Language of document : ECLI:EU:C:2009:343

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 81 (1) KE – Kunċett ta’ ‘prattika miftiehma’ – Rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir tal-impriżi fis-suq – Evalwazzjoni skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali – Natura suffiċjenti ta’ laqgħa waħda jew neċessità ta’ ftehim fit-tul u regolari”

Fil-Kawża C‑8/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Jannar 2008, fil-proċedura

T-Mobile Netherlands BV,

KPN Mobile NV,

Orange Nederland NV,

Vodafone Libertel NV

vs

Raad van bestuur van de Nederlandse Mededingingsautoriteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2009

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T-Mobile Netherlands BV, minn I. VerLoren van Themaat u V. H. Affourtit, advocaten,

–        għal KPN Mobile NV, minn B. J. H. Braeken u P. Glazener, advocaten,

–        għal Vodafone Libertel BV, minn G. van der Klis, advocaat,

–        għar-Raad van bestuur van de Nederlandse Mededingingsautoriteit, minn A. Prompers, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels kif ukoll minn Y. de Vries u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Bouquet u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Frar2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, T‑Mobile Netherlands BV (iktar ’il quddiem “T-Mobile”), KPN Mobile NV (iktar ’il quddiem “KPN”), Orange Nederland NV (iktar ’il quddiem “Orange”), u Vodafone Libertel NV (iktar ’il quddiem “Vodafone”) u, min-naħa l-oħra, ir-Raad van bestuur van de Nederlandse Mededingingsautoriteit (Awtorità Olandiża inkarigata mill-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem in-“NMa”) dwar il-multi li din tal-aħħar imponiet fuq dawn l-impriżi għaliex kisru l-Artikoli 81 KE u 6(1) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni (Mededingingswet), fil-verżjoni emendata tal-liġi tal-kompetizzjoni, (Wet houdende wijziging van de Mededingingswet), tad-9 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem il-“Mw”).

I –  Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Il-premessa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 432), tipprovdi:

“Sabiex jiżgura l-infurzar effetiv tal-liġijiet kompettitivi tal-Komunità u biex fl-istess ħin tirrispetta d-dritt fundamentali tad-difiża, dan ir-Regolament għandu jirregola l-piż tal-provi taħt l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat. […] Dan ir-Regolament ma jaffetwax l-liġijiet nazzjonali fuq l-istandard tal-provi u lanqas l-oblikazzjonijiet ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u qrati tal-Istati Membri biex jaċċertaw l-fatti relevanti tal-każ, iżda dawn il-liġijiet u obligazzjonijiet huma kumpattibli mal-prinċipji ġenerali tal-liġijiet tal-Komunità.”

4        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, imsejjaħ “L-oneru tal-prova”, jipprovdi:

“F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-Komunità għal-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) jew ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur. […]”

5        L-Artikolu 3 (1) u (2) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 tat-Trattat għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma. […]

2.      L-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma li jista jaffetwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat, […]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6        Skont l-Artikolu 1(h) tal-Mw, “prattika miftiehma” tfisser kull prattika miftiehma skont l-Artikolu 81(1) KE.

7        Skont l-Artikolu 6(1) tal-Mw, huma pprojbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki kollha miftiehma ta’ impriżi li għandhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq Olandiż jew fuq parti minnu.

8        Skont l-Artikolu 88 tal-Mw, in-NMa għandha s-setgħa li tapplika l-Artikolu 81 KE.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-fatti tal-kawża prinċipali

9        Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rappreżentanti tal-operaturi li joffru servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli fis-suq Olandiż iltaqgħu fit-13 ta’ Ġunju 2001.

