Language of document : ECLI:EU:C:2011:138

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawża C‑34/10

Oliver Brüstle

vs

Greenpeace eV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Direttiva 98/44/KE – Protezzjoni ġuridika tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi – Kisba ta’ ċelloli prekursuri minn ċelloli staminali embrijoniċi umani – Possibbiltà għal privattiva – Esklużjoni tal-‘użi ta’ l-embrjonijiet [umani] għal għanijiet industrijali jew kummerċjali’ – Kunċetti ta’ ‘embriju uman’ u ta’ ‘użu għal għanijiet industrijali jew kummerċjali’ – Rispett tal-prinċipju tad-dinjità umana”






1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tikkunsidra, għall-ewwel darba, il-kunċett ta’ “użi ta’ l-embrjonijiet [embrijuni umani] għal għanijiet industrjali jew kummerċjali”, kif imsemmi fl-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (2).

2.        Id-Direttiva 98/44 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas legali Komunitarju għall-invenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-materja ħajja, billi tindika, b’mod partikolari, dawk li huma brevettabbli u dawk li ma humiex.

3.        Għalhekk, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-invenzjonijiet li l-użu kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità ma humiex brevettabbli. L-Artikolu 6(2)(ċ) tal-istess direttiva jsemmi l-użu ta’ embrijuni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali bħala eżempju ta’ invenzjonijiet li ma humiex brevettabbli.

4.        Preċiżament billi qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tifsira u l-portata ta’ din l-esklużjoni, il-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) tippreżenta infatti domanda fundamentali, dik tad-definizzjoni tal-embriju uman anki jekk din hija mitluba li tingħata biss fis-sens tad-Direttiva 98/44, jiġifieri għall-finijiet tal-protezzjoni tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi.

5.        L-invenzjonijiet li l-possibbiltà għal privattiva tagħhom qed tiġi kkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-użu ta’ ċelloli staminali pluripotenti ta’ oriġini umana meħuda fi stadju partikolari tal-evoluzzjoni tar-riżultat tal-fertilizzazzjoni ta’ bajda minn sperma. Għalhekk id-domanda, tkun kif tkun il-formulazzjoni tagħha, hija preċiżament jekk dan ir-riżultat, li fil-lingwaġġ komuni jissejjaħ “embriju”, għandux jiġi kkwalifikat legalment b’dan il-mod, bil-konsegwenzi kollha possibli li jistgħu jirriżultaw, jew fil-mument tal-konċepiment jew fi stadju segwenti li mbagħad ikun irid jiġi ddeterminat.

6.        Mis-soluzzjoni magħżula ser jinsiltu r-risposti għad-diversi domandi magħmula u b’mod partikolari dik jekk iċ-ċelloli staminali pluripotenti għandhomx huma stess jiġu kkwalifikati b’dan il-mod.

7.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega għaliex nemmen li għandu jintlaħaq ftehim komuni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea dwar il-kunċett ta’ embriju uman. Imbagħad ser nindika li, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ embriju uman huwa applikabbli mill-istadju tal-fertilizzazzjoni, għaċ-ċelloli totipotenti inizjali u l-proċess kollu tal-iżvilupp u l-formazzjoni tal-ġisem uman li jirriżulta. Dan jinkludi wkoll, b’mod partikolari, il-blastoċista. Se nsostni wkoll li l-bajd mhux iffertilizzat, li fihom ġie impjantat in-nukleu ta’ ċellola umana matura (3) jew li ġew stimulati sabiex jinqasmu u jiżviluppaw permezz tal-partenoġenesi, jaqgħu wkoll taħt il-kunċett ta’ embriju uman sa fejn l-użu ta’ dawn it-tekniki jwasslu għall-kisba ta’ ċelloli totipotenti. Min-naħa l-oħra, ser nindika li peress li ċ-ċelloli staminali embrijoniċi pluripotenti ma għandhomx fihom infushom il-kapaċità li jiżviluppaw fi bniedem, dawn ma jaqgħux taħt dan il-kunċett.

8.        Madankollu, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li invenzjoni ma għandhiex tkun brevettabbli, skont l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44, meta l-implementazzjoni tal-proċess tekniku suġġett għall-privattiva tirrikjedi, minn qabel, il-qerda jew l-użu ta’ embrijuni umani bħala materjal inizjali, anki jekk id-deskrizzjoni ta’ dan il-proċess ma jkun fiha l-ebda referenza għall-użu ta’ embrijuni umani.

9.        Fl-aħħar nett, ser nispjega għalfejn fil-fehma tiegħi, l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-possibbiltà għal privattiva tal-użi ta’ embrijuni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali tikkonċerna biss dawk l-invenzjonijiet b’finijiet terapewtiċi jew dijanjostiċi li japplikaw għall-embriju uman u li huma utli għalih.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

1.      Il-Ftehim TRIPs

10.      Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat fi Marrakech fil-15 ta’ April 1994, ġie approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (4).

11.      L-Artikolu 27 tal-Ftehim TRIPs jaqra kif ġej:

“1.   Il-patenti [privattivi] għandhom ikunu disponibbli għal kwalunkwe invenzjoni, jekk inhuma prodotti jew proċessi, f’kull qasam tat-teknoloġija, sakemm huma ġodda, għandhom passi inventivi u jistgħu jkunu ta’ applikazzjoni industrijali, soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 u 3. Soġġetti għall-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 65, paragrafu 8 ta’ l-Artikolu 70 u paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-patenti għandhom ikunu disponibbli u d-drittijiet tal-patenti li jistgħu jitgawdew mingħajr diskriminazzjoni tal-post ta’ l-invenzjoni, il-qasam tat-teknoloġija u jekk il-prodotti kienux importati jew magħmula lokalment.

2.     Il-Membri għandhom jeskludu mill-invenzjonijiet li jistgħu jiġu patentjati, il-prevenzjoni fit-territorji ta’ l-isfruttament kummerċjali li huwa meħtieġ għall-protezzjoni ta’ l-ordni pubbliku u l-moralità, inkluż il-protezzjoni tal-ħajja umana, ta’ l-annimali jew pjanti jew saħħa jew biex jiġi evitat preġudizzju serju għall-ambjent, sakemm li esklużjoni bħal din ma saritx minħabba li l-isfruttament hi projbita mill-liġi tagħhom.

[…]”

2.      Il-Konvenzjoni ta’ München

12.      L-Artikolu 53(a) tal-Konvenzjoni dwar l-għoti ta’ privattivi Ewropej, iffirmata f’München fil-5 ta’ Ottubru 1973, kif emendata (5), li l-Unjoni mhix parti minnha, iżda li l-Istati Membri huma kollha firmatarji tagħha, jipprovdi kif ġej:

“Il-privattivi Ewropej ma jingħatawx għal:

a)      dawk l-invenzjonijiet li l-użu kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità, iżda dan ma jistax jiġi dedott biss minħabba l-fatt li l-użu huwa pprojbit fl-Istati kontraenti kollha jew f’uħud minnhom permezz ta’ liġi jew regolament” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

13.      Skont l-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (6), id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli u għandha tkun irrispettata u protetta.

14.      L-Artikolu 3 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jindika dan li ġej:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett ta’ l-integrità fiżika u mentali tagħha.

2.      Fl-oqsma tal-mediċina u tal-bijoloġija, dawn li ġejjin għandhom jiġu rispettati b'mod partikolari::

[…]

ċ)      il-projbizzjoni li l-ġisem tal-bniedem u l-partijiet tiegħu, bħala tali, jintużaw bħala mezz ta' gwadann finanzjarju;

[…]”

2.      Id-Direttiva 98/44

15.      Id-Direttiva 98/44 għandha l-għan mhux biss li tistabbilixxi qafas ta’ protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, b’mod partikolari, sabiex jinżamm u jiġi inkoraġġit l-investiment fil-qasam tal-bijoteknoloġija, iżda wkoll li telimina d-differenzi bejn il-liġijiet u l-prattiki tal-Istati Membri f’dan il-qasam (7).

16.      L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipproteġu l‑invenzjonijiet bijoteknoloġiċi permezz tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar il‑privattivi, u, fejn meħtieġ, jadattawhom skont id‑dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/44 jindika li din id-direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt ftehim internazzjonali, u b’mod partikolari il-Ftehim TRIPs u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (8).

17.      Minħabba l-ispeċifiċità tas-suġġett li għalih tirreferi l-possibbiltà għal privattiva, jiġifieri l-materja ħajja, din id-direttiva tistipula l-limiti ta’ dak li huwa brevettabbli u dak li ma huwiex brevettabbli.

