Language of document : ECLI:EU:T:2012:673

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

12 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-karbur tal-kalċju u tal-manjeżju intiżi għall-industriji tal-azzar u tal-gass fiż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, ta’ Spanja, tal-Portugall u tar-Renju Unit – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Multi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Kapaċità kontributorja”

Fil-Kawża T‑352/09,

Novácke chemické závody a.s., stabbilita f’Nováky (is-Slovakkja), inizjalment irrappreżentata minn A. Černejová, sussegwentement minn M. Bol’oš u L. Bányaiová, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, N. von Lingen u A. Tokár, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta’ Lulju 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39.396 − il-Karbur tal-Kalċju u rijaġenti bbażati fuq il-manjeżju għall-industriji tal-azzar u tal-gass), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mid-deċiżjoni msemmija,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u D. Gratsias (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (2009) 5791 finali tagħha, tat-22 ta’ Lulju 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39.396 − il-Karbur tal-Kalċju u rijaġenti bbażati fuq il-manjeżju għall-industriji tal-azzar u tal-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat li l-fornituri prinċipali tal-karbur tal-kalċju u tal-manjeżju intiżi għall-industriji tal-azzar u tal-gass kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, mis-7 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007, fi ksur uniku u kontinwu. Dan kien dovut għal tqassim tas-swieq, iffissar ta’ kwoti, tqassim tal-klijenti, iffissar tal-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar il-prezzijiet, il-klijenti u l-volumi tal-bejgħ fiż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, ta’ Spanja, tal-Portugall u tar-Renju Unit.

2        Il-proċedura infetħet wara talba għall-immunità, skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155), li tressqet minn Akzo Nobel NV.

3        Ir-rikorrenti, Novácke chemické závody a.s., tipproduċi, b’mod partikolari, il-karbur tal-kalċju. Fl-Artikolu 1(e) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur waqt it-tul kollu tiegħu u, fl-ewwel paragrafu (e) tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni, hija imponiet fuqha multa ta’ EUR 19.6 miljuni, flimkien u in solidum ma’ 1. garantovaná a.s., il-kumpannija parent tagħha fiż-żmien tal-ksur.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

4        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

5        B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru fl-istess ġurnata u rreġistrat bir-referenza T‑352/09 R, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikoli 242 KE u 243 KE u l-Artikoli 104 u s-segwenti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. B’digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ottubru 2009, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni (T‑352/09 R, Ġabra p. II-208), din it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda.

6        B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet ġiet iddikjarata falluta. B’ittra oħra, ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Novembru 2009, hija informat lill-Qorti Ġenerali bil-ħatra ta’ rappreżentant ġdid mill-amministratur tal-falliment. Hija żiedet li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Slovakk applikabbli f’każ ta’ falliment ta’ parti f’istanza quddiem qorti, il-proċedura f’din il-kawża kellha tiġi sospiża. Wara li kkunsidrat li din l-ittra kien fiha, essenzjalment, talba għas-sospensjoni tal-proċedura f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali talbet l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar din it-talba. Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Diċembru 2009, din opponiet ruħha għas-sospensjoni tal-proċedura inkwistjoni.

7        B’digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 2010, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża, b’applikazzjoni tal-Artikolu 77(d) tar-Regoli tal-Proċedura, sal-31 ta’ Ottubru 2010, sabiex l-amministratur tal-falliment tar-rikorrenti jkun jista’ jiddeċiedi jekk jixtieqx ikompli, f’isem ir-rikorrenti, il-proċedura f’din il-kawża jew jirrinunzja għall-kawża.

8        B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni talbet it-tkomplija tal-proċedura f’din il-kawża. B’digriet tal-11 ta’ Mejju 2010, peress li r-rikorrenti ma ppreżentatx l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba msemmija fit-terminu mogħti, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jkompli l-proċedura f’din il-kawża.

9        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Novembru 2009, ir-Repubblika Slovakka talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tal-24 ta’ Ġunju 2010, korrett b’digriet tas-26 ta’ Lulju 2010, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent. Ir-Repubblika Slovakka ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fl-14 ta’ Settembru 2010.

10      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali inbidlet, l-Imħallef Relatur inizjalment maħtur ġie assenjat lit-Tielet Awla, lil liema awla ġiet konsegwentement attribwita l-kawża preżenti. Minħabba tibdil parzjali tal-Qorti Ġenerali, il-kawża preżenti ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, li jifforma parti mill-istess awla.

11      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet, l-ewwel nett, lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti, it-tieni nett, lir-rikorrenti sabiex tirrispondi għal mistoqsija u, it-tielet nett, lill-partijiet kollha sabiex jirrispondu għal mistoqsija oħra. Il-partijiet irrispondew għal dawn id-domandi, ħlief f’dak li jikkonċerna dokument, li l-preżentazzjoni tiegħu kienet intalbet mingħand il-Kummissjoni.

12      B’digriet tas-27 ta’ Marzu 2012, il-Qorti Ġenerali ordnat mingħand il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ miżura istruttorja stabbilita fl-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentazzjoni tad-dokument li din ma kinitx ippreżentat fil-kuntest tal-miżuri għall-organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt preċedenti. Il-Kummissjoni rrispondiet għal din il-miżura istruttorja fit-terminu mogħti.

13      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-25 ta’ April 2012.

14      Waqt is-seduta, ir-Repubblika Slovakka talbet sabiex tiġi awtorizzata tippreżenta dokument ġdid. Peress li l-partijiet l-oħra ma ressqu ebda oppożizzjoni, il-Qorti Ġenerali awtorizzat il-preżentata tad-dokument inkwistjoni u tat lill-partijiet l-oħra terminu sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom relatati mal-imsemmi dokument. Il-proċedura orali ingħalqet fil-15 ta’ Mejju 2012, wara l-preżentata tal-osservazzjonijiet tal-partijiet l-oħra dwar id-dokument ippreżentat mir-Repubblika Slovakka. 

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lilha u, konsegwentement, tannulla l-multa li ġiet imposta fuqha;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas b’mod sinjifikanti l-ammont tal-multa li ġiet impost fuqha;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

16      Ir-Repubblika Slovakka ssostni t-talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament jew għat-tnaqqis sostanzjali tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, it-tieni nett, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fuq żball ta’ fatt kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kapaċità kontributorja tagħha skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida tagħha għall-iffissar tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) u, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 3(1)(g) KE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

 Linji gwida

19      Hekk kif jirriżulta mill-premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti u fuq il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni ġie ffissat abbażi tal-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni.

20      Hekk kif jirriżulta mill-paragrafi 9 sa 11 tal-linji gwida, l-iffissar tal-ammont tal-multa seħħ skont metodoloġija li tinvolvi żewġ stadji.

21      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tiddetermina ammont bażiku għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, imwettaq mill-impriża kkonċernata, b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat (paragrafu 13). L-ammont bażiku tal-multa huwa marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-livell ta’ serjetà tal-ksur, immoltiplikat bin-numru ta’ snin tal-ksur (paragrafu 19). Il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur iżda ta’ inqas minn sena jitqiesu bħala sena sħiħa (paragrafu 24). Il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat jista’, bħala regola ġenerali, jammonta sa 30 % (paragrafu 21).

22      Il-paragrafu 22 tal-linji gwida jipprovdi li, “[s]abiex jiġi deċiż jekk il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari għandux ikun fil-qiegħ jew fl-għoli ta’ din l-iskala, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati, l-estensjoni ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tal-ksur”.

23      Barra minn hekk, il-paragrafu 25 tal-linji gwida jipprovdi li “indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ […], sabiex tiddisswadi l-impriżi milli propju jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni”.

24      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tista’ tirranġa l-ammont bażiku tal-multa, iffissat matul l-ewwel stadju, ’il fuq jew l-isfel. B’hekk, il-paragrafu 28 tal-linji gwida jipprevedi ż-żieda tal-ammont imsemmi meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti, bħal dawk imsemmija fl-istess paragrafu. Ir-reċidività, jiġifieri l-fatt li “impriża tkompli jew tirrepeti ksur identiku jew simili wara li l-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali tkun ikkonstatat li din l-impriża kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 [KE] jew tal-Artikolu 82 [KE]”, tinsab fost iċ-ċirkustanzi aggravanti msemmija f’dan il-paragrafu u tiġġustifika żieda sa 100 % tal-ammont bażiku tal-multa (ara l-ewwel inċiż tal-paragrafu 28 tal-linji gwida). Il-parteċipazzjoni fir-rwol ta’ mexxej jew ta’ provokatur tal-ksur ukoll tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti, skont it-tielet inċiż tal-paragrafu 28 tal-linji gwida.

25      Barra minn hekk, b’mod partikolari, fil-paragrafu 30 tal-linji gwida hemm stabbilita żieda speċifika fl-ammont tal-multa fid-dawl tal-karattru dissważiv, li tgħid li “[il-]Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-bżonn li jiġi żgurat li l-multi jippreżentaw effett suffiċjentement dissważiv; għal dan il-għan, hija tista’ żżid il-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom, lil hinn mill-oġġetti u s-servizzi li jirreferi għalihom il-ksur, huwa partikolarment kbir”.

26      Apparti dan, il-paragrafu 29 tal-linji gwida jistabbilixxi li l-ammont bażiku tal-multa jista’ jitnaqqas meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, bħal dawk imsemmija fl-istess paragrafu. Skont it-tieni inċiż ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti meta l-impriża kkonċernata tressaq il-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza. Barra minn hekk, skont ir-raba’ inċiż tal-istess paragrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonstata ċirkustanzi attenwanti “meta l-impriża kkonċernata tikkoopera effettivament [magħha], barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza u lil hinn mill-obbligu legali tagħha li tikkoopera”.

27      Għal dan il-għan, hekk kif jirriżulta mill-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kooperazzjoni tal-impriżi mal-Kummissjoni kienet irregolata, mill-14 ta’ Frar 2002, bl-Avviż tal-Kummissjoni dwar Immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartelli (ĠU 2002, C 45, p. 3, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar l-Immunità tal-2002”) li ġie ssostitwit, mit-8 ta’ Diċembru 2006, minn Avviż tal-Kummissjoni ġdid (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar l-Immunità tal-2006”). B’hekk, peress li Akzo Nobel ikkuntattjat lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ talba għall-immunità mill-20 ta’ Novembru 2006, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Avviż dwar l-Immunità tal-2006, f’dan il-każ japplikaw l-Avviż dwar l-Immunità tal-2002, kif ukoll, b’eċċezzjoni, abbażi tal-punt 37 tal-Avviż dwar l-Immunità tal-2006, il-punti 31 sa 35 ta’ dan l-aħħar avviż.

28      Finalment, il-paragrafu 35 tal-linji gwida jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ kapaċità kontributorja ta’ impriża fil-kuntest soċjali u ekonomiku partikolari, bil-għan li eventwalment jitnaqqas l-ammont tal-multa.

 Id-deċiżjoni kkontestata

29      Il-valur tal-bejgħ ta’ kull parteċipant fl-akkordju, matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-ksur, użat mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa jinsab indikat fit-tabella li tidher fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li l-valur tal-bejgħ ta’ karbur tal-kalċju fi trab mir-rikorrenti, fl-2006, kien jinsab bejn EUR 5 u 10 miljuni. Il-valur tal-bejgħ ta’ karbur tal-kalċju fi żrar imwettaq minnha kien jinsab bejn EUR 20 u 25 miljun.

30      Mill-premessa 294 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur inkwistjoni kien jinsab, min-natura tiegħu stess, fost l-iktar restrizzjonijiet serji tal-kompetizzjoni.

31      Barra minn hekk, fil-premessa 299 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-akkordju inkwistjoni kien jikkonċerna lil klijenti ġewwa ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni ta’ Spanja, tal-Portugall, tar-Renju Unit u tal-Irlanda.

32      Fil-premessa 301 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-parteċipanti kollha fl-akkordju għal 17 %, fid-dawl taċ-“ċirkustanzi partikolari tal-każ” u billi ħadet inkunsiderazzjoni l-“kriterji eżaminati fil-premessi 294 u 299”.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar it-tul tal-ksur, esposti fil-premessi 302 u 303 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, fit-tabella li tidher fil-premessa 304 tal-istess deċiżjoni, il-moltiplikatur stabbilit abbażi tas-snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur adottat għal kull impriża kkonċernata minn din id-deċiżjoni. Fil-każ tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ffissat moltiplikatur ta’ 2.5 għall-karbur tal-kalċju fi trab u ta’ 3 għall-karbur tal-kalċju fi żrar.

34      Barra minn hekk, fil-premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat il-perċentwali tal-valur tal-bejgħ li jikkorrispondi għas-somma addizzjonali li għandha tiġi inkluża fil-multa b’mod konformi mal-paragrafu 25 tal-linji gwida, f’dan il-każ 17 %, “[m]inħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ u fid-dawl tal-kriterji eżaminati iktar ’il fuq dwar in-natura tal-ksur u l-portata ġeografika [tiegħu]”.

35      Il-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi fiha tabella li tindika l-ammont bażiku tal-multa kkalkolat għal kull parteċipant. Fil-każ tar-rikorrenti, dan l-ammont jammonta għal EUR 19.6 miljun.

36      Fil-premessi 309 sa 312 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm lok għalfejn l-ammont bażiku tal-multa jinbidel ’il fuq minħabba ċirkustanzi aggravanti. Hija kkunsidrat li kienu jeżistu tali ċirkustanzi fir-rigward ta’ żewġ parteċipanti oħra fl-akkordju, Akzo Nobel u Degussa AG, li din tal-aħħar kienet saret, fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Evonik Degussa GmbH, minħabba li kienu reċidivi. L-ebda ċirkustanza aggravanti ma kienet ġiet invokata jew ikkunsidrata fir-rigward tar-rikorrenti.

37      Fil-premessi 313 sa 333 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm lok għalfejn tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-parteċipanti fl-akkordju. B’mod partikolari, suċċessivament, hija eżaminat l-argumenti bbażati fuq parteċipazzjoni limitata fl-akkordju, imressqa mill-parteċipanti kollha (premessi 313 sa 316), l-argumenti mressqa minn ċerti parteċipanti u bbażati fuq in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-ftehim ikkonċernati mill-akkordju u n-nuqqas ta’ profitt imwettaq minnhom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju (premessi 317 sa 320), l-argumenti ta’ ċerti parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, ibbażati fuq il-kooperazzjoni effettiva tagħhom mal-Kummissjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Avviż dwar l-Immunità tal-2006 (premessi 321 sa 327 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-argumenti mressqa minn diversi parteċipanti u bbażati fuq is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tal-fornituri tal-karbur tal-kalċju u tal-manjeżju qabel u matul il-perijodu tal-akkordju (premessi 328 sa 331). F’kull każ, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm lok għalfejn jitqies li kienu jeżistu ċirkustanzi attenwanti (premessi 314, 320, 327 u 331 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Fil-premessi 335 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm lok għalfejn jiġi applikat l-Avviż dwar l-Immunità tal-2002 fir-rigward ta’ wieħed jew iktar mill-parteċipanti fl-akkordju. Mill-premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti kienet ippreżentat talba f’dan is-sens fis-6 ta’ Frar 2008 (iktar ’il quddiem it-“talba għall-immunità”). Fl-istess premessa, il-Kummissjoni kkunsidrat li t-talba kienet ġiet ippreżentata iktar minn sena wara l-ispezzjonijiet u wara li r-rikorrenti kienet irċeviet talbiet għal informazzjoni, abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. It-talba ma pprovdietx valur miżjud sinjifikanti peress li r-rikorrenti kixfet biss fatti relattivi għall-karbur tal-kalċju fi trab, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni diġà kellha, dak iż-żmien, provi biżżejjed. B’hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma setgħetx iktar, min-natura jew mil-livell ta’ preċiżjoni tagħha, issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tipprova l-fatti. Għal dawn il-motivi, hija kkonkludiet li r-rikorrenti ma setgħetx tibbenefika minn tnaqqis fl-ammont tal-multa.

39      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonċediet immunità mill-multi lil Akzo Nobel (premessi 335 u 336 tad-deċiżjoni kkontestata), tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 35 % lil Donau Chemie AG (premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 20 % lil Evonik Degussa (premessa 356 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ċaħdet it-talba għall-immunità jew għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa mressqa minn Almamet GmbH (premessa 349) u, barra minn hekk, ikkunsidrat li SKW Stahl‑Metallurgie GmbH, SKW Stahl‑Metallurgie AG u Arques Industries AG ma setgħux igawdu mit-tnaqqis fl-ammont tal-multa mogħti lil Evonik Degussa, peress li din tal-aħħar kienet ippreżentat it-talba għall-immunità tagħha f’isimha biss (premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      L-ammonti tal-multi li għandhom jiġu imposti jidhru fil-premessa 361 tad-deċiżjoni kkontestata. L-ammont indikat għar-rikorrenti huwa ta’ EUR 19.6 miljun.

41      Finalment, fil-premessi 362 sa 378 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat it-talbiet ta’ diversi parteċipanti fl-akkordju biex jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 35 tal-linji gwida. Il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba tar-rikorrenti (premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll dawk imressqa mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, iżda tat tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 20 % lil Almamet (premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Fuq l-ilmenti invokati mir-rikorrenti

42      Ir-rikorrenti tosserva li l-iffissar tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-Kummissjoni huwa vvizzjat minn ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. F’dan ir-rigward, hija tressaq ħames ilmenti relattivi, l-ewwel nett, għall-karattru dissważiv tal-multa, it-tieni nett, għaċ-ċirkustanzi aggravanti, it-tielet nett, għaċ-ċirkustanzi attenwanti, ir-raba’ nett, għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa mogħtija lil Almamet u, il-ħames nett, għall-multa sa fejn din hija kkalkolata bi proporzjon għad-dħul mill-bejgħ globali tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-ilmenti ser jiġu eżaminati suċċessivament, wara li jiġu esposti ċerti kunsiderazzjonijiet preliminari. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti qajmet ilment dwar il-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. Skont din, dan l-ilment kien diġà jinsab fir-rikors. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni osservat li dan kien ilment ġdid, mhux ibbażat fuq provi mressqa matul l-istanza u, għalhekk, inammissibbli. Dan l-ilment ser jiġi eżaminat fl-aħħar l-lok.

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

43      Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tiddiriġi l-imġiba tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 216, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Madankollu, kif tosserva r-rikorrenti, kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija tkun marbuta li tosserva l-prinċipji ġenerali tal-liġi, fost liema hemm il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kif interpretati mill-Qrati tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, T‑138/07, Ġabra p. II-4819, punt 105).

45      Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra s-serjetà tal-ksur, it-tul tiegħu. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tassigura l-karattru dissważiv tal-azzjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 106, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 272).

46      Il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti meta din ma timmotivax iż-żieda fil-livell ġenerali tal-multi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika tal-kompetizzjoni, titlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt imfittex fuq l-impriża li fuqha din hija imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 283, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 379).

47      Fir-rigward tal-linji gwida, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, billi tadotta tali regoli ta’ kondotta u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tat-trattament ugwali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 44, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 146).

48      Isegwi, kif wara kollox tirrikonoxxi r-rikorrenti, li, waqt l-iffissar tal-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża b’mod konformi mal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament iżda, b’mod kuntrarju, jista’ jkun neċessarju, b’mod partikolari sabiex jiġi osservat it-tieni wieħed minn dawn il-prinċipji. Madankollu, b’mod invers, is-sempliċi osservanza tal-metodoloġija għall-iffissar tal-ammont tal-multi stabbilita fil-linji gwida ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu li tiżgura ruħha li l-multa imposta f’każ partikolari tkun konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, fil-paragrafu 37 tal-linji gwida, il-Kummissjoni irriżervat lilha nnifisha d-dritt li tinjora l-metodoloġija jew il-limiti stabbiliti fil-linji gwida msemmija, meta l-partikolaritajiet ta’ każ jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv tal-multa tkun tiġġustifika hekk.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tar-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi fuq impriżi minħabba l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali hija doppjament kompetenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 53).

