Language of document : ECLI:EU:C:2009:719

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Novembru 2009 (*)

“Leġiżlazzjoni fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul – Dritt għal tnaqqis mill-bażi taxxabbli tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali – Dritt għal tnaqqis tat-taxxa skont il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa – Rifjut jekk il-kontribuzzjonijiet jitħallsu fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat li jintaxxa – Kompatibbiltà mal-Artikoli 43 KE u 49 KE – Sentenza tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali – Antikostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali – Differiment tat-telfa tal-effett vinkolanti tal-imsemmija dispożizzjonijiet – Supremazija tad-dritt Komunitarju – Rilevanza għall-qorti tar-rinviju”

Fil-Kawża C‑314/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Lulju 2008, fil-proċedura

Krzysztof Filipiak

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, aġent President tat-Tielet Awla, A. Rosas (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Filipiak, ċittadin Pollakk suġġett għat-taxxa b’mod illimitat fil-Polonja, u d-Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu (direttur tal-awtorità fiskali ta’ Poznan, iktar ’il quddiem id-“Dyrektor”) dwar rifjut tal-amministrazzjoni fiskali Pollakka li tagħtih il-benefiċċju ta’ vantaġġi fiskali fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa fis-sena fiskali, meta l-kontribuzzjonijiet huma mħallsa fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat li jintaxxa, filwaqt li tali vantaġġi fiskali jingħataw lill-persuna taxxabbli li l-kontribuzzjonijiet tagħha jitħallsu fl-Istat Membru li jintaxxa.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        L-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni Pollakka jipprovdi:

“Ir-Repubblika tal-Polonja hija Stat ta’ dritt demokratiku, li japplika l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali”.

4        Skont l-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni Pollakka:

“1. Il-Kostituzzjoni hija l-liġi suprema tar-Repubblika tal-Polonja.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni huma direttament applikabbli, ħlief għal dispożizzjonijiet kostituzzjonali kuntrarji”.

5        L-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni Pollakka jipprovdi:

“Kulħadd huwa ugwali quddiem il-liġi. Kulħadd għandu dritt għal trattament ugwali mill-awtoritajiet pubbliċi.

2. Ħadd ma jista’ jiġi ddiskriminat fil-ħajja politika, soċjali jew ekonomika għal kwalunkwe raġuni”.

6        L-Artikolu 91 tal-Kostituzzjoni Pollakka jistabbilixxi:

“1. Wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja, trattat irratifikat jagħmel parti integranti mis-sistema legali nazzjonali; huwa direttament applikabbli, ħlief jekk l-applikazzjoni tiegħu tiddependi mill-promulgazzjoni ta’ liġi.

2. It-trattat irratifikat permezz ta’ liġi li tawtorizza għandu awtorità ogħla minn dik tal-liġi meta din tkun inkompatibbli mat-trattat.

3. Jekk it-trattat li jistabbilixxi organizzazzjoni internazzjonali rratifikat mir-Repubblika tal-Polonja jipprovdi dan, il-liġijiet ippromulgati minn din l-organizzazzjoni huma direttament applikabbli u għandhom awtorità ogħla f’każ ta’ kunflitt mal-liġijiet nazzjonali”.

7        Skont l-Artikolu 188 tal-Kostituzzjoni Pollakka:

“It-Trybunał Konstytucyjny [Qorti Kostituzzjonali Pollakka] tiddeċiedi dwar:

1) il-konformità tal-liġijiet u tat-trattati mal-Kostituzzjoni,

2) il-konformità tal-liġijiet mat-trattati rratifikati li r-ratifikazzjoni tagħhom teħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ liġi;

3) il-konformità mal-Kostituzzjoni, mat-trattati rratifikati u mal-liġijiet, ta’ regolamenti tal-awtoritajiet ċentrali tal-Istat,

4) il-konformità mal-Kostituzzjoni tal-għanijiet jew tal-attivitajiet tal-partiti politiċi,

5) ir-rikors kostituzzjonali msemmi fl-Artikolu 79(1)”.

8        L-Artikolu 190(1) sa (4) tal-Kostituzzjoni Pollakka huwa fformulat kif ġej:

“1. Is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny huma mandatorji erga omnes u definittivi.

[…]

3. Is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny hija effettiva mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha, madankollu t-Trybunał tista’ tistabbilixxi data oħra tat-telfa tal-effett vinkolanti tal-att leġiżlattiv. Dan it-terminu ma jistax jaqbeż it-tmintax-il xahar fir-rigward ta’ liġi u t-tnax-il xahar fir-rigward ta’ att leġiżlattiv ieħor. […]

4. Is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny li tiddikjara n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni, mat-trattat jew mal-liġi tal-att leġiżlattiv li permezz tiegħu ngħatat deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, deċiżjoni amministrattiva definittiva jew deċiżjoni dwar kawża oħra, tagħti lok għat-tkomplija tal-proċedura, għall-annullament tad-deċiżjoni jew għal soluzzjoni oħra, skont il-prinċipji u l-mod previsti mid-dispożizzjonijiet xierqa għall-proċedura mibdija.”

