Language of document : ECLI:EU:C:2016:379

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

31 ta’ Mejju 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Direttiva 2006/115/KE – Artikolu 8(2) – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ – Installazzjoni ta’ settijiet ta’ televiżjoni mill-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni bil-għan li l-pazjenti jkunu jistgħu jaraw programmi televiżivi”

Fil-Kawża C‑117/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Köln (qorti reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

Reha Training Gesellschaft für Sport- und Unfallrehabilitation mbH

vs

Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA),

fil-preżenza ta’:

Gesellschaft zur Verwertung von Leistungsschutzrechten mbH (GVL),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, D. Šváby u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský (Relatur), M. Berger, A. Prechal, u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Reha Training Gesellschaft für Sport- und Unfallrehabilitation mbH, minn S. Dreismann, u D. Herfs, Rechtsanwälte,

–        għal Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA), minn C. von Köckritz, I. Brinker, N. Lutzhöft u T. Holzmüller, Rechtsanwälte,

–        għal Gesellschaft zur Verwertung von Leistungsschutzrechten mbH (GVL), minn U. Karpenstein u M. Kottmann, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, D. Colas u D. Segoin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn G. Szima, Z. Fehér u M. Bóra, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), u tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Reha Training Gesellschaft für Sport- und Unfallrehabilitation mbH (iktar ’il quddiem “Reha Training”), operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni, u Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA), kumpannija inkarigata mill-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-qasam mużikali fil-Ġermanja, fir-rigward tat-talba ta’ pagament ta’ ħlasijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur u mad-drittijiet relatati marbut mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti fil-bini ta’ Reha Training.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/29

3        Il-premessi 9, 10, 20 u 23 tad-Direttiva 2001/29 huma redatti kif ġej:

“(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattività fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(20)      Din id-direttiva hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid-Direttivi prezentement fis-seħħ f’dan il-qasam, b’mod partikolari d-[Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar id-dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-propjetà intelletwali (ĠU 1992, L 346 p. 61), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE, tad-29 ta’ Ottubru 1993 (ĠU 1993, L 290, p. 9)] u tiżviluppa dawk il-prinċipji u regoli u tpoġġihom fil-kuntest tas-socjetà ta’ l-informazzjoni. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dawn id-Direttivi, kemm-il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

[…]

(23)      Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.”

4        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

5        L-Artikolu 12(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Protezzjoni ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur skont din id-Direttiva għandhom ikunu bla ħsara u m’għandhom bl-ebda mod jaffettwaw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur.”

 Id-Direttiva 2006/115

6        Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2006/115:

“Il-protezzjoni adegwata tax-xogħlijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u l-materja tal-protezzjoni ta’ drittijiet relatati bi drittijiet ta’ kiri u self kif ukoll il-protezzjoni tal-materja tal-protezzjoni tad-drittijiet relatati bid-dritt ta’ l-iffissar, bid-dritt ta’ distribuzzjoni, bid-dritt ta’ xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku jistgħu f’dan is-sens ikunu kkunsidrati bħala ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u kulturali tal-Komunità.”

7        L-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.”

8        Id-Direttiva 2006/115 ikkodifikat u ħassret id-Direttiva 92/100, kif emendata bid-Direttiva 93/98. Ir-redazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/115 madankollu baqgħet identika għal dik tal-Artikolu 8 tad-direttiva mħassra.

 Id-dritt Ġermaniż

9        L-Artikolu 15(2) tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz (liġi dwar id-dritt tal-awtur u drittijiet relatati), tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl.1965 I, p. 1273), fil-verjżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“L-awtur għandu ulterjorment id-dritt esklużiv li jikkomunika x-xogħol tiegħu lill-pubbliku taħt forma immaterjali (dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku). Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi b’mod partikolari:

1.      id-dritt ta’ preżentazzjoni, ta’ eżekuzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni (Artikolu 19);

2.      id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 19 bis);

3.      id-dritt tax-xandir (Artikolu 20);

4.      id-dritt ta’ komunikazzjoni bl-użu ta’ mezzi viżivi jew awdjo (Artikolu 21);

5.      id-dritt ta’ komunikazzjoni permezz ta’ xandiriet bir-radju u tat-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 22)”.