10      F’dak iż-żmien, ħames operaturi kellhom netwerk tagħhom ta’ telefonija mobbli, jiġifieri, Ben Nederland BV (iktar ’il quddiem “Ben”, attwalment T-Mobile), KPN, Dutchtone NV (iktar ’il quddiem “Dutchtone”, attwalment Orange), Libertel-Vodafone NV (iktar ’il quddiem “Libertel-Vodafone”, attwalment Vodafone) u Telfort Mobiele BV [li saret O2 (Netherlands) BV, iktar ’il quddiem “02 (Netherlands)” u, attwalment, Telfort]. Fl-2001, is-sehem tas-suq ta’ dawn il-ħames operaturi kienu rispettivament ta’ 10.6 %, 42.1 %, 9.7 %, 26.1 % u 11.4 %.Peress li ma nħareġ l-ebda permess ġdid, il-ħolqien tas-sitt netwerk tat-telefonija mobbli ma kinitx tidher possibbli. L-aċċess għas-suq ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli ma kienx possibbli ħlief permezz ta’ kuntratt ma’ wieħed jew iżjed mill-ħames operaturi.

11      Il-provvista tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli tinqasam f’pakketti mħallsin minn qabel u abbonamenti. Il-karatteristika ta’ pakketti mħallsin minn qabel hija li klijent iħallas għall-komunikazzjonijet bil-quddiem. Fil-fatt, meta jixtri jew jerġa’ jimla kard imħallsa minn qabel, huwa jixtri kreditu ta’ minuti li bih ikun jista’ jċempel. Min-naħa l-oħra, abbonamenti mħallsin huma kkaratterizzati mill-fatt li lill-klijent jintbagħatlu wara kont għan-numru ta’ minuti użati f’perijodu partikolari; ġeneralment ikun hemm flimkien ma’ dan prezz ta’ abbonament fiss li jista’ jinkludi wkoll kreditu fir-rigward tal-minuti ta’ telefonati.

12      Fit-13 ta’ Ġunju 2001 saret laqgħa tar-rappreżentanti tal-operaturi li joffru servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli fis-suq Olandiż. Din il-laqgħa kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-kumpens standard għall-bejjiegħa għall-abbonamenti mħallsin, mill-1 ta’ Settembru 2001 jew għal ħabta ta’ din il-ġurnata ’l quddiem. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawk preżenti f’din il-laqgħa ddiskutew ukoll numru ta’ affarijiet kunfidenzjali.

13      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2002 in-NMa sabet li Ben, Dutchtone, KPN, O2 (Netherlands) u Libertel-Vodafone kienu ftiehmu bejniethom jew daħlu fi prattika miftiehma. Peress li n-NMA kkunsidrat li dawn kienu jirrestrinġu b’mod kunsiderevoli l-kompetizzjoni u kienu għalhekk ipprojbiti mill-Artikolu 6(1) tal-Mw, hija imponiet multi fuq dawn l-impriżi.

14      L-imsemmija impriżi kkontestaw din id-deċiżjoni tan-NMa.

15      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2004, in-NMa ddikjarat li l-motivi ppreżentati minn T‑Mobile, KPN, Orange, Libertel-Vodafone u 02 (Netherlands) kienu parzjalment fondati u hija kkonstatat li l-prattiki spjegati fid-deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2002 jikkostitwixxu ksur mhux biss tal-Artikolu 6 tal-Mw, imma wkoll tal-Artikolu 81(1) KE. B’hekk in-NMa, filwaqt li żammet il-multi imposti fuq dawn il-kumpanniji, naqqset l-ammont tagħhom.

16      T-Mobile, Orange, Vodafone u Telfort ippreżentaw rikors quddiem ir-Rechtbank te Rotterdam (Tribunal ta’ Rotterdam) kontra d-deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2004. Dan tal-aħħar, b’sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, annulla din id-deċiżjoni u bagħat il-kawża lin-NMa sabiex hija taqtagħha mill-ġdid.

17      T-Mobile, KPN, Orange u n-NMa appellaw din is-sentenza quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, li għandha tevalwa jekk il-kunċett ta’ prattika miftiehma ġiex interpretat b’mod korrett fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

 Il-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju

18      Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iqis li huwa għandu jiddetermina, minn naħa, jekk l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-abbonamenti, waqt il-laqgħa tat-13 ta’ Ġunju 2001, kellux bħala suġġett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u jekk n-NMa mxietx sew meta ma eżaminatx ir-riżultat tal-prattika miftiehma, u min-naħa l-oħra, jekk teżistix rabta kawżali bejn din il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq tal-operaturi kkonċernati.

