Language of document : ECLI:EU:C:2011:573

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Settembru 2011 (*)

“Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2(5), 4(1) u 6(1) – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta mal-età – Piloti tal-linji tal-ajru – Ftehim kollettiv – Klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol mas-60 sena”

Fil-Kawża C-447/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, ippreżentata mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2009, fil‑proċedura

Reinhard Prigge,

Michael Fromm,

Volker Lambach

vs

Deutsche Lufthansa AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, P. Lindh (Relatur), M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal R. Prigge, M. Fromm u V. Lambach minn E. Helmig u J. Rodríguez Nieto, avukati,

–        għal Deutsche Lufthansa AG, minn K. Streichardt u C. Kremser‑Wolf, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn D. Keane, SC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(5), 4(1) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, R. Prigge, M. Fromm u V. Lambach, u min-naħa l-oħra, min jimpjegahom, Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Deutsche Lufthansa”) dwar it-terminazzjoni ipso jure tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom malli jagħlqu s-60 sena b’applikazzjoni ta’ klawżola ta’ ftehim kollettiv.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-iskop li tistabbilixxi parametru ġenerali sabiex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplementa, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

4        Il-premessi 23, 25 u 36 ta’ din id-direttiva jistabbilixxu:

“(23) F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. [...]

[...]

(25)      Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg [fis-sena 2000, approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999] u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.

[...]

(36)      L-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ftehim kollettiv, sakemm jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li kull ħin jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jippreċiża:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[...]

5.      Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

6        Fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, il-paragrafu 1(ċ) jippreċiża li din tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet tas-sensji.

7        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

8        L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

ċ)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

9        L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

[...]

b)      kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv [...] huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

10      L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/78 jippreċiża:

“L-Istati Membri [...] jistgħu jafdaw l-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għar-rigward ta’ dispożizzjonijet dwar ftehim kollettiv. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, l-imsieħba soċjali jintroduċu l-miżuri neċessarji bi ftehim, u l-Istati Membri kkoncernati jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex fi kwalunkwe ħin ikunu f’pożizzjoni li jigarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom minnufih. [...]

Sabiex jittieħed kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk neċessarju, jkollhom perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri total ta’ 6 snin, biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u ta’ diżabilità. F’dak il-kaz għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih. Kull Stat Membru li jagħżel li juża dan il-perijodu addizzjonali għandu kull sena jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-passi li qed jieħu biex jiġġieled id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u diżabilità u dwar il-progress li jkun qed jagħmel lejn l-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Kunsill.”

11      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu minn din il-possibbiltà, b’mod li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-età u tad-diżabbiltà kellha sseħħ f’dan l-Istat Membru sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2006.

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-professjoni ta’ pilota

 Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

12      Il-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar il-qasam tal-piloti privati, professjonali jew tal-linji tal-ajru hija żviluppata minn istituzzjoni internazzjonali, il-Joint Aviation Authorities, li fiha tipparteċipa r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Waħda minn dawn il-leġiżlazzjonijiet, il-Joint Aviation Requirements – Flight Crew Licensing 1 (iktar ’il quddiem il-“JAR‑FCL 1”) ġiet adottata fil-15 ta’ April 2003.

13      Il-JAR‑FCL 1 ġiet ippubblikata mill-Ministeru Federali għat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Akkomodazzjoni, fil-Bundesanzeiger Nru 80a, tad-29 ta’ April 2003.

14      Il-punt 1.060 tal-JAR‑FCL 1 jippreċiża:

“Restrizzjonijiet li jikkonċernaw id-detenturi ta’ liċenzja li għandhom iktar minn 60 sena:

a) 60 sa 64 sena:

id-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota li għandu iktar minn 60 sena ma jkunx jista’ jibqa’ jeżerċita l-attività ta’ pilota fuq ajruplan ta’ trasport kummerċjali ħlief:

1)      jekk huwa membru ta’ ekwipaġġ kompost minn diversi piloti

2)      u jekk l-ebda pilota ieħor ma għalaq is-60 sena.

