Language of document : ECLI:EU:C:2012:711

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Novembru 2012 (*)

Werrej


I – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Reżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtŕ tan-Nazzjonijiet Uniti

B – Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

C – Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-atti kontenzjużi

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

IV – It-talbiet tal-partijiet u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V – Fuq l-appelli

A – Fuq l-appell tal-appellanta (C‑539/10 P)

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

B – Fuq l-appell tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (C‑550/10 P)

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a) Interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

b) Rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

C – Fuq l-appell inċidentali allegat mill-appellanta fil-kawża C‑550/10 P

VI – Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

A – Fuq l-ewwel motiv

B – Fuq it-tielet motiv

C – Fuq it-tieni u r-raba’ motivi

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

D – Fuq il-ħames motiv

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

VII – Fuq l-ispejjeż

“Appell – Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Ġlieda kontra t-terroriżmu – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet – Iffriżar ta’ fondi – Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Artikolu 1(4) u (6) – Regolament (KE) Nru 2580/2001 – Artikolu 2(3) – Inklużjoni ta’ organizzazzjoni fil-lista ta’ persuni, ta’ gruppi u ta’ entitajiet involuti f’atti terroristiċi – Kundizzjonijiet – Deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti – Tħassir ta’ miżura nazzjonali – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà tal-appell – Dritt għar-rispett tal-proprjetà – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Artikolu 253 KE – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑539/10 P u C‑550/10 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressqa rispettivament fit-18 u t-23 ta’ Novembru 2010,

Stichting Al-Aqsa (C‑539/10 P), stabbilita f’Heerlen (il-Pajjizi l-Baxxi), irrappreżentata minn J. G. Uiterwaal u A M. van Eik, advocaten,

appellanta,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan kif ukoll minn B. Driessen u R. Szostak, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. M. Wissels, u M. Bulterman, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u P. van Nuffel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (C‑550/10 P), irrappreżentat minn C. M. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Stichting Al-Aqsa, stabbilita f’Heerlen (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn A. M. van Eik, advocaat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan kif ukoll minn B. Driessen u R. Szostak, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Boelaert u P. van Nuffel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta,. li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, Stichting Al-Aqsa (iktar ’il quddiem l-“appellanta”) (C‑539/10 P) u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (C‑550/10 P) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Settembru 2010, Al-Aqsa vs Il-Kunsill (T‑348/07, Ġabra p. II‑4575, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/445/KE, tat-28 ta’ Ġunju 2007, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tirrevoka d-Deċiżjonijiet 2006/379/KE u 2006/1008/KE (ĠU L 169, p. 58),

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/868/KE tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/445/KE (ĠU L 340, p. 100),

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta’ Lulju 2008, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2007/868/KE (ĠU L 188, p. 21),

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/62/KE, tas-26 ta’ Jannar 2009, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/583/KE (ĠU L 23, p. 25), kif ukoll

–        ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 501/2009 tal-15 ta’ Ġunju 2009, li jimplementa l-Artikolu 2(3), tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar id-Deċiżjoni 2009/62 (ĠU L 151, p. 14)

(iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”), sa fejn dawn l-atti jirrigwardaw l-appellanta.

I –  Il-kuntest ġuridiku

A –  Ir-Reżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

2        Fit-28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) li tistabbilixxi strateġiji fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u, b’mod partikolari, kontra l-iffinanzjar tiegħu. Il-paragrafu 1(ċ) ta’ din ir-Riżoluzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra jew ir-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu atti terroristiċi, jew li jipparteċipaw jew jiffaċilitaw it-twettiq ta’ atti terroristiċi, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew ikkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew huma mmexxija, minn dawn il-persuni u entitajiet.

3        L-imsemmija riżoluzzjoni ma tistabbilixxix lista ta’ persuni li fil-konfront tagħhom għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri restrittivi.

B –  Il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK

4        Sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta fis-27 ta’ Diċembru 2001, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217).

5        Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, din tapplika għal “persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi u mniżżla fl-Anness”. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jiddefinixxi dak li għandu jiġi mifhum b’“persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi”.

