Language of document : ECLI:EU:C:2007:505

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

Poiares Maduro

ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2007(1)

Kawża C-380/05

Centro Europa 7 Srl

vs

Ministero delle Comunicazioni e Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni

u

Direzione Generale Autorizzazioni e Concessioni Ministero delle Comunicazioni

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja))





Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tiegħu fil-kawża preżenti, il-Consiglio di Stato (Kunsill ta’ l-Istat) (l-Italja) jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi dwar kompetizzjoni ġusta, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-libertà ta’ espressjoni kif ukoll il-prinċipju tal-pluraliżmu tal-midja. Il-kawża prinċipali tirrigwarda kumpannija ta’ xandir televiżiv li, wara ħafna snin li ngħatat drittijiet ta’ xandir nazzjonali wara sejħa pubblika għal offerti, kienet għadha ma ngħatatx ir-radjufrekwenzi neċessarji sabiex teżerċita dawn id-drittijiet. Sadanittant, leġiżlazzjoni nazzjonali ppermettiet lil operaturi oħra li jkomplu l-attivitajiet ta’ xandir tagħhom u għaldaqstant tawlet sitwazzjoni li hija kuntrarja għar-riżultat tas-sejħa pubblika għal offerti. Jien se nindirizza l-problemi mqajma mill-qorti ta’ rinviju speċjalment fid-dawl tar-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

I –    Il-fatti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali u d-domandi preliminari.

1.        Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti hija amalgazzjoni kumplessa ta’ liġijiet u digrieti, iżda tliet miżuri leġiżlattivi kkostitwew, suċċessivament, il-punt ta’ referenza għar-regoli fir-rigward tax-xandir televiżiv nazzjonali: Il-Liġi Nru 223/1990 (‘il-Liġi Mammì’)(2), Il-Liġi Nru 249/1997 (‘il-Liġi Maccanico’)(3) u l-Liġi Nru 112/2004 (‘il-Liġi Gasparri’)(4).

2.        Il-Liġi Maccanico ġiet adottata f’Lulju 1997, wara li l-Corte Costituzionale (Qorti Kostituzzjonali) (l-Italja) kienet iddeċidiet, permezz tas-sentenza ta’ Diċembru 1994(5), li d-dispożizzjonijiet antitrust fil-liġi Mammi ma kinux biżżejjed biex jipprevjenu pożizzjonijiet dominanti li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-pluraliżmu tal-midja. Il-Liġi Maccanico ħolqot l-Autorità per le garanzie nelle comunicazioni (Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet, ‘AGCom’) u introduċiet restrizzjonijiet ġodda fuq il-konċentrazzjoni fis-suq tax-xandir nazzjonali tat-televiżjoni sabiex tassigura l-kompetizzjoni u r-rispett tal-prinċipju ta’ pluraliżmu. Skond il-Liġi Maccanico, ħadd ma setgħa jopera iktar minn 20 % tal-kanali tax-xandir nazzjonali b’effett mit-30 ta’ April 1998.

3.        Il-Liġi Maccanico pprovdiet ukoll regoli tranżitorji għall-operaturi eżistenti li l-ammont ta’ kanali li kellhom kien jaqbeż il-limitu ta’ 20 %. Skond ir-regoli tranżitorji, l-operaturi setgħu jkomplu l-attivitajiet ta’ xandir tagħhom wara t-30 ta’ April 1998 fuq bażi temporanja, bil-kundizzjoni li jxandru fuq frekwenzi terrestri u, fl-istess ħin fuq televiżjoni bil-kejbil jew bis-satellita. Il-Liġi pprovdiet li l-kanali li qabżu l-limitu kellhom eventwalment jieqfu milli jxandru wara l-adozzjoni ta’ pjan nazzjonali għall-allokazzjoni tal-frekwenzi.

4.        Fid-dawl ta’ l-għanijiet tal-Liġi Maccanico saret proċedura ta’ sejħa pubblika għal offerti f’Marzu 1999, għad-drittijiet ta’ xandir bit-televiżjoni nazzjonali fuq frekwenzi terrestri. Minħabba limitazzjonijiet tekniċi, in-numru ta’ kanali terrestri ma setgħax ikun iktar minn 11. Tliet kanali ġew irriservati għat-televiżjoni pubblika filwaqt li numru ta’ mhux iktar minn 8 kienu disponibbli għall-operaturi privati.

5.        Wara li pparteċipat b’suċċess fis-sejħa għal offerti, Centro Europa 7 Srl (‘Europa 7’) ingħatat dirittijiet ta’ xandir ta’ televiżjoni nazzjonali. Id-drittijiet ingħataw permezz tad-Digriet Ministerjali tat-28 ta’ Lulju 1999, u ħarġu fit-28 ta’ Ottubru ta’ l-istess sena. Fir-rigward tal-frekwenzi speċifiċi, id-Digriet għamel referenza għall-pjan ta’ allokazzjoni nazzjonali li kien għadu ma ġiex implementat. Skond id-Digriet, l-AGCom u l-Ministeru tal-Komunikazzjoni kellhom jimplementaw il-pjan ta’ allokazzjoni nazzjonali sa mhux iktar tard minn 24-il xhar min-notifika tad-Digriet. Fil-każ ta’ ‘ostakoli oġġettivi’ dan il-perijodu setgħa jiġi estiż għal perijodu ta’ 12-il xhar ieħor.Ì

6.        Il-pjan ta’ allokazzjoni nazzjonali qatt ma twettaq. Minħabba dan, Europa 7 qatt ma ngħatat xi frekwenza, u minkejja li kellha d-drittijiet ta’ xandir ma setgħatx fil-fatt ixxandar. Sadattant, serje ta’ liġijiet u deċiżjonijiet suċċessivi ppermettew li l-operaturi eżistenti, inklużi dawk li ma rebħux is-sejħa għall-offerti, ikomplu jxandru.

7.        Per eżempju, il-Liġi Nru 66/2001(6) li rregolat il-bidla mit-televiżjoni analoga għal dik diġitali, ippermettiet li dawn l-operaturi jkomplu jxandru permezz ta’ frekwenzi terrestri sa l-implementazzjoni ta’ pjan nazzjonali għall-allokazzjoni ta’ frekwenzi għax-xandir tat-televiżjoni diġitali. Il-pjan kellhu jiġi implementat sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002. Minkejja li dan it-terminu skada, xorta waħda qatt ma ġie mħejji l-ebda pjan.

