Language of document : ECLI:EU:C:2009:102

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fid-19 ta’ Frar 2009 1(1)

Kawża C‑480/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50– Proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi – Raġunijiet tekniċi”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rikors, li ġie ppreżentat skont l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi li hija għandha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (2), minħabba li l-Landkreise (distretti amministrattivi) Harburg, Rotenburg (Wümme), Soltau-Fallingbostel u Stade kkonkludew direttament kuntratt dwar ir-rimi tal-iskart mad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg u li dan il-kuntratt għal servizzi ma kienx suġġett għal sejħa għal offerti miftuħa jew ristretta fuq livell tal-Komunità.

2.        Ir-regoli dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi li ddaħħlu permezz tad-Direttiva 92/50 jikkostitwixxu waħda mill-miżuri intiżi biex jistabbilixxu s-suq intern billi jikkontribwixxu sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi. Ma jistax jiġi miċħud li din hija miżura ta’ benefiċċju kemm għall-fornitur kif ukoll għad-destinatarju tas-servizzi.

3.        F’din il-kawża, ir-rimi tal-iskart jikkostitwixxi servizz li d-destinatarji tiegħu huma erba’ distretti amministrattivi. Fir-realtà, in-numru ta’ destinatarji huwa ferm ogħla. Id-distretti amministrattivi effettivament huma biss intermedjarji għall-abitanti tagħhom li huma d-destinatarji finali ta’ dan is-servizz. Jidhirli li huwa utli li jiġi mfakkar li jekk jirriżulta li fornitur ta’ servizzi ntgħażel bi ksur tar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, l-interessi l-iktar ippreġudikati jkunu dawk ta’ dawn l-abitanti.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        Skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, “kuntratti ta’ servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]” huma kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, bl-esklużjoni tal-kuntratti elenkati fil-punti i) sa ix) ta’ din id-dispożizzjoni.

5.        Skont l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50:

“‘l-awtoritajiet kontraenti’ għandhom ifissru l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika. “Korp irregolat mil-liġi pubblika” ifisser kwalunkwe korp:

–        stabbilit għall-iskop speċifiku li jissodisfa bżonnijiet fl-interess ġenerali, li m’għandux karattru industrijali jew kummerċjali, u

–        li jkollu personalità ġuridika u

–        iffinanzjat, fil-parti l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika; jew suġġett għal sorveljanza ta’ amministrazzjoni minn dawk il-korpi; jew li jkollu bord amministrattiv, ta’ tmexxija jew ta’ sorveljanza, li iktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika.

[…]”

6.        Skont l-Artikolu 1(c) tad-Direttiva 92/50, “‘dak li jipprovdi servizz’ [fornitur ta’ servizz] għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku, li joffri servizzi.

7.        Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, kuntratti li għandhom bħala l-għan tagħhom servizzi elenkati fl-Anness IA għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI tal-istess Direttiva. L-Anness I A jirrigwarda, taħt il-kategorija 16, “Servizzi ta’ drenaġġ [servizzi tat-toroq] u ta’ skart; iġjene u servizzi simili”.

8.        Jirriżulta b’mod ċar mill-istruttura tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/50 li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu kuntratti ta’ servizzi billi jirrikorru għall-proċedura miftuħa jew ristretta, ħlief fil-każijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 tal-istess artikolu, fejn l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti pubbliċi għal servizzi billi jirrikorru jew għal proċedura nnegozjata wara li jkunu ppubblikaw notifika ta’ kuntratt (każijiet imsemmija fil-paragrafu 2) jew inkella għal proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt (każijiet imsemmija fil-paragrafu 3).

9.        Skont l-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu kuntratti pubbliċi għal servizzi bi proċedura nnegozjata, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt meta, għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, is-servizzi jkunu jistgħu jiġu pprovduti biss minn fornitur partikolari ta’ servizz.

