Language of document : ECLI:EU:C:2010:611

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-14 ta’ Ottubru 2010 (1)

Kawża C‑393/09

Bezpečnostní softwarová asociace – Svaz softwarové ochrany

vs

Ministerstvo kultury

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (ir‑Repubblika Ċeka)]

“Proprjetà intellettwali – Direttiva 91/250/KEE – Protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter – Kunċett ta’ “espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter” – Inklużjoni jew le tal-user interface grafiku ta’ programm – Drittjiet tal-awtur – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Xandir televiżiv ta’ user interface grafiku – Komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku”





1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-portata tal-protezzjoni legali mogħtija mid-drittijiet tal-awtur lill-programmi tal-kompjuter bis-saħħa tad-Direttiva 91/250/KEE (2).

2.        Id-domandi magħmula mill-Nejvyšší správní soud (qorti amministrattiva superjuri) (ir-Repubblika Ċeka) jirrigwardaw, b’mod iktar speċifiku, il-user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter. Dan l-interface, kif ser naraw, għandu l-funzjoni li jistabbilixxi konnessjoni interattiva bejn dan il-programm u l-utent. Dan jippermetti użu iktar intuwittiv u iktar faċli għall-utent tal-programm imsemmi, pereżempju billi fuq l-iskrin ikun hemm ikoni jew simboli.

3.        Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter jikkostitwixxix forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 u għalhekk jibbenefikax mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur applikabbli għall-programmi tal-kompjuter.

4.        Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ix-xandir televiżiv ta’ dan l-interface huwiex komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE (3).

5.        F’dawn il-konklużjonijiet ser nindika r-raġunijiet għaliex nikkunsidra li l-user interface grafiku, ma huwiex, fih innifsu, forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 u li, għalhekk, ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva.

6.        Imbagħad ser nispjega għaliex naħseb li, filwaqt li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu, user interface grafiku jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29.

7.        Iżda ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi li x-xandir televiżiv ta’ user interface grafiku, peress li dan ineħħi minn dan tal-aħħar in-natura tiegħu ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, ma jikkostitwixxix komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Ftehim ADPIC

8.        Il-Ftehim fuq l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Awtur Konnessi mal-Kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK), iffirmat f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994, ġie approvat bid-Deċiżjoni 94/800/KE tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (4).

9.        Skont l-Artikolu 10(1) tal-Ftehim ADPIC, “il-programmi tal-kompjuter, li huma mfissra f’source code jew f’object code, huma protetti bħala xogħlijiet letterarji bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Berna (1971)”.

2.      It-Trattat fuq id-drittijiet tal-awtur

10.      It-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), dwar id-Dritt tal-Awtur (iktar ’il quddiem “TDA”), adottat f’Genève fl-20 ta’ Diċembru 1996, ġie approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni 2000/278/KE tal-Kunsill, tas-16 ta’ Marzu 2000 (5).

11.      L-Artikolu 4 tat-TDA jistabbilixxi li “l-programmi tal-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Il-protezzjoni stabbilita tapplika għall-programmi tal-kompjuter fi kwalunkwe mod jew forma ta’ espressjoni”.

12.      It-TDA ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ programm tal-kompjuter. Madankollu, matul ix-xogħlijiet preparatorji, il-membri firmatarji qablu fuq id-definizzjoni li ġejja. Programm tal-kompjuter huwa sensiela ta’ struzzjonijiet li jistgħu, meta jkunu inkorporati f’mezz li jinqara mill-maġna, iwasslu lil kompjuter li jkollu kapaċitajiet li jipproċessa l-informazzjoni sabiex jindika, iwettaq jew jeżegwixxi funzjoni, biċċa xogħol jew riżultat determinat (6).

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 91/250

13.      Id-Direttiva 91/250 għandha l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter filwaqt li tiddefinixxi livell minimu ta’ protezzjoni (7).

14.      Għalhekk, is-sitt premessa tad-direttiva msemmija tippreċiża li l-qafas legali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ programmi tal-kompjuter jista’ f’dan is-sens primarjament ikun limitat li jistabbilixxi li Stati Membri għandhom jagħtu protezzjoni lill-programmi tal-kompjuter skont liġi tad-drittijiet tal-awtur bħal xogħlijiet letterarji u, ukoll, biex jiġi stabbilit min jew xiex għandu jkun protett, id-drittijiet esklużivi li permezz tagħhom persuni protetti għandhom ikunu jistgħu jafdaw sabiex jawtorizzaw jew jipprojbixxu ċerti atti u għal kemm żmien il-protezzjoni għandha tapplika.