18.      B’hekk, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/44 jipprovdi li l-invenzjonijiet il-ġodda, li jinvolvu pass inventiv u li jistgħu jiġu applikati industrijalment huma brevettabbli anki jekk jirrigwardaw prodott li jikkonsisti fi jew ikun fih materjal bijoloġiku jew proċess li permezz tiegħu jiġi prodott, ipproċessat jew użat xi materjal bijoloġiku. Bl-istes mod, l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jindika li materjal bijoloġiku li jiġi iżolat mill-ambjent naturali tiegħu jew li huwa prodott permezz ta’ proċess tekniku jista’ jkun is-suġġett ta’ invenzjoni, anki jekk ikun jeżisti qabel fl-istat naturali.

19.      Madankollu, skont l-Artikolu (5)(1) ta’ din id-direttiva, “[i]l-ġisem tal-bniedem, fl-istadji varji tal-formazzjoni u l-iżvilupp tiegħu, u l-iskoperta sempliċi ta’ wieħed mill-elementi tiegħu […] ma jistgħux jikkostitwixxu invenzjonijiet li għandhom jedd għall-privattiva [brevettabbli].” Madankollu, huwa aċċettat, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/44 li element iżolat mill-ġisem uman jew prodott xorta oħra permezz ta’ proċess tekniku jista’ jikkostitwixxi invenzjoni brevettabbli, anki jekk l-istruttura ta’ dan l-element tkun identika għal dik ta’ element naturali.

20.      L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprevedi wkoll projbizzjonijiet ta’ possibbiltà għal privattiva. Din id-dispożizzjoni tipprovdi dan li ġej:

“1.   L-invenzjonijiet għandhom jitqiesu li ma jistgħux jiġu bil-privattiva meta l-isfruttament kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika; madankollu, l-isfruttament m’għandux jitqies bħala kuntrarju sempliċement minħabba li jkun ipprojbit bil-liġi.

2.     Fuq il-bażi tal-paragrafu 1, dan li ġej, b’mod partikolari, għandu jitqies li [ma] għandu[x] jedd għall-privattiva:

[…]

ċ)      l-użi ta’ l-embrjonijiet għal għanijiet industrijali jew kummerċjali;

[…]”

21.      Fil-premessa 42 ta’ din id-direttiva, insibu wkoll li “din l-esklużjoni ma għandhiex taffettwa l-invenzjonijiet għal għanijiet terapewtiċi jew dijanjostoċi li jiġu applikati fuq embrjo uman u li huma utli għalih”.

C –    Id-dritt nazzjonali

22.      Billi jirriproduċi l-Artikolu 6(1) u (2)(ċ) tad-Direttiva 98/44, l-Artikolu 2(1) u (2) punt 3, tal-liġi dwar il-privattivi (Patentgesetz), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2005 (9), jipprovdi li ma għandhomx jingħataw privattivi lill-invenzjonijiet li l-użu kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità u, b’mod partikolari, ma jingħatawx privattivi għal użi ta’ embrijuni umani għal għanijiet industrijali u kummerċjali.

23.      L-Artikolu 1(1) punt 2, u l-Artikolu 2(1) u (2) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni (Embryonenschutzgesetz) (10), tat-13 ta’ Diċembru 1990, jiddefinixxu bħala reat il-fertilizzazzjoni artifiċjali ta’ bajd bi skop ieħor għajr dak li tinduċi t-tqala tal-mara li minnha jipprovjenu, il-bejgħ ta’ embrijuni umani mnissla in vitro jew miġbura minn mara qabel it-tmiem tal-proċess ta’ impjantazzjoni fl-utru jew it-trasferiment, l-akkwist jew l-użu tagħhom għal xi skop ieħor ħlief għall-konservazzjoni tagħhom, kif ukoll l-iżvilupp in vitro ta’ embrijuni umani għal xi skop ieħor għajr dak li jinduċi t-tqala.

24.      Skont l-Artikolu 8(1) tal-ESchG, l-embriju huwa l-bajda umana ffertilizzata kapaċi li tiżviluppa, malli sseħħ il-karjogamija, kif ukoll kull ċellola meħuda minn embriju kapaċi, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa, tinqasam u tiżviluppa f’individwu. Skont l-ESchG, dawn iċ-ċelloli li kapaċi jiżviluppaw f’individwu huma ċelloli totipotenti, filwaqt li ċ-ċelloli staminali li kapaċi jiżviluppaw fi kwalunkwe tip ta’ ċellola iżda ma jistgħux jiżviluppaw f’individwu sħiħ, huma deskritti bħala ċelloli pluripotenti.

25.      Skont l-Artikolu 4(1), tal-liġi li tiggarantixxi l-protezzjoni ta’ embrijuni fl-ambitu tal-importazzjoni u l-użu ta’ ċelloli staminali embrijoniċi umani (Gesetz zur Sicherstellung des Embryonenschutzes im Zusammenhang mit Einfuhr und Verwendung menschlicher embryonaler Stammzellen) (11), tat-28 ta’ Ġunju 2002, l-importazzjoni u l-użu ta’ ċelloli staminali embrijoniċi pluripotenti huma pprojbiti. Hemm, madankollu, eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 punt 1 ta’ din il-liġi, din il-projbizzjoni ma tapplikax jekk iċ-ċelloli staminali embrijoniċi inkisbu b’mod konformi mar-regolamenti fis-seħħ fl-Istat ta’ oriġini, jekk l-embrijuni li jirriżultaw minnhom ikunu ġew prodotti permezz ta’ fertilizzazzjoni in vitro bl-iskop li tiġi indotta t-tqala, jekk definittivament ma humiex użati iktar għal dak l-iskop u m’hemm ebda indikazzjoni li dan huwa dovut għal raġunijiet relatati mal-embrijuni nfushom, jekk l-ebda rimunerazzjoni jew benefiċċju ieħor kwantifikabbli ma ġie miftiehem jew imwiegħed bi skambju għat-trasferiment ta’ embrijuni u finalment, jekk iċ-ċelloli staminali jintużaw f’xogħlijiet ta’ riċerka bi skopijiet ta’ riċerka iktar avvanzata sabiex jiżdied l-għarfien xjentifiku fil-qasam tar-riċerka fundamentali jew l-għarfien mediku għall-iżvilupp ta’ proċessi dijanjostiċi, preventivi jew terapewtiċi għall-użu mill-bniedem.

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali

26.      O. Brüstle għandu fil-pussess tiegħu privattiva Ġermaniża, ippreżentata fid-19 ta’ Diċembru 1997, li tirrigwarda ċelloli prekursuri (12) nevrali (13) iżolati u purifikati, il-metodu ta’ produzzjoni tagħhom minn ċelloli staminali embrijoniċi u l-użu taċ-ċelloli prekursuri nevrali għat-terapija ta’ anormalitajiet nevrali.

27.      Fil-faxxiklu tal-privattiva ppreżentat minn O. Brüstle, ġie indikat li t-trapjant ta’ ċelloli tal-moħħ fis-sistema nervuża jippermetti l-kura ta’ bosta mard newroloġiku. Diġà ġew żviluppati l-ewwel applikazzjonijiet kliniċi, b’mod partikolari fuq pazjenti bil-marda tal-Parkinson.

28.      Sabiex jinstab rimedju għal dawn l-anomaliji nevrali, huwa meħtieġ it-trapjant ta’ ċelloli prekursuri immaturi. Dan it-tip ta’ ċelloli, kif jingħad fil-faxxiklu, jinsabu biss matul il-fażi ta’ żvilupp tal-moħħ, b’xi ftit eċċezzjonijiet. L-użu ta’ tessut tal-moħħ tal-embrijuni umani jqajjem kwistjonijiet etiċi importanti u ma jippermettix li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet taċ-ċelloli prekursuri neċessarji sabiex it-trattament bit-terapija taċ-ċelloli jsir aċċessibbli għall-pubbliku.

29.      Skont dan il-faxxiklu, iċ-ċelloli staminali embrijoniċi jiftħu perspettivi ġodda għall-produzzjoni ta’ ċelloli intiżi għat-trapjanti.

30.      Insibu spjegat ukoll li ċ-ċelloli staminali embrijoniċi huma pluripotenti (14), jiġifieri jistgħu jiddifferenzjaw ruħhom fi kwalunkwe tip ta’ ċelloli u tessuti tal-ġisem meħtieġa għall-iżvilupp armonjuż tal-organi tal-fetu (ċelloli tad-demm, tal-ġilda, tal-moħħ, tal-fwied, eċċ.). Dawn iċ-ċelloli għandhom il-vantaġġ li jibqgħu tajbin matul numru ta’ passaġġi f’dan l-istat ta’ pluripotenza u li jipproliferaw.

31.      L-invenzjoni ta’ O. Brüstle tegħleb, b’mod partikolari, il-problema teknika ta’ produzzjoni fi kwantità prattikament illimitata ta’ ċelloli prekursuri iżolati u ppurifikati, bi proprjetajiet nevrali jew tan-newrolja (15), idderivati minn ċelloli staminali embrijoniċi.