6        L-Artikolu 1(3), (4) u (6), tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprovdi:

“3.      Għall-fini ta’ din il-Pożizzjoni Komuni, att terroristiku għandu jfisser wieħed minn dawn l-azzjonijiet intenzjonati li ġejjin, li, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, definit bħala offiża kontra ċ-ċittadini, fejn imwettaq bi skop li:

i)      jintimida serjament lill-popolazzjoni, jew

ii)      jostakola organizzazzjoni governattiva jew internazzjonali li twettaq jew tastjeni mit-twettiq ta’ att, jew

(iii) tgħarraq serjament jew tkisser il-politika, il-liġi kostituzzjonali, l-istrutturi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew organizzazzjonijiet internazzjonali:

[…]

k)      parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku, li jinkludi wkoll l-forniment ta’ informazzjoni u riżorsi materjali, jew billi jiffinanzja b’kull mod l-attivitajiet tal-grupp terroristiku, li din il-parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali tal-grupp.

[…]

4.      Il-lista f’dan l-Anness għandha tinbena fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew materjali fir-relevanza li turi deċiżjoni ittieħdet minn awtorità kompetenti b’rispett ta’ nies, gruppi u entitajiet konċernati, irrispettivament minn jekk din tikkonċernax jew le x’ta bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni għall-att terroristiku, attentat, tipparteċipa jew tiffaċilita dan it-tip ta’ att ibbażat fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet jew kundanna għal dawn l-atti. Il-persuni, gruppi jew entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma relatati mat-terroriżmu u kontra min tkun ordnat is-sanzjonijiet jistgħu jkunu inklużi fil-lista.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, ‘awtorita kompetenti’ għandha tfisser awtorita ġudizzjarja, jew, fejn awtoritajiet ġudizzjarji li m’għandhomx kompetenza fil-qasam konċernat f’dan il-paragrafu, awtorità kompeteneti ekwivalenti f’dak il-qasam.

[…]

6.      Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

C –  Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001

7        Peress li kien neċessarju regolament sabiex jiġu implementati, fil-livell Komunitarju, il-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1 p. 207, u r-rettifika ĠU 2010, L 52, p. 58).

8        F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “att terroristiku”, il-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jirreferi għad-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

9        Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2580/2001:

“1.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6:

a)      Il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’ jew miżmuma minn, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu ffriżati;

b)      L-ebda fondi, assi finanzjarji oħra u risorsi ekonomiċi m’għandhom jiġu magħmula disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

2.      Ħlief kif permess taħt l-Artikoli 5 u 6, għandu jkun projbit li tipprovdi servizzi finanzjarji lil, jew għall-benefiċċju ta’, persuna naturali jew legali, grupp jew entità inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3.

3.      Il-Kunsill, jaġixxi b’unanimità, għandu jistabbilixxi, jirrevedi u jemenda l-lista ta’ persuni, gruppi jew entitajiet li għalihom japplika dan ir-Regolament, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4), (5) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK; din il-lista għandha tinkludi:

i)      persuni naturali li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

ii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw l-għamil ta’ xi att ta’ terroriżmu;

ii)      persuni legali, gruppi jew entitajiet li huma ta’ jew kontrollati minn persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii); jew

iv)      persuni naturali legali, gruppi jew entitajiet li jaġixxu fl-interess ta’ jew fuq id-direzzjoni ta’ persuna naturali jew legali, grupp jew entità waħda jew iktar imsemmija fil-punti (i) u (ii).”

10      Il-verżjoni inizzjali tal-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (iktar ’il quddiem il-“lista kontenzjuża”) ġiet stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/927/KE, tas-27 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 344, p. 83), li fiha l-isem tal-appellanta ma jidhirx.

11      Dan l-isem iddaħħal fl-imsemmija lista permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/480/KE, tas-27 ta’ Ġunju 2003, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tħassar id-Deċiżjoni 2002/974/KE (ĠU L 160, p. 81).

