Language of document : ECLI:EU:C:2017:109

Kawża C-443/16

Francisco Rodrigo Sanz

vs

Universidad Politécnica de Madrid

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Contencioso-Administrativo no 8 de Madrid)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Klawżola 4 — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku — Ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni universitarja — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Integrazzjoni tal-għalliema tal-iskejjel universitarji fil-korp tal-professuri universitarji — Kundizzjoni — Kisba ta’ dottorat — Bidla tal-impjiegi full-time f’impjiegi part-time — Applikazzjoni biss għall-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-9 ta’ Frar 2017

Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni universitarja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-integrazzjoni tal-għalliema tal-iskejjel universitarji fil-korp tal-professuri universitarji – Kundizzjoni – Kisba ta’ dottorat – Bidla tal-impjiegi full-time f’impjiegi part-time fl-assenza ta’ dottorat – Applikazzjoni biss għall-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4(1))

Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni tal-universitajiet, lill-amministrazzjonijiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat inaqqsu bin-nofs iż-żmien ta’ xogħol tal-għalliema tal-iskejjel universitarji impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti, minħabba l-fatt li ma għandhomx dottorat, meta l-għalliema tal-iskejjel universitarji li huma uffiċjali, iżda li lanqas ma għandhom dottorat, ma humiex suġġetti għall-istess miżura.

Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tali regola hija bbażata fuq il-premessa ġenerali skont liema t-tul determinat tar-relazzjoni ta’ impjieg tal-għalliema tal-iskejjel universitarji jiġġustifika fih innifsu trattament differenti ta’ din il-kategorija ta’ għalliema meta mqabbel ma’ dawk li jibbenefikaw minn status ta’ uffiċjal, meta dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għalliema jeżerċitaw impjiegi simili. Tali premessa hija f’kontradizzjoni mal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 tal-ftehim qafas.

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument skont liema trattament differenti tal-membri tal-persunal mhux permanenti huwa ġġustifikat kemm minn miżuri ta’ ġestjoni tal-korp tal-għalliema universitarji kif ukoll mir-restrizzjonijiet tal-baġit imposti mill-Istat Membru kkonċernat, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja, inkluż dawk ibbażati fuq in-neċessità li tiġi ggarantita ġestjoni rigoruża tal-persunal, ma tistax tiġġustifika diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, EU:C:2003:583, punt 85, kif ukoll tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 46).

Fil-fatt, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jkunu l-bażi ta’ għażla tal-politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li huwa jkun jixtieq jadotta, huma ma jikkostitwixxux madankollu minnhom infushom għan intiż minn din il-politika u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal differenza fit-trattament għad-dannu tal-ħaddiema għal żmien determinat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Thiele Meneses, C-220/12, EU:C:2013:683, punt 43; tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C-22/13, C-61/13 sa C-63/13 u C-418/13, EU:C:2014:2401, punt 110, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Popescu, C-614/15, EU:C:2016:726, punt 63). Fl-aħħar nett, għandu jingħad li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas hija mingħajr kundizzjoni u suffiċjentement speċifika sabiex tkun tista’ tiġi invokata kontra l-Istat minn individwi quddiem qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punti 78 sa 83, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 56, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 59).

(ara l-punti 51-53, 55, 56 u d-dispożittiv)