Language of document : ECLI:EU:C:2007:230

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta' April 2007(*)

"Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE – Reklamar komparattiv – Identifikazzjoni ta’ kompetitur jew ta’ merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur – Merkanzija jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li jkunu maħsuba għall-istess skop – Riferiment għad-denominazzjoni ta’ oriġini"

Fil-kawża C-381/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-cour d’appel de Brussell (il-Belġju), permezz ta' Deċiżjoni tat-13 ta' Ottubru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Ottubru 2005, fil-proċedura

De Landtsheer Emmanuel SA

vs

Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne,

Veuve Clicquot Ponsardin SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), K. Schiemann, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta' Settembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        Għall-Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne u Veuve Cliquot Ponsardin SA, minn T. van Innis u N. Clarembeaux, avocats,

–        għal De Landtsheer Emmanuel SA, minn J. Stuyck u M. Demeur, avocats,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Loosli-Surrans, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.-P. Keppenne u A. Aresu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta' Novembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 2a u 3a 1) ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 84/450 KEE, ta' l-10 ta’ Settembru 1984, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU L 250, p.17), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/55/KE, tas-6 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 290, p.18, iktar ‘il quddiem id-"direttiva").

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (iktar ‘il quddiem il-”CIVC”), il-kumpannija Franċiża Veuve Clicquot Ponsardin SA (iktar ‘il quddiem “Veuve Clicquot”) u l-kumpannija Belġjana De Landtsheer Emmanuel SA (iktar ‘il quddiem “De Landtsheer”), dwar prattiċi ta’ relkamar użati minn din ta’ l-aħħar sabiex tikkummerċjalizza l-birra bl-isem “Malheur BRUT RÉSERVE”.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skond il-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva," "reklamar komparattiv" tfisser kull reklamar li espliċitament jew b'deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur.

4        L-Artikolu 3a(1) tad-direttiva jiddisponi:

"Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l-paragun, ikun permess meta jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ma jkunx qarrieqi skond l-Artikoli 2(2), 3 u 7 (1);

(b)      jikkompara oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġiet jew ikunu maħsuba għall-istess skop;

(ċ) jikkompara oġġettivament karatteristika materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva waħda jew aktar ta' dawk l-oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

[…]

(f)      għall-prodotti b'deskrizzjoni ta' oriġini, jirrelata f'kull każ ma' prodotti bl-istess deskrizzjoni;

(g)      ma jeħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta' trade mark, isem ta' ditta jew marki distintivi oħra ta' kompetitur jew tad-deskrizzjoni ta' oriġini ta' prodotti li jkunu jikkompetu; […]"

5        L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU L 208, p. 1), jipprevedi:

"L-ismijiet irreġistrati għandhom jkunu protetti kontra:

a) kull użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem irreġistrat fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-registrazzjoni biss jekk dawk il-prodotti jistgħu jiġu pparagunati mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew sakemm l-użu ta’ l-isem jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-isem protett;

b) kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew użat flimkien ma’ xi espressjoni bħal m’huma "stil", "tip", "metodu", "kif prodott fi", "imitazzjoni", jew "simili";

ċ) kull indikazzjoni oħra falza jew qarrieqa dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq ġewwa jew fuq barra tal-pakkett, fir-reklamar jew fid-dokumenti dwar il-prodott in kwestjoni, u l-ippakkjar tal-prodott f’reċipjent, li jistgħu jagħtu impressjoni qarrieqa dwar l-oriġini tiegħu;

d) kull prattika oħra li tista’ tiżvija lill-pubbliku dwar l-oriġini vera tal-prodott.

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        L-Artikolu 23 tal-liġi ta’ l-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiċi tal-kummerċ u l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur (Moniteur belge tad-29 ta' Awwissu 1991), kif emendata bil-liġi tal-25 ta’ Mejju 1999 (Moniteur belge tat-23 ta’ Ġunju 1999, iktar ‘il quddiem il-"LPCC"), jgħid:

"Bla ħsara għal dispożizzjonijiet legali jew regolamentari oħra, huwa pprojbit kull reklamar:

1      li jinkludi affermazzjonijiet, indikazzjonijiet jew rappreżentazzjonijiet li jistgħu jiżvijaw fuq l-identità, in-natura, il-kompożizzjoni, l-oriġini, il-kwantità, id-disponibbiltà, il-mod u d-data tal-manifattura jew il-karatteristiċi ta’ prodott jew l-effetti fuq l-ambjent; hemm lok li karatteristiċi tfisser il-vantaġġi ta’ prodott, b’mod partikolari mil-lat tal-kapaċitajiet tiegħu, il-possibbiltajiet ta’ użu tiegħu, ir-riżultati li jistgħu jintlaħqu bl-użu tiegħu, il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jinkiteb, b’mod partikolari l-prezz jew il-mod kif jingħadda u l-karatteristiċi essenzjali tat-testijiet jew il-kontrolli mwettqa fuq il-prodott u s-servizzi li jmorru miegħu;

[…]

6      li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23a, jinkludi elementi denigratorji lejn bejjiegħ ieħor, il-prodotti tiegħu, is-servizzi tiegħu jew l-attività tiegħu;