32.      Greenpeace eV (16) ippreżentat rikors għall-annullament tal-privattiva ta’ O. Brüstle, inkwantu ċerti pretensjonijiet ta’ din il-privattiva għandhom x’jaqsmu ma’ ċelloli prekursuri derivati minn ċelloli staminali embrijoniċi umani. Greenpeace tikkunsidra li skont l-Artikolu 2 tal-liġi dwar il-privattivi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2005, l-invenzjoni ta’ O. Brüstle hija eskluża mill-possibbiltà għal privattiva.

33.      Il-Bundespatentgericht (il-qorti federali tal-privattivi), laqgħet parzjalment it-talba ta’ Greenpeace u kkonstatat l-invalidità tal-privattiva ta’ O. Brüstle, peress li l-ewwel pretensjoni tirrigwarda ċelloli prekursuri derivati minn ċelloli staminali embrijoniċi umani u t-tnax u s-sittax-il pretensjonijiet jirrigwardaw metodi ta’ produzzjoni ta’ dawn iċ-ċelloli prekursuri.

34.      O. Brüstle appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tqis li l-eżitu ta’ din kawża jiddependi mill-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/44 u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri.

III – Id-domandi preliminari

35.      Il-Bundesgerichtshof għamlet dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      X’għandu jfisser it-terminu ‘embrijonijiet’ umani fis-sens tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44[…]?

a)      Dan it-terminu jinkludi l-istadji kollha tal-iżvilupp tal-ħajja umana mill-fertilizzazzjoni tal-bajda jew għandhom jiġu sodisfatti kundizzjonijiet oħra, pereżempju li jintlaħaq ċertu stadju ta’ żvilupp?

b)       L-organiżmi li ġejjin jaqgħu taħt dan il-kunċett:

–      bajd uman mhux iffertilizzat, li fihom ġie impjantat in-nukleu ta’ ċellula umana matura;

–      bajd uman mhux iffertilizzat, li permezz ta’ partenoġenesi, ġew stimolati sabiex jinqasmu u jiżviluppaw?

ċ)      Ċelluli staminali miksuba minn embrijuni umani fl-istadju tal-blastoċisti [(17)], jaqgħu wkoll taħt dan il-kunċett?

2)      X’għandu jfisser ‘l-użu ta’ embrijoni umani għal finijiet industrijali jew kummerċjali’? Dan il-kunċett ikopri kull użu kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 6(1) [tad-Direttiva 98/44], b’mod partikolari wkoll l-użu għal finijiet ta’ riċerka xjentifika?

3)      Edukazzjoni teknika hija eskluża mill-jedd għall-privattiva skont l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44 ukoll f’każijiet fejn l-użu ta’ embrijuni umani ma jkunx parti mill-edukazzjoni teknika mitluba mill-privattiva, iżda hija l-kundizzjoni meħtieġa għall-implementazzjoni tagħha

a)      minħabba li l-privattiva tirrigwarda prodott li l-produzzjoni tiegħu tirrikjedi l-qerda minn qabel ta’ embrijuni umani

b)      jew minħabba li l-privattiva tirrigwarda proċedura li biha tali prodott huwa meħtieġ bħala materjal bażiku?”

IV – L-analiżi tiegħi

36.      It-tliet domandi, li huma perfettament ċari u li l-loġika tagħhom timponi li jiġu ttrattati f’daqqa, jirrikjedu d-definizzjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ embriju uman u indikazzjoni tal-applikazzjoni jew le ta’ dan il-kunċett għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Id-deskrizzjoni tapplika mill-mument tal-fertilizzazzjoni? Hemm bżonn li nistennew xi żvilupp? Il-blastoċista hija embriju? L-istess deskrizzjoni tapplika għar-riżultati miksuba bit-tekniki tal-partenoġenesi jew tal-ikklonjar terapewtiku?

37.      Ma’ dawn jiżdiedu żewġ domandi dwar ir-raġunijiet għall-esklużjoni mill-possibbiltà għal privattiva. Waħda tikkonċerna l-kunċett tal-użu ta’ embrijuni għal għanijiet industrijali jew kummerċjali, u l-oħra l-konklużjoni li għandha tinsilet mill-fatt li t-twettiq tal-invenzjoni tinvolvi l-qerda ta’ embriju, anki jekk l-użu ta’ embrijuni umani ma kinitx parti mit-tagħlim tekniku pretiż fl-applikazzjoni għall-privattiva.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

38.      Jien ninsab konxju tas-sensittività estrema tad-domandi magħmula, li fuqhom żewġ Stati Membri biss ħassew li kellhom jesprimu l-fehmiet tagħhom waqt is-seduta.

39.      Fuq il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-embriju, jiltaqgħu l-punti essenzjali tad-diversi filosofiji u reliġjonijiet, kif ukoll l-interrogazzjoni kontinwa tax-xjenza.

40.      Jien la nixtieq niddeċiedi bejn it-twemmin differenti u lanqas nixtieq nimponi xi wieħed.

41.      Jien ukoll konxju tal-importanza tal-kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li hemm marbuta mad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, fis-seduta kien sar riferiment għal dan, meta r-rikorrent argumenta li r-rifjut eventwali tal-possibbiltà għal privattiva jista’ jxekkel kemm ir-riċerka kif ukoll iż-żamma tar-riċerkaturi fl-Ewropa sabiex jiġi evitat illi dawn jitilqu lejn l-Istati Uniti jew il-Ġappun. Ir-riferiment għall-Ġappun lanqas ma jidhirli li hija waħda trivjali, għaliex f’dan l-Istat, il-ħidma tal-Professur Yamanaka fuq il-kisba ta’ ċelloli staminali pluripotenti minn ċelloli umani maturi meħuda minn bniedem adult, li milli jidher ma toħloq l-ebda problema ta’ etika, ġiet protetta permezz ta’ privattiva (18).

42.      Ma nixtieqx nidħol fid-dibattitu bejn ix-xjenzjati dwar l-effettività jew is-sigurtà ta’ kwalunkwe metodu. Lanqas ma nixtieq nibda dan id-dibattitu.

43.      U lanqas ma jien ser naħbi l-aspettattivi ta’ dawk il-persuni li jittamaw fil-progress tax-xjenza biex jittaffilhom il-mard tagħhom.

44.      Ma jidhirlix li l-possibbiltà għal privattiva u r-riċerka ma jistgħux jiġu sseparati minn xulxin. L-Istati Membri ċertament huma liberi jawtorizzaw ir-riċerka taħt kundizzjonijiet li jimponu huma. Il-possibbiltà għal privattiva, jiġifieri t-tqegħid fis-suq bil-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni li jirriżultaw mill-privattiva, għandha, barra minn hekk, tkun konformi mal-kundizzjonijiet stipulati mid-Direttiva  98/44 sabiex ikun hemm armonizzazzjoni li tinkludi kunsiderazzjonijiet etiċi li jevitaw li l-funzjonament ekonomiku tas-suq jagħti lok għal kompetizzjoni li tissagrifika l-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.

45.      Id-domanda li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja hija waħda tabilħaqq diffiċli. Madankollu, din hija eklużivament legali. Id-diffikultà intrinsika tad-domanda magħmula hija akkumpanjata b’riferiment, dejjem preżenti fil-liġi iżda partikolarment sinjifikattiva f’dan il-każ, għall-kunċetti ta’ ordni pubbliku, ta’ moralità jew ta’ etika, li tirriżulta mill-kjarifiki mogħtija mil-leġiżlatur innifsu, pereżempju fil-premessa 16 tad-Direttiva 98/44 jew fl-Artikolu 6 tagħha, indipendentement mill-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jispiraw id-dritt tal-Unjoni Ewropea kollu.

46.      Dawn ir-riferimenti jesprimu b’mod xieraq li l-Unjoni ma hijiex biss suq li jrid jiġi rregolat, iżda li hija wkoll għandha valuri x’tesprimi. Qabel ma ġie stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE bħala valur fundamentali, il-prinċipju tad-dinjità tal-bniedem kien ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt.

47.      Fil-fehma tiegħi, fil-kuntest iddefinit b’dan il-mod, huma biss l-analiżi legali magħmula fuq il-bażi ta’ data oġġettiva u miksuba mix-xjenza, li jistgħu jagħtu pedament għal soluzzjoni li tista’ tiġi aċċettata fl-Istati Membri kollha. L-istess tħassib dwar l-oġġettività iwassal biex ngħidu li s-silenzji tax-xjenza jew l-inkapaċità tagħha li toffri l-provi huma wkoll data oġġettiva li fuqha l-analiżi legali tista’ tibbaża ruħha.

