Language of document : ECLI:EU:C:2012:711

Kawżi magħquda C‑539/10 P u C‑550/10 P

Stichting Al-Aqsa

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

u

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

vs

Stichting Al-Aqsa

“Appell — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Ġlieda kontra t-terroriżmu — Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet — Iffriżar ta’ fondi — Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK — Artikolu 1(4) u (6) — Regolament (KE) Nru 2580/2001 — Artikolu 2(3) — Inklużjoni ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi — Kundizzjonijiet — Deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti — Tħassir ta’ miżura nazzjonali — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà tal-appell — Dritt għar-rispett tal-proprjetà — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Artikolu 253 KE — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Novembru 2012

1.        Appell — Aggravji — Talbiet sabiex tinkiseb sostituzzjoni tal-motivi — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113(1))

2.        Proċedura ġudizzjarja — Awtorità ta’ res judicata — Portata

3.        Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi — Awtorità kompetenti

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4)) Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001)

4.        Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi — Tħassir tad-deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi — Assenza ta’ effett fuq l-iffriżar ta’ fondi meħtieġ minn Regolament tal-Unjoni

(Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4) u (6))

5.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Effett dirett — Obbligi tal-Istati Membri

6.        Appell — Appell inċidentali — Suġġett — Annullament totali jew parzjali tas-sentenza appellata għal raġuni li ma kinitx tqajmet fl-appell

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 117(2))

7.        Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu — Iffriżar ta’ fondi ta’ organizzazzjoni involuta f’atti terroristiċi — Restrizzjonijiet għad-dritt ta’ proprjetà — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4)) (Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikoli 5 u 6)

8.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Proporzjonalità — Natura proporzjonata ta’ miżura — Kriterji ta’ evalwazzjoni

9.        Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi meħuda fir-rigward ta’ ċerti persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi

(Artikolu 253 KE) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931, Artikolu 1(4)); Regolament tal-Kunsill Nru 2580/2001, Artikolu 2(1) u (3))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 43-45)

2.        Ir-res judicata testendi biss għall-motivi ta’ sentenza li jammontaw għall-appoġġ neċessarju tad-dispożittiv tagħha u minħabba dan il-fatt huma inseparabbli.

(ara l-punt 49)

3.        L-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, jippermetti lill-Kunsill li jibbaża ruħu fuq deċiżjoni li, wara investigazzjoni li tirrigwarda l-implikazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi, jimponi miżuri preventivi bħal iffriżar ta’ fondi.

Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet ta’ din il-pożizzjoni komuni kif ukoll mir-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, jirriżulta li l-iskop ċentrali u l-għan tagħhom huwa li jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali, billi jinqatawlhom ir-riżorsi finanzjarji tagħhom billi jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni jew entitajiet issuspettati li huma involuti f’attivitajiet li huma marbuta miegħu. B’hekk, dawn l-atti jwasslu mhux għall-akkumpanjament u għas-sostenn ta’ proċeduri kriminali nazzjonali, iżda sabiex jipprevjenu t-twettiq ta’ atti terroristiċi ġodda.

Barra minn hekk, mir-referenza għal deċiżjoni nazzjonali kif ukoll mir-referenza “informazzjoni preċiża” u “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet” jirriżulta li l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu bħala għan li jipproteġi l-persuni kkonċernati billi jiġi żgurat li l-inklużjoni tagħhom fil-lista kontenzjuża sseħħ biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, u li l-imsemmija Pożizzjoni Komuni għandha l-għan li tilħaq dan l-għan billi jkun hemm rekwiżit ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali. L-imsemmija protezzjoni tal-persuni kkonċernati ma hijiex ikkontestata jekk id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali taqa’ mhux fil-kuntest ta’ proċeduri bil-għan li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali, iżda f’dak ta’ proċeduri li għandhom bħala għan miżuri ta’ tip preventiv. Din il-protezzjoni tal-persuni kkonċernati hija wkoll żgurata meta d-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali ma hijiex dik li tiftaħ l-investigazzjoni, iżda dik li toħroġ il-konsegwenzi ta’ investigazzjoni billi timponi miżura ta’ tip preventiv lill-persuna kkonċernata, mingħajr ma tkun kundanna kriminali. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-inklużjoni fil-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi tista’ wkoll tkun ibbażata fuq sanzjoni ordnata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Fil-fatt, sa fejn sanzjonijiet bħal dawn ma għandhomx, bħala regola ġenerali, karattru kriminali, iffriżar ta’ fondi hekk kif impost f’din il-kawża mis-Sanctieregeling hija komparabbli ma’ sanzjoni deċiża mill-imsemmi Kunsill tas-Sigurtà.