19      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-prattika miftiehma inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-prezzijiet bl-imnut applikabbli mill-impriżi kkonċernati jew it-tariffi tal-abbonament li l-imsemmija impriżi jibagħtu lill-konsumaturi finali. Fir-realtà, hija tirrigwarda l-ħlas li dawn l-operaturi bi ħsiebhom jagħtu lill-bejjiegħa għall-prestazzjonijiet tas-servizzi li huma jagħmlu għall-operaturi. Għalhekk, l-imsemmija qorti tenfasizza li l-prattika miftiehma ma għandhiex titqies li għandha direttament bħala għan li l-prezzijiet tal-abbonament fis-suq tal-imnut jiġi ddeterminat.

20      Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven jindika wkoll li huwa għandu dubji dwar il-fatt li l-prattika miftiehma tal-operaturi inkwistjoni, li tirrigwarda l-ħlas mogħti lill-bejjiegħa għall-bejgħ tal-abbonamenti, tista’ tiġi kkunsidrata li għandha bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt huwa jsostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-kompetizzjoni, tista’ tiġi interpretata fis-sens li akkordju jew prattika miftiehma tirrestrinġi l-kompetizzjoni jekk l-esperjenza turi li l-imsemmi akkordju jew l-imsemmija prattika miftiehma jkollha dejjem jew kważi dejjem bħala riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi ekonomiċi. Dan huwa l-każ, skont il-qorti tar-rinviju, meta l-konsegwenzi ta’ dannu reali ma jkunux jistgħu jiġu miċħuda u jseħħu jkunu xi jkunu l-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni. Skont din il-qorti, l-analiżi tar-riżultat ta’ prattika miftiehma għandha dejjem issir sabiex jiġi evitat li aġir, li ma jkollu l-ebda riżultat restrittiv, ma jitqisx li jkollu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

21      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq tal-impriżi, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar ir-rilevanza tal-preżunzjoni indikata fis-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, (C 49/92 P, Ġabra p. I‑4125), u Hüls vs Il-Kummissjoni (C-199/92 P, Ġabra p. I‑4287), li tipprovdi li, sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq, l-impriżi li pparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jkunu baqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni maqsuma mal-kompetituri tagħhom, bla ħsara għall-prova kontrarja li għandha titressaq mill-operaturi interessati. Dan il-fatt ikun iktar minnu meta l-prattika miftiehma sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu ta’ żmien twil. L-imsemmija qorti tistaqsi jekk, skont id-dritt Komunitarju, hija għandhiex tapplika din il-preżunzjoni anki jekk jeżistu dispożizzjonijiet nazzjonali differenti fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-prova, u jekk it-tali preżunzjoni hijiex applikabbli għal sitwazzjonijiet meta laqgħa waħda biss isservi bħala bażi għal din il-prattika miftiehma.

22      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-kawża quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, liema huma l-kriterji li jeħtieġ li jitqiesu sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma għandhiex l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni?

2)      L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens illi, fil-kuntest tal-artikolu msemmi mill-qorti nazzjonali, il-prova ta’ rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq għandha ssir u tiġi evalwata skont normi tal-liġi nazzjonali, dejjem jekk dawn l-istess regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal proċeduri simili ta’ natura interna u li dawn ma jagħmluhiex prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja?

3)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ prattika miftiehma skont l-Artikolu 81 KE, il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn il-“prattika miftiehma” u l-aġir fis-suq tapplika dejjem, anki meta l-prattika miftiehma tkun ta’ darba biss, u l-impriża li tkun ħadet sehem tibqa’ attiva fis-suq, jew din il-preżunzjoni tapplika biss meta l-prattika miftiehma sseħħ b’mod regolari u għal tul ta’ żmien?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

23      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kunċetti ta’ “akkordji”, ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi” u ta’ “prattika miftiehma” huma, mil-lat suġġettiv, forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li ma jistgħux jiġu distinti ħlief mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 131).