8.        F’Deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, il-Corte Costituzionale ddeċidiet li t-trasferiment tal-kanali, li qabżu l-limitu antitrust ta’ 20 %, mit-televiżjoni terrestri għat-televiżjoni bil-kejbil jew bis-satellita kellha ssir sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003, irrispettivament mis-sitwazzjoni ta’ l-iżviluppi fir-rigward tat-televiżjoni diġitali(7). Madankollu, minkejja din id-Deċiżjoni, il-possibbiltà li l-operaturi eżistenti jkomplu jużaw il-frekwenzi terrestri għall-kanali li jaqbżu l-limitu antitrust ta’ 20 % reġgħat ġiet estiża mid-Digriet Nru 352/2003(8) (li sussegwentement sar il-Liġi Nru 43/2004(9)) u mil-Liġi Gasparri.

9.        Il-Liġi Gasparri effettivament ippermettiet li l-operaturi eżistenti jużaw frekwenzi għall-kanali li kienu jaqbżu l-limitu antitrust u għaldaqstant jwaqqfu r-rilaxx ta’ dawk il-frekwenzi għall-operaturi l-ġodda bħal Ewropa 7, sa l-implementazzjoni ta’ pjan nazzjonali għall-allokazzjoni tal-frekwenzi tat-televiżjoni diġitali. Barra minn hekk, skond il-Liġi Gasparri, operaturi attivi biss kellhom id-dritt li japplikaw għad-drittijiet biex jużaw frekwenzi tat-televiżjoni diġitali. Fl-aħħar, il-Liġi Gasparri bidlet il-limitu ta’ 20 % li kien ġie introdott mil-Liġi Maccanico.

10.      Għaldaqstant, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża ċerti operaturi fix-xandir tat-televiżjoni nazzjonali ma kellhomx drittjiet ta’ xandir, iżda minkejja dan tħallew ikomplu fl-attivitajiet ta’ xandir tagħhom, anke jekk kienu qabżu l-limitu antitrust. Europa 7, minkejja li kellha d-drittijiet ta’ xandir ma setgħatx tibda topera peress li ma kellhiex il-frekwenzi neċessarji. Barra minn hekk, peress li Europa 7 ma kinitx operatur attiv ma setgħax tapplika għad-drittijiet ta’ xandir tat-televiżjoni diġitali.

11.      Wara perijodu ta’ 24-il xhar min-notifika li l-liċenzja għax-xandir tagħha kienet skadiet, Europa 7 ressqet rikors quddiem it- Tribunale Amministrativo Regionale Lazio. Hija talbet li l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jiġu ordnati jallokaw il-frekwenzi neċessarji u jħallsu kumpens fir-rigward tat-telf li bagħtiet f’dan l-interval. Sussidjarjament, fil-każ li l-allokazzjoni tal-frekwenzi ma tkunx possibbli, Europa 7 talbet kumpens. It-Tribunale Amministrativo Regionale Lazio ddeċieda li Europa 7 ma kellhiex dritt eżegwibbli (‘diritto soggettivo’) li jkollha frekwenzi speċifiċi allokati lilha u ċaħad it-talba fit-totalità tagħha. Sussegwentement, Europa 7 ressqet appell quddiem il-Consiglio di Stato.

12.      Waqt il-proċeduri legali nazzjonali l-awtoritajiet nazzjonali invokaw id-Digriet Nru 352/2003 u l-Liġi Gasparri fid-difiża tagħha. F’dan il-kuntest, il-Consiglio di Stato rrefera dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

‘1.      L-Artikolu 10 tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-“KEDB”)], kif hemm referenza għalih fl-Artikolu 6 fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandu jiġi kkunsidrat li jigarantixxi l-pluraliżmu fis-settur tax-xandir u għaldaqstant li jeħtieġ li l-Istati Membri jigarantixxu l-pluraliżmu u l-kompetizzjoni fis-settur ibbażat fuq is-sistema antitrust li, flimkien ma’ l-iżvilupp teknoloġiku, tassigura l-aċċess għan-netwerks u l-multipliċità ta’ l-operaturi u li jrendi aġir ta’ suq duopolistiku illegali?

2.      Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jipproteġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-kompetizzjoni, fis-sens ta’ l-interpretazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni ta’ interpretazzjoni tad-29 ta’ April 2000 fuq l-għoti ta’ drittijiet abbażi tal-Liġi Komunitarja, għandhom jiġu kkunsidrati li jeħtieġu li l-prinċipji li jirregolaw il-kwistjoni jkunu kapaċi li jiżguraw trattament ugwali u mhux diskriminatorju, u kif ukoll trasparenza, proporzjonalità u rispett għad-drittijiet ta’ l-individwi; u dawn id-dispożizzjonijiet u prinċipji tat-Trattat huma miksura mill-Artikolu 3(7) tal-Liġi Taljana Nru 249/1997 u mill-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 352 ta’ l-24 ta’ Diċembru 2003 mibdula fil-Liġi Nru 112/2004 (Liġi Gasparri), [(10)] safejn dawn id-dispożizzjonijiet ippermettew lil operaturi li jużaw netwerks bi ksur tal-limiti preskritti mill-liġi dwar il-kompetizzjoni li jkomplu joperaw, u għaldaqstant jeskludu operaturi bħar-rikorrenti li, minkejja li għanda d-drittijiet rilevanti li ngħatawla wara proċedura għal sejħa għal offerti ma setgħawx ikomplu l-attività li fir-rispett tagħha ngħataw dawn id-drittijiet peress li kien hemm nuqqas ta’ allokazzjoni ta’ frekwenzi minħabba li n-numru tagħhom ma kienx suffiċjenti jew kien limitat b’konsegwenza tat-tkomplija ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet min-naħa ta’ l-proprjetari tan-netwerks li jaqbżu l-limiti ta’ konċentrazzjoni skond il-liġi antitrust?