b) 65 sena:

id-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota li għandu iktar minn 65 sena ma jistax jibqa’ jeżerċita l-attività ta’ pilota fuq ajruplan ta’ trasport kummerċjali.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15      L-Artikolu 20(2) tar-Regolament dwar il-kundizzjonijiet meħtieġa fil-qasam tal-avjazzjoni (Luftverkehrs‑Zulassungsordnung), kif emendat bid-dispożizzjonijiet ta’ dritt dwar l-ajru li jirregola l-ekwipaġġi (Verordnung zur Änderung über Anforderungen an Flugbesatzungen), tal-10 ta’ Frar 2003 (BGB1. 2003 I, p. 182) jipprovdi:

“Il-kundizzjonijiet dwar il-kwalifika professjonali u l-eżamijiet bl-għan li tinkiseb liċenzja, il-portata, inklużi l-kwalifiki, iż-żmien ta’ validità, l-estensjoni u t-tiġdid, kif ukoll il-kundizzjonijiet l-oħra dwar id-drittijiet ta’ żvilupp marbuta ma’ liċenzja jew ma’ kwalifika, huma rregolati mir-Regolament dwar il-Persunal tal-Kumpanniji tal-Ajru […]” (Verordnung über Luftfahrtpersonal).

16      L-Artikolu 4 tal-ewwel regola ta’ implementazzjoni tar-Regolament dwar il-Persunal tal-Kumpanniji tal-Ajru (Erste Durchführungsverordnung zur Verordnung über Luftfahrtpersonal) tal-15 ta’ April 2003 (Bundesanzeiger Nru. 82b, tat-3 ta’ Mejju 2003) jipprovdi:

“Wara li jkun għalaq is-60 sena u sal-età ta’ 65 sena, id-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota professjonali jew ta’ linja tal-ajru, mogħtija fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jew ta’ liċenzja miksuba b’konformità mal-Artikolu 46(5) tar-Regolament dwar il-Persunal tal-Kumpanniji tal-Ajru, jista’ wkoll jeżerċita d-drittijiet marbuta magħha f’ajruplani li l-ekwipaġġ tagħhom ikun kompost minn tal-inqas pilota għat-trasport kummerċjali tal-passiġġieri, tal-posta u/jew tal-merkanzija, limitat għat-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Wara l-età ta’ 65 sena, id-detentur ta’ liċenzja ta’ pilota ta’ ajruplan ma jistax jibqa’ jtajjar ajruplan tat-trasport kummerċjali tal-passiġġieri, tal-posta u/jew tal-merkanzija.”

 Il-ftehim kollettiv

17      Ir-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali huma rregolati mill-ftehim kollettiv ġenerali Nru 5A li jikkonċerna l-persunal tal-ajru tad-Deutsche Lufthansa, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-14 ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv Nru 5a”).

18      L-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Kollettiv Nru 5a jaqra:

“Ir-relazzjoni tax-xogħol tintemm – mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-kuntratt jiġi xolt – fi tmiem ix-xahar ta’ għeluq is-60 sena. […]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq ix-xogħol u fuq it-trattament ugwali

19      L-Artikolu 14 tal-liġi fuq ix-xogħol part-time u l-kuntratti għal żmien determinat, li jemenda u jħassar xi dispożizzjonijiet tal-liġi tax-xogħol (Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge und zur Änderung und Aufhebung arbeitsrechtlicher Bestimmungen), tal-21 ta’ Diċembru 2000 (BGB1. 2000 I, p. 1966, iktar ’il quddiem it-“TzBfG”), jipprovdi:

“(1) Jista’ jiġi konkluż kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat meta teżisti raġuni oġġettiva biex dan isir [...]”

20      Il-liġi ġenerali fuq it-trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetzt), tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGB1. 2006 I. p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”, ittrasponiet id-Direttiva 2000/78.

21      L-Artikoli 1 sa 3, 7, 8 u 10 tal-AGG jipprovdu:

“Artikolu 1 – L-għan tal-liġi

Din il-liġi għandha l-għan li tipprojbixxi jew telimina kull żvantaġġ ibbażat fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali.

Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni

(1) Bis-saħħa ta’ din il-liġi, id-diskriminazzjoni bbażati fuq waħda mir-raġunijiet indikati fl-Artikolu 1 huma illegali f’dak li jikkonċerna:

[...]

2. il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inkluż ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija, b’mod partikolari, dawk li jinsabu fi ftehim kollettiv u f’kuntratti ta’ xogħol individwali, kif ukoll fil-kuntest tal-eżekuzzjoni u tat-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol u fil-każ ta’ promozzjoni professjonali.

