Language of document : ECLI:EU:C:2014:333

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2014 (1)

Kawża C‑318/13

X

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Korkein hallinto-okeus (il-Finlandja)]

“Direttiva 9/7/KEE — Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Artikolu 4(1) — Assigurazzjoni għal ħaddiema fil-każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol — Dritt nazzjonali — Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għal dannu permanenti li jirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol — Determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens — Ammont ta’ kumpens differenti għall-irġiel u għan-nisa abbażi tal-medja tal-għomor statistikament differenti tas-sessi — Responsabbiltà tal-Istat Membru — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Huwa magħruf li, statistikament, il-medja tal-għomor tan-nisa hija ogħla minn dik tal-irġiel. Madankollu, l-irġiel għandhom, għal din ir-raġuni biss u mingħajr eżami konkret tal-każ individwali, jirċievu benefiċċju ta’ ammont inqas min-nisa, fil-każ fejn sistema ta’ assigurazzjoni għal ħaddiema f’każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol tagħti kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ darba għal problemi tas-saħħa b’effett matul il-ħajja kollha?

2.        Din il-kwistjoni hija s-suġġett tal-kawża preżenti. Wara s-sentenza “Test-Achats” (2), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità tikkjarifika l-ġurisprudenza tagħha dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa taħt id-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ sitwazzjoni oħra fil-qasam tal-liġi tal-assigurazzjoni.

3.        Fil-każ preżenti, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk dan il-prinċipju jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ pretensjoni tal-assigurazzjoni, tipprovdi parametri li għandhom bħala bażi l-medji tal-għomor statistikament differenti bejn l-irġiel u n-nisa. It-tieni nett, fil-każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tikser id-dritt tal-Unjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru huwiex responsabbli, u t-tielet nett, jekk dan ikun il-każ, il-kwistjoni dwar il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 79/7 (3)

4.        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 79/7, din tapplika, inter alia, għal skemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra invalidità, inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard ikkaġunat mix-xogħol.

5.        Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7:

“(1) Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament, [...] speċjalment [...] f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

–        [...]

–        [...]

–        il-kalkolu tal-benefiċċji [...] u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.

(2) Il-prinċipju tat-trattament ugwali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rigward il-protezzjoni tan-nisa minħabba l-maternità.”

2.      Id-Direttiva 2004/113 (4)

6.        Qabel ma ġie ddikjarat null l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113 (5), din id-dispożizzjoni ppermettiet inugwaljanza fit-trattament abbażi tas-sess, taħt ċerti kundizzjonijiet, kif ġej:

“Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu qabel il-21 ta’ Diċembru 2007 li jippermettu differenzi proporzjonati fi premiums u benefiċċji ta’ individwi fejn l-użu tas-sess huwa fattur determinanti fl-istima ta’ riskju bbażat fuq data attwarjali u statistika rilevanti u preċiża. […]”

3.      Id-Direttiva 2006/54 (6)

7.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54 taħt it-titolu “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni” jipprovdi, fir-rigward tal-iskemi professjonali ta’ sigurtà soċjali (7):

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 [(8)], m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fi skemi okkupazzjonali [professjonali] ta’ sigurtà soċjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’

[…]

c)       il-kalkolu tal-benefiċċji […] u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji.”

8.        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi:

“Dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta’ trattament ugwali għandhom jinkludu dawk ibbażati fuq is-sess, jew direttament jew indirettament, sabiex:

[…]

h)       ikunu ffissati livelli differenti ta’ benefiċċju, ħlief safejn jista’ jkun neċessarju biex jitqiesu fatturi ta’ kalkolu attwarjali li jvarjaw skond is-sess fil-każ ta’ skemi b’kontribuzzjoni definita; fil-każ ta’ skemi b’benefiċċju definit iffinanzjati, ċerti elementi jistgħu ma jkunux ugwali fejn in-nuqqas ta’ ugwaljanza ta’ l-ammonti tirriżulta mill-effetti ta’ l-użu ta’ fatturi attwarjali li jvarjaw skond is-sess fiż-żmien meta jiġi implimentat l-iffinanzjar ta’ l-iskema;

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

9.        Skont l-osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż, il-persuni li jimpjegaw Finlandiżi huma legalment obbligati li jassiguraw lill-impjegati tagħhom ma’ kumpanniji tal-assigurazzjoni privati kontra r-riskju ta’ dannu permanenti għas-saħħa li jirriżulta minn inċidenti fuq il-post tax-xogħol.

10.      Fil-każ ta’ avveniment assigurat, il-benefiċċji tal-assigurazzjoni jingħataw fil-forma ta’ pagamenti perijodiċi jew fil-forma ta’ somma f’daqqa (iktar ’il quddiem “kumpens għal inċident fuq il-post tax-xogħol”). F’każ ta’ dannu inqas serju, il-kumpens għandu jingħata b’mod obbligatorju fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ darba (9).

11.      L-ammont ta’ din is-somma f’daqqa jiddependi fuq il-medja tal-għomor tal-vittma. F’dan ir-rigward, il-fatturi determinanti huma, minn naħa, l-età tal-vittma u min-naħa l-oħra, għat-tbassir tal-medja tal-kumplament tal-għomor, is-sess tal-vittma. Peress li statistikament, il-medja tal-għomor tal-irġiel hija iktar baxxa, skont il-liġi Finlandiża, in-nisa jirċievu kumpens ogħla mill-irġiel f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12.      Fl-2005, X ingħata allowance minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ darba bħala kumpens mill-kumpannija tal-assigurazzjoni responsabbli, għal inċident li huwa ġarrab fuq il-post tax-xogħol fl-1991. Taħt kundizzjonijiet paragunabbli, u purament abbażi tas-sess tagħha u tal-medja statistikament ogħla ta’ għomorha, mara kienet tirċievi ħlas ta’ EUR 278.89 iktar minn X (10).