12      L-inklużjoni tal-appellanta fil-lista kontenzjuża seħħet permezz ta’ deċiżjonijiet ulterjuri tal-Kunsill, b’mod partikolari permezz:

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/646/KE, tat-12 ta’ Settembru 2003, li timplementa l-Artikolu 2(3), tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/480 (ĠU L 229, p. 22),

–        tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379/KE, tad-29 ta’ Mejju 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3), tar-Regolament Nru 2580/2001 u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE (ĠU L 144, p. 21), kif ukoll

l-atti kontenzjużi.

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-atti kontenzjużi

13      Għal espożizzjoni tal-ewwel fatti li wasslu għal din il-kawża, il-punt 1 tas-sentenza appellata jirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Lulju 2007, Al-Aqsa vs Il-Kunsill (T‑327/03), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq l-appell tal-appellanta bil-għan, b’mod partikolari, tal-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2003/480.

14      Fil-punti 15 sa 21 ta’ din is-sentenza, ġie rrilevat is-segwenti:

“15      Mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti hija fundazzjoni taħt id-dritt Olandiż stabbiliti fid-1993. Din tiddeskrivi lilha nnfisha bħala istituzzjoni ta’ għanjnuna soċjali Iżlamika. Hija tgħid li, skont l-istatuti tagħha, hija għandha b’mod partikolari bħala għan il-protezzjoni soċjali u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-Palestinjani li jgħixu fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll l-għajnuna lill-Palestinjani li jgħixu fit-territorji okkupati mill-Iżrael. […] Ir-rikorrenti tiddikjara li ma tapparjeni għal ebda parti u ssostni li ġabret kważi miljun Ewro f’donazzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi tul is-sena finanzjarja 2001‑2002.

16      Fit-3 ta’ April 2003, il-Ministru tal-Affarjiet Barranin tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta, fuq il-bażi tar-Reżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà u tas-Sanctiewet 1977 (Liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-1977 fuq is-sanzjonijiet), hekk kif emendati permezz ta’ liġi tas-16 ta’ Mejju 2002, [is-] Sanctieregeling terrorisme 2003 (deċiżjoni ta’ sanzjonijiet fil-qasam tat-terroriżmu 2003, Stcrt. 2003, n° 68, p. 11, iktar ’il quddiem [is-] ‘Sanctieregeling’), li permezz [tagħha] kien ġie ordnat, b’mod partikolari, l-iffriżar tal-fondi u l-assi finanzjarji kollha tal-appellanta.

17      Mill-espożizzjoni tal-motivi [tas-]Sanctieregeling li [din] ġiet [adottata], fl-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni Komunitarja fil-konfront tal-appellanta abbażi tar-Regolament [Nru 2580/2001], fuq il-bażi ta’ indizji ta’ trasferimenti ta’ fondi magħmula minn din lil organizzazzjonijiet li jappoġġjaw it-terroriżmu fil-Lvant Nofsani. L-espożizzjoni tal-motivi [tas-] Sanctieregeling tippreċiża li [din titħassar] mid-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni Komunitarja bħal din.

18      L-appellanta ppreżentat rikors kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi quddiem [il-voorzieningenrechter (iktar ’il quddiem l-‘imħallef għal miżuri provviżorji’)] sabiex tikseb, b’mod partikolari, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-miżuri previsti mis-Sanctieregeling.

