Language of document : ECLI:EU:C:2013:640

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-3 ta’ Ottubru 2013 (1)

Kawża C‑378/12

Nnamdi Onuekwere

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London (ir-Renju Unit)]

“Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 16 — Kontinwità ta’ residenza meħtieġa għall-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ priġunerija fl-Istat Membru ospitanti”






1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-kunċett ta’ “residenza legali” fis-sens tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38/KE (2). Din id-dispożizzjoni tipprovdi għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza permanenti għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li jkunu għexu legalment maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin.

2.        Iktar preċiżament, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London (ir-Renju-Unit), jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk perijodu ta’ residenza fil-ħabs jistax jiġi kkunsidrat bħala legali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

3.        Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din id-domanda b’mod negattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan iż-żmien ta’ ħames snin, huwiex possibbli li jiżdied iż-żmien ta’ residenza legali imwettaq qabel u wara l-priġunerija.

4.        Fil-konklużjonijiet preżenti, sejjer nindika r-raġunijiet għaliex, fil-fehma tiegħi, perijodu ta’ priġunerija ma jistax jitqies bħala “residenza legali” fis-sens tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 u ma jistax għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żmien ta’ ħames snin meħtieġ għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti. Sussegwentement sejjer nispjega għaliex nikkunsidra li l-perijodi ta’ residenza legali li jippreċedu u li jiġu wara l-priġunerija ma jistgħux jiġu miżjuda flimkien għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan iż-żmien, peress li l-priġunerija għandha l-effett li tinterrompih.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 2004/38

5.        Id-Direttiva 2004/38 tiġbor u tissimplifika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom.

6.        Fil-fatt, din id-direttiva tneħħi l-obbligu taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiksbu permess ta’ residenza, tintroduċi dritt ta’ residenza permanenti favur dawn iċ-ċittadini u l-membri tal-familja tagħhom u tiċċirkoskrivi l-possibbiltà tal-Istati Membri li jillimitaw ir-residenza fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

7.        L-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

(b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

(ċ)      –      miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–       għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

(d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

8.        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, bit-titolu “Regola ġenerali għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jgħid hekk:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

3.      Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4.      Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

B –    Id-dritt tar-Renju Unjit

9.        Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tar-Regolamenti dwar l-immigrazzjoni tal‑2006 (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006], hekk kif emendati mir-Regolamenti dwar l-immigrazzjoni tal-2009 (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) (Amendment) Regulations 2009] (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti dwar l-immigrazzjoni”).

10.      Skont l-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolamenti dwar l-immigrazzjoni, id-dritt ta’ residenza permanenti jinkiseb mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, iżda li jkunu għexu fit-territorju tar-Renju Unit ma’ dak iċ-ċittadin għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin.

11.      L-Artikolu 18(2) tar-Regolamenti fuq l-immigrazzjoni jipprovdi li s-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) għandu joħroġ permess ta’ residenza permanenti fi żmien sitt xhur minn meta l-persuna kkonċernata tkun applikat għaliha u tkun tat prova li tibbenefika minn dan id-dritt.

12.      L-Artikolu 21 tar-Regolamenti fuq l-immigrazzjoni huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38.

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13.      N. Onuekwere huwa ċittadin Niġerjan. Jgħid li wasal fit-territorju tar-Renju Unit fl-1999. Fit-2 ta’ Diċembru 1999 iżżewweġ ċittadina Irlandiża li magħha kellu żewġt itfal. Fil-5 ta’ Settembru 2000, N. Onuekwere kiseb permess ta’ residenza li tah id-dritt li jibqa’ fit-territorju tar-Renju Unit bħala kunjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni. Dan il-permess kien ser jiskadi fil-5 ta’ Settembru 2005.

14.      Fis-26 ta’ Ġunju 2000, N. Onuekwere ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ disa’ xhur, sospiża għal perijodu ta’ sentejn, talli kellu relazzjonijiet sesswali ma’ pazjent tal-isptar li fih kien impjegat u li kien marid minn moħħu. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li huwa temm il-perijodu ta’ sospenzjoni tiegħu mingħajr ma daħal il-ħabs.

15.      Fit-30 ta’ Settembru 2003, matul kontroll tal-fruntiera bejn Franza u r-Renju Unit, N. Onuekwere ġie arrestat talli kien għen passiġġier jidħol illegalment fit-territorju tar-Renju Unit, liema passiġġier kien qiegħed jiġi ttrasportat fil-karozza tiegħu stess. N. Onuekwere nħeles taħt garanzija sad-data tas-smigħ, li għalih naqas li jidher, li wassal sabiex jiġi kkundannat fit-18 ta’ Awwissu 2004. Fis-16 ta’ Settembru 2004 N. Onuekwere ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn u sitt xhur għall-fatti li jmorru lura għat-30 ta’ Settembru 2003.

