Language of document :

DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla għall-Eżami mill-Ġdid)

9 ta’ Settembru 2014

“Eżami mill-ġdid”

Fil-Kawża C-417/14 RX,

li għandha bħala suġġett proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tad-9 ta’ Awwissu 2014,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla għall-Eżami mill-Ġdid),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

tagħti l-preżenti

Deċiżjoni

1        Il-proposta ta’ eżami mill-ġdid magħmula mill-Avukat Ġenerali Ewlieni tirrigwarda s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell), Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625). B’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (F‑50/09, EU:F:2011:55), li ċaħdet ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni mressaq minn Livio Missir Mamachi di Lusignano intiż, minn naħa, li jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-3 ta’ Frar 2009, li biha hija ċaħdet it-talba tiegħu għall-kumpens għad-danni li rriżultaw mill-mewt ta’ ibnu Alessandro, uffiċjal tal-Unjoni Ewropea, u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas lilu, kif ukoll lit-tfal intitolati tiegħu, diversi somom bħala kumpens għad-danni materjali u morali li jirriżultaw minn qtil.

2        Dan ir-rikors huwa bbażat fuq nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha u jfittex il-kumpens għad-dannu morali subit mill-uffiċjal stess, li r-rikorrent qed jitlob f’isem it-tfal tal-uffiċjal li miet, fil-kwalità tagħhom ta’ persuni intitolati, kif ukoll il-kumpens għad-danni materjali u morali subiti mir-rikorrent u mit-tfal, tal-uffiċjal li miet, fil-kwalità tagħhom ta’ membru tal-familja ta’ dan tal-aħħar.

3        F’dak li jirrigwarda t-talba għal kumpens għad-danni subiti mir-rikorrent u mit-tfal tal-uffiċjal li miet, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kienet ikkonkludiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jikkonstata li ma kellux il-kompetenza jieħu konjizzjoni ta’ din it-talba, peress li din it-talba taqa’ taħt il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, huwa kellu jibgħatha lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 8(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4        Fir-rigward tat-talba għal kumpens għad-danni subiti mill-uffiċjal qabel il-mewt tiegħu, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minkejja li kellu kompetenza jieħu konjizzjoni tagħha, kien ċaħadha b’mod żbaljat bħala inammissibbli fid-dawl tar-regola ta’ “konkordanza” bejn it-talba u l-ilment amministrattiv. Peress li t-tilwima ma kinitx, fir-rigward ta’ din it-talba, fi stat li tinqata’, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kienet ikkonstatat li din il-kwistjoni tar-rikors kellha terġa’ tintbagħat lura lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Madankollu, dan it-Tribunal kien marbut jikkonstata li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u t-Tribunal stess kienu ġew aditi b’kawżi li kellhom l-istess suġġett, u li allura, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal kellu jirrinunzja għall-kompetenza tiegħu ħalli l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tkun tista’ taqta’ dawn il-kawżi.

5        F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li qieset li kellha l-kompetenza taqta’ dawn it-talbiet kollha, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat il-kawża kollha lilha nnifisha, bħala qorti tal-ewwel istanza.

6        Mill-Artikolu 256(2) TFUE jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fuq appell indirizzat kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistgħu eċċezzjonalment ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ikun hemm periklu serju li l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni tiġi mittiefsa.

7        Il-proposta ta’ eżami mill-ġdid tal-Avukat Ġenerali Ewlieni tad-9 ta’ Awwissu 2014 hija bbażata fuq l-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li bis-saħħa tiegħu l-Avukat Ġenerali Ewlieni jista’, meta jidhirlu li jkun hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

8        Mill-Artikolu 193(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, meta tintalab tieħu konjizzjoni ta’ tali proposta ta’ eżami mill-ġdid, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tiġi eżaminata mill-ġdid u li, meta hekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li tiġi eżaminata mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandha tindika biss il-kwistjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett tal-eżami mill-ġdid.

9        F’dan il-każ, l-Awla għall-eżami mill-ġdid tqis li hemm lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (EU:T:2014:625).

10      Il-kwistjoni li ser tiġi eżaminata fl-eżami mill-ġdid hija indikata fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-preżenti deċiżjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla għall-Eżami mill-Ġdid) tiddeċiedi:

1)      Hemm lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell), Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T‑401/11 P, EU:T:2014:625).

2)      L-eżami mill-ġdid ser jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, Missir Mamachi di Lusignano vs Il-Kummissjoni (T-401/11 P, EU:T:2014:625), tikkawżax preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni meta l-imsemmija Qorti Ġenerali, bħala qorti tal-appell, iddeċidiet li hija kompetenti li taqta’, fil-kwalità ta’ qorti tal-ewwel istanza, rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

–        ibbażat fuq nuqqas ta’ istituzzjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjali tagħha,

–        imressaq minn terzi fil-kwalità tagħhom ta’ persuni intitolati ta’ uffiċjal li miet kif ukoll fil-kwalità tagħhom ta’ membru tal-familja ta’ dan l-uffiċjal, u li

–        ifittex il-kumpens għad-dannu morali subit mill-uffiċjal li miet huwa nnifsu kif ukoll id-danni materjali u morali subiti minn dawn il-persuni terzi.

3)      Il-persuni interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-partijiet fil-kawża huma mitluba jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq din il-kwistjoni, f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

Firem