3.      B’effett mill-25 ta’ Lulju 2003, l-Artikolu 17 tad-[Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/20/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks [netwerks] u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”)] għandu jiġi kkunsidrat li jrendi din id-Direttiva effettiva b’mod dirett fl-ordinament ġuridiku nazzjonali u jobbliga lil Stat Membru li ta drittijiet ta’ xandir (dritt għall-installazzjoni ta’ netwerks jew ta’ provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew id-dritt li jiġu użati frekwenzi) sabiex jikkonformaw mar-regoli Komunitarju; u li dan jimplika l-bżonn li jiġu allokati effettivament il-frekwenzi neċessarji sabiex titkompla l-attività in kwistjoni?

4.      L-Artikolu 9 tad-[Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas)] u l-Artikolu 5 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni li jipprovdi għal proċeduri pubbliki li huma trasparenti u non diskriminatorji (Artikolu 5) imwettqa fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, non diskriminatorji u proporzjonali (Artikolu 9) għandhom jiġu kkunsidrati li jipprekludu sistema, li tirrikjedi awtorizzazzjoni ġenerali skond il-liġi nazzjonali (Artikolu 23(5) tal-Liġi Nru 112/2004); li, billi tippermetti li, abbażi ta’ din is-sistema, netwerks li jaqbżu l-limiti u ma ġewx magħżula permezz ta’ proċedura kompetittiva jkomplu joperaw, fl-aħħar mill-aħħar jiksru d-drittijiet taħt il-liġi Komunitarja skond (l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2002/20) ta’ impriżi oħra li huma mwaqqfa milli joperaw minkejja li kienu rebħu l-proċeduri kompetittivi?

5.      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21..., it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/20 …, u l-Artikolu 4 tad-[Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi], għandhom jiġu kkunsidrati li jeħtieġu li l-Istati Membri jwaqqfu, għall-inqas mill-25 ta’ Lulju 2003 (ara l-Artikolu 17 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) it-tkomplija ta’ sitwazzjoni ta’ użu de facto tal-frekwenzi (użu ta’ frekwenzi mingħajr l-għotja ta’ drittijiet jew awtorizzazzjonijiet maħruġa wara proċedura ta’ selezzjoni), fuq il-bażi ta’ sistema ta’ xandir diġa operattiva, b’tali mod li x-xandir ma jistax iseħħ fejn ma jkunx hemm ippjanar xieraq fir-rigward ta kwistjonijiet li jikkonċernaw frekwenzi radjuteleviżivi u l-ebda żieda loġika fil-pluraliżmu, bi ksur ta’ drittijiet mogħtija minn Stat Membru wara proċedura pubblika?

6.      Id-deroga fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/20…, u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/77…, għandha tiġi kkunsidrata li tista’ tintuża minn Stat Membru biss sabiex jipproteġi l-pluraliżmu ta’ l-informazzjoni u sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u mhux għall-benefiċċju ta’ operaturi ta’ networks li jaqbżu l-limiti antitrust stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kompetizzjoni?

7.      Sabiex jibbenifika mid-deroga prevista mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/20 …, l-Istat Membru għandu jindika l-għanijiet attwalment persegwiti permezz tar-regoli nazzjonali ta’ deroga?

8.      Tista’ din id-deroga tiġi applikata, apparti milli fil-każ tal-konċessjoni tas-servizz pubbliku tax-xandir (RAI fl-Italja), għall-benefiċċju wkoll ta’ operaturi privati li ma rebħux proċeduri kompetittivi u għad-dannu ta’ impriżi li setgħu ngħataw drittijiet wara proċedura ta’ selezzjoni?

9.      Skond il-liġi Komunitarja (leġiżlazzjoni primarja u sekondarja) dwar kompetizzjoni fis-settur tax-xandir, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur nazzjonali kellu jevita li jestendi s-sistema tranżitorja analoġika lejliet il-bidu tas-sistema diġitali terrestri (u t-trasferiment ġenerali għad-diġitali)? Huwa biss jekk jintemm ix-xandir analoġiku u jiġi mibdul b’dak diġitali li jkun possibbli li jerġgħu jiġu allokati l-frekwenzi meħlusa għal diversi tipi ta’ użu. Jekk is-sistema diġitali terrestri hija operata biss flimkien ma’ dik analoġika, hemm riskju li l-problema ta’ nuqqas ta’ frekwenzi disponibbli jmur għall-agħar minħabba l-eżistenza tat-trażmissjoni analoġika u diġitali fl-istess ħin (simulcast)?

10.      Fl-aħħar nett, il-pluraliżmu tas-sorsi ta’ informazzjoni u ta’ kompetizzjoni fis-settur tax-xandir, li huwa ggarantit mill-liġi Ewropea, huma assigurati mil-liġijiet nazzjonali, bħal-Liġi Nru 112/2004 li tipprovdi għal-limitu ġdid ta’ 20 fil-mija tar-riżorsi konnessi ma’ kriterji ġodda wiesgħa ħafna (l-ICS – integrated communications system – l-Artikolu 2(g) u l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 112/2004). Dan il-kriterju jinkludi wkoll attivitajiet li ma jaffettwawx il-pluraliżmu tal-midja, filwaqt li taħt il-liġi antitrust is-“suq rilevanti” huwa stabbilit normalment billi ssir distintinzjoni bejn TV/bi ħlas u TV/mingħajr ħlas li joperaw permezz tal-frekwenzi radjuteleviżivi (ssir referenza, inter alia, għad-[Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Marzu 2000 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni (Kawża Nru COMP/JV. 37‑BSKYB/Kirch Pay TV], ibbażata fuq [ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi] Proċedura ta’ Amalgamazzjoni 21/03/2000 u [id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2 ta’ April 2003 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE (Kawża Nru COMP/M. 2876 –Newscorp/Telepiù), ibbażata fuq ir-[Regolament Nru 4064/89]’.

II – Osservazzjonijiet preliminari dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ il-konformità ta’ atti nazzjonali mad-drittijiet fundamentali

13.      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 10 tal-KEDB u sabiex tikjarifika l-obbligi li l-Istati Membri għandhom fid-dawl tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u l-kunċett anċillari tal-pluraliżmu tal-midja.