7      li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23a, jinkludi komparazzjonijiet qarrieqa, denigratorji jew li jimplikaw mingħajr bżonn il-possibbiltà li jiġu identifikati wieħed jew diversi bejjiegħa oħra;

8      li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 23a, jinkludi elementi li jistgħu joħolqu konfużjoni ma bejjiegħ ieħor, il-prodotti tiegħu, is-servizzi tiegħu jew l-attività tiegħu; […]"

7        L-Artikolu 23a tal-LPCC huwa fformulat kif ġej:

"1      Ir-reklamar komparattiv huwa leċitu meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti, f’dak li għandu x’jaqsam mal-komparazzjoni:

1°      huwa ma jiżvijax fis-sens ta’ l-Artikolu 23, 1° sa 5°, ta’ din il-liġi;

[…]

3°      huwa jqabbel oġġettivament waħda jew diversi karatteristiċi essenzjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawn il-prodotti u servizzi, li minnhom il-prezz jista’ jkun parti minnhom;

[…]

6°      għall-prodotti li għandhom denominazzjoni ta’ oriġini, huwa jirreferi f’kull każ għal prodotti li għandhom l-istess denominazzjoni;

7°      huwa ma jiħux vantaġġ indebitu mill-fama marbuta ma trade mark, ma isem kummerċjali jew ma sinjali distintivi oħra ta’ kompetitur jew mad-denominazzjoni ta’ oriġini ta’ prodotti ta’ kompetituri;

[…]

2      Kull paragun li jirreferi għal offerta speċjali għandu jindika b'mod ċar u bla ekwivoku d-data li fiha l-offerta tispiċċa jew, fejn hu xieraq, li l-offerta speċjali tkun bla ħsara għad-disponibbiltà ta' l-oġġetti u servizzi, u, fejn l-offerta speċjali tkun għadha ma bdietx, id-data tal-bidu tal-perijodu li matulu l-prezz speċjali jew kundizzjonijiet speċifiċi oħra għandhom ikunu applikabbli.

3      Huwa pprojbit kull reklamar komparattiv li ma josservax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 u 2."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        De Landtsheer tipproduċi u tikkummerċjalizza diversi tipi ta’ birer taħt l-isem Malheur. Fl-2001, hija bdiet tbigħ, taħt l-isem "Malheur BRUT RÉSERVE", birra li l-proċess ta’ ħdim tagħha kien ispirat mill-metodu ta’ produzzjoni ta’ l-inbid frizzanti u li lilu riedet tagħti n-natura ta’ prodott eċċezzjonali.

9        Fuq il-flixkun, fuq il-karta mwaħħla mal-flixkun u fuq il-kaxxa tal-kartun tiegħu jidhru, b’mod partikolari, l-indikazzjonijiet "BRUT RÉSERVE", "L-ewwel Birra BRUT fid-dinja", "Birra bajda skond il-metodu tradizzjonali" u "Reims-France" kif ukoll riferiment għall-kultivaturi ta’ Reims u ta’ Épernay. Waqt il-preżentazzjoni ta’ dan il-prodott, De Landtsheer użat l-espressjoni "Champagnebier" sabiex tenfasizza li kienet birra li kienet ġiet prodotta skond il-metodu champenoise. Barra minn hekk, din il-kumpannija ftaħret bl-oriġinalità tal-birra l-ġdida Malheur filwaqt li evokat il-karatteristiċi ta’ l-inbid frizzanti u b’mod partikolari dawk tax-xampanja.

10      Fit-8 ta’ Mejju 2002, il-CIVC u Veuve Clicquot ressqu lil De Landtsheer quddiem it-Tribunal tal-kummerċ ta’ Nivelles, sabiex iwaqqfu, b’mod partikolari, l-użu ta’ l-indikazzjonijiet imsemmija ‘l fuq. Dan ir-reklamar ikun mhux biss qarrieqi, imma wkoll jikkostitwixxi reklamar komparattiv illeċitu.

11      B’deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, l-imsemmi Tribunal ordna lil De Landtsheer, b’mod partikolari, li jwaqqaf kull użu ta’ l-indikazzjoni "Méthode traditionnelle", tad-denominazzjoni ta’ oriġini "Champagne", ta’ l-indikazzjoni ta’ l-oriġini "Reims-France" kif ukoll tar-riferimenti għall-kultivaturi ta’ Reims u ta’ Épernay u għall-metodu ta’ produzzjoni tax-xampanja. Ma ntlaqatx it-talba tal-CIVC u Veuve Clicquot sa fejn kienet tirrigwarda l-użu ta’ l-indikazzjonijiet "BRUT", "RÉSERVE", "BRUT RÉSERVE" u "L-ewwel birra BRUT fid-dinja".

12      Filwaqt li rrinunzjat għall-użu tad-denominazzjoni ta’ oriġini "Champagne" fl-espressjoni "Champagnebier", De Landtsheer ressqet appell kontra din is-sentenza sa fejn tirrigwarda l-elementi l-oħra tal-kontroversja. Il-CIVC u Veuve Clicquot ressqu appell inċidentali fuq l-użu tal-kliem "BRUT", "RÉSERVE", "BRUT RÉSERVE" u "l-ewwel birra BRUT fid-dinja".