48.      B’konsegwenza ta’ dan, fil-fehma tiegħi, is-soluzzjoni li ser noffri jew li se tagħżel il-Qorti tal-Ġustizzja ser tkun tiswa biss fil-mument li tiġi fformulata. Fil-futur, il-progress fl-għarfien jista’ jwassal għall-bdil tagħha.

49.      Jidher ukoll xieraq li niċċara li d-definizzjoni legali li ser nipproponi tinsab fil-kuntest tad-direttiva teknika eżaminata u li fil-fehma tiegħi, ma jistgħux jinsiltu minnha konklużjonijiet daqstant legali f’oqsma oħra relatati li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja umana, iżda li jinsabu fuq livell ieħor, u qabel kollox, lil hinn mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jidhirli li r-riferiment li sar fis-seduta għal sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-abort huma, tabilħaqq, lil hinn mis-suġġett tagħna. Infatti, aħna ma nistgħux inqabblu l-kwistjoni tal-użu eventwali ta’ embrijuni għal għanijiet industrijali jew kummerċjali mal-liġijiet nazzjonali li jippruvaw jipprovdu soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet individwali li jikkawżaw sofferenza.

B –    Fuq id-domandi

50.      Qabel ma tiġi eżaminata d-definizzjoni ta’ embriju uman, għandu jiġi kkunsidrat jekk huwiex fuq kollox meħtieġ li jsir hekk.

51.      L-osservazzjonijiet sottomessi mill-Gvernijiet tal-Istati Membri għandhom tendenza li jikkunsidraw li d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett għandha titħalla għad-diskrezzjoni tagħhom biss.

52.      Jiena ma naqbilx.

53.      Jien naħseb, bħall-Kummissjoni Ewropea, li għal dan il-kunċett għandha tingħata definizzjoni awtonoma u speċifika għad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa dovut kemm għat-termini u l-iskop tad-Direttiva 98/44 kif ukoll għar-regoli diġà identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-okkażjoni tal-ewwel interpretazzjonijiet ġudizzjarji ta’ dan it-test.

54.      Fir-rigward, qabel kollox, tat-termini ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar li din hija direttiva ta’ armonizzazzjoni. Fit-tielet premessa tagħha huwa infatti ddikjarat li “hija essenzjali l-protezzjoni effettiva u armonizzata ġewwa l-Istati Membri kollha sabiex jinżamm u jiġi nkoraġġat l-investiment fil-qasam tal-bijoteknoloġija;”

55.      Huwa preċiżament minħabba l-fatt li ċerti invenzjonijiet ma kinux brevettabbli f’ċerti Stati Membri li d-direttiva kienet ġiet adottata (19). Hija tgħin biex trawwem ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-bijoteknoloġija billi tneħħi l-ostakli legali li jirriżultaw, fis-suq intern, mid-differenzi fil-liġijiet u l-ġurisprudenza bejn l-Istati Membri (20).

56.      Jekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ embriju uman titħalla f’idejn l-Istati Membri, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu f’dan is-suġġett, jiġri, pereżempju, illi invenzjoni simili għal dik ta’ O. Brüstle tista’ tikseb privattiva f’ċerti Stati Membri, filwaqt li l-possibbiltà għal privattiva tal-istess tip ta’ invenzjoni tiġi eskluża fi Stati oħra. Dan itellef l-iskop prinċipali tad-direttiva, li kif nerġa’ nfakkar huwa dak li tiġi stabbilita protezzjoni legali effettiva u armonizzata ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (21).

57.      Argumenti oħrajn f’dan is-sens jistgħu jinstabu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

58.      L-ewwel nett, skont il-ġurisprudenza stabbilita, isegwi mill-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u mill-prinċipju tal-ugwaljanza li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l-iskop tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha (22). Huwa ċar, f’dan il-każ, li l-Artikolu 6(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, li, infakkar, jipprevedi li l-użu ta’ embrijuni umani għal għanijiet industrijali u kummerċjali ma huwiex brevettabbli, ma jagħmel l-ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri.

59.      It-tieni nett, preċiżament fir-rigward ta’ din id-direttiva, wara li ġiet adita b’rikors għall-annullament tagħha ppreżentat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tindika fis-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li d-Direttiva 98/44, peress li tobbliga lill-Istati Membri biex jipproteġu l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi permezz tad-dritt nazzjonali tal-privattiva tagħhom, kienet effettivament intiża sabiex tiġi evitata kwalunkwe ħsara lill-unità tas-suq intern li tista’ tirriżulta mill-fatt li l-Istati Membri jiddeċiedu unilateralment jekk jagħtux jew jirrifjutawx tali protezzjoni (23).

60.      It-tielet nett, rigward il-portata tal-Artikolu (6)(2) ta’ din id-direttiva fil-konfront tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’idejn l-Istati Membri dwar in-nuqqas ta’ possibbiltà għal privattiva tal-proċessi u l-użi elenkati fih (24). Dan l-aspett vinkolanti ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet ewlenin tal-imsemmija direttiva jidher ukoll li jxaqleb lejn interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ embriju uman fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, ma nistax nara kif tista’ teżisti projbizzjoni daqstant kategorika applikabbli għall-Istati Membri kollha, abbażi ta’ kunċetti li lanqas biss huma komuni.

61.      Konsegwentement inqis li l-kunċett ta’ embriju uman għandu jingħata tifsira Komunitarja.

62.      Għaldaqstant, l-ewwel domanda twassalni biex nagħti definizzjoni ta’ x’inhu embriju uman fis-sens tal-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44.

63.      B’hekk, l-embriju uman jikseb din il-kwalità mill-fertilizzazzjoni tal-bajda permezz tal-isperma jew irid ikun intlaħaq stadju ieħor tal-iżvilupp? Bl-istess mod, bajd mhux iffertilizzat, iżda li ġo fih ġie impjantat nukleu ta’ ċellola ta’ bniedem matura jew li ġie stimulat sabiex jinqasam u jiżviluppa permezz tal-partenoġenesi, huwa kkunsidrat bħala embrijuni umani fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

64.      Id-Direttiva 98/44 ma tagħti l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ embriju uman. Bl-istess mod, ix-xogħol preparatorju li wassal għat-tfassil tagħha ma jsemmi xejn dwar il-kontenut li dan il-kunċett għandu jkollu.

65.      L-elementi li jistgħu jiggwidawni f’din l-analiżi jistgħu jiġu mfittxija, a priori, fi tliet sorsi differenti, jiġifieri l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, it-termini tad-direttiva u d-data xjentifika attwali.

66.      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, ikolli nammetti li għalxejn ser infittex l-elementi ta’ kunċett unanimu.

67.      Fi ħdan l-Istati Membri, insibu li l-liġijiet u l-prattiki ġudizzjarji jvarjaw f’dan ir-rigward. Nosservaw żewġ gruppi ewlenin, l-ewwel wieħed jikkunsidra l-embriju uman jeżisti malli sseħħ il-fertilizzazzjoni u t-tieni wieħed mill-mument li l-bajda ffertilizzata tiġi impjantata fl-endometriju.

68.      B’hekk, fl-Estonja, l-Artikolu 3 tal-liġi fuq il-fertilizzazzjoni artifiċjali u l-protezzjoni ta’ embrijuni (Kunstliku viljastamise ja embrüokaitse seadus) (25) jipprovdi li l-embriju huwa l-fetu fl-istadju bikri tal-iżvilupp li jibda mill-fertilizzazzjoni. Bl-istess mod, fil-Ġermanja, kif rajna, l-embriju huwa l-bajda umana ffertilizzata li hija kapaċi tiżviluppa malli sseħħ il-karjogamija, kif ukoll kull ċellola meħuda minn embriju msejħa totipotenti, li kapaċi tinqasam u tiżviluppa fi bniedem (26). Fir-Renju Unit l-Artikolu 1(1)(b) tal-liġi tal-1990 dwar il-fertilizzazzjoni u l-embrijoloġija umana (The Human Fertilisation and Embryology Act 1990) (27), kif emendata bil-liġi tal-2008 dwar il-fertilizzazzjoni u l-embrijoloġija umana (The Human Fertilisation and Embryology Act 2008) (28), jindika li r-riferimenti għal embriju jinkludu bajda fil-proċess tal-fertilizzazzjoni jew suġġetta għal xi proċess ieħor li kapaċi jipproduċi embriju.

69.      Fi Stati Membri oħra, bħar-Renju ta’ Spanja jew ir-Renju tal-Isvezja, l-embriju uman huwa meqjus bħala tali mill-mument li l-bajda tiġi impjantata fl-utru.

