Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social nº 2 de Terrassa (Spanja) fit-22 ta’ Lulju 2014 – Elisabet Rion Bea vs Bankia S.A. et

(Kawża C-353/14)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social nº 2 de Terrassa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Elisabet Rion Bea

Konvenuti: Bankia S.A., Sección Sindical UGT, Sección Sindical CCOO, Sección Sindical ACCAM, Sección Sindical CSICA, Sección Sindical SATE u Fondo de Garantía Salarial

Domandi preliminari

L-Artikolu 56 tal-istatut tal-ħaddiema – approvat mid-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995 – il-ħames dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi Nru 3/2012, tas-6 ta’ Lulju 2012, li tadotta miżuri urġenti għal riforma fis-suq tax-xogħol, kif ukoll l-Artikoli 123 u 124(13) tal-Liġi Nru 36/2011, tal-10 ta’ Ottubru 2011, li tirregola l-ġurisdizzjoni soċjali (Ley Reguladora de la Jurisdicción Social, li tirreferi impliċitament għad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq), imorru kontra l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat [dwar il-Funzjonament] tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha, sa fejn dawn iżidu, essenzjalment, il-kumpens awtorizzat mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35253 (2012/N), ristrutturar u rikapitalizzazzjoni tal-grupp BFA fi Spanja?

Interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tnaqqas għall-minimu legali l-kumpens mogħti fil-każ ta’ tkeċċija meqjusa regolari tmur konta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq u kontra d-deċiżjoni li l-Kummissjoni tat fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35253 (2012/N), ristrutturar u rikapitalizzazzjoni tal-grupp BFA fi Spanja?

Interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali li tbiddel il-kumpens mogħti fil-każ ta’ tkeċċija meqjusa abbużiva, b’tali mod li tikkorrispondi mal-ammont miftiehem fil-ftehim konkluż matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni, sakemm dan l-ammont ikun ogħla mill-minimu legali iżda inqas mill-massimu legali, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq u kontra d-deċiżjoni li l-Kummissjoni tat fil-każ dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35253 (2012/N), ristrutturar u rikapitalizzazzjoni tal-grupp BFA fi Spanja?