13.      Rikors ippreżentat minn X, fejn ilmenta li l-allowance minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol għandha tiġi kkalkolata skont l-iktar kriterji favorevoli, li kienu applikabbli għan-nisa, ġie miċħud definittivament mill-qorti tal-assigurazzjoni tal-aħħar istanza fl-2008.

14.      B’rikors ippreżentat fl-2009, X talab lill-Istat Finlandiż kumpens bl-ammont tad-differenza li tilef flimkien mal-interessi.

15.      Il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:

1)         L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, għall-kalkolu ta’ benefiċċju soċjali statutorju dovut minħabba f’inċident fuq il-post tax-xogħol, l-użu, bħala fattur attwarjali, tad-differenza fl-aspettattivi tal-għomor bejn l-irġiel u n-nisa, fejn l-użu ta’ dan il-fattur iwassal għall-ħlas ta’ kumpens f’daqqa taħt din id-dispożizzjoni li meta jingħata lil raġel, huwa inqas minn dak li tirċievi mara tal-istess età u f’sitwazzjoni simili fir-rigward tal-kumplament?

2)         Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: f’dan il-każ hemm ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, bħala kundizzjoni għall-implementazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat Membru, b’mod partikolari b’kunsiderazzjoni għall-fatt li:

–        il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espressament, fil-ġurisprudenza tagħha, dwar il-legalità ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess fid-determinazzjoni tal-benefiċċji mħallsa taħt sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7;

–        il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza C‑236/09 Test-Achats li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113 li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali fatturi, kien invalidu, iżda dan kien ser ikun hekk biss wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni; u li

–        il-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-Direttivi 2004/113/KE u 2006/54/KE (Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol), approva taħt ċerti kundizzjonijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess fil-kalkolu tal-benefiċċji msemmija taħt dawn id-direttivi, li għalhekk iħalli lil-leġiżlatur nazzjonali jassumi li dawn il-fatturi setgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni?

IV – Evalwazzjoni

A –    L-ewwel domanda preliminari

16.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-irġiel jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli min-nisa, fil-każ ta’ għoti ta’ somom f’daqqa għal inċidenti fuq il-post tax-xogħol, minħabba li statistikament il-medja tal-għomor tal-irġiel hija iktar baxxa.

17.      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 79/7, li skont l-Artikolu 3(1) il-punt A tagħha tapplika għal skemi statutorji għall-protezzjoni kontra r-riskju ta’ invalidità, hijiex rilevanti f’dan il-każ. Huwa biss jekk dan ikun il-każ li tkun tista’ tingħata risposta raġonevoli għall-ewwel domanda preliminari. Jekk dan ma jkunx il-każ, id-domanda ma jkollha ebda rabta mar-realtà tal-kawża fil-kawża prinċipali.

1.      Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tad-Direttiva 79/7

a)      Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis

18.      Il-Gvern Finlandiż isostni li d-Direttiva 79/7 ma hijiex applikabbli ratione temporis, peress li l-inċident inkwistjoni seħħ fl-1991, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja fl-1995. Huwa tal-fehma li l-pożizzjoni legali rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kawża prinċipali hija dik applikabbli fl-1991. Din il-pożizzjoni legali ma hijiex koperta bid-Direttiva 79/7 peress li din tal-aħħar ma kinitx applikabbli għall-fatti li seħħew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja.

19.      Madankollu, l-għoti tal-allowance minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol hija intiża li tikkumpensa l-konsegwenzi tal-inċident inkwistjoni li seħħ fl-1991. Għaldaqstant, dan il-każ ma jikkonċernax l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni li kienet diġà definittivament konkluża qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru (11).

20.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li seħħet taħt l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni preċedenti għandhom jiġu evalwati skont il-pożizzjoni legali applikabbli sussegwenti (12). L-istess għandu japplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun seħħet qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru, iżda li tipproduċi effetti wara tali adeżjoni.

21.      Peress li d-Direttiva 79/7 (13) saret applikabbli fit-territorju tar-Repubblika tal-Finlandja bl-adeżjoni tagħha, mill-perspettiva tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha, din hija rilevanti għall-għoti ta’ allowance minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol.

b)      Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae

22.      Jista’ jkun hemm dubji dwar ir-rilevanza fattwali tad-Direttiva 79/7, peress li, filwaqt li d-direttiva inkwistjoni tapplika biss għal “skemi statutorji” fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-kumpens inkwistjoni, skont il-Gvern Finlandiż, jirriżulta minn ċerti kumpanniji tal-assigurazzjoni privati inkarigati bil-kompiti tal-assigurazzjoni statutorja kontra l-inċidenti.

23.      Huwa minnu li li kumpens inkwistjoni ma huwiex direttament imħallas mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, iżda mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni privati fil-qafas ta’ sistema ta’ assigurazzjoni statutorja obbligatorja. Madankollu, il-modalitajiet tal-għoti ta’ allowance ma humiex deċiżivi għall-klassifikazzjoni tagħhom taħt id-Direttiva 79/7. Dak li jgħodd huwa pjuttost li benefiċċju previst taħt dispożizzjoni legali jkun relatat direttament u effettivament mal-protezzjoni kontra wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (14). Dan għandu jitqies li huwa l-każ fir-rigward tal-kumpens inkwistjoni, li jingħata direttament lill-vittmi, li l-għoti tiegħu huwa stabbilit bil-Liġi tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti.