9        L-Artikolu 3(1) tal-liġi tas-26 ta’ Lulju 1991, dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi (ustawa z dnia 26 lipca 1991 r. o podatku dochodowym od osób fizycznych, Dz. U de 2000, Nru 14, intestatura 176, iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul”), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ obbligu fiskali illimitat, jipprovdi:

“Il-persuni fiżiċi li huma residenti fit-territorju Pollakk huma suġġetti għal obbligu fiskali fuq id-dħul kollu tagħhom, indipendentement mill-post fejn jinsab is-sors ta’ dawn tal-aħħar […]”

10      L-Artikolu 26(1)(2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 24(3), 29 sa 30c kif ukoll 30e, il-bażi taxxabbli hija magħmula mid-dħul stabbilit skont l-Artikoli 9, 24(1), (2), (4), (4a) sa (4e), (6) jew għall-Artikolu 24b(1) u (2), jew għall-Artikolu 25, wara li jitnaqqas l-ammont:

[…]

2) tal-kontribuzzjonijiet imsemmija mil-Liġi tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar l-iskema tas-sigurtà soċjali [Dz. U Nru 137, intestatura 887, kif emendata; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-iskema tas-sigurtà soċjali”]:

a) imħallsa matul is-sena fiskali direttament lil assigurazzjoni soċjali personali għax-xjuħija, ta’ pensjoni, għall-mard jew inċident sabiex tkun koperta l-persuna taxxabbli u l-kollaboraturi tiegħu,

b) imħallsa matul is-sena fiskali […] fuq ir-riżorsi tal-persuna taxxabbli […]”.

11      L-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jistabbilixxi:

“1. It-taxxa fuq id-dħul, ikkalkolata skont l-Artikoli 27 jew 30c, hija mnaqqsa, l-ewwel nett, mill-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-mard imsemmija mil-Liġi tas-27 ta’ Awwissu 2004, dwar il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa [ustawa z dnia 27 sierpnia 2004 r. o świadczeniach opieki zdrowotnej finansowanych ze środków publicznych, Dz. U Nru 210, intestatura 2135; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa”]:

1) imħallsa direttament mill-persuna taxxabbli matul is-sena fiskali skont id-dispożizzjonijiet dwar il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa,

2) imħallsa matul is-sena fiskali mill-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa skont dawn l-istess dispożizzjonijiet,

[…]

2. L-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-mard imnaqqsa mit-taxxa ma taqbiżx is-7.75 % tal-bażi ta’ stima tal-imsemmija kontribuzzjonijiet.

[…]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali, K. Filipiak, ċittadin Pollakk, kien jeżerċita attività ekonomika fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala soċju f’soċjetà rregolata mid-dritt Olandiż li l-istruttura organizzattiva tagħha tikkorrispondi għal dik ta’ soċjetà f’isem kollettiv taħt il-liġi Pollakka.

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li skont l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul K. Filipiak huwa suġġett għal obbligu fiskali illimitat fil-Polonja, li jagħti x’wieħed jaħseb li l-post ta’ residenza tiegħu huwa fil-Polonja.

14      Fil-Pajjiżi l-Baxxi, K. Filipiak ħallas il-kontribuzzjonijiet dovuti taħt is-sigurtà soċjali u l-assigurazzjoni għall-mard skont il-liġi Olandiża.

15      B’ittra tat-28 ta’ Ġunju 2006, K. Filipiak talab lid-direttur tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Nowy Tomyśl opinjoni bil-miktub fir-rigward tal-portata u tal-mod ta’ applikazzjoni tal-liġi fiskali.

16      Fit-talba tiegħu għal opinjoni, K. Filipiak josserva li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jipprekluduh milli jnaqqas mill-bażi ta’ stima l-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala sigurtà soċjali u li jnaqqas mit-taxxa l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-mard li wkoll titħallas fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa jsostni li tali dispożizzjonijiet huma diskriminatorji u li jaqbel, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li jitwarrbu l-imsemmija dispożizzjonijet sabiex jiġi applikat direttament id-dritt Komunitarju.

17      Fir-risposta tiegħu għat-talba għal opinjoni, id-direttur tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Nowy Tomyśl, b’deċiżjonijiet tat-2 ta’ Awwissu 2007, ikkunsidra li l-pożizzjoni ta’ K. Filipiak ma hijiex fondata.

18      Huwa indika li, skont l-Artikolu 26(1)(2) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, huma biss il-kontribuzzjonijiet imsemmija mil-Liġi dwar l-iskema tas-sigurtà soċjali li jistgħu jiġu mnaqqsa mill-bażi taxxabbli u li, skont l-Artikolu 27b(1) ta’ din l-ewwel liġi, huma biss il-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjonijiet għall-mard imsemmija mil-Liġi dwar il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa li setgħu jitnaqqsu mit-taxxa. Minħabba li l-kontribuzzjonijiet imħallsa skont il-liġi Olandiża ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet, dawn ma jistgħux jitnaqqsu, rispettivament, mill-bażi ta’ stima tat-taxxa u mit-taxxa fuq id-dħul fil-Polonja.