50      Min-naħa waħda, hija kompetenti sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet imsemmija u, f’dan il-kuntest, għandha tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 54) u, barra minn hekk, għandha twettaq, abbażi tal-provi mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, stħarriġ approfondit kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, Ġabra p. I‑13125, punt 129).

51      Min-naħa waħda, dan l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li hija rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod konformi mal-Artikolu 261 TFUE (sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 130). Lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità, li jippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat b’mod totali jew parzjali l-att ikkontestat, il-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha tawtorizza lill-qorti sabiex tirriforma l-att ikkontestat, anki fin-nuqqas ta’ annullament, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 692, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 86). B’hekk, din tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penali imposta (sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 130).

52      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

–       Fuq l-ewwel ilment, relattiv għall-karattru dissważiv tal-multa

53      Ir-rikorrenti tosserva li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq il-fatt li l-multa imposta fuq impriża li pparteċipat f’akkordju għandu jkollha karattru dissważiv speċifiku għall-impriża kkonċernata. Ir-rikorrenti tenfasizza li approċċ individwalizzat huwa neċessarju f’dan ir-rigward, peress li multa ta’ ċertu ammont tista’ toħloq effett dissważiv fir-rigward ta’ impriża, iżda mhux fir-rigward ta’ oħra. Skont ir-rikorrenti, minn dan jirriżulta li s-somma stabbilita fil-paragrafu 25 tal-linji gwida ma għandhiex tiġi ffissata għall-istess livell għall-parteċipanti kollha fl-akkordju. Il-ħtieġa tal-użu ta’ moltiplikaturi ta’ dissważjoni differenti għal kull parteċipant ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq.

54      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma użatx il-fakoltà tagħha, stabbilita fil-paragrafu 30 tal-linji gwida, li żżid l-ammont tal-multa sabiex tiżgura effett dissważiv biżżejjed. Skont ir-rikorrenti, tali żieda setgħet tiġi kkunsidrata fir-rigward tal-parteċipanti fl-akkordju li d-dħul mill-bejgħ globali tagħhom kien l-ikbar, jiġifieri Akzo Nobel, Ecka Granulate GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem, “Ecka”) u Evonik Degussa. Finalment, ir-reċidivi, Akzo Nobel u Evonik Degusa, kellhom jiġu ssanzjonati b’multi iktar għoljin minn dawk imposti fuq ir-rikorrenti, li kellha biss rwol minuri fil-ksur. Is-sempliċi teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidività, bħala ċirkustanza aggravanti stabbilita fil-paragrafu 28 tal-linji gwida, ma huwiex suffiċjenti.

55      Preliminarjament, fir-rigward tan-natura operattiva tal-argument miġbur fil-qosor fil-punt preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, il-ġurisdizzjoni sħiħa attribwita lill-Qorti tal-Unjoni tinkludi espressament is-setgħa li, jekk ikun il-każ, iżżid l-ammont tal-multa imposta. B’hekk, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn diversi parteċipanti fi ksur minħabba l-fatt li s-serjetà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ xi wħud minnhom ġie stmat inqas meta mqabbel mas-serjetà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-oħrajn, l-iktar soluzzjoni xierqa sabiex jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ huwa li jiżdied l-ammont tal-multa imposta fuq l-ewwel parteċipanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 576).

56      Madankollu, tali żieda tista’ sseħħ biss fil-każ fejn il-parteċipanti fil-ksur li l-multa tagħhom għandha tiżdied ikunu kkontestaw din il-multa quddiem il-Qorti Ġenerali u jekk ikunu tpoġġew f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ tali żieda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punti 577 u 578). Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, l-iktar metodu adattat sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament identifikat jikkonsisti fi tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuq il-parteċipanti l-oħra fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 579). Għaldaqstant, l-argument miġbur fil-qosor fil-punt 54 iktar ’il fuq ma jistax jiġi immedjatament miċħud bħala ineffettiv.

57      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni hija konxja mill-ħtieġa li jiġi żgurat mhux biss il-karattru dissważiv, fuq livell ġenerali, tal-azzjoni tagħha fil-qasam tal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni iżda, b’mod partikolari, l-effett dissważiv speċifiku tal-multa li hija timponi fuq impriża li wettqet tali ksur. Dan huwa kkonfermat mill-paragrafu 4 tal-linji gwida li b’mod partikolari jipprovdi li “[i]l-multi għandhom jiġu ffissati għal livell dissważiv biżżejjed […] bil-għan li jissanzjonaw lill-impriżi inkwistjoni (effett dissważiv speċifiku)”.

58      Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-ammont imsemmi fil-paragrafu 25 tal-linji gwida jifforma parti mill-ammont bażiku tal-multa li, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 19 tal-istess linji gwida (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), għandu jirrifletti s-serjetà tal-ksur u mhux is-serjetà relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda mill-impriżi. Skont il-ġurisprudenza, din l-aħħar kwistjoni għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-eventwali applikazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 100). Konsegwentement, u hekk kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, huwa mixtieq li hija tiffissa l-perċentwali tal-valur tal-bejgħ imsemmi fil-paragrafu 25 tal-linji gwida, kif ukoll dak imsemmi fil-paragrafu 21 tal-istess linji gwida, għall-istess livell għall-parteċipanti kollha fl-akkordju. L-iffissar tal-istess perċentwali għall-parteċipanti kollha fl-akkordju ma jimplikax, kuntrarjament għal dak li tidher li ssostni r-rikorrenti, l-iffissar, skont il-paragrafu 25 tal-linji gwida, tal-istess somma għall-parteċipanti kollha fl-akkordju. Peress li din is-somma tikkonsisti f’perċentwali tal-valur tal-bejgħ imwettaq b’relazzjoni mal-ksur għal kull parteċipant fl-akkordju, din tkun differenti għal kull wieħed minnhom, skont id-differenzi fil-valur tal-bejgħ li wettqu.

59      Is-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, ma tistax twassal għal konklużjoni differenti. Fil-punt 335 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, iżżid l-ammont tal-multa ddeterminat skont is-serjetà tal-ksur, bl-applikazzjoni tal-istess rata liż-żewġ parteċipanti tal-akkordju li wettqu dħul mill-bejgħ sostanzjalment differenti.

60      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 20, 21, 326 u 327 tal-istess sentenza, l-ammont tal-multa impost fuq id-diversi parteċipanti fl-akkordju inkwistjoni f’din il-kawża kien ġie ddeterminat skont metodoloġija differenti minn dik stabbilita fil-linji gwida u applikata mill-Kummissjoni f’dan il-każ. Fil-kawża li wasslet għass-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet qassmet lill-parteċipanti fl-akkordju fi gruppi differenti skont id-dħul mill-bejgħ tagħhom u kienet iffissat l-istess ammont bażiku tal-multa fir-rigward tal-membri kollha ta’ kull grupp. Ir-rikorrenti f’dik il-kawża kienet tpoġġiet fl-istess grupp bħal impriża oħra li kienet wettqet dħul mill-bejgħ ikbar u, għalhekk, kien ġie ddeterminat l-istess ammont bażiku għal dawn iż-żewġ impriżi. Sussegwentement, sabiex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti, il-Kummissjoni żiedet dan l-ammont bl-istess rata, f’dan il-każ 100 %, għal kull waħda minn dawn iż-żewġ impriżi. Kien dan l-aħħar aspett li kien ġie kkritikat mill-Qorti Ġenerali (sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punti 328 sa 335).

61      Issa, f’dan il-każ, min-naħa waħda, hekk kif diġà ġie rrilevat, l-ammont bażiku tal-multa huwa differenti għad-diversi parteċipanti fl-akkordju, skont id-differenza fid-dħul mill-bejgħ li wettqu. Min-naħa l-oħra, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, hija ma wettqitx żieda speċifika fl-ammont bażiku bil-għan li tiżgura karattru dissważiv suffiċjenti lill-multa. Isegwi li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma huma bl-ebda mod paragunabbli ma’ dawk tal-kawża li wasslet għas-sentenza Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq.

62      Ir-rikorrenti tikkritika wkoll il-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx, abbażi tal-paragrafu 30 tal-linji gwida, żieda fl-ammont tal-multa imposta fuq il-parteċipanti fl-akkordju li wettqu l-ikbar dħul mill-bejgħ globali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm mill-imsemmi paragrafu tal-linji gwida effettivament jirriżulta li żieda fil-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża li d-dħul mill-bejgħ tagħha, lil hinn mill-oġġetti u s-servizzi li l-ksur jirreferi għalihom, huwa partikolarment kbir, tista’ tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed lil din il-multa, b’mod invers, minn dan ma jirriżultax li multa li ma tirrappreżentax perċentwali sinjifikanti tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata ma toħloqx effett dissważiv biżżejjed fir-rigward ta’ din l-impriża.

63      Fil-fatt, multa ffissata skont metodoloġija ddefinita fil-linji gwida tirrappreżenta, fil-prinċipju, perċentwali kunsiderevoli tal-valur tal-bejgħ li l-impriża ssanzjonata wettqet fis-settur ikkonċernat mill-ksur. B’hekk, minħabba l-multa, l-impriża inkwistjoni tara l-profitti tagħha f’dan is-settur jonqsu b’mod sinjifikanti, jew saħansitra tirreġistra telf. Anki meta d-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriża msemmija f’dan is-settur ikun jirrappreżenta biss frazzjoni żgħira mid-dħul mill-bejgħ globali tagħha, ma jistax jiġi a priori eskluż li t-tnaqqis fil-profitti mwettqa f’dan is-settur, jew saħansitra l-bdil tagħhom f’telf, ikollu effett dissważiv, sa fejn, fil-prinċipju, impriża kummerċjali topera f’settur determinat sabiex twettaq profitt.

64      Huwa għalhekk li l-paragrafu 30 tal-linji gwida jistabbilixxi l-fakultà u mhux l-obbligu fuq il-Kummissjoni li żżid il-multa imposta fuq impriża li d-dħul mill-bejgħ tagħha, lil hinn mill-oġġetti u s-servizzi kkonċernati mill-ksur, huwa partikolarment kbir. Issa, minbarra riferenza vaga għad-dħul mill-bejgħ globali allegatament kbir ta’ ċerti parteċipanti fl-akkordju, li ma tgħamel xejn għajr tirrifletti l-argumentazzjoni mressqa fil-kuntest tal-ħames ilment eżaminat iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda element konkret li jista’ juri li l-Kummissjoni kellha tagħmel użu minn din il-fakultà f’dan il-każ. Konsegwentement, ma jista’ jiġi lmentat kontriha ebda ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità għal dan il-motiv.

65      Finalment, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidività, għandu jiġi rrilevat li, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess, ir-reċidività tittieħed inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, b’mod konformi mal-ewwel inċiż tal-paragrafu 28 tal-linji gwida u din tista’ twassal għal żieda sinjifikanti f’dan l-ammont li jista’ jirdoppja. Min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-ammont bażiku, li jifforma parti minnha l-iffissar tal-perċentwali stabbilit fil-paragrafu 25 tal-linji gwida, issir, hekk kif diġà ġie rrilevat (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-serjetà tal-ksur. In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, f’dan l-istadju, ta’ ċirkustanza aggravanti li tittieħed inkunsiderazzjoni fi stadju ulterjuri ma jikkostitwixxi ebda żball ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2008, Coats Holdings u Coats vs Il-Kummissjoni, C‑468/07 P, Ġabra p. I-127, punt 28).

66      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel ilment huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, relattiv għaċ-ċirkustanzi aggravanti

67      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar liema membri tal-akkordju kellhom rwol ta’ mexxej tal-ksur u tippreċiża li hija stess kienet membru passiv. Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li mhux fil-każijiet ta’ akkordji kollha huwa possibbli li jiġi identifikat mexxej wieħed jew iktar. Madankollu, f’akkordju kumpless bħal dak f’dan il-każ, diffiċilment jista’ jinftiehem kif l-akkordju seta’ jopera mingħajr ma impriża waħda jew iktar ma ħarġet bl-idea u wettqet il-preparamenti neċessarji. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma wettqitx sforzi biżżejjed sabiex tidentifika lil dawn l-impriżi. F’dan ir-rigward, hija ssemmi bħala eżempji ta’ dak li kellu jiġi eżaminat mill-Kummissjoni, il-kwistjoni min organizza l-ewwel laqgħat u stieden għalihom il-membri passivi tal-akkordju, jew dik dwar fl-uffiċċji ta’ liema impriża nżammu dawn il-laqgħat. Skont ir-rikorrenti, isegwi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-proporzjonalità, sa fejn il-membri passivi tal-akkordju ġew ittrattati bl-istess mod bħall-mexxejja u l-provokaturi.

68      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tosserva l-ineffettività ta’ dan l-argument. Hija tikkunsidra li, anki kieku kellu jiġi kkonstatat li impriża waħda jew diversi impriżi kienu l-mexxejja tal-ksur, tali konstatazzjoni tkun mingħajr effett fuq il-multa imposta fuq ir-rikorrenti u tista’, l-iktar, twassal għal żieda fil-multi imposti fuq dawn l-impriżi l-oħra.

69      Għall-motivi esposti fil-punti 55 u 56 iktar ’il fuq, dan l-ilment ma jistax jiġi faċilment miċħud bħala ineffettiv. Madankollu, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għal żieda fl-ammont tal-multa msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq huma, f’dan il-każ, sodisfatti, f’kull każ, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

70      F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija adottat aġir passiv fl-akkordju ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan l-ilment, iżda għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet ilment, relattiv għaċ-ċirkustanzi attenwanti, u dan iktar u iktar peress li, bl-argumentazzjoni tagħha mressqa insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti rrepetiet u kabbret din l-affermazzjoni.

71      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjonijiet imsemmija mir-rikorrenti fl-argumentazzjoni tagħha ġew eżaminati, essenzjalment, fid-deċiżjoni kkontestata. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 177 ta’ din id-deċiżjoni, il-ksur inkwistjoni kien jikkonċerna tliet prodotti, jiġifieri l-karbur tal-kalċju fi trab, il-manjeżju fi żrar u l-karbur tal-kalċju fi żrar u żewġt iswieq, dak tal-ewwel żewġ prodotti, sostitwibbli bejniethom u intiżi għall-industrija tal-azzar u dak tat-tielet prodott, intiż għall-industrija tal-gass. Il-Kummissjoni tirreferi għal ftehim distinti relattivi għal kull wieħed minn dawn il-prodotti (ara, rispettivament, il-premessi 54 sa 91, 113 sa 135 u 92 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda tikkonkludi, fil-premessa 177 tad-deċiżjoni tagħha, li dawn it-tliet ftehim kienu jiffurmaw parti mill-kuntest ta’ ksur uniku u kontinwu.

72      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-karbur tal-kalċju fi trab, il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata li “[l]-ewwel żewġ laqgħat ġew organizzati fl-uffiċċji ta’ Almamet”. Barra minn hekk, insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, hija għamlet referenza, permezz tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 106, b’mod partikolari, għat-talba għall-immunità. L-iżvolġiment tal-ewwel laqgħa huwa deskritt b’iktar dettalji fil-premessi 64 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn din id-deskrizzjoni jista’ jiġi dedott li kienet Almamet li kienet stiednet lill-parteċipanti l-oħra fil-laqgħa, peress li mhux biss din seħħet fl-uffiċċji tagħha, iżda wkoll peress li kien ir-rappreżentant tagħha li kien fetaħ id-diskussjoni (ara l-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata).

73      It-tieni laqgħa dwar l-istess prodott ukoll seħħet, skont id-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 67), fl-uffiċċji ta’ Almamet. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, waqt din it-tieni laqgħa, il-parteċipanti, fosthom ir-rikorrenti, iddeċidew li jorganizzaw laqgħat regolari simili u li jassumu b’rotazzjoni r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni tagħhom. Sussegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fil-premessi 70 sa 89, għal disa’ laqgħat organizzati minn diversi parteċipanti fl-akkordju, li tnejn minnhom, f’dan il-każ dawk tas-7 ta’ April 2005 u tal-25 ta’ April 2006, inżammu fis-Slovakkja u ġew organizzati mir-rikorrenti (ara, rispettivament, il-premessi 74 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata).

74      Fir-rigward tal-karbur tal-kalċju fi żrar, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ewwel laqgħa seħħet fis-7 ta’ April 2004, f’lukanda fis-Slovenja u li din kienet ġiet organizzata minn TDR‑Metalurgija d.d. Ir-rikorrenti u Donau Chemie kienu l-uniċi żewġ impriżi l-oħra li pparteċipaw f’din il-laqgħa. Fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal żewġ laqgħat oħra fi Bratislava (Slovakkja) bejn l-istess tliet produtturi ta’ dan il-prodott. Madankollu, hija żżid li l-kwistjonijiet relattivi għall-karbur tal-kalċju fi żrar ukoll kienu diskussi kemm fil-kuntest tal-laqgħat dwar il-karbur tal-kalċju fi trab, kif ukoll waqt il-laqgħat speċjali li kienu jirrigwardaw il-proroga tal-ewwel laqgħat (ara l-premessi 101 u 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Finalment, Almamet, Donau Chemie u Ecka biss kienu kkonċernati mill-ftehim dwar il-manjeżju. Id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, inkluża r-rikorrenti, ma kinux jipproduċu manjeżju. Mill-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ewwel laqgħa bejn it-tliet impriżi kkonċernati mill-manjeżju seħħet lejn l-aħħar tal-2004 jew il-bidu tal-2005, iżda li d-data eżatta ma setgħetx tiġi stabbilita. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal ħames laqgħat oħra relattivi għal dan il-prodott. Bl-eċċezzjoni ta’ dik tat-2 ta’ Mejju 2006, organizzata minn Ecka li assumiet ukoll l-ispejjeż tagħha (ara l-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata), ma huwiex ippreċiżat liema impriża organizzat il-laqgħat. Madankollu, il-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata tirrileva li t-tliet impriżi li kienu jipparteċipaw f’dawn il-laqgħat kienu jassumu b’rotazzjoni r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni tagħhom kif ukoll l-ispejjeż korrispondenti.

76      Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha joperaw kontra t-teżi sostnuta mir-rikorrenti, li tgħid li, essenzjalment, il-ksur inkwistjoni, min-natura tiegħu stess, kien jeħtieġ l-eżistenza ta’ mexxej wieħed jew iktar. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punti 71 sa 73 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-parteċipanti kollha fl-akkordju kienu jinsabu fuq livell ugwali. Il-fatt li Almamet organizzat l-ewwel laqgħa dwar il-karbur tal-kalċju fi trab u li TDR‑Metalurgija aġixxiet bl-istess mod fir-rigward tal-karbur tal-kalċju fi żrar ma jidhirx li għandu tifsira partikolari. L-ebda ħjiel fid-deċiżjoni kkontestata ma jagħti x’jinftiehem li r-rwol ta’ dawn iż-żewġ impriżi fl-akkordju kien ikbar minn dak tal-oħrajn.

77      B’mod kuntrarju, mill-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, il-ftehim dwar il-karbur tal-kalċju fi trab oriġina mit-tendenza negattiva li kien qiegħed juri l-prezz ta’ dan il-prodott mill-bidu tas-seklu XXI, flimkien ma’ żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni u ma’ tnaqqis fid-domanda.

