Language of document : ECLI:EU:C:2015:257

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

23 ta’ April 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2006/126/KE — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Rifjut ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi, lil persuna li saqet taħt l-influwenza ta’ sustanzi narkotiċi, il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑260/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Sigmaringen (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura

Sevda Aykul

vs

Land Baden-Württemberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas (Relatur), E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. Aykul, minn G. Heinzle, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1) u 11(2) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, p. 18).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn S. Aykul, ċittadina Awstrijaka, detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa mir-Repubblika tal-Awstrija, u l-Land Baden-Württemberg, rigward deċiżjoni li tirrifjutalha d-dritt li tagħmel użu mill-liċenzja tas-sewqan tagħha fit-territorju Ġermaniż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2006/126

3        Skont il-premessa 2 tad-Direttiva 2006/126:

“Ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan huma essenzjali fl-implementazzjoni tal-politika tat-trasport komuni, jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, u jiffaċilitaw il-moviment liberu ta’ persuni li jkunu sejrin jagħmlu r-residenza tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun inħarġet il-liċenzja. Fid-dawl ta’ l-importanza tat-trasport fuq il-bażi ta’ mezzi individwali, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan debitament rikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti tippromovi l-moviment liberu u l-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ persuni. [...]”

4        Skont il-premessa 8 ta’ din id-direttiva, għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan.

5        Il-premessa 15 tal-istess direttiva tistabbilixxi:

“Għall-finijiet tas-sigurtà fit-toroq, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom fir-rigward ta’ l-irtirar, tas-sospensjoni, tat-tiġdid tal-kanċellazzjoni ta’ liċenzji tas-sewqan lid-detenturi kollha ta’ liċenzja li jkunu kisbu r-residenza normali fit-territorju tagħhom.”

6        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126, “[i]l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom jingħataw rikonoxximent reċiproku”.

7        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:

a)      li jkunu għaddew minn test ta’ ħila u ta’ komportament u minn test teoriku u li jissodisfaw l-istandards mediċi, skond il-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III;

[...]

e)      li jkollhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, jew li jkunu jistgħu jipproduċu prova li kienu ilhom jistudjaw hemmhekk għal mill-inqas sitt xhur.

[...]

5.      [...]

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, Stat Membru li joħroġ liċenzja għandu japplika d-diliġenza dovuta sabiex jiżgura li l-persuna tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar il-kanċellament jew l-irtirar tad-dritt tas-sewqan jekk jiġi stabbilit li liċenzja ġiet maħruġa mingħajr ma ġew sodisfatti r-rekwiżiti.”

8        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/126 huwa fformulat kif ġej:

“[...]

2. Suġġett għall-osservanza tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istat Membru tar-residenza normali jista’ japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew il-kanċellament tad-dritt tas-sewqan lid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jissostitwixxi l-liċenzja għal dak il-għan.

[...]

4.       Stat Membru għandu jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ristretta, sospiża jew irtirata fi Stat Membru ieħor.

Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu ġiet ristretta, sospiża jew irtirata fit-territorju ta’ l-Istat preċedenti.

Stat Membru jista’ wkoll jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li li jkollu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu kanċellata fi Stat Membru ieħor.

[...]”

9        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘residenza normali’ tfisser il-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u ta’ xogħol, jew, fil-każ ta’ persuna li ma jkollhiex rabtiet ta’ xogħol, minħabba r-rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn tgħix.”

10      L-Artikolu 16(1) u (2) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard minn 19 ta’ Janua 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), (2), (3) u (4)(b) sa (k), l-Artikolu 6(1), (2)(a), (ċ), (d) u (e), l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (d), (2), (3) u (5), l-Artikolu 8, l-Artikolu 10, l-Artikolu 13, l-Artikolu 14, l-Artikolu 15, u l-Annessi I, punt 2, II, punt 5.2 dwar il-Kategoriji A1, A2 u A, IV, V u VI. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjoniet.

2.      Huma għadhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn 19 ta’ Janua 2013.”

11      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi:

“Id-Direttiva 91/439/KEE [tal-Kunsill tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317)] hija b’dan imħassra b’effett minn 19 ta’ Januar 2013, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-iskadenzi indikati fil-Parti B ta’ l-Anness VII għat-traspożizzjoni ta’ dik id-Direttiva fil-liġi nazzjonali.”

12      L-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva 2006/126 huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(2)(b), l-Artikolu 7(1)(a), l-Artikolu 9, l-Artikolu 11(1), (3), (4), (5) u (6), l-Artikolu 12 u l-Annessi I, II u III għandhom japplikaw minn 19 ta’ Jannar 2009.”

 Id-Direttiva 91/439

13      Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439, “[l]-Istati Membri għandhom idaħħlu liċenzja nazzjonali tas-sewqan imsejsa fuq il-mudell Komunitarju deskritt fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

14      L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“[...]

2.      Bla ħsara għat-tħaris tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istati Membri tar-residenza normali jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fuq il-possessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jibdlu l-liċenzja b’dan il-għan.

[...]

4.      Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju ta’ l-Istat ta’ qabel, bla ħsara għal waħda mill-miżuri riferiti fil-paragrafu 2.

Stat Membru jista’ l-istess jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkun bla ħsara għal din il-miżura fi Stat Membru ieħor.

[...]”

 Id-dritt Ġermaniż

15      L-Artikolu 2 tal-liġi dwar it-traffiku fit-toroq (Straßenverkehrsgesetz, iktar ’il quddiem is-“StVG”), fil-verżjoni tiegħu ċċitata mill-qorti tar-rinviju jipprovdi:

“(1)      Kull persuna li ssuq vettura bil-mutur fi triq pubblika għandha jkollha liċenzja (liċenzja tas-sewqan) maħruġa mill-amministrazzjoni kompetenti (amministrazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan). [...]

[...]

(4)      Tkun kapaċi li ssuq vetturi bil-mutur kull persuna li tissodisfa l‑kundizzjonijiet fiżiċi u mentali neċessarji għal dan il-għan u li ma tkunx kisret b’mod gravi jew ripetut id-dispożizzjonijiet dwar it-traffiku fit‑toroq jew dispożizzjonijiet kriminali. [...]

[...]