13      Peress li qies li kellu bżonn l-interpretazzjoni tad-Direttiva 84/450 sabiex jiddeċiedi l-kawża quddiemu, il-cour d’appel ta’ Brussell iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      It-tifsira tar-reklamar komparattiv tkopri wkoll il-messaġġi pubbliċitarji li fihom min jirreklama jagħmel biss riferiment għal tip ta’ prodott fis-sens li jkun hemm lok li jiġi kkunsidrat f’din l-ipoteżi li dan il-messaġġ jagħmel riferiment għat-totalità ta’ l-impriżi li joffru dan it-tip ta’ prodott u li kull waħda minnhom tista’ tippretendi li tkun ġiet identifikata?

2)      Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn min jirreklama u l-impriża li għaliha jkun sar riferiment fis-sens tat-tieni punt ta’ l-Artikolu 2a tad-direttiva:

a)      Għandu jitqies, b’mod partikolari abbażi tal-konfrontazzjoni tat-tieni punt ta’ l-Artikolu 2a mal-punt b) ta’ l-Artikolu 3a, li hija kompetitriċi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni kull impriża li r-riklamar jippermetti li tiġi identifikata jkunu xi jkunu l-prodotti jew is-servizzi li hija toffri?

b)      Fl-ipoteżi li r-risposta għad-domanda msemmija tkun negattiva u li kundizzjonijiet oħra jkunu mitluba sabiex tiġi stabbilita relazzjoni ta’ kompetizzjoni, hemm lok li jitqies l-istat attwali tas-suq u l-abitudnijiet ta’ konsum eżistenti fil-Komunità jew għandhom jittieħdu wkoll in kunsiderazzjoni l-possibbiltajiet ta’ żviluppi ta’ dawn l-abitudnijiet?

c)      Wieħed għandu jillimita l-eżami għall-parti tat-territorju komunitarju li fiha jixxandar ir-riklamar?

d)      Hemm lok li tittieħed in kunsiderazzjoni r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni billi jsir riferiment għaż-żewġ tipi ta’ prodotti li jkunu s-suġġett tal-komparazzjoni u bil-manjiera li dawn it-tipi ta’ prodotti jkunu ġeneralment ipperċepiti jew wieħed għandu, biex jevalwa l-grad ta’ sostituzzjoni possibbli, jieħu wkoll in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-prodott li min jirreklama jkollu l-intenzjoni jippromwovi fir-reklamar in kwistjoni u ta’ l-impressjoni li jkun irid jagħti tiegħu?

e)      Il-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni fis-sens tal-punt 2a ta’ l-Artikolu 2, u l-kriterji li jippermettu li jiġi vverifikat jekk il-komparazzjoni tissodisfax il-kundizzjoni indikata fl-Artikolu 3a, b), huma identiċi?

3)      Jirriżulta, minn konfront bejn il-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva, minn naħa, u l-Artikolu 3a ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra:

a)      kemm li jkun illegali kull reklamar komparattiv li jippermetti li jiġu identifikati tipi ta’ prodotti fl-ipoteżi fejn l-indikazzjoni ma tippermettix li jiġi identifikat kompetitur jew il-merkanzija li huwa joffri?

b)      kemm li l-legalità tal-komparazzjoni tkun trid tiġi eżaminata fid-dawl biss tad-dispożizzjonijiet nazzjonali barra dawk li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-direttiva fil-materja ta’ reklamar komparattiv, ħaġa li tkun tista’ twassal għal inqas protezzjoni tal-konsumatur jew ta’ l-impriżi li joffru t-tip ta’ prodott li jitqabbel mal-prodott offrut minn min jirreklama?

4)      Fl-ipoteżi li jkun hemm lok li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ reklamar komparattiv, fis-sens tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2, [hemm] lok li jiġi dedott, mill-punt 1 f) ta’ l-Artikolu 3a tad-direttiva, li hija illegali kull komparazzjoni li, għall-prodotti li m’għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini, tirreferi għal prodotti li għandhom denominazzjoni ta’ oriġini[?]"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

14      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk il-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jitqies li jikkostitwixxi reklamar komparattiv dak ir-riferiment, f’messaġġ pubbliċitarju, għal tip ta’ prodotti u mhux għal impriża jew għal prodott determinat.

15      Għandu jiġi mfakkar li, skond il-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva, wieħed jifhem b’reklamar komparattiv kull riklam li, espliċitament jew impliċitament, jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur.

16      Skond ġurisprudenza kostanti, din hija tifsira wiesgħa, li tippermetti li jiġu koperti l-forom kollha ta’ reklamar komparattiv, b’mod li jkun sufficjenti li jkun hemm komunikazzjoni li tagħmel, anki impliċitament, riferiment għal kompetitur jew għal merkanzija jew għal servizzi li huwa joffri sabiex li jkun hemm reklamar komparattiv (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Toshiba Europe, C-112/99, Ġabra p. I-7945, punti 30 u 31, kif ukoll tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik, C-44/01, Ġabra p. I-3095, punt 35).

