Language of document : ECLI:EU:T:2015:690

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

24 ta’ Settembru 2015 (*)

“Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjonijiet ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi u ta’ assistenti – Għażla tat-tieni lingwa fost tliet lingwi – Lingwa ta’ komunikazzjoni mal-kandidati għall-kompetizzjonijiet – Regolament Nru 1 – Artikolu 1d(1), Artikolu 27 u Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità”

Fil-Kawżi T‑124/13 u T-191/13,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti fil-Kawża T-124/13,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, sussegwentement minn J. García-Valdecasas Dorrego, abogados del Estado,

rikorrent fil-Kawża T-191/13 u intervenjent insostenn tar-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑124/13,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, fil-Kawża T‑124/13, minn J. Currall, B. Eggers u G. Gattinara u, fil-Kawża T‑191/13, minn J. Currall, J. Baquero Cruz u B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett, fil-Kawża T‑124/13, talba għall-annullament, l-ewwel nett, tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/125/12, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti fl-oqsma tal-verifika, tal-kontabbiltà u tal-finanzi, u tal-ekonomija u tal-istatistika (ĠU 2012 C 394 A, p. 1), it-tieni nett, tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/126/12, sabiex tinħoloq lista’ ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti fl-oqsma tal-bijoloġija, tax-xjenzi tal-ħajja u tas-saħħa, tal-kimika, tal-fiżika u tax-xjenzi tal-materjali, tar-riċerka nukleari, tal-inġinerija elettrika u elettronika (ĠU 2012 C 394 A, p. 11), u t-tielet nett, tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/248/13, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi (AD 6) fl-oqsma tas-sigurtà tal-bini u tal-inġinerija u tekniki speċjali tal-bini (ĠU 2013 C 29 A, p. 1), u, fil-Kawża T‑191/13, talba għall-annullament tal-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/248/13,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistraturi: J. Palacio-González, Amministratur Prinċipali, u S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tas-26 ta’ Frar u tal-4 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) huwa organu interistituzzjonali, maħluq bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi l-EPSO (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46). Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Istatut tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”), fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda l-Istatut (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), l-istituzzjonijiet firmatarji ta’ din id-deċiżjoni fdaw, permezz tal-Artikolu 2(1) tagħha, lill-EPSO bl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ selezzjoni mogħtija, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 30 tal-Istatut u mill-Anness III tal-Istatut, lill-awtoritajiet tagħhom vestiti bis-setgħa tal-ħatra. L-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni jipprovdi li, filwaqt li, skont l-Artikolu 91a tal-Istatut, it-talbiet u l-ilmenti marbuta mal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-EPSO għandhom isiru lilu, kull rikors f’dawn l-oqsma għandu jkun dirett kontra l-Kummissjoni Ewropea.

2        Fis-7 ta’ Settembru 2012, l-EPSO ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 270 A, p. 1) gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali (iktar ’il quddiem, il-“gwida”). Il-parti 3 tal-gwida, intitolata “Komunikazzjoni”, tindika dan li ġej:

“Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u l-komprensjoni tat-testi ta’ natura ġenerali u tal-komunikazzjonijiet indirizzati lill-kandidati jew irċevuti minn dawn tal-aħħar, il-konvokazzjonijiet għat-testijiet u provi differenti, kif ukoll kull korrispondenza bejn l-EPSO u l-kandidati se jkunu biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż.”

3        Fl-20 ta’ Diċembru 2012, l-EPSO ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/125/12, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti fl-oqsma tal-verifika, tal-kontabbiltà u tal-finanzi, u tal-ekonomija u tal-istatistika (ĠU C 394 A, p. 1), kif ukoll l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/126/12, sabiex tinħoloq lista’ ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti fl-oqsma tal-bijoloġija, tax-xjenzi tal-ħajja u tas-saħħa, tal-kimika, tal-fiżika u tax-xjenzi tal-materjali, tar-riċerka nukleari, tal-inġinerija elettrika u elettronika (ĠU, C 394 A, p. 11). Fil-31 ta’ Jannar 2013, huwa ppubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/248/13, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi (AD 6) fl-oqsma tas-sigurtà tal-bini u tal-inġinerija u tekniki speċjali tal-bini (ĠU C 29 A, p. 1). Dawn huma l-avviżi ta’ kompetizzjoni li l-annullament tagħhom qed jintalab permezz tar-rikorsi odjerni (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“avviżi kkontestati”).

4        Fil-parti introduttiva ta’ kull wieħed mill-avviżi kkontestati hemm indikat li l-gwida “tagħmel parti integrali” mill-avviż ta’ kompetizzjoni.

5        Skont il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjonijiet previsti mill-avviżi kkontestati, dawn tal-aħħar jeżiġu għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (li, dak iż-żmien, kienu 23), liema lingwa għandha tiġi indikata bħala “lingwa 1” tal-kompetizzjoni, u għarfien sodisfaċenti ta’ tieni lingwa, indikata bħala “lingwa 2” tal-kompetizzjoni, li għandha tintgħażel minn kull kandidat minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, filwaqt li huwa speċifikat li din għandha tkun differenti mil-lingwa magħżula mill-istess kandidat bħala lingwa 1 (punt 2.3 tal-parti III tal-avviżi kkontestati).

6        Fl-istess post ta’ kull wieħed mill-avviżi kkontestati ġew ipprovduti xi punti ta’ spjegazzjoni fir-rigward tal-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 mit-tliet lingwi hawn fuq imsemmija. L-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/248/13 jirrileva, f’dan ir-rigward, dan li ġej:

“B’konformità mas-sentenza [tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-566/10 P, Ġabra, EU:C:2012:752)], l-istituzzjonijiet tal-UE huma mitluba jistqarru r-raġunijiet għal-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa f’din il-kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi uffiċjali tal-UE.

Għaldaqstant il-kandidati huma infurmati li l-għażliet tat-tieni lingwa f’din il-kompetizzjoni ġew definiti b’konformità mal-interess tas-servizz li jeħtieġ li l-kollegi ġodda reklutati jibdew jaħdmu mal-ewwel u jistgħu jikkomunikaw b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet ikun affettwat ħażin ħafna.

Abbażi ta’ prassi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ilha fir-rigward tal-lingwi użati għal komunikazzjoni interna u filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll il-ħtiġijiet tas-servizzi dwar il-komunikazzjoni esterna u l-immaniġġar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-aktar lingwi użati. Barra minn hekk, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż huma t-tieni lingwa l-aktar magħżula mill-kandidati tal-kompetizzjonijiet fejn għandhom għażla ħielsa. Dan jikkonferma l-istandards edukattivi u professjonali attwali, fejn il-kandidati għal dmirijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jitqiesu li jafu tajjeb ħafna tal-inqas waħda minn dawn il-lingwi. Għaldaqstant, meta wieħed jibbilanċja l-interess tas-servizz u l-ħtiġijiet u l-ħiliet tal-kandidati billi jiġi kkunsidrat ukoll il-qasam partikolari ta’ din il-kompetizzjoni, ikun ġust li jiġu organizzati testijiet f’dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi żgurat li, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, il-kandidati kollha jkunu jafu tajjeb ħafna minn tal-inqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali fil-livell ta’ xogħol. Barra minn hekk, l-interess ta’ trattament ugwali tal-kandidati kollha, kulħadd, inkluż dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta, huwa meħtieġ li jagħmel it-test fit-tieni lingwa tiegħu jew tagħha, magħżula minn dawk it-tlieta. Il-valutazzjoni ta’ ħiliet speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet biex jevalwaw l-abilità tal-kandidati sabiex jaħdmu immedjatament f’ambjent li jaqbel mar-realtà li jsibu fl-impjieg. Dan huwa bla ħsara, sabiex jittardja t-taħriġ tal-lingwa sabiex tinkiseb ħila sabiex wieħed jaħdem bit-tielet lingwa b’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.”

Iż-żewġ avviżi kkontestati l-oħra jipprovdu, essenzjalment, l-istess punti ta’ spjegazzjoni redatti, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, f’termini xi ftit differenti.

7        L-avviżi ta’ kompetizzjonijiet EPSO/AST/125/12 u EPSO/AD/248/13 jipprevedu l-organizzazzjoni ta’ “testijiet ta’ dħul”, li jsiru fuq il-kompjuter (parti IV ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ avviżi). Fil-każ tal-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/248/13, hemm speċifikat li dawn it-testijiet jiġu organizzati biss jekk in-numru ta’ kandidati rreġistrati, għall-qasam previst mill-kompetizzjoni, ikun ikbar minn 1 000.

8        L-avviżi ta’ kompetizzjoni EPSO/AST/126/12 u EPSO/AD/248/13 jinkludu parti (parti IV tal-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ avviżi u parti V tat-tieni wieħed), intitolata “ammissjoni għall-kompetizzjoni u selezzjoni abbażi tal-kwalifiki”. Din tipprovdi li l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kif ukoll is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki jsiru “fl-ewwel fażi” skont id-dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-kandidati fl-att tal-kandidatura. F’dan ir-rigward, hemm speċifikat li r-risposti tal-kandidati għall-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi jiġu pproċessati sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jagħmlux parti mil-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni. Imbagħad, fir-rigward tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla jagħmel evalwazzjoni tal-kwalifiki sabiex jidentifika dawk il-kandidati li għandhom l-iktar kwalifiki rilevanti (speċjalment diplomi u esperjenza professjonali) fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-kriterji għas-selezzjoni deskritti f’dawn l-avviżi.

9        Din is-selezzjoni ssir biss fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet li jkunu saru mill-kandidati fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” fl-att tal-kandidatura. Dawn id-dikjarazzjonijiet, fejn applikabbli, jiġu vverifikati iktar tard, fuq il-bażi tad-dokumenti ta’ prova pprovduti mill-kandidati, fir-rigward tal-kandidati li jkunu kisbu l-minimu meħtieġ u l-aħjar marki fl-istadju sussegwenti tal-kompetizzjoni. Is-selezzjoni ssir f’żewġ stadji. L-ewwel selezzjoni abbażi tal-kwalifiki ssir biss fuq il-bażi tat-tweġibiet mogħtija fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura u l-piż ta’ kunsiderazzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet. Fid-dawl tal-importanza mogħtija lil kull kriterju msemmi fil-punt 4 tal-annessi tal-avviżi kkontestati, il-Bord tal-Għażla jistabbilixxi dan il-piż ta’ kunsiderazzjoni (minn 1 sa 3) qabel l-evalwazzjoni tal-kandidati. Imbagħad, l-atti tal-kandidatura elettroniċi tal-kandidati li jkunu kisbu l-ikbar numru ta’ punti jkunu suġġetti għat-tieni selezzjoni. In-numru ta’ fajls evalwati matul din it-tieni selezzjoni huwa, għal kull qasam, madwar disa’ darbiet in-numru tal-kandidati magħżula indikat fl-avviż tal-kompetizzjoni inkwistjoni. Il-Bord tal-Għażla jevalwa t-tweġibiet tal-kandidati u jagħti marka minn 0 sa 4 għal kull tweġiba. Il-marki, immultiplikati bil-piż ta’ kunsiderazzjoni mogħti lil kull mistoqsija, jingħaddu flimkien sabiex tinkiseb marka globali. Imbagħad, il-Bord tal-Għażla jistabbilixxi klassifikazzjoni ta’ kandidati fuq il-bażi ta’ dawn il-marki globali.

10      L-aħħar fażi tal-proċeduri ta’ selezzjoni previsti mill-avviżi kkontestati tikkonsisti, fil-każijiet tal-avviżi ta’ kompetizzjoni EPSO/AST/125/12 u EPSO/AD/248/13, f’“ċentru ta’ evalwazzjoni” (ara, il-partijiet V u VI ta’ dawn iż-żewġ avviżi ta’ kompetizzjoni, rispettivament) u, fil-każ tal-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AST/126/12, f’“kompetizzjoni ġenerali” (ara parti V tal-avviż inkwistjoni). In-numru ta’ kandidati mistiedna għaċ-“ċentru ta’ evalwazzjoni” huwa, għal kull qasam, bħala massimu tliet darbiet in-numru ta’ kandidati magħżula.

