Language of document : ECLI:EU:C:2005:333

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

31 ta’ Mejju 2005 (*)

"Ammissibilità – Kunċett ta' qorti nazzjonali – Abbuż ta' pożizzjoni dominanti – Rifjut li tingħata provvista lill-grossisti ta' prodotti farmaċewtiċi – Kummerċ parallel"

Fil-kawża C-53/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Epitropi Antagonismou (il-Greċja), permezz ta’ Deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-5 ta’ Frar 2003, fil-proċedura

Synetairismos Farmakopoion Aitolias & Akarnanias (Syfait) et,

Panellinios syllogos farmakapothikarion,

Interfarm – A. Agelakos & Sia OE et,

K. P. Marinopoulos Anonymos Etairia emporias kai dianomis farmakeftikon proïonton et

vs

GlaxoSmithKline plc,

GlaxoSmithKline AEVE, li kienet Glaxowellcome AEVE,

IL-QORTI (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u R. Silva de Lapuerta, Presidenti ta’ Awla, C. Gulmann (Relatur) R. Schintgen, N. Colneric u S. von Bahr, Imħallfin

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur tat-18 ta’ Mejju 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għal Synetairismos Farmakopoion Aitolias & Akarnanias (Syfait) et, minn P. Kaponis u S. Orfanovdakis, dikigoroi,

–        għal Panellinios syllogos farmakapothikarioni u K. P. Marinopoulos Anonymos Etairia emporias kai dianomis farmakeftikon proïonton et, minn L. Roumanias u G. Papaïoannou, dikigoroi u W. Rehmann, Rechtsanwalt,

–        għal Farmakeftikos Syndesmos Anonymi Emporiki Etairia, minn D. Chatzinikolis, dikigoros,

–        għal Interfarm A. Agelakos & Sia OE e.a, minn G. Mastorakos, dikigoros,

–        għal GlaxoSmithKline plc u GlaxoSmithKline AEVE, minn D. Kyriakis, dikigoros, I. Forrester, QC, u A. Schulz, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. Christoforou u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-intepretazzjoni ta' l-Artikolu 82KE.

2        Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn l-Epitropi Antagonismou (il-kummissjoni Griega tal-kompetizzjoni), l-atturi, jiġifieri l-assoċjazzjonijiet Synetairismos Farmakopoion Aitolias & Akarnanias (Syfait) et (iktar 'il quddiem "Syfait et") u Panellinios syllogos farmakapothikarion (iktar 'il quddiem "PSF"), kif ukoll il-kumpanniji Interfarm – A. Agelakos & Sia OE et (iktar 'il quddiem "Interfarm et") u K. P. Marinopoulos Anonymos Etairia emporias kai dianomis farmakeftikon proïonton et (iktar 'il quddiem "Marinopoulos et"), bejn il-kunpannija li taqa' taħt il-liġi Brittanika GlaxoSmithKline plc (iktar 'il quddiem "GSK plc") u s-sussidjarja tagħha li taqa' taħt il-liġi Griega (iktar 'il quddiem "GSK AEVE"), fir-rigward tar-rifjut ta' dawn l-aħħar żewġ kumpanniji biex jissodisfaw l-ordnijiet għal ċerti prodotti farmaċewtiċi fis-suq Grieg.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komuntarja

3        L-Artikolu 82KE jgħid:

"Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi milqut, kull abbuż min impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq komuni u jkun projbit.

Eżempji ta' abbuż bħal dan huma:

a)      l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta' prezzijiet inġusti ta' l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kundizzjonijiet oħra inġusti ta' kummerċ;

b)       il-limitazzjonijiet tal-produzzjoni, tas-swieq jew ta' l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi;

c)      l-applikazzjoni ta' kundizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma' partijiet oħra, li b'hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv;

d)      is-suġġettar tal-konklużjoni ta' kuntratti għall-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra, ta' obbligi addizzjoniali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta' dawk il-kuntratti."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        L-Artikolu 2 tal-liġi 703/1977 dwar il-kontroll tal-monopoljii u l-oligopolji kif ukoll il-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa (FEK A' 278), kif emendat permezz tal-liġi Nru 2941/2001 (FEK A' 201, iktar 'il quddiem il-"liġi Nru 703/1977"), tikkorrispondi fis-sustanza għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 82KE.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5        Sylfait et huma assoċjazzjonijiet ta' spiżjara stabbiliti fit-territorju Grieg. L-attività prinċipali tagħhom hija kkostitwita mill-ġestjoni u l-amministrazzjoni ta' maħżen konġunt ta' prodotti farmaċewtiċi li jinxtraw minn kumpanniji farmaċewtiċi differenti, sabiex jassiguraw il-provvista tal-membri tagħhom.