[...]

Artikolu 3 – Definizzjonijiet

(1)      Ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli persuna oħra li hija, kienet jew tista’ tkun f’sitwazzjoni komparabbli [...]

[...]

Artikolu 7 – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni

(1)      Il-ħaddiema ma jistgħux ikunu suġġetti għal diskriminazzjoni abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 1 [...]

(2)      Id-dispożizzjonijiet li, fi ftehim, jiksru l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fis-sens tal-paragrafu 1 huma nulli.

[...]

Artikolu 8 – Awtorizzazzjoni għal trattament differenti minħabba ħtiġiet professjonali

(1)      Differenza fit-trattament għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 hija permessa meta, minħabba n-natura tal-attività professjonali jew tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, il-karatteristika inkwistjoni tikkostitwixxi ħtieġa professjonali essenzjali u determinanti, sakemm l-għan tagħha jkun leġittimu u l-ħtieġa tkun proporzjonata.

[...]

Artikolu 10 – Awtorizzazzjoni għal trattament differenti abbażi tal-età

(1)      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, differenza ta’ trattament abbażi tal-età hija awtorizzata wkoll meta din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu. Il-mezzi użati sabiex jitwettaq dan il-għan jistgħu b’mod partikolari jinkludu

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

22      R. Prigge, M. Fromm u V. Lambach kienu impjegati għal bosta snin minn Deutsche Lufthansa bħala piloti u sussegwentement bħala kaptani.

23      Il-kuntratti tax-xogħol tagħhom itterminaw rispettivament fl-2006 u fl-2007, meta dawn għalqu s-60 sena, b’applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Kollettiv Nru 5a.

24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jqisu li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età, kuntrarja għad-Direttiva 2000/78 u l-AGG, talbu lill-Arbeitsgericht Frankfurt am Main sabiex din tikkonstata li r-relazzjonjiet ta’ xogħol tagħhom ma’ Deutsche Lufthansa ma kinux itterminaw fi tmiem ix-xahar li matul tiegħu huma għalqu s-60 sena tagħhom u sabiex hija tordna t-tkomplija tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom.

25      L-Arbeitsgericht Frankfurt am Main ċaħdet ir-rikors tagħhom u l-Landesarbeitsgericht Hessen ċaħdet l-appell tagħhom. Għalhekk, ir-rikorrenti ressqu rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesarbeitsgericht.

26      Din il-qorti tesponi li, sad-dħul fis-seħħ tal-AGG, hija qieset id-dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Kollettiv Nru 5a, bħala validi. Fil-fatt, sa fejn l-Artikolu 14(1), tat-TzBfG jippermetti li t-tul tal-kuntratt tax-xogħol jiġi limitat meta jkun hemm raġuni oġġettiva sabiex dan iseħħ, hija qieset li limitu dwar l-età previst fi ftehim kollettiv jista’ wkoll ikun iġġustifikat minn raġuni oġġettiva, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 14(1).

27      Il-Bundesarbeitsgericht tqis li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija tal-imsieħba soċjali u tal-libertà li huma għandhom fl-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva tagħhom, dawn jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jillimitaw it-tul taż-żmien tal-kuntratti tax-xogħol billi jistabbilixxu limitu fuq il-bażi tal-età. Madankollu, billi din is-setgħa leġiżlattiva hija kkondiviża flimkien mal-Istat, dan tal-aħħar impona li din il-limitazzjoni tat-tul taż-żmien tal-kuntratti ta’ xogħol għandha tkun iġġustifikata minn raġuni oġġettiva. Għaldaqstant, l-imsieħba soċjali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni għad-definizzjoni ta’ din ir-raġuni oġġettiva. Minn dawn il-prinċipji jirriżulta li l-iffissar ta’ 60 sena bħala l-età limitu għall-piloti tad-Deutsche Lufthansa kien jaqa’ taħt il-kompetenza tal-imsieħba soċjali.