24.      Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Finlandiża inkwistjoni għandha titqies li hija sistema statutorja għall-protezzjoni kontra r-riskju tal-invalidità u għalhekk, għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-Direttiva 79/7. Min-naħa l-oħra, id-Direttivi 2004/113 u 2006/54 ma humiex rilevanti, peress li, skont l-Artikolu 3(4) tagħha, l-ewwel direttiva “ma tapplikax għal kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol” u t-tieni waħda, skont l-Artikolu 2(1)(f) tagħha, tirregola skemi ta’ pensjoni professjonali speċifiċi għal kumpanniji, iżda ma hijiex applikabbli għal sistema nazzjonali tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti.

25.      Peress li għall-kalkolu tal-benefiċċji, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprovdi li “m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament”, għandu jiġi eżaminat iktar ’il quddiem jekk fil-kwotazzjoni ta’ kriterji attwarjali hijiex inkluża inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq is-sess (fis-sezzjoni 2) u skont il-każ, jekk jistgħux jiġu identifikati ġustifikazzjonijiet f’dan ir-rigward (fis-sezzjoni 3).

2.      Trattament mhux ugwali permezz ta’ parametri attwarjali li huma marbuta mad-differenza statistika tal-medja tal-għomor tas-sessi.

26.      Il-kalkolu differenti tal-ammont ta’ allowance minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol bħala somma f’daqqa huwa direttament marbut mas-sess tal-benefiċjarju u mal-medja statistikali tal-għomor tiegħu.

27.      Madankollu, skont il-fehma tal-Gvern Finlandiż, dan ma huwiex trattament inqas favorevoli għall-benefiċjarji rġiel. Id-differenza skont is-sess hija pjuttost meħtieġa sabiex in-nisa ma jiġux żvantaġġati meta mqabbla mal-irġiel. Statistikament, il-medja tal-għomor tan-nisa hija ogħla, u għalhekk il-kumpens li għandu jingħata permezz ta’ somma f’daqqa għad-dannu subit għall-kumplament tal-ħajja li mistennija jgħixu, għandu jkun ogħla għan-nisa milli għall-irġiel.

28.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħu, dan ma huwiex każ ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa, iżda każ fejn kull persuna tirċievi l-ammont attwarjalment dovut lilha.

29.      Madankollu, din l-oġġezzjoni tista’, l-iktar l-iktar, tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fl-għoti ta’ allowance bħala somma f’daqqa, iżda ma tistax fiha nfisha tikkontesta l-fatt li l-irġiel u n-nisa huma ttrattati b’mod inugwali taħt il-leġiżlazzjoni Finlandiża.

30.      Sussegwentement, għandhom jiġu eżaminati l-ġustifikazzjonijiet possibbli.

3.      Ġustifikazzjonijiet tal-inugwaljanza fit-trattament.

31.      Fl-eżaminazzjoni ta’ liema fatturi għandhom jiġu kkunsidrati għall-inugwaljanza fit-trattament fl-għoti ta’ allowance minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol fil-kuntest ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol, għandha tiġi primarjament eżaminata d-Direttiva 79/7.

a)      Ġustifikazzjonijiet rilevanti skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7

32.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistabbilixxi regola ċara u eżawrjenti billi, għajr fil-każ tal-maternità, ġeneralment ma jawtorizzax differenza tat-trattament ibbażata fuq is-sess fil-każ ta’ għoti ta’ benefiċċju.

33.      Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Finlandiża inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata, minħabba li, kuntrarjament għall-prinċipju tal-ugwaljanza fit- trattament stabbilit fid-direttiva, permezz ta’ medja tal-għomor ibbażata fuq is-sess, din tintroduċi kriterju ta’ differenzazzjoni li, skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, ma kellux japplika għad-Direttiva 79/7.

34.      Il-fatt li teħid inkunsiderazzjoni tal-medja tal-għomor statistikali bbażata fuq is-sess ma huwiex espressament prekluż mid-direttiva, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlatur Finlandiż huwa liberu li jintroduċi dan il-kriterju fil-kuntest tal-għoti tal-benefiċċju. Dan huwa kkontradit mhux biss mit-test tad-Direttiva 79/7 iżda wkoll mill-paragun mal-loġika tad-Direttivi 2004/113 u 2006/54. F’dawn iż-żewġ direttivi, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma sabx oġġezzjoni għall-ammissibbiltà ta’ fatturi tal-kalkolu “attwarjali” (15) jew “tekniċi tal-assigurazzjoni” (16) bbażati fuq is-sess taħt ċerti kundizzjonijiet, huwa madankollu kkunsidra neċessarju li jagħmel dikjarazzjoni espliċita f’dan ir-rigward. In-nuqqas ta’ tali deroga speċifika fid-Direttiva 79/7, juri a contrario li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ġustament jeskludi l-legalità ta’ kunsiderazzjonijiet attwarjali bbażati fuq is-sess fil-qafas tad-Direttiva 79/7.

35.      Skont il-Gvern Finlandiż, madankollu, l-ammonti differenti tal-benefiċċju huma madankollu ġġustifikati peress li, fil-kuntest ta’ kumpens permezz ta’ somma f’daqqa, dawn jirriżultaw intrinsikament mid-differenzi tal-medja tal-għomor ibbażata fuq is-sess. Kieku s-sitwazzjoni kienet differenti, in-nisa, li statistikament għandhom għomor itwal, ikunu żvantaġġati meta mqabbla mal-irġiel, peress li l-ħlas ta’ darba huwa intiż li jagħmel tajjeb għall-konsegwenzi li jirriżultaw mill-inċident għall-kumplament tal-ħajja tal-persuna assigurata.