16.      Huwa ġie lliberat fis-16 ta’ Novembru 2005 u, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2005, is-Secretary of State ordna t-tkeċċija tiegħu. N. Onuekwere appella minn din id-deċiżjoni, liema appell intlaqa’ b’deċiżjoni tal-1 ta’ Novembru 2006, minħabba li kien il-konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni li teżerċita id-drittijiet tagħha mogħtija mit-Trattat KE.

17.      Fis-26 ta’ Diċembru 2007, matul spezzjoni fit-toroq, N. Onuekwere ġie arrestat għall-pussess illegali ta’ karti foloz. Għal dawn il-fatti, fit-8 ta’ Mejju 2008, ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn u tliet xhur. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li fil-ġurnata li fiha ġie kkundannat, kien diġà qatta’ 109 ġurnata f’detenzjoni.

18.      Fis-6 ta’ Frar 2009, il-ġurnata li fiha N. Onuekwere ħareġ mill-ħabs, is-Secretary of State ħa deċiżjoni oħra fejn ordna t-tkeċċija tiegħu. B’deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2010, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, laqa’ l-appell magħmul minn N. Onuekwere. Din il-qorti kkunsidrat li, għalkemm il-mara tiegħu eżerċitat drittijiet mogħtija mit-Trattat bejn ix-xahar ta’ April 1998 u x-xahar ta’ Mejju 2004, biex b’hekk kisbet id-dritt ta’ residenza permanenti, l-istess ma kienx japplika għal N. Onuekwere, peress li l-priġunerija tiegħu mis-16 ta’ Settembru 2004 żammitu milli jikseb dan id-dritt. Madankollu, l-imsemmija qorti kkunsidrat li ma setax jiġi mkeċċi, peress li l-fatturi marbuta mas-sitwazzjoni personali tiegħu kienu jipprevalu fuq l-interess pubbliku marbut mat-tkeċċija tiegħu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

19.      Wara din id-deċiżjoni, N. Onuekwere talab permess ta’ residenza permanenti. B’deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2010, is-Secretary of State ċaħad din it-talba. Għalhekk ġie ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-First-tier-Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) u nżammet seduta fl-20 ta’ Ġunju 2011. Din il-qorti kkunsidrat li N. Onuekwere kellu dritt għal permess ta’ residenza, iżda ma kellux dritt ta’ residenza permanenti ġustifikat b’residenza mhux interrotta ta’ ħames snin.

20.      Għalhekk, N. Onuekwere appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi kkunsidra li, fid-dawl tas-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (3), il-priġunerija ma kinitx interrompiet il-kontinwità tar-residenza, iżda kienet tikkostitwixxi sempliċiment fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

21.      Hekk kif indikat il-qorti tar-rinviju, il-perijodu ta’ madwar erba’ snin u għaxar xhur, bejn it-2 ta’ Diċembru 1999, data ta’ żwieġ ta’ N. Onuekwere ma’ ċittadina tal-Unjoni, u s-16 ta’ Settembru 2004, data ta’ priġunerija tiegħu, huwa ftit inqas mill-perijodu ta’ ħames snin meħtieġ għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.

22.      Peress li kellu dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni li kellha tingħata lil din id-dispożizzjoni, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      F’liema ċirkustanzi, jekk inhu l-każ, perijodu ta’ priġunerija jikkostitwixxi residenza legali għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva […] 2004/38?

2)      Jekk perijodu ta’ priġunerija ma jikkwalifikax bħala residenza legali, persuna li tkun skontat perijodu ta’ priġunerija hija permessa li tiġbor flimkien il-perijodi ta’ residenza qabel u wara l-priġunerija tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu ta’ 5 snin meħtieġ sabiex jiġi stabbilit id-dritt ta’ residenza permanenti skont id-Direttiva?”

III – L-analiżi tiegħi

23.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li perijodu ta’ priġunerija jista’ jitqies bħala “residenza legali” sabiex b’hekk jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żmien ta’ ħames snin meħtieġ għall-finijiet ta’ ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti.

24.      Fil-każ li tali perijodu ma jistax jitqies bħala “residenza legali”, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, permezz tat-tieni domanda tagħha, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-perijodi ta’ residenza legali li jippreċedu u li jiġu wara priġunerija jistgħu jiġu miżjuda flimkien għall-finijiet tal-kalkolu tal-imsemmi żmien ta’ ħames snin.

A –    Fuq il-kunċett ta’ “residenza legali” fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/36

25.      B’mod preliminari, nixtieq nindika, qabelxejn, ir-raġunijiet għaliex naħseb li s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (4), kif ukoll is-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, li għalihom tirreferi b’mod partikolari il-qorti tar-rinviju u N. Onuekwere, ma humiex rilevanti għal din il-kawża.

