Language of document : ECLI:EU:C:2012:640

Kawża C-37/11

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Ċeka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ammissibbiltà —Regolament Nru 1234/2007 — Artikolu 115 — Anness XV — Punt I(2) — Appendiċi għall-Anness XV — Parti A — Deskrizzjonijiet dwar il-bejgħ ‘butir’ u ‘prodott tal-ħalib tal-frix’ — Deskrizzjoni dwar il-bejgħ ‘pomazánkové máslo’ (butir li jindilek) — Lista ta’ derogi”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2012

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn deċiżjoni jew minn direttiva — Eċċezzjonijiet tad-difiża — Kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Inammissibbiltà — Limiti — Att ineżistenti

(Artikolu 258 TFUE)

2.        Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Regolament Nru 1234/207 — Xaħmijiet li jistgħu jiddelku — Denominazzjonijiet kummerċjali uniformi — Applikazzjoni ta’ deroga — Neċessità ta’ deċiżjoni preliminari tal-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 2991/94, is-seba’ premessa, u Nru 1234/2007, Artikolu 121(c)(i), u Anness XV, il-punt a tat-tielet subparagrafu tal-punt 1(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 445/2007, premessa 4)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 46-49, 51)

2.        Mill-premessa 51 tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli, li ssostitwixxa u ħa d-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 2991/94, li jistabbilixxi standards għal xaħmijiet li jistgħu jiddelku, jirriżulta li dan tal-aħħar iddefinixxa r-regoli ta’ kummerċjalizzazzjoni f’dak li jirrigwarda l-prodotti tal-ħalib u stabbilixxa klassifikazzjoni uniformi tal-imsemmija xaħmijiet. Fil-kuntest ta’ din il-klassifikazzjoni, id-deroga stabbilita fit-tielet subparagrafu tal-Punt I(2)(a) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007 hija neċessarjament eċċezzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 121(ċ)(i) tal-imsemmi regolament espressament jawtorizza lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-lista eżawrjenti ta’ prodotti li, fuq il-bażi tal-listi mibgħuta mill-Istati Membri, jibbenefikaw mill-imsemmija deroga.

Għaldaqstant, il-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Punt I(2)(a) tal-Anness XV tar-Regolament Nru 1234/2007 ma jistgħux jibbenefikaw mill-imsemmija deroga mingħajr deċiżjoni minn qabel tal-Kummissjoni li tikkonstata li dawn ir-rekwiżiti ġew sodisfatti. Interpretazzjoni kuntrarja tqiegħed inkwistjoni, minn naħa, il-kompetenza tal-Kummissjoni, kif din ġiet iddelegata lil din tal-aħħar mill-Kunsill skont l-Artikolu 121(ċ)(i) tar-Regolament Nru 1234/2007, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-effettività tal-imsemmi regolament, sa fejn dan tal-aħħar huwa intiż li juniformizza l-użu ta’ denominazzjonijiet kummerċjali bil-ħsieb li titħares il-kompetizzjoni u li jiġu protetti l-konsumaturi.

(ara l-punti 56-61)