19      Wara li eżamina l-oġġezzjonijiet imressqa quddiemu minn K. Filipiak, id-Dyrektor ikkonferma d-deċiżjonijiet tat-2 ta’ Awwissu 2007 tad-direttur tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Nowy Tomyśl.

20      K. Filipiak ippreżenta quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu (tribunal amministrattiv ta’ Poznan) rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet, li jqis kuntrarji, b’mod partikolari, għall-Artikoli 26(1)(2) u 27b(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, għall-Artikolu 39(2) KE, għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tagħha permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) u għal diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Pollakka.

21      Il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu jikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ ksur tal-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 39 KE ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Huwa jenfasizza f’dan ir-rigward li, peress li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jipparteċipa bħala imprenditur f’soċjetà f’isem kollettiv li tinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa jaħdem għal rasu u ma jaħdimx taħt l-ordnijiet u lanqas taħt il-kontroll ta’ persuna oħra. Għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 39 KE.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis indispensabbli li jiġi evalwat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex konformi ma’ dispożizzjoni li ma ġietx invokata minn K. Filipiak, jiġifieri l-Artikolu 43 KE, peress li dawn jeskludu li persuna taxxabbli, suġġetta fil-Polonja għall-obbligu fiskali illimitat fuq id-dħul kollha tiegħu u li teżerċita attività ekonomika fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tista’ tnaqqas mill-bażi taxxabbli tagħha l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali mħallsa fil-Pajjiżi l-Baxxi u tnaqqas mit-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-assigurazzjoni għall-mard li titħallas ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma tnaqqsux minn dan l-aħħar Stat Membru.

23      Din il-qorti tar-rinviju tindika li t-Trybunał Konstytucyjny diġà ddeċiediet dwar il-kwistjoni tal-konformità tal-Artikoli 26(1)(2) u 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mal-Kostituzzjoni Pollakka.

24      Fil-fatt, bis-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2007 (K 18/06, Dz. U tal-2007, Nru 211, intestatura 1549), it-Trybunał Konstytucyjny iddikkjarat li, sa fejn id-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni jirrifjutaw lill-persuni taxxabbli msemmija fl-Artikolu 27(9) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul il-possibbiltà li jnaqqsu mid-dħul u mit-taxxi tagħhom dovuti minħabba l-attività li ssir barra mill-fruntiera Pollakka, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni għall-mard fil-każ fejn l-imsemmija kontribuzzjonijiet ma tnaqqsux mill-Istat Membru fit-territorju fejn din l-attività ssir, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi stabbilita fl-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni Pollakka, flimkien mal-prinċipju ta’ ġustizzja soċjali msemmi fl-Artikolu 2 tal-imsemmija Kostituzzjoni.

25      Fl-istess sentenza, skont l-Artikolu 190(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka, it-Trybunał Konstytucyjny iddeċiediet li tikkomunika d-data meta d-dispożizzjonijiet li hija tiddikkjara antikostituzzjonali jitilfu l-effett vinkolanti f’data differenti minn dik tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija sentenza, jiġifieri fit-30 ta’ Novembru 2008.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.      Il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 43(1) u (2) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-Artikolu 26(1)(2) tal-Liġi [dwar it-taxxa fuq id-dħul], li jipprovdi li d-dritt għal tnaqqis mill-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq id-dħul japplika biss għal kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ sigurtà soċjali mħallsa abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, kif ukoll l-Artikolu 27b(1) ta’ l-istess liġi li jipprovdi li d-dritt għal tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul japplika biss għal kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, f’sitwazzjoni li fiha ċittadin Pollakk li huwa suġġett fil-Polonja għall-obbligu fiskali illimitat fuq id-dħul taxxabbli, ħallas kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ sigurtà soċjali u ta’ assigurazzjoni għall-mard fi Stat Membru ieħor minħabba attività ekonomika li huwa kellu, u li dawn il-kontribuzzjonijiet la ġew imnaqqsa mid-dħul u lanqas mit-taxxa fl-Istat Membru l-ieħor?

2.      Il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju u l-prinċipju li jirriżulta mill-Artikoli 10 KE u 43(1) u (2) KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inklużi fl-Artikoli 91(2) u (3) u 190(1) u (3) tal-Kostituzzjoni Pollakka […] inkwantu d-dħul fis-seħħ ta’ sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny hija ddifferita minħabba l-imsemmija dispożizzjonijiet?”

 Fuq l-ammissibbiltà

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

27      Il-Gvern Pollakk jesprimi dubji fir-rigward tal-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-qorti nazzjonali.