36.      B’hekk il-Gvern Finlandiż ibiddel l-ilmenti ppreżentati kontrih, u jsostni li, fil-kuntest tal-għoti ta’ kumpens bħala somma f’daqqa, huwa marbut bid-dritt primarju li jalloka lill-irġiel ammonti inqas min-nisa.

37.      Madankollu, kif ser jintwera iktar ’il quddiem, dan l-argument ma huwiex ta’ natura konvinċenti.

b)      Liema huma l-ġustifikazzjonijiet rilevanti li jirriżultaw mid-dritt primarju?

38.      Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess fid-dawl tad-dritt primarju — bl-eċċezzjoni ta’ miżuri inċentivi speċifiċi li jibbenefikaw minnhom membri ta’ grupp żvantaġġat — hija permissibbli biss jekk jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza li jkun hemm differenzi rilevanti bejn l-irġiel u n-nisa, li joħolqu l-ħtieġa għal tali diskriminazzjoni (17).

i)      Dwar il-kunċett ta’ differenzi rilevanti

39.      Differenzi rilevanti bejn l-irġiel u n-nisa, li jistgħu jkollhom effett fuq l-għoti ta’ allowance ta’ assigurazzjoni minħabba inċident, jistgħu jiġu affermati, jekk fil-każ inkwistjoni jkun hemm sostenn inkonfutabbli, fuq il-bażi tas-sess biss, sabiex tiġi preżunta l-preżenza jew le ta’ ċerti fatturi importanti għall-għoti tal-allowance (18). Madankollu, sabiex tali differenzi jkunu legalment rilevanti, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom għandu jkun konformi mal-prinċipji bażiċi tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (19).

40.      Il-leġiżlazzjoni Finlandiża tassumi mingħajr eċċezzjoni li statistikament in-nisa għandhom medja tal-għomor ogħla mill-irġiel, u abbażi ta’ dan tqis is-sess tal-persuna assigurata bħala fattur rilevanti għall-benefiċċji tal-għomor bħala somma f’daqqa.

41.      Madankollu, dan it-tbassir skont is-sess tal-persuna ma jkoprix l-aspetti kollha tal-medja tal-għomor. Minn naħa, huwa għalhekk wisq ġenerali u ma jwassalx għal riżultati bbilanċjati. Min-naħa l-oħra, barra minn hekk, anki kunsiderazzjonijiet normattivi tad-dritt primarju ma jaċċettawx is-sess bħala kriterju rilevanti għall-għoti ta’ allowance.

42.      Għandhom issa jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet fattwali u sussegwentement dawk legali li jopponu r-rilevanza tat-tbassir abbażi tas-sess għall-għoti ta’ allowance.

ii)    Oġġezzjonijiet fattwali kontra r-rilevanza tat-tbassir abbażi tas-sess.

43.      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Finlandiż, huwa diġà impossibbli li, fil-kuntest tal-għoti ta’ allowance għal dannu permanenti, jiġi ddikjarat b-ċertezza li persuna assigurata jkollha dejjem ikollha medja tal-għomor ogħla minn persuna assigurata tal-istess età.

44.      Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Finlandiża diġà ma tiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti, kif iċ-ċirkustanzi speċifiċi li jirriżultaw mid-dannu jaffettwaw il-medja tal-kumplament tal-għomor. Fir-rigward ta’ ċerti problemi tas-saħħa li jirriżultaw minn inċident, huwa diffiċli li jiġi preżunt li n-nisa jista’ jkollhom medja tal-għomor ogħla mill-irġiel f’sitwazzjoni paragunabbli.

45.      Barra minn hekk, kriterju purament ibbażat fuq is-sess għat-tbassir tal-medja tal-għomor għalhekk ma huwiex estensiv biżżejjed, peress li jeskludi aspetti importanti pereżempju, għajr il-konsegwenzi tal-inċident, l-oriġini ġeografika u r-residenza prinċipali tal-persuna inkwistjoni (20), id-drawwiet u l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali distintivi tagħha, u għalhekk jagħti biss stampa distorta tar-realtà.

46.      Konsegwentement, minn perspettiva astratta, il-fatt li persuna tkun ta’ sess jew ieħor, ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jiġġustifika differenza rilevanti fir-rigward tal-għoti ta’ allowance.

47.      Il-fatt li tbassir purament abbażi tas-sess huwa approċċ żbaljat għall-kalkolu tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa iktar evidenti meta jitqiesu l-każijiet speċifiċi tal-persuni assigurati u meta jiġi nnotat li skont il-loġika intrinsika tal-leġiżlazzjoni Finlandiża, kif irrikonoxxa l-Gvern Finlandiż fis-seduta orali, abbażi tas-sess tagħha, mara li tkun qiegħda tbati minn marda terminali tirċievi kumpens ogħla minn raġel li jgawdi minn livell aħjar ta’ saħħa u li huwa tal-istess età, minkejja l-medja baxxa tal-għomor tagħha. Jekk il-leġiżlazzjoni Finlandiża ma tipprovdix regolamentazzjoni xierqa għal tali sitwazzjoni speċifika, iżda tieħu s-sess bħala punt ta’ riferiment b’mod negliġenti, dan ma jistax ikun kriterju rilevanti għall-kalkolu tal-allowance għal kumpens relatat ma’ inċident fuq il-post tax-xogħol.

