Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Mejju 2007 - KONE et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-151/07)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: KONE Corp. (Helsinki, il-Finlandja), KONE GmbH (Hannover, il-Ġermanija) u KONE BV (L-Aja, l-Olanda) (rappreżentanti: T. Vinje, Solicitor, D. Paemen, J. Schindler, B. Nijs, Avukati, J. Flynn, QC u D. Scannell, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

tannulla l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni safejn din timponi multa fuq KONE Corporation u KONE Gmbh, u jew ma timponi ebda multa, jew timponi multa ta' ammont inqas minn dak stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummisjoni;

tannulla l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummisjoni safejn din timponi multa fuq KONE Corporation u KONE BV, u timponi multa ta' ammont inqas minn dak stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummisjoni

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali, skond l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 finali, tal-21 ta' Frar 2007 (Każ COMP/E-1/38.823- PO/Elevators and Escalators), li abbażi tagħha r-rikorrenti, flimkien ma impriżi oħra, inżammu responsabbli għas-sehem tagħhom f'erba' vjolazzjonijet individwali, kumplessi u kontinwi ta' l-Artikolu 81(1) KE billi qassmu s-swieq bis-saħħa ta' akkordju u/jew prattiċi miftiehma dwar l-attribuzzjoni ta' sejħiet għal offerti u ta' kuntratti ta' bejgħ, installazzjoni, manutenzjoni u immoderniżżar ta' lifts u skalaturi.

Ir-rikorrenti, KONE Corporation u s-sussidjarji tagħha, KONE GmbH u KONE BV, jikkontestaw id-deċiżjoni in kwistjoni safejn din tikkonċerna l-impożizzjoni tal-multi fuq KONE bħala entità waħda minħabba li ħadet sehem fi vjolazzjonijet fil-Ġermanja u fl-Olanda.

Fir-rigward tal-vjolazzjoni li seħħet fil-Ġermanja, ir-rikorrenti jissottomettu li l-Kummissjoni ħadet żball meta ddeterminat l-ammont tal-multa. B' mod partikolari, ir-rikorrenti isostnu, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni applikat b'mod ħażin il-Komunikazzjoni fuq il-Koperazzjoni ta' l-20021 minħabba li (i) kellha tagħti immunità lil KONE skond l-Artikolu 8(b) u l-Artikolu 8(a) tal-Komunikazzjoni; jew alternattivament; (ii) kien imissha naqqset il-multa tar-rikorrenti skond l-aħħar paragrafu tal-punt 23 ta' l-imsemmija Komunikazzjoni.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat b'mod ħażin il-Linji Gwida ta' l-1998 dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA2 (aktar 'il quddiem "il-Linji Gwida dwar il-multi") minħabba li (i) allegatament, hija naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni id-daqs tas-suq affetwat meta ffissat il-multa; u li (ii) naqset milli tirrikonoxxi, kif suppost, in-nuqqas ta' konstestazzjoni tal-fatti min-naħa tar-rikorrenti, kif jindika l-għoti ta' tnaqqis ta' 1% fir-rigward ta' din il-kontribuzzjoni.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli tosserva prinċipji bażiċi tad-dritt Komunitarju peress li (i) injorat il-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi billi naqset milli tinformahom tempestivament li ma kienx ser ikun hemm immunità; billi (ii) injorat il-prinċipju ta' trattament ugwali billi ttrattat b'mod differenti lill-kumpanniji li talbu l-immunità u li kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni; u billi (iii) injorat id-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti billi ċaħditilhom l-aċċess għad-dokumenti.

Fir-rigward tal-vjolazzjoni li seħħet fl-Olanda, ir-rikorrenti isostnu li l-Kummissjoni ħadet żball billi ċaħditilhom kwalunkwe tnaqqis fil-multa u billi ffissat il-multa għal EUR 79,750,000. B'mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni applikat b'mod ħażin il-Komunikazzjoni fuq il-Koperazzjoni ta' l-2002 peress li naqset milli tnaqqas il-multi tar-rikorrenti bħala rikonoxximent għall-fatt li r-rikorrenti ippreżentaw informazzjoni u kkooperaw waqt il-proċedura amministrattiva. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta' trattament ugwali. Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni applikat b'mod ħażin il- Linji Gwida dwar il-multi ta' l-1998 billi naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti favur ir-rikorrenti, u billi naqset milli tirrikonoxxi, kif suppost, il-fatt li r-rikorrenti ma kkontestawx il-fatti.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU 2002, C 45, p.3)

2 - ĠU 1998 C9, p.3.