26.      Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq, waħda mid-domandi li tqajmu kienet, essenzjalment, dik dwar jekk G. Orfanopoulos kienx żamm l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt tal-Unjoni minkejja priġunerija, peress li ż-żamma ta’ dritt ta’ residenza kienet suġġetta għall-kwalità ta’ ħaddiem, jew, jekk ikun il-każ, ta’ persuna li qed tfittex impjieg. Għalhekk, dik il-kawża ma kinitx tirrigwarda l-kwistjoni dwar l-effett ta’ priġunerija fuq il-kontinwità ta’ residenza legali għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti — liema dritt kien għadu ma jeżistix għaċ-ċittadin tal-Unjoni fil-mument li nqatgħet dik is-sentenza — iżda l-kwistjoni dwar l-effett ta’ tali priġunerija fuq il-żamma tal-kwalità ta’ ħaddiem għall-finijiet taż-żamma tad-dritt ta’ residenza.

27.      Fir-rigward tal-kawża li tat lok għas-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni kienet tirrigwarda sa fejn assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri matul l-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata, kienu jwaqqfu lil din tal-aħħar milli tibbenefika mill-protezzjoni msaħħa. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat sempliċiment li l-fatt li l-persuna kkonċernata kienet suġġetta għal ritorn furzat fl-Istat Membru ospitanti sabiex iservi hemmhekk piena ta’ priġunerija u ż-żmien mgħoddi f’detenzjoni setgħu, flimkien mal-elementi elenkati fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni globali meħtieġa sabiex jiġi determinat jekk ir-rabtiet ta’ integrazzjoni minsuġa preċedentement mal-Istat Membru ospitanti kinux ġew interrotti (5).

28.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ġiet mitluba f’din il-kawża tippreċiża l-kunċett ta’ residenza legali, liema kunċett jinsab, barra minn hekk, assenti mill-kliem tal-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, iżda li tinterpreta s-sistema ta’ protezzjoni kontra t-tneħħija maħluqa minn din id-dispożizzjoni. Il-kundizzjonijiet għall-għoti u għat-telf tad-dritt ta’ residenza permanenti għandhom jiġu sseparati minn dawk relattivi għat-telf tal-protezzjoni msaħħa (6). Għalhekk, ma jidhirlix li s-sentenzi Orfanopoulos u Oliveri kif ukoll Tsakouridis, iċċitati iktar ’il fuq, huma rilevanti f’dan il-każ.

29.      Min-naħa l-oħra, sentenzi reċenti oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja joffru xi indikazzjonijiet sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda.

30.      Fil-fatt, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (7), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità, għall-ewwel darba, li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “residenza legali” fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38. Għalhekk, dan il-kunċett, implikat mill-kliem “li għex legalment” misjub f’din id-dispożizzjoni, għandu jiġi mifhum bħala residenza konformi mal-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 7(1) tagħha (8).

31.      Barra minn hekk, fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Alarape u Tijani (9), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi kkonstatat li l-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jiddependi, f’kull każ, mill-fatt li, minn naħa, dak iċ-ċittadin jissodisfa huwa stess il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija membri għexu miegħu matul il-perijodu kkonċernat.

32.      Fir-rigward tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti mill-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, dan l-obbligu ta’ residenza ma’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu kkonċernat jimplika l-eżistenza neċessarja u konkomitanti ta’ dritt ta’ residenza fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2004/38, bħala membri tal-familja li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu mal-imsemmi ċittadin (10). Infakkar li din id-dispożizzjoni tindika li d-dritt ta’ residenza previst għaċ-ċittadini tal-Unjoni, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, jestendi ruħu għall-membri tal-familja li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru meta dawn jakkumpanjaw jew jingħaqdu maċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dak iċ-ċittadin jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1)(a), (b) jew (ċ) ta’ din id-direttiva.

33.      Għalhekk, minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, għandhom jittieħdu biss inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ residenza ta’ dawk il-membri li jissodisfaw il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7(2) tagħha (11).

34.      Minn din il-ġurisprudenza tirriżulta l-konstatazzjoni segwenti. Id-dritt ta’ residenza permanenti ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ma huwiex dritt awtonomu, iżda dritt derivat mid-dritt ta’ residenza permanenti ta’ dak iċ-ċittadin. Bl-istess mod, id-dritt ta’ residenza ta’ tali ċittadin ta’ Stat terz jirriżulta direttament mid-dritt ta’ residenza tal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni miksub skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38.

35.      Għalhekk, skont N. Onuekwere, ftit jimporta li matul il-ħames snin ta’ residenza legali meħtieġa skont l-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva, ġiet imposta fuqu piena ta’ priġunerija. Fil-fatt, dan jikkunsidra li minkejja l-perijodi ta’ residenza fil-ħabs, sa fejn il-konjuġi tiegħu, ċittadina tal-Unjoni, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva u kienet tibbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti, ikun iġġustifikat li huwa stess jibbenefika minn tali dritt. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ residenza maċ-ċittadin tal-Unjoni, misjuba fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 fl-espressjoni “għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti”, N. Onuekwere jikkunsidra li ma jeżistix obbligu ta’ koabitazzjoni bejn dak iċ-ċittadin li jeżerċita d-dritt tiegħu li jiċċaqlaq u jgħix liberament u l-konjuġi tiegħu, membru tal-familja tiegħu, tant li huwa possibbli li l-perijodi ta’ residenza fil-ħabs jiġu kkunsidrati li tikkorrispondi għal residenza maċ-ċittadin tal-Unjoni.