11      L-avviżi ta’ kompetizzjoni EPSO/AST/126/12 u EPSO/AD/248/13 jinkludu annessi, li kull wieħed minnhom jirrigwarda wieħed mill-oqsma previsti minn kull wieħed minn dawn iż-żewġ avviżi. Il-punt 4 ta’ kull anness jelenka kriterji ta’ selezzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Għażla fl-evalwazzjoni tat-tweġibiet mogħtija mill-kandidati fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-att tal-kandidatura (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika Taljana ressqet l-azzjoni tagħha fil-Kawża T‑124/13.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-4 ta’ Lulju 2013, ir-Renju ta’ Spanja talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Settembru 2013, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta s-sottomissjonijiet ta’ intervent tiegħu fit-22 ta’ Novembru 2013.

14      Fil-Kawża T‑124/13, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-avviżi kkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni t-talbiet tar-Repubblika Taljana intiżi għall-annullament tal-avviżi kkontestati u jitlob, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tiegħu.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-5 ta’ April 2013, ir-Renju ta’ Spanja ressaq l-azzjoni tiegħu fil-Kawża T‑191/13.

18      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/248/13;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

20      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, dawn il-kawżi ġew għalhekk assenjati lil din l-awla.

21      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali fil-kawżi preżenti u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, talbet lill-partijiet fil-Kawża T‑191/13 iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet. Huma osservaw din it-talba fit-terminu stabbilit.

22      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduti tas-26 ta’ Frar 2015, fil-Kawża T‑191/13, u tal-4 ta’ Marzu 2015, fil-Kawża T‑124/13.

23      Matul is-seduta fil-Kawża T‑191/13, il-Qorti Ġenerali tat lir-Renju ta’ Spanja terminu sabiex iressaq, bil-miktub, l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-possibbiltà li dawn il-kawżi jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza. Fit-3 ta’ Marzu 2015, il-proċedura orali ngħalqet, wara li ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet inkwistjoni tar-Renju ta’ Spanja.

 Id-dritt

24      Peress li l-partijiet indikaw, bi tweġiba għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali matul is-seduti jew, fil-każ tar-Renju ta’ Spanja, bil-miktub (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), li huma ma kellhomx oġġezzjonijiet xi jressqu f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn il-kawżi għandhom jingħaqdu għall-finijiet tad-deċiżjoni li ttemm din l-istanza, konformement mal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

25      Insostenn tar-rikors fil-Kawża T‑124/13, ir-Repubblika Taljana invokat seba’ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikoli 263 TFUE, 264 TFUE u 266 TFUE; it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 342 TFUE u tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1 tal-Kunsill, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat; it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 6(3) UE, tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ppromulgata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d(1) u (6), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal; ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 6(3) UE u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi; il-ħames wieħed, fuq użu ħażin ta’ poter kif ukoll il-ksur tan-“normi sostantivi inerenti għan-natura u l-iskop tal-avviżi ta’ kompetizzjoni”, b’mod partikolari tal-Artikolu 1d(1) u (6), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27, tal-Artikolu 28(f), tal-Artikolu 34(3) u tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità; is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 18 TFUE, tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, kif ukoll tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal u, is-seba’ wieħed, fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d(1) u (6) u tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq “żnaturament tal-fatti”.

26      Fil-Kawża T‑124/13, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana, li l-avviżi kkontestati għandhom jiġu annullati minħabba ksur tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 342 TFUE, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikoli 1d u 27 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑566/10 P, Ġabra, EU:C:2012:752). Huwa jżid li l-avviżi kkontestati huma diskriminatorji, minħabba l-predominanza indebita tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż, jiksru l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li s-sistema ta’ selezzjoni li huma jipprevedu ma tiggarantixxix ir-reklutaġġ tal-aħjar kandidati, u jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li ma jikkostitwixxux l-aħjar mod sabiex jilħqu l-għan imfittex.

27      Fil-Kawża T‑191/13, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka, essenzjalment, tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità u, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

28      Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-motivi hawn fuq imsemmija, ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw żewġ aspetti distinti tal-avviżi kkontestati jiġifieri, minn naħa, il-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-korrispondenza bejn il-kandidati u l-EPSO u, min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni, għat-tliet lingwi hawn fuq imsemmija, tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għall-kompetizzjonijiet previsti mill-imsemmija avviżi. Barra minn hekk, fil-Kawża T‑191/13, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta t-tielet aspett tal-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/248/13, jiġifieri l-użu tat-tieni lingwa, magħżula minn kull kandidat għall-kompetizzjoni prevista minn dan l-avviż minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż, għal ċerti testijiet tal-aħħar fażi ta’ din il-kompetizzjoni (“ċentru ta’ evalwazzjoni”; ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

29      Fid-dawl tal-motivi invokati mir-Repubblika Taljana u mir-Renju ta’ Spanja, hemm lok li tiġi eżaminata suċċessivament il-legalità taż-żewġ aspetti tal-avviżi kkontestati minnhom (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). Wara dan l-eżami, għandha, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata l-legalità tat-tielet aspett tal-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/248/13, ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja (ara l-punt 28 iktar ’il fuq).

30      Madankollu, qabel ma jsir dan l-eżami, hemm lok, qabelxejn, li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv imqajjem mir-Renju ta’ Spanja fil-Kawża T‑191/13, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1, sa fejn din hija kkontestata mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv fil-Kawża T-191/13

31      Fir-rikors tal-Kawża T‑191/13, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li huwa qed jitlob l-annullament tal-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/248/13 fuq il-bażi, partikolarment, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1 u jżid li, fil-fehma tiegħu, l-avviż inkwistjoni ma josservax is-sistema lingwistika stabbilita minn dan ir-regolament.

32      Madankollu, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1 jissemma biss “en passant” mir-Renju ta’ Spanja, mingħajr ma huwa espost suffiċjentement. Skont il-Kummissjoni, tali argument ma josservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 u tal-ġurisprudenza marbuta mal-applikazzjoni tiegħu.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, din il-preżentazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. B’mod iktar partikolari, jekk stess kellu jiġi aċċettat li l-indikazzjoni tal-motivi tar-rikors ma hijiex marbuta mat-terminoloġija u mal-enumerazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura u li l-preżentazzjoni ta’ dawn il-motivi, mis-sustanza tagħhom iktar milli mill-klassifikazzjoni legali tagħhom, tista’ tkun suffiċjenti, dan huwa madankollu suġġett għall-kundizzjoni li dawn il-motivi joħorġu b’mod suffiċjentement ċar mir-rikors. Is-sempliċi dikjarazzjoni astratta ta’ motivi fir-rikors ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura u t-termini “espożizzjoni fil-qosor tal-motivi”, użati f’dawn it-testi, ifissru li r-rikors għandu jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat (ara d-digriet tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra, EU:T:1993:39, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, bl-eċċezzjoni tal-każ ta’ motivi ta’ ordni pubbliku, li l-qorti tal-Unjoni għandha, jekk ikun il-każ, tqajjem ex officio, huwa r-rikorrent li għandu jesponi, fir-rikors, il-motivi li huwa jinvoka insostenn tal-azzjoni tiegħu. Sabiex jagħmel dan, id-dikjarazzjoni astratta tat-titolu ta’ motiv ma hijiex suffiċjenti. Huwa għandu jindika wkoll fiex jikkonsisti l-motiv invokat, fi kliem ieħor huwa għandu jispjega r-rabta tiegħu mat-talbiet tar-rikors u jispjega b’liema mod, jekk jirriżulta bbażat, dan għandu jwassal lill-qorti sabiex tilqa’ dawn it-talbiet.

35      Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fl-ambitu tat-tilwima ddefinita mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni, filwaqt li għandha tiddeċiedi biss it-talba tal-partijiet, ma hijiex limitata għall-argumenti invokati minnhom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, altrimenti tista’ tiġi kostretta, fil-każ partikolari, li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Roodhuijzen, T‑58/08 P, Ġabra, EU:T:2009:385, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, f’tilwima bejn il-partijiet għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima għall-fatti ppreżentati lilha mill-partijiet. Fil-fatt, skont il-prinċipju iura novit curia, id-determinazzjoni tas-sens tal-liġi ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ prinċipju ta’ dispożizzjoni libera tat-tilwima f’idejn il-partijiet (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Roodhuijzen, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2009:385, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ motiv ma tiddependix mill-użu ta’ terminoloġija partikolari. Huwa suffiċjenti li s-sustanza ta’ motiv toħroġ, b’mod suffiċjentement ċar, mit-test tar-rikors. Barra minn hekk, l-ammissibbiltà ta’ motiv lanqas ma tiddependi milli jiġu invokati regoli jew prinċipji tad-dritt konkreti. Fil-fatt, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tidentifika d-dispożizzjonijiet rilevanti u tapplikahom għall-fatti ppreżentati lilha mill-partijiet, anki jekk il-partijiet ma jkunux irreferew għad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, jew anki jkunu invokaw dispożizzjonijiet differenti.

37      Finalment, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li, jekk ir-rikorrent ikun qajjem, b’mod ammissibbli, motiv, il-qorti ma għandhiex, fl-eżami ta’ dan il-motiv, tillimita ruħha għall-argumenti invokati minn din il-parti, iżda għandha tagħmel analiżi kompleta tiegħu, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli u l-prinċipji tad-dritt applikabbli kollha, preċiżament sabiex ma tibbażax id-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati, possibbiltà li din il-ġurisprudenza trid li tevita.

38      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, kuntrarjament għat-teżi tal-Kummissjoni, ma jistax jiġi aċċettat li r-Renju ta’ Spanja ma qajjimx b’mod ammissibbli, fir-rikors fil-Kawża T‑191/13, motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1. Fil-fatt, huwa ma llimitax ruħu għal sempliċi riferiment astratt għal dan ir-regolament, fil-punt 27 tal-imsemmi rikors. Fil-punt 30 tiegħu, huwa indika b’mod ċar li, fil-fehma tiegħu, l-avviż ikkontestat ma kienx josserva s-sistema lingwistika stabbilita minn dan ir-regolament. Sussegwentement, huwa ddedika żewġ partijiet ta’ dan ir-rikors għall-analiżi tal-kwistjonijiet marbuta ma’ din is-sistema. Il-kumplament ta’ dan ir-rikors jinkludi wkoll diversi riferimenti għar-Regolament Nru 1 u għas-sistema lingwistika li huwa stabbilixxa.

39      B’mod partikolari, fil-punt 68 tar-rikors fil-Kawża T‑191/13, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li “l-limitazzjoni tal-komunikazzjoni tal-kandidati mal-EPSO għal tliet lingwi tmur kontra s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1”. Għandu wkoll jiġi ċċitat il-punt 96 ta’ dan ir-rikors, li jidher fil-parti finali tiegħu, intitolat “Konklużjoni”, li jindika dan li ġej:

“[L]-avviż [ikkontestat] imur kontra t-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 […], billi jinjora fil-prattika l-użu u l-evalwazzjoni tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni l-oħra għall-benefiċċju tal-Ingliż, tal-Franċiż jew tal-Ġermaniż, mingħajr ma jiġġustifika tali limitazzjoni permezz ta’ raġunijiet oġġettivi konkreti marbuta mal-postijiet li għandhom jimtlew. L-avviż […] ikkontestat ma huwiex sempliċi tibdil prattiku, iżda pjuttost emenda fattibbli tas-sistema lingwistika kompleta rregolata mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1”.