28      Dan il-gvern b’hekk isostni li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju invokata u d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ma għandhomx rabta suffiċjenti mas-suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-kundizzjoni skont liema d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun indispensabbli sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha ma hijiex sodisfatta. Fil-fatt, l-eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi esposti mill-qorti tar-rinviju jwasslu għall-konklużjoni li l-kawża tista’, u anzi għandha, tiġi analizzata esklużivament skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali.

29      Il-Gvern Pollakk josserva f’dan ir-rigward li, bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk, meta tiddeċiedi l-kawża prinċipali, hija għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul sa fejn huma jiksru d-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas fil-Polonja l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa f’pajjiż ieħor.

30      Fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Novembru 2007, it-Trybunał Konstytucyjny diġà tat risposta għal din id-domanda peress li diġà ddeċiediet fuq il-fatt li, fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli għandha tkun tista’ tnaqqas l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjonijiet soċjali u għall-mard.

31      Skont il-Gvern Pollakk, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2007 tat-Trybunał Konstytucyjny li tiddikjara n-nuqqas ta’ konformtià tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni mal-Kostituzzjoni Pollakka għandha l-effett li tagħmilhom inapplikabbli mill-qrati, jiġifieri li twarrabhom kompletament mis-sistema legali.

32      Il-fatt li, fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Novembru 2007, it-Trybunał Konstytucyjny iddifferixxiet id-data meta d-dispożizzjonijiet antikostituzzjonali jitilfu l-effett vinkolanti tagħhom ma jimplikax li d-dispożizzjonijiet ikkwalifikati bħala antikostituzzjonali għandhom jiġu applikati sad-data speċifikata mit-Trybunał Konstytucyjny. Ma jistax ikun hemm il-pretensjoni li sa dik id-data, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma konformi mal-Kostituzzjoni u li, minn din id-data, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala antikostituzzjonali.

33      Il-Gvern Pollakk iqis, konsegwentement, li l-qorti tar-rinviju għandha tapplika l-Artikoli 26(1)(2) u 27b(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul filwaqt li tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-Kostituzzjoni Pollakka. Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha, filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni li saret mit-Trybunał Konstytucyjny u fuq il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ ġustizzja soċjali, tirrifjuta li tapplika d-dispożizzjonijiet ikkontestati, sa fejn dawn jeskludu kull tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjonijiet soċjali u għall-mard fil-każ fejn dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux tnaqqsu fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea li l-attività ekonomika tkun issir fit-territorju tiegħu u fejn tħallsu l-kontribuzzjonijiet.

34      Konsegwentement ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-Artikolu 43 KE jipprekludix dispożizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali.

35      F’dak li jikkonċerna t-tieni domanda preliminari, l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba mill-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja sabiex din tiddeċiedi dwar il-kawża li għandha quddiemha fid-dawl tan-natura evidenti ta’ din l-interpretazzjoni.

36      Il-Gvern Pollakk jirrileva li jidher li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-prinċipju li d-differiment tat-telf tal-forza vinkolanti tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, flimkien mal-prinċipju tan-natura definittiva tad-deċiżjonijiet tat-Trybunał Konstytucyjny, ma jippermettulhiex li tistħarreġ il-konformità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati mad-dritt Komunitarju u li tirrifjuta li tapplika dawn id-dispożizzjonijiet għall-każ fejn hija tiddeċiedi li ma humiex konformi mad-dritt Komunitarju.

37      Il-Gvern Pollakk iqis li tali pożizzjoni ma hijiex xierqa, fid-dawl tan-natura awtonoma tal-istħarriġ ġudizzjarju differenti bħal ma huma l-istħarriġ tal-konformità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mal-Kostituzzjoni Pollakka u l-istħarriġ tal-konformità ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet mad-dritt Komunitarju.

38      Id-deċiżjoni tat-Trybunał Konstytucyjny li twassal għat-telf tal-effett vinkolanti tad-dispożizzjonijiet ikkwalifikati bħala antikostituzzjonali ma tipprekludix l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-konformità tagħhom mad-dritt Komunitarju u, f’każ ta’ kunflitt bejn liġijiet, ma teħlisx lill-qorti tar-rinviju mill-obbligu li tastjeni milli tapplika l-imsemmija dispożizzjonijiet fl-ipoteżi fejn huma jiġu kkunsidrati bħala mhux konformi mad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, l-Artikolu 91 tal-Kostituzzjoni Pollakka jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax liġi tad-dritt nazzjonali kuntrarja għad-dritt Komunitarju.

39      Konsegwentement, skont il-Gvern Pollakk, indipendentement mill-possibbiltà li ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet ikkontestati kkwalifikati bħala antikostituzzjonali, il-qorti tar-rinviju li tikkonkludi li dawn id-dispożizzjonijiet huma inkompatibbli mal-Artikolu 43 KE, ikollha kull dritt sabiex, b’mod awtonomu, tirrifjuta li tapplikahom fis-soluzzjoni tal-kawża, skont id-dritt nazzjonali u eventwalment skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju.

 Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38 u tat-23 ta’ April 2009, Rüffler, C‑544/07, Ġabra p. I‑3389, punt 36).