(11)      Skont dispożizzjonijiet iktar iddettaljati previsti mil-liġi […], il‑liċenzji tas-sewqan barranin jagħtu wkoll dritt għal sewqan ta’ vetturi bil-mutur fit-territorju nazzjonali.

[...]”

16      L-Artikolu 3 tas-StVG, fil-verżjoni tiegħu ċċitata mill-qorti tar-rinviju, intitolat “Irtirar tal-liċenzja tas‑sewqan” huwa fformulat kif ġej:

“(1)      Meta persuna titqies li ma għandhiex il-ħila jew il-kapaċità għas‑sewqan tal-vetturi bil-mutur, l-amministrazzjoni tal-liċenzja tas‑sewqan għandha tirtiralha l-liċenzja tas-sewqan tagħha. F’każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar — anki meta jseħħ skont dispożizzjonijiet oħra — għandu l-effett ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tad‑dritt li jsir użu minn din il-liċenzja tas-sewqan fit-territorju nazzjonali. [...]

(2)      L-irtirar itemm l-awtorizzazzjoni tas-sewqan. F’każ ta’ liċenzja tas‑sewqan barranija, l-irtirar itemm id-dritt ta’ sewqan tal-vetturi bil‑mutur fit-territorju nazzjonali. [...]

[...]”

17      L-Artikolu 29 tas-StVG, fil-verżjoni tiegħu ċċitata mill-Gvern Ġermaniż fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, intitolat “Termini għat-tħassir” jipprovdi:

“(1)      L-iskrizzjonijiet irreġistrati fir-reġistru jitħassru wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti fit-tieni fażi. It-termini għat-tħassir huma:

[...]

2.      [ta’] ħames snin

a)      f’każ ta’ deċiżjoni li tirrigwarda reat kriminali (‘Straftat’), bla ħsara għan-numru (3)(a),

b)      f’każ ta’ deċiżjoni dwar ksur amministrattiv [...] assoċjat ma’ żewġ punti inkwantu ksur amministrattiv li jaffettwa s-sigurtà fit‑toroq jew inkwantu ksur amministrattiv ekwivalenti,

c)      f’każ ta’ projbizzjonijiet jew ta’ limitazzjonijiet tas-sewqan ta’ vettura mingħajr liċenzja li jkunu ngħataw mill-awtoritajiet kompetenti skont il-leġiżlazzjoni tal-Land.

d)      f’każ ta’ komunikazzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni f’seminar dwar kapaċità għas-sewqan, f’seminar ta’ perfezzjonament, f’seminar speċjali ta’ perfezzjonament jew konsultazzjoni ta’ psikoloġija tas-sewqan.

[…]”

18      L-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar l-aċċess tal-persuni għat-traffiku fit-toroq (Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr) fil-verżjoni tiegħu ċċitata mill-qorti tar-rinviju (iktar ’il quddiem il-“FeV”), intitolat “Kapaċità”, jipprovdi:

“(1)      Il-persuni li japplikaw għal liċenzja tas-sewqan għandhom jissodisfaw il‑kundizzjonijiet fiżiċi u mentali neċessarji għal dan il-għan. B’mod partikolari l-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti meta teżisti marda jew jeżisti nuqqas previsti fl-Anness 4 jew fl-Anness 5 li jeskludu l-kapaċità jew il-kapaċità parzjali għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur. [...]”

19      L-Anness 4 tal-Artikolu 11 tal-FeV huwa għalhekk ifformulat:

“Osservazzjoni preliminari

1.      Il-lista li ġejja tinkludi mard jew insuffiċjenzi frekwenti li jistgħu jaffettwaw jew jeskludu għal tul twil ta’ żmien il-kapaċità għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur.

[...]

3.      L-evalwazzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-każ normali. Korrezzjonijiet huma possibbli skont predispożizzjoni umana speċifika, tal-abitudni, ta’ perċezzjoni speċifka jew ta’ metodi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ adattament tal-aġir. [...]

Mard, insuffiċjenzi

Kapaċità jew kapaċità limitata

kategoriji [...] B [...]

[...]

[...]

[...]

9.2

Użu ta’ kannabis

 

9.2.1.

Użi regolari ta’ kannabis

Le

9.2.2

Użu okkażjonali ta’ kannabis

Iva

Jekk dissoċjazzjoni tax-xorb mis-sewqan u assenza ta’ użu supplimentari ta’ alkoħol jew ta’ sustanzi psikoattivi, assenza ta’ disturbi fil-personalità, assenza ta’ telf ta’ kontroll


[…]”

20      L-Artikolu 29 tal-FeV, intitolat “Liċenzji tas-sewqan barranin” jipprovdi:

“(1)      Id-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan barranija jistgħu, fil-limitu awtorizzat mil-liċenzja tagħhom, isuqu vetturi bil-mutur fit-territorju nazzjonali meta ma jkollhomx residenza normali fih fis-sens tal-Artikolu 7. [...]

[…]

(3)      L-awtorizzazzjoni, skont il-paragrafu (1), ma tapplikax għad‑detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan barranija,

[…]

3. li l-awtorizzazzjoni tas-sewqan fit-territorju nazzjonali ġiet irtirata provviżorjament jew definittivament lilhom minn qorti jew b’mod immedjatament eżekuttiv jew permanenti minn awtorità amministrattiva [...]

(4)      Wara l-adozzjoni ta’ waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 3 u 4 tal‑paragrafu (3), id-dritt tal-użu ta’ liċenzja tas-sewqan barranija fit‑territorju nazzjonali jingħata, fuq talba, meta r-raġunijiet tal-irtirar ma jkunux għadhom jeżistu.”

21      L-Artikolu 46 tal-FeV, intitolat “Irtirar, limitazzjonijiet, kundizzjonijiet” jipprovdi:

“(1)      Jekk id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan jinsab li ma huwiex kapaċi għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur, l-amministrazzjoni tal-liċenzji tas‑sewqan għandha tirtira l-liċenzja tiegħu. Dan japplika b’mod partikolari meta jeżistu mard jew insuffiċjenzi previsti fl-Annessi 4, 5 u 6 jew meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tat-traffiku fit-toroq jew tal-liġijiet kriminali jkunu ġew miksura b’mod gravi jew ripetut u li dan jeskludi l-kapaċità għas-sewqan tal-vetturi bil-mutur.