17      L-element mitlub għall-konstatazzjoni tan-natura komparattiva ta’ avviż pubbliċitarju hija b’hekk l-identifikazzjoni, espliċita jew impliċita, ta’ kompetitur ta’ min jirreklama jew tal-merkanzija jew tas-servizzi li joffri (sentenza Toshiba Europe, iċċitata iktar ‘il quddiem, punt 29).

18      Is-sempliċi fatt li impriża tagħmel unikament riferiment, fil-messaġġ pubbliċitarju tagħha, għal tipi ta’ prodotti ma jippermettix li jiġi eskluż a priori dan il-messaġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

19      Dan il-messaġġ jista’ jaqa’ taħt reklamar komparattiv sa fejn kompetitur jew il-merkanzija jew is-servizzi li joffri jkunu jistgħu jiġu identifikati li huma konkretament imsemmija minn dan ir-riklam, anki jekk impliċitament.

20      F’dan il-kuntest, huwa irrilevanti li r-riferiment għal tipi ta’ prodotti jkun jista’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u b’mod partikolari għall-istruttura tas-suq in kwistjoni, jippermetti l-identifikazzjoni ta’ diversi kompetituri jew tal-merkanzija jew tas-servizzi li joffru.

21      Interpretazzjoni litterali tal-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva, li titlob l-identifikazzjoni ta’ kompetitur wieħed ta’ min jirreklama jew tal-merkanzija jew servizzi ta’ kompetitur wieħed, hija inkompatibbli ma tifsira wiesgħa ta’ reklamar komparattiv u, minħabba f’hekk, tmur kontra l-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22      Huma l-qrati nazzjonali, f’kull każ, li għandhom jivverifikaw, fid-dawl ta’ l-elementi kollha rilevanti tal-kawża, jekk riklam jippermettix lill-konsumaturi li jidentifikaw, espliċitament jew impliċitament, kif konkretament imsemmija mill-imsemmi riklam, waħda jew diversi impriżi speċifiċi jew il-merkanzija jew is-servizzi pprovduti minn dawn ta’ l-aħħar.

23      Dawn il-qrati għandhom, fl-evalwazzjoni tagħhom, jieħdu in kunsiderazzjoni l-attenzjoni preżunta ta’ konsumatur medju, normalment informat u raġjonevolment attent u avżat (ara s-sentenzi Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ‘il quddiem, punt 55, u tad-19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium, C-356/04, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 78).

24      Hemm lok għaldaqstant li tingħata r-risposta għall-ewwel domanda li l-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jitqies li jikkostitwixxi reklamar komparattiv ir-riferiment, f’messaġġ pubbliċitarju, għal tip ta’ prodotti u mhux għal impriża jew għal prodott speċifiku meta jkun possibbli li tiġi identifikata din l-impriża jew il-prodotti li huma joffru bħala li jkunu konkretament imsemmija minn dan il-messaġġ. Iċ-ċirkustanza li diversi kompetituri ta’ min jirreklama jew tal-merkanzija jew is-servizzi li joffru jistgħu jiġu identifikati bħala li huma konkretament imsemmija mill-messaġġ pubbliċitarju hija irrilevanti fid-dawl tar-rikonoxximent tan-natura komparattiva tar-riklam.

 Fuq it-tieni domanda

25      It-tieni domanda tinqasam fi tliet partijiet.

26      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tfittex, sostanzjalment, tkun taf jekk l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, fis-sens tal-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva, bejn min jirreklama u l-impriża li tiġi identifikata fil-messaġġ pubbliċitarju tistax tiġi stabbilita indipendentement mill-merkanzija jew mis-servizzi offruti minnha. Fit-tieni lok, fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, hija ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ l-imsemmija relazzjoni ta’ kompetizzjoni, fuq ir-rilevanza ta’ l-użu ta’ ċerti kriterji, bħall-analiżi attwali jew evolutiva tas-sitwazzjoni tas-suq u ta’ l-abitudnijiet ta’ konsum, id-determinazzjoni ta’ territorju komunitarju limitat għal dak tal-kamp ta’ xandir ta’ l-imsemmi riklam u n-natura sostitwibbli tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-komparazzjoni, din l-aħħar dipendenti mit-tipi ta’ prodotti evalwati astrattament jew fid-dawl tal-karatteristiċi u l-impressjoni li min jirreklama għandu l-intenzjoni li jagħtihom. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn il-kriterji humiex identiċi għal dawk li jippermettu li jiġi kkonstatat jekk il-komparazzjoni tissodisfax il-kundizzjoni indikata fl-Artikolu 3a (1) b) tad-direttiva.

 Fuq l-ewwel parti

27      Kif jirriżulta mill-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva, l-element speċifiku tal-kunċett ta’ reklamar komparattiv huwa kkostitwit mill-identifikazzjoni ta’ "kompetitur" ta’ min jirreklama jew tal-merkanzija u servizzi li joffri.

28      Il-kwalità ta’ impriżi kompetitriċi tistrieħ, per definizzjoni, fuq in-natura sostitwibbli tal-merkanzija jew servizzi li dawn l-impriżi joffru fis-suq.