6        PSF hija assoċjazzjoni li tiġbor il-grossisti ta' prodotti farmaċewtiċi stabbiliti fit-territorju Grieg, u tipproteġi l-interessi tal-membri tagħha.

7        Il-kumpanniji Interfarm et huma grossisti ta' prodotti farmaċewtiċi stabbiliti fit-territorju Grieg. Marinopoulos et huma kumpanniji ta' distribuzzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi li joperaw fil-Greċja.

8        GSK AEVE għandha l-uffiċċji ġenerali tagħha fil-Greċja u hija interament ikkontrollata minn GSK plc, kumpannija ta' manifattura ta' prodotti farmaċewtiċi stabbilita fir-Renju Unit, li hija riżultat ta' għaqda tal-kumpanniji Glaxowellcome plc u SmithKline Beecham fis-sena 2000.

9        GSK AEVE timporta u tiddistribwixxi bosta speċjalitajiet farmaċewtiċi, bħalma huma l-mediċini Imigran, Lamictal u Serevent. Dawn huma mediċini oriġinali, riżultat tar-riċerka u tat-teknologija, li jaqgħu taħt il-kategorija ta' prodotti suġġetti għal preskrizzjoni.

10      Il-membri ta' Syfait et u ta' PSF, kif ukoll il-kumpanniji Interfarm et u Marinopoulos et, xtraw mingħand GSK AEVE b'mod partikolari dawn il-mediċini, taħt il-forom kollha tagħhom, sabiex jiddistribwixxuhom eventwlment fis-suq nazzjonali kif ukoll dak barrani.

11      Sa Novembru 2000, GSK AEVE ssodisfat l-ordnijiet kollha li ġew indirizzati lejha. Parti kbira tal-kunsinni korrispondenti għal dawn l-ordnijiet ġew esportati mill-ġdid lejn Stati membri oħra, b'mod partikolari fir-Renju Unit, minħabba l-prezz ħafna inqas għoli tal-mediċini Imigran, Lamictal u Serevent fil-Greċja.

12      Sa mill-bidu tax-xahar ta' Novembru 2000, GSK AEVE invokat sitwazzjonijiet pekunarji serji fis-suq Grieg, ikkawżati, skond din, mill-esportazzjoni mill-ġdid minn terzi, sabiex temenda s-sistema tagħha ta' distribuzzjoni fil-Greċja u sabiex tieqaf milli tissodisfa l-ordnijiet ta' l-atturi fil-kawża prinċipali kif ukoll dawk ta' terzi. Hija ddikjarat li hija kienet tipprovdi direttament l-isptarijiet u l-ispiżeriji.

13      Fi Frar 2001, filwaqt li qieset li l-provvista ta' mediċini kien, sa ċertu punt, ġiet innormalizzata u li l-istokk ta' l-isptarijiet u ta' l-ispiżeriji kien ġie rrikostitwit, GSK AEVE biddlet il-metodu ta' bejgħ preċedenti b'sistema oħra ta' distribuzzjoni.

14      L-atturi fil-kawża prinċipali infurmaw lil Epitropi Antagonismou dwar il-kwistjoni tal-kummerċjalizzazzjoni minn GSK AEVE tal-mediċini Imigran, Lamictal u Serevent fis-suq Grieg fil-kuntest tas-sistemi ta' distribuzzjoni li ġew segwiti minn Novembru 2000. Huma akkużaw din il-kumpannija li ma ssodisfatx l-ordnijiet kollha li ġew indirizzati lejha. Imġieba bħal din kienet tikkostitwixxi abbuż ta' pożizzjoni dominanti skond l-Artikoli 2 tal-liġi Nru 703/1977 u 82KE.