41      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom tressqet kawża quddiemha mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21 u s-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq PreussenElektra, punt 39, kif ukoll Rüffler, punt 37).

42      Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq PreussenElektra, punt 39, u Rüffler, punt 38).

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li, indipendentement mill-kwistjoni tal-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kawża prinċipali u l-ewwel domanda preliminari dwar il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ leġiżlazzjoni li permezz tagħha d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa skont il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa u d-dritt li jitnaqqsu mill-bażi ta’ stima l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li ġew imħallsa huma rrifjutati peress li l-imsemmija kontribuzzjonijiet diġà tħallsu fi Stat Membru ieħor.

44      It-tieni domanda testendi fuq l-ewwel waħda u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi għall-qorti nazzjonali fl-eventwalità li jiġi deċiż li hemm inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tad-dispożizzjonijiet li barra minn hekk ġew iġġudikati mhux konformi mal-Kostituzzjoni. Hija tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk, fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 43 KE jipprekludi dispożizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, is-supremazija tad-dritt Komunitarju tobbligax lill-qorti nazzjonali tapplika d-dritt Komunitarju u li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati u dan anke qabel tieħu effett is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2007 tat-Trybunał Konstytucyjny li permezz tagħha din ikkonkludiet li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Pollakka.

45      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, li l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li sarulha.

46      Konsegwentement, id-domandi magħmula huma ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

47      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 43 KE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha persuna taxxabbli tista’ tikseb, minn naħa, li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa matul s-sena fiskali jitnaqqas mill-bażi taxxabbli u, min-naħa l-oħra, li t-taxxa fuq id-dħul li għandha tħallas titnaqqas skont il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa matul dan il-perijodu, unikament meta l-imsemmija kontribuzzjonijiet jitħallsu fl-Istat Membru li jintaxxa, peress li tali vantaġġi ġew irrifjutati meta dawn il-kontribuzzjonijiet jitħallsu fi Stat Membru ieħor.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

48      Il-pożizzjoni tal-Gvern Pollakk fir-rigward tal-ewwel domanda tista’ tiġi dedotta essenzjalment mill-osservazzjonijiet li għamel taħt il-parti tal-ammissibbiltà u li huma esposti fil-punti 29 sa 33 ta’ din is-sentenza.

49      Skont il-Kummissjoni, id-deskrizzjoni mill-qorti tar-rinviju tas-sitwazzjoni ta’ K. Filipiak tagħti x’wieħed jaħseb li r-rikorrent fil-kawża prinċipali seta’ personalment jaqdi l-funzjonijiet marbuta mal-attività ta’ din is-soċjetà u li jeżerċita kontroll. Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, is-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt l-Artikolu 43 KE. Madankollu, l-Artikolu 49 KE jista’ wkoll ikun rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kawża mressqa quddiem il-qorti nazzjonali peress li ma jistax jiġi eskluż li K. Filipiak, residenti fil-Polonja, jipprovdi wkoll servizzi fit-territorju Olandiż.

50      Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jeskludu d-dritt tal-persuni taxxabbli residenti għal vantaġġi fiskali minħabba l-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni meta l-imsemmija kontribuzzjonijiet ġew imħallsa fi Stat Membru ieħor minbarra l-Polonja, joħloq restrizzjoni li ma hijiex oġġettivament iġġustifikata, la taħt l-Artikolu 43 KE u lanqas taħt l-Artikolu 49 KE.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

51      Għandu jiġi osservat li, fil-formulazzjoni tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tillimita d-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 KE għall-każ biss fejn il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa fi Stat Membru ieħor minbarra l-Polonja ma jkunux tnaqqsu f’dan l-Istat Membru l-ieħor. Għalhekk huwa abbażi tal-premessa li l-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa fil-Pajjiżi l-Baxxi minn persuna taxxabbli bħal K. Filipiak ma setgħux jitnaqqsu f’dan l-Istat Membru l-ieħor li se tingħata r-risposta għal din id-domanda.

–       Fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattat KE

52      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 43 KE huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ oriġini tiegħu (sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 25 u tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C‑470/04, Ġabra p. I‑7409, punt 26). Jista’ wkoll igawdi mil-libertà ta’ stabbiliment ċittadin Komunitarju li jgħix fi Stat Membru u li jżomm fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor holding li jikkonferixxi fuqu influwenza kbira fid-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija, li tippermettilu li jiddetermina l-attivitajiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi N, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27; tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C‑347/04, Ġabra p. I‑2647, punti 22 u 70, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2008, Heinrich Bauer Verlag, C‑360/06, Ġabra p. I‑7333, punt 27).

53      Kif enfasizzat il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli bħal K. Filipiak, soċju f’soċjetà rregolata mid-dritt Olandiż li l-istruttura organizzattiva tagħha tikkorrispondi għal dik tas-soċjetà f’isem kollettiv taħt id-dritt Pollakk, tagħti x’wieħed jaħseb li din il-persuna taxxabbli setgħet personalment tissodisfa l-funzjonijiet marbuta mal-attività ekonomika ta’ din is-soċjetà u li teżerċita kontroll fuq din l-attività.