36.      Jiena ma nistax naqbel ma tali analiżi.

37.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-espressjoni “maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” misjuba fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, sa mis-snin 80, li l-koabitazzjoni ta’ ħaddiem migrant ma’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan il-ħaddiem, mhux bil-fors teżiġi li dan il-membru tal-familja jgħix miegħu b’mod permanenti, iżda biss li l-abitazzjoni li jkollu l-ħaddiem tista’ titqies bħala normali sabiex tospita l-familja tiegħu. Għalhekk, l-eżiġenza tal-uniċità tal-abitazzjoni permanenti tal-familja ma tistax tiġi ammessa impliċitament (12). F’dan il-każ, kien hemm ċittadina ta’ Stat terz li kienet tgħix separatament mill-konjuġi tagħha, ħaddiem migrant, u li xtaqet tikseb id-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KKE) Nru 1612/68 (13). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li ma kienx bil-fors meħtieġ li l-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jgħixu b’mod permanenti miegħu sabiex ikollhom dritt ta’ residenza skont l-imsemmija dispożizzjoni.

38.      Din l-interpretazzjoni tapplika wkoll għall-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li ġew wara r-Regolament Nru 1612/68, f’dan il-każ għad-Direttiva 2004/38. Jiena naħseb li l-espressjoni “maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” misjuba fl-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva ma għandhiex tiġi interpretata litteralment, u għalhekk strettament, bir-riskju li jitwarrbu ċerti benefiċjarji leġittimi ta’ drittijiet li l-imsemmija direttiva normalment tikkonferixxi fuqhom u wkoll bir-riskju li jinkiser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja mogħti li kull persuna mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

39.      Fil-fatt, jistgħu jeżistu sitwazzjonijiet li fihom, inevitabbilment, iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja tiegħu, ma jistgħux jgħixu b’mod permanenti taħt l-istess saqaf. Pereżempju, iċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ jkollu jgħix fil-ġranet tal-ġimgħa jew saħansitra għal perijodu estiż f’reġjun ieħor li ma jkunx dak li fih jgħix il-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz. Dan huwa partikolarment minnu fis-soċjetà attwali tagħna fejn hija ta’ spiss meħtieġa l-mobbilità professjonali u ġeografika. Bl-istess mod, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jista’ jkollu l-istatus ta’ student u jkollu jagħmel l-istudji tiegħu f’belt li ma tkunx dik li fiha tkun ibbażata prinċipalment l-entità tal-familja.

40.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fatt li t-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jgħixux b’mod permanenti miegħu ma jaffettwax id-drittijiet mogħtija lilhom mill-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament Nru 1612/68. L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-membru tal-familja tal-ħaddiem migrant għandu d-dritt li jinstalla ruħu mal-ħaddiem, ma jeżiġix li l-membru tal-familja kkonċernat jgħix miegħu b’mod permanenti, iżda biss, hekk kif previst fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li l-abitazzjoni li jkollu l-ħaddiem tista’ tkun ikkunsidrata normali sabiex tospita l-familja tiegħu (14).

41.      Għalhekk, l-obbligu misjub fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, li wieħed jgħix maċ-ċittadin tal-Unjoni għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin, ma jfissirx li l-koabitazzjoni taħt l-istess saqaf trid tkun permanenti.

42.      Madankollu, hekk kif sejjer nuri, jiena ma naħsibx li l-perijodi ta’ residenza fil-ħabs jistgħu jitqiesu bħala perijodi ta’ residenza legali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żmien ta’ ħames snin meħtieg fl-imsemmija dispożizzjoni għall-finijiet tal-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti.

43.      Għandu jiġi imfakkar l-għan tad-Direttiva 2004/38. Hekk kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Ziolkowski u Szeja, iċċitata iktar ’il fuq, mill-premessi 3 u 17 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża sabiex twassal għal sistema bbażata fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali li fiha d-dritt ta’ residenza permanenti jidher li huwa fattur ewlieni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, liema ċittadinanza hija intiża li tikkostitwixxi l-istatus fondamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri meta dawn jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament. Għalhekk, l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ dan id-dritt ta’ residenza permanenti jaslu sabiex ikollhom trattament ugwali kważi totali maċ-ċittadini nazzjonali (15).