15.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/250 jgħid dan li ġej:

“1.      Skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet ta’ l-awtur, bħala xogħlijiet letterarji bit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programmi tal-kompjuter’ għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.      Protezzjoni skond din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva.

3.      Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.”

2.      Id-Direttiva 2001/29

16.      Id-Direttiva 2001/29 tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-kuntest tas-suq intern, b’importanza partikolari mogħtija lis-soċjetà tal-informazzjoni (8).

17.      Din id-direttiva tapplika mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet eżistenti relattivi, b’mod partikolari, għall-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter (9).

18.      L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt esklużiv, lill-awturi, li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma li tkun, għal kollox jew parzjalment, tax-xogħlijiet tagħhom.

19.      Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, “L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”.

 C-     Id-dritt nazzjonali

20.      Id-Direttiva 91/250 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Ċek bil-Liġi Nru 121/2000 fuq id-drittijiet tal-awtur, fuq id-drittijiet relatati u fuq l-emendi ta’ ċerti liġijiet (zákon č. 121/2000 o právu autorském, o právech souvisejících s právem autorským a o změně některých zákonů), tas-7 ta’ April 2000 (10).

21.      Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, id-drittijiet tal-awtur għandhom bħala suġġett kull xogħol letterarju u kull xogħol artistiku ieħor kreattiv tal-awtur u li huwa espress fi kwalunkwe forma li tkun oġġettivament perċettibbli, inkluż f’forma elettronika, permanenti jew provviżorja, indipendentement mill-portata, l-għan jew l-importanza tagħha.

22.      L-Artikolu 2(2) tal-liġi msemmija jipprovdi li l-programm tal-kompjuter huwa kkunsidrat ukoll bħala xogħol jekk ikun oriġinali, fis-sens li jirrigwarda l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess.

23.      Skont l-Artikolu 65(1) tal-Liġi fuq id-drittijiet tal-awtur, il-programm tal-kompjuter, taħt kwalunkwe forma ta’ espressjoni, inkluż l-elementi preparatorji ta’ disinn, huwa protett bħala xogħol letterarju. L-Artikolu 65(2) ta’ din il-liġi jippreċiża li l-ideat u l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat kull element ta’ programm tal-kompjuter, inkluż dawk li huma fil-bażi tal-konnessjoni tiegħu ma’ programm ieħor, ma humiex protetti taħt din il-liġi.

II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

24.      B’talba indirizzata fid-9 ta’ April 2001 lill-Ministerstvo kultury u mmodifikata b’ittra tat-12 ta’ Ġunju 2001, Bezpečnostní softwarová asociace – Svaz softwarové ochrany (Assoċjazzjoni għall-protezzjoni tas-software, iktar ’il quddiem il-“BSA”) talbet awtorizzazzjoni għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur patrimonjali fuq il-programmi tal-kompjuter, taħt l-Artikolu 98 tal-Liġi fuq id-drittijiet tal-awtur.

25.      Il-Ministerstvo Kultury, b’deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2001, ċaħad din it-talba. Għalhekk il-BSA ppreżentat rikors kontriha fis-6 ta’ Awwissu 2001, rikors li ġie miċħud ukoll b’deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2001.

26.      Il-BSA ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2001 quddiem il-Vrchní soud v Praze (qorti tal-appell ta’ Praga). In-Nejvyšší správní soud, li quddiemha ntbagħtet il-kawża, annullat din id-deċiżjoni.

27.      Għalhekk il-Ministerstvo Kultury adotta deċiżjoni ġdida fl-14 ta’ April 2004, li biha, mill-ġdid, ċaħad it-talba tal-BSA. Din tal-aħħar ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ġdida quddiem il-Ministerstvo Kultury. B’deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2004, id-deċiżjoni tal-14 ta’ April 2004 ġiet annullata.