10      Skont l-Artikolu 15(3) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati:

“Il-komunikazzjoni ssir pubblika meta tkun immirata lejn numru kbir ta’ membri tal-pubbliku. Tifforma parti mill-pubbliku kwalunkwe persuna li ma hijiex marbuta b’relazzjonijiet personali ma’ min jippromwovi x-xogħol, jew ma’ persuni oħra li jirċievu x-xogħol jew li għandhom aċċess għalih taħt forma immaterjali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Iċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni li topera Reha Training jippermetti lil persuni li jkunu sfaw vittmi ta’ inċidenti sabiex jibbenefikaw, fil-bini tagħha, minn trattament li jippermetti r-riabilitazzjoni tagħhom wara l-operazzjoni.

12      Dawn iċ-ċentri jikkonsistu f’żewġt ikmamar fejn in-nies jistennew u kamra fejn jitwettqu l-eżerċizzji, fejn fihom Reha Training, bejn ix-xhur ta’ Ġunju 2012 u Ġunju 2013, permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni li kienu installati hemm, ippermettiet lill-pazjenti tagħha jaraw programmi televiżivi. Il-persuni li kienu preżenti fiċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni sabiex isegwu trattament setgħu għalhekk jaraw dawn il-programmi.

13      Reha Training qatt ma talbet l-awtorizzazzjoni mingħand GEMA għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija programmi. Din tal-aħħar tqis li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet li jappartjenu lir-repertorju li hija tiġġestjona. Għal din ir-raġuni, hija talbet il-ħlas tal-ammonti li hija qieset li kienu dovuti minn dik il-kumpannija bħala ħlasijiet għall-perijodu mix-xahar ta’ Ġunju 2012 sax-xahar ta’ Ġunju 2013, abbażi tat-tariffi fis-seħħ, u, fin-nuqqas li tikseb dan il-ħlas tagħhom, talbet, quddiem l-Amtsgericht Köln (qorti distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja), il-kundanna ta’ Reha Training għall-ħlas tad-danni korrispondenti għal dawn l-ammonti.

14      Wara li l-Amtsgericht Köln (qorti distrettwali ta’ Köln) laqgħet din it-talba, Reha Training ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Köln (qorti reġjonali ta’ Köln, il-Ġermanja).

15      Il-qorti tar-rinviju tqis, abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/29, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ programmi televiżivi li Reha Training xandret jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku. Din il-qorti tqis, barra minn hekk, li l-istess kriterji għandhom japplikaw sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, iżda li s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C-135/10, EU:C:2012:140) tipprekludi li tiddeċiedi f’dan is-sens.

16      Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-pazjenti fi klinika ta’ dentist ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “persuni b’mod ġenerali”. F’dan il-każ, peress li, bħala prinċipju, kienu biss il-pazjenti ta’ Reha Training li kellhom aċċess għat-trattamenti mogħtija minnha, dawn il-pazjenti ma jistgħux jikkostitwixxu “persuni b’mod ġenerali” iżda jikkostitwixxu “grupp privat”.

17      Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-pazjenti ta’ klinika ta’ dentist jiffurmaw numru żgħir wisq, jew saħansitra insinjifikanti, ta’ persuni, ġaladarba l-kategorija kkostitwita mill-persuni preżenti fl-istess waqt fil-klinika huwa, b’mod ġenerali, żgħir ħafna. Issa, il-kategorija ta’ persuni kkostitwita mill-pazjenti ta’ Reha Training ukoll tidher li hija limitata.

18      Qabel kollox, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pazjenti abitwali ta’ klinika ta’ dentist ma humiex disposti jisimgħu mużika fiha, ġaladarba huma jgawdu minnha skont kif jinzerta u ma jagħżluhiex. Issa, f’dan il-każ, il-pazjenti ta’ Reha Training li jsibu lilhom infushom fis-swali ta’ stennija u fis-sala tal-eżerċizzji jaraw ukoll il-programmi tat-televiżjoni indipendentement mix-xewqat u mill-għażliet tagħhom.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Köln (qorti reġjonali ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u/jew fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, għandha dejjem tiġi ddeterminata skont l-istess kriterji, jiġifieri:

–        utent jaġixxi b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-atti tiegħu sabiex jagħmel xogħol protett aċċessibbli għal terzi li, altrimenti, ma kienx ikollhom aċċess għalih;