40      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv issollevat mir-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1, josserva r-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 u huwa, għalhekk, ammissibbli.

 Fuq il-limitazzjoni tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO

41      Fil-Kawża T-124/13, dan l-aspett tal-avviżi kkontestati huwa previst fis-sitt motiv issollevat mir-Repubblika Taljana, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 TFUE, tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, kif ukoll tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal.

42      Skont ir-Repubblika Taljana, il-limitazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi ksur manifest tal-Artikolu 18 TFUE, tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, kif ukoll tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija ssostni li minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta ċar li ċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt li jindirizzaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jużaw kwalunkwe waħda mit-23 lingwa uffiċjali, u li għandhom id-dritt li jirċievu t-tweġibiet mill-istituzzjonijiet fl-istess lingwa. Din il-konklużjoni toħroġ ukoll mis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752). Il-limitazzjoni hawn fuq prevista tikkostitwixxi diskriminazzjoni, għad-detriment taċ-ċittadini tal-Istati Membri minbarra dawk li għandhom bħala lingwa uffiċjali l-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż.

43      Ir-Repubblika Taljana tiċħad it-teżi li l-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni ma hijiex forma ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Hija tqis, għall-kuntrarju, li l-proċedura ta’ kompetizzjoni u l-lingwa ta’ komunikazzjoni użata huma “l-elementi kostituttivi ta’ relazzjoni ta’ natura kostituzzjonali bejn iċ-ċittadin ikkonċernat u l-Unjoni”. Minn dan hija tiddeduċi li “l-lingwa ta’ kompetizzjoni għandha tkun il-lingwa taċ-ċittadin”. Barra minn hekk, fuq il-bażi tas-sentenza L-Italja vs il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752), hija tikkontesta t-teżi li l-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni tikkonċerna sitwazzjoni interna għall-organizzazzjoni istituzzjonali. Fil-fehma tagħha, din hija relazzjoni bejn l-istituzzjoni inkwistjoni u individwu suġġett għad-dritt (ċittadin), li għadu ma jifformax parti mill-persunal ta’ din l-istituzzjoni.

44      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-argumenti tar-Repubblika Taljana. Huwa jsostni li peress li l-limitazzjoni tal-lingwi tista’ tintuża fil-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO, din tagħti, fil-prattika, vantaġġ kompetittiv lill-kandidati kollha li għandhom bħala l-ewwel lingwa waħda minn dawn it-tliet lingwi magħżula (il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Franċiż). Fil-fehma tiegħu, huwa “komprensibbli” li, għal raġunijiet prattiċi, jiġu llimitati l-lingwi li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet tal-EPSO, iżda l-limitazzjoni għat-tliet lingwi hawn fuq imsemmija tmur kontra r-Regolament Nru 1. Barra minn hekk, tali limitazzjoni hija diskriminatorja. Ir-Renju ta’ Spanja jiċħad, huwa wkoll, it-teżi li r-reklutaġġ ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal minn istituzzjoni jikkostitwixxi kwistjoni purament interna.

45      Fil-Kawża T‑191/13, għalhekk u kif diġà ġie rrilevat (ara l-punti 38 u 39 iktar ’il fuq), ir-Renju ta’ Spanja jsostni, permezz tal-ewwel motiv tiegħu, li l-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati għall-kompetizzjoni prevista mill-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/248/13, tmur kontra s-sistema lingwistika stabbilita mir-Regolament Nru 1.

46      Il-Kummissjoni twieġeb, qabelxejn, li l-punti tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752), invokati mir-Repubblika Taljana, ma għandhom ebda rabta mal-kwistjoni tal-lingwi użati fit-testijiet ta’ kompetizzjoni, iżda jirreferu għall-aspett differenti tal-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kompetizzjoni. F’dan il-kuntest, hija tirreferi wkoll għall-ġurisprudenza, partikolarment tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI (C-361/01 P, Ġabra, EU:C:2003:434, punt 82), li tipprovdi li r-riferimenti numerużi għall-użu tal-lingwi tal-Unjoni, li jinsabu fit-Trattat FUE, ma jistgħux jitqiesu li huma l-manifestazzjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jiżgura lil kull ċittadin id-dritt li kull ħaġa li tista’ taffettwa l-interessi tiegħu għandha tiġi redatta, fiċ-ċirkustanzi kollha, fil-lingwa tiegħu.

47      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-kandidati għall-proċedura ta’ kompetizzjoni jinsabu f’“pożizzjoni intermedjarja”. Ċertament, huma jieħdu konjizzjoni tal-eżistenza ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni billi jaqraw l-avviż ta’ kompetizzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u huwa għal din ir-raġuni li l-avviżi kkontestati ġew ippubblikati bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Madankollu, ladarba l-kandidat jikkomunika mal-amministrazzjoni bil-ħsieb li jipparteċipa fil-kompetizzjoni, huwa leġittimu li wieħed jistenna li dan ikollu għarfien ta’ mill-inqas lingwa uffiċjali oħra minbarra l-lingwa materna tiegħu.

48      Skont il-Kummissjoni, ma jistax jiġi aċċettat li l-kompetenzi lingwistiċi tal-kandidati għal kompetizzjoni jassumu importanza sekondarja. Tali teżi tmur kontra l-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, stipulat fl-Artikoli 335 TFUE u 336 TFUE. Skont dan il-prinċipju, id-determinazzjoni tal-ħtiġijiet lingwistiċi tas-servizz taqa’ biss f’idejn l-istituzzjonijiet, u mhux l-Istati Membri. Is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752, punti 87 u 88), tirrikonoxxi wkoll li l-interess tas-servizz jikkostitwixxi għan leġittimu, li jista’ jiġġustifika limitazzjonijiet għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, previst fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

49      B’hekk, il-Kummissjoni ssostni li kull pretensjoni fis-sens li, fl-ambitu tal-proċedura ta’ kompetizzjoni, il-kandidati jistgħu mingħajr distinzjoni jużaw kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni hija insostenibbli. L-istituzzjonijiet għandhom bżonn persunal operattiv u huwa, għalhekk, inevitabbli li, fil-kuntatti ta’ natura amministrattiva marbuta mal-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni, il-kandidat għandu jkun ukoll f’pożizzjoni li jikkomunika permezz ta’ lingwi utli għall-istituzzjonijiet, bħall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż. Dawn il-komunikazzjonijiet amministrattivi huma diġà elementi marbuta mal-kuntest tax-xogħol li fih il-kandidat jidħol, jekk jgħaddi mill-kompetizzjoni.

50      Il-Kummissjoni żżid li, fi kwalunkwe każ, il-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO jirrigwardaw informazzjoni elementari, marbuta mal-iżvolġiment tat-testijiet u mad-diversi stadji tal-proċedura ta’ kompetizzjoni. Fir-rigward tal-livell ta’ għarfien u ta’ użu tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż meħtieġ fl-avviżi kkontestati, kandidat li l-għarfien lingwistiku tiegħu ma jippermettilux li lanqas jifhem il-komunikazzjonijiet inkwistjoni, redatti f’waħda minn dawn il-lingwi, ma jistax ċertament jimmaġina li jista’ jiġi rreklutat f’istituzzjoni tal-Unjoni. Għall-istess raġunijiet, il-kandidati li għandhom bħala lingwa materna l-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż ma ngħataw ebda vantaġġ. Insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tinvoka statistika dwar il-kompetizzjoni prevista mill-avviż EPSO/AST/126, li turi, fil-fehma tagħha, li kienu l-kandidati ta’ nazzjonalità Taljana li ġew minn tal-ewwel fil-lista ta’ dawk li l-kandidatura tagħhom ġiet ivvalidata.

51      Barra minn hekk, l-informazzjoni ġenerali marbuta mal-proċeduri ta’ kompetizzjoni li tidher fis-sit tal-EPSO, l-istess bħall-gwida, hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali kollha. Skont il-Kummissjoni, l-impożizzjoni fuq l-EPSO tal-obbligu li jiggarantixxi t-traduzzjoni tal-atti kollha tal-kandidatura rċevuti, mil-lingwa materna tal-kandidat lejn l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż, hija manifestament inkompatibbli mal-interess tas-servizz. Barra minn hekk, traduzzjoni tal-curriculum vitae tal-kandidati tkun ta’ żvantaġġ għalihom, peress li huma jitilfu l-kontroll tal-informazzjoni li huma stess ikunu għaddew.

52      Għall-finijiet tal-eżami ta’ dawn l-argumenti, għandu jsir riferiment, qabelxejn, għat-termini tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1. Dan jipprevedi, fl-Artikolu 1 tiegħu, fil-verżjoni applikabbli fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-avviżi kkontestati, dan li ġej:

“Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż”.

53      L-Artikolu 2 tal-istess regolament jipprovdi li:

“Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.”

54      L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jipprevedi li l-istituzzjonijiet jistgħu jiddeterminaw ir-regoli ta’ proċedura ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika stabbilita minn dan ir-regolament fir-regoli interni tagħhom. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 67 tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752), l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviżi kkontestati (li kienu wkoll dawk ikkonċernati mill-avviżi ta’ kompetizzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża) ma ddeterminawx, fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1, ir-regoli ta’ proċedura tas-sistema lingwistika tagħhom fir-regoli interni tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-avviżi ta’ kompetizzjoni ma setgħux jitqiesu li jikkostitwixxu regoli interni f’dan ir-rigward.

55      Qabel ma ngħatat is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752), il-Qorti Ġenerali kienet iġġudikat li r-Regolament Nru 1 ma kienx japplika għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom, għaliex dan jistabbilixxi biss is-sistema lingwistika applikabbli bejn l-istituzzjonijiet u Stat Membru jew persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri. Il-Qorti Ġenerali qieset ukoll li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħrajn tal-Unjoni, kif ukoll il-kandidati għal dawn il-pożizzjonijiet, kienu jaqgħu effettivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni biss fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi dawk dwar ir-reklutaġġ fi ħdan istituzzjoni. Skont din l-istess ġurisprudenza, l-ekwiparazzjoni mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni tal-kandidati għal tali pożizzjonijiet, fir-rigward tas-sistema lingwistika applikabbli, hija ġġustifikata mill-fatt li l-imsemmija kandidati jidħlu f’relazzjoni ma’ istituzzjoni tal-Unjoni biss bil-għan li jiksbu pożizzjoni ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, li għaliha ċertu għarfien lingwistiku huwa meħtieġ u jista’ jiġi rikjest mid-dispożizzjonijiet applikabbli sabiex timtela l-pożizzjoni inkwistjoni. Din il-ġurisprudenza kienet tirreferi wkoll għall-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 u għall-possibbiltà għall-istituzzjonijiet, prevista f’dan l-artikolu, li jiddeterminaw ir-regoli ta’ proċedura ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli interni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑185/05, Ġabra, EU:T:2008:519, punti 117 sa 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Madankollu, wara s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752), dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux iktar jibqgħu jitqiesu validi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ikkunsidrat li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet regolamentari speċjali applikabbli għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fir-regoli ta’ proċedura tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, l-ebda test ma jwassal għall-konklużjoni li r-relazzjonijiet bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1. A fortiori l-istess huwa l-każ, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-kandidati għal kompetizzjoni esterna li, bħala prinċipju, la huma uffiċjali u lanqas membri tal-persunal (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:752, punti 68 u 69).

57      F’dan r-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni (ara l-punt 46 iktar ’il fuq) marbut mal-assenza ta’ rilevanza ta’ din il-parti tas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752), fir-rigward tal-legalità tal-limitazzjoni tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO. Fil-fatt, f’din il-parti mis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1 għall-kandidati għal kompetizzjoni u kkonkludiet li dan kien applikabbli għalihom. Din il-konklużjoni hija rilevanti wkoll għall-kwistjoni mqajma mis-sitt motiv invokat mir-Repubblika Taljana u mill-ewwel motiv issollevat mir-Renju ta’ Spanja.