19      Permezz ta’ [sentenza interlokutorja] tat-13 ta’ Mejju 2003 il-qorti għal miżuri provviżorji kkonstatat li [s-] Sanctieregeling bbażat ruħha prinċipalment fuq memorandum uffiċjali tad-direttur tal-Algemene Inlichtingen- en Veiligheidsdienst (servizz ġenerali tal-informazzjoni u tas-sigurtà, iktar ’il quddiem l-‘AIVD’) lid-direttur ġenerali tal-affarijiet politiċi tal-ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Pajjiżi l-Baxxi tad-9 ta’ April 2003 […]. Il-qorti għal miżuri provviżorji sostniet li dan il-memorandum kien jikkontjeni biss stqarrijiet ġenerali u li l-informazzjoni fattwali ta’ natura li jsaħħu dawn l-affermazzjonijiet kienet nieqsa, […] li l-gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kien ippropona li jeżamina huwa biss l-informazzjoni tal-AIVD li fuq il-bażi tagħha, dan il-memorandum kien ġie redatt, li l-appellanta ma kenitx ikkontestat l-interess tal-imsemmi Gvern li jżomm din l-informazzjoni sigrieta u li hija barra minn hekk kienet wriet il-qbil tagħha sabiex dan iseħħ […]. F’dan ir-rigward, il-qorti għal miżuri provviżorji osservat li l-ispezzjoni kunfidenzjali tad-dokumenti rilevanti mill-qorti […] kienet […] possibbli […] għal raġunijiet ta’ ordni pubblika […] Il-qorti għal miżuri provviżorji b’hekk ordnat lil Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li jpoġġuhom f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jsiru jafu b’mod kunfidenzjali mill-proċess informazzjoni kunfidenzjali tal-AIVD li fuqu l-memorandum iċċitat kien ibbażat. Il-gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi osserva [din is-sentenza] u, fil-21 ta’ Mejju 2003, il-qorti għal miżuri provviżorji kkonsultat l-proċess inkwistjoni fl-uffiċċji tal-AIVD.

20      Permezz ta’ [tieni deċiżjoni għal miżuri provviżorji tat-3 ta’ Ġunju 2003 (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni għal miżuri provviżorji’)], il-qorti għal miżuri provviżorji ċaħdet ir-rikors tal-appellanta. Fil-punt 3.2 ta’ din [is-sentenza], il-qorti għal miżuri provviżorji kkunsidrat, fuq il-bażi tal-investigazzjonijiet tagħha, li l-konstatazzjonijiet tal-AIVD kienu suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-konklużjoni ta’ dan is-servizzi li skont dan il-fondi miġbura permezz tal-appellanta fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu bbenefikaw lil organizzazzjonijiet marbuta mal-moviment Iżlamiku Palestinjan Hamas, kif ukoll il-konklużjoni li skont din numru minn dawn l-organizzazzjonijiet marbuta mal-Hamas iqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni bil-għan li jitwettqu jew jiġu ffaċilitati l-attivitajiet terroristiċi tal-Hamas. Fil-punt 3.3 ta’ [din id-deċiżjoni], il-qorti għal miżuri provviżorji żiedet li hija ma skopriet l-ebda fatt jew ċirkustanza li turi li l-AIVD kien skorettement naqas mill-missjoni imposta fuqu skont il-Wet op de inlichtingen- en veiligheidsdiensten (liġi fuq is-servizzi ta’ informazzjoni u tas-sigurtà).

21      [Is-] Sanctieregeling ġiet [imħassra] fit-3 ta’ Awwissu 2003 (Stcrt. 2003, n° 146[, p. 9]).”

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Settembru 2003, l-appellanta ppreżentat rikors għal annullament kontra d-Deċiżjonijiet 2003/480 u 2003/646, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha. Fir-rigward tal-fatt li, matul il-proċeduri, dawn id-deċiżjonijiet ġew imħassra u ssostitwiti permezz ta’ deċiżjonijiet ulterjuri u li l-appellanta ddikjarat li tadatta dawn il-konklużjonijiet għal dan l-iżvilupp, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan l-istħarriġ tagħha kien jirrigwarda biss id-deċiżjoni li għadha fis-seħħ fid-data tal-għeluq tal-proċeduri orali, jiġifieri d-Deċiżjoni 2006/379. Permezz tas-sentenza Al-Aqsa vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni, sa fejn din kienet tikkonċerna lill-appellanta, għar-raġuni prinċipalment li l-imsemmija deċiżjoni ma kenitx motivata b’mod adegwat.