29      Din hija preċiżament ir-raġuni għaliex l-Artikolu 3a (1) b) tad-direttiva jimponi bħala kundizzjoni tal-legalità tar-reklamar komparattiv il-komparazzjoni tal-merkanzija jew tas-servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li jkunu maħsuba għall-istess skop.

30      Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet iddeċidiet, il-fatt li prodotti jkunu, sa ċertu miżura, tali li jissodisfaw bżonnijiet identiċi, jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti ċertu grad ta’ sostituzzjoni bejniethom (sentenzi tas-27 ta’ Frar 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-renju Unit, 170/78, Ġabra p. 417, punt 14, u tad-9 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 356/85, Ġabra p. 3299, punt 10).

31      Għandha għaldaqstant tingħata r-risposta lill-ewwel parti tat-tieni domanda li l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn min jirreklama u l-impriża li hija identifikata fil-messaġġ pubbliċitarju ma tistax tiġi stabbilita indipentement mill-merkanzija jew mis-servizzi offruti minnha.

 Fuq it-tieni parti

32      Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 28 tal-preżenti sentenza, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi hija suġġetta għall-konstatazzjoni li l-prodotti li huma joffru għandhom ċertu grad ta’ sostituzzjoni bejniethom.

33      L-evalwazzjoni konkreta ta’ dan il-grad ta’ sostituzzjoni, li l-kompetenza għaliha hija tal-qrati nazzjonali u li għandha titwettaq fid-dawl ta’ l-għanijiet tad-direttiva kif ukoll tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tissupponi l-eżami ta’ kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn almenu parti tal-firxa tal-prodotti offruti mill-impriżi in kwistjoni.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mit-tieni premessa tad-direttiva 97/55 li r-reklamar komparattiv jgħin sabiex jenfasizza b’mod oġġettiv il-prodotti varji komparabbli u jistimola l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-merkanzija u tas-servizzi fl-interess tal-konsumaturi.

35      Skond ġurisprudenza kostanti, il-kundizzjonijiet mitluba għar-reklamar komparattiv għandhom jiġu interpretati fis-sens l-iktar favorevoli għalihom (sentenzi ċċitati iktar ‘il quddiem Toshiba Europe, punt 37, Pippig Augenoptik, punt 42 u Lidl Belgium, punt 22).

36      B’mod iktar partikolari, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss is-sitwazzjoni attwali tas-suq, imma wkoll il-possibbiltajiet ta’ żviluppi fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija fl-livell komunitarju u l-possibbiltajiet ta’ sostituzzjoni bejn il-prodotti li l-intensifikazzjoni tal-kummerċ jista’ jġib (sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 6).

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li sabiex jitqies il-grad ta’ sostituzzjoni possibbli, wieħed m’għandux jillimita ruħu għall-abitudnijiet ta’ konsum eżistenti fi Stat membru jew f’reġjun speċifiku. Dawn l-abitudnijiet, essenzjalment varjabbli fiż-żmien u fil-post, ma għandhomx jitqiesu li huma xi ħaġa li ma tinbidilx (sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 14).

38      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qrati nazzjonali għandhom jevalwaw l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi fid-dawl ta’ applikazzjoni eventwali tar-regoli dwar ir-reklamar komparattiv li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-parti tat-territorju komunitarji fejn l-impriżi huma stabbiliti. Huwa f’dan it-territorju komunitarju li, permezz ta’ messaġġ pubbliċitarju, impriża tipprova tbiddel id-deċiżjonijiet ta’ xiri tal-konsumaturi billi tenfasizza l-vantaġġi tal-prodotti li hija toffri.

39      F’dan il-kuntest, ir-relazzjonijiet kompetittivi in kwistjoni għandhom jiġu analizzati b’relazzjoni mas-suq li fih ir-reklamar komparattiv jixxandar. Madankollu, peress li f’dan il-qasam hija neċessarja analiżi evolutiva ta’ l-abitudnijiet ta’ konsum u li ma jistax jiġi eskluż li t-tibdiliet ta’ dawn l-abitudnijiet ikkonstatati fi Stat membru jistgħu jmexxu l-effetti tagħhom fi Stati membri oħrajn, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni, ir-riperkussjonijiet eventwali tat-tibdiliet ta’ l-imsemmija abitudnijiet fl-Istat membru tiegħu.

40      Barra minn hekk, peress li n-natura interkambjabbli tal-prodotti tiddependi, sostanzjalment, fuq deċiżjonijiet ta’ xiri meħuda mill-konsumaturi, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jevolvu minħabba l-vantaġġi li dawn jirrikonoxxu lill-merkanzija jew servizzi, il-karatteristiċi konkreti tal-prodotti li r-riklam ifittex li jippromwovi, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni in abstracto bħala tipi ta’ prodotti, għandhom jiġu kkunsidrati bħala elementi rilevanti fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-grad ta’ sostituzzjoni.

41      Dan jiswa wkoll, iktar u iktar, għall-impressjoni li min jirreklama jkun irid jagħti għall-prodotti tiegħu, peress li dawn jikkostitwixxu wħud mill-elementi determinanti ta’ l-evoluzzjoni ta’ l-għażliet tal-konsumaturi.