–        ‘pubbliku’ tfisser numru indeterminat ta’ riċevituri potenzjali ta’ provvista, numru li, barra minn hekk, għandu jkun pjuttost kunsiderevoli, fejn in-natura indeterminata tkun preżunta meta jkunu involuti “persuni b’mod ġenerali”, u għalhekk mhux persuni li jagħmlu parti minn grupp privat, filwaqt li “numru ta’ persuni pjuttost kunsiderevoli” jippreżumi li jinqabeż ċertu livell minimu, kriterju li ma jkunx issodisfatt meta n-numru tal-persuni kkonċernati jkun żgħir wisq jew saħansitra insinjifikattiv. F’dan il-kuntest, ma huwiex rilevanti biss in-numru ta’ persuni li jkollhom aċċess għall-istess xogħol simultanjament iżda wkoll in-numru ta’ persuni li jkollhom aċċess suċċessivament għal dan ix-xogħol;

–        ikun involut pubbliku ġdid, li lilu jkun ikkomunikat ix-xogħol, jiġifieri pubbliku li l-awtur tax-xogħol ma kienx ħa inkunsiderazzjoni meta awtorizza l-użu tiegħu fil-forma ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, sakemm il-komunikazzjoni sussegwenti ma titwettaqx skont proċedura teknika speċifika li tkun distinta minn dik tal-komunikazzjoni inizjali, u

–        il-fatt li l-użu kkonċernat jitwettaq għal skopijiet ta’ lukru u, barra minn hekk, li l-pubbliku jkun jixtieq jirċievi din il-komunikazzjoni u ma jkunx sempliċement irċeviha b’mod mhux intenzjonat, ma huwiex irrilevanti iżda ma huwiex kundizzjoni neċessarja għal komunikazzjoni lill-pubbliku?

2)      F’każijiet bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn l-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni jinstalla fil-bini tiegħu settijiet ta’ televiżjoni, li jittrażmettilhom sinjal li jippermetti r-riċezzjoni ta’ emissjonijiet ta’ televiżjoni [programmi televiżivi], għandha tiġi evalwata l-kwistjoni ta’ jekk hemmx komunikazzjoni lill-pubbliku skont il-kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jew fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, meta l-emissjonijiet li r-riċezzjoni tagħhom tkun saret possibbli jaffettwaw id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet protetti ta’ numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari kompożituri, awturi ta’ testi mużikali u edituri ta’ mużika, kif ukoll artisti li jinterpretaw jew idoqqu mużika, produtturi ta’ fonogrammi u awturi ta’ testi kif ukoll l-edituri tagħhom?

3)      F’każijiet bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn l-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni jinstalla fil-bini tiegħu settijiet ta’ televiżjoni, li jittrażmettilhom sinjal li jippermetti r-riċezzjoni ta’ emissjonijiet ta’ televiżjoni [programmi televiżivi] b’tali mod li l-pazjenti tiegħu jkunu jistgħu jaraw dawn l-emissjonijiet, ikun hemm ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jew fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115?

4)      Meta, f’każijiet bħal dak fil-kawża prinċipali, tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku f’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-ġurisprudenza tagħha fis-sens li, fil-każ ta’ komunikazzjoni ta’ fonogrammi protetti fil-kuntest ta’ emissjonijiet ta’ xandir indirizzati lil pazjenti fi klinika ta’ dentist (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, C‑135/10, SCF) jew fi stabbilimenti oħra simili, ma jkunx hemm komunikazzjoni lill-pubbliku?”

20      Permezz ta’ posta elettronika indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ April 2015, il-qorti tar-rinviju indikat li Gesellschaft zur Verwertung von Leistungsschutzrechten mbH (GVL) kienet ġiet ammessa sabiex tipparteċipa fil-kawża prinċipali.

21      Il-Gvern Franċiż, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talab li din tiltaqa’ bħala Awla Manja.

 Fuq id-domandi preliminari

22      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, minn naħa, jekk, f’kawża bħal dik prinċipali, li fil-kuntest tagħha huwa allegat li x-xandir ta’ programmi televiżivi permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni li l-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni installa fil-bini tiegħu jaffettwa d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet protetti ta’ numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari ta’ kompożituri, awturi ta’ testi mużikali u edituri ta’ mużika, kif ukoll artisti li jinterpretaw jew idoqqu mużika, produtturi ta’ fonogrammi u awturi ta’ testi kif ukoll l-edituri tagħhom, għandux jiġi evalwat jekk tali sitwazzjoni tikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, kemm fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jew ta’ waħda biss minn dawn id-dispożizzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, jekk għandhiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali komunikazzjoni fir-rigward tal-istess kriterji. Barra minn hekk, hija tixtieq issir taf jekk tali xandir jikkostitwixxix att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet u/jew tal-oħra.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jħarsu sabiex l-awturi jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li persuna tagħżel li tagħmel dan b’mod individwali.