28      Minbarra l-ipoteżi li fiha l-età limitu hija bbażata fuq il-possibbiltà għall-impjegat li jikseb pensjoni tal-irtirar, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-limitazzjoni tat-tul taż-żmien tal-kuntratt tax-xogħol minħabba l-età tal-impjegat hija biss iġġustifikata meta, minħabba l-attività eżerċitata minnu, il-qbiż ta’ ċertu età toħloq riskju. Din il-kundizzjoni tkun sodisfatta f’dak li jikkonċerna l-piloti. L-età limitu għall-piloti tiżgura mhux biss l-eżerċizzju korrett tal-attività, iżda wkoll il-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-ekwipaġġ, tal-passiġġiera u tal-persuni li jgħixu fir-reġjuni li jtir minn fuqhom l-ajruplan. L-età hija oġġettivament marbuta mat-tnaqqis tal-kapaċitajiet fiżiċi.

29      Il-fatt li l-leġiżlazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali kif ukoll ftehim kollettivi oħra ma jipprojbixxux totalment, iżda jillimitaw biss l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni ta’ pilota wara s-60 sena, jikkonferma l-idea li l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni wara din l-età joħloq riskju. Billi jistabbilixxu l-età limitu ta’ 60 sena, l-imsieħba soċjali jkunu baqgħu fil-limiti tas-setgħa leġiżlattiva tagħhom.

30      Il-Bundesarbeitsgericht tqis li l-fatt li ftehim kollettivi oħra li jirregolaw il-piloti ta’ kumpanniji oħra tal-grupp li taħtu taqa’ d-Deutsche Lufthansa ma jipprovdux għal età limitu ta’ 60 sena ma jippreġudikax il-prinċipju ta’ ugwaljanza. Fil-fatt, dawn il-ftehim l-oħra kienu ġew negozjati minn imsieħba soċjali differenti u għal impriżi differenti.

31      Il-Bundesarbeitsgerich tistaqsi jekk, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/78 u tal-AGG, interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG għandhiex l-effett li ċċaħħad mill-validità tagħha l-età limitu ta’ 60 sena għall-piloti tad-Deutsche Lufthansa.

32      Skont din il-qorti, l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Kollettiv Nru 5a tinkludi differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età. Hija tqis li l-għan intiż tal-limitazzjoni ta’ 60 sena għall-età tal-piloti huwa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fl-avjazzjoni. Għaldaqstant hija tistaqsi jekk din id-differenza fit-trattament tmurx kontra din id-direttiva u/jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jew le.

33      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-età limitu prevista fl-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Kollettiv Nru 5a taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, billi hija bbażata fuq għan ta’ sigurtà fl-avjazzjoni, din il-miżura hija meħtieġa għas-sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(5) tal-istess direttiva. Madankollu, il-Bundesarbeitsgericht tistaqsi fuq il-punt dwar jekk il-ftehim kollettivi jistgħux jikkostitwixxu “miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

34      It-tieni nett, u fl-eventwalità fejn il-miżura ta’ età limitu tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, din il-qorti tistaqsi fuq il-punt dwar jekk l-għan ta’ sigurtà fl-avjazzjoni jkunx jista’ jikklassifika fost l-oġġettivi msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Hija tosserva li, sabiex tinterpreta din id-dispożizzjoni, sa llum il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss fuq miżuri li għandhom għanijiet dwar il-politika soċjali, mingħajr ma tiddeċiedi b’mod espliċitu fuq il-miżuri li jsegwu għanijiet oħra. Jekk l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fl-avjazzjoni jkun jikklassifika fost dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, jaqbel li jiġi vverifikat jekk il-limitazzjoni ta’ 60 sena għall-età tal-piloti hijiex xierqa u neċessarja għat-twettiq ta’ dan l-għan.

35      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Bundesarbeitsgericht tistaqsi jekk il-limitazzjoni ta’ 60 sena għall-età tal-piloti tistax tkun iġġustifikata bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78. Fil-fatt, il-fatt li tiġi żgurata s-sigurtà fl-avjazzjoni jista’ jikkostitwixxi għan leġittimu li jiġġustifika li tiġi imposta rekwiżiti professjonali marbut mal-età. F’dan il-każ, din il-qorti tistaqsi fuq il-punt dwar jekk l-età limitu tistax tiġi stabbilita mill-imsieħba soċjali permezz ta’ ftehim kollettiv jew jekk dan jaqax taħt is-setgħa leġiżlattiva tal-Istat. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju rrimarkat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tillimita biss, mingħajr ma tipprojbixxi, l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota bejn is-60 u l-65 sena.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 2(5), l-Artikolu 4(1) u/jew l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [...] 2000/78/KE [...] u/jew il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jipprojbixxi diskriminazzjoni minħabba fl-età għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirrikonoxxu dispożiżżjoni fi ftehim kollettiv li tipprovdi għal limitu ta’ età ta’ 60 sena għall-piloti sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fl-avjazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