58      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tal-Kummissjoni (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), li l-kandidati għal proċedura ta’ kompetizzjoni jinsabu f’“pożizzjoni intermedjarja”, għandu wkoll jiġi miċħud.

59      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dedott mis-sentenza Kik vs UASI, punt 46 iktar ’il fuq (EU:C:2003:434, punt 82), huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, b’differenza mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), li s-sistema lingwistika tiegħu kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, l-istituzzjonijiet kkonċernati mill-avviżi kkontestati ma humiex suġġetti għal sistema lingwistika speċifika (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:752, punt 86). Dawn huma suġġetti għas-sistema lingwistika stabbilita mir-Regolament Nru 1.

60      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, kif ukoll tal-kliem ċar u mhux ambigwu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, għandu jiġi konkluż li l-avviżi kkontestati, sa fejn dawn jipprevedu li l-kandidati għall-kompetizzjoni inkwistjoni huma marbuta jikkomunikaw mal-EPSO f’lingwa, magħżula minnhom, minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż, jiksru r-Regolament Nru 1. Din ir-raġuni hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-annullament tagħhom, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, kif isostnu r-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja, din l-istipulazzjoni twassalx għal diskriminazzjoni pprojbita minħabba l-lingwa.

61      Fil-fatt, l-att tal-kandidatura huwa, mingħajr ebda dubju, test, indirizzat lill-istituzzjonijiet li stabbilixxew lill-EPSO, minn persuna li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, jiġifieri l-kandidat. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, din il-persuna (il-kandidat) għandha d-dritt li tagħżel il-lingwa ta’ redazzjoni ta’ dan it-test, minn fost il-lingwi uffiċjali kollha elenkati fl-Artikolu 1 tal-istess regolament. Sa fejn l-avviżi kkontestati jillimitaw din l-għażla għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, dawn jiksru dawn id-dispożizzjonijiet. L-istess jingħad għall-komunikazzjonijiet eventwali oħra li kandidat jista’ jitwassal sabiex jindirizza lill-EPSO fir-rigward tal-kompetizzjonijiet previsti mill-avviżi kkontestati.

62      Barra minn hekk, il-komunikazzjonijiet mibgħuta mill-EPSO lil kull kandidat li jkun bagħatlu att tal-kandidatura jikkostitwixxu risposti, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, għall-att tal-kandidatura u għat-testi eventwali l-oħra li l-kandidat ikun bagħat lill-EPSO. Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, dawn ir-risposti għandhom jiġu redatti fil-lingwa magħżula, minn fost il-lingwi uffiċjali kollha, mill-kandidat inkwistjoni, għar-redazzjoni tat-testi tiegħu. L-avviżi kkontestati jmorru kontra dan ir-Regolament ukoll sa fejn dawn jipprevedu li l-EPSO għandu jindirizza komunikazzjonijiet lill-kandidati f’lingwa magħżula minnhom minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, u mhux minn fost il-lingwi uffiċjali kollha.

63      L-osservanza, mill-EPSO, tal-obbligu tiegħu, li joħroġ mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, li jikkomunika mal-kandidati għall-kompetizzjonijiet previsti mill-avviżi kkontestati b’lingwa liberament magħżula minn kull kandidat minn fost il-lingwi uffiċjali kollha, u mhux biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż, tassumi iktar importanza fil-każ fejn l-avviżi kkontestati jipprevedu “selezzjoni abbażi tal-kwalifiki” (ara l-punti 8 u 9 iktar ’il fuq), li ssir “skont id-dikjarazzjonijiet [tal-kandidati] fl-applikazzjoni [att tal-kandidatura]”. B’hekk, huwa importanti li dawn id-dikjarazzjonijiet isiru bil-lingwa magħżula minn kull kandidat, jekk ikun il-każ bil-lingwa materna tiegħu, u mhux b’lingwa li, għal xi wħud minnhom, ma tkunx il-lingwa li biha huma jesprimu ruħhom l-aħjar, minkejja li jkollhom għarfien sodisfaċenti tagħha.

64      Il-fatt li l-parti 3 tal-gwida tirrileva li l-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni tal-kandidati mal-EPSO hija limitata “[s]abiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u l-komprensjoni tat-testi ta’ natura ġenerali u tal-komunikazzjonijiet indirizzati lill-kandidati jew irċevuti minn dawn tal-aħħar” ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti. L-impożizzjoni, mill-EPSO, tal-użu ta’ waħda mit-tliet lingwi hawn fuq imsemmija fuq il-kandidati li jkunu ppreferew jikkomunikaw miegħu b’lingwa uffiċjali oħra ma tistax tiggarantixxi li “tiġi żgurata ċ-ċarezza u l-komprensjoni”, minn dawn il-kandidati, tat-testi ta’ natura ġenerali u tal-komunikazzjonijiet li l-EPSO jibagħtilhom. L-istess jingħad għall-komprensjoni, mill-EPSO, tal-komunikazzjonijiet li huwa jirċievi mingħand dawn il-kandidati, peress li ċ-ċarezza tagħhom tista’ tiġi affettwata, minħabba l-fatt li dawn jiġu redatti b’lingwa li ma hijiex il-lingwa tal-ewwel għażla tal-kandidati inkwistjoni.

65      Fi kwalunkwe każ, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 ma jipprevedix eċċezzjoni għall-obbligu li huwa jimponi, la għar-raġunijiet imsemmija fil-parti 3 tal-gwida u lanqas għal raġunijiet oħra (ara, f’dan is-sens u bħala analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:752, punt 72).

66      Dawn il-kunsiderazzjonijiet jippermettu wkoll li l-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni jiġu miċħuda.

67      L-argument dedott mill-awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), ma jistax jirnexxi. Huwa veru li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ awtonomija funzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-għażla tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħhom, stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom, għalhekk, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u awtonomija fir-rigward tal-ħolqien ta’ impjieg ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal, fir-rigward tal-għażla tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal sabiex jimla l-impjieg maħluq u fir-rigward tan-natura tar-relazzjoni li torbothom ma’ membru tal-persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, AB, C‑288/04, Ġabra, EU:C:2005:526, punti 26 u 28). Madankollu, din l-awtonomija ma teżonerahomx mill-obbligu li josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, li f’dan il-każ ġew miksura.

68      Għandu jingħad ukoll li n-neċessità tal-osservanza tal-obbligi li joħorġu mir-Regolament Nru 1 ma għandhiex il-konsegwenza li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma preklużi milli jiddeterminaw, huma stess, fl-eżerċizzju tal-awtonomija funzjonali tagħhom invokata mill-Kummissjoni, il-ħtiġijiet lingwistiċi tagħhom. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, li huwa inkwistjoni f’din il-kawża, ma jipprekludix stipulazzjoni, f’avviż ta’ kompetizzjoni, li teżiġi mill-kandidati għall-kompetizzjoni għarfien lingwistiku speċifiku. Huwa sempliċement jipprevedi li, anki f’tali ipoteżi, l-awtur tal-avviż ta’ kompetizzjoni, f’dan il-każ l-EPSO, għandu jikkomunika ma’ kull kandidat bil-lingwa uffiċjali magħżula minn dan tal-aħħar, u mhux b’lingwa magħżula minn fost grupp ta’ lingwi iktar ristrett, anki jekk l-għarfien ta’ mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi jkun meħtieġ minn kull kandidat sabiex ikun jista’ jipparteċipa fil-kompetizzjoni.

69      L-argument tal-Kummissjoni, li l-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO jirrigwardaw informazzjoni elementari li kandidat li jkollu għarfien tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż suffiċjenti sabiex ikun jista’ jipparteċipa fil-kompetizzjoni ma jkollu ebda diffikultà li jifhem, għandu wkoll jiġi miċħud, bl-istess mod bħal dak l-argument li jsostni li l-ħtieġa li l-atti tal-kandidatura jiġu tradotti mil-lingwi ta’ redazzjoni tagħhom għall-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż hija inkompatibbli mal-interess tas-servizz. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1 ma jipprevedix eċċezzjonijiet għall-obbligu li huwa jimponi, la għal raġunijiet marbuta mal-interess tas-servizz u lanqas għal raġunijiet oħra. Barra minn hekk, diġà ġie rrilevat li dan l-artikolu jħalli f’idejn il-persuna li tibgħat test lil istituzzjoni l-għażla tal-lingwa ta’ redazzjoni ta’ dan it-test, u jimponi fuq l-istituzzjonijiet l-obbligu li jirrisponduh bl-istess lingwa, indipendentement mill-kapaċità ta’ lingwa oħra li huwa jista’ jkollu.

70      Finalment, la l-argument li l-informazzjoni li tidher fis-sit tal-EPSO u l-gwida hija disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha u lanqas l-argument li l-kandidati ta’ nazzjonalità Taljana ma sofrew ebda preġudizzju minħabba l-impossibbiltà li jużaw it-Taljan fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-EPSO ma jistgħu jirnexxu.

71      Fir-rigward tal-ewwel argument, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-kwistjoni tikkonċerna l-lingwa użata fil-komunikazzjonijiet individwali bejn il-kandidati u l-EPSO, u ċ-ċirkustanzi invokati ma għandhom ebda effett fuq l-obbligu ta’ dan tal-aħħar li josserva l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, fir-rigward ta’ dawn il-komunikazzjonijiet.

72      Fir-rigward tat-tieni argument, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-ksur ta’ dispożizzjoni legali tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, li l-osservanza tiegħu hija imposta fuq l-EPSO, huwa suffiċjenti sabiex iwassal għall-annullament tal-avviżi kkontestati, mingħajr ma huwa meħtieġ li jintwera li dan il-ksur ikkawża preġudizzju lil kandidati partikolari.

73      Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, is-sitt motiv issollevat mir-Repubblika Taljana u l-ewwel motiv issollevat mir-Renju ta’ Spanja għandhom jintlaqgħu u l-avviżi kkontestati għandhom jiġu annullati, sa fejn dawn jirrestrinġu l-lingwi li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati u l-EPSO għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż.

 Fuq il-legalità tal-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż, tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għall-kompetizzjonijiet previsti mill-avviżi kkontestati

74      Huwa opportun li tiġi eżaminata l-legalità tal-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż jew għall-Franċiż, tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għall-kompetizzjonijiet previsti mill-avviżi kkontestati, peress li dan huwa aspett differenti ta’ dawn l-avviżi, li fuqu l-illegalità kkonstatata fil-punt 60 iktar ’il fuq ma għandhiex effett.

75      F’dan ir-rigward, għandhom jiġu eżaminati t-tielet u s-seba’ motivi ssollevati mir-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑124/13, kif ukoll it-tieni motiv invokat mir-Renju ta’ Spanja fil-Kawża T‑191/13.

76      It-tielet motiv issollevat mir-Repubblika Taljana huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(3) TUE, tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d(1) u (6), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikolu 1(2) u (3) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Essenzjalment, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-limitazzjoni, prevista mill-avviżi kkontestati, tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għall-kompetizzjonijiet inkwistjoni, għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tikser dawn id-dispożizzjonijiet kollha.

77      Is-seba’ motiv issollevat mir-Repubblika Taljana huwa bbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikoli 1 u 6 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d(1) u (6), tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ukoll fuq “żnaturament tal-fatti”. Essenzjalment, b’dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana ssostni nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-avviżi kkontestati. Hija tikkontesta, barra minn hekk, il-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni u l-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija.