[...]

(5)      F’każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar għandu l-effett ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tad-dritt tal-użu ta’ din il-liċenzja tas‑sewqan fit-territorju nazzjonali.

(6)      L-irtirar itemm il-liċenzja tas-sewqan. F’każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, dan itemm id-dritt tas-sewqan tal-vetturi bil-mutur fit‑territorju nazzjonali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      S. Aykul, ċittadina Awstrijaka mwielda fis-17 ta’ Novembru 1980, sa mit-twelid tagħha għandha r-residenza normali tagħha, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/126, fl-Awstrija. Il-Bezirkshauptmannschaft Bregenz (awtorità amministrattiva tad-distrett awtonomu ta’ Bregenz, l-Awstrija), ħarġet fir-rigward tagħha, fid-19 ta’ Ottubru 2007, liċenzja tas-sewqan.

23      Fil-11 ta’ Mejju 2012. S. Aykul ġiet suġġetta, f’Leutkirch (il‑Ġermanja), għal kontroll tal-pulizija. Peress li sinjali ħallew x’jaħsbu l-użu, mill-persuna kkonċernata, ta’ sustanzi narkotiċi, hija ġiet suġġetta għal test tal-awrina, li żvela l-eżistenza ta’ konsum ta’ kannabis. Sar għalhekk test ta’ kampjun tad-demm fl-istess jum, fil-11 ta’ Mejju 2012, u l-analiżi ta’ dan it-teħid ikkonfermat il-preżenza ta’ dderivati tal-kannabis fid-demm ta’ S. Aykul.

24      Fl-4 ta’ Lulju 2012, il-Prosekutur ta’ Ravensburg (il-Ġermanja) għalaq il-proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali li kienu nfetħu kontra S. Aykul.

25      Permezz ta’ deċiżjoni rigward multi tal-komun ta’ Leutkrich tat-18 ta’ Lulju 2012, S. Aykul ġiet ikkundannata għal multa ta’ EUR 590.80 talli saqet vettura taħt l-influwenza ta’ sustanzi narkotiċi u għal projbizzjoni mis-sewqan għal tul ta’ xahar.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2012, il-Landratsamt Ravensburg (servizzi amministrattivi tal-kostitwenza ta’ Ravensburg, il-Ġermanja) irtirat il-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka ta’ S. Aykul fit-territorju Ġermaniż. Fil-fatt, skont il-Landratsamt Ravensburg, S. Aykul kienet irriżultat inkapaċi għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur, peress li l-analiżi ta’ kampjun tad-demm li seħħet fil-11 ta’ Mejju 2012 kienet uriet b’mod ċar l-eżistenza, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, tal-użu tal-inqas okkażjonali ta’ kannabis u li hija kienet saqet vettura bil-mutur taħt l-influwenza ta’ din is-sustanza narkotika. Għalhekk, S. Aukul ma kinitx fil-pożizzjoni li tiddissoċja s-sewqan mill-użu ta’ sustanzi narkotiċi.

27      Fl-anness tad-deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Settembru 2012, il-Landratsamt Ravensburg madankollu informat lil S. Aykul li hija tista’ fil-futur titlob l-awtorizzazzjoni sabiex issuq mill-ġdid fil-Ġermanja, billi tipproduċi rapport mediku-psikoloġiku magħmul minn ċentru ta’ kontroll tal-kapaċità għas-sewqan uffiċjalment irrikonoxxut fil-Ġermanja u li jistabbilixxi l-kapaċità għas-sewqan tagħha ta’ vetturi bil-mutur. Il-Landratsamt Ravensburg ippreċiżat ukoll li l-istabbiliment ta’ rapport ta’ din in-natura kien, ġeneralment, suġġett għall-prova tal-astinenza, tal-persuna kkonċernata, minn kwalunkwe konsum ta’ sustanzi narkotiċi matul tul ta’ sena.

28      Fid-19 ta’ Ottubru 2012, S. Aykul ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tal-Landratsamt Ravensburg tas-17 ta’ Settembru 2012. Hija esponiet essenzjalment li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu eżawrixxew il-kompetenza tagħhom meta adottaw id-deċiżjoni fil-qasam ta’ multa tat-18 ta’ Lulju 2012 u li, skont id-dritt tal-Unjoni, ma kinux dawn l-awtoritajiet li kellhom jivverifikaw il-kapaċità għas-sewqan tagħha ta’ vetturi bil-mutur, peress li din il-missjoni taqa’, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-kompetenza biss tal-Istat Membru ta’ ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan tagħha, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija.

29      Il-Bezirkshauptmannschaft Bregenz, informata bil-kawża mil-Landratsamt Ravensburg, iddikjarat li l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi Awstrijaka sabiex l-awtoritajiet jistgħu jintervjenu kontra S. Aykul ma kinux issodisfatti, peress li t-tabib li kien wettaq it-test tal-kampjun tad-demm fil-11 ta’ Mejju 2012 kien indika fil-fajl mediku tiegħu li hija ma wriet ebda sinjal sinjifikattiv li kienet taħt l-influwenza ta’ sustanzi narkotiċi.

30      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2012, ir-Regierungspräsidium Tübingen (subdiviżjoni amministrattiva ta’ Tübingen, il-Ġermanja) ċaħdet l-ilment imressaq minn S. Aykul kontra d-deċiżjoni tal-Landratsamt Ravensburg tas-17 ta’ Settembru 2012. Din b’mod partikolari indikat li assenza ta’ intervent mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-każijiet ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ sustanzi narkotiċi ma kinitx kompatibbli mal-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 91/439, li kien jikkonsisti li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq. Ir-Regierungspräsidium Tübingen żiedet li, kuntrarjament għal dak li sostniet S. Aykul, l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma kienx jipprekludi li l-liċenzja tas-sewqan tal-persuna kkonċernata tiġi rtirata, filwaqt li ppreċiżat li tali miżura kienet tidher fost dawk li Stat Membru jista’ jadotta abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva.