48.      Għajr it-tħassib reali dwar kriterju bbażat fuq is-sess, hemm ukoll oġġezzjonijiet legali kontra l-ammissibbiltà tiegħu, li ser jiġu eżaminati sussegwentement.

iii) Oġġezzjonijiet legali kontra r-rilevanza tat-tbassir abbażi tas-sess

49.      Il-kriterju Finlandiż tat-tbassir tal-medja tal-għomor, li huwa bbażat fuq is-sess, għandu jiġu evalwat fid-dawl tal-parametri legali li jirriżultaw mid-dritt primarju tal-Unjoni. Fost il-prinċipji bażiċi skont l-Artikolu 2 TUE, hemm inter alia, il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, li huwa wkoll stabbilit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 21 tal-Karta.

50.      Kif diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Association belge des Consommateurs Test-Achats et, l-importanza kbira li hija attribwita lil dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fid-dawl tas-sistema ta’ valuri tad-dritt tal-Unjoni, ma hemmx ġustifikazzjoni sabiex is-sess ta’ persuna jintuża bħala kriterju sostituttiv u ġeneralizzat tal-istatistika, għal elementi distintivi oħra li ma humiex identifikabbli faċilment, iżda li fl-aħħar mill-aħħar huma realment rilevanti għall-assigurazzjoni.

51.      Jekk ċerti fatturi tal-medja tal-għomor huma fil-fatt deċiżivi (21), dawn għandhom pjuttost ikunu identifikati bħala tali, evalwati b’mod xieraq u assenjati lil gruppi speċifiċi ta’ persuni irrispettivament mis-sess tagħhom. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux ikunu skematikament assoċjati ma’ sess partikolari, sakemm dawn ma jkunux karatteristiċi bijoloġikament speċifiċi mhux varjabbli. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-individwu kkonċernat li għalih ma jiġix applikat il-fattur rispettiv jiġi żvantaġġat jew vantaġġat sempliċement minħabba s-sess tiegħu mingħajr raġuni konvinċenti.

52.      Fl-evalwazzjoni legali ta’ kriterji attwarjali bbażati fuq is-sess, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 21 tal-Karta jsemmi l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fl-istess waqt li jsemmi l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-kulur tal-ġilda u l-oriġini etnika.

53.      Għaldaqstant, regoli li huma direttament marbuta mas-sess, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ibbażati fuq karatteristiċi bijoloġiċi ċerti bħall-maternità, huma, skont is-sistema ta’ valuri tal-leġiżlatur tal-Unjoni, inaċċettabbli daqs dawk ibbażati fuq ir-razza jew il-kulur tal-ġilda u konsegwentement ma humiex ammissibbli fil-qasam tal-liġi tas-sigurtà soċjali, irrispettivament minn kull stħarriġ statistiku (22).

54.      Kieku l-pożizzjoni kienet differenti, minn naħa kien ikun hemm il-perikolu li bl-iskuża tal-istatistika tiddgħajjef il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fil-Karta u min-naħa l-oħra kien ikun hemm ir-riskju ta’ riżultati mhux xierqa f’każijiet individwali jekk, permezz ta’ stereotipi, ikun hemm affidabbiltà fuq statistika li fl-aħħar mill-aħħar hija irrilevanti għall-każ inkwistjoni pjuttost fuq kriterji sostantivi li huma rilevanti għad-deċiżjonijiet ta’ tbassir dwar il-medja tal-għomor.

iv)    Konklużjoni intermedjarja għall-ewwel domanda preliminari

55.      Għaldaqstant, il-ġustifikazzjonijiet għall-inugwaljanza fit-trattament minħabba statistika bbażata fuq is-sess la jistgħu jinsiltu mid-Direttiva 79/7 u lanqas mid-dritt primarju.

56.      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, għall-kalkolu ta’ benefiċċju soċjali statutorju mogħti minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, l-użu, bħala fattur attwarjali, tad-differenza fil-medja tal-għomor bejn l-irġiel u n-nisa, meta l-użu ta’ dan il-fattur iwassal għall-ħlas ta’ kumpens f’daqqa li meta jingħata lil raġel, ikun inqas minn dak li tirċievi mara tal-istess età f’sitwazzjoni paragunabbli.

57.      Fid-dawl ta’ dan, il-qrati Finlandiżi li ġew aditi bil-proċeduri ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, minn tal-inqas sa fejn dawn il-proċeduri tressqu kontra korp governattiv jew istituzzjoni li għandha titqies li hija ekwiparabbli, kellhom effettivament jonqsu milli japplikaw id-dispożizzjoni diskriminatorja u minflok, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali nondiskriminatorja, kellhom jagħtu lil X l-ogħla ammont li skont il-liġi Finlandiża huwa allokat lin-nisa (23).

58.      Madankollu, dan ma kienx il-każ fil-kawża inkwistjoni.

59.      Peress li fil-frattemp, il-proċedura fil-qorti tal-assigurazzjoni ġiet konkluża b’deċiżjoni finali, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-responsabbiltà tal-Istat Finlandiż hijiex invokata fir-rigward tal-ħlas tad-differenza, flimkien mal-interessi, fi kwalunkwe każ sa fejn is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ser tingħata fil-kawża preżenti ma tikkostitwixxix raġuni għal reviżjoni tal-proċeduri (24), li jagħti l-possibbiltà lil X jikseb mill-qrati Finlandiżi deċiżjoni li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

B –    It-tieni domanda preliminari

60.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk fir-rigward tas-somma f’daqqa ta’ allowance għal inċident fuq il-post tax-xogħol, ir-Repubblika tal-Finlandja tistax tiġi akkużata bi ksur suffiċjentement serju kontra d-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tiegħu tista’ tinżamm responsabbli.