78      Permezz tat-tieni motiv fil-Kawża T‑191/13, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka, essenzjalment, ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-lingwa, stipulat fl-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

79      Huwa jsostni li l-motivazzjoni tal-limitazzjoni fl-għażla tat-tieni lingwa (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) tikkonsisti f’“test stereotip” li ma huwiex suffiċjenti sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752). B’hekk, fil-fehma tiegħu, l-avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/248/13 huwa affettwat mill-istess vizzji bħall-avviżi inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza. Il-motivazzjoni tiegħu hija ġenerali u ma tissodisfax ir-“rekwiżiti minimi fil-qasam tat-testijiet li jiġġustifikaw restrizzjoni tas-sistema lingwistika kompleta”. Ir-Renju ta’ Spanja jressaq argumenti analogi fin-nota ta’ intervent tiegħu fil-Kawża T‑124/13.

80      Fir-rigward, qabelxejn, tal-possibbiltà ta’ nuqqas jew ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-avviż ikkontestat, għandu jiġi rrilevat li, fil-Kawża T‑191/13, il-Kummissjoni ma taqbilx li r-Renju ta’ Spanja ssolleva tali motiv fir-rikors tiegħu.

81      Madankollu, għandu jitfakkar li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu, jekk ikun il-każ, jiġi ssollevat ex officio mill-Qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat, ir-Repubblika Taljana senjatament ikkontestat, fl-ambitu tas-seba’ motiv tagħha fil-Kawża T-124/13, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-awturi tal-avviżi kkontestati.

82      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar ukoll ġurisprudenza stabbilita, li tipprovdi li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet jikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali li għandha tinżamm distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti f’li jiġu espressi formalment il-motivi li fuqhom huwa bbażat. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      F’dan il-każ, kif irrilevat fil-punt 6 iktar ’il fuq, l-avviżi kkontestati jinkludu motivazzjoni intiża sabiex tiġġustifika r-rekwiżit li l-kandidati għandu jkollhom għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż, lingwi li għalihom hija limitata l-għażla tagħhom tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-awtur tagħhom, l-EPSO, ma jistax jiġi kkritikat bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-kwistjoni ta’ fondatezza ta’ din il-motivazzjoni hija distinta, u se tiġi eżaminata iktar tard.

84      Sussegwentement, għall-finijiet tal-eżami ta’ din il-kwistjoni tal-aħħar, għandu jitfakkar il-kliem tad-dispożizzjonijiet imsemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752), invokati wkoll mir-Repubblika Taljana u mir-Renju ta’ Spanja fl-argumentazzjoni tagħhom, kif ukoll il-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dawn id-dispożizzjonijiet.

85      Fil-punti 81 sa 84 tas-sentenza tagħha L-Italja vs il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752), il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra li rreferiet għall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 (ara l-punt 52 iktar ’il fuq), irreferiet ukoll għall-Artikolu 1d(1) sa (6) u għall-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll għall-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal.

86      L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni, bħal diskriminazzjoni speċifikament ibbażata fuq il-lingwa, hija pprojbita. Konformement mal-paragrafu 6 tal-istess artikolu, “[w]aqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal”.

87      L-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li ħadd ma jista’ jiġi appuntat bħala uffiċjal jekk ma jipproduċix evidenza ta’ għarfien fil-fond ta’ waħda mil-lingwi tal-Unjoni u għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat fis-sentenza tagħha L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752, punt 83), minkejja li din id-dispożizzjoni tispeċifika li l-għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra huwa rikjest “sa fejn neċessarju għall-funzjonijiet” li l-kandidat huwa mitlub jeżerċita, hija ma tindikax il-kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex l-għażla ta’ din il-lingwa tiġi llimitata minn fost il-lingwi uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1.

88      Skont l-Artikolu 1(1)(f) tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-avviż ta’ kompetizzjoni jista’ possibbilment jispeċifika l-għarfien tal-lingwi meħtieġa min-natura partikolari tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat fis-sentenza tagħha L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752, punt 84), minn din id-dispożizzjoni ma tirriżultax awtorizzazzjoni ġenerali sabiex issir deroga mir-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1.

89      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 86 sa 88 iktar ’il fuq ma jipprovdux kriterji espliċiti li jippermettu l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa li tagħha l-kandidati f’kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-Unjoni għandu jkollhom għarfien, kemm jekk din tkun tirrigwarda t-tliet lingwi imposti mill-avviżi kkontestati kif ukoll lingwi uffiċjali oħra (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:752, punt 85). Barra minn hekk, hija kkonstatat li l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviżi kkontestati (li kienu wkoll affettwati mill-avviżi ta’ kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja) ma kinux suġġetti għal sistema lingwistika speċifika (ara l-punt 59 iktar ’il fuq).

90      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li mid-dispożizzjonijiet kollha hawn fuq imsemmija jirriżulta li l-interess tas-servizz jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jawtorizza limiti għall-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa importanti li dan l-interess tas-servizz ikun oġġettivament iġġustifikat u li l-livell ta’ għarfien lingwistiku meħtieġ jirriżulta li jkun proporzjonat mal-ħtiġijiet reali tas-servizz (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:752, punt 88).

91      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li regoli li jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa għandhom jipprevedu kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkun jistgħu jagħrfu, suffiċjentement minn qabel, liema rekwiżiti lingwistiċi huma meħtieġa, u dan sabiex ikunu jistgħu jippreparaw ruħhom għall-kompetizzjonijiet fl-aħjar kundizzjonijiet (sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:752, punt 90).

92      Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tagħha L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752, punt 91), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma kienu qatt adottaw regoli ta’ proċedura konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1. Hija żżid li l-Kummissjoni lanqas ma invokat l-eżistenza ta’ atti oħra, bħal komunikazzjonijiet li jistipulaw il-kriterji għal limitazzjoni tal-għażla ta’ lingwa bħala t-tieni lingwa għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet inkwistjoni f’dik il-kawża. Finalment, hija kkonstatat li l-avviżi ta’ kompetizzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża ma kienu jinkludu ebda motivazzjoni li tiġġustifika l-għażla tat-tliet lingwi (il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Franċiż) li għalihom kienet limitata l-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għall-imsemmija kompetizzjonijiet.

93      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għal kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:752, punt 102). Fil-fatt, huwa evidenti li, b’tali stipulazzjoni, ċerti kandidati potenzjali (li għandhom għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas waħda mit-tliet lingwi magħżula) huma ffavoriti, inkwantu jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni u jkunu, b’hekk, irreklutati bħala uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Unjoni, filwaqt li l-oħrajn, li ma jkollhomx tali għarfien, huma esklużi.

94      Il-Kummissjoni ssostni li din ma hijiex diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità. Issa, tali argument huwa ineffettiv, peress li l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprojbixxix biss id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, iżda wkoll diversi forom oħra ta’ diskriminazzjoni, inkluża dik fuq il-bażi tal-lingwa.

95      Fl-istess kuntest, il-Kummissjoni ssostni, fil-Kawża T‑124/13, li ebda diskriminazzjoni ma setgħet “tirriżulta fid-dritt, minħabba l-fatt li l-kandidati setgħu jwettqu parti mill-kompetizzjoni[jiet] [previsti mill-avviżi kkontestati] fil-lingwa materna tagħhom u li l-għażla tat-tieni lingwa saret fuq il-bażi tal-lingwi l-iktar mifruxa, l-iktar studjati fl-Ewropa”.

96      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jipprojbixxi kull diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, anki jekk in-numru ta’ vittmi ta’ tali diskriminazzjoni jkun pjuttost limitat. Ħaġa oħra hija l-kwistjoni dwar jekk diskriminazzjoni tistax tkun ittollerata għal raġunijiet oħra, f’liema każ in-numru ristrett ta’ vittmi potenzjali ta’ diskriminazzjoni jista’ jikkostitwixxi argument validu, favur in-natura proporzjonali tal-miżura inkwistjoni.

97      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, bil-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż l-għażla tat-tieni lingwa għall-kandidati previsti mill-avviżi kkontestati, l-EPSO, l-awtur tal-imsemmija avviżi, kisirx l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, billi ħoloq diskriminazzjoni pprojbita, ibbażata fuq il-lingwa.

98      Għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza mill-avviżi ta’ kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752), l-avviżi kkontestati jinkludu motivazzjoni (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), li ddaħħlet speċifikament sabiex twieġeb għar-rekwiżiti tal-imsemmija sentenza. B’mod partikolari, minn din il-motivazzjoni jirriżulta li “l-għażliet tat-tieni lingwa [f]il-kompetizzjoni ġew definiti b’konformità mal-interess tas-servizz li jeħtieġ li l-kollegi ġodda reklutati jibdew jaħdmu mal-ewwel u jistgħu jikkomunikaw b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum” u li “[j]ekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet ikun affettwat ħażin ħafna”.

99      Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-konstatazzjonijiet l-oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 92 iktar ’il fuq jibqgħu validi wkoll fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni, barra minn hekk, ikkonfermat fis-seduta, l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ikkontestat ma adottawx, wara li ngħatat is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752) u sal-pubblikazzjoni tal-avviżi kkontestati, la regoli ta’ proċedura konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 u lanqas atti oħra, bħal komunikazzjonijiet li jistipulaw il-kriterji għal limitazzjoni tal-għażla ta’ lingwa bħala t-tieni lingwa għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li ebda stipulazzjoni f’dan is-sens ma tirriżulta fil-gwida.

100    Mis-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq (EU:C:2012:752, punt 95), jirriżulta li l-assenza ta’ regoli jew ta’ komunikazzjonijiet bħalma huma dawk previsti fil-punt 99 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkumpensata bil-kontenut ta’ avviż ta’ kompetizzjoni li, neċessarjament, jirreferi biss għal kompetizzjoni speċifika. It-terminu bejn il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kompetizzjoni u d-data tat-testijiet previsti fih ma jippermettix neċessarjament lil kandidat li jikseb l-għarfien lingwistiku suffiċjenti sabiex juri l-kapaċitajiet professjonali tiegħu. Fir-rigward tal-possibbiltà li wieħed jitgħallem waħda mit-tliet lingwi li għalihom l-avviżi kkontestati jillimitaw l-għażla tat-tieni lingwa mill-perspettiva ta’ kompetizzjonijiet futuri, hija tippresupponi li l-lingwi imposti mill-EPSO jkunu determinabbli żmien twil minn qabel. Issa, l-assenza ta’ regoli bħal dawk imsemmija fil-punt 92 iktar ’il fuq ma tiggarantixxi bl-ebda mod il-permanenza tal-għażla tal-lingwi ta’ kompetizzjoni u ma tippermetti l-ebda previdibbiltà fil-qasam.

101    Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni inkluża fl-avviżi kkontestati turix li l-limitazzjoni, għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, tal-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati għall-kompetizzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata fl-interess tas-servizz u tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

102    Qabelxejn, għandhom jiġu ddefiniti l-parametri ta’ tali eżami. Il-Kummissjoni tinvoka l-prinċipju ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara l-punt 67 iktar ’il fuq) sabiex issostni li dawn tal-aħħar għandhom setgħa diskrezzjonali “partikolarment wiesgħa”, sa fejn huma biss jistgħu jiddeċiedu dwar il-politika tagħhom tal-persunal. Hija tikkonkludi li, f’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jinkiser biss fil-każ ta’ għażliet arbitrarji jew manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan previst, li, fil-fehma tagħha, huwa dak li jkun jista’ jkollhom kandidati li jistgħu jaħdmu immedjatament u li jirreklutaw uffiċjali li jkollhom l-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa biss l-għan li jkollhom kandidati li jistgħu jaħdmu immedjatament li jista’ jiġġustifika, possibbilment, diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Min-naħa l-oħra, tali diskriminazzjoni ma tistax tiffaċilita r-reklutaġġ ta’ uffiċjali bl-ogħla livelli ta’ kapaċità, ta’ effiċjenza u ta’ integrità, meta dawn il-kwalitajiet huma, manifestament, indipendenti mill-għarfien lingwistiku ta’ kandidat.