31      Fil-25 ta’ Jannar 2013, S. Aykul ippreżentat rikors dwar il-mertu kontra d-deċiżjoni tal-Landratsamt Ravensburg tas-17 ta’ Settembru 2012 quddiem il-Verwaltungsgericht Sigmaringen (tribunal amministrattiv ta’ Sigmaringen, il-Ġermanja), fejn irrepetiet l-argumenti li hija kienet ressqet sa dak iż-żmien. Minbarra dan hija sostniet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2004/126 ma kienx jawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-validità tal-liċenzja tas-sewqan tagħha, peress li din kienet inħarġet mir-Repubblika tal-Awstrija u li hija kompliet ikollha r-residenza normali tagħha fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat. Għalhekk, skont S. Aykul, l-awtoritajiet Awstrijaċi biss kienu kompetenti sabiex jistabbilixxu jekk hija kinitx għadha kapaċi għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur.

32      Il-Land Baden-Württemberg jikkonkludi li r-rikors ippreżentat minn S. Aykul għandu jiġi miċħud. Huwa josserva b’mod partikolari li għandu jittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt li r-raġuni tar-rifjut ta’ rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan ta’ S. Aykul kienet inħolqot biss sussegwentement għall-ħruġ ta’ din il-liċenzja. Issa, fatti li seħħew sussegwentement għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan kienu jawtorizzaw lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kkonċernati li jirrifjutaw li jirrikonoxxu d-dritt tas-sewqan fit-territorju nazzjonali tagħhom.

33      Tali possibbiltà hija koperta mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439. Bid-differenza tal-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva kienet tawtorizza mhux biss l-Istat Membru ta’ residenza normali, iżda wkoll kull Stat Membru ieħor li jirrifjuta li jirrikonoxxi d-dritt tas-sewqan fit-territorju nazzjonali tiegħu. Il-projbizzjoni ta’ sewqan mogħtija skont il-leġiżlazzjoni kriminali jew skont il-leġiżlazzjoni relatata mal-ksur amministrattiv hija miżura ta’ “restrizzjoni” tal-liċenzja tas-sewqan li hija koperta mill-eżenzjoni tal-miżuri ta’ natura kriminali jew ta’ ksur, bla ħsara għall-prinċipju ta’ territorjalità, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439. Ir-rifjut ta’ rikonoxximent tad-dritt li jsir użu mil-liċenzja tas-sewqan fit-territorju Ġermaniż skont l-Artikolu 46(5) tal-FeV jikkostitwixxi biss in-nuqqas ta’ rikonoxximent, fl-Istat Membru kkonċernat, tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan stabbilita minn Stat Membru ieħor, fis-sens tal-Artikolu 8(4) ta’ din l-istess Direttiva 91/439.

34      Bħala tweġiba għal mistoqsija tal-qorti tar-rinviju tat-13 ta’ Marzu 2013, il-Bezirkshauptmannschaft Bregenz indikat li l-awtoritajiet Awstrijaċi kellhom jintervjenu skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar il-liċenzji tas-sewqan unikament jekk inkapaċità għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur mill-fatt tal-konsum ta’ sustanzi narkotiċi kienet ġiet medikament ikkonstatata jew jekk kienu jeżistu indizji li kienu jħallu suspett ta’ dipendenza fuq dawn is-sustanzi. Il-Bezirkshauptmannschaft Bregenz ikkonfermat li, fil-kawża prinċipali, S. Aykul kompliet tiġi kkunsidrata mill-awtoritajiet Awstrijaċi bħala kapaċi għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur u li għalhekk hija żammet il-liċenzja tas-sewqan tagħha.

35      Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikors ippreżentat minn S. Aykul huwa ddestinat li jiġi miċħud jekk id-dritt Ġermaniż kellu jiġi applikat. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 3(1) tas-StVG u tal-Artikolu 46(1) tal-FeV, l-amministrazzjoni kompetenti fil-qasam ta’ liċenzji tas-sewqan għandha tirtira liċenzja tas-sewqan meta d-detentur tagħha jirriżulta inkapaċi għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur. Skont l-Artikolu 46(5) tal-FeV, dan l-irtirar għandu l-effett, fir-rigward ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa barra mill-pajjiż, ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tad-dritt li jsir użu minn din il-liċenzja fit-territorju Ġermaniż. F’dan il-każ, l-inkapaċità għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur ta’ S. Aykul tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-FeV u tal-punt 9.2.2 tal-Anness 4 tal-Artikolu 11 ta’ din l-FeV. Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, hija, ġeneralment, inkapaċi għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur kull persuna li, filwaqt li okkażjonalment tikkonsma l-kannabiż, hija inkapaċi li tiddissoċja sewqan minn dan il-konsum. Issa, fil-kawża prinċipali, jeżistu indizji suffiċjenti ta’ din l-inkapaċità fir-rigward ta’ S. Aykul.

36      Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li r-reazzjonijiet għal ksur fit-toroq u għall-indizji ta’ assenza ta’ kapaċità għas-sewqan previsti mid-dritt nazzjonali jseħħu fi tliet livelli differenti, jiġifieri fuq il-livell kriminali, fuq il-livell tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ ksur amministrattiv u fuq il-livell tal-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ liċenzji tas-sewqan. Il-każ ineżami jikkorrispondi mal-prassi fil-qasam ta’ leġiżlazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan. L-amministrazzjonijiet kompetenti fil-qasam ta’ liċenzji tas-sewqan u s-servizzi ta’ pulizija jibdew mill-prinċipju li l-awtoritajiet Ġermaniżi huma awtorizzati sabiex jirtiraw liċenzja tas-sewqan maħruġa barra mill-pajjiż meta reat tat-traffiku mwettaq fil-Ġermanja juri sinjali ta’ inkapaċità għas-sewqan.

37      Filwaqt li esprimiet dubji rigward il-konfomità tal-leġiżlazzjoni u tal-prassi amministrattiva Ġermaniżi mal-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri, il-Verwaltungsgericht Sigmaringen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-obbligu tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stati Membri, li huwa stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126/KE , jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tipprovdi li d-dritt għall-użu tal-liċenzja tas-sewqan barranija fil-Ġermanja għandu jiġi rrevokat ex post facto mill-awtoritajiet amministrattivi jekk id-detentur tal-liċenzja tas-sewqan barranija jsuq vettura fil-Ġermanja abbażi ta’ din il-liċenzja taħt l-effett ta’ drogi illegali u sussegwentement jitqies li ma huwiex kapaċi li jsuq skont id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi rilevanti?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, dan ikun ukoll il-każ meta l-Istat emettenti jkollu għarfien tal-fatt li l-persuna inkwistjoni tkun qiegħda ssuq taħt l-effett tad-drogi iżda ma jieħu ebda azzjoni u għalhekk jissokta r-riskju assoċjat mad-detentur tal-liċenzja tas-sewqan barranija?