16      Il-fatti iktar reċenti li wasslu għall-kawża huma spjegati kif ġej fil-punti 3 sa 10 tas-sentenza appellata:

“3      B’ittra tat-23 ta’ April 2007, il-Kunsill […] indika lir-rikorrenti li, fl-opinjoni tiegħu, il-motivi invokati sabiex tiġi inkluża inizzjalment fil-[lista kontenzjuża], kienu għadhom validi u li, konsegwentement, huwa kellu l-intenzjoni li jżommha f’din il-lista. Ma’ din l-ittra kienet annessa espożizzjoni tal-motivi invokati mill-Kunsill. Kien indikat ukoll lir-rikorrenti li hija setgħet tissottometti osservazzjonijiet lill-Kunsill dwar l-intenzjoni tiegħu li jżommha fil-lista kontenzjuża u dwar il-motivi invokati minnu f’dan ir-rigward, kif ukoll id-dokumenti kollha insostenn ta’ dawn l-osservazzjonijiet, f’terminu ta’ xahar.

4      Fl-espożizzjoni tal-motivi annessa mal-ittra msemmija, il-Kunsill osserva dan li ġej:

‘[L-appellanta] ġiet stabbilita fl-1993 fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala fondazzjoni taħt id-dritt Olandiż. Hija ġabret fondi għal ċerti organizzazzjonijiet li jappartjenu lill-moviment Palestinjan tal-Hamas, li jinsab fil-lista ta’ gruppi involuti f’atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Pożizzjoni Komuni [2001/931]. Diversi minn dawn l-organizzazzjonijiet jagħmlu fondi disponibbli sabiex jitwettqu atti terroristiċi jew sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta’ tali atti. Dawn l-atti jaqgħu taħt l-Artikolu 1(3)(k) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u huma mwettqa bl-iskopijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(i) u (iii) tal-pożizzjoni komuni msemmija.

Għalhekk, [l-appellanta] taqa’ taħt l-Artikolu 2(3)(ii) tar-Regolament […] Nru 2580/2001.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Ministru tal-Finanzi [tal-Pajjiżi l-Baxxi] iddeċidew, permezz tad-Deċiżjoni Ministerjali DJZ/BR/219‑03, tat-3 ta’ April 2003 (imsejħa s-Sanctieregeling Terrorisme), li ġiet ippubblikata fl-iStaatscourant (ġurnal uffiċjali) tal-Pajjiżi l-Baxxi tas-7 ta’ April 2003, li jiffriżaw l-assi kollha li jappartjenu [lir-rikorrenti]. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz tas-sentenza LJN AF9389, tat-3 ta’ Ġunju 2003, adottata mill-President tat-taqsima tad-dritt ċivili tal-qorti distrettwali ta’ Den Haag. Din is-sentenza tikkonkludi li [l-appellanta] għandha tiġi kkunsidrata li hija organizzazzjoni li tappoġġja lill-Hamas u li tippermetti lil dan tal-aħħar iwettaq jew jiffaċilita attivitajiet terroristiċi.

Għaldaqstant ittieħdet deċiżjoni fil-konfront [tal-appellanta] minn awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

Il-Kunsill huwa konvint li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni [tal-appellanta] fil-[lista kontenzjuża] għadhom validi.’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5      Huwa paċifiku li d-deċiżjoni ministerjali u s-sentenza invokati fl-imsemmija espożizzjoni tal-motivi huma s-Sanctieregeling u s-sentenza dwar miżuri provviżorji.

6      B’ittra tal-25 ta’ Mejju 2007, l-appellanta ssottomettiet lill-Kunsill l-osservazzjonijiet tagħha. Hija kkritikat kemm il-motivi fil-mertu invokati minnu bħala li jiġġustifikaw iż-żamma tagħha fil-lista kontenzjuża u kemm il-proċedura segwita minnu.

7      Fit-28 ta’ Ġunju 2007, […] il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni [2007/445]. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill żamm l-isem tal-appellanta fil-lista kontenzjuża.