54      Id-deċiżjoni tar-rinviju għaldaqstant ma tindikax jekk is-sitwazzjoni ta’ K. Filipiak taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri jekk għandux parteċipazzjoni fis-soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor li tippermettilu jeżerċita influwenza kbira fuq id-deċiżjonijiet tal-imsemmija soċjetà u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha. Fi kwalunkwe każ hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ u jekk is-sitwazzjoni ta’ K. Filipiak taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE.

55      Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax jekk persuna taxxabbli kif huwa K. Filipiak, minbarra li jeżerċita kontroll fuq l-attività ekonomika tas-soċjetà Olandiża li tagħha huwa soċju, jipprovdix ukoll servizzi fit-territorju Olandiż.

56      Konsegwentement, jekk tali sitwazzjoni tista’ taqa’ taħt l-Artikolu 43 KE, hija tista’ wkoll taqa’ taħt dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba li ma jistax jiġi eskluż li K. Filipiak, persuna taxxabbli residenti fil-Polonja, mhux biss jeżerċita kontroll fuq l-attività ekonomika tas-soċjetà Olandiża li huwa soċju tagħha, iżda wkoll jipprovdi servizzi fuq it-territorju Olandiż.

57      Is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli bħal K. Filipiak tista’, konsegwentement, tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikolu 43 KE u tal-prinċpiju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilit fl-Artikolu 49 KE.

–       Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu

58      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju tal-Komunità Ewropea u jipprekludu miżuri li jistgħu jisfavorixxu dawn iċ-ċittadini meta jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑152/05, Ġabra p. I‑39, punt 21, u tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg, C‑527/06, Ġabra p. I‑7735, punt 43).

59      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-libertà ta’ stabbiliment rikonoxxuta liċ-ċittadini tal-Istati Membri u li għalihom tfisser l-aċċess għal attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u t-twettiq tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fil-liġijiet tal-Istat Membru, għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skont l-Artikolu 48 KE, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, fergħa jew aġenzija (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Lammers u Van Cleef, C‑105/07, Ġabra p. I-173, punt 18, kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑406/07, Ġabra p. I‑62, punt 36).

60      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll għal diversi drabi li, anki jekk, skont il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi, b’mod partikolari, li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membri ospitanti, dawn jipprojbixxu wkoll lill-Istat ta’ oriġini milli jfixkel l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 48 KE (ara s-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C‑251/98, Ġabra p. I‑2787, punt 28; tal-11 ta’ Marzu 2004, De Lasteyrie du Saillant, C‑9/02, Ġabra p. I‑2409, punt 42, u Heinrich Bauer Verlag, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

61      Barra minn hekk l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interna fi Stat Membru (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑318/05, Ġabra p. I‑6957, punt 81; tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt, C‑281/06, Ġabra p. I‑12231, punt 52, u tal-11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim‑van Schoot, C‑155/08, Ġabra p. I‑5093, punt 32).

62      Restrizzjonijiet ipprojbiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE jeżistu b’mod partikolari peress li dispożizzjonijiet fiskali ta’ Stat Membru li japplikaw għal attivitajiet ekonomiċi transkonfinali huma inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għal attività ekonomika li ssir ġewwa l-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru.

63      F’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 26(1)(2) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jippermetti lill-persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fil-Polonja li jnaqqsu l-bażi ta’ stima tat-taxxa tagħhom fuq id-dħul mill-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali mħallsa skont il-Liġi dwar l-iskema tas-sigurtà soċjali. L-Artikolu 27b tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jippermetti lill-persuni taxxabbli li għandhom iħallsu t-taxxa fil-Polonja li jnaqqsu l-ammont tat-taxxa tagħhom fuq id-dħul skont l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa skont il-Liġi dwar il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa.

64      Għandu jiġi osservat li K. Filipiak, persuna taxxabbli Pollakka, li jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu bħala soċju f’soċjetà stabbilita fi Stat Membru ieħor barra l-Polonja, huwa suġġett għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni għall-mard obbligatorji fil-Pajjiżi l-Baxxi u mhux fil-Polonja. Fil-fatt, skont l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna li teżerċita attività għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat anki jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Skont il-paragrafu (1) ta’ dan l-istess artikolu, persuna tista’ tkun suġġetta għal-liġi ta’ Stat Membru wieħed biss fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

65      Barra minn hekk il-qorti tar-rinviju indikat li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa minn K. Filipiak skont il-liġi Olandiża huma identiċi, fir-rigward tan-natura u l-għanijiet tagħhom, għall-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni taxxabbli Pollakki skont il-Liġi Pollakka dwar l-iskema tas-sigurtà soċjali u għall-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa.