24      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri għandha tiżgura, minn naħa, li l-utent iħallas remunerazzjoni ekwa u unika meta fonogramm ippubblikat għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, jintuża għal xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku u, min-naħa l-oħra, li din ir-remunerazzjoni tinqasam bejn l-artisti interpreti jew li jeżegwixxu u l-produtturi tal-fonogrammi kkonċernati.

25      F’dan ir-rigward, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi osservat li l-premessa 20 tad-Direttiva 2001/29 tiddikjara, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar għandhom japplikaw, bħala prinċipju, bla ħsara għad-Direttiva 92/100, kif emendata bid-Direttiva 93/98, li ġiet ikkodifikata u mħassra mid-Direttiva 2006/115, dejjem sakemm id-Direttiva 2001/29 ma tipprovdix mod ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan, C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Issa, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/29 ma tawtorizza deroga mill-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

27      Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandha ssir bla ħsara għal dik tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

28      Barra minn hekk, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ unità u ta’ koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati mid-Direttivi 2001/29 u 2006/115 għandhom ikollhom l-istess tifsira, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx esprima intenzjoni differenti f’kuntest leġiżlattiv speċifiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 188).

29      Huwa minnu li mill-paragun bejn l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jirriżulta li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet jintuża f’kuntesti li ma humiex identiċi u li jirrigwarda għanijiet, ċertament simili, iżda madankollu parzjalment diverġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 74).

30      Fil-fatt, l-awturi għandhom, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom li jindaħlu bejn l-eventwali utenti tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir. Min-naħa l-oħra, l-artisti interpreti jew li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogrammi jibbenefikaw, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, minn dritt ta’ natura kumpensatorja, li jiġi eżegwit wara li fonogramm ippubblikat għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, jintuża jew diġà jkun intuża minn utent għal komunikazzjoni lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 75).

31      Għalhekk, xejn ma jippermetti li jiġi sostnut li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti lill-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” tifsira differenti fil-kuntesti rispettivi tad-Direttivi 2001/29 u 2006/115.

32      Fil-fatt, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-natura differenti tad-drittijiet protetti fil-kuntest ta’ dawn id-direttivi ma tistax taħbi l-fatt li, fi kliem dawn tal-aħħar, dawn id-drittijiet jirriżultaw mill-istess element li jagħti lok għal dan, jiġifieri l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti.

33      Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li f’kawża bħal dik prinċipali, dwar ix-xandir ta’ programmi televiżivi li fir-rigward tagħhom huwa allegat li dan ma jaffettwax biss id-drittijiet tal-awtur iżda wkoll, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-artisti interpreti jew li jeżegwixxu jew produtturi ta’ fonogrammi, għandhom jiġu applikati kemm l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, filwaqt li tingħata l-istess tifsira lill-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, li jinsab f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

34      Konsegwentement, għandu jiġi evalwat dan il-kunċett skont l-istess kriterji, sabiex, b’mod partikolari, jiġu evitati interpretazzjonijiet kontradittorji u inkompatibbli bejniethom, skont id-dispożizzjoni applikabbli.

35      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ kriterji kumplimentari, ta’ natura mhux awtonoma u interdipendenti ma’ xulxin. Peress li dawn il-kriterji jistgħu, f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, ikunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna, hemm lok li jiġu applikati kemm individwalment kif ukoll fl-interazzjoni tagħhom ma’ xulxin [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata].

36      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jinftiehem fis-sens wiesa’, hekk kif tiddikjara b’mod espliċitu l-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri “att ta’ komunikazzjoni” ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil “pubbliku” (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, SBS Belgium, C‑325/14, EU:C:2015:764, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għaldaqstant, jeħtieġ, l-ewwel nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “att ta’ komunikazzjoni”, li jiġi enfasizzat li dan jirrigwarda kull xandir ta’ xogħlijiet protetti, indipendentement mill-mezz jew mill-proċess tekniku użat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, SBS Belgium, C‑325/14, EU:C:2015:764, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Barra minn hekk, kull xandir jew xandir mill-ġdid ta’ xogħol li juża mezz tekniku speċifiku għandu jkun, bħala prinċipju, awtorizzat individwalment mill-awtur tax-xogħol inkwistjoni (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, SBS Belgium, C‑325/14, EU:C:2015:764, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      It-tieni nett, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ ulterjorment, hekk kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li x-xogħlijiet protetti jiġu effettivament ikkomunikati lil “pubbliku”.