24      Għalhekk, kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi evalwat jekk aġir għandux bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni japplikaw kemm jekk dan ikun akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà pprovdiet numru ta’ kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma għandhiex natura antikompetittiva.

26      Fir-rigward tat-tifsira ta’ prattika miftiehma, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali prattika tikkonsisti f’forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma jkunu waslu għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 26, u tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 63).

27      L-attenzjoni, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva ta’ prattika miftiehma, għandha tingħata lill-kontenut tad-dispożizzjonijiet li joħolquha, lill-għanijiet li hija tfittex li tikseb, u lill-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih tinsab (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 25, kif ukoll tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C-209/07, Ġabra p. I-8637, punti 16 u 21). Barra minn hekk, għalkemm l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element deċiżiv sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ prattika miftiehma, xejn ma jwaqqaf lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jew lill-qrati Komunitarji milli jikkunsidraw din l-intenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 sa 25).

28      Għandu jiġi mfakkar, fir-rigward tad-delimitazzjoni bejn prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv u dawk li għandhom riżultat antikompetittiv, li l-għan u r-riżultat antikompetittiv huma kundizzjonijiet li mhumiex kumulattivi, imma alternattivi sabiex jiġi evalwat jekk prattika hijiex ipprojbita skont l-Artikolu 81(1) KE. Skont ġurisprudenza li ġiet stabbilita u li għadha qed tiġi applikat permezz tas-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337, 359), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, enfasizzata mill-konġunzjoni “jew”, għandha twassal sabiex qabel kollox jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-prattika miftiehma, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih dan għandu jiġi applikat. Madankollu, fil-każ fejn mill-eżami tal-klawżoli ta’ din il-prattika miftiehma ma jirriżultax livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu eżaminati, għaldaqstant, l-effetti tagħhom u, sabiex dan ikun ipprojbit, għandhom jissodisfaw l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni tkun effettivament ġiet jew ipprevenuta jew ristretta jew inkella mgħawġa b’mod kunsiderevoli (ara, f’dan is-sens, sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

29      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fl-evalwazzjoni ta’ jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fis-suq meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496, tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punt 125, kif ukoll Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitat iktar ’il fuq, punt 16). Id-distinzjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba r-riżultat” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li tallega l-qorti tar-rinviju, ma hemmx bżonn li r-riżultat ta’ prattika miftiehma jiġi analizzat ladarba l-għan antikompetittiv jiġi stabbilit.

31      L-ewwel nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma, bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar, kif tirrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, illi, sabiex ikun hemm għan antikompetittiv, huwa biżżejjed li prattika miftiehma tkun tista’ tipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, il-prattika miftiehma għandha sempliċiment tkun tista’, b’mod konkret u fid-dawl tal-kuntest speċifiku legali u ekonomiku, tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni fis-suq komuni. Il-kwistjoni dwar jekk u f’liema miżura tali effett jipproduċi ruħu realment ma jistax ikollu importanza ħlief sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa u sabiex jiġu evalwati d-drittijiet għal kumpens u l-interessi.

32      It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri, li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jsawru prattika miftiehma għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-kunċett inerenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni, li jipprovdu li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina awtonomament il-politika li bi ħsiebu jadotta fis-suq (ara s-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 173; tal-14 ta’ Lulju 1981, Züchner, 172/80, Ġabra p. 2021, punt 13, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C 7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 86).

33      Jekk dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi milli jadattaw ruħhom b’mod għaqli għall-aġir ikkonstatat jew prevedibbli tal-kompetituri tagħhom, huwa jipprekludi, madankollu, b’mod nett kull kuntatt dirett jew indirett bejn dawn l-operaturi ekonomiċi li bih impriża tinfluwenza l-aġir fis-suq tal-kompetituri attwali jew potenzjali, jew tiżvela lil dan il-kompetitur id-deċiżjonijiet jew id-deliberazzjonijiet tagħha dwar l-aġir tagħha fis-suq, meta dan il-kuntatt ikollu bħala għan li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jkunux dawk normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza u tan-numru ta’ impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 174, Züchner, punt 14, u Deere vs Il-Kummissjoni, punt 87).