III – Fatti

10.      Ir-rikors tal-Kummissjoni jirrigwarda kuntratt konkluż bejn id-distretti amministrattivi ta’ Harburg, ta’ Rotenburg (Wümme), ta’ Soltau-Fallingbostel u ta’ Stade (iktar ’il quddiem id-“distretti”), minn naħa waħda, u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

11.      Id-distretti kif ukoll id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg huma korpi rregolati mid-dritt pubbliku inkarigati mir-rimi tal-iskart.

12.      Il-Land ta’ Sassonja t’Isfel, li taħtu jaqgħu d-distretti, il-Land ta’ Schleswig-Holstein kif ukoll il-belt libera u Anseatika ta’ Hamburg jifformaw ir-reġjun metropolitan ta’ Hamburg.

13.      Il-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż fit-18 ta’ Diċembru 1995 direttament, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa jew ristretta fuq livell tal-Komunità. Jirriżulta mill-preambolu tal-kuntratt li d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg ippropona lid-distretti, b’ittra tat-30 ta’ Novembru 1994, kapaċità parzjali ta’ 120 000 tunnellata fis-sena mill-kapaċità annwali totali tal-impjant tal-irkupru tas-sħana mill-iskart f’Rugenberger Damm (iktar ’il quddiem l-“impjant ta’ Rugenberger Damm”) u li d-distretti aċċettaw din l-offerta b’ittra tas-6 ta’ Jannar 1995.

14.      Fil-kuntratt inkwistjoni, id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg intrabat li jpoġġi għad-dispożizzjoni tad-distretti kapaċità ta’ 120 000 tunnellata fis-sena għall-finijiet tal-irkupru tas-sħana mill-iskart fl-impjant ta’ Rugenberger Damm u d-distretti ntrabtu li jħallsu lid-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg ħlas annwali li jikkonsisti f’parti fissa u parti li tvarja skont il-kwantità kkunsinnata.

15.      It-terminu previst għall-kuntratt inkwistjoni kien ta’ għoxrin sena sa mill-15 ta’ April 1999, waqt li fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, l-impjant ta’ Rugenberger Damm kien għadu fl-istadju ta’ proġett.

IV – Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Il-Kummissjoni ddeċidiet li taġixxi wara li rċeviet ilment mingħand ċittadin li kien tal-fehma li l-ħlasijiet għat-trattament tal-iskart kienu wisq għaljin.

17.      Wara li kkunsidrat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi kkonkludiet direttament kuntratt, li l-partijiet kontraenti tiegħu kienu d-distretti u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, dwar ir-rimi tal-iskart mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti u mingħajr proċedura fuq livell Komunitarja, setgħet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50, il-Kummissjoni bagħtet, fit-30 ta’ Marzu 2004, b’mod konformi mal-Artikolu 226 KE, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

18.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet b’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2004. Hija argumentat li, fil-fehma tagħha, il-kuntratt inkwistjoni kien ftehim dwar eżekuzzjoni komuni ta’ funzjoni tas-servizz pubbliku li kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-distretti amministrattivi u l-belt ta’ Hamburg u li b’hekk dan kien każ ta’ kooperazzjoni komunali.

19.      Il-Kummissjoni, li ma kinitx sodisfatta bl-osservazzjonijiet ifformulati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bagħtet lil din tal-aħħar opinjoni mmotivata fit-22 ta’ Diċembru 2004 fejn hija kkonstatat li l-kuntratt inkwistjoni kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 u li, għaldaqstant, il-konklużjoni diretta ta’ kuntratt bejn id-distretti u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg kienet tmur kontra l-imsemmija direttiva.

20.      Minkejja l-argumenti mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-risposta tagħha għall-opinjoni mmotivata tal-25 ta’ April 2005, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors li permezz tiegħu hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva 92/50 u biex tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati l-ispejjeż tal-kawża.

21.      Fuq il-bażi tal-argumenti ppreżentati fir-risposta u fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad ir-rikors u biex tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

22.      B’ordni tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 2007, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Finlandja ġew awtorizzati biex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ir-Repubblika tal-Finlandja madankollu ma ppreżentatx nota ta’ intervent.

23.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li ssir seduta. Din saret fil-11 ta’ Novembru 2008 fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-Kummissjoni.