(ara l-punti 67, 68, 70-73, 104)

4.        Il-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, jirreferi għad-deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali li teżiġi l-eżistenza ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi tal-fajl li juru li deċiżjoni bħal din ittieħdet. Issa, ma jirriżultax la mill-imsemmi kliem u lanqas mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li, lil hinn minn din il-kundizzjoni, id-deċiżjoni meħuda fil-passat għandha neċessarjament tkun għadha fis-seħħ jew tipproduċi effetti ġuridiċi fil-mument fejn il-Kunsill jiddeċiedi li persuna tinżamm fil-lista annessa ma’ din il-pożizzjoni komuni. Barra minn hekk, hemm lok li tiġi kkunsidrata l-funzjoni tar-referenza għal deċiżjoni nazzjonali meħuda fuq il-bażi ta’ xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet li għandhom bħala għan li jiżguraw li d-deċiżjoni tal-Kunsill tittieħed fuq bażi fattwali suffiċjenti li tippermetti lil dan tal-aħħar li jikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ perikolu li, fin-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri inibittivi, il-persuna kkonċernata tibqa’ tkun implikata f’attivitajiet terroristiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni li hija importanti fl-eżami taż-żamma ta’ persuna fil-lista inkwistjoni hija dwar jekk, sa mill-inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fl-imsemmija lista jew sa mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali tbiddlet b’tali mod li din ma tippermettix iktar l-istess konklużjoni dwar l-implikazzjoni tal-persuna inkwistjoni f’attivitajiet terroristiċi.

Peress li, it-tħassir tad-deċiżjoni nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi bl-ebda mod ma kien fondat fuq li jkun hemm fatti jew provi ġodda li skont dawn, il-persuna li kienet is-suġġett tal-iffriżar tal-fondi ma kinitx iktar implikata fil-finanzjament tat-terroriżmu jew fuq modifika tal-evalwazzjoni ta’ implikazzjoni bħal din mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, iżda kien iġġustifikat biss mill-għan li tiġi evitata sovrapożizzjoni bejn il-miżura nazzjonali ta’ ffriżar ta’ fondi u l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi stabbilita fil-livell tal-Unjoni, dan it-tħassir ma huwiex suffiċjenti sabiex iż-żamma tal-persuna fil-lista inkwistjoni tkun inkompatibbli mal-paragrafi 4 u 6 tal-imsemmi Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

(ara l-punti 79-84, 89)

5.        L-Istati Membri ma jadottawx att li permezz tiegħu n-natura komunitarja ta’ regola ġuridika u l-effetti li jirriżultaw ikunu moħbija lill-persuni kkonċernati.

(ara l-punt 87)

6.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 94)

7.        Id-dritt ta’ proprjetà ma jgawdix, fid-dritt tal-Unjoni, minn protezzjoni assoluta. Konsegwentement, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu tad-dritt ta’ proprjetà, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni Ewropea u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan tagħhom, intervent żmiżurat u intollerabbli li jikkawża ħsara għas-sustanza nnifisha tad-dritt hekk iggarantit. B’referenza għall-għan tal-interess ġenerali tant fundamentali għall-komunità internazzjonali bħall-ġlieda permezz tal-mezzi kollha, b’mod konformi mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali li jikkawżaw l-atti ta’ terroriżmu, l-iffriżar ta’ fondi, tal-assi finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni identifikati skont ir-regoli previsti bir-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fihom infushom, ma jgħaddux bħala inadegwat.

Fir-rigward tal-karattru proporzjonat taż-żamma ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi, l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 2580/2001 jipprovdu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu sodisfatti bżonnijiet essenzjali jew jiġu sodisfatti ċerti obbligi u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra. Barra minn hekk, din iż-żamma hija s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid perjodiku sabiex jiġi żgurat li l-persuni u entitajiet li ma jissodisfawx iktar il-kriterji sabiex jidhru fil-lista kontenzjuża jitħassru mil-lista.

(ara l-punti 121, 123, 127, 129)

8.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 122)

9.        L-Artikolu 253 KE, li jipprovdi li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu motivati, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-Kunsill jirrispondi b’mod dettaljat għall-osservazzjonijiet imqajma minn persuna fil-konsultazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċernaha. Dment li l-espożizzjoni tal-motivi nnotifikata lill-appellanta konġuntament mad-Deċiżjoni 2007/445 tindika r-raġunijiet individwali u speċifiċi li wasslu lill-Kunsill jikkunsidra, b’mod konformi mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, fuq il-bażi ta’ informazzjoni kkunsidrata bħala affidabbli minn awtorità nazzjonali, li l-appellanta kienet implikata fil-finanzjament tat-terroriżmu, din tal-aħħar kienet f’pożizzjoni li tifhem dak li kien qed jiġi attribwit lilha.

Mill-paragrafu 1(c) tar-Reżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u mill-Artikolu 2, paragrafi 1 u 3 tar-Regolament Nru 2580/2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, jirriżulta li l-iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fl-atti ta’ terroriżmu jammonta għar-regola. Għalhekk, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li ma indikax ir-raġunijiet supplimentari li setgħu wassluh jikkunsidra li l-appellanta kellha effettivament tkun is-suġġett ta’ ffriżar ta’ fondi.

(ara l-punti 141, 142, 144)