8      Skont il-[premessa 5 ta’ din id-deċiżjoni]:

‘Il-Kunsill wettaq reviżjoni kompleta tal-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika r-Regolament […] Nru 2580/2001, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(3) ta’ dak ir-Regolament. F’dan ir-rigward, huwa ħa kont ta’ osservazzjonijiet u dokumenti ppreżentati lill-Kunsill minn ċerti persuni, gruppi u entitajiet ikkonċernati.’

9      Skont il-[premessa 6 tal-imsemmija deċiżjoni]:

‘Wara din ir-reviżjoni, il-Kunsill ikkonkluda li l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni kienu involuti f’atti terroristiċi fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) u (3) tal-Pożizzjoni Komuni [2001/931], li ttieħdet deċiżjoni fir-rigward tagħhom minn awtorità kompetenti fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) ta’ dik il-Pożizzjoni Komuni, u li huma għandhom ikomplu jkunu soġġetti għall-miżuri restrittivi speċifiċi previsti fir-Regolament (KE) Nru 2580/2001.’

10      Id-Deċiżjoni [2007/445] ġiet innotifikata lill-appellanta permezz ta’ ittra tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2007. L-espożizzjoni tal-motivi annessa ma’ din l-ittra (iktar ’il quddiem l-‘espożizzjoni tal-motivi’) hija identika għal dik annessa mal-ittra tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2007 […]”

III –  Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

17      Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2007, l-appellanta ppreżentat din il-kawża, li permezz tagħha titlob lill-Qorti Ġenerali:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2007/445 sa fejn din tikkonċerna lill-appellanta;

–        tiddikjara li r-Regolament Nru 2580/2001 ma huwiex applikabbli fil-konfront tagħha; u

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

18      Il-Kunsill talab lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors bħala infondat fl-intier tiegħu u li tikkundanna lill-appellanta għall-ispejjeż.

19      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ġew ammessi sabiex jintervjenu quddiem il-Qorti Ġenerali, sostnew it-talbiet tal-Kunsill.

20      Peress li l-Kunsill adotta waqt il-proċeduri d-Deċiżjonijiet 2007/868, 2008/583 u 2009/62 kif ukoll ir-Regolament Nru 501/2009 li tħassar u tissostitiwixxi, l-ewwel nett, id-Deċiżjoni 2007/445, imbagħad, kull waħda minn dawn it-tliet deċiżjonijiet, l-appellanta suċċessivament talbet sabiex tkun tista’ tadatta t-talbiet inizzjali tagħha b’mod li r-rikors tagħha jipprovdi wkoll għall-annullament ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll ta’ dan ir-regolament, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha. Fil-punti 31 sa 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat dawn it-talbiet.

21      Insostenn tat-talbiet tagħha, l-appellanta tinvoka, essenzjalment, ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(1) (2) u (4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001. It-tieni bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tielet kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u ta’ forma sostanzjali. Ir-raba’ kien ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għat-tgawdija paċifika tal-proprjetà. Il-ħames, fl-aħħar nett, kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

22      Il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett eżaminat l-ewwel motiv, li jinqasam f’erba’ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq l-argumenti li l-appellanta ma hijiex persuna, grupp jew entità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li ebda awtorità kompetenti ma ħadet deċiżjoni fil-konfront tagħha, fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, li ma ġiex stabbilit li l-appellanta kellha l-intenzjoni tiffaċilita t-twettiq ta’ atti terroristiċi u, fl-aħħar nett, li l-appellanta ma għadhiex tista’ titqies li tiffaċilita t-twettiq ta’ tali atti.

23      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-partijiet kollha bħala infondati.

24      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari, fil-punti 97 sa 102 tas-sentenza kkontestata, b’kunsiderazzjoni tal-kuntest u tal-għan tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li d-“deċiżjoni” nazzjonali taqa’ fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali stricto sensu. Ikun biss neċessarju li din id-deċiżjoni taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li għandha direttament u prinċipalment bħala għan l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ tip preventiv jew ripressiv fir-rigward tal-parti kkonċernata, għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u minħabba l-fatt tal-implikazzjoni tagħha f’dan. F’din il-kawża, id-deċiżjoni għal miżuri provviżorji taqa’ b’mod suffiċjentement dirett fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali intiża prinċipalment għall-impożizzjoni ta’ miżura ta’ sanzjoni ekonomika fuq l-appellanta, jiġifieri l-iffriżar tal-fondi tagħha magħmul permezz tas-Santieregeling stess, u dan minħabba l-involviment tagħha f’attività terroristika.