3)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tissuġġetta l-istabbiliment mill-ġdid tad-dritt għall-użu ta’ liċenzja tas-sewqan barranija fil-Ġermanja għall-kundizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw tali stabbiliment mill-ġdid?

4)      a)      Ir-riżerva fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija stabbilit fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126 tiġġustifika azzjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan minn Stat Membru għajr l-Istat emettenti? Pereżempju, din ir-riżerva tawtorizza revoka ex post facto [ta’ rikonoxximent] tad-dritt għall-użu ta’ liċenzja tas-sewqan barranija fil-Ġermanja permezz ta’ miżura kawtelatorja tad-dritt kriminali?

b)      Jekk ir-risposta għad-domanda 4(a) tkun fl-affermattiv, huwa l-Istat Membru li jkun impona l-miżura kawtelatorja jew l-Istat emettenti li, b’kunsiderazzjoni għall-obbligu ta’ rikonoxximent, għandu ġurisdizzjoni [kompetenza] li jistabbilixxi mill-ġdid id-dritt għall-użu ta’ liċenzja tas-sewqan barranija fil-Ġermanja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

38      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1) u 11(2) tad-Direttiva 2006/126, li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 91/439, għandu mal-ewwel jiġi stabbilit liema dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni huma applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-liċenzja tas-sewqan ta’ S. Aykul kienet inħarġitilha fid-19 ta’ Ottubru 2007 mill-awtoritajiet Awstrijaċi u li l-Landratsamt Ravensburg kienet irrifjutat, bid-deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Settembru 2012, li tirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan fit-territorju Ġermaniż minħabba fatti li seħħew fil-11 ta’ Mejju 2012.

40      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li għalkemm, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2006/126, id-Direttiva 91/439 tħassret b’effett fid-19 ta’ Jannar 2013, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, bħall-Artikoli 2(1) u 11(4) tagħha saru applikabbli mid-19 ta’ Jannar 2009 skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 ta’ din l-aħħar direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akyüz, C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 31). Dan ma huwiex madankollu l-każ tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126, li ma jidhirx fost in-numru ta’ dispożizzjonijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva.

41      Isegwi li, minn naħa, l-Artikoli 2(1) u 11(4) tad-Direttiva 2006/126 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott verbatim fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126, japplikaw ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi kif ukoll fuq il-punt (a) tar-raba’ domanda

42      Hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li tkun tressqet quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li huma magħmula lilha (ara s-sentenza Le Rayon d’Or, C‑151/13, EU:C:2014:185, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għal dawn l-iskopijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet, mill-elementi kollha li tkun ipprovditilha l-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni b’kunsiderazzjoni għas-suġġett tal-kawża prinċipali (ara s-sentenza Le Rayon d’Or, C‑151/13, EU:C:2014:185, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha kif ukoll permezz tal-punt (a) tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor jirrisjedi temporanjament, jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur tad-detentur tagħha li seħħ f’dan it-territorju sussegwentement għall-ħruġ ta’ din il-liċenzja tas-sewqan u li, skont il-liġi nazzjonali tal-ewwel Stat Membru, huwa ta’ natura li jwassal għall-inkapaċità għas-sewqan tal-vetturi bil-mutur.

45      Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126 jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni timponi fuqhom obbligu ċar u preċiż, li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex huma jkunu konformi miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Akyüz, C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 40, kif ukoll Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punti 43 u 44).

46      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa l-kompitu tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan li għandu jivverifika jekk il-kundizzjonijiet minimi imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-residenza u l-kapaċità għas-sewqan, previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/126, humiex issodisfatti u, għalhekk, jekk il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ikunx iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punti 45 u 47).

47      Meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jkunu ħarġu liċenzja tas-sewqan skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/126, l-Istati Membri l-oħra ma għandhomx id-dritt li jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ previsti minn din id-direttiva ġewx osservati. Fil-fatt, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-prova li d-detentur ta’ din il-liċenzja kien jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, fil-jum meta nħarġitlu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punti 46 u 47).

48      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkontestaw il-kundizzjonijiet ta’ pussess tal-liċenzja tas-sewqan ta’ S. Aykul mhux fil-jum meta din il-liċenzja kienet inħarġitilha, iżda wara aġir li jikkostitwixxi ksur mingħandha li seħħ fit-territorju Ġermaniż wara l-ħruġ ta’ din il-liċenzja.

49      Fil-fatt, S. Aykul, li r-residenza normali tagħha tinsab fl-Awstrija, ma kisbitx il-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tagħha wara restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar tal-liċenzja tas-sewqan fil-Ġermanja. Meta saqet vettura fil-Ġermanja taħt l-influwenza ta’ sustanzi narkotiċi, hija kienet ġiet suġġetta, min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi, għal irtirar tal-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tagħha, fit-territorju Ġermaniż, u dan minkejja li r-residenza normali tagħha ma kinitx tinsab fil-Ġermanja. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tali miżura kellha bħala effett, fir-rigward ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ta’ rifjut li jiġi rrikonoxxut lil S. Aykul id-dritt li tagħmel użu mil-liċenzja tas-sewqan tagħha fit-territorju Ġermaniż.

50      Għandu jiġi stabbilit jekk tali rifjut, minn Stat Membru, li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor jistax jiġi kopert mil-limitazzjonijiet ammessi għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan li jinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/126.

51      F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-limitazzjoni għal dan il-prinċipju, prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, ma tistax tapplika fil-kawża prinċipali.