V –    Kunsiderazzjonijiet

24.      Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlaq mill-premessa li d-distretti huma awtoritajiet kontraenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, li d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg huma fornituri ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(c) tad-Direttiva 92/50, u li l-kuntratt inkwistjoni konkluż bejn id-distretti, minn naħa waħda, u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, min-naħa l-oħra, huwa kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50. Peress li s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni huwa servizz li jinsab fl-Anness I A tad-Direttiva 92/50 u peress li ma jikkonsistix f’xi wieħed mill-każijiet li jiġġustifikaw l-għoti ta’ kuntratt bl-użu ta’ proċedura nnegozjata wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ kuntratt (Artikolu 11(2) tad-Direttiva 92/50) jew proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt (Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50), il-kuntratt inkwistjoni seta’ jiġi konkluż biss bl-użu, jekk applikabbli, tal-proċedura miftuħa jew il-proċedura ristretta, fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/50.

25.      Nipproponi li neżamina l-fondatezza tal-ilment tal-Kummissjoni mill-angolu tal-argumenti mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn hija ma tikkontestax li l-kuntratt inkwistjoni ma kienx suġġett għal sejħa għal offerti, iżda ssostni li d-distretti ma kinux obbligati li jniedu sejħa għal offerti bil-għan li jiġi konkluż il-kuntratt inkwistjoni, u dan għal erba’ raġunijiet.

26.      Fl-ewwel lok, hija targumenta li l-kuntratt inkwistjoni huwa l-espressjoni tal-kooperazzjoni bejn korpi statali, u b’hekk, jikkonċerna biss ir-relazzjonijiet interni tal-organizzazzjoni statali fil-qafas tat-twettiq ta’ funzjonijiet pubbliċi. Minn dan isegwi li l-kuntratt ma jaqax taħt id-Direttiva 92/50. Fit-tieni lok, hija ssostni li l-kuntratt inkwistjoni ma jikkostitwix kuntratt fis-sens tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmija direttiva. Fit-tielet lok, anki jekk il-kuntratt inkwistjoni kellu jiġi kkwalifikat bħala kuntratt fis-sens ta’ din id-direttiva, hija ssostni li teżisti raġuni teknika fis-sens tal-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50 li għaliha l-kuntratt seta’ jiġi konkluż bl-użu ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ notifika ta’ kuntratt. Fir-raba’ lok, hija targumenta li skont l-Artikolu 86(2) KE, ma kienx neċessarju li titnieda proċedura miftuħa jew ristretta peress li tali proċedura kienet ser tostakola lid-distretti u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg milli jwettqu l-funzjoni tagħhom.

A –    Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50

27.      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-kuntratt inkwistjoni jikkostitwixxi operazzjoni interna tal-Istat li, bħala regola ġenerali, ma taqax taħt id-Direttiva 92/50. Hija tal-fehma, bl-istess mod bħall-Gvern Olandiż, li din id-direttiva tirrigwarda l-għoti ta’ kuntratti lill-impriżi u tapplika biss meta l-Istat jiddeċiedi li ma jridx iwettaq funzjoni huwa stess iżda jixtieq jakkwista servizz korrispondenti mis-suq.

28.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (3) huma, b’mod ġenerali, applikabbli meta awtorità kontraenti tipprevedi li tikkonkludi, ma’ entità ġuridikament distinta, kuntratt b’titolu oneruż, kemm jekk din l-entità tkun hi stess awtorità kontraenti u kemm jekk le (4). Bl-istess mod, din id-direttiva tapplika kemm jekk kuntratt jingħata biex titwettaq funzjoni ta’ interess ġenerali u kif ukoll jekk ma jkunx relatat ma’ dik il-funzjoni (5).

29.      Madankollu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, teżisti deroga għal din ir-regola ġenerali. Id-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma humiex applikabbli, anki jekk il-parti kontraenti l-oħra tkun entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti, meta jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, għandha teżerċita fuq l-entità distinta inkwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, u min-naħa l-oħra, din l-entità għandha twettaq il-parti l-kbira tal-attività tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha (6).