28.      Il-Ministerstvo Kultury fl-aħħar nett adotta deċiżjoni ġdida fis-27 ta’ Jannar 2005 li biha ċaħad, għal darba oħra, it-talba tal-BSA. B’mod partikolari indika li l-Liġi fuq id-drittijiet tal-awtur tipproteġi biss l-object code u s-source code tal-programm tal-kompjuter, iżda mhux il-user interface grafiku. Il-BSA ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Ministerstvo Kultury. Billi dan ir-rikors ġie miċħud b’deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2005, il-BSA ppreżentat rikors quddiem il-Městský soud v Praze (it-Tribunal Muniċipali ta’ Praga) li kkonferma l-argument tal-Ministerstvo Kultury. Il-BSA appellat id-deċiżjoni tal-Městský soud v Praze quddiem in-Nejvyšší správní soud.

III – Id-domandi preliminari

29.      Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, in-Nejvyšší správní soud iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u għamlet dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250 […]għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finjiet tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq programm tal-kompjuter, bħala xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur skont l-imsemmija direttiva, ‘espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter’ għandha tfisser ukoll user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter jew parti minnu?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, xandir televiżiv li jippermetti lill-pubbliku, perċezzjoni sensorjali tal-user interface grafiku ta’ programm tal-kompjuter, jew parti minnu, għalkemm mingħajr il-possibbiltà ta’ kontroll attiv ta’ dan il-programm, huwa komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur, jew ta’ parti minnu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 […]?”

IV – Analiżi

A –    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Fit-talba għal deċiżjoni preliminiari tagħha, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jista’ jitqajjem fil-konfront tagħha n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi li hija qed tagħmel.

31.      Fil-fatt, il-fatti tal-kawża prinċipali seħħew qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni Ewropea.

32.      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tinterpreta d-direttivi għal dak li jirrigwarda biss l-applikazzjoni tagħhom fi Stat Membru ġdid sa mid-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni (11).

33.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Telefónica O2 Czech Republic (12), irrilevat li d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali ġiet wara d-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru fl-Unjoni, li kienet tirregola sitwazzjoni għall-ġejjieni u mhux għall-passat, u li l-qorti nazzjonali kienet qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fil-kawża prinċipali. Imbagħad, hija indikat li, peress li d-domandi preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, bħala prinċipju, mingħajr ma jkun neċessarju li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi li fihom il-qrati nazzjonali ħassewhom fid-dmir li jressqulha d-domandi kif ukoll jipproponu li japplikaw id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu talbuha tinterpreta (13).

34.      Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, għalkemm il-fatti tal-kawża bdew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni, id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali ttieħdet wara din l-adeżjoni (14). Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kienet kompetenti biex tiddeċiedi fuq id-domandi preliminari magħmulin mill-qorti tar-rinviju.

35.      F’din il-kawża nsibu l-istess xenarju. Fil-fatt rajna li l-ewwel deċiżjoni tal-Ministerstvo kultury tal-20 ta’ Lulju 2001, ittieħdet qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni. Wara diversi rikorsi tal-BSA li wasslu għal ċaħdiet min-naħa tal-Ministerstvo kultury, dan adotta deċiżjoni ġdida fis-27 ta’ Jannar 2005, fejn għal darba oħra t-talba tal-BSA ġiet miċħuda.

36.      Peress li l-BSA kkontestat, mingħajr suċċess, din id-deċiżjoni ġdida quddiem il-Ministerstvo kultury, hija ressqet talba quddiem il-Městský soud v Praze sabiex tannullaha.

37.      Din tal-aħħar ikkonfermat l-argument tal-Ministerstvo kultury u għalhekk il-BSA ppreżentat rikors quddiem in-Nejvyšší správní soud.

38.      Għalhekk din hija deċiżjoni li ngħatat wara d-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fl-Unjoni, jiġifieri d-deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2005 li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali.

39.      Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tirregola sitwazzjoni għall-ġejjieni, billi fin-nofs hemm il-ġestjoni kollettiva, mill-BSA, tad-drittijiet tal-awtur patrimonjali fuq il-programmi tal-kompjuter, u d-domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

40.      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tirrispondi d-domandi preliminari magħmulin mill-qorti tar-rinviju.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

41.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf, sostanzjalment, jekk il-user interface grafiku huwiex forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 u għalhekk jibbenefikax mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq il-programmi tal-kompjuter.

