-VwGVG, moqri flimkien mal-Artikoli 24 u 25 tal-VStG u flimkien mal-Artikolu 39(1) tal-AVG.

38      Skont il-qorti tar-rinviju, tali obbligu huwa tali li jaffettwa l-imparzjalità tal-qorti, li r-rwol tagħha jitfixkel ma’ dak tal-awtorità responsabbli għall-prosekuzzjoni. Dan l-obbligu huwa, għaldaqstant, inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

39      Hija tqis li mis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281) jirriżulta li huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jistabbilixxu li l-miżuri nazzjonali intiżi sabiex jagħtu lill-Istat monopolju fil-qasam tal-logħob tal-ażżard huma ġġustifikati bl-għan li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob jew li tiġi miġġielda l-kriminalità u li jiġu pprovduti, f’dan ir-rigward, lill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu l-provi li juru li l-kriminalità jew il-vizzju tal-logħob kienu jirrappreżentaw effettivament problema kunsiderevoli fil-mument tal-fatti, b’tali mod li kull obbligu tal-qorti amministrattiva li jmexxi investigazzjonijiet speċifiċi, f’dan ir-rigward, ikun imur kontra din il-ġurisprudenza.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tal-Awstrija ta’ Fuq) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 49 et seq TFUE, fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fid-dawl tal-oġġettività u tal-imparzjalità li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teħtieġ minn qorti (ara, b’mod partikolari, il-punt 54 tas-sentenza tagħha [fil-Kawża Ozerov vs Ir-Russia], dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li l-provi li għandhom jiġu prodotti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali amministrattivi sabiex tiġi ġġustifikata s-sistema ta’ kważi-monpolju tas-suq nazzjonali tal-logħob tal-ażżard protetta mid-dritt kriminali, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, s-sentenza tagħha [fil-Kawża Pfleger et] għandhom, l-ewwel nett, jiġu ddikjarati u delimitati b’mod totalment indipendenti kif ukoll jiġu sussegwentement investigati u evalwati b’mod awtonomu, mhux mill-awtorità ta’ prosekuzzjoni, jew korp ieħor tal-Istat inkarigat mill-prosekuzzjoni, fil-funzjoni tagħhom bħala rappreżentant tal-akkuża, iżda bil-kontra mill-qorti mitluba tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tal-miżura tad-dritt kriminali li kontra tagħha r-rikors huwa ppreżentat, fuq inizjattiva tagħha stess u indipendentement mill-aġir tal-partijiet fil-proċedura, u li taġixxi bħala l-istess persuna/fl-eżerċizzju tal-istess funzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

41      Il-Gvern Awstrijak jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għaliex, fl-ewwel lok, id-domanda hija ipotetika, peress li tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali, u, fit-tieni lok, għaliex id-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali tal-kawżi prinċipali sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati jew meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhomx x’jaqsmu mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn dan tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tikkunsidra neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-18 ta’ April 2013 Mulders, C‑548/11, EU:C:2013:249, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawżi prinċipali, u l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domanda.

45      Rigward l-argument li d-domanda hija ta’ natura ipotetika, dan huwa bbażat fuq il-preżunzjoni li l-qorti tar-rinviju wettqet żball meta interpretat il-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, għaliex tali interpretazzjoni taqa’ fil-fatt taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ssirilha domanda preliminari minn qorti nazzjonali, għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ġiet esposta lilha mill-imsemmija qorti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tas-sentenzi li għandhom jingħataw mill-qorti tar-rinviju tiddependi mir-risposta għad-domanda magħmula.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

47      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif interpretati b’mod partikolari fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludi sistema proċedurali nazzjonali li tipprovdi, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi ta’ natura kriminali, li l-qorti mitluba tiddeċiedi rigward il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħal-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni, għandha teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ ksur amministrattiv.

48      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat id-domandi magħmula biss b’kunsiderazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE, mingħajr ma eżaminathom mill-perspettiva tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE. Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali osservat fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, fid-dawl tal-Artikolu 62 TFUE, il-motivi ta’ din is-sentenza, marbuta mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jistgħu japplikaw ukoll fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment.

49      Imbagħad għandu jitfakkar li mis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281) jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-operat ta’ magni tal-logħob fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet amministrattivi, ladarba din il-leġiżlazzjoni ma ssegwix realment l-għan allegat ta’ protezzjoni tal-ġugaturi jew tal-ġlieda kontra l-kriminalità u ma tissodisfax verament l-għan li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob jew li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 56).

50      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni li jinvoka għan adattat sabiex jiġġustifika ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li għandhom jagħtu lill-qorti nazzjonali mitluba sabiex tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni l-provi kollha li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar li tiżgura ruħha li l-imsemmija miżura effettivament tissodisfa ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ titqies bħala ġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Imbagħad, hija din il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika liema huma l-għanijiet effettivament segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u jekk ir-restrizzjonijiet imposti minn din jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tagħhom. B’mod partikolari, hija għandha tiżgura ruħha, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li din tissodisfa verament l-għan li jitnaqqsu l-opportunitajiet ta’ logħob, li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan il-qasam u li tiġi miġġielda l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob b’mod koerenti u sistematiku (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 47 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li qorti nazzjonali għandha twettaq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi li fihom leġiżlazzjoni restrittiva tiġi adottata u implementata (sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et, C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 52).

53      Barra minn hekk, waqt dan l-istħarriġ tal-proporzjonalità, l-approċċ segwit mill-qorti nazzjonali għandha jkun mhux statiku iżda dinamiku, fis-sens li huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi wara l-adozzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Admiral Casinos & Entertainment, C‑464/15, EU:C:2016:500, punt 36).