44.      Għalhekk, id-dritt ta’ residenza permanenti jmur lil hinn mis-sempliċi dritt ta’ residenza u ta’ moviment fit-territorju tal-Unjoni. Huwa intiż li joħloq, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni, sentiment ta’ appartenenza kompleta għas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari bit-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi kollha li jistgħu jeżistu għall-persuni li ma għandhomx iċ-ċittadinanza nazzjonali (16). Għalhekk, ġaladarba jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti ma jkun suġġett għal ebda kundizzjoni tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari dawk enumerati fl-Artikolu 7 tagħha.

45.      Huwa minnu li l-kawża preżenti tirrigwarda ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, l-effett mixtieq ma huwiex inqas b’saħħtu. L-ewwel nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jippreżerva l-unità tal-familja, li hija intrinsikament marbuta mad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, billi ppermetta l-unifikazzjoni tal-familja, sabiex b’hekk jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, peress li dawn tal-aħħar ma jibqgħux iktar miżmuma milli jiċċaqilqu minħabba li jitbiegħdu mill-familja tagħhom (17). Sussegwentement, bl-għoti ta’ dritt ta’ residenza permanenti liċ-ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jrid ukoll jippreżerva din l-unità tal-familja b’tali mod li dawn iċ-ċittadini jkollhom ukoll sentiment ta’ appartenenza għas-soċjeta tal-Istat Membru li jospitahom.

46.      Fil-verità, l-għoti ta’ dritt ta’ residenza permanenti jwassal kważi dejjem sabiex iċ-ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jiġu assimilati ma’ dan iċ-ċittadin meta jkunu rrisjedew miegħu għallinqas għal ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, perijodu ta’ residenza twil biżżejjed fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jixhed ir-rabtiet mill-qrib li jkun żviluppa ċ-ċittadin tal-Unjoni jew il-membru tal-familja tiegħu ma’ dak l-Istat u għalhekk l-integrazzjoni vera tiegħu.

47.      Għalhekk, is-sistema maħluqa mid-Direttiva 2004/38, u iktar speċifikament il-ħolqien ta’ dritt ta’ residenza permanenti, jistrieħu fuq l-idea li, sa ċertu punt, trid tiġi ppremjata integrazzjoni ta’ vera li jrid ikollha għallinqas l-effett li ssaħħaħ dan is-sentiment ta’ appartenenza għas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

48.      Għalhekk, jekk tali sistema hija bbażata fuq integrazzjoni ta’ vera tal-persuna kkonċernata, kif jista’ wieħed jaċċetta li persuna li tkun qattgħet perijodu wieħed jew iktar fil-ħabs tista’ tibbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti? L-integrazzjoni fi ħdan is-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti ma għandhiex tissoponi li dak li jipprevalixxi minnha jirrispetta, l-ewwel nett, il-liġijiet u l-valuri ta’ din is-soċjeta?

49.      Jiena nikkunsidra li dan huwa tassew il-każ. Hekk kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias (18), u hekk kif fakkart fil-konklużjonijiet tiegħi li taw lok għas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2012, I. (19), l-integrazzjoni, li hija ċentrali għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, hija bbażata mhux biss fuq fatturi territorjali u temporali, iżda wkoll fuq fatturi kwalitattivi, li jirrigwardaw il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti (20).

50.      Perijodi ta’ residenza fil-ħabs juru neċessarjament livell ta’ integrazzjoni baxx tal-persuna kkonċernata. Dan huwa iktar u iktar evidenti meta dik il-persuna tkun reċediva għal diversi drabi, bħal fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tiegħi, aġir kundannabbli kriminalment juri b’mod ċar in-nuqqas ta’ volontà tal-parti li tkun wettqitu li tintegra ruħha fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

51.      Jekk ir-raġunament imressaq minn N. Onuekwere jiġi adottat b’mod estrem, nista’ nasal biss sabiex nikkonstata li dan jikkontradixxi perfettament l-ispirtu tad-Direttiva 2004/38 u l-għan imfittex minnha. Fil-fatt, it-teżi sostnuta minn N. Onuekwere twassal, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex jiġi kkunsidrat li iktar ma tkun ħarxa l-piena u għalhekk iktar ma jkun twil il-perijodu ta’ priġunerija, iktar titqies integrata l-persuna kkonċernata fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, pereżempju, ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jiġi kkundannat 20 sena priġunerija għal qtil ikun jista’ jippretendi dritt ta’ residenza permanenti wara li jqatta’ ħames snin il-ħabs sakemm il-konjuġi tiegħu, li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, ikun kiseb huwa stess dritt ta’ residenza permanenti.

52.      Għandu jiġi kkonstatat li dan ir-raġunament, apparti li ma jagħmilx sens, imur kontra l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva li huwa, b’mod partikolari, li jippromwovi l-koeżjoni soċjali permezz tal-ħolqien ta’ dritt ta’ residenza permanenti u li jsaħħaħ is-sentiment ta’ ċittadinanza tal-Unjoni. Hemm bżonn li jiġi imfakkar, f’dan ir-rigward, li ċ-ċittadinanza tikkostitwixxi, għaċ-ċittadin, garanzija ta’ appartenenza għal komunità politika u legali?