30.      Kien abbażi ta’ din id-deroga li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li huwa impossibbli li jiġu esklużi a priori mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi r-relazzjonijiet stabbiliti bejn istituzzjonijiet tad-dritt pubbliku, irrispettivament min-natura tar-relazzjonijiet tagħhom (7).

31.      F’din il-kawża, huwa evidenti li, kif tiddikjara r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kuntratt inkwistjoni jikkostitwixxi mezz ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi statali. Madankollu ma jirriżultax minn din iċ-ċirkustanza biss li l-kuntratt inkwistjoni ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50. Konklużjoni kuntrarja tkun possibbli biss jekk jiġi ppruvat li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti għall-ewwel darba fis-sentenza Teckal huma sodisfatti.

32.      Kif tenfasizza ġustament ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, teżisti possibbiltà oħra biex awtorità pubblika li taqa’ taħt il-kuntest ta’ “awtorità kontraenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, tevita l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Din tikkonsisti f’sitwazzjoni fejn awtorità pubblika twettaq dmirijiet ta’ interess pubbliku li huma imposti fuqha mill-mezzi amministrattivi, tekniċi jew oħrajn tagħha, mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għall-entitajiet esterni li ma humiex parti mid-dipartimenti tagħha. Peress li f’tali każ ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ kuntratt għal interess pekunjarju konkluż ma’ entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti, ma hemmx lok li jiġu applikati r-regoli Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi (8).

33.      Dan ifisser li l-awtoritajiet pubbliċi ma humiex obbligati, fit-twettiq tal-funzjonijiet ta’ interess pubbliku, li jirrikorru għas-suq biex jiksbu l-forniment ta’ servizz. Huma għandhom l-possibbiltà li jagħżlu bejn li jirrikorru għall-mezzi tagħhom stess (f’dan il-każ, id-Direttiva 92/50 ma hijiex applikabbli) jew għas-suq.

34.      F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-opinjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li f’din il-kawża kooperazzjoni bejn żewġ entitajiet statali differenti għandha titqies bħala użu tal-mezzi tal-awtorità kontraenti stess. Id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg ma jistax jitqies bħala r-riżors tad-distretti kkonċernati, li huma l-awtoritajiet kontraenti.

B –    Kuntratti pubbliċi għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50

35.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li l-kuntratt inkwistjoni ma jikkostitwixxix kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, u dan għal tliet raġunijiet (9). Fl-ewwel lok, il-kuntratt jikkostitwixxi miżura interna ta’ kooperazzjoni iktar wiesgħa bejn korpi statali fi ħdan ir-reġjun metropolitan ta’ Hamburg. Fit-tieni lok, id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg ma għandhux, fir-rigward tal-kuntratt, il-kwalità ta’ fornitur ta’ servizz, iżda għall-kuntrarju joffri, bħala korp irregolat mid-dritt pubbliku responsabbli għar-rimi tal-iskart, assistenza amministrattiva lid-distretti li wkoll huma responsabbli mir-rimi tal-iskart. Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-kontenut tiegħu, il-kuntratt imur lil hinn minn kuntratt għal servizzi ordinarju.

36.      Jiena tal-fehma li dawn l-argumenti ma humiex tali li jinvalidaw il-konklużjoni, li l-kuntratt konkluż bejn l-erba’ distretti, minn naħa, u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50.

37.      Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-eżistenza ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 93/36 tippreżupponi l-eżistenza ta’ ftehim bejn żewġ persuni distinti (10).

38.      Din il-kundizzjoni hija sodisfatta b’mod ċar f’din il-kawża. Barra minn dan, is-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri l-irkupru tas-sħana mill-iskart, jaqa’ taħt is-servizzi msemmija fil-kategorija 16 tal-Anness I A tad-Direttiva.

39.      Peress li d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg ma jistax jitqies li huwa r-riżors tad-distretti stess (11), l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 ma tistax tiġi eskluża ħlief jekk ikunu sodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni tad-deroga msemmija fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

40.      B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-distretti jeżerċitawx fuq id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw fuq is-servizzi tagħhom stess u jekk id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg iwettaqx il-biċċa l-kbira tal-attività tiegħu għad-distretti.