37      Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi investigat preliminarjament, minn naħa, jekk il-klawżola tal-ftehim kollettiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u jekk tinkludix differenza fit-trattament abbażi tal-età u, min-naħa l-oħra, jekk l-imsemmija direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hi tipprekludi li jkun hemm differenzi fit-trattament abbażi tal-età inklużi fi klawżoli tal-ftehim kollettiv bħal dik fil-kawża prinċipali.

38      Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età li għandu jitqies bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li ġie kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21). Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni abbażi, b’mod partikolari, tal-età hija inkorporata fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li, sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, għandha l-istess valur legali tat-Trattati.

39      Barra minn hekk, sew mit-titolu u l-preambolu kif ukoll mill-kontenut u l-għan ta’ din id-Direttiva jirriżulta li din hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura trattament ugwali “fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol” lil kull persuna, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq xi waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm inkluża l-età (ara s-sentenza tat-12 ta’Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19).

40      Mill-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi korpi pubbliċi f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet tas-sensji.

41      Meta jipprovdi li r-relazzjoni tax-xogħol tal-piloti tintemm fi tmiem ix-xahar ta’ għeluq is-60 sena tagħhom, mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-kuntratt tax-xogħol jiġi xolt, l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Kollettiv Nru 5a jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. Din tal-aħħar tapplika għal sitwazzjonijiet bħalma huma dawk li taw lok għall-kawża li l-qorti tar-rinviju għandha quddiemha.

42      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloqx diskriminazzjoni abbażi tal-età fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jippreċiża li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tas-subartikolu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta ladarba persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

43      F’dan il-każ, l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Kollettiv Nru 5a jipprovdi li r-relazzjoni tax-xogħol ta’ pilota tad-Deutsche Lufthansa li tirriżulta mill-imsemmi ftehim kollettiv tintemm ipso jure malli huwa jagħlaq l-età ta’ 60 sena.

44      Issa, tali pilota jsib ruħu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ pilota li għandu inqas età minnu li jeżerċita l-istess attività għan-nom tal-istess kumpannija tal-ajru u/jew jaqa’ taħt l-istess ftehim kollettiv. L-ewwel pilota li l-kuntratt tax-xogħol tiegħu jintemm awtomatikament malli dan jagħlaq is-60 sena huwa ttrattat b’mod inqas favorevoli, minħabba l-età tiegħu, mit-tieni pilota.

45      Għaldaqstant jidher li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq trattament differenti bbażat direttament fuq l-età fis-sens tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

46      Għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’dan il-każ, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 14(1) tat-TzBfG, tista’ tawtorizza, għal raġuni oġġettiva, li ftehim kollettiv jipprovdi għat-terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratti tax-xogħol f’età determinata ma teżentax lill-ftehim kollettiv ikkonċernat mill-obbligu li jikkonforma mad-dritt tal-Unjoni, u, b’mod iktar partikolari, mad-Direttiva 2000/78 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).

47      Fil-fatt, id-dritt għal negozjar kollettiv stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta għandu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġi eżerċitat b’konformità miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, imsejħa “Viking Line”, C‑438/05, Ġabra p. I‑10779, punt 44, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, Ġabra p. I‑11767, punt 91).

48      Għalhekk, meta huma jadottaw miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu b’konformità ma’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993, Enderby, C‑127/92, Ġabra p. I‑5535, punt 22).

49      Barra minn hekk, mill-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li l-ftehim kollettivi għandhom, bħal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi, josservaw il-prinċipju implementat minn din id-direttiva.

50      Billi l-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(5), 4(1), u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandha tiġi eżaminata l-klawżola tal-ftehim kollettiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali suċċessivament fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet u tal-għan jew l-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din il-miżura.