34      Fil-punti 88 et seq tas-sentenza Deere vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti ddeċidiet ukoll li, f’suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna, kif inhu s-suq fil-kawża prinċipali, l-iskambju ta’ informazzjoni jippermetti lill-impriżi biex isiru jafu l-pożizzjonijiet fis-suq u l-istrateġiji kummerċjali tal-kompetituri tagħhom u b’hekk jgħawġu b’mod kunsiderevoli l-kompetizzjoni li teżisti bejn l-operaturi ekonomiċi.

35      Isegwi li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jista’ jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jelimina l-inċertezza ta’ kif jaħdem is-suq inkwistjoni u b’hekk jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn l-impriżi (ara s-sentenzi Deere vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 81).

36      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-possibbiltà li prattika miftiehma titqies li għandha għan antikompetittiv anki jekk din tal-aħħar ma jkollha l-ebda rabta mal-prezz bl-imnut, li l-kliem tal-Artikolu 81(1) KE ma jippermettix li jiġu kkunsidrati bħala pprojbti biss il-prattiki miftiehma li għandhom effett dirett fuq il-prezz mħallas mill-konsumatur finali.

37      Anzi, joħroġ mill-imsemmi Artikolu 81(1)(a) KE li prattika miftehma jista’ jkollha għan antikompetittiv meta jkun hemm “l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju”. Fil-kawża preżenti, kif isostni wkoll il-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, jidher li, għall-abbonamenti, il-ħlas lill-bejjiegħa huwa element determinanti fir-rigward tal-iffissar tal-prezz li l-konsumatur finali sejjer iħallas.

38      F’kull każ, kif l-Avukat Ġenerali tirrileva wkoll fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 81 KE, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni tat-Trattat, mhuwiex intiż primarjament sabiex jipproteġi l-interessi immedjati ta’ kompetituri jew konsumaturi, imma biex tiġi protetta l-istruttura tas-suq u għalhekk il-kompetizzjoni bħala tali.

39      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li l-qorti tar-rinviju kkunsidrat, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma mhijiex issubordonata għal dik tar-rabta diretta bejnha u l-prezz bl-imnut.

40      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument ta’ Vodafone li jgħid li l-prattika miftiehma inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni għaliex il-ħlas standard lill-bejjiegħa kellu, f’kull każ, jitnaqqas minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq, jirriżulta b’mod konkret, mill-punt 33 tas-sentenza preżenti, li r-rekwiżit ta’ awtonomija tal-operaturi ekonomiċi ma jeskludix id-dritt ta’ dawn tal-aħħar milli jadattaw ruħhom b’mod għaqli għall-aġir ikkonstatat jew prevedibbli tal-kompetituri tagħhom.

41      Madankollu, kif irrilevat ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 sa 68 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm huwa minnu li mhux kull aġir parallel ta’ kompetituri fis-suq huwa attribwibbli għall-fatt li l-kompetituri jkunu adottaw prattika miftiehma b’għan antikompetittiv, hemm lok li jitqies li jkun hemm għan antikompetittiv meta l-iskambju ta’ informazzjoni jkun jista’ jelimina l-inċertezza f’moħħ il-partijiet ikkonċernati fir-rigward tad-data, tal-portata u tad-dettalji tat-tibdil li l-impriża kkonċernata bi ħsiebha tadotta, kif ukoll meta, bħal fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni tirrigwarda t-tnaqqis tal-kumpens standard tal-bejjiegħa.

42      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fil-kawża prinċipali, l-iskambju ta’ informazzjoni matul il-laqgħa tat-13 ta’ Ġunju 2001 setgħetx telimina din l-inċertezza.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li prattika miftiehma għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE meta, skont il-kontenut u l-iskopijiet tagħha u fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku tagħha, tista’, b’mod konkret, tirriżulta fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. F’dan ir-rigward, mhuwiex neċessarju li l-kompetizzjoni tkun verament ipprevenuta, ristretta jew mgħawġa u lanqas li jkun hemm rabta diretta bejn il-prattika miftiehma u l-prezzijiet bl-imnut. Skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jkollu għan antikompetittiv jekk l-iskambju jkun jista’ jneħħi l-inċertezzi eżistenti dwar l-aġir ippjanat fis-suq mill-impriżi kkonċernati.