104    Imbagħad, għandu jitfakkar li l-awtonomija funzjonali tal-istituzzjonijiet ma teżonerahomx mill-obbligu li josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni, li minnu jagħmel parti l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal.

105    Barra minn hekk, huwa ċertament veru li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fl-oqsma li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbla mal-għan tal-leġiżlazzjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2012, Kurrer et vs Il-Kummissjoni, T‑441/10 P sa T‑443/10 P, ĠabraFP, EU:T:2012:133, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, Ġabra, EU:C:2010:188, punt 72).

106    Madankollu, din il-ġurisprudenza ma teskludix kull kontroll, mill-qorti tal-Unjoni, tar-rekwiżiti possibbli ta’ għarfien lingwistiku speċifiku tal-kandidati għal kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 90 iktar ’il fuq, jirriżulta li huwa l-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tivverifika li tali rekwiżiti jkunu oġġettivament iġġustifikati u proporzjonati għall-ħtiġijiet reali tas-servizz, fi kliem ieħor li dawn ma jkunux arbitrarji jew manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għan imfittex.

107    Skont il-motivazzjoni tal-avviżi kkontestati, “l-interess tas-servizz […] jeħtieġ li l-kollegi ġodda reklutati jibdew jaħdmu mal-ewwel u jistgħu jikkomunikaw b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum”. Fid-dawl tal-“prassi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ilha fir-rigward tal-lingwi użati għal komunikazzjoni interna” u “filwaqt li jiġu kkunsidrati […] [l]-ħtiġijiet tas-servizzi dwar il-komunikazzjoni esterna u l-immaniġġar tal-fajls”, ġie konkluż li t-tliet lingwi hawn fuq imsemmija “jibqgħu l-aktar lingwi użati”.

108    Sussegwentement, ġie kkonstatat li dawn it-tliet lingwi “huma t-tieni lingwa l-aktar magħżula mill-kandidati tal-kompetizzjonijiet fejn għandhom għażla ħielsa”. Skont l-avviżi kkontestati, “[d]an jikkonferma l-istandards edukattivi u professjonali attwali, fejn il-kandidati għal dmirijiet tal-Unjoni Ewropea jistgħu jitqiesu li jafu tajjeb ħafna tal-inqas waħda minn dawn il-lingwi”. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ġie konkluż li, “meta wieħed jibbilanċja l-interess tas-servizz u l-ħtiġijiet u l-ħiliet tal-kandidati billi jiġi kkunsidrat ukoll il-qasam partikolari ta’ din il-kompetizzjoni, ikun ġust li jiġu organizzati testijiet f’dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi żgurat li, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, il-kandidati kollha jkunu jafu tajjeb ħafna minn tal-inqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali fil-livell ta’ xogħol”.

109    Jidher li l-kunsiderazzjoni li “[l-]valutazzjoni ta’ ħiliet speċifiċi […] tippermetti lill-Istituzzjonijiet biex jevalwaw l-abilità tal-kandidati sabiex jaħdmu immedjatament f’ambjent li jaqbel mar-realtà li jsibu fl-impjieg” saret sabiex tiġġustifika l-organizzazzjoni ta’ ċerti testijiet fit-tieni lingwa, magħżula minn kull kandidat minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż. Ir-rekwiżit li l-kandidati li jagħżlu waħda minn dawn it-tliet lingwi bħala l-ewwel lingwa għandhom, xorta waħda, jagħmlu dawn it-testijiet f’lingwa oħra minn dawn it-tliet lingwi, li huma jkunu għażlu bħala t-tieni lingwa, huwa spjegat minn “għan ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

110    L-affermazzjoni li t-tliet lingwi hawn fuq imsemmija “jibqgħu l-aktar lingwi użati” fid-dawl, partikolarment, tal-prassi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ilha fir-rigward tal-lingwi użati għal komunikazzjoni interna”, tassumi pożizzjoni prinċipali f’dan ir-raġunament. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din hija affermazzjoni vaga li ma hijiex ikkompletata minn indikazzjonijiet konkreti.

111    Fil-fatt, din l-allegata prassi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-lingwi ta’ komunikazzjoni ma hija bl-ebda mod spjegata. B’mod partikolari, ma huwiex speċifikat jekk din timplikax l-użu parallel ta’ dawn it-tliet lingwi bħala lingwi ta’ komunikazzjoni interna fis-servizzi kollha tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati mill-avviżi kkontestati, jew jekk, pjuttost, ċerti servizzi jużawx waħda minn dawn il-lingwi u oħrajn jużaw oħra. F’dan il-każ tal-aħħar, ikun hemm riskju li s-servizzi li jistgħu jkunu ta’ interess għall-kandidati li jkunu għaddew mill-kompetizzjonijiet inkwistjoni ma jużawx waħda jew l-oħra mit-tliet lingwi hawn fuq imsemmija bħala lingwa ta’ komunikazzjoni interna, u dan iqiegħed f’dubju n-natura raġonevoli u proporzjonata tal-limitazzjoni, għal dawn it-tliet lingwi, tal-għażla tat-tieni lingwa għall-kandidati għall-kompetizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, f’tali każ, jew ċerti kandidati, minkejja li jkunu għaddew mill-kompetizzjoni, ma jiġux irreklutati, jew is-servizzi kkonċernati jkunu obbligati li jirreklutaw, parzjalment, kandidati li ma jkollhomx għarfien tal-lingwa ta’ komunikazzjoni interna, f’liema każ tqum leġittimament il-kwistjoni dwar is-sens u l-utilità tal-limitazzjoni hawn fuq imsemmija.

112    Il-Kummissjoni pprovdiet, fid-dokumenti tagħha, ċerti speċifikazzjonijiet f’dan ir-rigward u pproduċiet provi addizzjonali. Madankollu, l-eżami tagħhom ma jwassalx għat-tneħħija tad-dubji serji mqajma mill-affermazzjonijiet hawn fuq indikati tal-avviżi kkontestati.

113    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma “t-tliet lingwi prinċipali tad-deliberazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni”. Fil-fehma tagħha, din is-sitwazzjoni kienet ikkaratterizzata mill-użu inizjali tal-Franċiż u tal-Ġermaniż u ġiet arrikkita, mill-1973, bl-introduzzjoni tal-Ingliż. Hija żżid li l-lingwa tradizzjonali tal-qrati fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija l-Franċiż, filwaqt li l-Ingliż huwa “l-lingwa tax-xogħol l-iktar mifruxa fl-aġenziji”. Dan l-istat ta’ fatt huwa kkonfermat, partikolarment, mis-sistema lingwistika tal-Kumitat ta’ Rappreżentanti Permanenti (Coreper), li huwa responsabbli, konformement mal-Artikolu 16(7) TUE, sabiex iħejji l-ħidma tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

114    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni ta’ kopji ta’ ċerta posta elettronika, prodotti fil-Kawża T‑124/13 sabiex turi li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi funzjonali użati mill-Istati Membri fi ħdan il-Coreper, il-Kummissjoni ma pproduċietx provi oħra insostenn tal-allegazzjonijiet hawn fuq riprodotti.

115    Fin-nuqqas ta’ tali elementi, l-affermazzjoni, vaga u ġenerali, li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi “prinċipali” tad-deliberazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tistax tintlaqa’. Il-Kummissjoni stess taċċetta li l-unika lingwa ta’ deliberazzjonijiet tal-qrati kollha li jikkostitwixxu l-Qorti tal-Ġustizzja hija, tradizzjonalment, il-Franċiż. Barra minn hekk, huwa magħruf sewwa li l-membri tal-Parlament Ewropew jesprimu ruħhom, f’seduta plenarja jew ta’ kumitat, bil-lingwi uffiċjali kollha. L-istess jingħad fir-rigward tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, miġbura fi ħdan il-Kunsill.

116    Barra minn hekk, anki jekk jiġi aċċettat li, kif il-Kummissjoni tafferma, it-tliet lingwi hawn fuq imsemmija huma l-“lingwi funzjonali” użati fi ħdan il-Coreper (li, barra minn hekk, ġie kkontestat mir-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑124/13), tali fatt ma huwiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Fil-fatt, minn ebda element tal-proċess ma jirriżulta u lanqas ma huwa pretiż mill-Kummissjoni li hemm xi rabta bejn l-attivitajiet tal-Coreper u l-funzjonijiet li l-kandidati għall-kompetizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jeżerċitaw, jekk huma jgħaddu minn dawn il-kompetizzjonijiet u jiġu rreklutati.

117    Din il-kunsiderazzjoni hija valida, b’mod iktar ġenerali, għal kull argument li jista’ jkun hemm ibbażat fuq l-użu ta’ lingwa jew diversi lingwi bħala “lingwi tad-deliberazzjoni” ta’ istituzzjoni tal-Unjoni: anki jekk jitqies li l-membri ta’ istituzzjoni partikolari jużaw biss lingwa jew ċerti lingwi fid-deliberazzjonijiet tagħhom, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr spjegazzjoni ulterjuri, li uffiċjal irreklutat ġdid, li ma jkollux għarfien ta’ dawn il-lingwi, ma jkunx kapaċi jipprovdi immedjatament xogħol utli lill-istituzzjoni inkwistjoni.

118    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma t-tliet lingwi li fihom it-total kważi kollu tad-dokumenti huwa tradott mid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni tagħha. Il-Kummissjoni tipproduċi, insostenn ta’ din l-affermazzjoni, statistika dwar il-lingwi sors u l-lingwi mixtieqa ta’ testi tradotti bejn is-sena 2000 u s-sena 2012. Fil-fehma tagħha, minn din l-istatistika jista’ jiġi dedott b’mod ċar li t-tliet lingwi inkwistjoni huma l-lingwi l-iktar mitluba mis-servizzi tagħha fit-talbiet ta’ traduzzjoni ta’ dokumenti, kemm bħala lingwa sors, fil-każ tat-traduzzjoni għal użu intern ta’ dokument estern, kif ukoll bħala lingwa mixtieqa, fil-każ ta’ dokumenti interni intiżi għal użu estern.

119    Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, sa fejn din l-istatistika tikkonċerna biss lill-Kummissjoni, ir-rilevanza tagħha hija mnaqqsa. Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li s-sitwazzjoni hija l-istess fir-rigward tal-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati mill-avviżi kkontestati.

120    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tiżbalja meta titlaq mill-premessa li l-istatistika dwar il-lingwa sors ta’ dokument tradott ma tkoprix dokumenti esterni, tradotti bl-iskop ta’ użu intern u li, inversament, l-istatistika dwar il-lingwa mixtieqa ta’ dokumenti tradotti tkopri biss dokumenti interni, intiżi għal użu estern. L-istatistika li hija tinvoka tikklassifika n-numri ta’ paġni tradotti skont il-lingwa tad-dokument oriġinali (lingwa sors) jew il-lingwa li fiha t-traduzzjoni tkun saret (lingwa mixtieqa), mingħajr ma tiddistingwi bejn it-traduzzjonijiet intiżi għal użu intern jew estern.

121    Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi identifikat il-proporzjon mit-testi kkunsidrati f’din l-istatistika, li huwa ta’ oriġini interna, maħsub għal użu intern, jew rilevanti għall-oqsma koperti mill-avviżi kkontestati. Issa, jekk proporzjon għoli ta’ paġni tradotti huwa ta’ oriġini esterna, ir-rilevanza tal-istatistika relatata mal-lingwa sors tad-dokumenti tradotti, għad-determinazzjoni tal-lingwi interni ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni, hija dubjuża. Barra minn hekk, peress li ma saret ebda distinzjoni fir-rigward tas-servizzi li għalihom kull traduzzjoni hija intiża, kwalunkwe konklużjonijiet li jsiru minn din l-istatistika, fir-rigward tal-użu tal-lingwi fi ħdan il-Kummissjoni meqjus fit-totalità tiegħu, ma jirriflettux neċessarjament is-sitwazzjoni fi ħdan is-servizzi partikolari tagħha li jistgħu jkunu kkonċernati mill-oqsma previsti mill-avviżi kkontestati.