25      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punti 104 u 105 tas-sentenza appellata, li s-sentenza dwar miżuri provviżorji, ikkunsidrata flimkien mas-Sanctieregeling, tidher, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, li hija deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali kompetenti li tissodisfa d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u li għalhekk, bħala prinċipju, setgħet tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi tal-appellanta skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001.

26      F’dak li jirrigwarda t-tielet parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tas-sentenza interlokutorja tat-13 ta’ Mejju 2003 u tas-sentenza dwar miżuri provviżorji, il-Kunsill setgħa jikkunsidra, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, li l-appellanta kienet taf, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(k) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li l-attività tagħha ta’ ġbir u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi kienet tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali ta’ grupp terroristiku, f’dan il-każ il-Hamas. Skont il-punt 128 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-qorti għal miżuri provviżorji, abbażi tal-memorandum tal-AIVD u tal-elementi tal-fajl li jissostanzjawh, jindikaw li din il-qorti kienet manifestament konvinta li l-appellanta kienet taf li l-użu finali tal-fondi tagħha kien għal finijiet terroristiċi.

27      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tielet motiv li ġie milqugħ minnha. Permezz ta’ dan il-motiv, l-appellanta sostniet li l-Kunsill ma kien wettaq ebda eżami mill-ġdid tal-opportunità taż-żamma tal-inklużjoni tagħha fil-lista kontenzjuża u li huwa kien għalhekk kiser l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 kif ukoll forma sostanzjali.

28      Wara li fakkret, fil-punti 161 sa 169 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tagħha dwar l-importanza ta’ żvilupp ulterjuri tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest tal-eżami taż-żamma ta’ persuna fil-lista kontenzjuża skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punt 172 ta’ din is-sentenza, li, wara t-tħassir tas-Sanctieregeling fis-sistema legali tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-sentenza dwar miżuri provviżorji, li kienet tifforma flimkien ma din, unità li ma tistax tiġi sseparata, ma tistax tibqa’ sservi b’mod validu bħala bażi għal miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal-fondi tal-appellanta.

29      Fil-punti 173 sa 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li s-Sanctieregeling kienet definittivament waqfet milli tipproduċi xi effett ġuridiku minħabba l-fatt tat-tħassir tagħha, dan kien jgħodd neċessarjament ukoll, bħala konsegwenza, għall-effetti legali mas-sentenza dwar miżuri provviżorji, li kienet sempliċement irrifjutat li tissospendi l-effetti tas-Sanctieregeling u li kienet tagħmel biss evalwazzjoni provviżorja. Il-fatt li l-appellanta la appellat mis-sentenza dwar miżuri provviżorji u lanqas ressqet rikors fuq il-mertu jkun irrilevanti. Il-Kunsill b’hekk eċċeda l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi żamm b’mod indefinit lill-appellanta fil-lista kontenzjuża fl-eżami mill-ġdid perjodiku tas-sitwazzjoni tagħha.

30      Fil-punti 183 u 184 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, peress li t-tielet motiv kien fondat, kien hemm lok li jiġu annullati l-atti kontenzjużi, mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra tal-appellanta, b’mod li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba intiża li jiġi ddikjarat illegali, skont l-Artikolu 241 KE, ir-Regolament Nru 2580/2001.

31      Fid-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, annulat l-atti kontenzjużi, sa fejn huma jikkonċernaw lill-appellanta u, min-naħa l-oħra, ċaħdet ir-rikors għall-kumplament.