70.      Tabilħaqq fi Spanja, per eżempju, insibu il-preembriju li skont l-Artikolu 1(2) tal-Liġi 14/2006 dwar it-tekniki tar-riproduzzjoni assistita (ley 14/2006 sobre técnicas de reproducción humana asistada), tas-26 ta’ Mejju 2006 (29), huwa embriju prodott in vitro u ffurmat permezz ta’ grupp ta’ ċelloli li jirriżultaw mid-diviżjoni progressiva tal-ooċit, minn wara l-fertilizzazzjoni sal-erbatax-il jum. L-embriju huwa ddefinit fl-Artikolu 3(l) tal-Liġi 14/2007 dwar ir-riċerka bijomedika (ley 14/2007 de Investigación Biomédica), tat-3 ta’ Lulju 2007 (30), bħala l-fażi ta’ żvilupp embrijoniku li tibda mill-mument li l-ooċit iffertilizzata tkun tinsab fl-utru tal-mara sal-mument tal-organoġenesi u tispiċċa 56 ġurnata wara l-fertilizzazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-ġranet li fihom l-iżvilupp jista’ jkun waqaf.

71.      Madankollu, it-termini tad-Direttiva 98/44 u t-testi l-oħra internazzjonali rilevanti jipprovdulna informazzjoni utli.

72.      Rigward id-Direttiva 98/44, it-test tagħha jagħtina indikazzjoni importanti. X’għandu jiġi ddefinit? Il-feġġien tal-ħajja? Il-mument sorprendenti meta, in utero, dak li ma kien xejn ħlief forsi grupp ta’ ċelloli jbiddel in-natura tiegħu u jsir, ċertament mhux bniedem għalissa, iżda diġà oġġett tal-liġi, jew anki suġġett tal-liġi? Xejn minn dan. Din ma hijiex il-kwistjoni li tirriżulta mill-kliem u l-approċċ ta’ din id-direttiva li, mill-għerf tat-termini użati, ma twassalniex biex niddefinixxu l-ħajja, iżda l-ġisem tal-bniedem. Huwa, tabilħaqq, il-“ġisem tal-bniedem fl-istadji differenti tal-formazzjoni u l-iżvilupp tiegħu”, li tirrikjedi l-protezzjoni tiegħu (31) meta tiddikjarah espliċitament mhux brevettabbli.

73.      Il-ġisem jeżisti, jifforma u jiżviluppa indipendentement minn dak li jgħix ġo fih.

74.      Fl-aħħarnett, il-kwistjoni f’dan il-każ hija dik ta’ liema forma, liema stadju tal-iżvilupp tal-ġisem tal-bniedem għandu jaqa’ taħt il-kwalifika legali ta’ embriju.

75.      It-tieni fattur ta’ interpretazzjoni li jolqot lill-qarrej huwa kif diġà ġie enfasizzat, l-importanza tar-riferiment għall-etika. Dan jispjega ruħu mingħajr problemi, billi l-bijoteknoloġija tirrigwarda l-materja ħajja u hawnhekk taffettwa b’mod partikolari lill-bniedem (32).

76.      F’dan ir-rigward, għalhekk, id-Direttiva 98/44 tipprovdi li l-liġi tal-privattivi għandha tiġi applikata b’rispett għall-prinċipji fundamentali li jħarsu d-dinjità u l-integrità tal-bniedem (33).

77.      Bl-istess mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni jinsisti fuq il-prinċipju li l-invenzjonijiet li l-użu kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità huma esklużi mill-possibbiltà għal privattiva u jqis li dawn iż-żewġ kunċetti jikkorrispondu, b’mod partikolari, għal prinċipji etiċi jew morali rikonoxxuti fi Stat Membru, li għandhom jiġu osservati, b’mod partikolari (34), fil-bijoteknoloġija (35).

78.      Il-ftehim internazzjonali rilevanti mbagħad, jipprovdu wkoll limiti simili. Għaldaqstant, l-Artikolu 27(2), tal-Ftehim TRIPs jistipula li l-membri jistgħu jeskludu mill-possibbiltà għal privattiva, l-invenzjonijiet fejn huwa meħtieġ li jiġi evitat l-użu kummerċjali tagħhom sabiex l-ordni pubbliku u l-moralità jiġu protetti. Bl-istess mod, l-Artikolu 53(a) tal-Konvenzjoni ta’ München, jindika li l-invenzjonijiet li l-użu kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità, ma humiex brevettabbli.

79.      Flimkien mal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-informazzjoni xjentifika attwali, fil-fehma tiegħi, twassalna għad-definizzjoni mitluba abbażi kemm ta’ dak li toffri bħala għarfien preċiż kif ukoll tal-konklużjonijiet li nistgħu nisiltu mis-skiet tagħha.

80.      Tabilħaqq, għandu jiġi kkonstatat hawnhekk li x-xjenza moderna hija kapaċi tispjega b’mod dettaljat il-proċess bijoloġiku mill-konċepiment sat-twelid, iżda sal-lum, għadha ma hijiex kapaċi tgħidilna f’liema mument tibda verament il-ħajja umana. F’dan il-proċess kontinwu li jibda bil-fużjoni tal-gameti, huwa possibbli li ngħidu dan bi preċiżjoni xjentifika inkontestabbli, għaliex din biss tevita u tiddeċiedi l-kwistjonijiet etiċi jew morali?

81.      Għandu jiġi rrikonoxxut li, minħabba l-istat preżenti tal-għarfien, tista’ tingħata biss risposta negattiva għad-domanda magħmula hawnhekk, minħabba li bħalissa huwa attwalment impossibbli li nkunu nafu meta tfeġġ il-ħajja, forsi għax ma nistgħux niddefinixxuha. Barra minn hekk, ta’ min nistaqsu lilna nfusna għaliex il-prekursur tal-ħajja jistħoqqlu inqas protezzjoni minn dak li se jiżvuluppa fih bi proċess naturali.

82.      Impoġġija b’dan il-mod, il-kwistjoni b’hekk tirrikjedi soluzzjoni ispirata direttament minn kunsiderazzjonijiet filosofiċi jew reliġjużi u għalhekk jidher li formulazzjoni aċċettabbli għal kulħadd hija impossibbli.

83.      L-approċċ tiegħi mhux ser ikun hekk.

84.      Ix-xjenza llum il-ġurnata tgħallimna, u dan huwa aċċettat b’mod universali, almenu fl-Istati Membri, li l-iżvilupp mill-konċepiment jibda b’numru żgħir ta’ ċelloli li jeżistu għal ftit jiem biss fil-kundizzjoni oriġinali tagħhom. Dawn huma ċ-ċelloli totipotenti, li l-karatteristika ewlenija tagħhom hi li kull waħda minnhom għandha l-kapaċità tiżviluppa fi bniedem komplut. Għandhom fihom infushom il-kapaċità sussegwenti tad-diviżjoni u l-ispeċjalizzazzjoni li finalment twassal għat-twelid ta’ bniedem. F’ċellola għalhekk insibu kkonċentrat il-kapaċità sħiħa tal-iżvilupp ulterjuri.

85.      Għalhekk fil-fehma tiegħi, iċ-ċelloli totipotenti huma l-ewwel stadju tal-ġisem uman li huma ser isiru. Huma għalhekk għandhom ikunu kkwalifikati legalment bħala embrijuni.

86.      Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni ta’ jekk din il-kwalifika għandhiex tkun rikonoxxuta qabel jew biss wara l-impjantazzjoni fl-utru, hija irrilevanti hawnhekk, anki jekk nifhem sew l-aspett utilitarju tagħha.

87.      Kif jista’, tabilħaqq, jiġi ġġustifikat li l-kwalifika legali hija differenti wara li jkun seħħ dan l-avveniment? Għax sakemm l-impjantazzjoni ma tkunx seħħet, il-futur tal-bajd iffertilizzat jibqa’ inċert? Allura, mhux anki wara wkoll? Kull impjantazzjoni twassal għal twelid? Risposta negattiva hija evidenti. Madankollu, ma nifhimx għalfejn il-kwalifika għandha tiġi rrifjutata bil-pretest tal-possibilità li jseħħ avveniment każwali qabel l-impjantazzjoni, u ma tiġix irrifjutata wara l-impjantazzjoni, filwaqt li l-istess riskju huwa preżenti iżda jseħħ b’inqas frekwenza. Il-probabbiltà hawnhekk tista’ tkun sors tal-liġi?

88.      F’isem il-koerenza, lanqas ma nara għalfejn il-kwalifika legali ta’ embriju tkun miċħuda f’sitwazzjonijiet ta’ fertilizzazzjoni in vitro, sakemm ma jkunux saru sabiex xi koppja tkun tista’ jkollha t-tfal.