122    Fi kwalunkwe każ, l-istatistika prodotta mill-Kummissjoni ma tistax issostni l-affermazzjonijiet tagħha, li jirriflettu lil dawk li jidhru wkoll fl-avviżi kkontestati.

123    Fir-rigward tal-istatistika marbuta mal-lingwa sors ta’ dokumenti tradotti, minkejja li dawn ċertament juru li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jinsabu fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet post, rispettivament, bħala lingwa sors ta’ paġni tradotti, id-differenza bejn dawn it-tliet lingwi hija kunsiderevoli.

124    B’hekk, fl-2012, it-testi Ingliżi kienu jirrappreżentaw 77.06 % tat-testi tradotti, kontra 5.20 % għall-Franċiż u 2.90 % għall-Ġermaniż. Is-sitwazzjoni kienet ferm simili fl-2011, bi 80.63 % tal-paġni tradotti għall-Ingliż, 5.76 % għall-Franċiż u 2.28 % għall-Ġermaniż. Bejn l-2000 u l-2012, il-proporzjon tal-Ingliż żdied b’mod kunsiderevoli (dan tela’ minn 55.08 għal 77.06 %), dak tal-Franċiż naqas sostanzjalment (dan niżel minn 32.49 għal 5.20 %), filwaqt li, fil-każ tal-Ġermaniż, kien hemm, ukoll, tnaqqis (minn 4.08 għal 2.90 %). Għandu jiġi kkonstatat ukoll li d-differenza bejn il-Ġermaniż u t-Taljan, li, ħlief fl-2012, kien jinsab fir-raba’ post, ma hijiex kunsiderevoli. Il-proporzjonijiet rispettivi tagħhom kienu ta’ 2.24 % kontra 2.06 % fl-2010 u ta’ 2.28 % kontra 1.49 % fl-2011. Fl-2012, kienu l-Ispanjol u l-Grieg li kienu jinsabu fir-raba’ post, b’1.61 % tal-paġni tradotti, kontra 2.90 % għall-Ġermaniż.

125    Fir-rigward tal-istatistika marbuta mal-lingwi mixtieqa tat-testi tradotti, huwa veru li l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jokkupaw, rispettivament, l-ewwel tliet pożizzjonijiet fl-istatistika l-iktar riċenti (2011 u 2012). Madankollu, id-differenza bejn in-numru ta’ paġni tradotti għal dawn it-tliet lingwi u dawk tradotti għal lingwi oħra ma hijiex sinjifikattiva ħafna. B’hekk, fl-2011, 12.31 % tal-paġni tradotti kienu għall-Ingliż, 7.92 % għall-Franċiż, 6.53 % għall-Ġermaniż, 4.27 % għat-Taljan, 4.20 % għall-Ispanjol, 4.13 % għall-Olandiż, 4.09 % għall-Portugiż u 3.94 % għall-Grieg, filwaqt li t-traduzzjonijiet għal-lingwi uffiċjali l-oħra kienu jirrappreżentaw, minbarra l-Irlandiż (0.61 % tal-paġni tradotti), f’kull każ, proporzjon ikbar minn 3.50 % tal-paġni tradotti. Għall-2012, il-proporzjonijiet tal-paġni tradotti għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż kienu, rispettivament, ta’ 14.92 %, ta’ 8.25 % u ta’ 6.47 %, kontra 4.40 % għat-Taljan u 4.26 % għall-Ispanjol, filwaqt li t-traduzzjonijiet għal-lingwi uffiċjali l-oħra kollha kienu jirrappreżentaw (minbarra l-Irlandiż, 0.41 % tal-paġni tradotti), f’kull każ, mill-inqas 3.35 % tal-paġni tradotti. Din l-istatistika ma tippermettix li jiġi konkluż li kandidat li għadda mill-kompetizzjoni inkwistjoni li għandu għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż, tal-Franċiż jew tal-Ġermaniż ikun jista’ jaħdem b’mod sħiħ sa mill-ewwel jum tar-reklutaġġ tiegħu, filwaqt li kandidat li jkollu għarfien tal-inqas sodisfaċenti ta’ żewġ lingwi uffiċjali oħra ma jkunx.

126    Ċertament, minn din l-istatistika jirriżulta li proporzjon kbir ħafna ta’ paġni tradotti ġej minn dokumenti oriġinali redatti bl-Ingliż (lingwa sors). Madankollu, l-avviżi kkontestati ma jirrikjedux biss għarfien sodisfaċenti tal-Ingliż. Kandidat li ma għandux għarfien sodisfaċenti ta’ din il-lingwa jista’ jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet previsti minn dawn l-avviżi, jekk ikollu tal-inqas għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż jew tal-Franċiż. Kif ġie rrilevat, kull waħda minn dawn iż-żewġ lingwi tirrappreżenta, kemm bħala lingwa sors kif ukoll bħala lingwa mixtieqa, proporzjon relattivament żgħir ta’ paġni tradotti mis-servizzi tal-Kummissjoni. Jekk kandidat li jkollu għarfien biss ta’ waħda minn dawn iż-żewġ lingwi, bħala t-tieni lingwa, jista’ jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet inkwistjoni, ma jidhirx li huwa ġustifikat li jiġu esklużi kandidati potenzjali li jkollhom għarfien ta’ lingwi oħra uffiċjali.

127    It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni, fil-Kawża T‑124/13, li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi l-iktar mitkellma mill-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha. Sabiex tipprova din l-affermazzjoni, hija tipproduċi tabella, li hija estratta mis-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ informazzjoni personali tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha, li ntbagħtet ukoll, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Marzu 2013 tad-Direttur Ġenerali tal-Persunal tal-Kummissjoni, lir-Repubblika Taljana. Skont il-Kummissjoni, minn din it-tabella jirriżulta li l-Franċiż, il-Ġermaniż u, imbagħad, l-Ingliż huma l-iktar lingwi indikati mill-uffiċjali u l-membri tal-persunal tagħha bħala lingwa prinċipali, segwiti mill-Olandiż u t-Taljan.

128    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-riżervi hawn fuq esposti fir-rigward tal-fatt li l-istatistika relatata mat-testi tradotti tikkonċerna biss lill-Kummissjoni japplikaw ukoll fir-rigward ta’ din it-tabella, li tipprevedi biss lill-persunal tal-Kummissjoni.

129    Sussegwentement, u indipendentement ukoll minn dan il-fatt, għandu jiġi kkonstatat li din it-tabella tiġbor fiha l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni skont il-lingwa prinċipali tagħhom, jiġifieri, evidentement, il-lingwa materna tagħhom. Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, din it-tabella ma tippermetti li tiġi dedotta ebda konklużjoni utli fir-rigward tal-lingwi mitkellma mill-uffiċjali tagħha, peress li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni għandu jkollhom għarfien, b’mod sodisfaċenti, minbarra l-lingwa materna tagħhom, tal-inqas ta’ lingwa oħra, kif jeżiġi l-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).

130    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni taqra ħażin din it-tabella, sa fejn tafferma li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li għandhom l-Ingliż bħala lingwa prinċipali (9.1 %) jikkostitwixxu it-tielet l-ikbar grupp, wara dawk li għandhom il-Franċiż (26.9 % tat-total) u l-Ġermaniż (11.1 % tat-total) bħala lingwi prinċipali. Fir-realtà, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li għandhom l-Ingliż bħala lingwa prinċipali jinsabu fir-raba’ post, ippreċeduti wkoll minn dawk li għandhom l-Olandiż bħala lingwa prinċipali (9.2 % tat-total). L-uffiċjali u l-membri tal-persunal li għandhom it-Taljan bħala lingwa prinċipali (9 % tat-total) jinsabu fil-ħames post, segwiti minn dawk li għandhom l-Ispanjol (6.8 %), il-Grieg (4 % tat-total) u l-Pollakk (4 % tat-total) bħala lingwi prinċipali.

131    Għalhekk, dawn iċ-ċifri ma jistgħux jiġġustifikaw, anki għall-Kummissjoni biss, rekwiżit bħal dak li jidher fl-avviżi kkontestati, li jipprovdi li uffiċjal jew membru tal-persunal irreklutat ġdid għandu jkollu għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż. Fl-aħjar każ, dak ta’ kandidat għall-kompetizzjoni li għandu għarfien sodisfaċenti tal-Franċiż, din tkun lingwa li hija l-lingwa prinċipali ta’ madwar kwart tal-uffiċjali jew membri tal-persunal tal-Kummissjoni. Fil-każijiet taż-żewġ lingwi l-oħra kkonċernati (il-Ġermaniż u l-Ingliż), dawn jirrigwardaw il-lingwa prinċipali ta’ madwar uffiċjal jew membru tal-persunal minn għaxra fi ħdan il-Kummissjoni. Għalhekk, xejn ma jippermetti li jiġu identifikati r-raġunijiet li għalihom tali għarfien għandu jitqies indispensabbli għal uffiċjal jew membru tal-persunal irreklutat ġdid, tant iktar li għarfien analogu ta’ lingwi oħra, partikolarment tat-Taljan, li jikkostitwixxu lingwi prinċipali ta’ gruppi paragunabbli ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal, ma jiġix rikjest.

132    Il-Kummissjoni pproduċiet, bħala anness mal-kontroreplika tagħha fl-istess kawża, tabella oħra li turi t-tqassim tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tagħha skont in-nazzjonalità u t-tieni lingwa tagħhom. Din it-tabella tinkludi wkoll linja li tindika l-“medja” għal kull lingwa, li hija 56.4 % għall-Ingliż, 19.8 % għall-Franċiż, 5.5 % għall-Ġermaniż, 2.2 % għall-Olandiż, 2 % għat-Taljan u 1.6 % għall-Ispanjol, il-medja għal-lingwi uffiċjali l-oħra kollha kienet inqas minn 1 % għal kull lingwa. “Medja” ta’ 11.5 % hija indikata għall-kolonna “n/a” li, skont l-ispjegazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni fis-seduta, tiġbor fiha membri tal-persunal tagħha li ma ddikjarawx it-tieni lingwa tagħhom.

133    Għal darba oħra, anki jekk wieħed jillimita ruħu għall-każ tal-Kummissjoni, id-data indikata f’din it-tabella ma tistax tiġġustifika rekwiżit fir-rigward tal-għarfien lingwistiku tal-kandidati f’kompetizzjonijiet bħalma hija dik inkwistjoni fil-każ ineżami. Qabelxejn, din it-tabella tqis biss it-tieni lingwa ddikjarata minn kull uffiċjal u ma tagħtix, għalhekk, stampa preċiża ħafna tal-għarfien lingwistiku tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni. Fil-fatt, sabiex wieħed ikun jaf kemm minnhom għandhom għarfien tal-inqas sodisfaċenti, pereżempju, tal-Ingliż, jeħtieġ ukoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm dawk li għandhom l-Ingliż bħala l-lingwa prinċipali kif ukoll dawk li għalihom l-Ingliż huwa t-tielet jew ir-raba’ lingwa (u mhux biss it-tieni lingwa), peress li ma jistax jiġi eskluż li uffiċjal jew membru tal-persunal ikollu għarfien sodisfaċenti ta’ iktar minn żewġ lingwi.