15      Fit-3 ta' Awwissu 2001, l-Epitropi Antagonismou, bid-deċiżjoni Nru 193/111, li kienet tirrigwarda miżuri provviżorji, ordnat lil GSK AEVE, sa l-adozzjoni ta' deċiżjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfa l-ordnijiet relatati mat-tliet mediċini kkonċernati. GSK AEVE talbet lid- Dioikitiko Efeteio Athinon (il-qorti amministrativa ta' l-Appell ta' Ateni) tissospendi din id-deċiżjoni, imma din ġiet ikkonfermata fl-10 ta' Jannar 2002, u kienet għada fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni ta' rinviju.

16      L-Epitropi Antagonismou jindika li GSK AEVE kkonformat mal-miżuri provviżorji preskritti permezz tad-deċiżjoni Nru 193/111, għall-anqas safejn hija giet fornita minn GSK pls. Din il-fornitura kellha tkun superjuri għall-bżonnijiet ta' konsum tas-suq nazzjonali. Il-provi mogħtija lill-Epitropi Antagonismou minn GSK AEVE kienu juru madankollu li l-ordnijiet kienu kunsiderevolment aktar minn dak il-livell, b'mod partikolari f'Settembru 2001, b'tali mod li ma setgħux jiġu sodisfatti kollha.

17      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, l-Epitropi Antagonismou ppreċiżat li GSK AEVE u GSK plc agixxew skond iċ-ċirkulari maħruġa fis-27 ta' Novembru 2001 mill-Ethnikos Organismos Farmakon (l-uffiċċju nazzjonali tal-prodotti farmaċewtiċi), li kienet tgħid li l-partijiet kollha involuti fid-distribuzzjoni ta' mediċini suġġetti għal preskrizzjoni "għandhom jiffornixxu s-suq nazzjonali fi kwantitajiet mill-inqas ugwali għal dawk preskritti […] kif ukoll perċentwali ddeterminat (25%) sabiex ikopri l-bżonnijiet eċċezzjonali li jirriżultaw minn bidla eventwali fiċ-ċirkustanzi".

18      Għaldaqstant GSK AEVE, fil-5 ta' Diċembru 2001, ippreżentat quddiem l-Epitropi Antagonismou talba ta' attestazzjoni negattiva fir-rigward ta' l-Artikolu 11 tal-liġi Nru 703/1977 li tikkonċerna r-rifjut tagħha li tkopri aktar minn 125% tal-bżonnijiet Griegi.

19      Infurmat kemm b'dik it-talba ta' attestazzjoni negattiva ta' GSK AEVE kif ukoll dwar l-ilmenti mingħand Syfait et, PSF, Interfarm et u ta' Marinopoulos et fir-rigward ta' GSK AEVE u ta' GSK plsc, l-Epitropi Antagonismou titlob safejn ir-rifjut minn dawn l-aħħar żewġ kumpaniji, sabiex jissodisfaw kompletament l-ordnijiet tal-passat minn dawn l-atturi, jikkostitwixxux abbuż ta' pożizzjoni dominanti skond l-Artikolu 82KE. Fin-nuqqas ta' dan l-abbuż, hija tindika li tista' tiddetermina safejn il-kundizzjonijiet ta' għoti ta' l-attestazzjoni negattiva mitluba minn GSK AEVE huma sodisfatti.

20      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Epitropi Antagonismu ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1      Meta jkun dovut għar-rieda li tirrestrinġi l-attività ta' esportazzjoni ta' grossisti ta' prodotti farmaċewtiċi u li tillimita wkoll id-dannu kkawżat minħabba kummerċ parallel, ir-rifjut ta' impriża, li kienet tokkupa pożizzjoni dominanti, li tissodisfa l-ordnijiet kollha li ġew indirizzati lejha minn dawn il-grossisti jikkostitwixxi ipso facto mġieba abbużiva skond l-Artikolu 82KE? Ir-risposta għal din id-domanda tiġi influwenzata mill-fatt li d-differenza ta' prezzijiet li jirriżultaw fi ħdan l-Unjoni Ewropea minħabba l-intervent ta' l-Istat jew, fi kliem ieħor, is-subordinazzjoni tas-suq tal-prodotti farmaċewtiċi għal sistema li m'hijiex strettament kompetittiva u li bil-kontra fiha livell għoli ta' intervent Statali li jagħmel il-kummerċ parallel partikolarment wieħed li jħalli qliegħ lill-grossisti? Fl-aħħar nett, awtorità nazzjonali fil-materja ta' kompetizzjoni għandha l-kompetenza li tapplika r-regoli komunitarji ta' kompetizzjoni bl-istess mod kemm għal swieq li joperaw f'sistema ta' kompetizzjoni kif ukoll għal swieq li fihom il-kompetizzjoni hija distorta minħabba l-intervent ta' l-Istat?