42      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandha tingħata risposta għat-tieni parti li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn min jirreklama u l-impriża li hija identifikata fil-messaġġ pubbliċitarju, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni:

–        l-istat attwali tas-suq u ta’ l-abitudnijiet ta’ konsum kif ukoll ta’ l-iżviluppi possibbli tagħhom;

–        il-parti tat-territorju komunitarju li fih ir-riklam ikun qed jixxandar, mingħajr ma jiġu esklużi, jekk ikun il-każ, l-effetti li l-evoluzzjoni ta’ l-abitudnijiet ta’ konsum ikkonstatati fi Stati membri jista’ jkollha fuq is-suq nazzjonali in kwistjoni; u

–        il-karatteristiċi partikolari tal-prodott li min jirreklama għandu l-intenzjoni jippromwovi kif ukoll l-impressjoni li huwa jkun irid jagħtih.

 Fuq it-tielet parti

43      Fil-kuntest ta’ l-armonizzazzjoni komunitarja tar-reklamar komparattiv, l-Artikoli 2, punt 2a, u 3a (1) b), tad-direttiva jaqdu funzjonijiet differenti.

44      Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 2, punt 2a, jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ reklamar komparattiv, u b’hekk jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva. L-Artikolu 3a(1)(b) tad-Direttiva jispeċifika din il-ħtieġa u f'dan ir-rigward jimponi l-kundizzjoni, sabiex ir-reklamar komparattiv ikun permess, li l-oġġetti pparagunati li jikkompetu ma' xulxin jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew ikunu maħsuba għall-istess skop, jiġifieri, li jkunu suffiċjentement interkambjabbli għall-konsumatur (sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26).

45      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 93 tal-Konklużjonijiet tiegħu, kieku dawn il-kriterji kienu identiċi, l-Artikolu 3a (1) b) tad-direttiva jitlef kull effett utli għaliex kull riklam li jista’ jkun komparattiv, fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 2, punt 2a, ma jkun qatt jista’ jmur kontra l-kundizzjoni ta’ legalità in kwistjoni.

46      Ċertament, iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-direttiva juru prossimità evidenti.

47      Madankollu, filwaqt li t-tifsira tar-reklamar komparattiv mogħtija fil-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva tissupponi l-eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn l-impriżi, li jfisser għal dan il-għan li jkun suffiċjenti li jiġi vverifikat jekk il-prodotti li joffru jkollhom, b’mod ġenerali, ċertu grad ta’ sostituzzjoni bejniethom, il-kundizzjoni indikata fl-Artikolu 3a (1) b) ta’ l-istess direttiva titlob evalwazzjoni individwali u konkreta tal-prodotti li jkunu speċifikament is-suġġett tal-komparazzjoni fil-messaġġ pubbliċitarju sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ possibbiltà effettiva ta’ sostituzzjoni.

48      Għandu jiġi indikat li l-kriterji stabbiliti fil-punti 36 sa 41 tal-preżenti sentenza huma applikabbli mutatis mutandis fil-kuntest ta’ l-Artikolu 3a (1) b) tad-direttiva.

49      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li tingħata risposta għat-tielet parti li l-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, fis-sens tal-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva, u dawk li l-għan tagħhom huwa li jiġi vverifikat jekk il-komparazzjoni tissodisfax il-kundizzjoni indikata fl-Artikolu 3a (1) b) ta’ din id-direttiva mhumiex identiċi.

 Fuq it-tielet domanda

50      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk riklam li jagħmel riferiment għal tip ta’ prodotti mingħajr madankollu ma jidentifika kompetitur jew il-merkanzija ta’ dan ta’ l-aħħar huwiex illegali fid-dawl ta’ l-Artikolu 3a(1) tad-direttiva. Hija tfittex li ssir taf, fit-tieni lok, jekk il-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ dan ir-riklam għandhomx pjuttost jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali oħra, anki meta, f’dan il-każ, din l-evalwazzjoni tista’ twassal għal protezzjoni mnaqqsa tal-konsumaturi jew ta’ l-impriżi li joffru t-tip ta’ prodotti li għalih jirreferi r-riklam.

51      Kif jirriżulta mill-punti 17 sa 19 tal-preżenti sentenza, l-identifikazzjoni, f’messaġġ pubbliċitarju, ta’ kompetitur ta’ min jirreklama jew tal-merkanzija jew tas-servizzi li joffri tikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non sabiex l-imsemmi messaġġ ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi reklamar komparattiv, u jaqa’, b’dan il-fatt, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

52      Isegwi li l-kundizzjonijiet ta’ legalità tar-reklamar komparattiv, kif indikati fl-Artikolu 3a(1) tad-direttiva, huma biss applikabbli għall-messaġġi pubbliċitarji li jkollhom natura komparattiva.

53      L-illegalità eventwali ta’ riklam li jagħmel riferiment għal tip ta’ prodotti mingħajr madankollu jidentifika kompetitur jew il-merkanzija offruta minn dan ta’ l-aħħar ma taqax fil-kamp tar-reklamar komparattiv u ma tistax, għaldaqshekk, tiġi stabbilita abbażi ta’ l-Artikolu 3a(1) tad-direttiva.