78      Skont il-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, tħassib paragunabbli kien mifrux fis-suq tal-karbur tal-kalċju fi żrar. Din il-premessa tiċċita lil “impjegat ta’ Akzo Nobel” li kien qal li għall-fornituri tal-prodott inkwistjoni “kienu jidhru meħtieġa żidiet fil-prezz”. Fir-rigward tal-manjeżju, ukoll intiż għall-industrija tal-azzar u sostitwibbli bil-karbur tal-kalċju fi trab, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-domanda għal dan il-prodott kienet qed tiżdied, iżda żżid, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li “l-fornituri kienu jafu wkoll biż-żieda fis-saħħa tal-klijenti tagħhom fis-suq” u barra minn hekk kienu taħt pressjoni iktar u iktar b’saħħitha wara l-wasla fis-suq ta’ kompetituri ġodda Ċiniżi.

79      F’tali kuntest, ftit jimporta minn ħa l-inizjattiva li jorganizza l-ewwel laqgħa, peress li, b’hekk, din l-inizjattiva kienet biss turi l-ħsibijiet komuni ta’ diversi produtturi tal-prodott ikkonċernat. Qabel kollox, ir-rikorrenti la spjegat l-affermazzjoni tagħha, li tgħid li ksur bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ diffiċilment ikun jista’ jitwettaq mingħajr mexxej wieħed jew iktar, u lanqas invokat provi konkreti insostenn tiegħu. Barra minn hekk, l-uniċi kwistjonijiet konkreti invokati mir-rikorrenti fl-argumentazzjoni tagħha, indipendentement mir-rilevanza tagħhom għall-konstatazzjoni ta’ eventwali ċirkustanzi aggravanti, ġew f’kull każ ikkunsidrati essenzjalment fid-deċiżjoni kkontestata, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 71 iktar ’il fuq.

80      Isegwi li l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-eżistenza ta’ eventwali ċirkustanzi aggravanti fir-rigward ta’ ċerti parteċipanti oħra fl-akkordju u li, b’dan in-nuqqas, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma jistax jiġi aċċettat. Konsegwentement, it-tieni lment huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet ilment, relattiv għaċ-ċirkustanzi attenwanti

81      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti li jiġġustifikaw tnaqqis fl-ammont tal-multa li ġie impost fuqha, b’mod konformi mal-paragrafu 29 tal-linji gwida. F’dan il-kuntest, hija ssemmi, l-ewwel nett, in-natura allegatament negliġenti tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, it-tieni nett, in-natura passiva u limitata ta’ din il-parteċipazzjoni u, it-tielet nett, l-allegata kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, li ma ttieħditx inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-“Avviż dwar l-Immunità tal-2002/2006” u lil hinn mill-obbligi legali ta’ kooperazzjoni tagħha.

82      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, il-membri tal-bord tad-diretturi tagħha kienu persuni li kienu ġew edukati u li kienu għamlu l-karriera tagħhom fil-kundizzjonijiet tal-ekonomija strettament irregolata mis-sistema komunista qabel l-1989. B’hekk, għall-inqas fil-bidu tal-akkordju, id-diretturi tar-rikorrenti lanqas ma kienu jafu bin-natura illegali tal-aġir antikompetittiv tagħhom. Huma kkunsidraw il-laqgħat tal-akkordju bħala laqgħat kummerċjali normali u kienu s-suġġett ta’ kritika mill-parteċipanti l-oħra minħabba n-nuqqas ta’ diskrezzjoni tagħhom. Ir-rikorrenti żżid li hija qatt qabel ma kienet is-suġġett ta’ investigazzjoni jew ta’ sanzjoni min-naħa ta’ xi awtorità tal-kompetizzjoni u hija tikkunsidra li n-natura negliġenti tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti.

83      Il-Kummissjoni tirrispondi li l-ksur allegat twettaq iktar minn erbatax-il sena wara li ntemmet is-sistema komunista Ċekoslovakka u li r-Repubblika Slovakka kienet adottat leġiżlazzjoni li tipprekludi l-ftehim analogi saħansitra qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti ssostni, fir-replika tagħha, li din l-argumentazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni biżżejjed il-konsegwenzi, għad-diretturi tagħha fiż-żmien tal-ksur, tal-fatt li huma kienu għaddew parti sostanzjali u ta’ taħriġ tal-karriera tagħhom taħt sistema differenti minn dik tal-ekonomija tas-suq.

84      Mingħajr ma huwa neċessarju li nidħlu fid-dettalji ta’ dan id-dibattitu bejn il-partijiet, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex timponi multi fuq impriżi li wettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE kemm fil-każ fejn dan il-ksur twettaq intenzjonalment kif ukoll fil-każ fejn twettaq b’negliġenza.

85      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jkun jista’ jitqies li twettaq intenzjonalment u mhux b’negliġenza, ma huwiex neċessarju li l-impriża kkonċernata kienet taf li qegħda tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni; huwa biżżejjed li hija ma setgħetx tinjora li l-aġir tagħha kellu l-għan li jikser il-kompetizzjoni fis-suq komuni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il-Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. 2117, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 205, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax li pparteċipat fil-ksur, iżda, b’mod kuntrarju, fl-argumentazzjoni tagħha relattiva għal dan l-ilment, hija “tammetti u ma tikkontestax [ir-responsabbiltà tagħha għall-]aġir li jikkostitwixxi ksur tal-bord tad-diretturi preċedenti tagħha”. Issa, minħabba l-fatti li kkostitwixxew il-ksur inkwistjoni, hekk kif inhuma miġbura fil-qosor fil-punt 1 iktar ’il fuq, huwa ċar li l-membri tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti li pparteċipaw f’isimha għad-diversi laqgħat organizzati fil-kuntest tal-akkordju u, sussegwentement, implementaw id-deċiżjonijiet adottati waqt dawn il-laqgħat, ma setgħux jinjoraw il-fatt li l-aġir tagħhom kellu l-għan li jikser il-kompetizzjoni fis-suq komuni. Effettivament, din hija l-konsegwenza diretta u immedjata ta’ qsim tas-swieq, ta’ ffissar ta’ kwoti, ta’ tqassim tal-klijenti u ta’ ffissar tal-prezzijiet bejn diversi parteċipanti fl-istess swieq, peress li dawn l-aġiri kollha jikkostitwixxu ksur issanzjonat mid-deċiżjoni kkontestata.

87      Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 85 iktar ’il fuq, f’dan il-kuntest, ma jimpurtax li l-membri tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti injora, minħabba l-esperjenzi tagħhom taħt is-sistema komunista Ċekoslovakka preċedenti jew għal xi raġuni oħra, li tali aġir kien jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni nazzjonali jew dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

88      Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, il-konklużjoni li tgħid li l-membri tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti kienu jafu bl-għan antikompetittiv tal-aġir tagħhom hija kkorroborata mill-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li jinsabu fit-talba għall-immunità. Fiha, ir-rikorrenti spjegat li l-membri tal-bord tad-diretturi tagħha li pparteċipaw fil-laqgħat tal-akkordju ma kinux semmew l-informazzjoni relatata magħhom fir-“rapporti ta’ vvjaġġar f’pajjiż barrani” li huma kienu fasslu u li xi wħud mill-informazzjoni kienet inkisbet mill-Kummissjoni waqt spezzjoni fl-uffiċċji tar-rikorrenti. Sabiex jevitaw li jħallu ħjiel bil-miktub, l-imsemmija membri ppreżentaw din l-informazzjoni oralment lid-direttur ġenerali u lill-president tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti. Dan l-aġir tal-membri tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti kkonċernati jista’ biss jindika li huma kienu konxji mill-karattru antikompetittiv, u saħansitra illegali tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat inkwistjoni, għaliex inkella diffiċilment tkun tista’ tinftiehem ir-raġuni għalfejn huma riedu jevitaw kull ħjiel bil-miktub.

89      Isegwi li ma jista’ jiġi lmentat ebda żball fil-konfront tal-Kummissjoni mill-fatt li hija ma tatx tnaqqis fl-ammont tal-multa lir-rikorrenti minħabba li din wettqet il-ksur b’negliġenza.

90      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, il-karattru passiv tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-membri tal-bord tad-diretturi tagħha li kienu rrappreżentawha matul diversi laqgħat tal-akkordju ma kienu jitkellmu ebda lingwa barranija b’mod kurrenti u kellhom jużaw is-servizzi ta’ interpretu. Barra minn hekk, il-membri l-oħra tal-akkordju rrimarkaw li r-rappreżentant tar-rikorrenti matul id-diversi laqgħat kien jadotta aġir passiv u ma kienx jikkomunika mal-parteċipanti l-oħra. Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li r-rikorrenti kienet l-inqas membru attiv fl-akkordju, peress li din la qatt ma ppreparat preżentazzjonijiet, la kienet tiġbor informazzjoni li ġejja mingħand il-membri tal-akkordju assenti minn laqgħa determinata, u lanqas ma kienet tikkomunika tali informazzjoni lill-membri l-oħra. Ir-rikorrenti żżid li l-akkordju kien ħafna iktar importanti għal Almamet, id-distributriċi tal-prodotti tagħha, u, għalhekk, din setgħet tikseb vantaġġ minnu mingħajr lanqas ma tipparteċipa fih. Wara kollox, kienet Almamet li stiednet lir-rikorrenti sabiex tipparteċipa fl-akkordju. Qabel din l-istedina, ir-rikorrenti ma kellha ebda kuntatt regolari mal-membri l-oħra tal-akkordju.

91      Fir-rigward ta’ din l-argumentazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta jkun sar ksur minn diversi impriżi, hemm lok, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità dwar il-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom, li jimplika, b’mod partikolari, li jiġu stabbiliti r-rwolijiet rispettivi tagħhom fil-ksur matul il-parteċipazzjoni tagħhom fih. Din il-konklużjoni tikkostitwixxi l-konsegwenza loġika tal-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet li abbażi tiegħu impriża għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li huma individwalment ilmentati kontriha, liema prinċipju japplika f’kull proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punti 277 u 278, u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      B’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji, il-linji gwida jistabbilixxu, fil-paragrafu 29, bdil fl-ammont bażiku tal-multa abbażi ta’ ċerti ċirkustanzi attenwanti, li jirrigwardaw b’mod individwali lil kull impriża kkonċernata. Dan il-paragrafu jistabbilixxi, b’mod partikolari, lista mhux eżawrjenti taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-“rwol esklużivament passiv jew ta’ segwiment” ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur ma jinsabx f’din il-lista mhux eżawrjenti, filwaqt li kien espressament stabbilit bħala ċirkustanza attenwanti fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3), sostitwiti bil-linji gwida.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 47 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tinjora r-regoli li hija imponiet fuq innifisha, min-naħa l-oħra, hija tista’ tibdel ir-regoli jew tissostitwixxihom. Fi kwistjoni li tkun tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli l-ġodda, kif inhu l-każ tal-ksur inkwistjoni li, ratione temporis, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-linji gwida hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 38 tagħhom, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċirkustanza attenwanti mhux stabbilita mir-regoli l-ġodda, għall-unika raġuni li din kienet stabbilita fir-regoli preċedenti. Effettivament, il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċerti elementi kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi attenwanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma jimplikax li hija għandha l-obbligu li tagħti l-istess kunsiderazzjonijiet f’deċiżjoni ulterjuri (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr‑Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 368, u tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 337).

94      Xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 92 iktar ’il fuq, l-elenkar taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-paragrafu 29 tal-linji gwida ma huwiex eżawrjenti. Konsegwentement, il-fatt li l-linji gwida ma jelenkawx, fost iċ-ċirkustanzi attenwanti, ir-rwol passiv ta’ impriża li pparteċipat fi ksur, ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni, fuq din il-bażi, ta’ din iċ-ċirkustanza, jekk din tkun tista’ turi li s-serjetà relattiva tal-parteċipazzjoni tal-impriża msemmija fil-ksur kienet inqas importanti.

95      Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk din l-aħħar kundizzjoni hijiex sodisfatta f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, f’kull każ, mill-provi u mill-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jirriżulta bl-ebda mod li r-rwol tagħha fil-ksur inkwistjoni kien passiv jew ta’ segwiment.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punti 167 u 168), invokata mir-rikorrenti stess insostenn tal-argumentazzjoni tagħha, tali rwol passiv jimplika l-adozzjoni mill-impriża kkonċernata ta’ “profil baxx”, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fl-elaborazzjoni tal-ftehim antikompettitivi. Fost l-elementi li jistgħu juru r-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni kemm in-natura ħafna iktar sporadika tal parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri normali tal-akkordju, kif ukoll il-fatt li daħlet tard fis-suq li kien is suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew saħansitra l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espliċiti f’dan is-sens magħmula mir-rappreżentanti ta’ impriżi terzi li pparteċipaw fil-ksur.

97      Issa, f’dan il-każ, l-ewwel nett, kif irrimarkat ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipat f’għaxra mill-ħdax-il laqgħa relattiva għall-karbur tal-kalċju fi trab (ara l-premessi 64 sa 88 tad-deċiżjoni kkontestata) u saħansitra organizzat tnejn minnhom. Din ipparteċipat ukoll fil-laqgħat kollha relattivi għall-karbur tal-kalċju fi żrar imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessi 98 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

98      It-tieni nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kontribut tar-rikorrenti fil-laqgħat li hija kienet preżenti għalihom kien paragunabbli ma’ dak tal-parteċipanti l-oħra. Fil-fatt, il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata msemmija iktar ’il fuq juru li l-parteċipanti fid-diversi laqgħat kienu jikkomunikaw informazzjoni dwar il-volumi tal-bejgħ tagħhom u li, sussegwentement, kienet ġiet aġġornata t-tabella tal-qsim tas-suq. Barra minn hekk, kienu diskussi l-prezzijiet li kellhom jiġu applikati u okkażjonalment kienu ġew deċiżi żiediet fil-prezzijiet (ara, pereżempju, il-premessi 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata). Xejn f’dawn l-indikazzjonijiet ma jippermetti li jiġi konkluż li l-aġir tar-rikorrenti kien passiv jew, b’mod iktar ġenerali, differenti minn dak adottat mill-parteċipanti l-oħra. B’mod kuntrarju, mill-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-rapport intern tagħha dwar il-laqgħa tal-24 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti kienet irrilevat li hija kien irnexxilha tikkumpensa żieda fil-prezz tal-kokk billi żiedet il-prezzijiet tal-karbur tal-kalċju. Barra minn hekk, skont il-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet tat l-approvazzjoni tagħha sabiex jingħataw kumpensi lil Donau Chemie għat-telf tal-volum tagħha fl-Awstrija, billi jingħatawlha volumi addizzjonali fil-Ġermanja. Dawn huma indikazzjonijiet konsistenti ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħat mir-rikorrenti mill-inqas attiva daqs dik tal-membri l-oħra fl-akkordju.

99      It-tielet nett, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija qatt ma kkomunikat, waqt laqgħa, l-informazzjoni pprovduta minn membru ieħor fl-akkordju assenti minn din il-laqgħa tidher, ċertament, eżatta mal-qari tad-deċiżjoni kkontestata, iżda ma tippermettix li jiġi konkluż li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kienet passiva. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-parti l-kbira tal-membri fl-akkordju kienu preżenti waqt il-laqgħat. Il-fatt li, okkażjonalment, membru ma setax jipparteċipa f’laqgħa determinata u kien jittrażmetti l-informazzjoni dwaru lil membru ieħor li, sussegwentement, kien jippreżentahom matul il-laqgħa inkwistjoni (ara, bħala eżempju, il-premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li Akzo Nobel ma setgħetx tipparteċipa fil-laqgħa tal-25 ta’ April 2006, iżda kienet ikkomunikat, minn qabel, iċ-ċifri li kienu jikkonċernawha lil Donau Chemie) ma jidhirx li kellu importanza partikolari u ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, indikazzjoni ta’ parteċipazzjoni iktar attiva tal-membru tal-ftehim li pprovda tali servizz lil membru ieħor assenti.

100    Ir-raba’ nett, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-membri l-oħra fl-akkordju għamlu allużjoni għall-aġir passiv tar-rappreżentant tagħha waqt il-laqgħat ma hija sostnuta minn ebda prova.

101    Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġie rrikonoxxut li hija kienet l-inqas membru attiv fl-akkordju, il-Qorti Ġenerali talbitha, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex tippreżenta s-silta tad-dikjarazzjoni msemmija li hija kienet qegħda tirreferi għaliha. B’risposta għal din it-talba, ir-rikorrenti indikat, essenzjalment, li r-riferenza, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għall-fatt li Almamet kienet ħadet l-inizjattiva għall-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-akkordju, għall fatt li l-laqgħat ulterjuri kienu ppreseduti mir-rappreżentant ta’ SKW Stahl‑Metallurgie u għall-fatt li r-rappreżentant ta’ Donau Chemie kien ta’ spiss inkarigat sabiex jaġġorna u jqassam it-tabelli skambjati bejn il-parteċipanti, filwaqt li r-rikorrenti stess ta’ spiss ma kinitx imsemmija waqt id-deskrizzjoni tad-diversi laqgħat, kienet tikkostitwixxi indikazzjoni tar-rwol passiv tagħha fl-akkordju.

102    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tinvoka ebda rikonoxximent espress, imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tar-rwol allegatament passiv tagħha fl-akkordju. Fil-fatt, ir-rikorrenti tammetti b’mod impliċitu li l-affermazzjoni inkwistjoni fil-punt preċedenti, bħala tali, ma tinstab imkien fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda tikkostitwixxi l-interpretazzjoni tagħha stess ta’ din id-dikjarazzjoni. Issa, din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 99 iktar ’il fuq, is-sempliċi fatt li ċerti parteċipanti fl-akkordju assumew ċerti inkarigi amministrattivi waqt id-diversi laqgħat tal-akkordju ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li r-rwol tal-oħrajn kien passiv. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta r-rikorrenti ma kkontestatx li hija stess organizzat żewġ laqgħat għall-parti tal-akkordju relattiva għall-karbur tal-kalċju fi trab (ara l-punt 73 iktar ’il fuq).

103    Il-ħames nett, il-kwistjoni tal-livell ta’ għarfien tal-lingwi barranin taż-żewġ membri tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti li rrappreżentawha waqt il-laqgħat tal-akkordju hija irrilevanti. Fil-fatt, kien x’kien dan l-għarfien, dak li huwa importanti huwa li, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 98 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti pparteċipat fil-laqgħat imsemmija b’mod attiv daqs il-membri l-oħra fl-akkordju, jiġifieri li hija kkomunikat l-informazzjoni dwar il-bejgħ tagħha, kienet taf bl-informazzjoni analoga tal-membri l-oħra fl-akkordju u ħadet impenji fir-rigward tat-tqassim tas-swieq rilevanti, tal-iffissar tal-kwoti, tat-tqassim tal-klijenti kif ukoll tal-iffissar tal-prezzijiet. Il-fatt, jekk jitqies bħala kkonfermat, li, minħabba nuqqas ta’ għarfien lingwistiku, l-interazzjoni soċjali bejn ir-rappreżentanti tar-rikorrenti u dawk tal-membri l-oħra fl-akkordju ġiet ristretta huwa, f’dan ir-rigward, indifferenti.

104    Is-sitt nett, il-fatt li r-rikorrenti bbenefikat mill-akkordju mingħajr ma pparteċipat fih, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ Almamet, jekk titqies bħala stabbilita, ma jikkostitwixxi la ġustifikazzjoni għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u lanqas ċirkustanza attenwanti.