51      Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-imsieħba soċjali kienu pprevedew it-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti tax-xogħol tal-piloti mal-età ta’ 60 sena bl-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fl-avjazzjoni. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ġermaniż iqis li l-età limitu miftiehma mill-imsieħba soċjali hija meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa. Fil-fatt, il-fatt li l-piloti ta’ iktar minn 60 sena jiġu esklużi mill-avjazzjoni jippermetti li jiġi evitat ir-riskju ta’ aċċidenti kif ukoll li tiġi protetta s-saħħa tal-piloti, tal-passiġġiera u tal-abitanti taż-żoni li jtiru minn fuqhom. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-Direttiva 2000/78 għandha tiġi interpretata.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78

52      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-Kunċett ta’ diskriminazzjoni”, għandu l-għan li jiddefinixxi l-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-finijiet ta’ din id-direttiva. Skont is-subparagrafu 1 tal-imsemmi Artikolu 2, dawn il-prinċipju huwa ddefinit min-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

53      L-Artikolu 2(2) sa (4) tad-Direttiva 2000/78 jiddefinixxi t-tipi ta’ mġiba li huma meqjusa bħala diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

54      Skont l-Artikolu 2(5) tal-imsemmija direttiva, din tal-aħħar “m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

55      Meta adotta din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward tal-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, kellu l-intenzjoni jippreveni u joffri medjazzjoni għall-kunflitt bejn, minn naħa, il-prinċipju ta’ trattament ugwali u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiżgura l-ordni, is-sigurtà u s-saħħa pubblika, il-prevenzjoni ta’ ksur kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, li huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika. Dan il-leġiżlatur iddeċieda li, f’ċerti każi elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, il-prinċipji stabbiliti minn din tal-aħħar ma japplikawx għal miżuri li jinkludu trattament differenti bbażat fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-miżuri jkunu “neċessarji” għat-twettiq tal-għanijiet hawn fuq imsemmija.

56      Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 2(5) li jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Il-kliem użat f’din id-dispożizzjoni wkoll iwassal għal approċċ bħal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 60).

57      Għaldaqstant għandu jiġi aċċertat, minn naħa, jekk is-sigurtà fl-avjazzjoni tikklassifikax fost l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 u, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim Kollettiv Nru 5a jikkostitwixxix miżura prevista bil-liġi nazzjonali fis-sens tal-istess dispożizzjoni.

58      Fir-rigward tas-sigurtà fl-avjazzjoni, jidher li l-miżuri li huma intiżi li jevitaw l-aċċidenti fl-avjazzjoni permezz tal-monitoraġġ tal-kapaċità u tal-abbiltajiet fiżiċi tal-piloti sabiex dawn in-nuqqasijiet umani ma jkunux il-kawża ta’ dawn l-inċidenti, bla dubju jikkostitwixxu miżuri ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78.

59      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura adottata permezz ta’ qbil kollettiv tistax tikkostitwixxi miżura prevista mil-leġiżlatur nazzjonali, għandu jiġi osservat, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, iddeskriva l-miżuri li jaqgħu taħt il-“leġiżlazzjoni nazzjonali” b’mod li la l-Artikolu 4(1) u lanqas l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva ma jkunu jirreferu għal xi strument legali speċifiku.

60      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsieħba soċjali ma jikkostitwixxux entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku [ara, fil-kuntest tal-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431), is-sentenza Laval un Partneri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84].

61      Madankollu, din il-kunsiderazzjoni ma tipprekludix lill-Istati Membri milli, permezz ta’ regoli ta’ awtorizzazzjoni, jawtorizzaw lill-imsieħba soċjali sabiex jadottaw miżuri, fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 fl-oqsma koperti minn din id-dispożizzjoni li jaqgħu taħt ftehim kollettivi. Dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu preċiżi b’mod suffiċjenti sabiex jiżguraw li l-imsemmija miżuri josservaw ir-rekwiżiti msemmija fl-imsemmi Artikolu 2(5).

62      Fir-rigward tal-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsieħba soċjali jqisu li jaqbel li l-età għall-piloti sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom tkun limitata għal 60 sena minħabba raġunijiet ta’ sigurtà tal-passiġġieri, tal-abitanti tar-reġjuni li jtiru minn fuqhom iżda wkoll għas-saħħa u s-sigurtà tal-piloti stess. Din il-miżura għandha għanijiet marbuta mas-sigurtà pubblika u l-protezzjoni tas-saħħa u toħroġ mill-ftehim kollettivi.