14.      Ir-rispett għall-libertà ta’ espressjoni jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Madankollu, dan ma jimplikax awtomatikament li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina jekk Stat Membru kisirx id-dritt tal-libertà ta’ espressjoni. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet hija għandha biss id-dritt li teżamina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt il-liġi Komunitarja hijiex kompatibbli mad-drittijiet fundamentali(11).

15.      Fil-passat saru argumenti biex jiġi estiż ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja meta tistħarreġ il-miżuri ta’ l-Istati membri sabiex tevalwa l-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali. Fil-konklużjoni tiegħu f’Konstantinidis, l-Avukat Ġenerali Jacobs esprima l-opinjoni li kull ċittadin ta’ Stat Membru li jwettaq attività ekonomika fi Stat Membru ieħor jista’, bħala kwistjoni ta’ liġi Komunitarja, jinvoka l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

16.      ‘Fl-opinjoni tiegħi, ċittadin Komunitarju li jmur fi Stat Membru ieħor bħala ħaddiem jew persuna li taħdem għal rasha…..huwa intitolat mhux biss li jwettaq ix-xogħol jew il-professjoni tiegħu u li jibbenefika mill-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja u ta’ impjieg bħal dawk taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti, iżda huwa wkoll intitolat li jassumi li kull fejn imur sabiex jaqla l-għajxien tiegħu fil-Komunità Ewropea jiġi ttrattat skond kodiċi komuni ta’ valuri fundamentali, b’mod partikolari dawk elenkati fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fi kliem ieħor, huwa intitolat li jgħid “civis europeus sum” u li jinvoka dan l-istatus sabiex jopponi kull ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu’(12).

17.      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx dan is-suġġeriment. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ta’ l-opinjoni li kull ksur, mill-Istat Membru ospitanti, ta’ dritt fundamentali ta’ ċitaddin minn Stat Membru ieħor jista jfixkel l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment ħieles. Għalkemm ma nixtieqx nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tbiddel l-opinjoni tagħha li ilha stabbilita f’dan ir-rispett, nemmen li sar iż-żmien biex din il-ġurisprudenza tiġi rfinata.

18.      Mill-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa rekwiżit legali formali għal sħubija fl-Unjoni Ewropea(13). L-Artikolu 6 UE, kif emendat minn dak it-Trattat issa jiddikjara li l-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipji tal-libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali u s-sovranità tal-liġi, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri. L-Artikol 7 UE jistabilixxi mekkaniżmu sabiex jiġu imposti sanzjonjiet fuq Stat Membru fejn hemm riskju ċar ta’ ksur ta’ dawn il-prinċipji, u b’hekk jikkonferma li r-rispett tad-drittijiet fundamentali huwa kundizzjoni indispensabbli għal sħubija fil-UE.

19.      Huwa minnu li, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex intiżi sabiex jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħala kwistjoni ta’ liġi UE, fuq kull miżura ta’ Stat Membru. Iżda ma jistax jiġi nnegat li jagħtu espressjoni għall-konvinzjoni b’saħħitha li r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa essenzjali fl-ordinament ġuridiku ta’ l-UE u li mingħajr dan, azzjoni komuni mill u għall-popli ta’ l-Ewropa jkunu bla valur u mhux prattiċi. F’dan is-sens, l-eżistenza stess ta’ l-Unjoni Ewropea hija bbażatha fuq ir-rispett tad-drittijiet funamentali. Għaldaqstant, protezzjoni tal-’kodiċi komuni’ tad-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali għall-ordinament ġurdika ta’ l-UE.

20.      Fuq dan il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq il-funzjoni tagħha li tiżgura l-osservanza, mill-Istat Membri, tad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi(14). F’dan ir-rispett, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ġurisdizzjoni li tistħarreġ kull miżura nazzjonali fid-dawl tad-drittijiet fundamentali u, min-naħa l-oħra, ġurisdizzjoni li teżamina jekk l-Istati Membri jipprovdux il-livell meħtieġ ta’ protezzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali sabiex ikun jistgħu jissodisfaw b’mod adegwat l-obbligi l-oħra tagħhom bħala membri ta’ l-Unjoni. L-ewwel tip ta’ stħarriġ għadu ma jeżistix u mhuwiex fost il-kompetenzi attwali ta’ l-Unjoni. Madankollu, it-tieni tip ta’ stħarriġ jirriżulta b’mod loġiku minn natura tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Dan iservi sabiex jiġi ggarantit li l-kundizzjonijiet bażiċi huma preżenti għall-funzjonament tajjeb ta’ l-ordinament ġuridiku ta’ l-UE u għall-eżerċizzju effettiv ta’ diversi mid-drittijiet li għandhom iċ-ċittadini Ewropej. Għalkemm il-grad ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fuq livell nazzjonali m’għandux ikun bil-fors l-istess bħall-grad ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, għandu jkun hemm ċerta ekwivalenza sabiex jiġi żgurat li l-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea tista’ topera b’mod effettiv fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali.

21.      Għalkemm prima facie jidher dan mhuwiex possibbli, jien ma niskartax il-possibbiltà li ksur serju u persistenti tad-drittijiet fundamentali jista’ jitwettaq fi Stat Membru u b’hekk ikun impossibbli li dan l-Istat ikun konformi ma’ ħafna mill-obbligi ta’ l-UE li huwa għandu u b’dan il-mod effettivament jillimita l-possibbiltà li individwi jibbenifikaw bis-sħiħ mid-drittijiet mogħtija lilhom mill-liġi ta’ l-UE. Per eżempju huwa diffiċli li jiġi immaġinat li ċittadini ta’ l-Unjoni jeżerċitaw id-dritt ta’ movement liberu tagħhom lejn Stat Membru fejn hemm nuqqasijiet sistematiċi fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Tali nuqqasijiet, effettivament jammontaw għal ksur tar-regoli fuq il-moviment liberu.