61.      Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, kontra ksur bħal dan hemm evidentement in-nuqqas ta’ ġurisprudenza rilevanti għad-Direttiva 79/7 li fis-sentenza “Test-Achats” aċċettat perijodu ta’ tranżizzjoni previst kif ukoll il-fatt li fid-dawl tad-Direttivi 2004/113 u 2006/54 il-leġiżlatur nazzjonali aċċetta li kunsiderazzjonijiet attwarjali bbażati fuq is-sess ma humiex oġġezzjonabbli (fil-punt 2).

62.      Qabel ma dawn l-aspetti jiġu evalwati fid-dettall, għandu madankollu jiġi ċċarat (fil-punt 1) liema perijodu ser jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni mir-Repubblika tal-Finlandja. Din il-kwistjoni hija importanti għad-determinazzjoni tas-sitwazzjoni legali, fid-dritt tal-Unjoni, li fir-rigward tagħhom għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur serju.

1.      Iż-żmien deċiżiv u s-sitwazzjoni legali rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni

63.      Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-data tal-inċident fuq il-post tax-xogħol (1991), id-data tal-għoti l-allowance għal mill-kumpannija tal-assigurazzjoni (2005) kif ukoll id-data taċ-ċaħda definittiva tar-rikors mill-qorti tal-assigurazzjoni (2008).

64.      Għandu jitfakkar, qabel xejn li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċerna lil X ġie kkonkretizzat fl-2008, permezz tad-deċiżjoni definittiva tal-qorti Finlandiża.

65.      It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li f’dak il-mument ma kien hemm ebda ġurisprudenza dwar il-kwistjoni ta’ jekk kunsiderazzjonijiet attwarjali bbażati fuq is-sess humiex ammissibbli fil-kuntest tad-Direttiva 79/7, u fil-fatt, il-Kummissjoni lanqas biss ikkunsidrat il-ħtieġa li tibda proċeduri ta’ ksur kontra r-Repubblika tal-Finlandja.

66.      Għandu jiġi nnotat ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni fi kwistjonijiet li jikkonċernaw id-dritt tal-assigurazzjoni relatati mad-Direttiva 79/7, jiġifieri dawk tad-Direttivi 2004/113 u 2006/54, fl-2004 u l-2006 approva kunsiderazzjonijiet attwarjali bbażati fuq is-sess taħt ċerti kundizzjonijiet u saħansitra fl-2010, il-Kummissjoni kkontestat b’mod rigoruż dan l-aspett fil-kawża Association belge des Consommateurs Test-Achats et. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-kawża, fejn madankollu s-sentenza ma ngħatatx qabel l-2011, jiġifieri madwar tliet snin wara d-deċiżjoni finali tal-qorti tal-assigurazzjoni Finlandiża, li kien hemm bidla sostenibbli ta’ din il-pożizzjoni.

67.      Taħt dawn iċ-ċirkustanzi, għandu issa jiġi eżaminat jekk fl-2008 kienx hemm ksur serju kontra d-dritt tal-Unjoni, b’mod li jimplika r-responsabbiltà tal-Istat.

2.      Eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju?

68.      Id-danni kkawżati lil individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu kkumpensati meta, l-ewwel nett, ir-regola tad-dritt miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwu, it-tieni nett, meta l-ksur ikun suffiċjentement serju u t-tielet nett, meta bejn il-ksur tal-obbligu tal-Istat u d-dannu subit mill-vittma jkun hemm rabta kawżali diretta (25)

69.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi biss dwar it-tieni kundizzjoni ta’ responsabbiltà msemmija hawn fuq. Sussegwentement, għandu jiġi stabbilit dak li għandu jinftiehem bi ksur “suffiċjentement serju” u jekk kien hemm tali ksur fil-każ preżenti.

a)      Il-kunċett ta’ ksur suffiċjentement serju

70.      Fil-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata mill-qorti nazzjonali, jiġifieri jekk għandux jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju kontra d-dritt tal-Unjoni li jimplika r-responsabbiltà tal-Istat Membru, fl-evalwazzjoni globali l-qorti nazzjonali għandha l-ewwel nett tikkunsidra l-grad ta’ ċarezza u preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura, it-tieni nett, il-firxa tad-diskrezzjoni li d-dispożizzjoni miksura tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, it-tielet nett, il-kwistjoni dwar jekk il-ksur kienx intenzjonali jew le, jew id-danni kinux ikkawżati intenzjonalment jew le, ir-raba’ nett, in-natura ġustifikabbli jew mhux ġustifikabbli ta’ kwalunkwe żball ta’ liġi u, il-ħames nett, il-fatt li l-aġir tal-istituzzjoni Komunitarju setgħet tikkontribwixxi għall-ommissjoni, għall-adozzjoni jew għaż-żamma ta’ miżuri jew prattiċi nazzjonali kontra d-dritt tal-Unjoni (26).

71.      Dawn l-aspetti għandhom jiġu eżaminati u evalwati globalment, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti li tqajmu fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari.

b)      Ksur suffiċjentement serju mir-Repubblika tal-Finlandja kontra l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7?

72.      Filwaqt li l-ewwel żewġ aspetti msemmija fil-punt 70 f’dan il-każ jistgħu jindikaw ksur suffiċjentement serju, it-tliet aspetti segwenti pjuttost jindikaw l-oppost.