52      Fil-fatt, jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, moqri flimkien mal-ewwel u mat-tieni premessi ta’ din id-direttiva, li din il-limitazzjoni tirreferi għas-sitwazzjoni li fiha d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan għandu r-residenza normali tiegħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ ħruġ ta’ dan il-permess. F’tali sitwazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istat Membru ta’ residenza normali jista’ japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fuq id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan u, jekk meħtieġ, jibdel il-liċenzja b’dan il-għan.

53      Issa, f’dan il-każ, ir-residenza normali ta’ S. Aykul kienet tinsab, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, fit-territorju tal-Istat Membru li kien ħareġ il-liċenzja tas-sewqan tagħha, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija, u mhux fit-territorju Ġermaniż. Huwa biss temporanjament li S. Aykul kienet tirrisjedi fil-Ġermanja meta, fil-11 ta’ Mejju 2012, hija wettqet ir-reat ta’ sewqan taħt l-influwenza ta’ sustanzi narkotiċi.

54      Min-naħa l-oħra, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126. Din id-dispożizzjoni, li, hekk kif jirriżulta mill-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, tapplika ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali, tipprevedi li Stat Membru għandu jirrifjuta li jirrikonoxxi, lil persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet suġġetta, fit-territorju tiegħu, għal restrizzjoni, għal sospensjoni jew għal irtirar, il-validità ta’ kwalunkwe liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, u dan indipendentement mill-kwistjoni jekk din il-liċenzja nħarġitx qabel id-data li fiha din id-dispożizzjoni saret applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akyüz, C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 32).

55      Filwaqt li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, huwa biss l-Istat Membru ta’ residenza normali tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan li jista’ japplika lilu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan, il-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 tawtorizza lil kull Stat Membru, u mhux biss lill-Istat Membru ta’ residenza normali, li jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.

56      Ċertament, il-Kummissjoni ddefendiet, waqt is-seduta, interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, li skont din il-possibbiltà li jiġi rrifjutat li tiġi rrikonoxxuta l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan għandha tiġi rriżervata għall-Istat Membru biss fejn tinsab ir-residenza normali tad-detentur ta’ din il-liċenzja. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, jagħmel riferiment għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, li jsemmi “l-Istati Membri tar-residenza normali”. Għalhekk l-Istat Membru msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jista’ jkun biss l-Istat Membru fejn tinsab ir-residenza normali tad-detentur tal-liċenzja tas-sewqan inkwistjoni.

57      Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva jirreferu għar-restrizzjoni, għas-sospensjoni u għall-irtirar ta’ liċenzja tas-sewqan, mingħajr madankollu ma jillimitaw ruħhom għad-deċiżjonijiet meħuda f’dan ir-rigward mill-Istat Membru tar-residenza normali. It-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jirreferi għall-annullament ta’ liċenzja tas-sewqan, lanqas ma jintrabat ma’ tali deċiżjoni meħuda minn dan l-istess Stat Membru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 sa 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 japplikaw b’mod awtonomu, u dan fir-rigward kemm tal-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva kif ukoll fir-rigward tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439.

58      Sussegwentement, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat prinċipalment l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/439 kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, li rriproduċa l-kontenut, fil-kuntest ta’ kawżi fejn kien hemm inkwistjoni l-possibbiltà għal persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha ġiet suġġetta, fit-territorju ta’ Stat Membru, għal miżura ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar, li tiġi rrikonoxxuta minn dan l-Istat Membru l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor wara l-adozzjoni ta’ din il-miżura (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Wiedemann u Funk, C‑329/06 u C‑343/06, EU:C:2008:366; Zerche et, C‑334/06 sa C‑336/06, EU:C:2008:367 kif ukoll Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240), il-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkopri wkoll sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ewwel Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor qabel id-deċiżjoni ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar ta’ din il-liċenzja.

59      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 jawtorizza lill-Istat Membru ta’ residenza normali tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor li jipproċedi, jekk neċessarju, għat-tibdil tal-liċenzja, sabiex dan l-ewwel Stat Membru jkun jista’ japplika fuq dan id-detentur id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jikkonċernaw ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt għas-sewqan. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istat Membru ta’ residenza normali huwa awtorizzat sabiex jieħu miżuri ta’ restrizzjoni, ta’ sospensjoni, ta’ rtirar jew ta’ tħassir ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, li jifirxu l-effetti tagħhom fl-Istati Membri kollha.

60      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126, li ma jipprevedix tali possibbiltà ta’ bdil ta’ liċenzja tas-sewqan, jippermetti biss lil Stat Membru, meta ma huwiex l-Istat Membru ta’ residenza normali, li jieħu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur, fit-territorju tiegħu, tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba preċedentement fi Stat Membru ieħor, miżuri li l-portata tagħhom hija ristretta f’dan it-territorju u l-effett limitat għar-rifjut li jirrikonoxxi, fih, il-validità ta’ din il-liċenzja.

61      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għalhekk jikkostitwixxi manifestazzjoni tal‑prinċipju ta’ territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, hekk kif espliċitament imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 u fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 jikkonċerna miżuri li jittieħdu skont il-liġijiet kriminali u tal-pulizija ta’ Stat Membru u li jaffettwaw il-validità, fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.

62      Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li Stat Membru li fit-territorju tiegħu jseħħ reat huwa l-uniku li għandu l-kompetenza li jippenalizza r-reat billi, jekk meħtieġ, jieħu miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan jew ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tas-sewqan, flimkien jew le ma’ perijodu ta’ projbizzjoni li tintalab liċenzja ġdida (ara s-sentenza Weber, C‑1/07, EU:C:2008:640, punt 38).

63      Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt għal S. Aykul li saqet, fil-11 ta’ Mejju 2012, vettura bil-mutur taħt l-influwenza ta’ sustanza narkotika kellu, l-ewwel nett, bħala konsegwenza l-ftuħ mill-Prosekutur ta’ Ravensburg ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali kontra l-persuna kkonċernata, proċeduri li fl-aħħar nett ingħalqu.