22.      Is-suġġeriment tiegħu mhuwiex li kull ksur tad-drittijiet fundamentali previsti mill-Artikolu 6(2) UE jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur tar-regoli fuq il-moviment liberu. Huwa biss ksur serju u persistenti li jqajjem problema ta’ natura sistematika fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru in kwistjoni, u fl-opinjoni tiegħu jikkwalifikaw bħala ksur tar-regoli fuq il-moviment liberu, minħabba t-theddida diretta li dawn ikunu jikkostitwixxu għad-dimensjoni trans-nazzjonali taċ-ċittadinanza Ewropea u għall-integrita ta’ l-ordinament ġuridiku tal-UE. Madankollu, sakemm il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fi Stat Membru mhijiex inadegwata b’mod gravi f’dan is-sens, jiena nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ jekk miżuri nazzjonali humiex konformi mad-drittijiet fundamentali biss meta dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif definit s’issa fil-ġurisprudenza(15).

23.      Fir-rigward tal-kawża preżenti, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa ssegwi l-approċċ konvenzjonali tagħha. Dan ma jffissirx li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti ta’ rinviju fir-rigward tal-libertà ta’ espressjoni hija nieqsa mir-rilevanza. Madankollu, kif se naraw, ir-rilevanza tagħha tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm restrizzjoni tal-moviment liberu.

III – Tibdil fl-istruttura tad-domandi preliminari

24.      Dan iwassalna għad-domandi l-oħra magħmula mill-qorti ta’ rinviju. Sfortunatament, il-mod ta’ kif inhuma strutturati dawn id-domandi huwa problematiku f’diversi aspetti. Qabel kollox, il-qorti ta’ rinviju ssaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mal-liġi Komunitarja. Iżda, fil-proċedura ta’ talba għal-deżiżjoni preliminari mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel dan. Ir-rwol tagħha huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja. Hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tiddetermina jekk il-liġi nazzjonali hijiex kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet(16).

25.      Barra minn hekk huwa neċessarju li tiġi limitata l-portata tad-domandi preliminari magġmulin milll-qorti ta’ rinviju. Id-domandi tal-Consiglio di Stato jirrigwardaw diversi aspetti tal-leġiżlazzjoni Taljana. Madankollu, mhuwiex xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra kwistjonijiet ta’ liġi Komunitarja li mhumiex neċessarji għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali domandi huma inammissibbli(17). B’mod konformi ma’ din il-ġurisprudenza, jien minix se neżamina d-domandi tal-qorti ta’ rinviju li jirrigwardaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għotja ta’ drittijiet għat-televiżjoni diġitali u d-definizzjoni ġdida taħt il-liġi Gasparri tas-suq tax-xandir rilevanti.

26.      Parti oħra tat-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għal raġuni differenti. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huwa importanti li l-qorti ta’ rinviju tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi fattwali tad-domandi li hija ssaqsi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti interpretazzjoni utli tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja(18). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’Telemarsicabruzzo, dan huwa ta’ ‘importanza partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaraterizzat minn sitwazzjonijiet fattwali u legali kumplessi’(19).

27.      Jidher li, fejn il-qorti ta’ rinviju ssaqsi, permezz tat-tieni domanda tagħha, għal interpretazzjoni tar-regoli tat-Trattat fuq il-kompetizzjoni, hija prinċipalment tagħmel dan fid-dawl ta’ l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 82 KE. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Stat Memrbu jikser il-projbizzjonijiet elenkati f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet meta jagħti drittijiet speċjali jew esklużivi lil impriża li tiġi indotta, ‘bis-sempliċi eżerċizzju [ta’ dawn id-drittijiet], li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abużiv jew meta dawn id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tiġi indotta twettaq tali abbuż’(20). Madankollu, id-deċiżjoni ta’ rinviju ma fiha l-ebda indikazzjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, il-kalkolu ta’ l-ishma tas-suq li għandhom id-diversi imprizi li joperaw f’dan is-suq u l-allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. F’dawk iċ-ċirkustanzi, id-domandi tal-qorti ta’ rinviju fir-rigward tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni wkoll għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli(21).

28.      Safejn it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli, din essenzjalment tqajjem il-kwitsjoni dwar jekk: ‘Il-liġi Komunitarja tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li fornituri eżistenti ta’ servizzi ta’ xandir ta’ televiżjoni nazzjonali jkomplu jxandru fuq frekwenzi tar-radju u b’hekk jimblokkaw ir-rilaxx ta’ frekwenzi tar-radju għal operaturi ġodda li ngħataw id-dritt li jipprovdu l-istess servizzi?’ Jien se nindirizza din il-kwistjoni b’referenza għall-Artikolu 49 KE(22) u l-kuntest leġiżlattiv komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi(23).

29.      Jista’ jingħad li, miktuba mill-ġdid b’dan il-mod, id-domanda preliminari xorta waħda tista’ tkun inammissibbli safejn din tirrigwarda l-Artikolu 49 KE, minħabba li l-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali m’għandhomx implikazzjonijiet transfruntaljieri. Madankollu dan l-argument ma jikkonvinċix.

30.      F’Guimont (24) kif ukoll f’Anomar et, (25) il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat domandi preliminari mill-qorti nazzjonali fir-rigward tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu, għalkemm tqajjmu f’każ li ma kienx jinvolvi element transfuntaljiet. Similarment, f’Cipolla et, fejn il-fatti tal-kawża kienu limitati għall-Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ‘risposta tista’ madankollu tkun utli għall-qorti ta’ rinviju, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn id-dritt nazzjonali tagħha jimponi, fi proċedura bħal dik f’dan il-każ, li ċittadini Taljani jibbenefikaw mill-istess drittijiet li jgawdi minnhom ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li mhijiex ir-Repubblika ta’ l-Italja abbażi tad-dritt Komunitarju fl-istess sitwazzjoni’(26). Fl-opinjoni tiegħu, dan l-approċċ huwa ġġustifikat fid-dawl tal-kooperazzjoni bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi evitata l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali flimkien ma dik tal-liġi Komunitarja li jwasslu għat-trattament agħar taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru stess(27). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, anke f’din il-kawża, tagħti interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE.

IV – Evalwazzjoni

31.      L-Istati Membri bl-ebda mod mhuma obbligati li, skond it-Trattat, jipprivatizzaw setturi partikolari tas-suq. Bħala prinċipju, it-Trattat jippermettilhom li ċerti kumpanniji jibqgħu monopolji ta’ l-Istat jew li jkunu proprjeta pubblika(28). Madankollu ma jippermettilhomx li jillimitaw b’mod selettiv l-aċċess ta’ operaturi tas-suq għal ċerti setturi ekonomiċi ladarba dawn is-setturi ġew privatizzati(29).