53.      Finalment, peress li sar riferiment għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq (21), billi N. Onuekwere kkunsidra li jkun inkompatibbli mal-għan ta’ integrazzjoni u tal-funzjoni ta’ riforma tal-piena li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ residenza fil-ħabs, jiena ser nippreċiża dan li ġej.

54.      Huwa ċar li, skont l-eżiġenzi tal-prinċipji fundamentali tad-dritt dwar il-pieni, kwalunkwe piena jrid ikollha funzjoni ta’ reintegrazzjoni li trid tiġi żgurata mir-regoli ta’ implementazzjoni tagħha. Madankollu, ġaladarba tkun ġiet imposta piena, huwa tassew għaliex il-valuri espressi mis-soċjeta fid-dritt kriminali tagħha jkunu ġew ikkontestati mill-ħati. Barra minn hekk, ġaladarba r-reintegrazzjoni jrid ikollha l-post leġittimu tagħha, huwa tassew għaliex l-integrazzjoni jew ma kinitx teżisti, biex b’hekk tiġi spjegata l-kummissjoni tar-reat, jew għaliex din tkun waqfet teżisti malli twettaq ir-reat.

55.      Minbarra l-funzjoni ta’ reintegrazzjoni, il-piena taqdi funzjoni essenzjali oħra li hija dik tar-retribuzzjoni, liema funzjoni għandha bħala għan li ġġiegħel dak li jkun iħallas għar-reat imwettaq u li hija proporzjonali għall-gravità ta’ dan ir-reat, li hawnhekk tieħu l-forma tal-miżura ta’ priġunerija. Dawn il-funzjonijiet ma għandhomx jeskludu lil xulxin. L-eżistenza tal-funzjoni ta’ reintegrazzjoni ma tistax tiġi applikata b’tali mod li l-perijodu ta’ retribuzzjoni joħloq, għall-persuna kkundannata, dritt li l-ksib tiegħu jippresupponi r-rikonoxxenza u l-aċċettazzjoni tal-valuri soċjali li jkunu ġew preċiżament miksura mill-persuna kkonċernata permezz tal-att kriminali tagħha.

56.      Barra minn hekk, din hija r-raġuni għaliex naħseb li, anki fil-kuntest tal-aġġustament ta’ piena, li jista’, pereżempju, jieħu l-forma ta’ arrest fid-dar jew ta’ libertà parzjali li tobbliga lill-persuna kkundannata li tinġabar fil-ħabs bil-lejl, ma huwiex possibbli li l-persuna kkonċernata titqies li twettaq residenza legali fis-sens tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38.

57.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, naħseb li din id-dispożizzjoni trid tiġi interpretata fis-sens li perijodu ta’ priġunerija ma jistax jitqies bħala “residenza legali” u għalhekk ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żmien ta’ ħames snin meħtieġ għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti.

B –    Fuq iż-żieda tal-perijodi ta’ residenza legali għall-finijiet tal-kalkolu taż-żmien ta’ ħames snin

58.      It-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intimament marbuta mal-ewwel waħda. Għalhekk, fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, ifittex li jsir jaf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ residenza legali li jippreċedu u li jiġu wara priġunerija jistgħu jiġu miżjuda flimkien għall-finijiet tal-kalkolu taż-żmien meħtieġ ta’ ħames snin.

59.      Fi kliem ieħor, id-domanda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-priġunerija tinterrompix il-kontinwità tar-residenza legali, f’liema każ il-perijodi ta’ residenza legali mwettqa qabel u wara din il-priġunerija ma jistgħux jiġu miżjuda flimkien.

60.      Għall-Gvern Ġermaniż u għall-Kummissjoni, ċerti perijodi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, skont il-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi applikat b’analoġija. Għalhekk, diversi pieni ta’ priġunerija li jeċċedu total ta’ sitt xhur fis-sena jew piena ta’ priġunerija waħda ta’ iktar minn tnax‑il xhar jinterrompu l-kontinwità tar-residenza legali meħtieġa għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti. Bl-istess mod, perijodi ta’ priġunerija inferjuri għal tali żmien jinterrompu l-kontinwità ta’ din ir-residenza meta n-nuqqas li jiġġustifika l-priġunerija jirrifletti manifestament in-nuqqas ta’ volontà tal-persuna kkonċernata li tintegra ruħha fis-soċjeta tal-Istat Membru ospitanti jew li tirrispetta l-valuri tagħha.

61.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti perijodi fil-ħabs jiddependi, b’mod partikolari, mil-livell ta’ integrazzjoni tal-persuna kkonċernata qabel il-priġunerija, mit-tul tad-detenzjoni, mill-gravità tar-reat imwettaq li fir-rigward tiegħu din tkun ġiet ikkundannata u minn jekk teżistix reċedività jew le. Il-Kummissjoni tikkunsidra għalhekk li hawnhekk għandu jsir eżami ta’ proporzjonalità.