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet ġiet mistoqsija dwar il-kundizzjoni ta’ “kontroll analogu”. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tagħha li biex jiġi evalwat jekk awtorità pubblika teżerċitax fuq l-entità konċessjonarja, kontroll analogu għal dak li teżerċita fid-dipartimenti tagħha stess, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kollha, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ. Minn dan l-eżami għandu jirriżulta li l-entità konċessjonarja inkwistjoni hija suġġetta għal kontroll li jippermetti lill-awtorità konċessjonarja li tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ din l-entità. Għandu jkun hemm lok għal possibbiltà ta’ influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din l-entità (12).

42.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sostniet, f’dan ir-rigward, li l-kundizzjoni ta’ kontroll analogu kienet sodisfatta, peress li d-distretti kkonċernati jeżerċitaw kontroll reċiproku fuq xulxin fil-livell tar-reġjun metropolitan ta’ Hamburg.

43.      Fuq dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li xejn ma jindika li d-distretti jipparteċipaw fid-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg u li b’hekk jeżerċitaw kontroll fuqu.

44.      Barra dan, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, id-dipartiment tat-toroq ma jwettaqx l-attivitajiet tiegħu favur id-distretti bis-saħħa ta’ xi liġi jew dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt pubbliku, iżda fuq il-bażi ta’ kuntratt. Il-kuntratt inkwistjoni jirrappreżenta l-unika rabta ġuridika bejn id-distretti u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, u dan il-kuntratt ma jagħti ebda possibbiltà għal kontroll min-naħa tad-distretti.

45.      Fil-fehma tiegħi, referenza ġenerali għall-għanijiet komuni hija nettament insuffiċjenti, u kontroll għandu jkollu bażi iktar sostanzjali.

46.      Il-prinċipju ta’ “ħlas għal servizz”, li fuqu hija bbażata l-kooperazzjoni fi ħdan ir-reġjun metropolitan ta’ Hamburg skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tippermetti lid-distretti li jeżerċitaw, l-iktar l-iktar, kontroll indirett fuq id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg.

47.      Peress li l-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni tad-deroga ma hijiex sodisfatta, fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk it-tieni kundizzjoni hijiex sodisfatta. Madankollu nfakkar li r-rimi tal-iskart jirrappreżenta biss parti mill-attivitajiet tad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg.

48.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma nsib ebda element li jista’ jwassal għall-konklużjoni li l-kuntratt inkwistjoni ma jikkostitwixxix kuntratt tas-servizz pubbliku fis-sens tad-Direttiva 92/50. Dan ifisser li l-għoti ta’ tali kuntratt seta’ jsir biss b’ħarsien tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

C –    Proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku

49.      Bħala ġustifikazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja terġa’ ssostni li d-distretti setgħu jikkonkludu l-kuntratt inkwistjoni biss mad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, li kellu sit garantit minħabba l-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament tal-iskart. Il-fatt li fir-reġjun metropolitan ta’ Hamburg ma kien jeżisti ebda sit ieħor għall-kostruzzjoni ta’ tali impjanti, u l-fatt li l-impjanti eżistenti ma kellhomx kapaċitajiet disponibbli, jikkostitwixxu raġuni teknika fis-sens tal-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 92/50 li tiġġustifika l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi permezz ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti.

50.      Jirriżulta b’mod ċar mill-istruttura tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/50 li l-paragrafu 3 tiegħu jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tinsab fil-paragrafu 4 tal-istess artikolu, li jgħid li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu l-kuntratti għal servizzi billi jirrikorru għall-proċedura miftuħa jew għall-proċedura ristretta.

51.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bħala deroga mir-regoli intiżi sabiex jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet irrikonoxxuti mit-Trattat KE fis-settur tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi, l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta u hija r-responsabbiltà ta’ min jixtieq jinvokahom biex iġib prova li effettivament jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw id-deroga (13).