2)      Fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-restrizzjoni tal-kummerċ parallel, għar-raġunijiet imsemmija iktar 'il fuq, ma jikkostitwixxix dejjem eżempji ta' abbuż meta jiġu eżerċitati minn impriża dominanti, kif għandha n-natura eventwalment abbużiva tiġi evalwata?

B'mod partikolari:

a)      Huwa possibbli li jiġu kkunsidrati bħala kriterji xierqa dawk tal-perċentwali akbar tal-konsum nazzjonali normali u/jew dak ta' dannu li l-impriża f'pożizzjoni dominanti sofriet b'relazzjoni mal-fatturat totali tagħha u totalment favur tagħha? Fil-każ ta' risposta affermattiva, b'liema mezz għandu jiġi ffissat il-livell tal-perċentwali ta' eċċess u dak tad-dannu – dan ta' l-aħħar huwa meħud bħala perċentwali tal-fatturat u tat-total tal-qliegħ – li lil hinn minnu l-imġiba partikolari tikkwalifika bħala abbużiva?

b)      Għandu jkun hemm approċċ ibbażat fuq bilanċ ta' l-interessi u, f'każ affermattiv, liema huma l-interessi li għandhom jagħmlu parti minn dan il-bilanċ?

Aktar preċiżament:

i)       Ir-risposta hija influwenzata mill-fatt li l-konsumatur marid finali jieħu vantaġġ finanzjarju limitat tal-kummerċ parallel?

ii)      Għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi ta' l-organiżmi ta' sigurtà soċjali għal mediċini inqas għolja u, jekk huwa l-każ, sa fejn?

c)      Liema kriterji oħra u liema proċeduri oħra jistgħu jiġu kkunsidrati bħala xierqa f'dan il-każ?"

 Dwar il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

21      Primarjament, għandu jiġi vverifikat jekk l-Epitropi Antagonismou hijiex qorti skond l-Artikolu 234KE u, jekk iva, b'konsegwenza ta' dan, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hijiex kompetenti li tagħti deċiżjoni fuq id-domandi li tressqu quddiemha.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-Epitropi Antagonismou

22      L-Artikolu 8(1) tal-liġi Nru 703/1977 jgħid:

"Bil-preżenti qed jiġi mwaqqaf l-Epitropi Antagonismou, li jopera bħala awtorità indipendenti. Il-membri tiegħu jgawdu minn indipendenza personali u funzjonali u m'humiex suġġetti, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, ħlief għal-liġi u għall-kuxjenza tagħhom. L-Epitropi Antagonismou jiddisponi minn awtonomija amministrativa u ekonomika. Huwa suġġetta għat-tutela tal-Ministru ta' l- […] [Żvilupp]."

23      L-Epitropi Antagonismou huwa kompost minn disa' membri nnominati skond il-kompożizzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 703/1977. Erba' membri kif ukoll is-supplenti tagħhom jintgħażlu mill-Ministru minn listi ta' tliet kandidati ppreżentati, rispettivament, minn erba' organizzazzjonijiet professjonali. Il-membri l-oħra jinkludu membru tal-Kunsill ġuridiku ta' l-Istat jew kull maġistrat għoli ieħor, żewġ universitajiet, waħda ġurista u l-oħra ekonomika, kif ukoll żewġ personalitajiet irrikonoxxuti li għandhom l-esperjenza meħtieġa tal-liġi ekonomika u f'materja tal-politika tal-kompetizzjoni. Skond l-Artikolu 8(5) tal-liġi Nru 703/1977, il-membri ta' l-Epitropi Antagonismou kif ukoll is-supplenti tagħhom jiġu nnominati mill-Ministru ta' l-Iżvilupp għal mandat ta' tliet snin.

