Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2014 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tad-9 ta’ April 2014 fil-Kawża T-150/12, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-296/14 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias u A. Vasilopoulou)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tilqa’ l-appell, tannulla fl-intier tagħha s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont dak li huwa espost b’mod iktar preċiż, tilqa’ r-rikors tar-Repubblika Ellenika, tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-aggravju li hija tinvoka, ir-Repubblika Ellenika ssostni ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea peress li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) u (3)(b) TFUE dwar il-fatt li kienu sodisfatti l-kundizzjonijiet eċċezzjonali li kienet tinsab fihom l-ekonomija Griega meta ġraw il-fatti.

B’mod iktar preċiż, fl-ewwel parti tal-aggravju, jitressaq l-argument li, abbażi ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni jikkonsistu f’vantaġġ ekonomiku selettiv għall-benefiċjarji, li kapaċi joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, minħabba l-kundizzjoniijet eċċezzjonali li kienet tinsab fihom l-ekonomija Griega meta ġraw il-fatti filwaqt li, fit-tieni parti tal-aggravju, jitressaq l-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE peress li llimitat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-kundizzjonijiet tal-Avviż dwar qafas Komunitarju ta’ Appoġġ, minkejja li l-kundizzjonijiet eċċezzjonali li kienet tinsab fihom l-ekonomija Griega meta ġraw il-fatti kienu sodisfatti.