105    F’kull każ, din l-affermazzjoni tar-rikorrenti tmur kontra d-dikjarazzjonijiet tagħha stess li jinsabu fit-talba għall-immunità, kif ġustament tirrimarka l-Kummissjoni. Fil-fatt, minn din it-talba jirriżulta li r-rikorrenti kienet tipproponi li jiżdied il-prezz tal-bejgħ tal-prodotti tagħha lil Almamet. Din tal-aħħar irrispondiet, essenzjalment, li tali żieda kienet tobbligaha żżid il-prezzijiet li bihom hija kienet tbigħ lill-klijenti finali u li dawn tal-aħħar kienu ser jopponu ruħhom għal tali żieda. Għalhekk, Almamet irrilevat li l-unika soluzzjoni kienet tikkonsisti fl-organizzazzjoni ta’ laqgħa tal-produtturi u tal-fornituri kkonċernati, bil-għan li jiżdiedu l-prezzijiet. Ir-rikorrenti rrispondiet li, indipendentement mill-mod li bih Almamet iddeċidiet li taffronta l-problema, din kellha taċċetta żieda fil-prezz tax-xiri mingħandha. Dawn l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti jindikaw li Almamet ħadet l-inizjattiva li torganizza l-ewwel laqgħa dwar il-karbur tal-kalċju fi trab wara l-pressjoni eżerċitata mir-rikorrenti u li din tal-aħħar, li kienet taf b’din l-inizjattiva, mhux biss ma skoraġġathiex u ma ddisassoċjatx ruħha minnha, iżda, b’mod kuntrarju, żammet il-pressjoni billi insistiet fuq żieda fil-prezzijiet. Dawn l-affermazzjonijiet ma jikkonfermawx it-teżi li tgħid li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti kienet passiva, iżda b’mod kuntrarju jikkonfutawha b’mod kunsiderevoli.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li kien ġustament li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, in-natura allegatament passiva tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

107    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-kooperazzjoni effettiva tagħha mal-Kummissjoni kellha tittieħed inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar bħala ċirkustanza attenwanti. F’dan ir-rigward, din tosserva li hija aċċettat is-sehem tagħha mir-responsabbiltà għall-ksur, filwaqt li esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha man-natura eċċessiva tal-evalwazzjoni tas-serjetà relattiva għall-parteċipazzjoni tagħha fih u tal-multa li ġiet imposta fuqha. Hija tikkunsidra li l-konfessjonijiet tagħha relattivi għall-parteċipazzjoni tal-membri tal-bord tad-diretturi tagħha fil-laqgħat tal-akkordju u l-fatt li kkonfermat l-eżistenza stess ta’ akkordju orizzontali intiż għall-iffissar tal-prezzijiet ma jikkostitwixxux sempliċi nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni, hekk kif tagħti x’jinftiehem il-premessa 327 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija żżid li ma pprovatx tikkontesta kull waħda mill-konklużjonijiet tal-Kummissjoni relattivi għall-ksur inkwistjoni, iżda pjuttost kellha l-intenzjoni li tassisti lill-Kummissjoni fl-investigazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija tirrimarka li diversi premessi tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu għad-dikjarazzjonijiet tagħha bħala provi. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssemmi, bħala eżempju, in-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 100, 104, 106, 111, 118, 146 sa 150, 158, 161, 174, 180, 182 sa 185, 188, 190, 194 u 617 tad-deċiżjoni kkontestata.

108    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tirrileva li l-argumentazzjoni tagħha hija kkonfermata wkoll mir-risposta tal-Kummissjoni li fiha, fil-fehma tagħha, numru ta’ riferenzi għat-talba għall-immunità. Barra minn hekk, hija ssostni li, billi ssanzjonat lil impriża tal-kooperazzjoni tagħha minflok ma rrikompensata, il-Kummissjoni bidlet l-għan tad-dispożittivi ta’ kooperazzjoni hekk kif jirriżultaw mill-“Avviż dwar l-Immunità tal-2002/2006” u kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-projbizzjoni tal-awtoinkriminazzjoni. Hija tikkunsidra li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq riferenzi għat-talba għall-immunità u l-provi relatati magħha għandhom jiġu injorati bħala irrilevanti.

109    Fir-rigward tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-użu minn din tal-aħħar, fil-kitbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, tat-talba għall-immunità tar-rikorrenti ma tista’ la tolqot il-validità tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din saret warajha, u lanqas tikkostitwixxi ħjiel utli tal-valur mżjud ta’ din it-talba meta mqabbla mal-provi l-oħra li kellha l-Kummissjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tqajjem il-kwistjoni tal-legalità tal-użu tat-talba għall-immunità waqt il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, għandha qabel kollox tiġi eżaminata din il-kwistjoni, fid-dawl tad-diversi riferenzi għat-talba għall-immunità li jinsabu fl-argumentazzjoni tal-Kummissjoni.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kooperazzjoni abbażi tal-Avviż dwar l-Immunità tal-2002 hija ta’ natura purament volontarja min-naħa tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt, l-imsemmija impriża bl-ebda mod ma hija mġiegħla tipproduċi provi dwar l-allegat akkordju. Għalhekk, il-livell ta’ kooperazzjoni li l-impriża tixtieq toffri matul il-proċedura amministrattiva jiddependi esklużivament fuq l-għażla libera tagħha u ma hija, fl-ebda każ, imposta mill-Avviż imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I‑6773, punt 52, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Léger f’din is-sentenza, Ġabra p. I‑6777, punt 140).

111    Barra minn hekk, il-punt 31 tal-Avviż dwar l-Immunità tal-2006, li japplika f’dan il-każ (ara l-punt 27 iktar ’il fuq), jirrileva, b’mod partikolari, li “[k]ull dikjarazzjoni magħmula lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan l-Avviż, tifforma parti mill-fajl tal-Kummissjoni u b’hekk tista’ tintuża bħala prova”. Isegwi li, mill-pubblikazzjoni tal-Avviż dwar l-Immunità tal-2006, impriża li, bħar-rikorrenti f’dan il-każ, tiddeċiedi li tippreżenta dikjarazzjoni bil-għan li tikseb tnaqqis fl-ammont tal-multa, hija konxja mill-fatt li, filwaqt li tnaqqis jingħatalha biss jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ tnaqqis stabbiliti fl-Avviż ikunu sodisfatti, f’kull każ, id-dikjarazzjoni tkun parti mill-fajl u tista’ tiġi invokata bħala prova, inkluż kontra l-awtur tagħha.

112    B’hekk, peress li għażlet li tippreżenta tali dikjarazzjoni liberament u b’għarfien sħiħ, l-impriża kkonċernata ma tistax utilment tinvoka l-ġurisprudenza relattiva għall-projbizzjoni tal-awtoinkriminazzjoni. B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax timponi fuq impriża l-obbligu li tagħti risposti li permezz tagħhom din tista’ titwassal sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur li għandu jiġi pprovat mill-Kummissjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punti 34 u 35 ; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 61 u 65, u ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, punt 110 iktar ’il fuq, punt 49). Issa, f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ppreżentat it-talba għall-immunità b’mod volontarju u mingħajr ma ġiet imġiegħla, hija ma tistax tinvoka utilment id-dritt tagħha li ma tiġix imġiegħla mill-Kummissjoni li tikxef il-parteċipazzjoni tagħha fi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 35).

113    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tilmenta talli l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq it-talba għall-immunità fil-kitbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

114    Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni jekk it-talba msemmija tikkostitwixxix kooperazzjoni effettiva li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti, skont ir-raba’ inċiż tal-paragrafu 29 tal-linji gwida, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-linji gwida ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-Avviż dwar l-Immunità tal-2002 mill-effett utli tiegħu. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Avviż dwar l-Immunità tal-2002 jiddefinixxi qafas li jippermetti li jiġu rrikompensati, għall-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-impriżi li huma jew kienu partijiet f’akkordji sigrieti li jolqtu lill-Unjoni. Għalhekk, mill-kliem u mill-ekonomija tal-Avviż imsemmi jirriżulta li l-impriżi jistgħu biss, fil-prinċipju, jiksbu tnaqqis fl-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stretti stabbiliti minnha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011, Arkema France vs Il-Kummissjoni, T‑343/08, Ġabra p. II-2287, punt 169 ; tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni, T‑39/06, Ġabra p. II-6831, punt 329, u tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, T‑208/06, Ġabra p. II-7953, punt 271).

115    Għaldaqstant, sabiet tinżamm l-effettività tal-Avviż dwar l-Immunità tal-2002, huwa biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li għandu jingħata tnaqqis fl-ammont tal-multa lil impriża fuq il-bażi tar-raba’ inċiż tal-punt 29 tal-linji gwida. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-kooperazzjoni ta’ impriża, filwaqt li tmur lil hinn mill-obbligu legali ta’ kooperazzjoni tagħha mingħajr madankollu ma tagħtiha d-dritt għal tnaqqis fl-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar l-Immunità tal-2002, hija ta’ utilità oġġettiva għall-Kummissjoni. Tali utilità għandha titqies meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni finali tagħha, fuq il-provi li impriża pprovditilha fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha u li fin-nuqqas tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tissanzjona totalment jew parzjalment il-ksur inkwistjoni (sentenzi Arkema France vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 170 ; Transcatab vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 330, u Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 270).

116    F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-informazzjoni li tinsab fit-talba għall-immunità ma kinitx tipprovdi valur miżjud sinjifikanti meta mqabbla mal-provi li kienu diġà fil-pussess tagħha, u għalhekk, din iddeċidiet li ma tagħtix tnaqqis fl-ammont tal-multa lir-rikorrenti (ara, ukoll, il-punt 38 iktar ’il fuq).

117    Hija r-rikorrenti li għandha tidentifika l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata u li għandha tressaq il-provi, li jistgħu jkunu jikkonsistu minn ħjiel serju, intiżi sabiex jipprovaw li l-ilmenti tagħha huma fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 132). Issa, hekk kif jirriżulta mill-ġabra fil-qosor tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tinsab fil-punt 107 iktar ’il fuq, l-uniku argument konkret invokat minnha sabiex tikkonfuta l-evalwazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif inhi miġbura fil-qosor fil-punt preċedenti, jirrigwarda l-fatt li din id-deċiżjoni tirreferi, f’diversi partijiet, għad-dikjarazzjonijiet tagħha li jinsabu, b’mod partikolari, fit-talba għall-immunità.

118    Għandu jiġi rrilevat li, waqt il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti u l-kumpannija parent tagħha kienu invokaw argument simili, ibbażat fuq l-użu mill-Kummissjoni, tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti. Dan l-argument ġie miċħud mill-Kummissjoni, fil-premessa 359 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni spjegat li l-kriterju rilevanti ma kienx l-użu li hija kienet tgħamel mill-informazzjoni pprovduta minn parteċipant fl-akkordju, iżda pjuttost il-valur miżjud sinjifikanti eventwali ta’ din l-informazzjoni. Il-fatt li tiġi pprovduta iktar informazzjoni dwar dak li huwa diġà magħruf ma jikkostitwixxix valur miżjud sinjifikanti. Fl-istess premessa, il-Kummissjoni indikat ukoll li r-rikorrenti ma kinitx semmiet, fl-informazzjoni pprovduta minnha, il-fatt li l-aġir antikompetittiv kien jestendi għall-karbur tal-kalċju fi żrar, meta l-involviment tiegħu, inkluż għal din il-parti tal-ksur, kien dokumentat b’mod ċar.

119    Il-kunsiderazzjoni li tgħid li xi informazzjoni pprovduta minn parteċipant fil-ksur ma għandhiex utilità oġġettiva peress li tirrigwarda fatti magħrufa mill-Kummissjoni u li għaliha din tal-aħħar diġà għandha provi suffiċjenti hija kkonfermata fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq u għandha tiġi approvata.

120    B’hekk tqum il-kwistjoni jekk dan kienx effettivament il-każ f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, b’mod partikolari fit-talba għall-immunità. Issa, ir-rikorrenti tillimita ruħha, f’dan ir-rigward, sabiex tinvoka r-riferenzi għad-dikjarazzjonijiet tagħha, hekk kif jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tispjega liema kienu l-elementi ta’ informazzjoni jew ta’ prova konkreti li hija pprovdiet lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar ma kellhiex preċedentement.

121    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fost id-diversi noti ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija mir-rikorrenti fl-argumentazzjoni tagħha, tlieta biss jirreferu unikament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti. In-noti ta’ qiegħ il-paġna l-oħrajn li ssemmew jirreferu wkoll, kemm għal dokumenti miksuba mill-Kummissjoni waqt l-ispezzjonijiet, kif ukoll għal dikjarazzjonijiet ta’ Akzo Nobel u ta’ Evonik Degussa li, hekk kif issemma fil-punt 39 iktar ’il fuq, ibbenefikaw, rispettivament, minn immunità u minn tnaqqis fl-ammont tal-multa, preċiżament abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom. B’hekk, dawn in-noti ta’ qiegħ il-paġna l-oħrajn jikkonfermaw it-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti kienet tirrigwarda fatti diġà magħrufa u ssostanzjati biżżejjed minn provi.

122    It-tliet noti ta’ qiegħ il-paġna li jirreferu biss għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti huma dawk bin-numri 111, 118 u 617. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 111 tirreferi għat-talba għall-immunità sabiex issostni l-affermazzjoni, li tinsab fl-aħħar sentenza tal-premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, matul kull laqgħa tal-akkordju, il-parteċipanti kienu jiftehmu, bħala regola ġenerali, fuq id-data u l-post tal-laqgħa suċċessiva. Anki jekk jitqies li din l-informazzjoni ngħatat lill-Kummissjoni mir-rikorrenti biss, din ma hijiex prova sinjifikanti ta’ utilità oġġettiva, iżda hija pjuttost prova ta’ natura sekondarja.

123    In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 118 tirreferi għal dikjarazzjoni tar-rikorrenti, tat-18 ta’ Frar 2008, sabiex tissostanzja l-informazzjoni li tinsab fil-ħames inċiż tal-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-funzjonjiet eżerċitati mill-persuni li rrappreżentaw lir-rikorrenti waqt il-laqgħat relattivi għall-karbur tal-kalċju fi trab. Peress li dawn l-indikazzjonijiet kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti b’mod speċifiku, huwa komprensibbli li ssir riferenza għalihom biss f’dokument ipprovdut minnha. F’kull każ, il-funzjonijiet eżerċitati mill-persuni li rrappreżentaw lir-rikorrenti waqt il-laqgħat inkwistjoni kienu biss ta’ utilità marġinali għall-Kummissjoni, u dan iktar u iktar meta r-rikorrenti ma kinitx ikkontestat u ma tikkontestax li kienet ipparteċipat fil-laqgħat imsemmija jew, b’mod iktar ġenerali, f’din il-parti tal-ksur. 

124    Finalment, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 617 tikkompleta l-affermazzjoni, imsemmija fil-premessa 294 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-ksur inkwistjoni kien jinsab fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar serji, b’riferenza għal affermazzjoni simili li tinsab fir-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. B’hekk, f’dan il-każ, ir-riferenza għall-kitbiet tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva lanqas ma tikkonċerna element ta’ fatt jew ta’ prova, iżda sempliċi evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur. Għalhekk, prima facie, lanqas f’dan il-każ ma hemm inkwistjoni prova ta’ utilità oġġettiva.

125    Isegwi li l-affermazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li d-diversi riferimenti għad-dikjarazzjonijiet tagħha fid-deċiżjoni kkontestata jixhdu l-utilità tagħhom għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, ma tistax tiġi milqugħa.

126    Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti ma kkontestatx l-affermazzjoni, imsemmija fil-premessa 359 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li fit-talba għall-immunità, hija kienet evitat li ssemmi l-fatt li l-aġir antikompetittiv ikkontestat kien jikkonċerna wkoll il-karbur tal-kalċju fi żrar. Fil-fatt, il-premessi 92 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonċernaw il-laqgħat relattivi għall-karbur tal-kalċju fi żrar, fihom biss tliet riferenzi għat-talba għall-immunità (noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 241, 249 u 276) li minnhom ebda waħda ma kienet tidher li kienet ta’ utilità oġġettiva għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-ksur. B’mod partikolari, ir-riferenza fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 249 tirrigwarda informazzjoni insinjifikanti, f’dan il-każ il-fatt li l-laqgħa tas-7 ta’ April 2004 kienet ippreċeduta minn ikla lejliet, filwaqt li dawk li jinsabu fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 241 u 276 jirreferu għall-fatt li, f’żewġ okkażjonijiet, ċerti parteċipanti fl-akkordju, fosthom ir-rikorrenti, irrifjutaw proposta ta’ Donau Chemie sabiex jiddiskutu l-prezz tal-karbur tal-kalċju fi żrar (ara, rispettivament, il-premessi 95 u 108 tad-deċiżjoni kkontestata).

127    Isegwi li r-rikorrenti, minkejja li ma kinitx tikkontesta l-parteċipazzjoni tagħha fil-parti tal-ksur li kienet tikkonċerna l-karbur tal-kalċju fi żrar, żammet lura milli tikxef, fit-talba għall-immunità, xi elementi ta’ fatt u ta’ prova li setgħu jkollhom utilità għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni relattiva għal dan l-aspett tal-ksur. Dan huwa element addizzjonali li jopera wkoll kontra r-rikonoxximent tal-karattru oġġettivament utli tal-allegata kooperazzjoni tar-rikorrenti.

128    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-allegata kooperazzjoni effettiva mal-Kummissjoni kellha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti, ma jistax jiġi aċċettat.

129    Peress li ma ġie milqugħ ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrenti sabiex turi li kellhom jiġu rrikonoxxuti ċirkustanzi attenwanti fil-konfront tagħha, għandu jiġi konkluż li t-tielet ilment tar-rikorrenti huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ir-raba’ lment, relattiv għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa mogħtija lil Almamet

130    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ikkonċediet tnaqqis fl-ammont tal-multa lil Almamet (ara l-punt 41 iktar ’il fuq) abbażi tal-allegata inkapaċità kontributorja tagħha, mingħajr l-inqas motiv raġjonevoli, filwaqt li talba simili tar-rikorrenti ġiet miċħuda, liema ħaġa hija tikkontesta permezz tat-tieni motiv tagħha. It-tnaqqis mogħti lil Almamet jikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u dan iktar u iktar meta Almamet hija waħda mill-provokaturi tal-ksur.

131    Il-Kummissjoni ppreċiżat, quddiem il-Qorti Ġenerali, li t-tnaqqis fl-ammont tal-multa mogħtija lil Almamet kien ibbażat fuq il-paragrafu 37 tal-linji gwida u mhux fuq il-paragrafu 35. Ir-rikorrenti rrispondiet li din il-preċiżazzjoni kienet tagħmel iktar konvinċenti l-ilment tagħha bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 369 sa 371 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-riskju ta’ falliment ta’ Almamet huwa dgħajjef u li lanqas tali eventwalità ma twassal għat-telf totali tal-valur tal-assi ta’ din l-impriża. Ir-rikorrenti tqis li pprovat li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienet agħar minn dik ta’ Almamet. Barra minn hekk, il-karatteristiċi ta’ Almamet, elenkati fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi mmotivat it-tnaqqis fl-ammont tal-multa li ngħatatilha, huma paragunabbli ma’ dawk tar-rikorrenti, b’tali mod li, sabiex ma tiksirx b’mod manifest il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni hija marbuta li tagħtiha tnaqqis simili fl-ammont tal-multa.

132    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li mill-qari tal-premessi 369 sa 371 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-talba ta’ Almamet, ibbażata fuq il-paragrafu 35 tal-linji gwida, ma setgħetx tiġi milqugħa.