54      Il-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ dan ir-riklam għandhom għaldaqstant jiġu evalwati fir-rigward ta' dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali jew, jekk ikun il-każ, tad-dritt komunitarju, b’mod partikolari dawk tad-direttiva dwar ir-riklam qarrieqi.

55      Dina l-evalwazzjoni tkun neċessarjament ibbażata fuq kriterji oħra barra dawk li jieħdu mil-legalità tar-reklamar komparattiv, mingħajr ma jkun hemm lok li tittieħed in kunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ livelli differenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi jew ta’ l-impriżi kompetituri li jista’ jirriżulta b’hekk.

56      Minn dak kollu li ntqal, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda:

–        fl-ewwel lok, li riklam li jagħmel riferiment għal tip ta’ prodotti mingħajr madankollu jidentifika kompetitur jew il-merkanzija offruta minn dan ta’ l-aħħar mhuwiex illegali fid-dawl ta’ l-Artikolu 3a(1) tad-direttiva;

–        fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ dan ir-riklam għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali jew, jekk ikun il-każ, tad-dritt komunitarju, indipendentement mill-fatt li dan ikun jista’ jimplika protezzjoni mnaqqsa għall-konsumaturi jew għall-impriżi kompetituri.

 Fuq ir-raba’ domanda

57      Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3a(1) f) tad-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li hija illegali kull komparazzjoni li, għall-prodotti li m'għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini, tagħmel riferiment għal prodotti li għandhom denominazzjoni ta’ oriġini.

58      Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3a(1) f), tad-direttiva, ir-reklamar komparattiv li jfittex jippromwovi prodott li għandu denominazzjoni ta’ oriġini huwa illegali meta jirreferi f’kull każ għal prodotti li għandhom l-istess denominazzjoni.

59      Jirriżulta mit-tnax-il premessa tad-direttiva 97/55 li l-għan ta’ din il-kundizzjoni ta’ legalità tar-reklamar komparattiv huwa li jieħu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tar-Regolament nru 2081/92 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 13 tiegħu, li l-għan tiegħu huwa li jipprojbixxi l-aġir abbużiv fil-konfront tad-denominazzjonijiet protetti.

60      Fost dan l-aġir, l-Artikolu 13(1) ta’ l-imsemmi regolament jagħmel b’mod partikolari riferiment għall-użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ din id-denominazzjoni rreġistrata għall-prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni u għall-użurpazzjoni, imitazzjoni jew evokazzjoni tagħha.

61      Il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-kundizzjoni ta’ legalità tar-reklamar komparattiv previst fl-Artikolu 3a(1) f), tad-direttiva hijiex ukoll applikabbli fil-każ li dan ir-riklam jirrigwarda prodott li m'għandux denominazzjoni ta’ oriġini u li jirreferi għal ieħor li jibbenefika minn din id-denominazzjoni għandha, fl-ewwel lok, tiġi eżaminata fid-dawl tal-għanijiet tad-direttiva.

62      Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 34 tal-preżenti sentenza, ir-reklamar komparattiv jgħin sabiex jenfasizza b’mod oġġettiv il-vantaġġi tal-prodotti differenti komparabbli u jistimola l-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-merkanzija u tas-servizzi fl-interess tal-konsumaturi. Skond il-kliem tal-ħames premessa tad-direttiva 97/55, ir-reklamar komparattiv, meta jqabbel karatteristiċi essenzjali, verifikabbli, u rappreżentattivi u li huwa ma jkunx qarrieqi, jista’ tkun mezz leġittimu li jinforma l-konsumaturi bl-interessi tagħhom.

63      Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-kundizzjonijiet mitluba mir-reklamar komparattiv għandhom jiġu interpretati fl-iktar sens favorevoli għalihom (ara l-punt 35 tal-preżenti sentenza).

64      Fit-tieni lok, l-Artikolu 3a(1) f), tad-direttiva għandu jinqara flimkien ma l-Artikolu 3a(1) g) ta’ l-istess direttiva.

65      Bis-saħħa ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ir-reklamar komparattiv huwa legali meta ma jiħux vantaġġ indebitu mill-fama marbuta ma trade mark, isem kummerċjali jew minn sinjali distintivi ta’ kompetitur jew tad-denominazzjoni ta’ oriġini ta’ prodotti kompetituri.

66      L-effett utli ta’ din l-eżiġenza jintilef parzjalment jekk il-prodotti li m’għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini jkunu miżmuma milli jiġu mqabbla ma oħrajn li jibbenefikaw din id-denominazzjoni.

67      Fil-fatt, fl-ipoteżi ta’ din il-projbizzjoni, ir-riskju li min jirreklama jkun jista’ jibbenefika illegalment minn din id-denominazzjoni ta’ oriġini ta’ prodott kompetitur jkun, naturalment, eskluż għaliex il-prodott li l-vantaġġi tiegħu qed jiġu promossi mir-riklam ikun neċessarjament jiddisponi mill-istess denominazzjoni ta’ oriġini tal-kompetitur tiegħu.