62.      Jiena ma naqbilx la mal-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż u lanqas ma’ dik tal-Kummissjoni.

63.      Hekk kif irrilevajt preċedentement, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi kundizzjoni ta’ kontinwità tar-residenza billi jeżiġi li membru tal-familja fis-sitwazzjoni ta’ N. Onuekwere jrid ikun irrisjeda legalment għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin maċ-ċittadin tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fil-dawl tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva, espressi b’mod partikolari fil-premessi 17 u 18 tagħha, jiġifieri li tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u tiġi permessa l-integrazzjoni tal-persuni li jaslu fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, permezz tal-ħolqien ta’ relazzjonijiet soċjali, familjari u professjonali tajba f’dak l-Istat. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet preparatorji li jirrigwardaw id-Direttiva 2004/38 juru l-importanza tal-ħolqien ta’ rabta ta’ integrazzjoni b’saħħitha mal-Istat Membru ospitanti bħala prerekwiżit għall-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti. Il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva turi għalhekk preżunzjoni li tipprovdi li perijodu mhux interrott ta’ ħames snin ippermetta lill-individwu kkonċernat li jinseġ rabtiet ta’ integrazzjoni b’saħħithom mas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

64.      Għalhekk, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati minni fil-kuntest tal-ewwel domanda, jidhirli li jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ residenza legali mwettqa qabel u wara l-priġunerija għall-finijiet tal-kalkolu taż-żmien meħtieġ ta’ ħames snin, dan iwassal, fil-verità, sabiex jiġi miċħud in-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-persuna kkonċernata u sabiex tiġi sostanzjalment żnaturata l-effettività mfittxa mill-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38. Il-priġunerija li tiġi wara ksur tar-regoli tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti hija preċiżament il-prova li l-persuna kkonċernata ma kinitx integrata f’din is-soċjetà. Mill-ġdid, din hija iktar u iktar ċara meta l-persuna kkonċernata tkun reċediva.

65.      Iż-żieda tal-perijodi ta’ residenza preċedenti u sussegwenti għall-eżekuzzjoni tal-piena hija għalhekk inkoerenti mal-għan imfittex minn din id-direttiva. Jekk wieħed jipproċedi b’dan il-mod, tkun qed tiġi żnaturata l-espressjoni “perjodu kontinwu ta’ ħames snin” prevista fl-Artikolu 16(2) tagħha u injorata l-eżiġenza ta’ kontinwità fil-proċess ta’ integrazzjoni.

66.      Fil-fehma tiegħi, il-kliem tal-Artikolu 16(3) tal-imsemmija direttiva ma jbiddel xejn minn din l-analiżi. Din id-dispożizzjoni toffri xi eżempji ta’ assenzi temporanji li ma jaffettwawx il-kontinwità tar-residenza legali. L-istess japplika għal assenza massima ta’ sitt xhur fis-sena, jew għal assenza itwal għal raġunijiet ta’ obbligi militari, għal assenza massima ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti, bħalma huma t-tqala u l-maternità, marda serja, studji jew taħriġ professjonali, kif ukoll il-kollokament għal raġunijiet professjonali.

67.      Mill-qari ta’ din id-dispożizzjoni, nikkonstata mill-ewwel li l-assenzi msemmija jikkostitwixxu assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, jidhirli li huwa diffiċli li l-perijodi ta’ residenza fil-ħabs jiġu assimilati ma’ assenza mit-territorju ta’ dak l-Istat.

68.      Barra minn hekk, dawn l-assenzi ma joriġinawx minn aġir punibbli kriminalment li jaffettwa l-livell ta’ integrazzjoni tal-persuna kkonċernata. Dawn jirrappreżentaw, b’mod partikolari, avvenimenti fil-ħajja ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, li jobbligawhom li jħallu temporanjament it-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Dan japplika, b’mod partikolari, għal obbligi militari, għal obbligi professjonali jew saħansitra għal marda serja li teżiġi kura li għaliha jkunu iktar adatti strutturi ta’ Stati oħra. Bl-istess mod, ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu ċittadin ta’ Stat terz jista’ jagħżel li jħalli temporanjament l-Istat Membru ospitanti sabiex ikun viċin persuna qrib tiegħu li tkun f’sitwazzjoni diffiċli. Għaldaqstant, il-volontà li jintegra ruħu fis-soċjetà ta’ dak l-Istat u li jinseġ rabtiet b’saħħithom miegħu ma tiġix mibdula.

69.      Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssuġġerixxa l-Gvern Ġermaniż, nikkunsidra li ma huwiex possibbli li jiġi applikat l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38 għall-każ preżenti quddiemi.