42.      Id-diffikultà li ltaqgħet magħha l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża tirrigwarda l-fatt li d-direttiva ma tagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ programm tal-kompjuter. Id-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju twassal biex wieħed jindaga fuq is-suġġett u l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija direttiva.

43.      Biex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa meħtieġ li l-ewwel nett nistaqsi xi jkopri dan il-kunċett fis-sens tad-Direttiva 91/250 sabiex, imbagħad, ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk il-user interface grafiku huwiex forma ta’ espressjoni tal-kunċett imsemmi.

44.      Wara li neżamina l-kunċett ta’ programm tal-kompjuter, ser nindika r-raġunijiet għaliex naħseb li l-user interface grafiku ma huwiex forma ta’ espressjoni ta’ programm ta’ kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 u, għalhekk, ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva. Imbagħad ser nispjega għaliex, fl-opinjoni tiegħi, dan l-interface jista’ jiġi protett mid-dritt ġenerali tad-drittijiet tal-awtur.

1.      Fuq il-kunċett ta’ programm tal-kompjuter

45.      L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/250 jipprovdi li l-programmi tal-kompjuter huma protetti mid-drittijiet tal-awtur bħala xogħlijiet letterarji. Din id-direttiva ma tagħti l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ programm tal-kompjuter u tgħid biss li dan jinkludi wkoll il-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom (15).

46.      In-nuqqas ta’ definizzjoni jirriżulta mir-rieda espressa tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-proposta tagħha għal direttiva (16), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-fatt tippreċiża li “l-esperti sostnew li kull definizzjoni, f’direttiva, ta’ dak li jikkostitwixxi programm bilfors jgħaddi żmienha jekk il-progress tat-teknoloġija jimmodifika n-natura tal-programmi kif nafuhom illum” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (17).

47.      Madankollu, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni rrifjuta li jiddefinixxi l-kunċett ta’ programm tal-kompjuter f’definizzjoni li tista’ tiskadi malajr, il-Kummissjoni, f’din il-proposta ta’ direttiva, tagħtina elementi utli. Għalhekk, jingħad li dan il-kunċett jindika kumpless ta’ struzzjonijiet li għandhom bħala għan li jitwettqu funzjonijiet minn sistema li tipproċessa l-informazzjoni, imsejjaħ kompjuter (18). Il-Kummissjoni tindika wkoll li, fl-istat attwali tat-teknoloġija, it-terminu ta’ programm jindika l-espressjoni, fi kwalunkwe forma, lingwa, sinjal jew kodiċi, ta’ kumpless ta’ struzzjonijiet maħsuba biex kompjuter iwettaq biċċa xogħol jew funzjoni partikolari (19).

48.      Il-Kummissjoni żżid tgħid li dan it-terminu għandu jinkludi kull forma ta’ programm, perċettibbli mill-bniedem jew li jiġi pproċessat mill-magna, li minnha l-programm li jippermetti lill-magna li tagħmel il-funzjoni tagħha ġie jew jista’ jiġi maħluq (20).

49.      Fil-verità, il-Kummissjoni tinkludi hawnhekk l-elementi letterarji li huma fil-bażi ta’ programm tal-kompjuter, jiġifieri s-source code u l-object code. Fl-oriġini ta’ programm tal-kompjuter hemm is-source code li jikteb il-programmatur. Dan il-kodiċi, ikkostitwit minn kliem, jinftiehem mill-intellett tal-bniedem. Iżda dan ma jistax jiġi pproċessat mill-magna. Biex jiġri dan, ikollu jiġi kkompilat biex jiġi tradott fil-lingwa tal-magna f’forma binarja, l-iktar spiss iċ-ċifri 0 u 1. Dan huwa dak li jissejjaħ l-object code.

50.      Għalhekk dawn il-kodiċijiet jirrappreżentaw il-kitba ta’ programm tal-kompjuter f’lingwa li l-ewwel tinftiehem mill-intellett tal-bniedem, imbagħad tinftiehem mill-magna. Dawn huma l-espressjoni tal-idea tal-programmatur u, f’dan is-sens, ma hemm l-ebda dubju li jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur li tagħti d-Direttiva 91/250.