66      Leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn persuni taxxabbli residenti skont jekk il-kontribuzzjonijiet ta’ assigurazzjoni għall-mard li jistgħu jitnaqqsu mill-ammont tat-taxxa fuq id-dħul dovuta fil-Polonja jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jitnaqqsu mill-bażi ta’ stima fil-Polonja jkunux tħallsu jew le fil-kuntest tal-iskema nazzjonali obbligatorja ta’ assigurazzjoni għall-mard jew tal-iskema nazzjonali obbligatorja tas-sigurtà soċjali.

67      Minn dan jirriżulta li kull persuna taxxabbli li toqgħod fil-Polonja imma li teżerċita l-attività ekonomika tagħha fi Stat Membru ieħor fejn hija suġġetta għas-sigurtà soċjali u għall-assigurazzjoni għall-mard obbligatorji ma tistax tnaqqas l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li tħallas mill-bażi ta’ taxxa tagħha jew tnaqqas it-taxxa dovuta fil-Polonja minħabba dawn il-kontribuzzjonijiet. Għalhekk hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn kull persuna taxxabbli li tirrisjedi fil-Polonja imma li tillimita l-attività ekonomika tagħha ġewwa l-fruntieri ta’ dan l-Istat filwaqt li tħallas il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tagħha tas-sigurtà soċjali u tal-assigurazzjoni għall-mard lill-korp pubbliku Pollakk kompetenti.

68      Għal dak li jirrigwarda l-intaxxar tad-dħul tagħhom fil-Polonja, għandu jiġi rrilevat li l-persuni taxxabbli ma humiex oġġettivament f’sitwazzjonijiet differenti li huma ta’ natura li jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament skont il-post tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet.

69      Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli bħal K. Filipiak, li huwa residenti fil-Polonja u li jeżerċita attività ekonomika fi Stat Membru ieħor, fejn huwa assigurat mill-assigurazzjoni għall-mard u s-sigurtà soċjali obbligatorji, u dik ta’ persuna taxxabbli li tirrisjedi wkoll fil-Polonja, iżda li teżerċita l-attività professjonali tagħha f’dan l-istess Stat, fejn huwa assigurat mill-iskemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-mard u s-sigurtà soċjali, huma paragunabbli f’dak li jikkonċerna l-prinċipji ta’ intaxxar, sa fejn, fil-Polonja, it-tnejn li huma huma suġġetti għal obbligu fiskali illimitat.

70      B’hekk, l-intaxxar tad-dħul tagħhom, f’dan l-Istat Membru, għandu jseħħ skont l-istess prinċipji u, għalhekk, fuq il-bażi tal-istess benefiċċji fiskali.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut li jingħata lill-persuna taxxabbli d-dritt jew li tnaqqas mill-bażi ta’ stima fil-Polonja l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ sigurtà soċjali mħallsa fi Stat Membru ieħor jew li tnaqqas it-taxxa dovuta f’dan l-Istat Membru minħabba l-kontribuzzjonijiet obbligatorji ta’ assigurazzjoni għall-mard imħallsa fi Stat Membru ieħor minbarra l-Polonja, jista’ jiddiswadi lil din il-persuna taxxabbli milli tapprofitta mil-libertajiet ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi stabbiliti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE, u jikkostitwixxi restrizzjoni għal dawn il-libertajiet (ara, f’dan l-istess sens, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 18 KE, is-sentenza Rüffler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 73).

72      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dispożizzjonijiet nazzjonali suxxettibbli li jiskuraġġixxu jew jiddiswadu persuna milli teżerċita libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE jistgħu għaldaqstant jiġu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

73      L-ebda ġustifikazzjoni eventwali ma ġiet invokata mill-Gvern Pollakk u lanqas ikkunsidrata mill-qorti tar-rinviju.

74      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludu liġi nazzjonali li permezz tagħha persuna taxxabbli residenti tista’ tikseb, minn naħa, li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa fis-sena fiskali jiġi mnaqqas mill-bażi ta’ stima u, min-naħa l-oħra, li t-taxxa fuq id-dħul li għandha tħallas tiġi mnaqqsa skont il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa matul dan il-perijodu, unikament meta l-imsemmija kontribuzzjonijiet jitħallsu f’dan l-Istat Membru li jintaxxa, peress li tali vantaġġi ġew irrifjutati meta dawn il-kontribuzzjonijiet tħallsu fi Stat Membru ieħor, minkejja li dawn il-kontribuzzjonijiet ma tnaqqsux f’dan l-aħħar Stat Membru.

 Fuq it-tieni domanda

75      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, fl-ipoteżi fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 43 KE u/jew l-Artikolu 49 KE jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-supremazija tad-dritt Komunitarju timponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tapplika d-dritt Komunitarju u li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha, indipendentement mis-sentenza tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali li ddeċidiet id-differiment tat-telf tal-effett vinkolanti tal-istess dispożizzjonijiet, iġġudikati antikostituzzjonali.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

76      Il-pożizzjoni tal-Gvern Pollakk fir-rigward tat-tieni domanda tista’ essenzjalment tiġi dedotta mill-osservazzjonijiet li huwa għamel fil-parti dwar l-ammissibbiltà u li huma esposti fil-punti 36 sa 39 ta’ din is-sentenza.