 Fuq it-tieni domanda

44      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, fil-kuntest tal-analiżi tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq tal-impriżi li jipparteċipaw fih, rabta li hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, il-qorti nazzjonali għandhiex tapplika l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li l-iskambju mal-kompetituri għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta huma jkunu baqgħu attivi fis-suq, jew jekk tistax tapplika r-regoli tal-oneru tal-prova skont id-dritt nazzjonali.

45      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha fil-punt 76, din id-domanda hija intiża sabiex tiċċara jekk il-preżunzjoni li l-qrati Komunitarju japplikaw għandhiex tiġi applikata wkoll mill-qrati u awtoritajiet nazzjonali meta huma jkunu qed japplikaw l-Artikolu 81(1) KE.

46      Skont il-qorti tar-rinviju, jekk l-imsemmija preżunzjoni tifforma parti integrali mill-kunċett tal-prattika miftiehma tal-Artikolu 81(1) KE, il-qorti nazzjonali għandha tapplikaha. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li huwa legalment possibbli għall-qorti nazzjonali, abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali għall-Istati Membri, li ma tapplikax din il-preżunzjoni fil-każ li din titqies li hija regola proċedurali.

47      Vodafone, T-Mobile u KPN josservaw li l-ebda element fl-Artikolu 81(1) jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jsostni l-argument li l-preżunzjoni kawżali hija parti intergrali mill-kunċett ta’ prattika miftiehma tal-Artikolu 81(1) KE. Huma jqisu, b’hekk, li skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fuq is-suġġett, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati kompetenti u li għandha tistabbilixxi l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li kisbu l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, u għaldaqstant, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività).

48      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jqisu li l-preżunzjoni kawżali tifforma parti integrali mill-kunċett tal-prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u mhijiex regola proċedurali awtonoma minn dan il-kunċett, b’mod illi din il-preżunzjoni għandha tiġi applikata mill-qrati nazzjonali.

49      F’dan ir-rigward hemm lok li qabel kollox jiġi mfakkar li l-Artikolu 81 KE, minn naħa, jipproduċi effetti diretti fuq ir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-individwi kkonċernati li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu, u li, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ ordni pubbliku, indispensabbli sabiex jintlaħqu l-funzjonijiet fdati lill-Komunità, li għandha tiġi applikata ex officio mill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss, C-126/97, Ġabra p. I‑3055, punti 36 u 39, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C 295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I‑6619, punti 31 u 39).

50      Għalhekk, l-interpertazzjoni li tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja meta tapplika l-Artikolu 81 KE hija mandatorja għal kull qorti tal-Istati Membri.

51      Fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ rabta kawżali fformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jiġi qabel kollox imfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, kif jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li l-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, barra l-prattika miftiehma bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jseħħ wara din il-prattika miftiehma u rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ elementi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentament ikkunsidrat li jista’ jiġi preżunt illi, sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq, l-impriżi li pparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jkunu baqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom; din il-preżunzju hija suġġetta għal prova kontrarja li għandha titressaq mill-operaturi interessati li jużawha. Dan il-fatt huwa iktar minnu meta l-prattika miftiehma sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu ta’ żmien twil. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali prattika miftiehma taqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ riżultat antikompetittiv fis-suq (ara s-sentenza Hüls, iċċitata iktar ’il fuq, punti 161 sa 163).

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali tirriżulta mill-Artikolu 81(1) KE hekk kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja u li, għalhekk, hija parti integrali mid-dritt Komunitarju applikabbli.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, fil-kuntest tal-eżami tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq li fih l-impriżi jipparteċipaw, rabta li hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, il-qorti nazzjonali għandha, bla ħsara għall-preżunzjoni konfutabbli li teżiġi li huma l-impriżi kkonċernati li għandhom jipprovaw il-kuntrarju, tapplika l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li meta l-imsemmija impriżi jibqgħu attivi fis-suq huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom.