51.      Fuq kollox, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-ittra tal-Artikolu 10(1) tal-Ftehim ADPIC li jistabbilixxi li l-programmi tal-kompjuter, kemm jekk espressi f’source code jew f’object code, għandhom ikunu protetti bħala xogħlijiet letterarji bis-saħħa tal-Konvenzjoni ta’ Berna.

52.      Il-kwistjoni li tqum issa hija dwar jekk il-user interface grafiku, li huwa r-riżultat, fuq l-iskrin, tal-programm tal-kompjuter, jikkostitwixxix forma ta’ espressjoni ta’ dan il-programm u għalhekk jibbenefikax mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 91/250.

2.      Fuq il-kunċett ta’ kull forma ta’ espressjoni tal-programm tal-kompjuter

53.      Fid-disa’ premessa tad-Direttiva 91/250, din tipprovdi li programm tal-kompjuter għandu jikkomunika u jaħdem flimkien ma’ komponenti oħra f’sistema ta’ kompjuters u mal-utenti. Għaldaqstant huma meħtieġa interkonnessjoni u interazzjoni loġika u, fejn hu xieraq, waħda fiżika biex tippermetti l-elementi kollha tas-software u hardware li jaħdmu ma’ software u hardware ieħor u ma’ utenti fl-għamliet kollha li fihom huma maħsuba li jiffunzjonaw. Imbgħad, huwa ppreċiżat li l-partijiet tal-programm li jipprovdu għal din l-interkonnessjoni u din l-interazzjoni bejn l-elementi tas-software u l-hardware huma ġeneralment magħrufa bħala “interfaces” (21).

54.      Fil-qasam informatiku, l-interface għandu diversi forom li jistgħu jinġabru f’żewġ kategoriji, jiġifieri l-interfaces fiżiċi u l-interfaces loġiċi jew ta’ software. L-interfaces fiżiċi jinkludu b’mod partikolari, il-hardware bħall-iskrin tal-kompjuter, it-tastiera kif ukoll il-mouse.

55.      Fost l-interfaces ta’ software nsibu l-interfaces ta’ interkonessjoni, interni fis-software u li jippermettu d-djalogu mal-elementi l-oħrajn tas-sistema informatika, u l-interfaces ta’ interazzjoni, li minnhom jagħmel parti l-user interface grafiku.

56.      Fil-fatt, il-user interface grafiku, ġeneralment imsejjaħ il-“look and feel”, jippermetti komunikazzjoni bejn il-programm u l-utent. Dawn ikunu, pereżempju, ikoni u simboli viżivi fuq l-iskrin, windows kif ukoll drop-down menu. Dan jagħmilha possibbli għal interazzjoni bejn il-programm u l-utent. Din l-interazzjoni tista’ tikkonsisti fis-sempliċi xandir ta’ informazzjoni, iżda tista’ tippermetti wkoll lill-utent li jikkomunika struzzjonijiet lill-programm tal-kompjuter bl-użu ta’ kmandi. Dan huwa l-każ, pereżempju, ta’ fajl maqbud bil-mouse u mqiegħed fir-recycle bin jew il-kmand “copy” (ikkopja) u “paste” (waħħal) ta’ word processor.

57.      Għar-raġunijiet li ser insemmi iktar ’il quddiem, ma naħsibx li l-user interface grafiku huwa forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni legali fuq il-programmi tal-kompjuter.

58.      L-għan li trid tilħaq id-Direttiva 91/250 huwa li tipproteġi l-programmi tal-kompjuter minn kull riproduzzjoni li ma tkunx awtorizzata mid-detentur tad-dritt (22).

59.      Fil-fehma tiegħi l-ispeċifiċità tad-drittijiet tal-awtur applikabbli għall-programmi tal-kompjuter hija li, kuntrarjament għal xogħlijiet protetti oħrajn minn dawn id-drittijiet li jappellaw direttament għas-sensi tal-bniedem, il-programm tal-kompjuter għandu għan utilitarju u għalhekk huwa protett bħala tali.

60.      Fil-fatt rajna, fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-programm tal-kompjuter ifisser l-espressjoni ta’ kumpless ta’ struzzjonijiet li għandhom bħala għan li jippermettu li kompjuter iwettaq biċċa xogħol jew funzjoni partikolari.