89.      Hawnhekk, il-kriterju legali differenzjali huwa ta’ natura psikoloġika u jiddependi mill-intenzjoni li ppreċediet il-fużjoni tal-gameti. Tali kriterju ma jistax jiġi aċċettat b’mod universali fl-Istati Membri. Iqajjem immedjatament oġġezzjonijiet b’rabta diretta mal-etika, u dawn jiġu riflessi fl-evalwazzjoni tal-ordni pubbliku u tal-moralità, biex niċċita l-espressjonijiet użati fid-Direttiva 98/44 u l-ftehim internazzjonali msemmija.

90.      Infatti, soluzzjoni bħal din twitti immedjatament it-triq għall-produzzjoni industrijali ta’ embrijuni intiżi għall-produzzjoni ta’ ċelloli staminali embrijoniċi. Dawn il-prattiki ovvjament jeħtieġu kampjuni, b’xejn jew le, ta’ gameti. Huma ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu pprojbiti mil-liġijiet nazzjonali, kif inhuma taħt il-liġi Ġermaniża għaliex taħt id-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ma jistgħux jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala li jmorru kontra l-ordni pubbliku mill-Istat Membru li jkun irid jipprojbihom. Id-Direttiva 98/44 tagħmilha ċara li prattika ma tmurx kontra l-ordni pubbliku għas-sempliċi fatt li l-Istat Membru jipprojbixxiha. Huwa fid-dawl tar-regoli stabbiliti minn din id-direttiva li għandha ssir l-evalwazzjoni fir-rigward tal-ordni pubbliku. Dak li jiġi awtorizzat bid-direttiva ma jistax ikompli jiġi pprojbit mid-dritt nazzjonali.

91.      Barra minn hekk, minħabba d-definizzjoni mogħtija b’dan il-mod, nemmen li kull meta nkunu fil-preżenza ta’ ċelloli totipotenti, ikun x’ikun il-mezz li bih dawn inkisbu, inkunu qegħdin fil-preżenza ta’ embriju u għalhekk kwalunkwe possibbiltà għal privattiva għandha tiġi eskluża (36). B’hekk jaqa’ taħt din id-definizzjoni l-bajd mhux iffertilizzat li fih ġie impjantat nukleu ta’ ċellola matura u l-bajd mhux iffertilizzat stimulat biex jinqasam permezz tal-partenoġenesi, sa fejn, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, xi ċelloli totipotenti nkisbu permezz ta’ dawn il-mezzi.

92.      Ir-rikonoxximent tal-kwalifika ta’ embriju għall-benefiċċju taċ-ċellola totipotenti, madankollu, isolvi biss parti mill-problema.

93.      Tabilħaqq, waqt l-iżvilupp tiegħu stimulat miċ-ċelloli totipotenti inizjali, l-embriju fi stadju bikri ħafna tal-iżvilupp tiegħu ma jibqax iktar magħmul minn ċelloli totipotenti, iżda minn ċelloli pluripotenti, dawk l-istess celluli li huma fil-qofol tal-privattiva ta’ O. Brüstle. Dawn iċ-ċelloli jistgħu jiżviluppaw f’kull tip ta’ ċellola biex jiffurmaw ftit ftit l-organi kollha tal-ġisem tal-bniedem. Iżda hemm differenza kruċjali, għax dawn ma jistgħux jevolvu separatament fi bniedem komplut. Huma diġà sinjal ta’ diversifikazzjoni li, maż-żmien, iwasslu għall-multiplikazzjoni taċ-ċelloli u speċjalizzazzjoni u diversifikazzjoni li mbagħad twassal għall-formazzjoni tal-organi u l-komponenti individwali kollha tal-ġisem uman kif imwieled.

94.      Wieħed mill-istadji bikrija li jintlaħaq b’dan il-mod, fejn iċ-ċelloli pluripotenti jieħdu post dawk totipotenti, jissejjaħ il-blastoċista. Dan huwa embriju wkoll legalment? L-ispjegazzjoni, anki jekk ta’ kafkaf u inkompluta hekk kif għandi kif tajt, tal-proċess tal-iżvilupp turi sew li dak li ċ-ċelloli totipotenti ħallew posthom għalih, huwa l-prodott tal-ispeċifiċità tagħhom, il-ħaġa għal-liema huma jeżistu. Jekk fihom infushom, iċ-ċelloli totipotenti jkollhom il-kapaċità li jiżviluppaw f’ġisem ta’ bniedem sħiħ, allura l-blastoċista hija l-prodott f’mument partikolari ta’ din il-kapaċità ta’ żvilupp. Dan huwa għalhekk aspett wieħed tal-iżvilupp tal-ġisem tal-bniedem, li jikkostitwixxi wieħed mill-istadji tiegħu.

95.      Għalhekk, huwa għandu fih innifsu, bħal kull stadju qabel jew wara dan l-iżvilupp, jiġi ddefinit bħala embriju. Jekk le, tkun paradossali li tiġi miċħuda l-kwalifika legali ta’ embriju lill-blastoċista, li hija prodott tal-iżvilupp normali ta’ ċelloli inizjali, li jingħataw din il-kwalifika. Dan ikun ifisser li qed titnaqqas il-protezzjoni tal-ġisem uman fi stadju iktar avvanzat tal-iżvilupp tiegħu.

96.      Għandu wkoll jitfakkar li d-Direttiva 98/44, f’isem il-prinċipju tad-dinjità u l-integrità tal-bniedem, tipprojbixxi l-possibbiltà għal privattiva tal-ġisem uman fid-diversi stadji tal-formazzjoni u l-iżvilupp tiegħu, inklużi ċ-ċelloli bijoloġiċi (37). Hija b’hekk turi li d-dinjità tal-bniedem hija prinċipju li għandu jiġi applikat mhux biss għall-bniedem eżistenti u għall-wild li għadu kif twieled, iżda wkoll għall-ġisem tal-bniedem mill-ewwel stadju tal-iżvilupp tiegħu, jiġifieri dak tal-fertilizzazzjoni.

97.      Il-prinċipji msemmija se jiggwidawni fil-bqija ta’ din l-analiżi.

98.      Minn dan jirriżulta li ċellola pluripotenti meħuda separatament ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi, waħedha, embriju. Naqbel fuq dan il-punt mal-pożizzjoni espressa f’numru ta’ Stati Membri permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

99.      Fil-fatt, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, jikkunsidraw li ċ-ċelloli staminali pluripotenti ma humiex embrijuni umani. Skont il-liġi Ġermaniża, pereżempju, dan jirriżulta direttament mid-distinzjoni bejn iċ-ċelloli pluripotenti u dawk totipotenti. Għalhekk, skont l-Artikolu 8(1) tal-ESchG, l-embriju uman huwa wkoll ċellola meħuda minn embriju, imsejħa “totipotenti”. Fir-Renju Unit, il-liġi tipprovdi li ċ-ċelloli staminali miksuba minn embriju uman fl-istadju tal-blastoċista ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ embriju uman, ukoll minħabba l-inkapaċità tagħhom li jkomplu jiżviluppaw (38). Bl-istess mod, fir-Repubblika Ċeka, il-leġiżlatur jiddefinixxi l-embriju uman bħala ċellola jew grupp ta’ ċelloli totipotenti li huma kapaċi jiżviluppaw fi bniedem (39).

100. Wara li ġie spjegat li ċ-ċelloli staminali embrijoniċi meħuda b’mod iżolat ma humiex iktar kapaċi jkomplu jiżviluppaw fi bniedem komplut, jidhirli li dawn ma jistgħux jibqgħu jiġu kklassifikati bħala embrijuni umani. Dawn iċ-ċelloli ttieħdu fi stadju speċifiku tal-iżvilupp embrijoniku u ma għandhomx il-kapaċità jkomplu jiżviluppaw waħedhom.

101. Nemmen li ċ-ċelloli staminali embrijoniċi għandhom jiġu kkunsidrati bħala elementi iżolati tal-ġisem uman, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 98/44. Fil-fatt, kif spjega O. Brüstle fl-osservazzjonijiet tiegħu li ppreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċelloli staminali embrijoniċi huma dderivati mill-massa taċ-ċelloli ġewwa l-blastoċista, li mbagħad tiġi meħuda (40). B’hekk, ġie iżolat element tal-ġisem uman, waqt li kien qed jiżviluppa, sabiex jipproliferaw iċ-ċelloli li jinsabu f’din il-massa ta’ ċelloli.

102. Barra minn hekk, nikkonstata li l-leġiżlatur tal-Unjoni jidher, ukoll, li jikkunsidra ċellola staminali embrijonika bħala element iżolat tal-ġisem uman, peress li d-Direttiva 2004/23/KE (41), li tistabbilixxi l-istandards ta’ kwalità u sigurtà tat-tessuti u ċ-ċelloli tal-bniedem intiżi għall-applikazzjonijiet umani (42), tindika fil-premessa 7 tagħha li din tapplika bl-istess mod għaċ-ċelloli staminali adulti u embrijoniċi.