63      Madankollu, hekk kif ġie espost fil-punt 14 u 16 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali qiesu li ma kienx neċessarju li l-piloti jiġu pprojbiti mili jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom wara l-età ta’ 60 sena iżda biss li dan l-eżerċizzju jiġi ristrett. Għalhekk, il-projbizzjoni li ttajjar ajruplan wara ċertu età, kif tinsab fil-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex neċessarja għat-twettiq tal-għan li għandu jintlaħaq.

64      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, permezz ta’ regoli ta’ awtorizzazzjoni, lill-imsieħba soċjali sabiex jadottaw miżuri fis-sens tal-Artikolu 2(5) fl-oqsma msemmija f’din id-dispożizzjoni li jagħmlu parti minn ftehim kollettivi u bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni jkunu speċifiċi biżżejjed sabiex jiżguraw li l-imsemmija miżuri josservaw ir-rekwiżiti msemmija fl-imsemmi Artikolu 2(5). Miżura bħal dik fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti ma jistgħux jibqgħu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom, filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jistabbilixxu din l-età għal 65 sena, ma hijiex miżura neċessarja għas-sigurtà pubblika u għall-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(5).

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78

65      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 [ta’ din id-Direttiva] m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikolari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

66      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex ma tiġix ikkostitwita diskriminazzjoni, it-trattament differenti għandu jkun ibbażat fuq karatteristika marbuta ma’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 u din il-karatteristika għandha tikkostitwixxi ħtieġa “ġenwina [essenzjali] u determinanti” tax-xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma hijiex ir-raġuni li fuqha hija bbażata d-differenza ta’ trattament, iżda karatteristika marbuta ma’ din ir-raġuni, li għandha tikkostitwixxi ħtieġa essenzjali u determinanti tax-xogħol (ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C‑229/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35).

67      Fir-rigward tal-piloti tal-linji tal-ajru, huwa essenzjali li dawn ikollhom, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet fiżiċi partikolari sa fejn in-nuqqasijiet fiżiċi għal din il-professjoni jista’ jkollhom konsegwenzi importanti. Huwa wkoll minnu li dawn il-kapaċitajiet jonqsu bl-età (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-professjoni ta’ pompier, is-sentenza Wolf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Minn dan jirriżulta li l-fatt li wieħed ikollu l-kapaċitajiet fiżiċi partikolari jista’ jitqies bħala “ħtieġa ġenwina [essenzjali] u determinanti”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota tal-linji tal-ajru u li l-pussess ta’ tali kapaċitajiet huwa marbut mal-età.

68      Fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju indikat li l-imsieħba soċjali kienu pprevedew it-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti tax-xogħol tal-piloti mal-età ta’ 60 sena bl-għan li s-sigurtà fl-avjazzjoni tiġi żgurata.

69      Tali għan jikkostitwixxi għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

70      Għandu wkoll jitqies jekk, meta ddeċidew li huwa mill-età ta’60 sena li l-piloti tal-linji tal-ajru ma jibqgħalhomx il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom, l-imsieħba soċjali imponewx ħtieġa proporzjonata.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78 tippreċiża li huwa f’“ċirkostanżi limitati ħafna” li trattament differenti jista’ jiġi ġġustifikat meta karatteristika marbuta, b’mod partikolari, mal-età tkun tikkostitwixxi ħtieġa professjonali essenzjali u determinanti.

72      Barra minn hekk, sa fejn jippermetti li ssir deroga mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat b’mod ristrett (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-diskriminazzjoni dwar sess, is-sentenzi tal-15 ta’Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 36, u tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar, C‑273/97, Ġabra p. I‑7403, punt 23, kif ukoll, fir-rigward tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, f’dan is-sens, is-sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

73      Issa, hekk kif ġie espost fil-punti 14 u 16 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjonijiet kemm nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali jipprovdu għall-possibbiltà li l-piloti jkomplu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, taħt ċerti restrizzjonijiet, bejn is-60 u l-65 sena. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali jqisu li, sal-età ta’ 65 sena, il-piloti jkollhom il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex itajru ajruplan, minkejja li, bejn is-60 u l-65, jistgħu biss jagħmlu hekk bħala membru ta’ ekwipaġġ fejn il-piloti l-oħra jkollhom inqas minn 60 sena.

