Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Jannar 2014 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-8 ta’ Novembru 2013 fil-Kawża T-536/10, Kessel Marketing & Vertriebs GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-31/14 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (rappreżentant: D. Walicka, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Kessel Marketing & Vertriebs GmbH, Janssen-Cilag GmbH

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-21 ta’ Settembru 2010 fil-Każ R 708/2010-4, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll dawk tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li l-limitazzjoni tal-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi mwettqa mir-rikorrenti hija indeterminata jekk tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju tal-assenza tar-rekwiżit ta’ riċetta tat-tabib. Madankollu, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li din l-assenza ta’ determinazzjoni ma tistax tagħmel din l-applikazzjoni għal limitazzjoni irrilevanti. L-Uffiċċju huwa tal-fehma, li fil-każ tal-assenza ta’ determinazzjoni, il-limitazzjoni tal-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi ma tistax tiġi rreġistrata, u lanqas ma tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala l-bażi tal-paragun tal-prodotti u tas-servizzi. Il-Bord tal-Appell ma kienx f’pożizzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni din l-applikazzjoni minħabba li l-assenza ta’ determinazzjoni ġiet stabbilita f’dan il-każ.

Il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet ukoll li l-limitazzjoni applikata mir-rikorrenti hija inammissibbli sa fejn din hija bbażata fuq l-assenza tar-rekwiżit ta’ riċetta tat-tabib għall-prodotti inkwistjoni. Il-kriterju tal-assenza tar-rekwiżit ta’ riċetta tat-tabib ma huwiex adatt għall-formazzjoni ta’ subgrupp tal-prodotti ddikjarati. Ma huwiex kriterju adatt għall-formazzjoni ta’ subgrupp ta’ prodotti mediċinali inklużi ma’ trade mark. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq livell Ewropew, il-kwistjoni ta’ jekk ir-rekwiżit ta’ riċetta tat-tabib jeżistix jew le jiddipendi fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ għal prodotti mediċinali, li jistgħu jinbidlu fi kwalunkwe ħin mil-leġiżlatur nazzjonali. Id-dritt għal protezzjoni permezz ta’ trade mark Komunitarja ma jistax madankollu jiddependi fuq kriterju li jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali jew fuq kriterju li jista’ jinbidel maż-żmien.

Dan ma huwiex ikkontestat mill-Uffiċċju. Madankollu, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li l-Bord tal-Appell żbalja meta ma kkunsidrax il-limitazzjoni. Il-Bord tal-Appell ma kellux dritt jikkunsidra l-limitazzjoni bħala għal kollox irrilevanti. Huwa kellu jagħmel paragun tal-prodotti billi jieħu bħala bażi l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni wara l-limitazzjoni mwettqa mir-rikorrenti mal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju tar-rekwiżit ta’ riċetta tat-tabib.

Skont l-Uffiċċju, is-sentenza hija f’dan ir-rigward ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja 1 flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament li jimplementa r-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja 2 minħabba li assenza ta’ limitazzjoni tagħmel il-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi inammissibbli. Limitazzjoni inammissibbli ma tistax tiġi rreġistrata jew tittieħed inkunsiderazzjoni fil-paragun ta l-prodotti. Is-sentenza tikser ukoll il-prinċipju ta’ natura vinkolanti tal-applikazzjoni li fuqu hija bbażata s-sistema tat-trade mark Komunitarja. Il-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi għandha, bħala tali, tiġi evalwata fil-forma mitluba mill-applikant. L-Uffiċċju ma għandu l-ebda setgħa sabiex jirriformula l-lista.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).