 Fuq it-tielet domanda

54      Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ prattika miftiehma tal-Artikolu 81(1) KE, il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir tal-impriżi kkonċernati fis-suq tapplika dejjem, anki jekk il-prattika miftiehma hija bbażata fuq laqgħa waħda biss.

55      Vodafone, T-Mobile u KPN essenzjalment iqisu li mhuwiex possibbli li jiġi dedott mis-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, u Hüls li l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali hija dejjem applikabbli. Skonthom, l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet meta l-fatti u ċ-ċirkustanzi jkunu identiċi ma’ dawk tal-imsemmija sentenzi. Huma essenzjalment isostnu li huwa biss fil-każ fejn l-impriżi jiltaqgħu regolarment, u li fil-laqgħat preċedenti jaqsmu u jsiru jafu b’informazzjoni kunfidenzjali ta’ xulxin, li huwa possibbli li jiġi preżunt li dawn l-impriżi aġixxew flimkien fis-suq abbażi ta’ prattika miftiehma. Barra minn hekk, huma jqisu li huwa irrazzjonali li jiġi kkunsidrat li impriża tista’ tibbaża l-aġir tagħha fis-suq fuq informazzjoni skambjata tul laqgħa waħda, iktar u iktar meta, bħal fil-kawża preżenti, il-laqgħa jkollha għan leċitu.

56      Min-naħa l-oħra, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jsostnu li jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni u Hüls li l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali ma tiddependix min-numru tal-laqgħat li jifformaw il-bażi tal-prattika miftiehma. Huma josservaw li l-imsemmija preżunzjoni hija ġustifikata jekk il-kuntatti li jkunu saru, fid-dawl tal-kuntest tagħhom, tal-kontenut tagħhom, u tan-numru tagħhom, ikunu biżżejjed sabiex iwasslu għal koordinament fl-aġir fis-suq li jista’ jippreveni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u jekk, barra minn hekk, l-impriżi kkonċernati jkunu baqgħu attivi fis-suq.

57      Skont il-Gvern Olandiż, il-kawża prinċipali hija rappreżentazzjoni perfetta tal-fatt li laqgħa waħda hija biżżejjed sabiex ikun hemm prattika miftiehma. Minn naħa, il-laqgħa tat-13 ta’ Ġunju 2001 ippermettiet lill-operaturi kkonċernati jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-ħlas għall-bejjiegħa. Min-naħa l-oħra, din il-laqgħa ppermettiet ukoll li jitneħħew l-inċertezzi dwar il-kwistjoni ta’ min mill-operaturi sejjer inaqqas l-ispejjeż tal-ingaġġ tiegħu, meta u b’kemm dawn tal-aħħar sejrin jagħmlu hekk, kif ukoll dwar iż-żmien meta l-kompetituri l-oħra kkonċernati kienu sejrin jaġixxu fuq il-passi ta’ xulxin.

58      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-punti 162 tas-sentenza Hüls, iċċitata iktar ’il fuq, u 121 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, li kull ma għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja huwa li rabtet l-applikazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni mal-eżistenza ta’ prattika miftiehma u mal-fatt li l-impriżi jibqgħu attivi fis-suq. Iż-żieda tal-kliem “[i]ktar u iktar meta din il-prattika miftiehma sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil”, li bl-ebda mod ma tissostanzja l-argument li jipprovdi li l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali hija applikabbli biss fil-każ fejn l-impriżi jiltaqgħu b’mod regolari, għandha neċessarjament tiġi interpretata fis-sens li din il-preżunzjoni hija msaħħa meta l-impriżi jkunu kkonkordaw l-aġir tagħhom fuq bażi regolari matul perijodu twil.

59      Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal, essenzjalment, sabiex skambju iżolat ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jispiċċa biex qatt ma jitqies li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni previsti fit-Trattat. Issa, ma għandux jiġi eskluż, skont l-istruttura tas-suq, li kuntatt ta’ darba, bħal fil-kawża prinċipali, jista’, bħala regola, jkun biżżejjed sabiex l-impriżi kkonċernati jiftiehmu dwar l-aġir tagħhom fis-suq u b’hekk jissostitwixxu intenzjonalment il-kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjon li dan jimplika.