32.      Konsegwentemnet, il-liġi Komunitarja ġeneralment ma tagħtix id-dritt lil operaturi li joperaw f’settur partikolari. Madankollu, it-Trattat jipprekludi limitazzjonijiet li jwasslu għal sitwazzjoni fejn ikun iktar diffiċli għal operaturi ta’ Stati Membri oħra li jkollhom aċċess għas-suq nazzjonali milli jkun għal operaturi nazzjonali(30). Skond ir-regoli tal-moviment liberu, kull miżura ta’ Stat Membru li tista’, attwalment jew potenzjalment, tipproduċi tali effett, tista tiġi ammessa biss jekk il-miżura hija adegwata u neċessarja sabiex jiġi segwit interess pubbliku leġittimu u jekk id-differenza fit-trattament bejn l-operaturi nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra tkun proporzjonali għad-differenzi oġġettivi bejn dawk l-operaturi(31).

33.      Miżuri nazzjonali li jillimitaw in-numru ta’ operaturi f’settur ta’ suq partikolari jwasslu għar-restrizzjoni tal-moviment liberu, peress li tali miżuri jinvolvu r-riskju li jsaħħu l-istrutturi tas-suq nazzjonali u jipproteġu l-pożizzjoni ta’ operaturi li huma b’saħħithom f’dak is-settur. Tali operaturi, barra minn hekk ikunu x’aktarx operaturi nazzjonali. Restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ operaturi f’settur tas-suq nazzjonali għandhom għaldaqstant ikunu ġġustifikati.

34.      Kif jirriżulta mis-sentenza Placanica, huwa possibbli li jkun hemm sistema ta’ liċenzji li tillimita n-numru totali ta’ operaturi f’territorju nazzjonali li hija ġġustifikata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku(32). Għaldaqstant, limitu nazzjonali fuq in-numru totali ta’ operaturi f’settur partikolari tas-suq tas-servizzi jista, bħala prinċipju, jkun permess skond l-Artikolu 49 KE. Madankollu, dan ma jeħtieġx biss raġuni leġittima sabiex jiġi limitat in-numru ta’ operaturi, iżda wkoll proċess ta’ selezzjoni li jeskludi diskriminazzjoni arbitrarja billi jipprovdi garanziji suffiċjenti li d-dritt li wieħed jopera jingħata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Għaldaqstant, meta Stat Membru jagħti tali dritt, għandu jagħmel dan skond proċeduri trasparenti u non diskriminatorji. L-għan ta’ din il-ħtieġa huwa li jiġu żgurat li l-operaturi fil-Komunità ikollhom opportunitajiet ugwali li jiksbu aċċess għal kwalunkwe parti tas-suq intern.

35.      L-istess raġunament huwa l-bażi tar-regoli Komunitarji li jirregolaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet. Dawn il-proċeduri huma rregolati minn prinċipji ta’ non diskriminazzjoni u trasparenza. F’ċerti oqsma, leġiżlazzjoni sekondarja ssaħħah dawn il-prinċipji u tistabilixxi regoli fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi(33). Madankollu, anke fir-rigward ta’ kuntratti li jaqgħu barra mill-ambitu ta’ dawk ir-regoli armonizzati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ non diskriminazzjoni u trasparenza permezz tal-liġi Komunitarja(34).

36.      Dan huwa minnu wkoll f’sitwazzjoni fejn Stat Membru jagħti lil numru limitat ta’ operaturi privati, id-dritt li jipprovdu servizzi ta’ xandir ta’ televiżjoni nazzjonali permezz ta’ frekwenzi tar-radju. Stati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jillimitaw l-aċċess għal dan is-suq partikolari, u għaldaqstant ifixklu d-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Din ir-restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta’ l-odrni pubbliku jekk din tkun adegwata jew neċessarja sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ interferenzi radju dannużi, safejn din ir-restrizzjoni ma tirriżultax f’diskriminazzjoni arbitrarja. Konsegwentement, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti sabiex jingħataw id-drittijiet ta’ provvista ta’ servizzi ta’ xandir nazzjonali għandhom, skond l-Artikolu 49 KE, ikunu konformi mal-prinċipu ta’ non diskriminazzjoni u ta’ trasparenza.

37.      Dawn il-prinċipji għandhom ukoll pożizzjoni importanti fil-kuntest leġiżlattiv komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi(35). Dan il-kuntest komuni, li l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jimplementaw sal-25 ta’ Lulju 2003, jistabilixxi regoli għall-ġestjoni tal-frekwenzi tar-radju u l-proċedura sabiex jiġi limitat id-dritt ta’ użu ta’ dawk il-frekwenzi. L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas jipprovdi li ‘l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-allokazzjoni u l-assenjament ta’ …il-frekwenzi tar-radju mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.’ Bl-istess, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva ta’ awtorizzazzjoni jipprovdi li ‘[f]ejn l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jkun meħtieġ li jiġi limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ għażla li għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proprozjonati.’ Għaldaqstant, il-kuntest leġiżlattiv komuni ġie żvilluppat fuq il-prinċipji li jirriżultaw mit-Trattat.

38.      Ir-rispett ta’ dawn il-prinċipji naturalment jimplika li l-Istati Membri għandhom jimplementaw kompletament id-deċiżjoni li jagħtu liċenzji ta’ operazzjoni lill-operaturi magħżula wara proċeduri trasparenti u non diskriminattivi. Ikun kuntrarju għall-għan stess ta’ dawn il-proċeduri jekk Stat Membru jonqos milli jirrispetta r-riżultat tagħhom u minnflok iħalli li l-operaturi privati eżistenti jibqgħu jokkupaw is-suq b’mod indefinittiv, u b’hekk ifixxklu l-applikazzjoni tar-regoli fuq il-moviment liberu. Kif ġustament osservat il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar konċessjonijiet, ‘il-prinċipju ta’ trattament ugwali jeħtieġ mhux biss li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-attività ekonomika jkunu non diskriminatorji, iżda wkoll li l-awtoritajiet pubbliċi jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-eżerċizzju ta’ din l-attività’(36). Għaldaqstant, fir-rigward ta’ l-għotja ta’ liċenzji għax-xandir ta’ televiżjoni nazzjonali lil operaturi privati, il-liġi Komunitarja tirrikjedi li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ selezzjoni li jkunu trasparenti u non diskriminatorji, u li barra minn hekk, ir-riżultat ta’ dawn il-proċeduri jiġu effettivament implementati.