134    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-perċentwali indikati għall-Ingliż u, fi grad inqas, il-Franċiż, jistgħu jiġġustifikaw rekwiżit li jipprovdi li l-kandidati li jixtiequ jiksbu post fil-Kummissjoni għandu jkollhom għarfien sodisfaċenti ta’ waħda minn dawn iż-żewġ lingwi, id-data indikata f’din it-tabella ma tistax tiġġustifika l-inklużjoni, fost il-lingwi li l-għarfien tagħhom huwa rikjest, tal-Ġermaniż, jiġifieri ta’ lingwa li hija l-lingwa prinċipali ta’ madwar uffiċjal minn għaxra u li hija ddikjarata bħala t-tieni lingwa biss minn 5.5 % tal-uffiċjali tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ladarba l-Ġermaniż huwa inkluż, ma jidhirx li l-inklużjoni tat-Taljan, tal-Ispanjol jew ukoll tal-Olandiż hija irraġonevoli, inkwantu l-perċentwali indikati għal kull waħda minn dawn it-tliet lingwi ma humiex ’il bogħod wisq minn dawk indikati għall-Ġermaniż.

135    Fil-fatt, limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għal kompetizzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali ma tistax titqies oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata meta jidhru, fost dawn il-lingwi, minbarra lingwa li l-għarfien tagħha huwa mixtieq jew neċessarju, lingwi oħra li ma jagħtu ebda vantaġġ partikolari. Jekk wieħed jaċċetta, bħala alternattiva għal-lingwa unika li l-għarfien tagħha jikkostitwixxi vantaġġ għal uffiċjal irreklutat ġdid, lingwi oħra li l-għarfien tagħhom ma jikkostitwixxix vantaġġ, ma hemm l-ebda raġuni valida sabiex ma jiġux aċċettati wkoll il-lingwi uffiċjali l-oħra.

136    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi l-iktar studjati u mitkellma, bħala lingwi barranin, fl-Istati Membri tal-Unjoni. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, hija tipproduċi rapport tal-Eurostat, ippubblikat fi Statistics in Focus Nru 49/2010, li jikkonkludi, minn naħa, li l-Ingliż huwa “bil-bosta l-lingwa barranija l-iktar studjata [fl-Ewropa] fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, segwit mill-Franċiż, mill-Ġermaniż, mir-Russu u, fi grad inqas, mill-Ispanjol” u, min-naħa l-oħra, li l-“lingwa barranija l-iktar magħrufa [fl-Ewropa] bil-bosta hija pperċepita li hija l-Ingliż, segwita mill-Ġermaniż, mir-Russu, mill-Franċiż u mill-Spanjol”.

137    Din l-istatistika tirreferi għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u ma jistax jiġi preżunt li din tirrifletti korrettement l-għarfien lingwistiku tal-uffiċjali tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, l-unika ħaġa li din l-istatistika tista’ turi hija li n-numru ta’ kandidati potenzjali li huma affettwati b’mod negattiv bil-limitazzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż tal-lingwi li jistgħu jintgħażlu bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjonijiet previsti mill-avviżi kkontestati huwa inqas sinjifikattiv milli jkun li kieku din l-għażla kellha tiġi limitata għal lingwi oħra. Issa, dan il-fatt ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-limitazzjoni inkwistjoni ma hijiex diskriminatorja, peress li n-numru possibbilment limitat ta’ persuni affettwati b’mod negattiv ma jistax jikkostitwixxi argument validu f’dan ir-rigward (ara l-punt 96 iktar ’il fuq).

138    Barra minn hekk, dawn ir-riżultati jistgħu juru n-natura proporzjonata tal-limitazzjoni inkwistjoni, li kieku rriżulta li hija kienet tirrifletti l-interess tas-servizz. Issa, il-Kummissjoni baqgħet, preċiżament, inadempjenti milli tipprova li din il-kundizzjoni tal-aħħar kienet issodisfatta.

139    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma applikabbli wkoll fir-rigward tal-provi invokati mill-Kummissjoni sabiex turi li, meta l-kandidati għall-kompetizzjoni ma kinux limitati fl-għażla tagħhom tat-tieni lingwa, il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż kienu l-lingwi l-iktar magħżula. Il-fatt li n-numru ta’ kandidati li huma preklużi milli jagħżlu lingwa oħra bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni huwa, possibbilment, ridott, ma jfissirx li dawn il-kandidati ma jsostnux diskriminazzjoni.

140    Il-ħames nett, fil-kontroreplika tagħha fil-Kawża T‑124/13, il-Kummissjoni ssostni li l-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjonijiet tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni wettaq l-istudji neċessarji sabiex jevalwa jekk il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż setgħux jitqiesu bħala l-lingwi l-iktar rappreżentattivi fost dawk użati fis-servizzi tal-istituzzjonijiet. Hija żżid li dan il-kulleġġ ikkonstata l-eżistenza ta’ ftehim dwar l-orjentazzjoni ġenerali dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-EPSO.

141    Il-Kummissjoni pproduċiet ittra tal-President ta’ dan il-kulleġġ, tal-10 ta’ Ġunju 2013, li minnha jirriżulta li l-kulleġġ ikkonstata ftehim tal-kapijiet tal-amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġi approvat proġett ta’ orjentazzjoni ġenerali dwar l-użu tal-lingwi fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-EPSO, bl-eċċezzjoni tar-riżerva li saret mir-rappreżentant tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ddikjara li kien qiegħed jastjeni milli jieħu pożizzjoni. Hija pproduċiet ukoll it-test tal-orjentazzjoni prevista minn dan il-ftehim.

142    Dawn l-elementi, li huma wkoll sussegwenti għall-avviżi kkontestati u għall-preżentata tar-rikorsi, ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq. L-orjentazzjoni approvata mill-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni ma ssemmi ebda element fattwali ġdid, fid-dawl ta’ dawk diġà analizzati iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-Kummissjoni nfisha ssostni li d-data li l-kapijiet tal-amministrazzjoni eżaminaw “tikkoinċidi ħafna” ma’ dik prodotta mill-Kummissjoni bħala anness mar-risposta tagħha. Issa, għar-raġunijiet indikati iktar ’il fuq, din id-data ma tistax tiġġustifika l-affermazzjonijiet dwar l-użu tal-lingwi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li jidhru fil-motivazzjoni tal-avviżi kkontestati jew li tressqu mill-Kummissjoni fid-dokumenti tagħha. Il-fatt li l-kapijiet tal-amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-rappreżentant tal-Qorti tal-Ġustizzja li astjena, waslu għal konklużjoni differenti, huwa irrilevanti.

143    Is-sitt nett, finalment, il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa stipulata mill-avviżi kkontestati hija ġġustifikata min-natura tat-testijiet. B’mod partikolari, il-fażi tal-“Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” teżiġi, sabiex issir evalwazzjoni omoġenja tal-kandidati u tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni tagħhom mal-parteċipanti l-oħra fil-kompetizzjoni u mal-Bord tal-Għażla, li jiġi żgurat li dawn it-testijiet isiru f’lingwa funzjonali.

144    Huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, bi tweġiba għal dan l-argument, li tali ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni inkwistjoni ma tressqitx fil-motivazzjoni tal-avviżi kkontestati. Issa, ma jistax jiġi konkluż li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa, li tirriżulta mill-avviżi kkontestati, hija ġġustifikata għal raġunijiet differenti minn dawk invokati f’dawn l-istess avviżi. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud.

145    Għalhekk, għar-raġunijiet kollha indikati iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-limitazzjoni, fl-avviżi kkontestati, għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż, tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għall-kompetizzjonijiet previsti minn dawn l-avviżi, la hija oġġettivament iġġustifikata lanqas proporzjonata mal-għan intiż, li, skont il-Kummissjoni, huwa dak li jiġu rreklutati uffiċjali u membri tal-persunal li jkunu jistgħu jaħdmu immedjatament.

146    Fil-fatt, ma huwiex suffiċjenti li l-prinċipju ta’ tali limitazzjoni jiġi difiż billi jsir riferiment għan-numru kbir ta’ lingwi rrikonoxxuti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 bħala lingwi uffiċjali u ta’ ħidma tal-Unjoni u għan-neċessità li tirriżulta minn dan sabiex issir għażla ta’ numru iktar ristrett ta’ lingwi, jew lingwa waħda, bħala lingwi ta’ komunikazzjoni interna jew “lingwi funzjonali”. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għall-għażla ta’ lingwa waħda jew ta’ diversi lingwi speċifiċi, bl-esklużjoni tal-lingwi l-oħra kollha.

147    Huwa preċiżament dan li kemm l-EPSO, awtur tal-avviżi kkontestati, kif ukoll il-Kummissjoni, konvenuta quddiem il-Qorti Ġenerali, baqgħu ma wettqux. Ma hemm xejn fid-data pprovduta mill-Kummissjoni li juri li uffiċjal irreklutat ġdid, li jkollu għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż, ikun jista’ jaħdem immedjatament, filwaqt li kandidat li jkollu għarfien tal-inqas sodisfaċenti ta’ żewġ lingwi uffiċjali oħra, ma jkunx jista’ jagħmel dan.

148    Konsegwentement, it-tielet u s-seba’ motivi mqajma mir-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑124/13 kif ukoll it-tieni motiv invokat mir-Renju ta’ Spanja fil-Kawża T‑191/13 għandhom jintlaqgħu u, mingħajr ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra li għadhom ma ġewx eżaminati, l-avviżi kkontestati għandhom jiġu annullati wkoll sa fejn dawn jillimitaw għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż l-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati.

149    Barra minn hekk, fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma hemmx ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar il-kontestazzjoni, mir-Renju ta’ Spanja fil-Kawża T‑191/13, tal-legalità tal-użu tat-tieni lingwa, magħżula minn kull kandidat għall-kompetizzjoni prevista mill-avviż EPSO/AD/248/13 minn fost il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż, għal ċerti testijiet tal-aħħar stadju ta’ din il-kompetizzjoni.

150    Fil-fatt, il-konklużjoni li l-avviż ta’ kompetizzjoni inkwistjoni, sa fejn dan jillimita l-għażla tat-tieni lingwa mill-kandidati, huwa vvizzjat minn illegalità, timplika wkoll, u neċessarjament, l-illegalità tal-limitazzjoni tal-lingwa li tista’ tintuża għal ċerti testijiet tal-aħħar stadju tal-kompetizzjoni, b’mod li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, l-eżami tal-legalità ta’ dan it-tielet aspett tal-avviż EPSO/AD/248/13, ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja, jiġi mingħajr skop.

151    Finalment, wara li semgħet lill-partijiet fis-seduta fil-Kawża T‑124/13, li ma qajmu ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li ma hemmx lok li r-riżultati tal-kompetizzjonijiet previsti mill-avviżi kkontestati jitqiegħdu f’dubju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2012:752, punt 103, u tas-16 ta’ Ottubru 2013, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑248/10, EU:T:2013:534, punti 45 sa 51).

 Fuq l-ispejjeż

152    Skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑124/13 u dawk sostnuti mir-Renju ta’ Spanja fil-Kawża T‑191/13, konformement mat-talbiet ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.

153    Ir-Renju ta’ Spanja, intervenjent fil-Kawża T‑124/13, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu marbuta ma’ dan l-intervent, konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑124/13 u T‑191/13 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      L-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/125/12, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti fl-oqsma tal-verifika, tal-kontabbiltà u tal-finanzi, u tal-ekonomija u tal-istatistika, l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/126/12, sabiex tinħoloq lista’ ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ assistenti fl-oqsma tal-bijoloġija, tax-xjenzi tal-ħajja u tas-saħħa, tal-kimika, tal-fiżika u tax-xjenzi tal-materjali, tar-riċerka nukleari, tal-inġinerija elettrika u elettronika kif ukoll l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/248/13, sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi (AD 6) fl-oqsma tas-sigurtà tal-bini u tal-inġinerija u tekniki speċjali tal-bini, huma annullati.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑124/13 u dawk sostnuti mir-Renju ta’ Spanja fil-Kawża T‑191/13.

4)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu marbuta mal-intervent tiegħu fil-Kawża T-124/13.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwi tal-kawża: it-Taljan u l-Ispanjol.