103. Madankollu, wieħed ma jistax jevita li jieħu inkunsiderazzjoni l-oriġini taċ-ċellola pluripotenti. Li din tkun ġejja minn kwalunkwe stadju fl-iżvilupp tal-ġisem uman ma tkunx ta’ problema fiha nfisha, bil-kundizzjoni biss li l-mod kif tittieħed ma jkunx jinvolvi l-qerda ta’ dak il-ġisem uman fl-istadju tal-iżvilupp tiegħu fil-mument li din tittieħed.

104. Issa, iċ-ċellola staminali pluripotenti f’dan il-każ li għandna quddiemna tittieħed mill-blastoċista, li tikkostitwixxi fiha nfisha, kif ġie ddefinit preċedentement, embriju, jiġifieri wieħed mill-istadji tal-formazzjoni u l-iżvilupp tal-ġisem uman li ser jispiċċa jinqered bit-teħid tagħha.

105. Jidhirli li huwa impossibbli li naċċetta l-argument miġjub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, li l-kwistjoni tal-possibbiltà għal privattiva fuq il-livell taċ-ċellola meħuda u kif ittieħdet, kif ukoll il-konsegwenzi ta’ dan it-teħid ma għandhomx għalfejn jiġu kkunsidrati, u dan għal raġunijiet li għal darba oħra għandhom x’jaqsmu mal-ordni pubbliku u l-moralità. Eżempju sempliċi ser jillustra dan il-punt.

106. L-attwalità ġudizzjarja li tirriżulta mill-attivitajiet tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex-Jugoslavja, ovvjament taħt ir-riżerva tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, turi li matul dawn l-avvenimenti, xi priġunieri nqatlu biex ittieħdulhom l-organi għat-traffikar tagħhom. Jekk, minflok it-traffikar, saru esperimenti li wasslu għal “invenzjonijiet” fis-sens ta’ dan it-terminu fl-ambitu tal-liġi tal-privattivi, imissu ġie rikonoxxut lilhom il-possibbiltà għal privattiva tagħhom minħabba l-fatt li l-kwistjoni tal-mod kif dawn inkisbu m’għandhiex x’taqsam mal-pretensjonijiet tekniċi tal-privattiva?

107. Raġunament ta’ dan it-tip ma jistax iwassal għal soluzzjoni aċċettabbli għall-maġġoranza.

108. Għalhekk, anki jekk il-pretensjonijiet tal-privattiva ma jispeċifikawx jekk jintużawx embrijuni umani għall-implementazzjoni tal-invenzjoni, meta fil-fatt jintużaw, il-possibbiltà għal privattiva ta’ invenzjonijiet bħal dawn għandha tiġi eskluża. Li kieku ma kienx hekk, il-projbizzjoni fl-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44 tkun faċilment evitabbli, peress li l-persuna li titlob privattiva għall-invenzjoni tagħha ser tabilħaqq “tonqos” milli tgħid, fil-pretensjonijiet tal-privattiva, li intużaw jew ġew distrutti xi embrijuni umani. Din id-dispożizzjoni għalhekk tiġi pprivata kompletament mill-effettività tagħha (43).

109. Għandu jiġi ammess, anki jekk biss għall-fini tal-koerenza, li l-invenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu maċ-ċelloli staminali pluripotenti ma jistgħux ikunu brevettabbli jekk il-kisba tagħhom tkun a skapitu ta’ embriju, kemm jekk tinvolvi l-qerda jew l-alterazzjoni tiegħu.

110. Tabilħaqq, dawn iċ-ċelloli jittieħdu minn embriju uman fl-istadju tal-blastoċista u huma jinvolvu neċessarjament il-qerda ta’ embriju uman. L-għoti ta’ applikazzjoni industrijali għal invenzjoni li tagħmel użu minn ċelloli staminali embrijoniċi ikun ifisser l-użu ta’ embrijuni umani bħala sempliċi materjal inizjali. Tali invenzjoni tistrumentalizza l-ġisem uman fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tiegħu. Jidher li ma huwiex neċessarju, anzi li huwa superfluwu, li nsemmi hawnhekk ir-riferimenti li diġà saru għall-kunċetti ta’ etika u ordni pubbliku.

111. Fid-Direttiva 98/44 stess insibu eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-possibbiltà għal privattiva, jiġifieri meta l-invenzjoni jkollha finijiet terapewtiċi jew djanjostiċi li japplikaw għall-embriju u li huma utli għalih (44). Mix-xogħol preparatorju li wassal għat-tfassil ta’ din id-direttiva, jidher illi bl-introduzzjoni tal-kunċett “għal għanijiet industrijali jew kummerċjali”, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ried ġustament joħloq distinzjoni bejn dawn l-użi u l-invenzjonijiet b’finijiet terapewtiċi jew djanjostiċi li japplikaw għall-embriju uman u li huma utli għalih (45).

112. Peress li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, għandhom ikunu limitati għas-sitwazzjoni speċifika indikata mit-test tad-Direttiva 98/44. Għalkemm ir-riċerka tista’ dejjem tkun awtorizzata mill-Istati Membri, bil-manjiera prevista minn kull leġiżlazzjoni nazzjonali, il-brevetabbiltà tal-invenzjonijiet tista’ tiġi kkunsidrata biss b’mod konformi mar-regoli stabbiliti f’din id-direttiva.

113. Rigward il-kunċett ta’ użu għal għanijiet industrijali jew kummerċjali, jidher ċar li ma hemm l-ebda riskju ta’ konfużjoni bejn dawn iż-żewġ ipoteżijiet. L-użu għal għanijiet industrijali jew kummerċjali jeħtieġ produzzjoni fuq skala kbira, fi kwalunkwe każ sproporzjonata għal, pereżempju, in-numru ta’ operazzjonijiet imwettqa jew li jistgħu jsiru in utero fuq embriju biex titranġa xi deformità u b’hekk ikun hemm iktar ċans ta’ sopravivenza.

114. L-użu industrijali u kummerċjali ikun jeħtieġ, pereżempju, il-koltivazzjoni ta’ ċelloli destinati għal laboratorji farmaċewtiċi bl-iskop tal-manifattura ta’ mediċina. Iktar ma t-teknika tippermetti li jiġu ttrattati każijiet, iktar ma tiżdied il-produzzjoni taċ-ċelloli u għalhekk ikun meħtieġ numru proporzjonali ta’ embrijuni li b’hekk jinħalqu biss biex jinqerdu ftit jiem wara. Definizzjoni li twassal biex din it-tip ta’ prattika tiġi awtorizzata, tkun konsistenti mal-kunċett ta’ ordni pubbliku u ma’ idea tal-etika kondiviża mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni? Jidher evidenti li ma tkunx (46).

115. Għalhekk, fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, nemmen li l-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ embriju uman japplika mill-istadju tal-fertilizzazzjoni għaċ-ċelloli totipotenti inizjali u l-proċess kollu tal-iżvilupp u l-formazzjoni tal-ġisem li jirriżulta. Dan jinkludi wkoll, b’mod partikolari, il-blastoċista. Barra minn hekk, bajd mhux iffertilizzat, ġo liema ġie impjantat nukleu ta’ ċellola umana matura jew li ġie stimulat biex jinqasam u jiżviluppa permezz tal-partenoġenesi, jaqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ embriju uman sa fejn l-użu ta’ dawn it-tekniki jwassal għall-kisba ta’ ċelloli totipotenti.

116. Min-naħa l-oħra, ikkunsidrati individwalment, iċ-ċelloli staminali embrijoniċi pluripotenti, peress li ma għandhomx fihom infushom il-kapaċità li jiżviluppaw fi bniedem, ma jaqgħux taħt dan il-kunċett.

117. Barra minn hekk, nikkunsidra li skont din id-dispożizzjoni, il-brevetabbiltà għandha tiġi eskluża fil-konfront ta’ invenzjoni meta l-implementazzjoni tal-proċess tekniku suġġett għall-privattiva teħtieġ, minn qabel, il-qerda jew l-użu ta’ embrijuni umani bħala materjal inizjali, anki jekk id-deskrizzjoni ta’ dan il-proċess ma jkun fiha ebda riferiment għall-użu ta’ embrijuni umani.

118. Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ possibbiltà għal privattiva tal-użi ta’ embrijuni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali tirrigwarda biss dawk l-invenzjonijiet b’finijiet terapewtiċi jew dijanjostiċi li japplikaw għall-embriju uman u li huma utli għalih.

V –    Konklużjoni

119. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof:

“L-Artikolu 6(2)(ċ) tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, għandu jiġu interpretati kif ġej:

–        Il-kunċett ta’ embriju uman japplika mill-istadju tal-fertilizzazzjoni għaċ-ċelloli totipotenti inizjali u l-proċess kollu tal-iżvilupp u l-formazzjoni tal-ġisem li jirriżulta. Dan jinkludi wkoll, b’mod partikolari, il-blastoċista.