77      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni domanda tfittex li ssir taf jekk il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju u l-Artikoli 10 KE kif ukoll 43 KE jipprekludux l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu li t-Trybunał Konstytucyjny tiddifferixxi, f’waħda mis-sentenzi tagħha, id-data li fiha att leġiżlattiv nazzjonali li hija tkun iddikkjarat fl-istess sentenza bħala antikostituzzjonali, jitlef il-validità tiegħu.

78      Il-Kummissjoni tqis li ma teżistix rabta bejn it-tieni domanda u s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-każ ta’ K. Filipiak, id-differiment, mit-Trybunał Konstytucyjny, tad-data meta d-dispożizzjonijiet ikkontestati jitilfu l-validità tagħhom, ma jipprekludix il-qorti tar-rinviju, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, milli tapplika l-imsemmija dispożizzjonijiet.

79      Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-possibbiltà, skont l-Artikolu 190(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka, li tiddifferixxi d-data li fiha d-dispożizzjonijiet ikkontestati jitilfu l-validità tagħhom, possibbiltà li użat t-Trybunał Konstytucyjny fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Novembru 2007, ma hijiex kuntrarja għall-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju u lanqas għall-Artikoli 10 KE u 43 KE, peress li din ma hijiex kuntrarja għall-obbligu, għall-korpi amministrattivi nazzjonali u l-qrati nazzjonali, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kuntrarji għall-Artikolu 43 KE.

80      Il-Kummissjoni tqis għalhekk li jeħtieġ li l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju u tal-Artikoli 10 KE kif ukoll 43 KE jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu lit-Trybunał Konstytucyjny li tiddifferixxi, f’din l-istess sentenza, id-data li fiha d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li hija kkunsidrat, fl-istess sentenza, bħala antikostituzzjonali, jitilfu l-effett vinkolanti tagħhom.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Skont ġurisprudenza stabbilita l-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju, anki jekk tkun sussegwenti, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 24; tal-4 ta’ Ġunju 1992, Debus, C‑13/91 u C‑113/91, Ġabra p. I‑3617, punt 32; u tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 61, u tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, Ġabra p. I‑10265, punt 138).

82      Skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, il-kunflitt bejn dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali u dispożizzjoni tat-Trattat direttament applikabbli huwa solvut, għal qorti nazzjonali, bl-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, u mhux bil-konstatazzjoni tan-nullità tad-dispożizzjoni nazzjonali, peress li l-kompetenza tal-korpi u tal-qrati hija f’dan ir-rigward ta’ kull Stat Membru.

83      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ regola tad-dritt nazzjonali sussegwenti ma għandhiex l-effett li tirrendi din ir-regola ineżistenti. F’tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha twarrab din ir-regola, meta dan l-obbligu ma jillimitax is-setgħa tal-qrati nazzjonali kompetenti li japplikaw, fost id-diversi proċeduri tas-sistema legali interna, dawk li huma xierqa sabiex jiġu protetti d-drittijiet individwali mogħtija mid-dritt Komunitarju (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, IN.CO.GE.’90 et, C‑10/97 sa C‑22/97, Ġabra p. I‑6307, punt 21).

84      Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, id-differiment mit-Trybunał Konstytucyjny tad-data li fiha d-dispożizzjonijiet ikkontestati jitilfu l-effett vinkolanti tagħhom ma jipprekludix lill-qorti tar-rinviju, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, milli tapplika dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha jekk hija tqishom kuntrarji għad-dritt Komunitarju.

85      Sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 74 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għall-ewwel domanda kienet li l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-supremazija tad-dritt Komunitarju timponi fuq il-qorti nazzjonali l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji, indipendentement mis-sentenza tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali li tkun iddeċidiet għad-differiment tat-telf tal-effett vinkolanti tal-istess dispożizzjonijiet, li jkunu ġġudikati antikostituzzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

86      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludu liġi nazzjonali li permezz tagħha persuna taxxabbli residenti tista’ tikseb, minn naħa, li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa fis-sena fiskali jiġi mnaqqas mill-bażi ta’ stima u, min-naħa l-oħra, li t-taxxa fuq id-dħul li għandha tħallas tiġi mnaqqsa skont il-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni għall-mard imħallsa matul dan il-perijodu, unikament meta l-imsemmija kontribuzzjonijiet jitħallsu f’dan l-Istat Membru li jintaxxa, peress li tali vantaġġi ġew irrifjutati meta dawn il-kontribuzzjonijiet tħallsu fi Stat Membru ieħor, minkejja li dawn il-kontribuzzjonijiet ma tnaqqsux f’dan l-aħħar Stat Membru.

2)      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-supremazija tad-dritt Komunitarju timponi fuq il-qorti nazzjonali l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji, indipendentement mis-sentenza tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali li tkun iddeċidiet għad-differiment tat-telf tal-effett vinkolanti tal-istess dispożizzjonijiet, li jkunu ġġudikati antikostituzzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.