54      Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati tal-Istati Membri li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji legali neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tal-Karta, sa fejn hija kkonċernata l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) ta’ din, li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma indirizzati lejn l-Istati Membri meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tikkonferma l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma intiżi sabiex jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux barra minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 51).

56      Kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tagħha, meta Stat Membru jippromulga miżura li tidderoga minn libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE, bħal-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni, din il-miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

57      Skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta, kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu.

58      Huwa ugwalment stabbilit li, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti jallegaw li d-drittijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal-libertà ta’ stabbiliment li huma għandhom, rispettivament, taħt l-Artikoli 56 u 49 TFUE, inkisru bil-miżuri ta’ konfiska u s-sanzjonijiet li huma jitolbu li jiġu annullati, minħabba f’hekk, quddiem il-qorti tar-rinviju. L-Artikolu 47 tal-Karta huwa għaldaqstant applikabbli f’dan il-każ.

59      Għalkemm l-obbligi imposti fuq il-qrati nazzjonali, f’dak li jirrigwarda l-eżami tal-ġustifikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi libertà fundamentali tal-Unjoni, ġew iddefiniti b’dan il-mod mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li huwa l-ordinament ġuridiku ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet u, b’mod partikolari, li jiggarantixxu r-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK, C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 65).

60      Rigward id-dritt għal proċess indipendenti u imparzjali, stabbilit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-kunċett ta’ “indipendenza”, li huwa inerenti fil-missjoni tal-qorti, jinvolvi żewġ aspetti. L-ewwel aspett, estern, jissupponi li l-istanza tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha (sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      It-tieni aspett, intern, jingħaqad mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u huwa intiż sabiex jiżgura l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett, li l-qorti tar-rinviju tibża’ li ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ, jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeżiġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari regoli statutorji u proċedurali, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, rigward l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u n-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC, C‑222/13, EU:C:2014:2265, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan il-każ, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, iċċitati fil-punti 3 sa 5 u 12 sa 20 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament minħabba illegalità quddiem il-qrati amministrattivi, u dawn tal-aħħar jiddeċiedu fuq il-mertu ta’ dawn ir-rikorsi. Fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħha, il-qorti għandha teżamina l-fatti tal-kawża quddiemha fil-limiti tar-riferiment, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza attenwanti u aggravanti. Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, l-awtorità amministrattiva li tkun applikat is-sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali għandha l-istatus ta’ parti.

64      Abbażi ta’ dawn l-elementi biss, ma hemmx lok li jitqies li tali sistema proċedurali hija tali li tnissel dubji rigward l-imparzjalità tal-qorti nazzjonali, sa fejn din hija inkarigata li tinvestiga l-kawża quddiemha mhux sabiex issostni l-prosekuzzjoni, iżda sabiex twassal sabiex tiġi stabbilita l-verità. Barra minn hekk, din is-sistema hija bbażata essenzjalment fuq l-idea li l-qorti ma hijiex essenzjalment l-arbitru ta’ tilwima bejn il-partijiet iżda tirrappreżenta l-interess ġenerali tas-soċjetà. Huwa bl-idea li jiġi segwit dan l-interess li l-qorti nazzjonali ser ikollha wkoll teżamina l-ġustifikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi libertà fundamentali tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

65      Fir-rigward tal-kwistjoni tar-rabta bejn l-obbligu impost mid-dritt nazzjonali fuq qrati nazzjonali li jeżaminaw ex officio l-fatti tal-kawżi quddiemhom u s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), tfakkar fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza li, skont id-dritt tal-Unjoni, huma dawn tal-aħħar li għandhom iwettqu evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi li fihom ġiet adottata u implementata leġiżlazzjoni restrittiva abbażi tal-provi mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat FUE u l-proporzjonalità ta’ dan.

66      Filwaqt li dawn il-qrati jistgħu jkunu mitluba, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinkoraġġixxu l-produzzjoni ta’ tali provi, huma ma jistgħux, min-naħa l-oħra, jintalbu, kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 56 u 68 tal-konklużjonijiet tagħha, jissostitwixxu ruħhom flok l-imsemmija awtoritajiet sabiex jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet li, skont is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu li jipprovdu. Jekk dawn il-ġustifikazzjonijiet ma jiġux prodotti minħabba l-assenza jew il-passività tal-imsemmija awtoritajiet, il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiddeduċu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minn tali nuqqas.

67      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif interpretati b’mod partikolari fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux sistema proċedurali nazzjonali li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi ta’ natura kriminali, il-qorti mitluba tiddeċiedi fuq il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħal-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għandha teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ ksur amministrattiv, sakemm tali sistema ma jkollhiex bħala konsegwenza li din il-qorti tkun mitluba tissostitwixxi ruħha flok l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, li għandhom jipprovdu l-provi neċessarji sabiex jippermettu lill-imsemmija qorti tistħarreġ jekk din ir-restrizzjoni hijiex iġġustifikata.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif interpretati b’mod partikolari fis-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C390/12, EU:C:2014:281), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux sistema proċedurali nazzjonali li tipprovdi li, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi ta’ natura kriminali, il-qorti mitluba tiddeċiedi fuq il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni li tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħal-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, għandha teżamina ex officio l-fatti tal-kawża quddiemha fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ ksur amministrattiv, sakemm tali sistema ma jkollhiex bħala konsegwenza li din il-qorti tkun mitluba tissostitwixxi ruħha flok l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, li għandhom jipprovdu l-provi neċessarji sabiex jippermettu lill-imsemmija qorti tistħarreġ jekk din ir-restrizzjoni hijiex iġġustifikata.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.