24      Skond it-termini ta' l-Artikolu 8(6) ta' l-istess liġi:

"Il-President ta' l-Epritropi Antagonismou u s-supplent tiegħu huma nnominati mill-Ministru ta' l-[Iżvilupp], permezz tal-membri ta' [l-Epitropi Antagonismou]. […] Il-President ta' l-Epitropi Antagonismou huwa uffiċjal ta' l-Istat; huwa jeżerċita dik il-funzjoni b'mod esklużiv matul il-terminu tal-mandat tiegħu […]".

25      Skond l-Artikolu 8(7) tal-liġi Nru 703/1977:

"Matul il-terminu tal-mandat tiegħu, il-President u l-membri ma jeżerċitawx, bi jew mingħajr renumerazzjoni, funzjoni pubblika oħra jew attività professjonali privata, kemm jekk hija impriża jew le, li tkun inkompatibbli mal-pożizzjoni u d-dmirijiet ta' membru ta' l-Epitropi Antagonismou".

26      Għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-Epitropi Antagonismou u s-segretarjat tiegħu, l-Artikolu 8 c(1)(b) ta' din il-liġi jgħid:

"Il-President jikkoordina u jamministra s-segretarjat ta' [l-Epitropi Antagonismou]".

27      L-Artikolu 8 c(1) taħt (d) ta' l-istess liġi jgħid:

"Il-President huwa l-kap ġerarkiku tal-personal tas-segretarjat ta' l-Epitropi Antagonismou u jeżerċita poter dixxiplinari fuqhom".

28      Skond il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu 8c, il-President ta' l-Epitropi Antagonismou jista' jawtorizza d-direttur ġenerali jew id-diretturi tas-segretarjat ta' l-Epitropi Antagonismou jeżerċitaw parti mill-poteri tiegħu. Id-direttur ġenerali tas-segretarjat huwa nnominat għal tliet snin li jiġġeddu permezz tad-deċiżjoni tal-Ministru ta' l-Iżvilupp fuq parir skond l-Epitropi Antagonismou, kif ukoll huwa previst mit-tieni inċiż ta' l-Artikolu d(1) tal-liġi Nru 703/1977.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Skond ġurisprudenza stabbilita, biex tevalwa jekk l-organiżmu tar-rinviju għandux il-karatteristiċi ta' qorti skond l-Artikolu 234KE, kwistjoni li toħroġ biss mid-dritt komunitarju, il-Qorti għandha tqis l-elementi kollha flimkien, bħall-oriġini legali ta' l-organiżmu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-organiżmu, tar-regoli tal-liġi, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23; tal-21 ta' Marzu 2000, Gabalfrisa et, C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 33, tat-30 ta' Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-195/98, Ġabra p. I-10497, punt 24, u tat-30 ta' Mejju 2002, Schmid, C-516/99, Ġabra p. I-4573, punt 34). Minbarra dan, il-qrati nazzjonali m'għandhomx l-użanza li jinfurmaw lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk kawża hijiex pendenti quddiemhom u jekk humiex mitluba jagħtu deċiżjoni fil-kuntest ta' proċedura ddestinata li twassal għal deċiżjoni ta' natura ġudizzjarja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Novembru 1998, Victoria Film, C-134/97, Ġabra p. I-7023, punt 14, u Österreichischer Gewerkschaftsbund, iċċitata iktar ' il fuq, punt 25).

30      F'dak ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Epitropi Antagonismou hija suġġetta għat-tutela tal-Ministru ta' l-Iżvilupp. Mandankollu, jidher li din it-tutela timplika li dan il-Ministru għandu d-dritt, b'ċerti limitazzjonijiet, li jikkontrolla l-legalità tad-deċiżjonijiet ta' l-Epitropi Antagonismou.