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat l-eżistenza ta’ “raġunijiet tekniċi” fis-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li raġuni teknika relatata mal-ħarsien tal-ambjent tista’ tiġi kkunsidrata biex jiġi evalwat jekk il-kuntratt inkwistjoni setax jingħata biss lil fornitur partikolari. Huwa minnu li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx definizzjoni eżawrjenti ta’ raġunijiet tekniċi, iżda hija tat definizzjoni tagħhom fin-negattiv billi speċifikat il-fatti li ma jikkostitwixxux raġunijiet tekniċi fis-sens tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50.

53.      Fis-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (15), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fir-rigward tal-Artikolu 20(2)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku [għoti ta’ kuntratti] għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u telekomunikazzjoni (16), li tinkludi regola analoga għal dik stabbilita fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50, li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm speċifiċità teknika tax-xogħlijiet li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, li din l-ispeċifiċità teknika tirrendi assolutament neċessarju li l-imsemmi kuntratt jingħata lil impriża partikolari.

54.      Jiena tal-fehma, abbażi tal-ġurisprudenza ċċitata, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma stabbilixxitx li l-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/50 kienet iġġustifikata f’din il-kawża.

55.      Jekk jiġi aċċettat l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li huwa bbażat fuq id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (17), dan ikun ifisser li din id-direttiva tostakola l-effettività sħiħa tad-Direttiva 92/50.

D –    Id-Direttiva 92/50 bħala element li jostakola t-twettiq mid-distretti tal-funzjoni tar-rimi tal-iskart

56.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li d-distretti u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, bħala korpi rregolati mid-dritt pubbliku responsabbli għar-rimi tal-iskart, ma jistgħux iwettqu l-funzjoni tagħhom ħlief bil-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni. Id-Direttiva 92/50 tobbliga lid-distretti biex jagħtu kuntratt lill-fornitur li joffri l-prezzijiet l-iktar baxxi jew l-offerta li ekonomikament hija l-iktar vantaġġjuża fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa jew ristretta. B’hekk, l-obbligu li jirriżulta mid-Direttiva 92/50 biex issir sejħa għal offerti permezz ta’ proċedura miftuħa jew ristretta, jostakola t-twettiq tal-funzjoni tad-distretti u tad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg. Hija b’hekk issostni li, skont l-Artikolu 86(2) KE, dan ma japplikax bħala tali għad-distretti u għad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg.

57.      Fir-rigward tal-Artikolu 86(2) KE, li jipprovdi li kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli ta’ dan it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li fir-rigward ta’ dispożizzjoni li tippermetti, f’ċerti ċirkostanzi, deroga mir-regoli tat-Trattat, dan l-artikolu tat-Trattat għandu jiġi interpretat b’mod strett (18), u li l-Istat Membru jew l-impriża li jinvokaw dik id-dispożizzjoni għandhom l-oneru biex jippruvaw li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni huma sodisfatti (19).

58.      Jiena tal-fehma li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li hija għandha.

59.      Jidher li l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar dan il-punt huwa bbażat fuq żewġ premessi. Fl-ewwel lok, kieku ma sarx il-kuntratt inkwistjoni, la d-distretti u lanqas id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg ma kienu jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fir-rigward tar-rimi tal-iskart. Effettivament, l-impjant ta’ Rugenberger Damm ma kienx ikun jista’ jinbena mingħajr dan il-kuntratt. Fit-tieni lok, il-kuntratt inkwistjoni ma kienx jiġi konkluż kieku d-distretti għamlu sejħa għal offerti permezz ta’ proċedura miftuħa jew ristretta, għaliex fil-kuntest ta’ tali proċedura, il-kuntratt kien ikollu jingħata lill-fornitur li jippreżenta l-iktar prezz baxx jew l-iktar offerta ekonomikament vantaġġjuża.

60.      Fil-fehma tiegħi, kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni premessa huma żbaljati.

61.      Niddubita li l-kuntratt ikkontestat kien l-uniku mezz biex tkun tista’ titwettaq il-funzjoni fil-qasam tar-rimi tal-iskart. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, id-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg seta’ joffri l-kapaċitajiet liberi tagħhom lil klijenti oħrajn ukoll (20).