64      Sussegwentement, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-komun ta’ Leutkirch impona fuq S. Aykul multa għal sewqan ta’ vettura taħt l-influwenza ta’ sustanzi narkotiċi u kontra tagħha ħa deċiżjoni ta’ projbizzjoni tas-sewqan għal tul ta’ xahar. Fl-aħħar nett, il-Landratsamt Ravensburg, awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam ta’ liċenzja tas-sewqan, waslet sabiex tirtiralha l-liċenzja tas-sewqan tagħha abbażi tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam ta’ liċenzji tas-sewqan. Skont din il-leġiżlazzjoni, meta jitqajmu dubji rigward il-kapaċità għas-sewqan tad-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan, verifika ta’ din il-kapaċità hija prevista u, jekk jiġi stabbilit li din hija nieqsa, l-amministrazzjoni kompetenti għandha l-obbligu li tirtira l-liċenzja tas-sewqan inkwistjoni. Skont il-prassi relatata ma’ din il-leġiżlazzjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu lilhom infushom kompetenti sabiex jirtiraw liċenzja tas-sewqan maħruġa barra mill-pajjiż, meta reat tat-traffiku imwettaq fil-Ġermanja juri sinjali ta’ inkapaċità għas-sewqan.

65      Filwaqt li tirreferi għar-riżerva relatata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ territorjalità tal-liġijiet kriminali u ta’ pulizija li tinsab fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 u fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/126, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan minħabba l-inkapaċità tad-detenur ta’ liċenzja tas-sewqan għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur ma jistax għalhekk jiġi kkunsidrat bħala miżura kawtelatorja ta’ natura kriminali, u, konsegwentement, bħala li jaqa’ taħt id-dritt kriminali kopert minn din ir-riżerva.

66      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet li għalihom tirreferi l-Kummissjoni ma jirreferux biss għal-liġijiet kriminali, iżda wkoll għal-liġijiet ta’ pulizija. Minbarra dan, il-possibbiltà, irrilevata fil-punti 60 u 61 ta’ dan is-sentenza, li jagħti t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 lil Stat Membru li jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba preċedentement fi Stat Membru ieħor, minħabba l-aġir li jikkostitwixxi ksur tad-detentur ta’ din il-liċenzja fit-territorju tiegħu, lanqas ma hija limitata għall-miżuri meħuda skont id-dritt kriminali tal-ewwel Stat Membru. Fil-fatt, is-sanzjoni ta’ ksur imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tieħu forom differenti, skont in-natura u l-gravità tiegħu kif ukoll skont l-organizzazzjoni ġudizzjarja ta’ dan l-Istat, li tista’ tagħmel jew ma tagħmilx distinzjoni bejn l-atti amministrattivi u l-atti ġudizzjarji.

67      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, filwaqt li l-ksur imwettaq minn S. Aykul seta’ jiġi ssanzjonat kemm permezz ta’ miżuri kriminali kif ukoll permezz ta’ miżuri amministrattivi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ prosekuzzjoni għażlet li tagħlaq il-proċeduri ta’ investigazzjoni kriminali miftuħa inizjalment kontra l-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra, dan l-istess ksur wassal lill-awtorità amministrattiva kompetenti fil-qasam ta’ liċenzji tas-sewqan, jiġifieri l-Landratsamt Ravensburg, li tirtiralha l-liċenzja tas-sewqan tagħha.

68      Isegwi li deċiżjoni bħal dik tal-Landratsamt Ravensburg tas-17 ta’ Settembru 2012, li tirtira mingħand S. Aykul il-liċenzja tas-sewqan tagħha tidher fost in-numru ta’ miżuri li Stat Membru jista’ jadotta abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126.

69      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa kontra l-għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni li jikkostitwixxi t-titjib tas-sigurtà fit-toroq u li huwa mfittex preċiżament mid-Direttiva 2006/126 li Stat Membru jiġi mġiegħel li jirrikonoxxi inkondizzjonalment il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fil-fatt, il-possibbiltà mogħtija lil Stat Membru li jirtira mingħand id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan l-awtorizzazzjoni li jsuq fit-territorju tiegħu minħabba ksur imwettaq fih tikkostitwixxi, ċertament, limitazzjoni għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan. Madankollu, din il-limitazzjoni, li tippermetti li jitnaqqas ir-riskju li jseħħu inċidenti tat-traffiku, hija ta’ natura li ssaħħaħ is-sigurtà fit-toroq, li huwa fl-interess taċ-ċittadini kollha.

71      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel u t-tieni domandi kif ukoll il-punt (a) tar-raba’ domanda għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor jirrisjedi termporanjament, jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur tad-detentur tagħha li seħħ f’dan it-territorju sussegwentement għall-ħruġ ta’ din il-liċenzja tas-sewqan u li, skont il-liġi nazzjonali tal-ewwel Stat Membru, huwa ta’ natura li jwassal għall-inkapaċità għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur.

 Fuq it-tielet domanda u l-punt (b) tar-raba’ domanda

72      Permezz tat-tielet domanda tagħha kif ukoll permezz tal-punt (b) tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Istat Membru li jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex kompetenti sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li d-detentur ta’ din il-liċenzja tas-sewqan għandu jissuġġetta ruħu għalihom sabiex jirkupra d-dritt tas-sewqan fit-territorju tiegħu.

73      F’dan ir-rigward, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkunsidrat, hekk kif jirriżulta mill-punt 46 ta’ din is-sentenza, li huwa biss l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja tas-sewqan li għandu jivverifika jekk il-kundizzjonijiet minimi meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk relatati mal-kapaċità għas-sewqan, humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punt 45), għandu jitfakkar li, fil-kawża prinċipali, il-kapaċità għas-sewqan ġiet ikkontestata mhux fil-fażi tal-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan, iżda sussegwentement għal ksur imwettaq mid-detentur ta’ din il-liċenzja sussegwentement għall-ħruġ tagħha u li s-sanzjoni tiegħu tifrex l-effetti tagħha biss fit-territorju tal-Istat Membru fejn twettaq dan il-ksur.

74      Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu twettaq il-ksur li għandhom jistabbilixxu jekk id-detentur tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor huwiex kapaċi mill-ġdid għas-sewqan fit-territorju tiegħu.