31      Minn dan isegwi jekk huwa veru li l-membri ta' l-Epitropi Antagonismiu jibbenefikaw, skond it-termini tal-liġi Nru 703/1977, minn indipendenza personali u funzjonali u li m'humiex suġġetti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ħlief għal-liġi u għall-kuxjenza tagħhom, ma jidhirx danakollu li r-revoka jew l-annullament tan-nomina tagħhom hija suġġetta għal garanziji partikolari. Madankollu, sistema bħal din ma tidhirx li hija waħda li tista' xxejjen b'mod effikaċi interventi jew pressjoni indebita mill-poter eżekutiv fir-rigward tal-membri ta' l-Epitropi Antagonismou (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-4 ta' Frar 1999, Köllensperger u Atzwanger, C-103/97, Ġabra p. I-551, punt 21).

32      Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li, skond l-inċiżi(b) u (d) ta' l-Artikolu 8 c(1) ta' l-istess liġi, minn naħa, il-President ta' dan l-organiżmu huwa responsabbli għall-koordinazzjoni u għad-direzzjoni ġenerali tas-segretarjat; min-naħa l-oħra, huwa l-kap ġerarkiku tal-persunal ta' l-istess segretarjat u jeżerċita poter dixxiplinari fuq dan il-persunal.

33      F'dak ir-rigward, huwa importanti li jiġi mfakkar li t-Tribunales Económico-Administrativos (Spanja) kienu ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 39 u 40 tas-sentenza Gabalfrisa et, iċċitata iktar 'il fuq, bħala terzi b'relazzjoni mad-dipartimenti ta' l-amministrazzjoni fiskali responsabbli tal-ġestjoni, ta' l-irkupru u tal-likwidzzjoni tal-VAT, partikolarment minħabba s-separazzjoni funzjonali li kien jeżisti bejn wieħed u l-ieħor. Issa, l-Epitropi Antagonismou, organu li għandu l-poter li jieħu deċiżjonijiet, sa fejn huwa juri rabta funzjonali mas-segretarjat tiegħu, organu ta' istruzzjoni li fuq proposta tiegħu huwa jiddeċiedi, dan jiddistingwixxix ruġu b'mod ċar bħala terz b'relazzjoni ma' l-organu ta' l-Istat li, minħabba r-rwol tiegħu, jista' jissieħeb ma parti fil-kuntest ta' proċedura f'materja ta' kompetizzjoni.

34      Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi mfakkar li awtorità tal-kompetizzjoni bħal ma hija l-Epitropi Antagonismou għandha r-responsabbiltà li taħdem f'kollaborazzjoni stretta mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u tista', skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003, L 1, p. 1), titneħħa b'deċiżjoni tal-Kummissjoni. F'dan il-kuntest, għandu jiġi indikat li dan l-Artikolu 11(6) iżomm fis-sustanza r-regola li tinsab fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), li jgħidu li l-awtoritajiet ta' kompetizzjoni ta' l-Istati Membri jitilfu awtomatikament il-kompetenzi tagħhom jekk il-Kummissjoni tibda proċedura (ara, f'dan ir-rigward, is-sbatax il-premessa tar-Regolament Nru 1/2003).

35      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi mitluba ħlief minn organiżmu msejjaħ li jiddeċiedi fuq kawża quddiemu fil-kuntest ta' proċedura ddestinata li twassal għal deċiżjoni ta' natura ġudizzjarja (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Victoria Film, punt 14, u Österreichischer Gewerkschaftsbund, punt 25).

36      Kull darba li l-Kummissjoni tneħħi awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni bħalma hija l-Epitropi Antagonismou, il-proċedura li tiġi applikata quddiem din l-awtorità ma twassalx għal deċiżjoni ta' natura ġudizzjarja.

37      Jirriżulta mill-elementi eżaminati, meqjusa globalment, li l-Epitropi Antagonismou għandha natura mhux ġudizzjarju skond l-Artikolu 234 KE.

38      Għaldaqstant, il-Qorti m'għandhiex il-kompetenza biex tirrispondi għad-domandi mressqa mill-Epitropi Antagonismou.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress illli l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem l-Epitopri Antagonismou, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajet Ewropej mhijiex kompetenti li tirrispondi għad-domandi mressqa mill-Epitropi Antagonismou, permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta' Jannar 2003.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.