73.      Peress li anki jekk il-kontenut u l-kuntest leġiżlattiv tad-Direttiva 79/7 jeskludu b’mod ċar u preċiż biżżejjed, u mingħajr ma titħalla diskrezzjoni lil-leġiżlatur nazzjonali, kunsiderazzjonijiet attwarjali bbażati fuq is-sess, probabbilment ma jistax jiġi allegat li fl-2008 il-leġiżlatur Finlandiż u l-ġudikatura Finlandiża wettqu ksur intenzjonat u kompletament inġustifikabbli.

74.      Pjuttost, minn naħa, in-nuqqas ta’ kwalunkwe ġurisprudenza rilevanti jew ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkontestaw tali diskriminazzjoni, u min-naħa l-oħra, it-tendenza emerġenti tal-leġiżlatur tal-Unjoni mill-2004 li jippermetti b’mod estensiv kunsiderazzjonijiet attwarjali, jindikaw li fi kwalunkwe każ fl-2008, jiġifieri qabel is-sentenza “Test-Achats”, minkejja l-kontenut inekwivoku tad-Direttiva 79/7, l-iżball tal-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ma huwiex suffiċjentement ċar għandux tali ċarezza li jkun preżunt żball ta’ liġi intenzjonat u kompletament inġustifikabbli mill-korpi Finlandiżi.

75.      Huwa minnu li l-bidu ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, jekk ikun hemm proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu rilevanti, ikun hemm raġunijiet tajba li f’każ ta’ ksur persistenti Stat Membru possibbilment japprova ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fin-nuqqas, madankollu, ta’ tali proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Istat Membru inkwistjoni, għalkemm mhux eżonerat għal din ir-raġuni, barra minn hekk ma għandux jiġi akkużat li konxjament ippermetta li kwalunkwe ksur tad-dritt tal-Unjoni jissokta.

76.      Barra minn hekk, f’dan il-każ huwa diffiċli li l-Istat Membru jiġi akkużat bi ksur inġustifikabbli li jimplika r-responsabbiltà tiegħu jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni stess wettaq tali ksur f’kuntest ieħor simili, jiġifieri dak tad-Direttiva 2004/113. Ikun eċċessiv jekk fl-attività regolatorja tagħhom, l-Istati Membri jintalbu jaġixxu iktar prudentement u kuxjenzjożament mil-leġiżlatur tal-Unjoni stess. Fil-fatt, l-attività leġiżlattiva tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-perijodu bejn l-2004 u l-2008 setgħet tat lil-leġiżlatur Finlandiż impressjoni ta’ ċertezza żbaljata li l-parametri magħżula minnu kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni anki fil-kuntest tas-sigurtà soċjali.

77.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l-evalwazzjoni tar-rekwiżiti għar-responsabbiltà tal-Istat Membru hija kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, iżda sabiex tingħata assistenza lill-Istat Membru kkonċernat dwar il-kwistjoni ta’ jekk hemmx ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-UE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari:

–        li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espliċitament, fil-ġurisprudenza tagħha, jekk fil-kalkolu tal-benefiċċji mħallsa taħt sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7, għandhomx jiġu kkunsidrati fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess;

–        li kien biss fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑236/09, Association belge des Consommateurs Test-Achats et li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113, li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali fatturi, kien invalidu, u ppreċiżat li kien ser ikun hekk biss wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni; u

–        li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-Direttivi 2004/113/KE u 2006/54/KE, approva taħt ċerti kundizzjonijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess fil-kalkolu tal-benefiċċji li hemm riferiment għalihom f’dawn id-direttivi, u l-leġiżlatur nazzjonali assuma fuq din il-bażi li dawn il-fatturi setgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni.

78.      Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi eżaminat jekk f’dan il-każ hemmx lok għal limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza.

C –    Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza?

79.      Għandu jitfakkar, qabel xejn, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’sentenza tagħha, tispjega u tikkjarifika t-tifsira u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mid-dħul fis-seħħ tagħha. Għaldaqstant, limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ tali sentenza fid-dawl ta’ dan hija miżura eċċezzjonali li timplika, fost l-oħrajn, fin-nuqqas ta’ tali miżura, riskju ta’ effetti ekonomiċi serji (27).

80.      F’dan ir-rigward, il-partijiet fil-proċedura ma pproduċew ebda prova konvinċenti f’dan ir-rigward.

81.      Il-fatt li d-dispożizzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tal-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar l-assigurazzjoni għal inċident, tapplika essenzjalment għal kawżi ta’ importanza żgħira, huwa element li jimmilita kontra l-eżistenza ta’ riskju ta’ konsegwenzi ekonomiċi serji. F’dan ir-rigward, huwa improbabbli li s-sistema tas-sigurtà soċjali tiġi imposta bi spejjeż enormi, anki jekk is-somma f’daqqa l-iktar favorevoli li qabel kienet irriżervata lin-nisa tapplika issa għan-nisa wkoll.

82.      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġu limitati ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza.

V –    Konklużjoni

83.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għaż-żewġ domandi preliminari tkun kif ġej:

1.      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7 KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, għall-kalkolu ta’ benefiċċju soċjali statutorju mogħti minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, l-użu, bħala fattur attwarjali, tad-differenza fil-medja tal-għomor bejn l-irġiel u n-nisa, meta l-użu ta’ dan il-fattur iwassal għall-ħlas ta’ kumpens f’daqqa li meta jingħata lil raġel, ikun inqas minn dak li tirċievi mara tal-istess età f’sitwazzjoni paragunabbli.

