Language of document : ECLI:EU:C:2013:240

Kawżi magħquda C‑274/11 u C‑295/11

Ir-Renju ta’ Spanja

u

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Privattiva unitarja — Deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 329(1) TFUE — Rikors għal annullament minħabba inkompetenza, użu ħażin ta’ poter u ksur tat-trattati — Kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 20 TUE kif ukoll 326 TFUE u 327 TFUE — Kompetenza mhux esklużiva — Deċiżjoni adottata ‘bħala l-aħħar għażla’ — Preżervazzjoni tal-interessi tal-Unjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ April 2013

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proprjetà industrijali u kummerċjali — Dritt ta’ privattiva — Ħolqien ta’ privattiva Ewropea kif ukoll ta’ sistema lingwistika — Kompetenza esklużiva tal-Unjoni — Assenza — Kompetenza tal-Kunsill sabiex jawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni permezz ta’ privattiva unitarja

(Artikolu 20 TUE; Artikoli 4(2) TFUE u 118 TFUE)

2.        Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni msaħħa — Kriterji ta’ applikazzjoni — Impossibbiltà għall-Unjoni kollha li twettaq l-għanijiet imfittxija fi żmien raġonevoli — Evitar tal-ħtieġa tal-vot unanimu — Assenza

(Artikolu 20 TUE; Artikoli 326 TFUE sa 334 TFUE)

3.        Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni msaħħa — Ħolqien ta’ privattiva Ewropea kif ukoll ta’ sistema lingwistika — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Obbligu li tiġi adottata kooperazzjoni msaħħa “bħala l-aħħar għażla” — Kunċett

(Artikolu 20(2) TUE)

4.        Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf tad-destinatarju — Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja

(Artikolu 296 TFUE)

5.        Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni msaħħa — Ħolqien ta’ privattiva Ewropea — Protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha — Relazzjonijiet mal-Konvenzjoni ta’ München dwar il-privattiva Ewropea

(Artikolu 20(1) TUE)

6.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proprjetà industrijali u kummerċjali — Dritt ta’ privattiva — Ħolqien ta’ privattiva Ewropea “fl-Unjoni” — Applikazzjoni fil-kuntest ta’ kooperazzjoni msaħħa — Protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti u mhux fl-Unjoni kollha — Ammissibbiltà

(Artikolu 118 TFUE)

1.        Il-kompetenzi attribwiti bl-Artikolu 118 TFUE bl-għan li jiġu stabbiliti drittijiet Ewropej ta’ proprjetà intellettwali, li jinħolqu, f’dak li jikkonċerna dawn id-drittijiet, sistemi ta’ awtorizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ kontroll iċċentralizzati fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll il-kompetenza sabiex jiġu stabbiliti s-sistemi lingwistiċi tal-imsemmija drittijiet, li hija marbuta mill-qrib mal-introduzzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jaqgħu f’qasam ta’ kompetenzi kondiviżi fis-sens tal-Artikolu 4(2) TFUE u, konsegwentement, għandhom natura mhux esklużiva fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) TUE. Minn dan isegwi li l-Kunsill għandu l-kompetenza li jawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja.

(ara l-punti 17, 18, 25, 26)

2.        Xejn fl-Artikoli 20 TUE jew 326 TFUE sa 334 TFUE ma jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-kuntest tal-kompetenzi tal-Unjoni li, skont it-trattati, għandhom jiġu eżerċitati b’unanimità. Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 333(1) TFUE jirriżulta li, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija Artikoli 20 TUE u 326 TFUE sa 334 TFUE jiġu ssodisfatti, tali kompetenzi jipprestaw ruħhom għal kooperazzjoni msaħħa u li, f’dan il-każ, sakemm il-Kunsill ma jkunx iddeċieda li d-deċiżjoni tittieħed b’maġġoranza kkwalifikata, l-unanimità għandha tkun ikkostitwita bil-voti tal-Istati Membri parteċipanti biss.