61.      Naħseb ukoll li irrispettivament mill-forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter, din il-forma għandha tiġi protetta mill-mument meta r-riproduzzjoni tagħha tikkawża r-riproduzzjoni tal-programm tal-kompjuter stess, biex il-kompjuter ikun jista’ jaqdi l-funzjoni tiegħu. Fil-fehma tiegħi dan huwa s-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti lill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250.

62.      Barra minn hekk, din hija r-raġuni għaliex il-materjal preparatorju tad-disinn, meta jippermetti l-kreazzjoni ta’ dan il-programm, huwa protett ukoll mid-drittijiet tal-awtur applikabbli għall-programm tal-kompjuter (23).

63.      Dan il-materjal jista’ jinkludi, pereżempju, struttura jew organigramma żviluppati mill-programmatur u li jistgħu jerġgħu jiġu traskritti f’source code u f’object code, biex il-magna tkun tista’ teżegwixxi l-programm tal-kompjuter (24). Din l-organigramma żviluppata mill-programmatur tista’ titqabbel mal-iskript ta’ film.

64.      Għalhekk, nikkunsidra li l-kunċett ta’ kull forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter huwa l-forom ta’ espressjoni li, la darba sfruttati, jippermettu lill-programm tal-kompjuter li jwettaq il-biċċa xogħol li ġie kkreat għaliha.

65.      Issa, is-sempliċi user interface grafiku ma jistax iwassal għal dan ir-riżultat, għaliex ir-riproduzzjoni tiegħu ma tfissirx ir-riproduzzjoni ta’ programm tal-kompjuter stess. Barra minn hekk, huwa possibbli li l-programmi tal-kompjuter li jkollhom source code u object code differenti jkollhom l-istess interface. Għaldaqstant, il-user interface grafiku ma jiżvelax il-programm tal-kompjuter. Dan iservi biss biex jagħmel l-użu tiegħu iktar faċli u iktar faċli għall-utent.

66.      Għalhekk fil-fehma tiegħi l-user interface grafiku ma huwiex forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250.

67.      Jekk wieħed jaċċetta l-kuntrarju, jista’ jkun hemm il-konsegwenza li tingħata protezzjoni lil programm tal-kompjuter, u għalhekk lis-source code u lill-object code tiegħu, għas-sempliċi fatt li l-user interface grafiku ġie riprodott mingħajr ma wieħed joqgħod jivverifika l-oriġinalità tal-kodiċijiet li jikkostitwuh, u dan imur b’mod manifest kontra l-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva li tistabbilixxi li “[p]rogramm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali ta’ l-awtur stess”.

68.      Għal dawn ir-raġunijiet jiena tal-fehma li l-user interface grafiku ma huwiex forma ta’ espressjoni ta’ programm ta’ kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din d-direttiva u li, għalhekk, ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva 91/250.

69.      Madankollu, ma naħsibx li tali interface qatt ma jista’ jiġi protett.

3.      Il-protezzjoni tal-user interface grafiku mid-dritt ġenerali tad-drittijiet tal-awtur

70.      Jekk il-user interface grafiku ma jistax jiġi kkunsidrat bħala espressjoni ta’ programm tal-kompjuter u għalhekk ma jistax jiġi protett bħala tali, nikkunsidra li, minkejja dan, jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur applikabbli għal xogħlijiet letterarji u artistiċi skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29.

71.      Skont il-ġurisprudenza żviluppata fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (25), id-drittijiet tal-awtur japplikaw għal oġġett meta jkun oriġinali, fis-sens li hija kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess (26).

72.      Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li l-user interface grafiku jista’ jkun kreazzjoni intellettwali.

73.      Il-ħolqien ta’ interface bħal dan jeħtieġ sforz intellettwali kunsiderevoli min-naħa tal-awtur tiegħu, kif inhu l-każ għal ktieb jew spartit tal-mużika. Wara l-user interface grafiku hemm moħbija struttura kumplessa żviluppata mill-programmatur (27). Dan tal-aħħar juża lingwa tal-ipprogrammar li, strutturat b’ċertu mod, tippermetti li jkun hemm buttuna ta’ kmand speċjali, bħal, pereżempju, il-“copy-paste”, kif ukoll azzjoni, bħall-fatt li wieħed jikklikkja darbtejn fuq folder biex jiftħu jew jikklikkja fuq ikona biex iċċekken tieqa li tkun miftuħa.