2.      L-evalwazzjoni tar-rekwiżiti għar-responsabbiltà tal-Istat Membru hija kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, iżda sabiex tingħata assistenza lill-Istat Membru kkonċernat dwar il-kwistjoni ta’ jekk hemmx ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-UE, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari,

–        li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx espliċitament, fil-ġurisprudenza tagħha, jekk fil-kalkolu tal-benefiċċji mħallsa taħt sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali u li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7, għandhomx jiġu kkunsidrati fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess;

–        li kien biss fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-236/09, Association belge des Consommateurs Test-Achats et li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113, li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali fatturi, kien invalidu, u ppreċiżat li kien ser ikun hekk biss wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tranżazzjoni; u

–        li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-Direttivi 2004/113/KE u 2006/54/KE, approva taħt ċerti kundizzjonijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi attwarjali bbażati fuq is-sess fil-kalkolu tal-benefiċċji li hemm riferiment għalihom f’dawn id-direttivi, u l-leġiżlatur nazzjonali assuma fuq din il-bażi li dawn il-fatturi setgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Sentenza Association Belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100).


3 – Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).


4 – Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2004, li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 294).


5 – Sentenza Association Belge des Consommateurs Test-Achats et (C-236/09, EU:C:2011:100).


6 – Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23).


7 – L-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2006/54 jiddefinixxi dawn l-iskemi bħala “li mhumiex regolati mid-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE […] li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom, f’impriża jew fi grupp ta’ impriżi, f’qasam ta’ attività ekonomika, settur jew grupp ta’ setturi tax-xogħol b’benefiċċji maħsuba biex iżidu l-benefiċċji pprovduti minn skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali jew biex jissostitwixxuhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi ta’ din ix-xorta tkun obbligatorja u kemm jekk tkun b’għażla […]”.


8 –      Din id-dispożizzjoni tikkonkretizza l-prinċipju ta’ paga ndaqs.


9 – Meta seħħ l-inċident inkwistjoni kkaġunat mix-xogħol, id-dispożizzjonijiet rilevanti kienu l-Artikoli 14 (192/1987), 18a (526/1981) u 18b (1642/1992) tat-Tapaturmavakuutuslaki (608/1948) (iktar ’il quddiem, “il-Liġi dwar l-assigurazzjoni tal-inċidenti”) kif ukoll id-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa, tat-30 ta’ Diċembru 1982, dwar il-kriterji għall-valuri kapitali tal-pensjonijiet tal-inċidenti u l-pensjonijiet tas-superstiti skont l-assigurazzjoni għall-inċidenti statutorji u l-kriterji għall-ħlas ta’ kumpens ta’ darba minflok il-kumpens fil-forma ta’ pensjoni. B’effett minn Jannar 2010, il-kriterji għall-kalkolu tal-allowances minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol fil-forma ta’ kumpens ta’ darba huma rregolati fl-Artikolu 18e (1639/2009) tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni tal-inċidenti. Sa fejn huwa rilevanti hawnhekk, il-kriterji stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet jikkorrispondu mal-kriterji tal-kalkolu stabbiliti fid-Digriet tal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa, iċċitat iktar ’il fuq.


10 – Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma jistax jiġi dedott, jekk għall-kalkolu ta’ dan il-kumpens ittiħditx bħala bażi s-sitwazzjoni legali applikabbli fl-2005 jew inkella dik fl-1991.


11 – Għalhekk, b’differenza għas-sentenza Ynos (C‑302/04, EU:C:2006:9, punti 35 sa 38).


12 – Ara, inter alia, is-sentenzi Stadt Papenburg (C‑226/08, EU:C:2010:10, punt 46) u Elektrownia Pątnów II (C‑441/08, EU:C:2009:698, punti 32 u 34).


13 – Ara, rigward dan is-suġġett, l-Artikolu 166 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u dwar l-aġġustament tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU C 241, 1994, p. 21, u ĠU L 1, 1995, p. 1) u s-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, EU:C:2000:655, punti 52 sa 55).


14 – Ara s-sentenza Atkins (C‑228/94, EU:C:1996:288, punti 11 u 13).


15 – Ara, għaldaqstant, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/113, li fil-frattemp ġie annullat.


16 – Ara, għaldaqstant, l-Artikolu 9(1)(h) tad-Direttiva 2006/54.


17 – Ara l-punti 59 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2010:564).


18 – Ara l-linji gwida tal-Kummissjoni (2012/C 11/01) dwar il-prattiki tal-assigurazzjoni ammissibbli speċifiċi għas-sess” għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE fil-qasam tal-assigurazzjoni, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-236/09 (Test-Achats), ĠU C 11, 2012, p. 1, 3 u 4.


19 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 42 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2010:564).


20 – Ta’ min jinnota wkoll li statistikament l-aspettattiva tal-għomor tista’ tvarja enormement minn naħa fuq livell globali u, min-naħa l-oħra, madankollu anki bejn żoni ġeografiċi individwali tal-istess territorju.


21 – Ara l-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Association belge des Consommateurs Test-Achats et (EU:C:2010:564).


22 – Ara l-punti 49 sa 51 u l-punti 62 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Association belge des Consommateurs Test-Achats et (EU:C:2010:564).


23 – Ara hawnhekk is-sentenza Jonkman et (C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 39).


24 – Ara hawnhekk is-sentenza Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17, punti 26 u 28).


25 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Francovich et (C 6/90 u C 9/90, EU:C:1991:428), u Brasserie du pêcheur u Factortame (C 46/93 u C 48/93, EU:C:1996:79, punt 51)


26 – Sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 57).


27 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punti 33 sa 40).