39.      Huwa ħafna iktar importanti li dawn il-ħtiġijiet jiġu sodisfatti f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-proċedura pubblika ta’ sejħa għal offerti għad-drittijiet ta’ xandir twettqet sabiex tassigura l-pluraliżmu tal-midja. Fejn ir-rwol tal-midja, li ta’ spiss hija editur ta’ l-isfera pubblika(37), hija essenzjali għall-promozzjoni u l-protezzjoni ta’ soċjetà miftuħa u inklużiva fejn ideat differenti ta’ interess komuni huma ppreżentati u diskussi. F’dawn ir-rigward, il-Qorti Ewropead tad-Drittijiet tal-Bniedem enfassizzat li r-rwol fundamentali tal-libertà ta’ espressjoni f’soċjetà demokratika, b’mod partikolari fejn isservi sabiex jitwasslu informazzjoni u ideat lill-pubbliku, ‘ma tistax tintlaħaq b’suċċess sakemm ma tkunx ibbażata fuq il-prinċipju ta’ pluraliżmu, li tiegħu l-Istat huwa l-aħjar garanti’(38). Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fis-settur tas-servizzi ta’ xandir nazzjonali huma ggwidati mill-prinċipju ta’ pluraliżmu u, barra minn hekk, tassumi sinjifikat speċjali fejn issaħħah il-protezzjoni ta’ dan il-prinċipju.(39)

40.      Minn dan isegwi li l-qrati nazzjonali, li għandhom l-obbligu li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-liġi Komunitarja, għandhom jeżaminaw mill-qrib ir-raġunijiet mogħtija minn Stat Membru meta jfittex li jdewwem l-allokazzjoni ta’ frekwenzi lil operaturi li ngħata d-drittijiet ta’ xandir nazzjonali permezz ta’ sejħa għal offerti pubbliċi, u, jekk ikun neċessarju, jordnaw rimedji xierqa sabiex dawn id-drittijiet ma jibqgħux biss illużjoni.

41.      Ir-regoli u l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jingħata rimedju legali quddiem il-qrati nazzjonali huma, bħala prinċipju, kwistjoni rregolata mid-dritt nazzjonali(40). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li fejn regoli nazzjonali ma jagħtux rimedju effettiv, il-liġi Komunitarja teħtieġ li l-qorti nazzjonali tagħti xorta waħda tali rimedju, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ‘l-effettività sħiħa tar-regoli tal-Komunità tkun imfixkla u l-protezzjoni tad-drittijiet li huma jagħtu tkun imdgħajfa’(41).

42.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni indikat li kellhom jiġu kkunsidrati l-aspettativi leġittimi u d-dritt għall-proprjeta ta’ l-operaturi eżistenti. Huwa impossibbli li din il-kwistjoni tiġi eżaminata sew fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li ngħatat lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti. Jien naqbel ma’ l-argument li jgħid li, fl-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, il-prinċipju ta’ aspettativi leġittimi u d-dritt għall-proprjeta għandhom jiġu rrispettati bħala prinċipji ġenerali tal-liġi. Madankollu, għalkemm konformità ma dawn il-prinċipji tista’ teħtieġ li l-Istat jagħti kumpens lill-operaturi eżistenti, madankollu din mhux neċessarjament tiġġustifika l-kontinwazzjoni ta’ sitwazzjoni fejn id-drittijiet ta’ l-operaturi l-ġodda jiġu annullati minħabba d-drittijiet stabbiliti ta’ l-operaturi eżistenti(42).

V –    Konklużjoni

43.      Fid-dawl tar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, jiena ta’ l-opinjoni li d-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato għandhom jingħataw ir-risposti li ġejjin:

44.      L-Artikolu 49 KE, jeħtieġ li l-għotja ta’ numru llimitat ta’ liċenzji għax-xandir tat-televiżjoni nazzjonali lil operaturi privati sseħħ wara li jsiru proċeduri ta’ selezzjoni trasparenti u non diskriminatorji u li, barra minn hekk, ir-riżultat ta’ dawn il-proċeduri jiġi effettivament implementat.

45.      Il-qrati nazzjonali għandhom jeżaminaw mill-qrib ir-raġunijiet mogħtija minn Stat Membru sabiex jiġġustifika d-dewmien fl-allokazzjoni ta’ frekwenzi lil operaturi li ngħataw d-drittijiet ta’ xandir nazzjonali permezz ta’ sejħa għal offerti pubbliċi, u, jekk huwa neċessarju, jordnaw rimedji neċessarji sabiex dawn id-drittijiet ma jibqgħux biss illużjoni.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – GURI Nru 185 tad-9 ta’ Awwissu 1990, Suppliment ordinarju Nru 53.


3 – GURI Nru 177 tal-31 ta’ Lulju 1997, Suppliment ordinarju Nru 154


4 – GURI Nru 104 tal-5 ta’ Mejju 2004, Suppliment ordinarju Nru 82.


5 – Sentenza tal-5‑7 ta’ Diċembru 1994, Nru 420/1994.


6 – GURI Nru 70 ta’ l-24 ta’ Marzu 2001.


7 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Nru 466/2002.


8 – GURI Nru 300 tad-29 ta’ Diċembu 2003.


9 – GURI Nru 47 tas-26 ta’ Frar 2004.


10 –      Dan jidher li huwa żball: id-digriet in kwistjoni fil-fatt tbiddel mill-Liġi Nru 43/2004 ta’ l-24 ta’ Frar 2004.


11 – Ara, per eżempju, id-Digriet tal-Ġorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2005 Vajnai (C-328/04, Ġabra p. I-8577); is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C-299/95, Ġabra p. I-2629); ta' l-4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C-159/90, Ġabra p. I-4685), u tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, Ġabra p. 3719).


12 – Kawża C-168/91 (Ġabra p. I-1191, punt 46).


13 – Artikolu 49 UE.