133    Madankollu, fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, “bla ħsara għall-evalwazzjoni preċedenti”, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Almamet kienet negozjant indipendenti ta’ daqs żgħir ħafna li ma kienet tappartjeni lil ebda grupp ta’ kumpanniji. Almamet hija attiva fin-negozju ta’ materjali ta’ valur għoli b’marġni ta’ profitt pjuttost ridott u għandha “firxa ta’ prodotti relattivament fokalizzata”. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li kien ittieħed inkunsiderazzjoni wkoll “[il]-fatt li l-multa imposta għandha impatt relattivament għoli fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din it-tip ta’ kumpannija”. Il-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-dawl ta’ dawn il-“karatteristiċi speċjali” ta’ Almamet, hija kienet tikkunsidra li kien jixraq tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 20 %, peress li Almamet tkun, f’kull każ, dissważa biżżejjed b’multa ta’ dan il-livell. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 685, il-Kummissjoni għamlet riferenza għall-paragrafu 37 tal-linji gwida. Hija rrimarkat ukoll, fl-aħħar sentenza tal-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-adattament tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Almamet, il-“konklużjoni [msemmija] fil-premessa (371) [li tgħid li] l-multa imposta [kienet] ftit [kapaċi] li tqiegħed f’periklu b’mod irrimedjabbli l-vijabblità ekonomika ta’ Almamet tibqa’ valida wkoll”.

134    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tinvoka xi nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla ma’ Almamet, fir-rigward tal-eżami tat-talbiet għal tnaqqis fl-ammont tal-multa tagħhom abbażi tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, peress li dawn iż-żewġ talbiet ġew miċħuda. Hekk kif ippreċiżat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, meta kkonċediet tnaqqis ta’ 20 % lil Almamet, hija użat il-fakoltà li kienet irriżervat lilha nnifisha fil-paragrafu 37 tal-linji gwida msemmija li tiddevja, b’mod totali jew parzjali, mill-metodoloġija għall-iffissar tal-multi esposti f’dawn il-linji gwida, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta’ każ partikolari. Ir-riferiment, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 685, għall-imsemmi paragrafu 37. jikkonferma din il-konklużjoni, li hija wkoll ikkonfermata mill-premessa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Almamet hija indikata bħala EUR 3.8 miljun “qabel it-tnaqqis [b’mod konformi mal-paragrafu] 37” tal-linji gwida.

135    Issa, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tinjora l-linji gwida tagħha stess biss fil-każ fejn id-differenza fit-trattament li tirriżulta bejn diversi parteċipanti fi ksur tkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sa kemm trattament differenti ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Novartis Pharmaceuticals, C‑106/01, Ġabra p. I‑4403, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ilment tar-rikorrenti jista’ jinftiehem biss fis-sens li hija tosserva li l-Kummissjoni kellha tinjora l-linji gwida anki fil-każ tagħha, biex tagħtiha l-istess tnaqqis fil-multa bħal dak mogħti lil Almamet. Tali lment jista’ jirnexxi biss fil-każ fejn in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament apparenti bejn Almamet, li ngħatat tnaqqis ta’ 20 % fil-multa tagħha, u r-rikorrenti, li ma bbenefikatx minn tali tnaqqis, ma jkunx kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti jirriżulta li, sabiex dan ikun il-każ, dawn iż-żewġ kumpanniji kellhom ikunu f’sitwazzjoni paragunabbli.

137    Hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq (punt 133), id-deċiżjoni kkontestata elenkat ċerti “karatteristiċi speċjali” ta’ Almamet sabiex tiġġustifika t-tnaqqis fl-ammont tal-multa li ngħatatilha. Għandu jiġi rrilevat li, fil-fatt, impriża li jkollha dawn il-karatteristiċi tkun tinsab, mill-perspettiva ta’ eventwali tnaqqis fil-multa lil hinn mill-każijiet stabbiliti b’mod speċifiku fil-linji gwida, f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ impriża li ma jkollhiex il-karatteristiċi msemmija.

138    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, b’mod partikolari, li għal kull impriża li tipparteċipa fi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE, il-multa ma għandhiex teċċedi l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha mwettaq matul is-sena finanzjarja preċedenti. Skont il-ġurisprudenza, il-limitu massimu relattiv għad-dħul mill-bejgħ huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-multi imposti mill-Kummissjoni jkunu sproporzjonati meta mqabbel mad-daqs tal-impriża kkonċernata (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq, punt 119, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 24).

139    Issa, dan il-limitu massimu ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi evitata n-natura eventwalment sproporzjonata tal-multa imposta fil-każ ta’ negozjat attiv fil-kummerċ ta’ materjali ta’ valur għoli b’marġni ta’ profitt ridott, bħal Almamet. Fil-fatt, minħabba l-valur għoli tal-materjali kkonċernati, tali impriża jista’ jkollha dħul mill-bejgħ għoli b’mod sproporzjonat meta mqabbel mal-profitti u mal-assi tagħha, li jkunu waħedhom użati għall-ħlas tal-multa.

140    It-tieni nett, peress li, skont il-metodoloġija tal-linji gwida, il-multa hija ffissata billi jittieħed inkunsiderazzjoni bħala l-punt tat-tluq proporzjon tal-valur tal-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), ir-riskju ta’ multa sproporzjonata, għaliex tkun tirrappreżenta parti sinjifikanti ħafna tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża msemmija, huwa ħafna iktar għoli fil-każ ta’ impriża li, bħal Almamet, għandha “firxa ta’ prodotti relattivament iffokalizzata”.

141    It-tielet nett, il-fatt li Almamet kienet impriża ta’ daqs żgħir ħafna li ma kienet tappartjeni lil ebda grupp kbir huwa rilevanti wkoll, peress li din għandha taffronta l-multa waħedha, għaliex l-ebda kumpannija oħra ma hija responsabbli in solidum magħha għall-ħlas ta’ din il-multa jew, b’mod iktar ġenerali, ma tista’ tagħtiha sostenn għal dan il-għan.

142    Ir-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li Almamet effettivament kellha l-karatteristiċi speċjali elenkati fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika t-tnaqqis fl-ammont tal-multa li ngħatalha. Konsegwentement, sabiex tingħata risposta għal dan l-ilment tar-rikorrenti, għandu jiġi eżaminat biss jekk din tal-aħħar kellhiex ukoll l-istess karatteristiċi.

143    Ir-rikorrenti ssostni li dan huwa l-każ, iżda f’dan ir-rigward, hija tippreżenta argumentazzjoni vaga u ġenerali, mingħajr ma twettaq paragun dettaljat bejn is-sitwazzjoni tagħha u dik ta’ Almamet, mill-perspettiva tal-karatteristiċi ta’ din tal-aħħar imsemmija fil-premessa 372 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, kif tirrimarka ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti stess tammetti li l-firxa ta’ prodotti tagħha ma hijiex ikkonċentrata daqs dik ta’ Almamet. Qabel kollox, għalkemm hija ssostni li tbigħ il-prodotti tagħha billi taqla marġni ta’ profitt baxx ħafna, hija la spjegat din l-affermazzjoni fid-dettall u lanqas ma sostnietha b’xi prova. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija produttur u mhux negozjant, bħal Almamet, u li, kuntrarjament għal din tal-aħħar, fiż-żmien tal-ksur, hija kienet tappartjeni lil grupp ta’ kumpanniji u ngħatat il-multa flimkien u in solidum mal-kumpannija parent tagħha.

144    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrimarkat ukoll, ġustament, li d-dħul mill-bejgħ globali tar-rikorrenti waqt l-aħħar sena finanzjarja sħiħa qabel id-deċiżjoni kkontestata kien jammonta għal EUR 205 miljuni (premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li dak ta’ Almamet kien jinsab bejn il-EUR 45 u l-50 miljun (premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi kliem ieħor, kienet teżisti differenza kunsiderevoli fid-daqs bejn dawn iż-żewġ impriżi. Minn dawn l-istess premessi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li fil-każ ta’ Almamet, madwar 50 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha kien sar bil-prodotti kkonċernati mill-ksur, filwaqt li, għar-rikorrenti, din il-proporzjon kienet ta’ 10 %, jiġifieri kjarament inqas għoli.

145    Kuntrarjament għal dak li osservat ir-rikorrenti fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, id-dħul mill-bejgħ globali kunsiderevolment inqas għoli ta’ Almamet ma kkostitwixxiex il-kriterju determinanti li bbażat ruħha fuqu l-Kummissjoni sabiex tapplika tnaqqis fl-ammont tal-multa lil Almamet. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 133 iktar ’il fuq, din id-deċiżjoni hija ġġustifikata b’riferenza għal ċerti karatteristiċi speċifiċi ta’ Almamet, li ma japplikawx għar-rikorrenti. Id-differenza fid-dħul mill-bejgħ globali u, għalhekk, fid-daqs bejn dawn iż-żewġ impriżi tikkostitwixxi element addizzjonali, invokat mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex turi li ż-żewġ impriżi ma kinux jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li tidher li ssostni r-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li d-diffikultajiet finanzjarji li kellha Almamet kellhom rwol determinanti, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħtiha tnaqqis fl-ammont tal-multa abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida.

146    Fil-kitbiet tagħha, il-Kummissjoni invokat ukoll ir-rapporti annwali tar-rikorrenti, għas-snin finanzjarji 2007 u 2008 u, fuq talba tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, din ippreżentathom. Mir-rapporti msemmija jirriżulta li, fl-2007, il-karbur tal-kalċju u l-gassijiet tekniċi rrappreżentaw 30.63 % mill-bejgħ tar-rikorrenti u li l-istess prodotti kienu kkontribwew għal 28.95 % tal-esportazzjonijiet tagħha. Din l-informazzjoni tikkonferma l-konklużjoni li tgħid li l-firxa ta’ prodotti tar-rikorrenti kienet b’mod sinjifikanti inqas konċentrata minn dik ta’ Almamet.

147    Finalment, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li Almamet kienet wieħed mill-provokaturi tal-ksur inkwistjoni, biżżejjed li jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 76 sa 79 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kkunsidratx tali ċirkustanza aggravanti kontra Almamet jew parteċipant ieħor fil-ksur u xejn fl-argumentazzjoni tar-rikorrenti ma jippermetti li jiġi kkonstatat li din il-konklużjoni hija żbaljata.

148    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-raba’ lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq il-ħames ilment, relattiv għall-multa sa fejn din hija kkalkolata bi proporzjon tad-dħul mill-bejgħ globali tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

149    Insostenn tal-ħames ilment imressaq fil-kuntest tal-ewwel motiv, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tfakkar, fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza li tgħid li l-iffissar ta’ multa xierqa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata, billi rriferiet għas-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ’il fuq (punt 121) u, fit-tieni lok, il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont is-serjetà u t-tul tal-ksur inkwistjoni, li tiżgura, fil-każ fejn jiġu imposti multi fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li jwassal għalihom il-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenzjazzjoni fosthom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom, billi rriferiet għas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq (punt 312). Hija tirreferi wkoll għall-paragrafi 6 u 27 tal-linji gwida li minnhom jirriżulta, fil-fehma tagħha, li l-iffissar tal-ammont tal-multa ma jistax jirriżulta minn metodu ta’ kalkolu awtomatiku u aritmetiku, iżda għandu jsir fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u b’hekk, b’mod definittiv, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

150    Ir-rikorrenti tqis li, f’dan il-każ, il-multi imposti fuq il-parteċipanti fil-ksur inkwistjoni jirriflettu d-dħul mill-bejgħ rilevanti u mhux fatturi oħra iktar importanti, liema ħaġa wasslet għar-riżultat “mhux ekwu u assurd” li hija ngħatat b’mod ċar l-iktar multa għolja, kemm bħala valur assolut kif ukoll bi proporzjon għad-dħul mill-bejgħ globali. Insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tirreferi għal tabella ta’ paragun tal-ammont tal-multi imposti fuq id-diversi parteċipanti fil-ksur. Hija tosserva li, għalkemm il-Kummissjoni tidher li kkonformat ruħha mal-linji gwida f’termini ta’ kalkolu aritmetiku tal-multa li imponiet fuqha u li l-ammont għoli ta’ din il-multa meta mqabbel ma’ dawk imposti fuq il-parteċipanti l-oħra fil-ksur jirrifletti l-fatt li l-prodotti kkonċernati jikkostitwixxu l-qalba tal-bejgħ tagħha, ma jistax jiġi kkontestat li hemm ksur ċar tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

151    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li, hekk kif jirriżulta mit-tabella ppreżentata minnha, anki “kumpannija kbira bħal Akzo Nobel” kienet tiġi ssanzjonata, li kieku t-talba għall-immunità tagħha ma ġietx milqugħa, b’multa inferjuri minn tagħha f’termini assoluti u li tirrappreżenta biss 0.113 % mid-dħul mill-bejgħ dinji tagħha, u dan minkejja l-fatt li din kienet wieħed mill-iktar membri attivi fl-akkordju u li kienet reċidiva. Ir-rikorrenti żżid li xi membri fl-akkordju li għandhom dħul mill-bejgħ dinji ħafna ikbar minn tagħha ġew issanzjonati b’multi li għandhom biss impatt simboliku fuq il-baġit tagħhom, filwaqt li l-multa li ġiet imposta fuqha, kieku titħallas, iġġiegħla ttemm l-attivitajiet tagħha.

152    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li l-iffissar għal 17 % tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-paragrafi 21 u 25 tal-linji gwida jista’ jidher bħala approċċ klementi min-naħa tal-Kummissjoni, iżda dan ma huwiex il-każ f’dak li jirrigwarda lilha, peress li perċentwali iktar għolja kienet twassal għall-qbiż, fil-każ tagħha, tal-limitu ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ globali tagħha. B’mod kuntrarju, din il-klemenza apparenti ma tgħamel xejn ħlief tenfasizza l-karattru sproporzjonat tal-multa li ġiet imposta fuqha, meta mqabbel ma dik imposta fuq parteċipanti oħra.

153    Hija żżid li “l-istruttura u l-ammont tal-multi imposti” mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jagħtu l-impressjoni żbaljata li hija kienet l-impriża li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet l-iktar serja, li hija kellha l-ikbar dħul mill-bejgħ u li hija kienet ukoll il-kap tal-akkordju u l-iktar membru attiv fih. Hija tistaqsi ruħha dwar liema kienet tkun il-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku dawn l-ipoteżijiet kollha kienu jikkorrispondu għar-realtà, peress li l-ammont tal-multa li ġie impost fuqha diġà jinsab viċin il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha.

154    Fid-dawl ta’ din l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li din kienet tipprovdi tnejn mit-tliet prodotti kkonċernati mill-ksur, jiġifieri l-karbur tal-kalċju fi trab u l-karbur tal-kalċju fi żrar. Hekk kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fil-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-bejgħ mir-rikorrenti tal-prodotti msemmija matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kien jammonta, għall-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ prodotti, għal somma bejn EUR 5 u 10 miljuni u, għat-tieni wieħed, għal somma bejn EUR 20 u 25 miljun. Fir-rigward tal-ewwel prodott, il-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti kien paragunabbli ma’ dak tat-tliet parteċipanti l-oħra fl-akkordju, f’dan il-każ Donau Chemie, Evonik Degussa u Holding Slovenske elektrarne d.o.o., u kien maqbuż biss mill-valur tal-bejgħ ta’ żewġ parteċipanti oħra. F’dak li jirrigwarda t-tieni prodott, il-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti kien ħafna iktar superjuri minn dak tal-bejgħ tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur. Kienu biss tliet parteċipanti oħra fil-ksur li kienu jipprovdu dan il-prodott, u l-valur tal-bejgħ tagħhom kien jinsab bejn EUR 3 u 5 miljuni, fil-każ ta’ Akzo Nobel, u bejn EUR 5 u 10 miljuni, fil-każ ta’ Donau Chemie u ta’ Holding Slovenske elektrarne. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fil-premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ngħatat, għal dawn iż-żewġ prodotti, moltiplikaturi stabbiliti skont is-snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li kienu l-iktar għoljin fost dawk applikati lill-parteċipanti fil-ksur, jiġifieri 2.5 għall-karbur tal-kalċju fi trab u 3 għall-karbur tal-kalċju fi żrar (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

155    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, li ma ġew ikkontestati b’ebda mod mir-rikorrenti, ma huwiex sorprendenti li ġiet imposta fuqha l-iktar multa għolja f’valur assolut fost dawk imposti mid-deċiżjoni kkontestata. Għandu jiġi rrilevat ukoll li t-tieni l-iktar multa għolja, jiġifieri ta’ EUR 13.3 miljun, ġiet imposta flimkien u in solidum fuq SKW Stahl‑Metallurgie GmbH, SKW Stahl‑Metallurgie AG u Arques Industries, jiġifieri lill-grupp ta’ impriżi li l-valur tal-bejgħ tiegħu għall-karbur tal-kalċju kien l-iktar għoli fost il-parteċipanti kollha fil-ksur. Madankollu, il-grupp imsemmi ma kienx jipprovdi karbur tal-kalċju fi żrar, iżda manjeżju fi żrar, għal valur ta’ bejgħ li jinsab bejn EUR 5 u 10 miljuni. Il-moltiplikatur li ġie applikat lil dan il-grupp għal dan il-prodott ġie ffissat għal 1.5, jiġifieri ħafna inqas mill-moltiplikatur applikat lir-rikorrenti għall-bejgħ tagħha ta’ karbur tal-kalċju fi żrar. Dawn id-differenzi jispjegaw id-differenza bejn l-ammont tal-multa imposta fuq din l-impriża u dak tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

156    Fir-rigward ta’ Akzo Nobel, kieku din ma kisbitx immunità mill-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, hija kienet tingħata multa ta’ EUR 8.7 miljuni, hekk kif jirriżulta mill-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata. L-ammont iktar baxx ta’ din il-multa meta mqabbel ma’ dik imposta fuq ir-rikorrenti huwa dovut għall-fatt li, filwaqt li l-valur tal-bejgħ ta’ karbur tal-kalċju fi trab minn Akzo Nobel, jiġifieri bejn EUR 10 u 15 miljun, kien ċertament superjuri għal dak tal-bejgħ tal-istess prodott mir-rikorrenti, il-valur tal-bejgħ tal-karbur tal-kalċju fi żrar minn Akzo Nobel kien, min-naħa l-oħra, inferjuri b’mod sinjifikanti minn dak tal-bejgħ ta’ dan il-prodott mir-rikorrenti (ara l-punt 154 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Akzo Nobel fil-ksur kien inferjuri għal dak tar-rikorrenti u fil-konfront ta’ Akzo Nobel ġie applikat biss moltiplikatur ta’ 2 għal kull wieħed mill-prodotti li kienet tipprovdi.

157    Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonfutaw it-teżi tar-rikorrenti li tgħid li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha kien sproporzjonat. Dawn juru li l-karattru għoli tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha ma seħħx b’kumbinazzjoni, iżda huwa dovut għall-fatt li hija kienet kjarament l-ikbar fornitur ta’ wieħed mit-tliet prodotti kkonċernati mill-ksur, kif ukoll fornitur kbir ta’ ieħor minn dawn il-prodotti u li, barra minn hekk, it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kien l-ikbar fost il-parteċipanti kollha. Fi kliem ieħor, il-karattru għoli tal-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti huwa dovut għas-serjetà relattiva tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, inkluż f’dak li jirrigwarda t-tul, meta pparagunat mal-parteċipanti l-oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-kumpannija parent tar-rikorrenti, 1. garantovaná, kumpannija oħra waħda biss, f’dan il-każ Donau Chemie, ingħatat l-istess moltiplikaturi bħala. Madankollu, filwaqt li l-valur tal-bejgħ ta’ karbur tal-kalċju fi trab minn din il-kumpannija kien paragunabbli għal dak tar-rikorrenti, il-valur tal-bejgħ ta’ karbur tal-kalċju fi żrar minn din il-kumpannija kien kjarament inqas għoli, jiġifieri bejn EUR 5 u 10 miljuni. Barra minn hekk, Donau Chemie ngħatat tnaqqis fil-multa ta’ 35 % abbażi tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni (ara l-premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata), liema ħaġa kellha l-konsegwenza li ngħatat multa ta’ EUR 5 miljun, minflok ta’ EUR 7.7 miljuni (ara l-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata).