Barra minn hekk, l-Artikoli 20 TUE u 326 TFUE sa 334 TFUE ma jillimitawx il-fakultà li tintuża kooperazzjoni msaħħa fl-eventwalità biss fejn Stat Membru wieħed jew iktar jiddikjaraw li għadhom ma humiex lesti jipparteċipaw f’azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni kollha. L-impossibbiltà li jitwettqu l-għanijiet ta’ dik il-kooperazzjoni fi żmien raġonevoli mill-Unjoni kollha, li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 20(2) TUE, tista’ tkun dovuta għal kawżi differenti, bħalma huma n-nuqqas ta’ interess ta’ Stat Membru jew iktar, jew in-nuqqas ta’ kapaċità tal-Istati Membri, li jkunu kollha interessati fl-adozzjoni ta’ sistema fil-livell tal-Unjoni, milli jaslu għal ftehim dwar il-kontenut ta’ tali sistema.

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza kooperazzjoni msaħħa wara li jkun ikkonstatat li l-privattiva unitarja u s-sistema lingwistika tagħha ma setgħux jiġu stabbiliti b’terminu raġonevoli mill-Unjoni kollha, bl-ebda mod ma tikkostitwixxi evitar tal-ħtieġa ta’ unanimità stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE u, barra minn hekk, lanqas l-esklużjoni tal-Istati Membri li ma aderixxewx mat-talbiet ta’ kooperazzjoni msaħħa.

(ara l-punti 35-37)

3.        Il-kliem “bħala l-aħħar għażla”, li jinsabu fl-Artikolu 20(2) TUE, jenfasizzaw li huma biss sitwazzjonijiet ikkaratterizzati mill-impossibbiltà li tiġi adottata tali leġiżlazzjoni fil-futur prevedibbli li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-adozzjoni, bħala l-aħħar għażla, ta’ deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa, għandha tivverifika jekk il-Kunsill eżaminax b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi li huma rilevanti għal dan is-suġġett u jekk il-konklużjoni li wasal għaliha dan tal-aħħar hijiex motivata biżżejjed. Dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti peress li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċess leġiżlattiv għall-ħolqien tal-privattiva Ewropea kien ingħata bidu matul is-sena 2000, peress li dan il-proċess għadda minn diversi stadji, peress li numru kunsiderevoli ta’ sistemi lingwistiċi differenti għall-privattiva unitarja ġew diskussi bejn l-Istati Membri kollha fi ħdan il-Kunsill u peress li ebda waħda minn dawn is-sistemi, sew jekk bi jew mingħajr iż-żieda ta’ elementi ta’ kompromess, ma kisbet appoġġ li jista’ jwassal għall-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ “pakkett leġiżlattiv” komplet dwar tali privattiva.

(ara l-punti 50, 54-56)

4.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 58)

5.        Il-privattivi Ewropej mogħtija skont ir-regoli tal-Konvenzjoni dwar il-privattiva Ewropea, iffirmata f’München fil-5 ta’ Ottubru 1973 (EPC), ma jagħtux protezzjoni uniformi fl-Istati Membri kontraenti ta’ din il-konvenzjoni, iżda jiżguraw, f’kull wieħed minn dawn l-Istati, protezzjoni li l-portata tagħha hija ddefinita mid-dritt nazzjonali. Għall-kuntrarju, il-privattiva unitarja prevista bid-Deċiżjoni 2011/167, li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni permezz ta’ privattiva unitarja, tagħti protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha parteċipanti fil-kooperazzjoni msaħħa. Għaldaqstant, il-protezzjoni mogħtija minn din il-privattiva unitarja tagħti benefiċċji f’termini ta’ uniformità u ta’ integrazzjoni, meta mqabbla mas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-implementazzjoni tar-regoli previsti mill-EPC.

(ara l-punti 62, 63)

6.        Huwa inerenti għall-fatt li l-kompetenza attribwita mill-Artikolu 118 TFUE bl-għan li jistabbilixxi drittijiet Ewropej ta’ proprjetà intellettwali hija eżerċitata bħala kooperazzjoni msaħħa li d-dritt Ewropew ta’ proprjetà intellettwali hekk maħluq, il-protezzjoni li huwa jagħti, u s-sistemi marbuta miegħu jkunu fis-seħħ mhux fl-Unjoni kollha, iżda biss fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti. ’Il bogħod milli tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 118 TFUE, din il-konsegwenza neċessarjament tirriżulta mill-Artikolu 20 TUE, li l-paragrafu (4) tiegħu jgħid li l-atti adottati fil-qafas ta’ kooperazzjoni msaħħa għandhom jorbtu biss l-Istati Membri li jipparteċipaw.

(ara l-punti 68, 75)