Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour administrative (il-Lussemburgu) fl-24 ta’ Ġunju 2016 – UBS (Luxembourg) SA, Alain Hondequin, Holzem, et

(Kawża C-358/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour administrative

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UBS (Luxembourg) SA, Alain Hondequin, Holzem, et

Domandi preliminari

Fl-isfond, b’mod partikolari, tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) li jissanċixxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-eċċezzjoni ta’ “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali” msemmija kemm fil-parti finali tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill93/22/KEE 1 , kif ukoll fil-parti inizjali tal-Artikolu 54(3) tal-istess direttiva, tkopri wkoll ipoteżi li taqa’, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, taħt sanzjoni amministrattiva, iżda li mill-perspettiva tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) hija meqjusa li tifforma parti mid-dritt kriminali, bħalma hija s-sanzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imposta mir-regolatur nazzjonali, awtorità sorveljanti nazzjonali, u li tikkonsisti f’li membru ta’ Kamra tal-Avukati nazzjonali jiġi ordnat jiqaf milli jeżerċità, fi ħdan entità ssorveljata mill-imsemmi regolatur, il-funzjoni ta’ amministratur jew funzjoni oħra suġġetta għal approvazzjoni filwaqt li tordnalu jirreżenja mill-funzjonijiet relatati kollha tiegħu fl-iqsar żmien possibbli?

Fil-każ li s-sanzjoni amministrattiva msemmija iktar ’il fuq, meqjusa bħala tali fil-livell tad-dritt nazzjonali, taqa’ taħt proċedura amministrattiva, sa fejn huwa l-obbligu li jiġi mħares is-sigriet professjonali li awtorità sorveljanti nazzjonali tista’ tinvoka abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39/KE, iċċitata iktar ’il fuq, suġġett għall-eżistenza ta’ smiegħ xieraq li jinkludi rimedju effettiv bħal dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta, eżaminati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw b’mod parallel mill-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB fil-qasam ta’ smiegħ xieraq u ta’ effettività tar-rimedju, li flimkien jikkostitwixxu l-garanziji previsti fl-Artikoli 48 tal-Karta, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess sħiħ tal-persuna li kontriha ġiet imposta s-sanzjoni amministrattiva għall-fajl tal-awtur ta’ dik is-sanzjoni li fl-istess ħin huwa l-awtorità sorveljanti nazzjonali inkarigata mid-difiża tal-interessi u tad-drittijiet ċivili tal-persuna ssanzjonata?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263