158    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha kien sproporzjonat huwa bbażat biss, b’mod definittiv, fuq paragun bejn l-ammonti tal-multi imposti fuq id-diversi parteċipanti fil-ksur, tradotti f’perċentwali tad-dħul mill-bejgħ dinji rispettiv tagħhom. Issa, fil-ġurisprudenza, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li huwa mixtieq li jsir tali paragun, hekk kif għamlet ir-rikorrenti, sabiex jiġi stabbilit il-karattru proporzjonat jew le tal-ammont tal-multa imposta.

159    Min-naħa waħda, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti stess u mfakkra fil-punt 149 iktar ’il fuq kjarament tipprekludi tali paragun.

160    Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jeħtieġx li, fil-każ fejn xi multi jkunu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma jkunx ikbar, f’perċentwali tad-dħul mill-bejgħ, minn dak tal-multi imposti fuq l-impriżi ikbar. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi l-kbar, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, is-serjetà u t-tul tal-ksur. Sa fejn il-Kummissjoni timponi, fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur, multi ġustifikati, għal kull waħda minnhom, fir-rigward tas-serjetà u t-tul tal-ksur, ma jistax jiġi lmentat kontriha li, għal xi wħud minnhom, l-ammont tal-multa jkun superjuri, b’relazzjoni mad-dħul mill-bejgħ, minn dak ta’ impriżi oħra (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punt 174, u tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 280).

161    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha jinsab viċin ħafna tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali (ara l-punti 152 u 153 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li dan jinjora n-natura ta’ dan il-limitu. Fil-fatt, is-somma korrispondenti għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ parteċipant fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix, kuntrarjament għal dak li tidher li taħseb ir-rikorrenti, multa massima, li għandha tiġi imposta biss fil-każ tal-iktar ksur serju. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, dan huwa pjuttost limitu massimu li għandu bħala l-unika konsegwenza possibbli li l-ammont tal-multa kkalkolat abbażi tal-kriterji tas-serjetà u tat-tul tal-ksur jitnaqqas sal-livell massimu awtorizzat. L-applikazzjoni tiegħu timplika li l-impriża kkonċernata ma tħallasx il-multa li, fil-prinċipju, tkun dovuta abbażi ta’ evalwazzjoni bbażata fuq il-kriterji msemmija (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 283).

162    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-limitu massimu ma kienx jipprekludi lill-Kummissjoni milli tasal, għall-kalkolu tal-multa, għal ammont intermedjarju li jaqbeż il-limitu msemmi. Dan lanqas ma jipprekludi li jsiru operazzjonijiet ta’ kalkolu intermedjarji, li jieħdu inkunsiderazzjoni s-serjetà u t-tul tal-ksur, fuq ammont li jkun superjuri għalih. Jekk jirriżulta li, fuq il-bażi tal-kalkolu, l-ammont finali tal-multa għandu jitnaqqas bl-istess ammont ta’ dak li jaqbeż l-imsemmi limitu massimu, il-fatt li ċerti fatturi bħas-serjetà u t-tul tal-ksur ma humiex effettivament riflessi b’mod effettiv fl-ammont tal-multa imposta huwa biss konsegwenza sempliċi tal-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu għall-imsemmi ammont finali (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punti 278 u 279).

163    Isegwi li s-sempliċi fatt li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti tinsab viċin ħafna tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha, filwaqt li din il-perċentwali hija iktar dgħajfa għal parteċipanti oħra fl-akkordju, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, din il-konsegwenza hija inerenti għall-interpretazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % bħala sempliċi limitu massimu li huwa applikat wara tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti jew minħabba l-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T‑211/08, Ġabra p. II-3729, punt 74).

164    Għall-istess raġuni, is-sempliċi fatt li, minħabba l-implementazzjoni ta’ dan il-limitu, anki fl-ipoteżi ta’ ksur iktar serju, ir-rikorrenti ma kinitx tingħata multa ħafna iktar għolja, ma jurix li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha bid-deċiżjoni kkontestata huwa sproporzjonat. F’kull każ, għandu jiġi rrilevat, b’mod iktar ġenerali, li l-evalwazzjoni tal-karattru sproporzjonat jew le tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jistax isir abbażi ta’ paragun bejn il-multa effettivament imposta u dik li kellha tiġi imposta għal ksur ipotetiku iktar serju, peress li l-impriżi huma mistennija li josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni u mhux li jiksruhom. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li sabiex issostni t-teżi li tgħid li l-gravità tal-ksur li wettqet ma kienx kbir daqs kemm seta’ jkun, ir-rikorrenti terġa’ ssemmi allegazzjonijiet li, hekk kif jirriżulta mill-punti 86 sa 89 u 97 sa 106 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

165    Isegwi li l-ħames ilment ma jistax jirnexxi.

–       Fuq is-sitt ilment, invokat waqt is-seduta u li jirrigwarda l-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa

166    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti b’mod partikolari osservat li hija kienet ġiet ittrattata b’mod diskriminatorju minħabba l-fatt li, waqt il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ ta’ Almamet li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha, il-Kummissjoni kienet iddeduċiet il-valur tal-karbur tal-kalċju mixtri minn din il-kumpannija mingħand ir-rikorrenti u, sussegwentement, mibjugħ mill-ġdid lill-klijenti tagħha stess. Skont ir-rikorrenti, deduzzjoni analoga kellha tiġi applikata lill-valur tal-bejgħ tagħha stess, liema ħaġa kienet twassal għal tnaqqis sinjifikanti fl-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

167    Il-Kummissjoni, hekk kif diġà ġie rrilevat (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), tosserva li dan l-ilment kien inammissibbli, peress li ġie invokat għall-ewwel darba waqt is-seduta, mingħajr ma kien ibbażat fuq xi elementi mressqa waqt il-proċedura. Wara li ġiet mistiedna sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan il-punt, ir-rikorrenti indikat li l-ilment miġbur fil-qosor fil-punt preċedenti kien diġà ġie invokat fil-punt 17 tar-rikors tagħha. Ittieħdet nota ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet kollha fil-proċess verbal tas-seduta.

168    Għandu jiġi mfakkar li mid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jkollu sunt tal-motivi mressqa u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sa kemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 1990, Hanning vs Il-Parlament, T‑37/89, Ġabra p. II‑463, punt 38, u tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, Ġabra p. II‑2849, punt 85). Soluzzjoni simili hija meħtieġa għal ilment invokat insostenn ta’ motiv (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, Ġabra p. II‑2085, punt 156, u Mote vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

169    F’dan il-każ, ma jidhirx, u r-rikorrenti ma tallegax li s-sitt ilment huwa bbażat fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura. Fil-fatt, dan l-ilment huwa bbażat fuq il-mod li bih il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa li hija imponiet fuq Almamet. Issa, l-elementi ta’ dan il-kalkolu huma deskritti b’mod ċar fit-tieni inċiż tal-premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata u kienu, għalhekk, magħrufa mir-rikorrenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħha.

170    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tas-sitt ilment, għandu jiġi vverifikat jekk, kif tosserva r-rikorrenti, dan l-ilment issemmix diġà fir-rikors.

171    Issa, dan ma huwiex il-każ. Il-punt 17 tar-rikors, invokat mir-rikorrenti f’dan il-kuntest, ma huwiex rilevanti. Dan il-punt jibda b’dikjarazzjoni li tgħid li “[l]-kalkolu tal-valur tal-bejgħ, id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa marbut ma’ proporzjon tal-valur tal-bejgħ u l-moltiplikazzjoni bin-numru tas-snin magħmula mill-Kummissjoni ma humiex, fil-prinċipju, ikkontestati hawnhekk”. Il-punt imsemmi jkompli billi jippreżenta l-allegazzjoni tar-rikorrenti miġbura fil-qosor fil-punt 152 iktar ’il fuq. Din l-allegazzjoni ma fiha ebda rabta mas-sitt ilment, hekk kif ġie invokat waqt is-seduta.

172    Barra minn hekk, huwa biss ir-raba’ lment li ġie eżaminat u miċħud, fil-punti 130 sa 148 iktar ’il fuq, li huwa bbażat fuq diskriminazzjoni għad-dannu tar-rikorrenti meta mqabbel mat-trattament irriżervat lil Almamet. Madankollu, dan l-ilment jikkonċerna kwistjoni għal kollox differenti minn dik tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, ir-raba’ lment jirrigwarda t-tnaqqis fl-ammont tal-multa mogħtija lil Almamet abbażi tal-paragrafu 37 tal-linji gwida li s-sitt ilment ma jistax jitqies bħala sempliċi estensjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tar-rikorrenti, hekk kif tidher fir-rikors tagħha, u li hija riprodotta fil-punt preċedenti, tidher li tista’ tinftiehem biss fis-sens li r-rikorrenti ma riditx tinvoka, fir-rikors tagħha, ilment relattiv għall-ammont bażiku tal-multa u għad-determinazzjoni tagħha skont il-valur tal-bejgħ imwettaq b’relazzjoni mal-ksur.

173    Minn dan jirriżulta li s-sitt ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Peress li l-ilmenti kollha invokati fil-kuntest tal-ewwel motiv ġew miċħuda, konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fuq żball ta’ fatt kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kapaċità kontributorja tar-rikorrenti

 Linji gwida

174    Il-paragrafu 35 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi huwa mfassal b’dan il-mod:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kapaċità kontributorja ta’ impriża f’kuntest ekonomiku u soċjali partikolari. L-ebda tnaqqis fil-multa ma għandu jingħata fuq din il-bażi mill-Kummissjoni fuq is-sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew defiċitarja. Jista jingħata tnaqqis biss abbażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, fil-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn il-linji gwida, tpoġġi b’mod irrimedjabbli fil-periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex iċċaħħad lill-assi tagħha minn kull valur.”

 Id-deċiżjoni kkontestata

175    Ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Kummissjoni talba intiża għat-teħid inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, tan-nuqqas ta’ kapaċità kontributorja tagħha, li ġiet miċħuda għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-premessa hija mfassla b’dan il-mod:

“Wara li ġiet eżaminata l-informazzjoni kkomunikat minn NCHZ [(Novácke chemické závody)] […], il-Kummissjoni tikkonkludi li din ma turix li l-multa imposta b’din id-deċiżjoni tpoġġi b’mod irrimedjabbli f’periklu l-vijabbiltà ekonomika ta’ NCHZ u ċċaħħad lill-assi tagħha minn kull valur. Konsegwentement, it-talba ta’ NCHZ dwar l-inkapaċità kontributorja hija miċħuda.”

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

176    Sabiex tikkontesta dan iċ-ċħid, ir-rikorrenti tesponi, preliminarjament, ċerti kundizzjonijiet ġenerali relattivi għall-għan u għall-interpretazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida. Sussegwentement, hija tesponi s-sitwazzjoni ekonomika tagħha qabel l-impożizzjoni tal-multa u ssostni li hija ilha għal ċertu żmien “viċin il-falliment”. F’dan ir-rigward, l-2004 kien partikolarment kritiku peress li diversi kredituri kienu kkunsidrawha li kienet f’sitwazzjoni ta’ waqfien mill-ħlas. Minkejja l-persistenza ta’ din is-sitwazzjoni kritika, azzjonarju ġdid, li ngħaqad mal-kumpannija fl-2008, u bord tad-diretturi ġdid adottaw miżuri sabiex jistabbilizzaw il-produzzjoni u jtejbu l-effettività tal-bord tad-diretturi. Dan tal-aħħar wassal għall-ftehim ta’ ċerti kundizzjonijiet mal-imsieħba soċjali tar-rikorrenti sabiex din tkun tista’ tgħaddi mill-perijodu delikat li kienet għaddejja minnu, sabiex tiġġenera ruħha mill-ġdid u sabiex timxi l-quddiem fis-suq. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-problemi finanzjarji tagħha ma humiex marbuta mal-kompetittività tagħha fis-suq tal-karbur tal-kalċju, li fih hija kompetitur rispettat, iżda huma relatati mal-oneru mgħoddi mill-bord tad-diretturi preċedenti f’termini ta’ tniġġis tal-ambjent u ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment strateġiċi żbaljati.

177    Ir-rikorrenti tkompli billi tosserva li hija kienet iddeskriviet is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tagħha fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Ottubru 2008 li magħha hija kienet inkludiet rapport ta’ espert. Dan ir-rapport ikkonkluda, abbażi ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari, tal-kontijiet finanzjarji, li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja ħażina u li hija setgħet tkompli topera bħala impriża attiva biss jekk jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet fir-rigward, rispettivament, taż-żieda tal-kapital azzjonarju tagħha b’mill-inqas 400 miljun koruna Slovakka (SKK), tal-konklużjoni favorevoli ta’ proċess li jissuġġettaha għal entità statali Slovakka u tar-rinunzja min-naħa tal-Kummissjoni tal-impożizzjoni ta’ multa għall-ksur inkwistjoni. Kieku dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, is-sitwazzjoni ħażina tar-rikorrenti kienet tiggrava b’mod kunsiderevoli, skont l-espert, u l-falliment tagħha seta’ jsegwi relattivament malajr.

178    Sussegwentement, ir-rikorrenti tanalizza d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Slovakka fil-qasam tal-falliment. Barra minn hekk, hija tiddeskrivi l-aggravament tas-sitwazzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata minħabba n-“nervożità” tal-kredituri tagħha u l-irtirar tal-faċilitajiet ta’ kreditu minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Minn din l-analiżi jirriżulta li hija tinsab obbligata li tressaq talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment meta l-multa titniżżel fil-kontabbilità tagħha u meta ssir eżegwibbli.

179    Tali talba ġiet effettivament ippreżentata wara l-preżentata tar-rikors (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) u l-partijiet ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk l-impożizzjoni tal-multa kinitx il-kawża tal-falliment tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni tikkontesta din it-teżi, billi tosserva, b’mod partikolari, li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ falliment ġiet ippreżentata saħansitra qabel li l-multa saret eżegwibbli. Din tilmenta wkoll li r-rikorrenti ma talbitx sabiex tibbenefika minn ħlas tal-multa bin-nifs jew ma pprovatx tikseb garanzija bankarja. Ir-rikorrenti tirrispondi għal dawn l-allegazzjonijiet fir-replika tagħha, billi tosserva li, wara n-“nervożità” u t-telf tal-fiduċja tal-kredituri u l-fornituri tagħha wara l-impożizzjoni tal-multa, il-membri tal-bord tad-diretturi tagħha kienu obbligati, skont il-leġiżlazzjoni Slovakka applikabbli, li jressqu talba għal dikjarazzjoni ta’ falliment. Barra minn hekk, hija tirrileva li probabbilment, talba għall-ħlas bin-nifs ma kinitx tirnexxi u, anki f’każ kuntrarju, tali faċilità ma tkunx suffiċjenti sabiex tipprekludi l-falliment tagħha. Hija żżid li kien impossibbli għaliha li tikseb garanzija bankarja.

180    Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-effetti tal-falliment tagħha huma dannużi fil-kuntesti soċjali u reġjonali, li għandha tittieħed kunsiderazzjoni tagħhom skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li hija waħda mill-persuni prinċipali li timpjega fis-Slovakkja u li hija ta’ importanza strateġika għall-ħajja ekonomika tar-reġjun Slovakk ta’ Nitra ta’ Fuq, fejn jinsabu l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħha. L-għeluq eventwali tagħhom ikollu bħala konsegwenza mhux biss it-tkeċċija tal-2 000 impjegat tagħha, iżda wkoll l-egħluq jew it-tnaqqis sostanzjali fl-attività ta’ diversi impriżi oħra tal-istess reġjun, b’mod partikolari tal-fornituri tagħha.

181    Dawn l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti huma sostnuti mir-Repubblika Slovakka, li ddedikat in-nota ta’ intervent kollha tagħha għad-dimostrazzjoni tal-effetti negattivi għas-sitwazzjoni soċjali fid-distrett ta’ Prievidza, li jifforma parti mir-reġjun ta’ Nitra ta’ Fuq u fejn jinsabu l-installazzjonijiet tar-rikorrenti, ta’ eventwali twaqqif fl-attività tar-rikorrenti. Din l-eventwalità twassal għal żieda fil-qgħad li jirriżulta kemm, direttament, mit-tkeċċija tal-impjegati tar-rikorrenti kif ukoll, indirettament, minn “reazzjoni katina” li tpoġġi f’periklu l-impjiegi tal-fornituri tar-rikorrenti. Ir-Repubblika Slovakka tenfasizza li numru minn dawn il-persuni qegħda ma għandu ebda perspettiva reali li jsib impjieg ġdid. Waqt is-seduta, ir-Repubblika Slovakka ppreżentat dokumenti ġodda li jippermettu li tiġi aġġornata l-informazzjoni ppreżentata fin-nota ta’ intervent tagħha.

182    Ir-rikorrenti tgħid li hija konvinta li, bl-argumenti miġbura iktar ’il fuq, hija pprovat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida kienu sodisfatti fil-każ tagħha. Għalhekk, hija tilmenta kontra l-Kummissjoni ksur “tal-forom proċedurali sostanzjali”, peress li din ma spjegat la matul il-proċedura u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata għalfejn il-provi mressqa insostenn tat-talba tagħha għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida ma jurux li l-multa kienet tpoġġi b’mod irrimedjabbli f’periklu l-vijabbiltà ekonomika tagħha u kienet twassal sabiex iċċaħħad lill-assi tagħha minn kull valur. Hija tikkunsidra li d-dikjarazzjoni fil-qosor li tinsab fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies bħala suffiċjenti f’dan ir-rigward.

183    Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod xieraq il-provi li hija kienet ippreżentat insostenn tat-talba tagħha għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida u li, f’kull każ, l-evalwazzjoni tal-provi msemmija mill-Kummissjoni hija vvizzjata minn żball manifest, peress li din ma kkunsidratx li l-falliment tagħha kien imminenti u ma applikatx dan il-paragrafu tal-linji gwida. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sabiex teżamina hija stess il-provi inkwistjoni, jekk ikun il-każ billi tordna perizja, sabiex tevalwa f’liema miżura l-multa imposta fuq ir-rikorrenti ser twassal għal dikjarazzjoni ta’ falliment u għall-għeluq tal-impriża, liema miżura tista’, jekk ikun meħtieġ, tkun tinkludi s-smigħ ta’ espert fil-liġi Slovakka, b’mod partikolari tal-liġi dwar il-falliment.

184    Għandu jiġi rrilevat li, hekk kif irrilevaw ir-Repubblika Slovakka u r-rikorrenti, din tal-aħħar setgħet tibbenefika miz-zákon o niektorých opatreniach týkajúcich sa strategických spoločností a o zmene a doplnení niektorých zákonov (Liġi dwar ċerti miżuri li jirrigwardaw lill-impriżi strateġiċi), Nru 493/2009 Z.z., tal-5 ta’ Novembru 2009. Din il-liġi tipprovdi li l-amministratur tal-falliment ta’ impriża kkunsidrata bħala “strateġika” huwa legalment marbut li jżommha attiva u l-Istat Slovakk jista’ jeżerċita dritt ta’ preferenza fuq l-assi ta’ tali impriża. Ir-rikorrenti ġiet innominata bħala impriża strateġika, skont din il-liġi, b’deċiżjoni tal-awtorità kompetenti Slovakka tat-2 ta’ Diċembru 2009. Skont ir-Repubblika Slovakka, kien għalhekk li r-rikorrenti setgħet tkompli l-attivitajiet tagħha wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment tagħha, u li t-tkeċċija kollettiva tal-impjegati tagħha setgħet tiġi evitata. Madankollu, jidher li dawn l-iżviluppi seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata u ma kienu bl-ebda mod prevedibbli fil-mument tal-adozzjoni tagħha u li dawn jirrendu mingħajr skop il-perizja mitluba mir-rikorrenti peress li d-dikjarazzjoni ta’ falliment diġà saret. Għalhekk, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami ta’ dan il-motiv.