41      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-ewwel lok, il-kunċett ta’ “pubbliku” jkopri numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fir-rigward tan-natura “indeterminata” tal-pubbliku, li din hija intiża sabiex trendi perċettibbli xogħol bi kwalunkwe mod xieraq lil “persuni b’mod ġenerali”, b’kuntrast ma’ persuni speċifiċi li jappartjenu lil grupp privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 85).

43      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-espressjoni “numru pjuttost kbir ta’ persuni”, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan in-numru jassumi “ċertu limitu de minimis”, liema fatt wassalha sabiex teskludi mill-kwalifika bħala “pubbliku” numru żgħir wisq, jew saħansitra insinjifikanti, ta’ persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 86).

44      Biex jiġi evalwat in-numru ta’ dawn id-destinatarji, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv li jirriżulta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet għad-destinatarji potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 39). B’mod partikolari huwa rilevanti l-punt dwar kemm persuni għandhom aċċess għall-istess xogħol parallelament u suċċessivament [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 35].

45      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, xogħol imxandar għandu jiġi trażmess lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri lil pubbliku li ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni mill-proprjetarji tad-drittijiet fuq ix-xogħlijiet protetti meta awtorizzaw l-użu tagħhom permezz tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 40 u 42, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 197).

46      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rwol neċessarju tal-utent. Fil-fatt, hija ddeċidiet li, sabiex jitqies li jkun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku, jeħtieġ li dan l-utent jagħti, fl-għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, aċċess għall-programm imxandar li jinkludi x-xogħol protett lil pubbliku addizzjonali u li jirriżulta għalhekk li, fl-assenza ta’ dan l-intervent, il-persuni li jikkostitwixxu dan il-pubbliku “ġdid”, minkejja li jkunu jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura tal-imsemmi programm, bħala prinċipju ma jkunux jistgħu jgawdu mix-xogħol imxandar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 42, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 195).

47      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-operaturi ta’ kafé-ristorant, ta’ lukanda jew ta’ stabbiliment termali huma utenti ta’ dan it-tip u jipproċedu għal att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku meta jittrażmettu deliberatament xogħlijiet protetti lill-klijentela tagħhom, billi jiddistribwixxu volontarjament sinjal permezz ta’ riċevituri ta’ televiżjoni jew ta’ radju li huma jkunu installaw fl-istabbiliment tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punti 42 u 47; tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 196, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 26).

48      B’hekk huwa mifhum li l-pubbliku li huwa s-suġġett tal-komunikazzjoni f’dawn l-istabbilimenti ma huwiex “maqbud” b’kumbinazzjoni, iżda huwa identifikat mill-operaturi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 91).

49      Jeħtieġ li jiġi ulterjorment enfasizzat li filwaqt li n-natura ta’ skop ta’ lukru tax-xandira ta’ xogħol protett lill-pubbliku ma hijiex, ċertament, determinanti għall-kwalifika ta’ tali xandira bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 43), madankollu ma hijiex nieqsa minn rilevanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 204 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’mod partikolari, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eventwali remunerazzjoni dovuta għal dan ix-xandir.

50      Huwa f’dan l-aħħar kuntest li r-“reċettività” tal-pubbliku tista’ tkun rilevanti, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 91 tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF (C‑135/10, EU:C:2012:140), li fil-kuntest tagħha hija rrispondiet b’mod konġunt għad-domanda relatata mal-eżistenza ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, minn naħa, u ta’ dritt għall-għoti ta’ remunerazzjoni minħabba din il-komunikazzjoni, min-naħa l-oħra.

51      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li x-xandir ta’ xogħlijiet protetti għandu natura ta’ skop ta’ lukru meta l-utent ikun jista’ jislet benefiċċju ekonomiku minn dan marbut mal-attraenza u, għalhekk, ma’ frekwentazzjoni ikbar tal-istabbiliment li fih isir dan ix-xandir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 205 u 206).

52      Fir-rigward tax-xandir ta’ fonogrammi fi klinika ta’ dentist, il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, qieset li dan ma huwiex il-każ, peress li l-pazjenti ta’ dentist, bħala regola ġenerali, ma jagħtu ebda importanza lil tali xandir inkwantu dan ma huwiex tali li jżid l-attraenza u, għalhekk, il-frekwentazzjoni ta’ din il-klinika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punti 97 u 98).