74      Min-naħa tagħhom, l-imsieħba soċjali kkunsidraw li, wara l-età ta’ 60 sena, il-piloti li jaqgħu taħt il-Ftehim Kollettiv Nru 5a ma jistgħux jibqgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, lanqas b’ċerti restrizzjonijiet. Barra minn hekk, ir-raġunijiet li għalihom dawn il-piloti jitqiesu li, sa mill-età ta’ 60 sena, ma jkunx għad għandhom il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex itajru ajruplan, la jirriżultaw mill-elementi tal-proċess u lanqas mill-osservazzjonijet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

75      Meta stabbilixxew is-60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti tal-linji tal-ajru li jaqgħu taħt il-ftehim Kollettiv Nru 5a jitqiesu li ma baqgħalhomx il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom, filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jawtorizzaw l-eżerċizzju ta’ din l-attività, taħt ċerti kundizzjonijiet, sal-età ta’ 65 sena, l-imsieħba soċjali imponew fuq l-imsemmija piloti ħtieġa sproporzjonata fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

76      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi klawżola ta’ ftehim kollettiv, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti jibdew jitqiesu li ma baqgħalhomx il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jistabbilixxu din l-età għal 65 sena.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78

77      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) jistabbilixxi li trattament differenti abbażi tal-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ għanijiet ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu xierqa u neċessarji.

78      Hekk kif ġie ppreċiżat fil-punti 51 u 68 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju indikat li l-imsieħba soċjali pprevedew għat-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti tax-xogħol tal-piloti tal-età ta’60 sena bl-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fl-avjazzjoni.

79      Għandu jiġi rrilevat jekk tali għan huwiex għan leġittimu fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat jekk, minkejja li l-lista ma hijiex waħda eżawrjenti, l-għanijiet leġittimi elenkati f’din id-dispożizzjoni humiex marbuta mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali.

81      Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għanijiet li jistgħu jitqiesu li huma “leġittimi” fis-sens tal-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, u konsegwentement, xierqa sabiex jiġġustifikaw deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età, huma għanijiet ta’ politika soċjali, bħal dawk marbuta mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-taħriġ professjonali (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C‑388/07, Ġabra p. I-1569, punt 46, u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, Ġabra p. I5325, punt 41).

82      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li għan bħalma hija s-sigurtà fl-avjazzjoni ma jaqax taħt l-għanijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

83      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li:

–        l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, permezz ta’ regoli ta’ awtorizzazzjoni, lill-imsieħba soċjali sabiex jadottaw miżuri fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(5) fl-oqsma msemmija f’din id-dispożizzjoni li jagħmlu parti minn ftehim kollettivi u bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni jkunu speċifiċi biżżejjed sabiex jiżguraw li l-imsemmija miżuri josservaw ir-rekwiżiti msemmija fl-imsemmi Artikolu 2(5). Miżura bħal dik fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti ma jistgħux jibqgħu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom, filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jiffissaw din l-età għal 65 sena, ma hijiex miżura neċessarja għas-sigurtà pubblika u għall-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(5);

–        l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi klawżola ta’ ftehim kollettiv, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti jibdew jitqiesu li ma baqgħalhomx il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jiffissaw din l-età għal 65 sena;

–        l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigurtà fl-avjazzjoni ma tikkostitwixxix għan leġittimu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix‑xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, permezz ta’ regoli ta’ awtorizzazzjoni, lill-imsieħba soċjali sabiex jadottaw miżuri fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(5) fl-oqsma msemmija f’din id‑dispożizzjoni li jagħmlu parti minn ftehim kollettivi u bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli ta’ awtorizzazzjoni jkunu speċifiċi biżżejjed sabiex jiżguraw li l-imsemmija miżuri josservaw ir-rekwiżiti msemmija fl‑imsemmi Artikolu 2(5). Miżura bħal dik fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti ma jistgħux jibqgħu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom, filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jiffissaw din l-età għal 65 sena, ma hijiex miżura neċessarja għas-sigurtà pubblika u għall-protezzjoni tas-saħħa, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(5);

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi klawżola ta’ ftehim kollettiv, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi l-età ta’ 60 sena bħala l-età limitu li minnha l-piloti jibdew jitqiesu li ma baqgħalhomx il-kapaċitajiet fiżiċi sabiex jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom filwaqt li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali jiffissaw din l-età għal 65 sena;

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sigurtà fl-avjazzjoni ma tikkostitwixxix għan leġittimu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.