185    Qabel ma jiġu evalwati l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv tagħha, għandhom jiġu evalwati l-għan u l-interpretazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida.

186    Kemm-il darba ġie deċiż li, fil-prinċipju, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni d-defiċit finanzjarju ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 327 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 351, u Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 370).

187    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li miżura adottata minn awtorità tal-Unjoni tipprovoka l-falliment jew il-likwidazzjoni ta’ impriża partikolari ma huwiex prekluż, bħala tali, mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-likwidazzjoni ta’ impriża taħt il-forma ġuridika tagħha inkwistjoni, għalkemm tista’ tikser l-interessi finanzjarji tal-proprjetarji, azzjonisti jew detenturi tal-ishma, ma tfissirx madankollu li l-elementi personali, materjali, u immaterjali rrappreżentati mill-impriża jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 372 ; tad-29 ta’ Novembru 2005, Heubach vs Il-Kummissjoni, T‑64/02, Ġabra p. II‑5137, punt 163, u tat-28 ta’ April 2010, BST vs Il-Kummissjoni, T‑452/05, Ġabra p. II‑1373, punt 96).

188    Ma jistax jiġi aċċettat li, bl-adozzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, il-Kummissjoni imponiet fuqha stess xi obbligu li jmur kontra din il-ġurisprudenza. Prova ta’ dan huwa l-fatt li l-paragrafu msemmi ma jagħmilx referenza għall-falliment ta’ impriża, iżda jikkunsidra sitwazzjoni, li sseħħ “f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”, li fiha l-impożizzjoni ta’ multa “tpoġġi b’mod irrimedjabbli f’periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex l-assi tagħha jiġu pprivati minn kull valur”.

189    Isegwi li s-sempliċi fatt li l-impożizzjoni ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jirriskja li jipprovoka l-falliment tal-impriża kkonċernata ma huwiex biżżejjed, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 187 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm falliment jikkawża dannu lill-interessi finanzjarji tal-proprjetarji jew tal-azzjonisti kkonċernati, dan mhux neċessarjament jimplika t-tmiem tal-impriża inkwistjoni. Din tista’ tkompli teżisti bħala tali, jiġifieri f’każ ta’ rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija ddikjarata falluta, jew bħala persuna ġuridika li tiżgura t-tmexxija tal-impriża msemmija, jiġifieri f’każ ta’ trasferiment globali tal-assi tagħha u, b’hekk, tal-impriża bħala entità li teżerċita attività ekonomika, lil entità oħra. Tali trasferiment globali jista’ jseħħ jew permezz ta’ xiri volontarju, jew permezz ta’ bejgħ obbligatorju tal-assi tal-kumpannija falluta bit-tkomplija fl-operat.

190    Konsegwentement, il-paragrafu 35 tal-linji gwida għandu jinftiehem, b’mod partikolari fir-rigward tar-riferenza għall-privazzjoni tal-assi tal-impriża kkonċernata mill-valur kollu tagħhom, fis-sens li jirrigwarda s-sitwazzjoni fejn it-trasferiment tal-impriża, jew għall-inqas tal-assi tagħha, imsemmi fil-punt preċedenti, jidher mhux probabbli, jew saħansitra impossibbli. F’tali każ, l-elementi li jiffurmaw l-assi tal-impriża falluta jiġu offruti għall-bejgħ wieħed wieħed u huwa probabbli li ħafna minnhom ma jinxtarawx jew, l-iktar, jinbiegħu bi prezz imnaqqas ħafna, b’tali mod li jkun leġittimu li jitqies, hekk kif jgħamel il-paragrafu 35 tal-linji gwida, it-telf totali tal-valur tagħhom.

191    L-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni stess waqt is-seduta jsostnu din il-konklużjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat li hija ma kinitx tapplika kelma b’kelma l-kundizzjoni, stabbilita fil-paragrafu 35 tal-linji gwida, li tgħid li kellu jkun hemm riskju li l-assi tal-impriża kkonċernata jkunu ġew ipprivati minn kull valur, iżda li hija kienet tipprova tiddetermina jekk l-assi msemmija kinux baqgħu jintużaw fil-manifattura tal-prodotti. Ittieħdet nota ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fil-proċess verbal tas-seduta. Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, adottata mill-Kummissjoni, hija essenzjalment l-istess bħal dik esposta fil-punt preċedenti.

192    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-applikazzjoni tal-paragrafu msemmi tal-linji gwida teħtieġ ukoll, skont il-kliem tagħha, “kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”. Skont il-ġurisprudenza, tali kuntest jikkonsisti mill-konsegwenzi li l-ħlas tal-multa jista’ jkollu, b’mod partikolari fuq il-livell ta’ żieda fil-qgħad jew ta’ deterjorazzjoni fis-setturi ekonomiċi upstream u downstream tal-impriża kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 106).

193    Għalkemm il-kundizzjonijiet ikkunsidrati fit-tliet punti preċedenti huma sodisfatti, jista’ effettivament jiġi sostnut li l-impożizzjoni ta’ multa, li tirriskja li tipprovoka t-tmiem tal-impriża kkonċernata, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-Kummissjoni għandha tosserva kull darba li hija tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara l-punt 44 iktar ’il fuq).

194    Huwa b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali li għandu jitwettaq l-eżami tal-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha.

195    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tqajjem, b’din l-argumentazzjoni, kemm ilment ta’ forma, relatat mal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara l-punt 182 iktar ’il fuq), kif ukoll ilmenti fuq il-mertu, jiġifieri żball ta’ fatt u żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni (ara l-punt 183 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-qasam tal-multi sabiex tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

196    Għandu jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrenti intiża għall-applikazzjoni, fil-każ tagħha, tal-paragrafu 35 tal-linji gwida kif ukoll l-argumentazzjoni tagħha mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta ċ-ċħid ta’ din it-talba huma bbażati fuq idea żbaljata tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu msemmi.

197    Ċertament, waqt il-preżentazzjoni tat-talba tagħha għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-allegat nuqqas ta’ kapaċità kontributorja tagħha, ir-rikorrenti kienet taf bil-ħtieġa li tintwera l-eżistenza ta’ “kuntest soċjali u ekonomiku partikolari”, skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (ara l-punt 192), u hija ddedikat għal din il-kwistjoni parti mill-ittra tagħha tas-27 ta’ Marzu 2009 li tikkontjeni din it-talba. Fiha, ir-rikorrenti esponiet, essenzjalment, l-istess argumenti bħal dawk imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali minnha u mir-Repubblika Slovakka (ara l-punti 180 u 181 iktar ’il fuq). Din l-argumentazzjoni, inizjalment mhux ikkontestata mill-Kummissjoni, turi b’mod suffiċjenti fil-liġi, l-eżistenza ta’ kuntest partikolari kif meħtieġ mill-paragrafu 35 tal-linji gwida, b’tali mod li din il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafu msemmi għandha titqies bħala sodisfatta.

198    Min-naħa l-oħra, waqt il-preżentazzjoni tat-talba tagħha għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-allegat nuqqas ta’ kapaċità kontributorja tagħha, ir-rikorrenti tidher li telqet mil-premessa żbaljata li tgħid li f’dan ir-rigward kien suffiċjenti li jiġi pprovat li l-impożizzjoni ta’ multa tipprovoka l-falliment tagħha. B’hekk, il-perizja mressqa mir-rikorrenti bħala anness mar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u msemmija fil-punt 177 iktar ’il fuq hija ddedikata għall-“kontinwazzjoni tal-eżistenza ekonomika tal-kumpannija NCHZ”.

199    Dwar dan, għandu jingħad li r-rikorrenti tiżnatura xi ftit it-termini ta’ dan ir-rapport meta ssostni li dan jikkonkludi li għandhom jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex hija tkun tista’ “tkompli topera bħala impriża attiva”. Mit-termini tar-rapport jirriżulta b’mod ċar li dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw il-kontinwazzjoni tal-eżistenza ekonomika tar-rikorrenti bħala kumpannija kummerċjali. Ir-rapport ikompli billi jindika li, jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti “jista’ jiġi mbassar tkabbir sinjifikanti fid-depressjoni tal-kumpannija b’evoluzzjoni lejn l-istadju ta’ falliment relattivament kmieni”. Madankollu, ir-rapport ma jsemmix il-konsegwenzi ta’ falliment eventwali fuq it-tkomplija tal-impriża tar-rikorrenti u b’mod partikolari, ma jsemmi xejn dwar il-probabbiltà ta’ trasferiment, volontarju jew le, tal-assi kollha tagħha lil kumpannija oħra bit-tkomplija tal-operat.

200    Ir-rikorrenti lanqas ma semmiet din il-kwistjoni fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Marzu 2009 msemmija fil-punt 197 iktar ’il fuq u li fiha, minbarra r-riferenza għall-kuntest soċjali u ekonomiku partikolari tal-każ, hija pprovdiet biss informazzjoni ġdida sabiex turi s-“sitwazzjoni finanzjarja kritika tagħha”. Din il-kwistjoni lanqas ma ssemmiet fir-rikors. Kien biss fl-istadju tar-replika li r-rikorrenti ressqet argumentazzjoni speċifika sabiex twieġeb għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-provi ppreżentati ma kinux jistabbilixxu, b’mod partikolari, li l-assi tagħha kienu ser jitilfu l-valur kollu tagħhom.

201    Issa, hekk kif diġà ġie rrilevat (ara l-punti 189 u 190 iktar ’il fuq), għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, ma huwiex biżżejjed li jiġi pprovat li l-impriża kkonċernata ser tiġi ddikjarata falluta f’każ ta’ impożizzjoni ta’ multa. Skont it-termini stess ta’ dan il-paragrafu, għandhom jeżistu “provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa […] tpoġġi b’mod irrimedjabbli fil-periklu l-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u twassal sabiex l-assi tagħha jiġu pprivati minn kull valur”, liema ħaġa ma tkun awtomatika fil-każ tal-falliment tal-kumpannija li topera lill-impriża inkwistjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tippretendi li jiġi applikat dan il-paragrafu tal-linji gwida, ħlief fil-każ li hija tressaq provi oġġettivi ta’ din l-eventwalità, liema ħaġa tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-applikazzjoni tal-paragrafu msemmi.

202    Din il-perċezzjoni żbaljata mir-rikorrenti tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-ilmenti li hija tressaq fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

203    F’dan ir-rigward, dwar l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-eżiġenza ta’ motivazzjoni għandha tinftiehem fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew partijiet oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, peress li l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il-Kummissjoni, T‑48/02, Ġabra p. II‑5259, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata).

204    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-ammont ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-eżiġenzi tal-formalità sostantiva li tikkostitwixxi lil dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jkunu sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha li tkejjel is-serjetà u t-tul tal-ksur, kif ukoll l-elementi ta’ evalwazzjoni li din ħadet inkunsiderazzjoni għal dan il-għan, b’applikazzjoni tar-regoli indikattivi li jinsabu fil-linji gwida tagħha stess (ara s-sentenza Brouwerij Haacht vs Il-Kummissjoni, punt 203 iktar ’il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

205    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiċħad it-talba tar-rikorrenti bbażata fuq il-paragrafu 35 tal-linji gwida hija fil-qosor ħafna, billi tillimita ruħha għas-sempliċi affermazzjoni li l-informazzjoni ppreżentata minn din tal-aħħar ma turix li l-multa imposta tpoġġi fil-periklu b’mod irrimedjabbli l-vijabbiltà ekonomika tagħha u li tippriva lill-assi tagħha minn kull valur.

206    Kieku, kif tikkunsidra b’mod żbaljat ir-rikorrenti, il-probabbiltà li hija tiġi ddikjarata falluta wara l-impożizzjoni ta’ multa kienet biżżejjed sabiex jintwera li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, rigward it-tqegħid fil-periklu tal-vijabbiltà ekonomika tagħha u l-privazzjoni tal-assi tagħha minn kull valur, kienet sodisfatta, ikun jista’, ċertament, jiġi konkluż li l-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar iċ-ċħid tat-talba tar-rikorrenti intiża għall-applikazzjoni tal-imsemmi paragrafu tal-linji gwida, hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

207    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kuntest madwar it-teħid tad-deċiżjoni, li huwa, b’mod partikolari, ikkaratterizzat mill-iskambju bejn l-awtur tagħha u l-parti kkonċernata, jista’, f’ċerti ċirkustanzi jtaqqal ir-rekwiżiti tal-motivazzjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il-Kunsill, T‑188/98, Ġabra p. II‑1959, punti 44 u 45, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T‑16/02, Ġabra p. II‑5167, punt 89]. Peress li r-rikorrenti ppreżentat informazzjoni dettaljata, inkluża perizja, li turi li, fil-fehma tagħha, f’każ ta’ impożizzjoni ta’ multa, id-dikjarazzjoni tal-falliment tagħha tkun probabbli ħafna, jew saħansitra inevitabbli, kieku l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tasal għal konklużjoni differenti, hija kien ikollha tipprovdi mill-inqas sommarju qasir tal-provi u tal-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat il-konklużjoni tagħha.

208    Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija eżaminat bir-reqqa s-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti, b’mod partikolari billi wettqet evalwazzjoni bbażata fuq il-mudell “Z‑score ta’ Altman” u peress li hija kkalkolat, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, l-indikatur ta’ probabbiltà ta’ falliment stabbilit minn dan il-mudell. Il-valur ta’ dan l-indikatur jinsab, għar-rikorrenti, iktar ’il fuq mill-valur massimu li jindika probabbiltà għolja ta’ falliment. Minn dan irriżulta dibattitu bejn il-partijiet dwar l-eżattezza tal-kalkolu ta’ dan l-indikatur, ikkalkolat ukoll fil-perizja ppreżentata mir-rikorrenti, iżda b’mod żbaljat skont il-Kummissjoni, u b’mod iktar ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni, minn din tal-aħħar, tal-perizja ppreżentata mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll perizja ġdida dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

209    Madankollu, l-ipoteżi msemmija mir-rikorrenti fil-punt 206 iktar ’il fuq ma hijiex eżatta. Hekk kif diġà ġie rrilevat (ara l-punt 201 iktar ’il fuq), għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, ir-rikorrenti ma tistax tillimita ruħha sabiex issostni li l-impożizzjoni ta’ multa twassal għad-dikjarazzjoni ta’ falliment tagħha, iżda hija għandha wkoll tispjega u tipprova b’liema mod din l-eventwalità tqiegħed fil-periklu l-vijabbiltà ekonomika tagħha bħala impriża u tippriva lill-assi tagħha minn kull valur.

210    Issa, din l-aħħar kwistjoni ma ssemmitx espressament fit-talba tar-rikorrenti intiża għall-applikazzjoni tal-imsemmi paragrafu tal-linji gwida (ara l-punti 198 sa 200 iktar ’il fuq). Għalhekk, fuq din il-kwistjoni, ma kien hemm ebda skambju bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, b’mod li l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 207 iktar ’il fuq ma tapplikax. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni, tillimita ruħha għall-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kundizzjoni essenzjali għall-applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida, dwar it-tqegħid fil-periklu tal-vijabbiltà tal-impriża kkonċernata u dwar il-privazzjoni ta’ kull valur lill-assi tagħha, ma kinitx sodisfatta. Għalhekk, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

211    F’kull każ, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 49 sa 51 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali hija mitluba mhux biss li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, kemm f’dak li jikkonċerna l-forma kif ukoll il-mertu, iżda wkoll li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, liema ħaġa timplika s-sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni.

212    L-eżerċizzju, mill-Qorti tal-Unjoni, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, jista’ jiġġustifika l-preżentazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi kumplimentari ta’ informazzjoni li r-riferenza għalihom fid-deċiżjoni ma tkunx kif meħtieġa skont l-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 40; sentenzi SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 55, u s-sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 215). Billi tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, anki tali elementi kumplimentari mhux imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Unjoni tista’ b’mod partikolari tikkonkludi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-ammont tal-multa imposta huwa xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punti 71 u 72) u dan anki jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, T‑30/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 190).

213    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta, fil-mertu, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li wasslet lil din tal-aħħar sabiex tiċħad it-talba għat-teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ kapaċità kontributorja tagħha. Din ma tillimitax ruħha li tosserva, f’dan ir-rigward, żball ta’ fatt jew żball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Min-naħa tagħha, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali, fil-każ li din tqis li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti, li żżomm l-istess ammont tal-multa billi teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

214    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn din ċaħdet it-talba msemmija tar-rikorrenti, għandu, qabel ma din tiġi annullata jekk ikun il-każ għal dan il-motiv, isir l-eżami tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tikkontesta fil-mertu ċ-ċħid ta’ din it-talba, bil-għan li jiġi ddeterminat mhux biss jekk dan iċ-ċħid huwiex ivvizzjat mill-iżbalji fil-mertu allegati mir-rikorrenti, iżda wkoll jekk il-Qorti Ġenerali għandhiex, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha fil-qasam, tħassar il-multa jew tnaqqas l-ammont tagħha, kif titlob ir-rikorrenti, jew iżżommha kif inhi, kif titlob il-Kummissjoni.

215    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li kemm il-perizja annessa mir-rikorrenti mar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll l-ittra tas-27 ta’ Marzu 2009 mhux biss ma jsemmux espressament il-kwistjoni tal-vijabbiltà tal-impriża tar-rikorrenti u l-eventwali telf ta’ kull valur tal-assi tagħha minħabba l-impożizzjoni tal-multa (ara l-punti 199 u 200 iktar ’il fuq), iżda ma fihom ebda element li jargumenta favur tali eventwalità.

216    It-tieni nett, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-rikors tagħha lanqas ma jargumentaw favur tali eventwalità, iżda b’mod kuntrarju jagħtu x’jinftiehem li, anki fl-ipoteżi ta’ falliment, kienet probabbli l-kontinwazzjoni tal-impriża wara rikapitalizzazzjoni tar-rikorrenti jew it-trasferiment tal-assi kollha tagħha lil entità oħra b’kontinwità tal-operat. Fil-fatt, minkejja l-fatt li r-rikorrenti kienet tinsab, skont l-affermazzjonijiet tagħha stess “għal ċertu żmien viċin il-falliment”, fl-2008, azzjonist ġdid kien ingħaqad mal-kumpannija, liema ħaġa turi li kienu jeżistu investituri interessati mill-ksib ta’ sehem fir-rikorrenti. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li, kif issostni r-rikorrenti stess, hija kienet kompetitur rispettat fis-suq tal-karbur tal-kalċju, u l-problemi finanzjarji li kienet ikkonfrontata bihom ma kinux marbuta mal-kompetittività tagħha fis-suq.

217    It-tielet nett, it-termini ta’ dikjarazzjoni tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti, tas-17 ta’ Settembru 2009, indirizzata lill-“imsieħba kummerċjali” tagħha u ppreżentata mill-Kummissjoni bħala anness mar-risposta tagħha, jikkonfermaw din l-impressjoni. Fiha hemm indikat li t-talba intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi ddikjarata falluta kellha l-iskop li jiġu protetti l-assi tagħha bil-għan li tinżamm il-produzzjoni. Il-bord tad-diretturi ddikjara li r-rikorrenti setgħet iżżomm il-pożizzjoni tagħha fis-suq, liema ħaġa hija “sinjal ta’ vitalità u ta’ saħħa interna”, u semma “proċedura ta’ tiġdid tal-kumpannija” li b’ebda mod ma tpoġġi indiskussjoni l-“kapaċità operazzjonali u kontributtiva” tagħha.