60      Kif qalu tajjeb il-Gvern Olandiż u l-Avukat Generali fil-punti 104 u 105 tal-konklużjonijiet tagħha, huma kemm l-għan tal-prattika miftiehma kif ukoll iċ-ċirkustanzi proprji tas-suq li jispjegaw in-numru, il-frekwenza, u l-forma tal-laqgħat li bihom il-kompetituri jidħlu f’kuntatt ma’ xulxin sabiex jaslu għal ftehim dwar l-aġir tagħhom fis-suq. Fil-fatt, jekk l-impriżi kkonċernati jistabbilixxu kartell b’sistema kumplessa u soffistikata ta’ azzjonijiet miftiehma fit-tul fir-rigward ta’ numru ta’ aspetti tal-kondotta fis-suq tagħhom, jistgħu jkunu meħtieġa laqgħat regolari matul perijodu twil. Jekk, min-naħa l-oħra, bħal f’dan il-każ, il-prattika miftiehma hija speċifika u intiża sabiex tarmonizza biss l-aġir fis-suq fir-rigward ta’ parametru iżolat tal-kompetizzjoni, kuntatt ta’ darba jista’ jkun biżżejjed sabiex l-għan antikompetittiv imfittex mill-impriżi kkonċernati jintlaħaq.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dak li jiswa mhuwiex in-numru tal-laqgħat bejn l-impriżi kkonċernati imma l-kwistjoni ta’ jekk il-kuntatt jew kuntatti li seħħ jew seħħew offrewx lil dawn tal-aħħar il-possibbiltà li jikkunsidraw l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni u biex jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għad-dannu tal-kompetizzjoni. Malli jkun jista’ jiġi stabbilit li dawn l-impriżi waslu għal prattika miftiehma u li baqgħu attivi fis-suq, isir neċessarju li l-impriżi jipproduċu l-prova meħtieġa sabiex juru li l-prattika miftiehma ma kellhiex influwenza fuq l-aġir tagħhom fl-imsemmi suq.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha li saru iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, kemm-il darba l-impriża li pparteċipat fil-prattika miftiehma tkun għadha attiva fis-suq inkwistjoni, il-preżunzjoni tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir ta’ dik l-impriża fis-suq hija applikabbli anki jekk il-prattika miftiehma tkun ibbażata biss fuq laqgħa waħda bejn l-impriżi kkonċernati.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Prattika miftiehma għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, meta, skont il-kontenut u l-iskopijiet tagħha u fid-dawl tal-kuntest legali u ekonomiku tagħha, tista’, b’mod konkret, tirriżulta fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li l-kompetizzjoni tkun verament ipprevenuta, ristretta jew mgħawġa u lanqas li jkun hemm rabta diretta bejn il-prattika miftiehma u l-prezzijiet bl-imnut. Skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jkollu għan antikompetittiv jekk l-iskambju jkun jista’ jneħħi l-inċertezzi eżistenti dwar l-aġir ippjanat fis-suq mill-impriżi kkonċernati.

2)      Fil-kuntest tal-analiżi tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq li fih l-impriżi jipparteċipaw, rabta li hija meħtieġa sabiex tiġi stabbilita prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, il-qorti nazzjonali għandha, fid-dawl tal-preżunzjoni konfutabbli li teżiġi li huma l-impriżi kkonċernati li għandhom jipprovaw il-kuntrarju, tapplika l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li meta l-imsemmija impriżi jibqgħu attivi fis-suq huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom.

3)      Kemm-il darba l-impriża li tkun ipparteċipat fil-prattika miftiehma tkun għadha attiva fis-suq inkwistjoni, il-preżunzjoni tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir ta’ dik l-impriża fis-suq hija applikabbli anki jekk il-prattika miftiehma tkun ibbażata biss fuq laqgħa waħda bejn l-impriżi kkonċernati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.