74.      Madankollu, jekk il-user interface grafiku jeħtieġ sforz intellettwali, jeħtieġ ukoll, skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, li dan ikun, biex nieħu l-frażi tal-Qorti tal-Ġustizzja, xogħol li huwa oriġinali fis‑sens li huwa kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess (28).

75.      Id-diffikultà biex tiddetermina dwar l-oriġinalità tal-user interface grafiku qiegħda fil-fatt li l-maġġoranza tal-elementi li jikkomponuh għandhom għan funzjonali, għaliex huma intiżi li jiffaċilitaw l-użu tal-programm tal-komputer. Għalhekk, il-mod li jiġu espressi dawn l-elementi huwa bilfors limitat għaliex, kif qalet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (29), l-espressjoni hija ddettata mill-funzjoni teknika li dawn l-elementi jkopru. Pereżempju, dan huwa l-każ tal-mouse li jimxi fuq l-iskrin u li wieħed jipponta fuq il-buttuna tal-kmand biex din tiffunzjona kif ukoll id-drop-down menu li jidher meta jinfetaħ fajl ta’ test.

76.      F’każ bħal dan, jidhirli li l-kriterju tal-oriġinalità ma huwiex sodisfatt, għaliex il-modi differenti tal-implementazzjoni ta’ idea huma tant limitati li l-idea u l-espressjoni jitħalltu. Li kieku ngħatat din il-possibbiltà din kien ikollha l-konsegwenza li jingħata monopolju lil ċerti kumpanniji fis-suq tal-programmi tal-kompjuter u b’hekk kienu jitrażżnu kunsiderevolment il-kreazzjoni u l-innovazzjoni f’dan is-suq. Dan kien imur kontra l-għan tad-Direttiva 2001/29 (30).

77.      Għalhekk naħseb li, fl-evalwazzjoni tagħha minn każ għal każ, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk, bl-għażla tal-awtur tiegħu, bil-kumbinazzjonijiet li joħloq u l-implementazzjoni tal-user interface grafiku, dan huwiex espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu, filwaqt li jeskludu minn din l-evalwazzjoni l-elementi fejn l-espressjoni hija ddettata mill-funzjoni teknika tagħhom.

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru iktar ’il fuq, inqis li l-user interface grafiku ma huwiex forma ta’ espressjoni ta’ programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 u li, għalhekk, dan ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva. Iżda, billi jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu, user interface grafiku jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29.

 C-     Fuq it-tieni domanda preliminari

79.      Bit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ix-xandir televiżiv ta’ user interface grafiku jikkostitwixxix komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

80.      Fis-seduta li saret fit-2 ta’ Settembru 2010, il-partijiet taw xi eżempji ta’ xandir, fuq l-iskrin ta’ televiżjoni, ta’ user interface grafiku. B’mod partikolari, fit-trasmissjoni ta’ xandira dwar l-elezzjonijiet, tista’ tintwera tabella fuq l-iskrin li turi r-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet.

81.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fatt li interface bħal dan jista’ jkun is-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għaliex dan l-interface jixxandar fuq l-iskrin ta’ televiżjoni b’mod passiv, mingħajr ma t-telespettaturi jkunu jistgħu jutilizzaw dak l-interface jew anki jkollhom aċċess għall-kompjuter jew tagħmir ieħor li dan jista’ jikkontrolla.

82.      Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi xandira televiżiva ta’ user interface grafiku ma hijiex komunikazzjoni ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikoli 2(a) u 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

83.      Fil-fatt rajna, fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-user interface grafiku għandu bħala għan li jippermetti interazzjoni bejn il-programm tal-kompjuter u l-utent. Il-qofol ta’ dan l-interface huwa li jagħmel l-użu tal-programm iktar faċli għall-utent.

84.      Għalhekk, min-natura partikolari tiegħu, il-user interface grafiku huwa differenti minn xogħlijiet protetti oħrajn mid-dritt ġenerali tad-drittijiet tal-awtur. L-oriġinalità tiegħu qiegħda fl-implementazzjoni, fil-mod kif jikkomunika mal-utent, bħall-possibbiltà li jikkontrollaw buttuni kif ukoll jinfetħu windows.

85.      Meta jixxandar dan l-interface fuq l-iskrin ta’ televiżjoni, dan jitlef in-natura oriġinali tiegħu minħabba l-fatt li l-element essenzjali li jikkostitwixxih, jiġifieri din l-interazzjoni mal-utent, ma tkunx possibbli.

