Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (Il-Pajjiżi l-Baxxi) fid-9 ta’ Ottubru 2014 – Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank vs F. Wieland und H. Rothwangl

(Kawża C-465/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Centrale Raad van Beroep

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellant: Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

Appellati: F. Wieland u H. Rothwangl

Domandi preliminari

L-Artikoli 3 u 94(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li ex baħri li kien jappartjeni għall-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni fi Stat Membru, li ma kellux residenza fuq l-art u li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru, jiġi rrifjutat (parzjalment) pensjoni tax-xjuħija, wara li l-Istat li jkollu n-nazzjonalità tiegħu dan il-baħri jkun aderixxa ma’ (predeċessur fid-dritt ta’) l-Unjoni Ewropea jew wara li r-Regolament Nru 1408/71 ikun daħal fis-seħħ għal dan l-Istat, biss minħabba li dan l-ex baħri ma kellux in-nazzjonalità tal-Istat Membru (imsemmi fl-ewwel lok) matul il-perijodu tal-assigurazzjoni (pretiża)?

L-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li permezz tagħha baħri li kien jappartjeni għall-ekwipaġġ ta’ bastiment b’port ta’ reġistrazzjoni f’dan l-Istat Membru, li ma kellux residenza fuq l-art u li ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru, ġie eskluż mill-assigurazzjoni għall-pensjoni tax-xjuħija, meta din il-leġiżlazzjoni tqis li jkun assigurat baħri li huwa ċittadin tal-Istat Membru fejn il-bastiment ikollu l-port ta’ reġistrazzjoni tiegħu u li altrimenti jkun fl-istess stiwazzjoni, jekk, fil-frattemp, l-Istat imsemmi fl-ewwel lok u li kellu n-nazzjonalità tiegħu l-baħri fil-mument tad-determinazzjoni tal-pensjoni jkun sar membru ta’ (predeċessur fid-dritt ta’) l-Unjoni Ewropea jew jekk, fil-frattemp, ir-Regolament Nru 1408/71 ikun daħal fis-seħħ għal dan l-Istat?

Għandhom jingħataw l-istess risposti għall-ewwel u għat-tieni domandi fil-każ ta’ (ex) baħri li, meta kien attiv, kellu n-nazzjonalità ta’ Stat li sussegwentement aderixxa ma’ (predeċessur fid-dritt ta’) l-Unjoni Ewropea, iżda li, meta seħħet tali adeżjoni jew meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1408/71 għal dan l-Istat, u fil-mument li ressaq it-talba tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija, ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru, iżda kien madankollu suġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 59/2003? 2

____________

1 Regolament tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 859/2003, tal-14 ta’ Mejju 2003, li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 317).