75      Fil-fatt, kif isostni essenzjalment il-Gvern Pollakk, peress li r-rifjut, minn Stat Membru, li jirrikonoxxi l-validità tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor huwa bbażat fuq regoli nazzjonali li ma jeżistux neċessarjament fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ ħruġ, diffiċilment jidher possibbli li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru tipprevedi hija stess kundizzjonijiet li għalihom id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan għandu jissuġġetta ruħu sabiex jirkupra d-dritt tas-sewqan fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

76      Madankollu għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126 ma jistax jiġi invokat minn Stat Membru sabiex jirrifjuta li jirrikonoxxi indefinittivament il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor meta d-detentur ta’ din il-liċenzja kien ġie suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li Stat Membru huwa intitolat li jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu biex jopponi indefinittivament ir-rikonoxximent ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, ikun qiegħed jinġieb fix-xejn il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal‑liċenzji tas-sewqan, li huwa l-prinċipju ċentrali tas-sistema stabbilita mid‑Direttiva 2006/126 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kapper, C‑476/01, EU:C:2004:261, punt 77; digriet Kremer, C‑340/05, EU:C:2006:620, punt 30; sentenzi Akyüz, C‑467/10, EU:C:2012:112, punt 57, u Hofmann, C‑419/10, EU:C:2012:240, punt 78).

78      Fl-aħħar nett hija l-qorti tar-rinviju li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li teżamina jekk, f’dan il-każ, permezz tal-applikazzjoni tar-regoli tagħha stess, ir-Repubblika tal-Ġermanja ma topponix, fir-realtà, indefinittivament ir-rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan ta’ S. Aykul. F’din il-perspettiva, hija din il-qorti wkoll li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża sabiex persuna f’sitwazzjoni bħal dik ta’ S. Aykul tkunx tista’ tirkupra d-dritt għas-sewqan fit-territorju Ġermaniż josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, b’mod partikolari, ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2006/126, li jikkonsisti li tittejjeb is-sigurtà fit-toroq.

79      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, mitluba sabiex tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet bil-miktub u orali li tressqu quddiemha, li jkunu tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wiering, C‑347/12, EU:C:2014:300, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li S. Aykul, li kienet suġġetta għal miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tagħha fit-territorju Ġermaniż, għandha l-possibbiltà li titlob li tiġi awtorizzata mill-ġdid li ssuq vetturi bil-mutur fil-Ġermanja, permezz tal-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tagħha. Fil-fatt, fl-anness tad-deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Settembru 2012, il-Landratsamt Ravensburg informat lill-persuna kkonċernata li l-kapaċità tagħha għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur tista’ tiġi rrikonoxxuta abbażi ta’ rapport mediku-psikoloġiku magħmul minn ċentru ta’ kontroll tal-kapaċità għas-sewqan uffiċjalment irrikonoxxut fil-Ġermanja u ppreċiżat li l-istabbiliment ta’ rapport ta’ din in-natura, bħala regola ġenerali kien suġġett għall-prova tal-astinenza, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, minn kwalunkwe konsum ta’ sustanzi narkotiċi matul tul ta’ sena.

81      Barra minn hekk, mit-tweġiba bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki fl-assenza ta’ tali rapport mediku-psikoloġiku, id-dritt li fil-Ġermanja jsir użu minn liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor huwa rkuprat ipso jure meta, fit-tmiem ta’ terminu stabbilit, l-iskrizzjoni tan-nuqqas ta’ kapaċità titħassar mir-reġistru ta’ kapaċità għas-sewqan imsemmi fl-Artikolu 29(1) tas-StVG. Fil-każ ta’ S. Aykul, mill-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Ġermaniż jirriżulta li, skont din id-dispożizzjoni, it-terminu ta’ tħassir għandu jkun ta’ ħames snin fid-dawl tan-natura tal-ksur imwettaq. Għalhekk, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-persuna kkonċernata tista’ mill-ġdid tagħmel użu fil-Ġermanja tal-liċenzja tas-sewqan tagħha mingħajr ma jkollha għalfejn tipproduċi rapport mediku-psikoloġiku.

82      Fir-rigward ta’ dawn l-indikazzjonijiet, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet Ġermaniżi ma jidhrux li jipprekludu indefinittivament ir-rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan ta’ S. Aykul.

83      Minbarra dan, il-fatt li l-irkupru ta’ S. Aykul tad-dritt tagħha li ssuq vettura bil-mutur fil-Ġermanja jiġi suġġett, jew għall-preżentazzjoni ta’ rapport mediku-psikoloġiku li l-istabbiliment tiegħu jippreżupponi l-prova tal-astinenza minn kwalunkwe konsum ta’ sustanzi narkotiċi matul tul ta’ sena, jew għall-iżvolġiment ta’ perijodu ta’ ħames snin, jidher bħala mezz preventiv effettiv u proporzjonali mal-għan li jikkonsisti li tittejjeb is-sigurtà fit-toroq.

84      Fid-dawl ta’ dan kollu, it-tielet domanda kif ukoll il-punt (b) tar-raba’ domanda għandhom jiġu risposti li l-Istat Membru li jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, huwa kompetenti sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan għandu jissuġġetta ruħu għalihom sabiex jirkupra d-dritt tas-sewqan fit-territorju tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, permezz tal-applikazzjoni tar-regoli tiegħu stess, l-Istat Membru inkwistjoni ma jipprekludix, fir-realtà, indefinittivament ir-rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor. F’din il-perspettiva, hija għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2006/126, li jikkonsisti li tittejjeb is-sigurtà fit-toroq.

 Fuq l-ispejjeż

85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, li fit-territorju tiegħu d-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor jirrisjedi temporanjament, jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ din il-liċenzja tas-sewqan minħabba aġir li jikkostitwixxi ksur tad-detentur tagħha li seħħ f’dan it-territorju sussegwentement għall-ħruġ ta’ din il-liċenzja tas-sewqan u li, skont il-liġi nazzjonali tal-ewwel Stat Membru, huwa ta’ natura li jwassal għall-inkapaċità għas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur.

2)      L-Istat Membru li jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa kompetenti sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom id-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan għandu jissuġġetta ruħu għalihom sabiex jirkupra d-dritt tas-sewqan fit-territorju tiegħu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, permezz tal-applikazzjoni tar-regoli tiegħu stess, l-Istat Membru inkwistjoni ma jipprekludix, fir-realtà, indefinittivament ir-rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor. F’din il-perspettiva, hija għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2006/126, li jikkonsisti li tittejjeb is-sigurtà fit-toroq.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.