62.      Lanqas ma jidhirli li l-applikazzjoni tal-proċedura miftuħa jew ristretta kienet ser tostakola l-konklużjoni ta’ kuntratt bħal dak konkluż bejn id-distretti u d-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, inkwantu fil-kuntest ta’ tali proċeduri, il-kuntratt għandu jingħata lill-fornitur li jippreżenta l-iktar prezz baxx jew l-iktar offerta ekonomikament vantaġġjuża.

63.      Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kriterji li fuqhom l-awtorità kontraenti tista’ tibbaża biex tagħti kuntratti jistgħu jkunu, meta l-kuntratt jingħata lill-offerta li ekonomikament hija l-iktar vantaġġjuża, diversi u varjabbli skont il-kuntratt inkwistjoni, u li kull kriterju għall-għoti tal-kuntratt stipulat mill-awtorità kontraenti sabiex tiġi identifikata l-iktar offerta ekonomikament vantaġġjuża mhux neċessarjament trid tkun ta’ natura purament ekonomika (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja affermat espliċitament li l-awtorità kontraenti setgħet tikkunsidra kriterji dwar il-ħarsien tal-ambjent fid-diversi stadji tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (22).

VI – Konklużjoni

64.      Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi skont kif ġej:

–        tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 u tat-Titoli III sa VI tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi], billi l-Landkreise Harburg, Rotenburg (Wümme), Soltau-Fallingbostel u Stade kkonkludew direttament kuntratt dwar ir-rimi tal-iskart mad-dipartiment tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg u li dan il-kuntratt għal servizzi ma kienx suġġett għal sejħa għal offerti permezz ta’ proċedura miftuħa jew ristretta fuq livell tal-Komunità ;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż ;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, intervenjent, għall-ispejjeż tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2– ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”.


3 – Dawn huma d-Direttiva 92/50, id-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista [għal provvisti] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110) u d-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163). It-tliet direttivi parzjali ġew imħassra u ssostitwiti mid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).


4– Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121, punti 50 u51); tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 47).


5– Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1998, Mannesmann Anlagenbau Austria et (C‑44/96, Ġabra p. I-73, punt 32) u Stadt Halle u RPL Lochau (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 26).


6– Ara s-sentenzi Teckal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 50); tat-8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-337/05, Ġabra p. I-2173, punt 36) u s-sentenzi elenkati fiha u tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-371/05, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 22).


7– Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-84/03, Ġabra p. I-139, punt 40).


8– Ara s-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 48).


9– B’mod iktar preċiż, il-Ġermanja ssemmi erba’ raġunijiet, iżda fil-fehma tiegħi, l-argument dwar l-eżistenza ta’ “miżura interna” u dak li jsemmi “element ta’ kooperazzjoni iktar wiesgħa” huma strettament relatati.


10– Ara s-sentenzi Teckal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 49) u tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei (C-340/04, Ġabra p. I-4137, punt 32).


11– Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12– Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 65) ; Carbotermo u Consorzio Alisei (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 36), tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 24) u tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C-324/07, Ġabra p. I-8457,, punt 28).


13– Ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609, punt 58) u tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-126/03, Ġabra p. I-11197, punt 23).


14– Sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti  58 – 67).


15– Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-394/02, Ġabra p. I-4713, punt 34).


16– ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194.


17– ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23.


18– Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, GT-Link (C-242/95, Ġabra p. I-4449, punt 50) u tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco (C-340/99, Ġabra p. I-04109, punt 56).


19– Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C-159/94, Ġabra p. I-5815, punt 94) ; TNT Traco (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 59) u tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain (C-162/06, Ġabra p. I-9911, punt 49).


20 – Fl-aħħar mill-aħħar, seta’ ġie previst obbligu tas-servizzi tat-toroq tal-belt ta’ Hamburg, bħala awtorità kontraenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, biex tinħareġ sejħa għal offerti sabiex tinstab il-kwantità nieqsa ta’ skart.


21– Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland (C-513/99, Ġabra p. I-7213, punti 53 u 55).


22– Ara s-sentenzi Concordia Bus Finland (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 57) u tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 60).