14 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925); tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279), u tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra p. I-5285). Il-kwalifika tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-drittijiet fundamentali bħala “parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-osservanza tagħhom hija assigurata mill-Qorti tal-Ġustizzja” fis-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125, punt 4); ta’ l-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni, (4/73, Ġabra p. 491, punt 13), u tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra p. 3727, punt 15). Għall-preċiżjoni, għandu jiġi nnotat li dawn it-tliet sentenzi ta’ l-aħħar jirrigwardaw l-obbligu ta’ l-istituzzjonijiet Komunitajri li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.


15 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf, (5/88, Ġabra. p. 2609); ERT, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’qiegħ il-paġna 14; tal-25 ta' Marzu 2004, Karner (C-71/02, Ġabra p. I-3025), u Pupino, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’qiegħ il-paġna 14.


16 – Ara per eżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, Ġabra p. I‑8389, punt 43), u tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C-237/04, Ġabra p. I-284, punt 24).


17 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1983, Robards (149/82, Ġabra p. 171, punt 19); tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 25), u tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 26).


18 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi (C-295/04, Ġabra p. I-6619, punt 27), u ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie (C-138/05, Ġabra p. I-8339, punt 30).


19 – Sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et (C-320/90 sa C-322/90, Ġabra p. I-393, punt 7). Ara wkoll, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39); tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera (C-466/04, Ġabra p. I-5341, punt 48), u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla (C-94/04, Ġabra p. I-11421, punt 25).


20 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451 punt 127); tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C-475/99, Ġabra p. I-8089, punt 39), u tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C-451/03, Ġabra p. I-294, punt 23).


21 – Ara wkoll, per eżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor (C-134/03, Ġabra p. I-1167, punti 25 sa 29).


22 – Jista’ jingħad wkoll li l-Artikolu 43 huwa rilevanti wkoll. Madankollu jien ma nħossx il-ħtieġa li neżamina l-kawża preżenti taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll l-Artikolu 49 KE, peress li, fl-opinjoni tiegħi, it-tnejn iwasslu għall-istess riżultat.


23 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 2002/21/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (‘Direttiva Qafas’) (ĠU 2002 L 108, p. 33). Ara wkoll id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/20/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks [netwerks] u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”) (ĠU 2002 L 108, p. 21); u d-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill, 2002/19/KE, tas-7 ta' Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' l-“Aċċess”) (ĠU L 108 p.7).


24 – Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000 (C-448/98, Ġabra p. I-10663, punti 22 u 23).


25 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003 (C-6/01, Ġabra p. I-8621, punti 39 sa 41).


26 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’qiegħ il-paġna 19, punt 30. Ara, ukoll, is-sentenza Servizi Ausiliari Dottori, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota f'qiegħ il-paġna Nru 20, punt 29. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha essenzjalment l-istess approċċ fis-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2000, TK-Heimdienst (C-254/98, Ġabra p. I-151).


27 – Ara wkoll il-punti 121 sa 154 tal-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża C-212/06, il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Vallonja, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża C-72/03, Carbonati Apuani (Ġabra p-8027, punti 61 sa 63).


28 – Ara l-Artikoli 31 u 86(1), KE, u, per eżempju, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Franzén (C-189/95, Ġabra p. I-5909); tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et (C-124/97, Ġabra p. I-6067), u tal-5 ta’ Ġunju 2007, Rosengren et. (C-170/04, Ġabra p. I-0000).


29 – Ara l-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda C‑463/04 u C‑464/04 Federconsumatori et, li hija pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja .


30 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar et Belgacom Mobile (C-544/03 u C-545/03, Ġabra p. I-7723, punti 31 sa 33).


31 – Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra p. I-14887), u tat-28 ta’ Settembru 2006, Ahokainen et Leppik (C-434/04, Ġabra 2006 p. I-9171).


32 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, (C-338/04, Ġabra p. I-0000, punt 53). Ara wkoll is-sentenza mogħtija mill-Qorti ta’ l-AELE tat-30 ta’ Mejju 2007 fil-kawża E-3/06 Ladbrokes, punti 40 sa 48.


33 – Direttiva 2005/75/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 li tirrettifika d-Direttiva 2004/18/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU 2004 L 134, p. 114), l-aħħar emendate mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE ta’ l-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006 L 363, p. 107); id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU 2004 L 134, p. 1), l-aħħar emendate mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE ta’ l-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006 L 363 p. 107).


34 – Sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745, punt 62); tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8585, punti 48 u 49), u tas-6 ta’ April 2006, ANAV (C-410/04, Ġabra p. I-3303, punt 21). Ara ukoll, il-komunikazzjoni ta’ interpretazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ġunju 2006, dwar id-dritt Komunitarju applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti suġġetti jew parzjalment suġġetti għad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi (ĠU C 179, p. 2).


35 – Ara n-nota ta’qiegħ il-paġna 22.


36 – Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar konċessjonijiet taħt il-liġi Komunitarja (ĠU 2000 C 121, p. 2).


37 – Cf. Pettit, P., Republicanism, A Theory of Freedom and Government, Oxford University Press, Oxford, 1997, p. 168.


38 – KEDB, sentenza ta’ l-24 ta’ Novembru 1993, Informationsverein Lentia et c. Awstrija, Serje A, Nru 276, § 38.


39 – F’dan ir-rigward, il-kawża preżenti hija differenti ħafna mill-kawża li fiha ngħatat is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, (C-353/89, Ġabra p. I-4069) li fiha l-protezzjoni tal-prinċipju tal-pluraliżmu tressaq bil-għan ta’ deroga mir-regoli fuq il-moviment liberu, peress li, kif kien ġie allegat, fil-każ oppost, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli kienet naqset u mhux saħħet l-isforzi sabiex jiġi ggarantit il-pluraliżmu tal-midja. Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C-368/95, Ġabra 1997 p. I-3689).


40 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel u van Veen (C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I-4705, punt 17).


41 – Sentena tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 33). Ara wkoll is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 21), u tat-2 ta’ Awwissu 1993, Marshall (C-271/91, Ġabra p. I-4367, punti 22 u 30 sa 31).


42 – Ara, f’dan l-istess sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-503/04, Ġabra p. I-0000).