218    Ir-raba’ nett, lanqas ma hija konvinċenti l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti fir-replika tagħha sabiex turi li l-likwidazzjoni tagħha kienet inevitabbli u li l-assi tagħha kienu ser jitilfu l-valur kollu tagħhom. Qabel kollox, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tirrispondi għal argument, imressaq mill-Kummissjoni fid-difiża tagħha, li jgħid li hija kienet diġà għamlet proviżjoni għal EUR 11 miljun sabiex taffronta l-multa. Issa, dan l-argument huwa irrilevanti peress li ma jikkonċernax il-kontinwazzjoni eventwali tal-impriża wara d-dikjarazzjoni tal-falliment tagħha, iżda l-kwistjoni jekk dan il-falliment kienx konsegwenza inevitabbli tal-impożizzjoni tal-multa.

219    Ir-rikorrenti tittratta wkoll żewġ kwistjonijiet oħra f’din il-parti tal-argumentazzjoni tagħha. Min-naħa waħda, hija tirrispondi għall-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eventwali xiri tal-assi tagħha minn impriża oħra. Min-naħa l-oħra, hija tirrispondi għall-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija ma kinitx talbet il-ftuħ ta’ proċedura ta’ riorganizzazzjoni.

220    Fir-rigward tal-ewwel waħda miż-żewġ kwistjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, ir-rikorrenti ssostni li huwa “diffiċli li tinġieb il-prova li avveniment qatt ma hu ser iseħħ” iżda li, f’kull każ, hija ma taf b’ebda impriża “interessata mix-xiri tal-assi tagħha (inkluż il-passiv)”. Issa, din ir-risposta hija bbażata fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, il-bejgħ tal-assi kollha ta’ kumpannija falluta bil-għan tat-tkomplija tal-operat tagħha, kif inhu msemmi fil-punt 189 iktar ’il fuq, ma jimplikax, kuntrarjament għal dak li tikkunsidra r-rikorrenti, it-trasferiment lix-xerrej anki tal-passiv ta’ din il-kumpannija. Id-dejn inkluż fil-passiv jitħallas mill-prodott tal-bejgħ. Huwa probabbli li dan il-ħlas ikun biss parzjali, inkella l-kumpannija ma kinitx tiġi ddikjarata falluta. Xorta jibqa’ l-fatt li, bħala regola ġenerali, il-bejgħ globali tal-assi kollha ta’ kumpannija falluta bil-għan tal-kontinwazzjoni tal-operat jista’ jwassal għal riżultat aħjar mill-bejgħ individwali ta’ kull element tal-assi, peress li bejgħ globali tal-assi kollha ta’ impriża falluta jippermetti t-trasferiment ta’ elementi mhux fiżiċi bħar reputazzjoni tagħha fis-suq u, barra minn hekk, jippermetti lix-xerrej interessat li jiżviluppa attività fis-settur ikkonċernat, li jevita l-isforz, l-ispejjeż u l-komplikazzjonijiet meħtieġa għall-ħolqien ta’ impriża kompletament ġdida.

221    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa mistenni b’mod raġonevoli li r-rikorrenti tispjega għalfejn kien eskluż ix-xiri tal-impriża tagħha minn entità oħra fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, iktar u iktar meta hija stess kienet sostniet li kienet kompetitur rispettat fis-suq. Issa, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tirrimarka li t-tkomplija tal-attivitajiet tagħha tiddependi mill-opinjoni ta’ “kumitat ta’ kredituri” u li jekk dawn tal-aħħar iqisu “li [kien] iktar konvenjenti li jinbiegħu l-assi tal-kumpannija minflok ma din tinżamm fl-attività […] l-istallazzjoniet ta’ produzzjoni [jiġu] magħluqa […] u l-bidu mill-ġdid tal-attività tkun tikkostitwixxi oneru eċċezzjonalment għoli, kemm fuq livell finanzjarju kif ukoll tekniku”, għalkemm “ikun raġonevoli li jiġi mistenni li mill-inqas parti mill-assi u mill-istallazzjonijiet ta’ produzzjoni ma jqajmu ebda interess u jitilfu, minħabba f’hekk, it-totalità tal-valur attwali tagħhom”.

222    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreżenta wkoll perizja li tikkonkludi li t-twaqqif tal-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħha jista’ jseħħ f’terminu ta’ 10 sa 18-il ġimgħa mingħajr riskju għas-sigurtà tal-impjegati tagħha, iżda li s-sustanzi li jibqgħu fl-istallazzjonijiet tagħha jkollhom “impatt maġġuri” fuq l-ambjent u li ż-żarmar tal-istallazzjonijiet imsemmija jkollu jsir minn esperti, u b’hekk huwa diffiċli li jiġu stmati t-tul u l-ispejjeż ta’ dan iż-żarmar.

223    Għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, miġbura fil-qosor fiż-żewġ punti preċedenti, hija inadegwata, u saħansitra kontradittorja. L-argumenti mressqa minnha kif ukoll il-perizja li ppreżentat jagħtu x’jinftiehem li l-bejgħ tal-assi kollha tagħha, bil-għan tal-kontinwazzjoni tal-operat, huwa s-soluzzjoni ppreferita, inkluż għall-kredituri. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax abbażi ta’ liema motivi l-kumitat tal-kredituri jista’ jiddeċiedi, minkejja dawn l-elementi, li jkun iktar konvenjenti li jinbiegħu l-assi tagħha u li titwaqqaf il-produzzjoni tagħha.

224    Fir-rigward tal-proċedura ta’ rkupru, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni semmiet, fir-risposta tagħha, argument diġà invokat fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. Madankollu, mid-digriet Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, punt 5 iktar ’il fuq (punti 25 u 49), jirriżulta li l-proċedura ta’ rkupru kellha ssir qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment. Isegwi li dan l-argument jikkonċerna l-kwistjoni kif tista’ tiġi evitata dikjarazzjoni ta’ falliment u mhux il-konsegwenzi ta’ tali dikjarazzjoni. Għalhekk, dan ukoll huwa irrilevanti (ara, ukoll, il-punt 218 iktar ’il fuq). F’kull każ, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tosserva, b’risposta għal dan l-argument, li xi wħud mill-kredituri tagħha setgħu biss jagħtu l-kunsens tagħhom għal pjan ta’ rkupru jekk dan ikun konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, mingħajr ma tispjega għalfejn l-ipoteżi ta’ tali konformità hija eskluża. Imbagħad, tirrepeti l-affermazzjonijiet, vagi u mhux sostnuti, li jgħidu li x-xiri tal-ishma jew tal-impriża tagħha minn terz “ma għandux interes sostanzjali”.

225    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li ċ-ċaħda tal-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, in-nuqqas ta’ kapaċità kontributorja tagħha skont il-paragrafu 35 tal-linji gwida, kienet ivvizzjata bi żball.

226    Ir-risposta tar-rikorrenti għad-domanda tal-Qorti Ġenerali indirizzata lill-partijiet fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u li tistedinhom sabiex jikkompletaw l-argumentazzjoni tagħhom dwar dan il-motiv, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-perspettivi tal-bejgħ tal-assi kollha tar-rikorrenti bil-kontinwità tal-operat, issaħħaħ din il-konklużjoni.

227    Fil-fatt, ir-rikorrenti kkonfermat li, fis-16 ta’ Jannar 2012, fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment, l-assi kollha tagħha kienu nbiegħu ħielsa minn kull obbligu, ħlief dawk li ġew ikkuntrattati wara d-dikjarazzjoni tal-falliment tagħha, għal prezz ta’ EUR 2.2 miljun, ikkwalifikat, minnha, bħala “negliġibbli”. Skont ir-rikorrenti, il-fatt li dan il-prezz jirrappreżenta biss frazzjoni tal-multa li ġiet imposta fuqha jikkonferma t-telf totali tal-valur tal-assi tagħha.

228    Issa, indipendentement mill-kwistjoni jekk l-assi kollha tar-rikorrenti setgħux jinbiegħu bi prezz superjuri għal dak effettivament imħallas, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward ta’ dan l-aħħar prezz, li ma jistax, f’kull każ, jitqies li kien hemm telf totali tal-valur tal-assi msemmija. Fil-fatt, minflok ma pprovat li l-bejgħ tal-assi kollha tagħha bit-tkomplija tal-operat tal-impriża ma kienx probabbli, anzi kien impossibbli, b’mod kuntrarju, ir-rikorrenti kkonfermat li tali bejgħ kien effettivament seħħ.

229    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal eventwali applikazzjoni tal-paragrafu 35 tal-linji gwida ma kinux sodisfatti fil-każ tar-rikorrenti u li, f’kull każ, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma tiġġustifikax it-tneħħija jew it-tnaqqis fl-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, iżda, b’mod kuntrarju, din tiġġustifika ż-żamma tagħha fl-istat attwali. Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1)(g) KE

230    Bit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tosserva li, billi imponiet fuqha multa eċċessiva, id-deċiżjoni kkontestata tista’ tipprovoka distorsjoni jew eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-karbur tal-kalċju u b’hekk tista’ tikser l-Artikolu 3(1)(g) KE. Fuq il-bażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, Ġabra p. 215, punti 23 u 24), ir-rikorrenti ssostni li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, sa fejn din twassal għal distorsjoni jew għal eliminazzjoni tal-kompetizzjoni, minkejja li din ma tkunx direttament sanzjonata mid-dritt tal-Unjoni, hija pprojbita. Hija tikkunsidra li din id-dispożizzjoni torbot mhux biss lill-impriżi, iżda anki lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u li, konsegwentement, jekk tali istituzzjoni tadotta miżura li tiddistorġi jew li telimina l-kompetizzjoni, hija tikser id-dispożizzjoni msemmija, minkejja li din ma tkun tikser ebda regola tad-dritt tal-Unjoni.

231    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tirrepeti l-affermazzjoni diġà mressqa fil-kuntest tat-tieni motiv li jgħid li l-multa li ġiet imposta fuqha ser ikollha bħala konsegwenza d-dikjarazzjoni tal-falliment tagħha u t-tluq tagħha mis-suq inkwistjoni. Barra minn hekk, hija tirrileva, b’riferenza għal informazzjoni konkreta meħuda mid-deċiżjoni kkontestata u abbażi tal-indiċi Herfindahl‑Hirschman użat mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, inkluż mill-Kummissjoni, sabiex jevalwaw il-livell ta’ konċentrazzjoni f’suq partikolari, li s-swieq tal-karbur tal-kalċju fi trab u fi żrar, inkwistjoni f’din il-kawża, kien diġà kkonċentrati ħafna. Għalhekk hija tosserva li, peress li hija waħda mill-kompetituri ewlenin f’dawn is-swieq, l-eliminazzjoni tagħha jkollha l-konsegwenza probabbiltà ikbar ta’ koordinazzjoni bejn il-kompetituri l-oħra, minkejja s-sanzjonijiet li ġew imposti fuqhom. L-ishma fis-suq tagħha probabbilment ser jitqassmu bejn il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, liema ħaġa twassal għal żieda fil-konċentrazzjoni u, finalment, għall-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq imsemmi.

232    B’mod partikolari, ir-rikorrenti tirreferi għall-eventwalità li l-ishma fis-suq tagħha inkwistjoni jittieħdu minn Akzo Nobel u ssostni li l-indiċi Herfindahl‑Hirschman juri, f’din l-ipoteżi, żieda sinjifikanti ħafna. Din l-ipoteżi tenfasizza, fil-fehma tagħha, ir-“riżultat assurd u mhux ekwu” li tista’ twassal għalih l-applikazzjoni “mekkanika u mhux kompetenti tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni”. Akzo Nobel, “ġgant ekonomiku” li għandha ishma fis-suq sinjifikanti fis-suq inkwistjoni, li tkun diġà ġiet issanzjonata għall-parteċipazzjoni tagħha f’akkordji oħra u li kienet membru attiv fl-akkordju inkwistjoni, tikseb, finalment, vantaġġ mid-deċiżjoni kkontestata, mhux biss peress li kisbet immunità mill-multi, iżda peress li hija tikseb ukoll il-klijenti tar-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, tali riżultat imur manifestament kontra mhux biss l-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda anki kontra l-prinċipji elementari ta’ ekwità.

233    Din l-argumentazzjoni ma tistax tirnexxi.

234    Fl-ewwel lok, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1)(g) KE għandu jiġi miċħud.

235    Ċertament, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, punt 230 iktar ’il fuq (punti 23 u 24), invokata mir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għan li jiġi applikat f’diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, li jagħti interpretazzjoni tiegħu. Billi jipprovdi għall-istabbiliment ta’ sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta fis-suq komuni, l-Artikolu 3(1)(g) KE jeżiġi, iktar u iktar, li l-kompetizzjoni ma tiġix eliminata. Dan ir-rekwiżit huwa tant essenzjali li, mingħajru, numru ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jkunu mingħajr skop. B’hekk, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li dan it-trattat jippermetti f’ċerti ċirkustanzi, għal raġunijiet ibbażati fuq il-ħtieġa li jiġu kkonċiljati d-diversi għanijiet li għandhom jiġu segwiti, isibu f’dan ir-rekwiżit limitu li lil hinn minnu, id-dgħajfien fil-kompetizzjoni jirriskja li jikser l-għanijiet tas-suq komuni.

236    Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet, fihom innifishom korretti, huma irrilevanti fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni lil impriża li kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni bil-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim bejn impriżi jew fi prattika miftiehma li kellha bħala skop jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, fl-argumentazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tinjora għal kollox il-fatt li, wara l-akkordju ssanzjonat bid-deċiżjoni kkontestata, il-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni f’dan il-każ kienet ġiet distorta, u kważi eliminata. Id-deċiżjoni kkontestata hija intiża, preċiżament, sabiex tittratta din is-sitwazzjoni, inkluż bl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet xierqa.

237    Għandu jiġi rrilevat li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet mill-Kummissjoni, meta din tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, tikkostitwixxi metodu intiż, preċiżament, sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fl-Artikolu 3(1)(g) KE u, b’mod evidenti, ma jistax jitqies bħala ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Xorta jibqa’ l-fatt li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandu jidderiġi l-azzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-qasam (ara l-punti 44 u 46 iktar ’il fuq), is-sanzjonijiet eċċessivi mhux neċessarji għat-twettiq tal-għan imfittex għandhom jiġu evitati. Għalhekk, huwa biss mill-perspettiva ta’ eventwali ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandha tiġi eżaminata l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

238    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-eżami tagħha minn din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza stabbilita, imsemmija fil-punt 186 iktar ’il fuq, li tgħid li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja defiċitarja ta’ impriża interessata, ma tfissirx li din hija prekluża milli tagħmel hekk (sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 314). Il-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità tista’, fil-fatt, tiġi invokata kontra l-impożizzjoni ta’ multa li tmur lil hinn minn dak li jikkostitwixxi sanzjoni xierqa abbażi tal-ksur ikkonstatat u tirriskja li terġa’ tpoġġi indiskussjoni l-eżistenza stess tal-impriża kkonċernata. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta t-tmiem ta’ impriża mis-suq inkwistjoni jkollu neċessarjament effett dannuż fuq il-kompetizzjoni.

239    Madankollu, xejn fl-argumentazzjoni tar-rikorrenti ma jippermetti li jiġi konkluż li l-multa li ġiet imposta fuqha tifforma parti mill-eżempju msemmi fil-punt preċedenti u li d-determinazzjoni tal-ammont tagħha, konsegwentement, imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

240    Min-naħa waħda, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti hija bbażata fuq il-premessa li l-impożizzjoni ta’ din il-multa twassal għat-tluq tagħha mis-swieq inkwistjoni, liema premessa hija żbaljata għall-motivi esposti fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv (ara l-punti 215 sa 228 iktar ’il fuq).

241    Min-naħa l-oħra, anki jekk tiġi ammessa l-ipoteżi tat-tluq tar-rikorrenti mis-swieq inkwistjoni, xejn fl-argumentazzjoni tagħha ma jippermetti li jiġi konkluż li, f’tali eventwalità, il-kompetizzjoni f’dawn is-swieq tiġi eliminata jew imnaqqsa b’mod sinjifikanti.

242    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, li bl-ebda mod ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, jirriżulta li l-karbur tal-kalċju huwa splussiv u, għal din ir-raġuni, huwa relattivament diffiċli li jiġi ttrasportat. Konsegwentement, l-istabbiliment ta’ pożizzjoni dominanti jew ta’ monopolju f’dan is-suq jippreżenta diffikultà addizzjonali, peress li produttur ikun irid ikollu diversi siti ta’ produzzjoni mxerrda fit-territorju rilevanti, sabiex ikun jista’ jiddomina s-suq.

243    Barra minn hekk, insostenn tat-teżi tagħha li tgħid li t-tluq tagħha mis-swieq inkwistjoni toħloq restrizzjoni fuq dawn tal-aħħar, u saħansitra eliminazzjoni tal-kompetizzjoni, ir-rikorrenti ssemmi l-eventwalità tat-teħid tal-klijenti tagħha minn Akzo Nobel. Madankollu, hija bl-ebda mod ma tispjega għalfejn huwa probabbli t-teħid tal-klijentela tagħha minn Akzo Nobel u mhux minn attur ieħor fl-istess swieq.

244    Barra minn hekk, mit-tabella li tinsab fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Akzo Nobel kellha bejn 20 u 25 % tas-suq tal-karbur tal-kalċju fi trab u bejn 5 u 10 % tas-suq tal-karbur tal-kalċju fi żrar. Konsegwentement, fl-ipoteżi tat-teħid tal-klijentela tar-rikorrenti, Akzo Nobel fl-ebda każ ma tikseb monopolju f’dawn iż-żewġt iswieq. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 80, li tirreferi għaliha l-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, Akzo Nobel ma kinitx il-fornitur prinċipali “fis-suq kontinentali”, li kienet tipparteċipa fih ir-rikorrenti. Fil-fatt, parti kbira mis-sehem fis-suq ta’ Akzo Nobel tidher li tirriżulta mill-fatt li, skont l-istess nota, din kienet l-uniku produttur stabbilit “fir-reġjun nordiku”. Dawn l-elementi, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, joperaw kemm kontra l-ipoteżi tat-teħid tal-klijentela tar-rikorrenti, fil-każ tal-irtirar tagħha mis-swieq imsemmija, minn Akzo Nobel, kif ukoll kontra l-eventwalità tal-ksib, minn din tal-aħħar, ta’ pożizzjoni dominanti f’dawn is-swieq f’każ li jirnexxiela tieħu l-klijentela tar-rikorrenti.

245    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li t-tielet motiv huwa infondat u għandu jiġi miċħud. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, tqis, f’kull każ, li dan l-ammont huwa xieraq għaċ-ċirkustanzi tal-każ fid-dawl tas-serjetà u tat-tul tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni kif ukoll tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

246    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-istess Artikolu, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

247    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Fir-rigward tar-Repubblika Slovakka, din għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Novácke chemické závody a.s. għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Slovakka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

Linji gwida

Id-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ilmenti invokati mir-rikorrenti

– Kunsiderazzjonijiet preliminari

– Fuq l-ewwel ilment, relattiv għall-karattru dissważiv tal-multa

– Fuq it-tieni lment, relattiv għaċ-ċirkustanzi aggravanti

– Fuq it-tielet ilment, relattiv għaċ-ċirkustanzi attenwanti

– Fuq ir-raba’ lment, relattiv għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa mogħtija lil Almamet

– Fuq il-ħames ilment, relattiv għall-multa sa fejn din hija kkalkolata bi proporzjon tad-dħul mill-bejgħ globali tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata

– Fuq is-sitt ilment, invokat waqt is-seduta u li jirrigwarda l-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fuq żball ta’ fatt kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kapaċitŕ kontributorja tar-rikorrenti

Linji gwida

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1)(g) KE

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.