–        Bajd mhux iffertilizzat, ġo liema ġie impjantat nukleu ta’ ċellola umana matura jew li ġie stimulat biex jinqasam u jiżviluppa permezz tal-partenoġenesi, jaqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ embriju uman sa fejn l-użu ta’ dawn it-tekniki jwassal għall-kisba ta’ ċelloli totipotenti.

–        Ikkunsidrati individwalment, iċ-ċelloli staminali embrijoniċi pluripotenti, peress li ma għandhomx fihom infushom il-kapaċità li jiżviluppaw fi bniedem, ma jaqgħux taħt dan il-kunċett.

–        Il-possibbiltà għal privattiva għandha tiġi eskluża fil-konfront ta’ invenzjoni meta l-implementazzjoni tal-proċess tekniku suġġett għall-privattiva teħtieġ, minn qabel, il-qerda jew l-użu ta’ embrijuni umani bħala materjal inizjali, anki jekk id-deskrizzjoni ta’ dan il-proċess ma jkun fiha ebda riferiment għall-użu ta’ embrijuni umani.

–        L-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ possibbiltà għal privattiva tal-użi ta’ embrijuni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali tirrigwarda biss dawk l-invenzjonijiet b’finijiet terapewtiċi jew dijanjostiċi li japplikaw għall-embriju uman u li huma utli għalih”.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      ĠU Edizzjoni Speċiali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 395.


3 –      Din it-teknika tissejjaħ ukoll “ikklonjar terapewtiku”.


4 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, iktar ’il quddiem il-“ftehim TRIPs”.


5 –      Iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ München”.


6 –      Iktar ’il quddiem il-“karta tad-drittijiet fundamentali”.


7 –      Ara l-premessi 3 u 5 ta’ din id-direttiva.


8 – Konvenzjoni li ntefħet għall-firem matul il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti fuq l-ambjent u l-iżvilupp (UNCED) f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992 u li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE, tal-25 ta’ Ottubru 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 126). Hija daħlet fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 1993.


9 –      BGBl. 2005 I, p. 2521.


10 –      BGBl. 1990 I, p. 2746, iktar ’il quddiem l-“EschG”.


11 –      BGBl. 2002 I, p. 2277.


12 –      Fil-punt 13 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minn O. Brüstle, huwa indikat li ċelloli prekursuri jfissru ċelloli tal-ġisem immaturi li għad jistgħu jimmultiplikaw. Dawn iċ-ċelloli prekursuri għandhom il-kapaċità li jiżviluppaw u jiddifferenzjaw f’ċelloli maturi speċifiċi tal-ġisem.


13 –      Fil-punt 15 tal-istess osservazzjonijiet, iċ-ċelloli prekursuri nevrali huma definiti bħala ċelloli immaturi li għandhom il-kapaċità li jiffurmaw ċelloli maturi tas-sistema nervuża, pereżempju, newroni.


14 –      Ninnota li fil-punt 20 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, O. Brüstle jindika li huwa juża t-terminu “totipotenti” fis-sens restrittiv tiegħu biex jiddeskrivi dawn iċ-ċelloli, għall-kuntrarju tal-liġi Ġermaniża li tuża t-terminu “pluripotenti”. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni, f’dawn il-konklużjonijiet ser nuża t-terminu “pluripotenti” biex niddeskrivi dan it-tip ta’ ċelloli, billi dan it-terminu huwa rikonoxxut u użat mill-biċċa l-kbira tal-komunità xjentifika.


15 –      Iċ-ċelloli tan-newrolja huma ċ-ċelloli mhux nevrali tas-sistema nervuża. Ma jittrażmettux sinjal elettrokimiku iżda huma indispensabbli għaż-żamma tal-ambjent bijokimiku li fih jaħdmu n-newroni. Huma jirrappreżentaw 70 sa 80 % tat-totalità taċ-ċelloli tas-sistema nervuża.


16 –      Iktar ’il quddiem “Greenpeace”.


17 –      L-istadju tal-blastoċisti jintlaħaq bejn wieħed u ieħor fil-ħames jum wara l-fertilizzazzjoni.


18 –      Dawn huma ċelloli staminali pluripotenti indotti, imsejħa “ċelloli iPS”. Iċ-ċelloli staminali embrijoniċi li lilhom tirrigwarda l-privattiva ta’ O. Brüstle jissejħu “ċelloli ES”.


19 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑377/98, Ġabra p. I-7079, punt 25).


20 –      Ara l-premessi 5 sa 7 tad-Direttiva 98/44. Ara wkoll, is-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27).


21 –      Ara l-premessa 3 ta’ din id-direttiva.


22 –      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Adolf Truley (C‑373/00, Ġabra p. I-1931, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 –      Ara l-punt 18 tas-sentenza.


24 –      Ara s-sentenzi Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 37 sa 39), kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑456/03, Ġabra p. I-5335, punt 78).


25 –      RT I 1997, 51, 824.


26 –      Artikolu 8(1) tal-ESchG.


27 –      Liġi disponibbli fuq is-sit Internet http://www.legislation.gov.uk/ukpga/1990/37/contents.


28 –      Liġi disponibbli fuq is-sit Internet http://www.legislation.gov.uk/ukpga/2008/22/contents.


29 –      BOE Nru 126, tas-27 ta’ Mejju 2006, p. 19947.


30 –      BOE Nru 159, tal-4 ta’ Lulju 2007, p. 28826.


31 –      Ara l-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva. Ara, ukoll, il-premessa 16 tagħha.


32 –      Ara p. 1 tal-proposta emendata tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi [COM (97) 446 finali]. Ara wkoll, il-punt 1.4 tal-Avviż Nru 878 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-11 ta’ Lulju 1996 dwar il-proposta tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, disponibbli fuq is-sit Internet ta’ dan il-kumitat.


33 –      Ara l-premessa 16 ta’ din id-direttiva.


34 –      L-enfasi hija tiegħi.


35 –      Ara l-premessi 37 u 39 tal-imsemmija direttiva.


36 –      Niġbed l-attenzjoni f’dan ir-rigward għall-fatt li, fir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tal-14 ta’ Lulju 2005, intitolat “Żviluppi u implikazzjonijiet tal-liġi dwar il-privattivi fil-qasam tal-bijoteknolġija u tal-inġinerija ġenetika” [COM(2005) 312 finali], il-Kummissjoni tindika li, għal dawn l-istess raġunijiet, iċ-ċelloli totipotenti għandhom jiġu esklużi mill-brevettabbiltà (punt 2.2, subparagrafu 5).


37 –      Ara l-Artikolu 5(1) u l-premessa 16 ta’ din id-direttiva.


38 –      Ara l-Artikolu 1(1) tal-liġi tal-1990 dwar il-fertilizzazzjoni u l-embrijoloġija umana, kif emendata.


39 –      Ara l-Artikolu 2(d), tal-liġi dwar ir-riċerka fuq iċ-ċelloli staminali umani (zákon o výzkumu na lidských embryonálních kmenových buňkách, 227/2006 Sb.), kif emendata.


40 –      Ara l-punt 71.


41 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, dwar l-iffissar ta’ standards ta’ kwalità u sigurezza għad-donazzjoni, ksib, ittestjar, proċessar, priservazzjoni, ħażna u tqassim ta’ tessuti u ċelloli tal-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 291).


42 –      Ara l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.


43 –      Ninnota f’dan ir-rigward li l-Bord Suprem tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Privattivi Ewropew iddeċieda, fid-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru, 2008, G 2/06, WARF, li huwa pprojbit li jingħataw privattivi fuq il-bażi ta’ pretensjonijiet dwar prodotti li jistgħu jinkisbu biss bl-użu ta’ metodu li jinvolvi neċessarjament il-qerda ta’ embrijuni umani li minnhom joriġinaw dawk il-prodotti, anki jekk dak il-metodu ma jkunx parti mill-pretensjonijiet.


44 –      Ara l-premessa 42 ta’ din id-direttiva.


45 –      Ara l-punt 37 tal-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill fil-pożizzjoni komuni (KE) Nru 19/98 adottata mill-Kunsill fis-26 ta’ Frar 1998 għall-finijiet tal-adozzjoni tad-Direttiva 98/44.


46 –      Nindika f’dan ir-rigward li l-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda iqis li l-ħolqien ta’ embrijuni umani sabiex jinkisbu ċelloli staminali mhux etikament aċċettabbli (ara l-punt 2.7 tal-opinjoni Nru 15, tal-14 ta’ Novembru 2000, dwar l-aspetti etiċi tar-riċerka fuq iċ-ċelloli staminali tal-bniedem u l-użu tagħhom, disponibbli fuq is-sit Internet ta’ dan il-grupp).