53      Fid-dawl tal-kriterji differenti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi vverifikat jekk ix-xandir ta’ programmi televiżivi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jiġi kkwalifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

54      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-operaturi ta’ kafé-ristorant, ta’ lukanda jew ta’ stabbiliment termali jwettqu att ta’ komunikazzjoni meta jittrażmettu deliberatament xogħlijiet protetti lill-klijentela tagħhom, billi jiddistribwixxu volontarjament sinjal permezz ta’ riċevituri ta’ televiżjoni jew ta’ radju li huma jkunu installaw fl-istabbiliment tagħhom.

55      Issa, dawn is-sitwazzjonijiet jirriżultaw li huma għal kollox paragunabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, l-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni jittrażmetti deliberatament xogħlijiet protetti lill-pazjenti tiegħu, permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni installati f’numru ta’ postijiet f’dan l-istabbiliment

56      Għalhekk, għandu jitqies li tali operatur iwettaq att ta’ komunikazzjoni.

57      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-pazjenti kollha ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn huma persuni b’mod ġenerali.

58      Sussegwentement, iċ-ċirku ta’ persuni kkostitwit minn dawn il-pazjenti ma huwiex “żgħir wisq, jew saħansitra insinjifikattiv”, ġaladarba, b’mod partikolari, l-imsemmija pazjenti jistgħu jgawdu mix-xogħlijiet imxandra parallelament, f’numru ta’ postijiet fl-istabbiliment.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li n-numru ta’ pazjenti ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi “pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115.

60      Fl-aħħar nett, il-pazjenti ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni bħal dan ma jistgħux, bħala prinċipju, igawdu minn xogħlijiet imxandra mingħajr l-intervent immirat tal-operatur ta’ dan iċ-ċentru. Barra minn hekk, sa fejn l-oriġini tat-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-pagament ta’ ħlasijiet fuq id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet protetti fil-bini tal-imsemmi ċentru, jeħtieġ li jiġi osservat li dawn il-pazjenti evidentement ma ttiħdux inkunsiderazzjoni meta ngħatat l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid għad-dispożizzjoni oriġinali.

61      Għalhekk il-pazjenti ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxu “pubbliku ġdid” fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku.

63      Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura ta’ skop ta’ lukru ta’ komunikazzjoni bħal din, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, f’dan il-każ, sa fejn ix-xandir ta’ programmi televiżivi permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni huwa intiż li jservi ta’ distrazzjoni għall-pazjenti ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, matul il-kura tagħhom jew il-ħin ta’ stennija li jippreċedi din il-kura, huwa jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi supplimentari li, minkejja li hija nieqsa minn kull interess mediku, tikkontribwixxi b’mod favorevoli għal-livell u l-attrazzjoni tal-istabbiliment, u tagħtih vantaġġ kompetittiv.

64      Għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ix-xandir ta’ programmi ta’ televiżjoni mill-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni, bħal Reha Training, huwa suxxettibbli li jkollu skop ta’ lukru, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni dovuta, jekk ikun il-każ, għal tali xandir.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel tliet domandi għandha tkun li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha huwa allegat li x-xandir ta’ programmi televiżivi permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni li l-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni installa fil-bini tiegħu jaffettwa d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet protetti ta’ numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari ta’ kompożituri, awturi ta’ testi mużikali u edituri ta’ mużika, kif ukoll artisti li jinterpretaw jew idoqqu mużika, produtturi ta’ fonogrammi u awturi ta’ testi kif ukoll l-edituri tagħhom, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk sitwazzjoni bħal din tikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, kemm fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115, u skont l-istess kriterji ta’ interpretazzjoni. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali xandir jikkostitwixxi att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”

66      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għal dawn l-ewwel tliet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

F’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha huwa allegat li x-xandir ta’ programmi televiżivi permezz ta’ settijiet ta’ televiżjoni li l-operatur ta’ ċentru ta’ riabilitazzjoni installa fil-bini tiegħu jaffettwa d-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet protetti ta’ numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari ta’ kompożituri, awturi ta’ testi mużikali u edituri ta’ mużika, kif ukoll artisti li jinterpretaw jew idoqqu mużika, produtturi ta’ fonogrammi u awturi ta’ testi kif ukoll l-edituri tagħhom, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk sitwazzjoni bħal din tikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, kemm fir-rigward tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, kif ukoll tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, u skont l-istess kriterji ta’ interpretazzjoni. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali xandir jikkostitwixxi att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.