68      Min-naħa l-oħra, fil-każijiet kollha fejn il-messaġġ pubbliċitarju intiż li jippromwovi l-prodott li m’għandux id-denominazzjoni ta’ oriġini jkollu l-għan li jieħu vantaġġ indebitu mid-denominazzjoni ta’ oriġini tal-prodott kompetitur, l-Artikolu 3a(1) g) tad-direttiva għandu jkun applikabbli.

69      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu b’mod partikolari jiġi vverifikat jekk l-għan imfittex minn dan ir-riklam huwiex unikament dak li jiddistingwi l-prodotti ta’ min jirreklama minn dawk tal-kompetitur tiegħu u li b’hekk jenfasizza oġġettivament id-differenzi (sentenzi Toshiba Europe, iċċitata iktar ‘il quddiem, punt 53, u tat-23 ta’ Frar 2006, Siemens, C-59/05, Ġabra p. I-2147, punt 14).

70      Jekk il-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ legalità tar-reklamar komparattiv jiġu rrispettati, protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini li jkollha bħala effett li tipprojbixxi b’mod assolut il-komparazzjonijiet ta’ prodotti li m'għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini ma oħra li jibbenefikaw minn din id-denominazzjoni tkun inġustifikata u ma ssibx il-leġittimità tagħha fid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3a(1) f) tad-direttiva.

71      Barra minn hekk, peress li din il-projbizzjoni ma tirriżultax espressament mill-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 3a(1) f) tad-direttiva, il-konstatazzjoni tagħha bħala prinċipju timplika, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ din il-kundizzjoni ta’ legalità tar-reklamar komparattiv, limitazzjoni tal-portata tagħha. Dan ir-riżultat imur kontra l-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 63 tal-preżenti sentenza).

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ qabel, għandha tingħata r-risposta għar-raba’ domanda li l-Artikolu 3a(1) f) tad-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li mhijiex illegali kull komparazzjoni, għall-prodotti li m'għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini, li jirreferu għal prodotti li jibbenefikaw minn din id-denominazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, ta’ l-10 ta’ Settembru 1984, dwar reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv, kif emendata mid-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/55/KE, tas-6 ta’ Ottubru 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jitqies li jikkostitwixxi reklamar komparattiv ir-riferiment, f’messaġġ pubbliċitarju, għal tip ta’ prodotti u mhux għal impriża jew prodott speċifiku meta jkun possibbli li tiġi identifikata din l-impriża jew il-prodotti li hija toffri bħala konkretament imsemmija mill-imsemmi messaġġ. Iċ-ċirkustanza li diversi kompetituri ta’ min jirreklama jew tal-merkanzija jew tas-servizzi li joffru jistgħu jiġu identifikati bħala konkretament imsemmija mill-messaġġ pubbliċitarju huwa irrilevanti sabiex tġi rrikonoxxuta n-natura komparattiva tar-riklam.

2)      L-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn min jirreklama u l-impriża li hija identifikata fil-messaġġ pubbliċitarju ma tistax tiġi stabbilita indipendentement mill-merkanzija jew mis-servizzi offruti minnha.

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni:

–        L-istat attwali tas-suq u ta’ l-abitudnijiet ta’ konsum kif ukoll ta’ l-iżviluppi possibbli tagħhom;

–        Il-parti tat-territorju komunitarju li fih ir-riklam ikun qed jixxandar, mingħajr ma jiġu esklużi, jekk ikun il-każ, l-effetti li l-evoluzzjoni ta’ l-abitudnijiet ta’ konsum ikkonstatati fi Stati membri jista’ jkollha fuq is-suq nazzjonali in kwistjoni; u

–        Il-karatteristiċi partikolari tal-prodott li min jirreklama għandu l-intenzjoni jippromwovi kif ukoll l-impressjoni li huwa jkun irid jagħtih.

Il-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, fis-sens tal-punt 2a ta’ l-Artikolu 2 tad-direttiva, u dawk li l-għan tagħhom huwa li jiġi vverifikat jekk il-komparazzjoni tissodisfa l-kundizzjoni indikata fl-Artikolu 3a (1) b) ta’ din id-direttiva mhumiex identiċi.

3)      Riklam li jagħmel riferiment għal tip ta’ prodotti mingħajr madankollu jidentifika kompetitur jew il-merkanzija offruta minn dan ta’ l-aħħar mhuwiex illegali fir-rigward ta’ l-Artikolu 3a(1) tad-direttiva 84/450, emendata bid-direttiva 97/55. Il-kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ dan ir-riklam għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali jew, jekk ikun il-każ, tad-dritt komunitarju, indipendentement mill-fatt li dan ikun jista’ jimplika protezzjoni mnaqqsa għall-konsumaturi jew għall-impriżi kompetituri.

4)      L-Artikolu 3a(1) f) tad-direttiva 84/450, għandu jiġi interpretat fis-sens li mhijiex illegali kull komparazzjoni, għall-prodotti li m’għandhomx denominazzjoni ta’ oriġini, li jirreferu għal prodotti li jibbenefikaw minn din id-denominazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.