70.      Il-Kummissjoni tipproponi li, f’ċerti każijiet, il-qorti nazzjonali għandha tkun libera li ttaffi r-regola li tipprovdi li l-perijodi ta’ residenza legali mwettqa qabel u wara l-priġunerija ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkulazzjoni taż-żmien. Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jiġu limitati l-konsegwenzi ta’ kundanna fil-konfront ta’ individwi kkundannati għal pieni partikolarment qosra li jirriżultaw minn reati relattivament minuri. Għalhekk, f’ċerti każijiet, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tostakola l-interruzzjoni taż-żmien ta’ ħames snin għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti.

71.      Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni ma hijiex possibbli. L-ewwel nett, kif jista’ il-prinċipju ta’ ċertezza legali jiġi rrikonċiljat mal-fatt li, f’Unjoni ta’ 28 Stat Membru, il-liġi kriminali, u għalhekk il-klassifikazzjoni tar-reati, hija differenti? Jista’ jkun hemm ċerti reati li ma jkollhomx l-istess livell ta’ gravità u jġorru l-istess pieni fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, naħseb li hemm bżonn kriterji preċiżi sabiex dak li jwettaq ir-reat ikun jaf eżattament dak li għandu jistenna. L-inċertezza li toħloq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità hekk kif proposta mill-Kummissjoni tista’ tippreġudika l-prinċipju ta’ nulla pœna sine lege.

72.      Kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, naħseb li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja iżda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddefinixxi tali kriterji u tali limiti li taħthom ir-residenza fil-ħabs għandha titqies li ma tinterrompix iż-żmien meħtieġ fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38.

73.      Fil-fehma tiegħi, huwa biss perijodu ta’ residenza fil-ħabs fil-kuntest ta’ detenzjoni provviżorja qabel sentenza li twaqqa’ l-akkużi kontra l-imputat jew li teħilsu, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żmien ta’ ħames snin meħtieġ għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti. Fil-fatt, f’dan il-każ preċiż, id-detenzjoni provviżjorja ma hijiex eżekuzzjoni ta’ piena wara kundanna għat-twettiq ta’ reat. F’dan il-każ, teżisti priġunerija tal-persuna kkonċernata matul il-perijodu kollu tal-istruttorja jew parti minnu li matulu din tibbenefika mill-preżunzjoni ta’ innoċenza. Sa fejn jitwaqqgħu sussegwentement l-akkużi kontra din tal-aħħar jew din tiġi liberata, l-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw li ma jeżistix ksur tar-regoli u tal-valuri tas-soċjetà, filwaqt li l-persuna kkonċernata qatt ma tkun waqfet milli tkun innoċenti ta’ dak li dwaru ġiet akkużata. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din ma tistax tiġi kkritikata b’aġir punibbli kriminalment li juri nuqqas ta’ volontà li tintegra ruħha fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

74.      Fid-dawl tal-fatturi preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi ta’ residenza legali li jippreċedu u li jiġu wara priġunerija ma jistgħux jiġu miżjuda flimkien għall-finijiet tal-kalkolu taż-żmien ta’ ħames snin, peress li l-priġunerija tinterrompi dan iż-żmien.

IV – Konklużjoni

75.      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), London, b’dan il-mod:

L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE,  68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE,75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis sens li:

–        perijodu ta’ priġunerija ma jistax jitqies bħala “residenza legali” u għalhekk ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żmien ta’ ħames snin meħtieġ għall-finijiet tal-ksib tad-dritt ta’ residenza permanenti u

–        il-perijodi ta’ residenza legali li jippreċedu u li jiġu wara priġunerija ma jistgħux jiġu miżjuda flimkien għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan iż-żmien ta’ ħames snin, peress li l-priġunerija tinterrompi l-imsemmi żmien.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3 – C‑145/09, Ġabra p. I‑11979.


4 – C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257.


5 – Sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34).


6 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tsakouridis, iċċitata iktar ’il fuq (punti 30 et seq), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, tirrifjuta li tirraġuna b’analoġija mal-Artikolu 16(4) tagħha.


7 –      C‑424/10 u C‑425/10, Ġabra p. I‑14035.


8 – Punt 46.


9 –      C‑529/11.


10 –      Punt 36.


11 –      Punt 37.


12 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 1985, Diatta (267/83, Ġabra p. 567, punt 18).


13 – Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).


14 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punti 58 sa 62). Ara wkoll, għal ġurisprudenza iktar reċenti, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, punt 58), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-konjuġi ma għandux neċessarjament jgħix b’mod permanenti maċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex ikollu dritt idderivat ta’ residenza.


15 – Ara punti 50 u 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16 – Ara p. 3 tal-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri [KUM (2001) 257 finali].


17 – Ara p. 5 ta’ din il-proposta għal direttiva.


18 – C‑325/09, Ġabra p. I‑6387.


19 – C‑348/09.


20 – Sentenza Dias, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64).


21 – Punti 47 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.