86.      Għalhekk, maqtugħ mill-element essenzjali li jikkaratterizzah, il-user interface grafiku ma jikkorrispondix iktar mad-definizzjoni ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29. Għalhekk ma huwiex iktar ix-xogħol li l-entità tat-trażmissjoni tkun qed ixandar fuq l-iskrins tat-televiżjoni u li jikkomunika lill-pubbliku.

87.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-opinjoni li x-xandir televiżiv tal-user interface grafiku, peress li, minħabba fih, dan tal-aħħar jitlef in-natura tiegħu ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, ma jikkostitwixxix komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

V –    Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru hawn fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej lin-Nejvyšší správní soud:

“1)      Il-user interface grafiku ma huwiex forma ta’ espressjoni ta’ programm ta’ kompjuter fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/250 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter u, għalhekk, ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva.

2)      Meta jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur stess, user interface grafiku jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala xogħol fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

3)      Ix-xandir televiżiv ta’ user interface grafiku, peress li minħabba fih, dan tal-aħħar jitlef in-natura tiegħu ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, ma jikkostitwixxix komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114).


3 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, iktar ’il quddiem il-“ftehim ADPIC”.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33 p. 208.


6 – Ara d-definizzjoni mogħtija mill-WIPO fid-dispożizzjonijiet tagħha fuq il-protezzjoni tal-programmi tal-kompjuter fuq is-sit tal-Internet tal-WIPO (http://www.wipo.int/edocs/mdocs/copyright/en/wipo_ip_cm_07/wipo_ip_cm_07_www_82573.doc).


7 – Ara l-ewwel, ir-raba’ u l-ħames premessi ta’ din id-direttiva.


8 – Ara l-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva.


9 – Ara l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2001/29.


10 – 121/2000 Sb., iktar ’il quddiem il-“Liġi fuq id-drittijiet tal-awtur”.


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C‑302/04, Ġabra p. I‑371, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – C‑64/06, Ġabra p. I‑4887.


13 – Punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


14 – Punti 19 u 20.


15 – Is-seba’ premessa ta’ din id-direttiva tgħid li, “għall-fini ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘programm tal-kompjuter’ għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware; billi dan it-terminu jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba li n-natura tax-xogħol preparatorju huwa hekk li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju aktar ’il quddiem”.


16 – Proposta għal direttiva tal-Kunsill fuq il-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter (ĠU 1989, C 91, p. 4, iktar ’il quddiem “proposta għal direttiva”).


17 – Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(1) li hemm fit-tieni parti tal-proposta għal direttiva, bit-titolu “Dispożizzjonijiet partikolari”.


18 – Ara l-punt 1.1 fl-ewwel parti tal-proposta għal direttiva, bit-titolu “Ġeneralitajiet”. Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


19 – Ara t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(1) li hemm fit-tieni parti tal-proposta għal direttiva.


20 – Ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1(1) li hemm fit-tieni parti tal-proposta għal direttiva.


21 – Ara l-ħdax-il premessa ta’ din id-direttiva.


22 – Ara l-ewwel u t-tieni premessi ta’ din id-direttiva.


23 – Ara s-seba’ premessa ta’ din id-direttiva u l-punt 1.1 li hemm fl-ewwel parti tal-proposta ta’ direttiva.


24 – Għal ħarsa fil-qosor fuq t-tħejjija ta’ software, ara C. Caron, Droits d’auteur et droits voisins, it-Tieni Edizzjoni, Litec, Paris, 2009, p. 134 u 135, kif ukoll A. Strowel u E. Derclaye, Droit d’auteur et numérique: logiciels, bases de données, multimédia: droit belge, européen et comparé, Bruylant, Brussell, 2001, p. 181 u 182.


25 – C‑5/08, Ġabra p. I‑6569.


26 – Punt 37.


27 – Għal eżempju ta’ kreazzjoni ta’ interface grafiku, ara s-sit tal-Internet http://s.sudre.free.fr/Stuff/Interface.html.


28 – Ara s-sentenza Infopaq International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).


29 – Ara l-punti 36 u 37.


30 – Ara t-tieni u r-raba’ premessi ta’ din id-direttiva.