IV –  It-talbiet tal-partijiet u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32      Permezz tal-appell tagħha fil-kawża C‑539/10 P, l-appellanta titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-motivi u argumenti kienu diretti, f’isem l-appellanta, kontra motivi ta’ din is-sentenza u, tiddeċiedi mill-ġdid, li tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, b’korrezzjoni tal-bażi li fuqu hija bbażata s-sentenza appellata, kif ukoll

–        tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż taż-żewġ kawżi.

33      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad l-appell bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, li tiċħad l-appell bħala infondat, u

–        tikkundanna lill-appellanta għall-ispejjeż.

34      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalment, tiddikjara l-appell tal-appellanta inammissibbli u, sussidjarjament, tiċħad l-aggravji invokati mill-appellanta.

35      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara inammissibbli l-appell imressaq mill-appellanta.

36      Permezz tal-appell tagħha fil-kawża C‑550/10 P, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u li tikkudanna lill-appellanta għall-ispejjeż.

37      Fir-risposta tagħha għall-imsemmi appell, l-appellanta titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell imressaq mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi;

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-motivi u argumenti kienu diretti, f’isem l-appellanta, kontra motivi ta’ din is-sentenza u, tiddeċiedi mill-ġdid, li tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, b’korrezzjoni tal-bażi li fuqu hija bbażata s-sentenza appellata, kif ukoll

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż tal-proċeduri preżenti u li tikkonferma l-kundanna għall-ispejjeż hekk kif ippronunċati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

38      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-ġustizzja tiddikjara fondat l-appell imressaq mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

39      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 2011, il-Kawżi C‑539/10 P u C‑550/10 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

V –  Fuq l-appelli

A –  Fuq l-appell tal-appellanta (C‑539/10 P)

1.     L-argumenti tal-partijiet

40      L-appellanta ssostni li l-appell tagħha huwa ammissibbli minkejja li għandu bħala għan l-annullament ta’ parti inċidentali tas-sentenza appellata. Fil-fatt, din is-sentenza tinkludi numru ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ karattru ta’ dannu. Jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jaddotta, b’mod konformi mal-imsemmija kunsiderazzjonijiet, digriet ministerjali ġdid li barra minn hekk ikun użat mill-Kunsill sabiex jinkludi mill-ġdid lill-appellanta fil-lista kontenzjuża, għandha sseħħ mill-ġdid proċedura twila u għalja. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċedura bħal din, l-appellanta għandha r-riskju li ma tkunx tista’ tinvoka iktar il-motivi miċħuda mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata minħabba r-res judicata.

41      Fir-replika tagħha, l-appellanta żżid li hija parzjalment tilfet fit-talbiet tagħha fl-ewwel istanza fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, hija kienet talbet lill-Qorti Ġenerali mhux biss sabiex tannulla l-atti kontenzjużi, iżda wkoll li taqta’ u tiddeċiedi li r-Regolament Nru 2580/2001 li kien il-bażi ta’ dawn l-atti ma kienx applikabbli għaliha. Il-Qorti Ġenerali laqgħet biss l-ewwel kap tat-talbiet tagħha, fejn ċaħdet ir-rikors għall-kumplament. Barra minn hekk, iċ-ċaħda tal-ewwel motiv bħala infondat ikun determinanti għall-appell miċħud għall-kumplament. Hija biss sentenza fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 2580/2001 fiha nnfisha li tapplika għal deċiżjonijiet ta’ iffriżar simili futuri u jevitaw in-neċessità li jiġu introdotti mill-ġdid rikorsi għal annullament kontra deċiżjonijiet bħal dawn, li, min-naħa l-oħra, ikunu probabbli.

42      Il-Kunsill, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jsostnu li l-appell tal-appellanta huwa inammissibbli, fejn isostnu, b’mod partikolari, li dan l-appell huwa dirett mhux kontra d-dispożittiv tas-sentenza appellata, iżda kontra l-motivi tagħha u li l-appellanta ma kenitx tilfet fit-talbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali fis-sens tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Skont l-Artikolu 113(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli fil-mument meta ġie ppreżentat l-appell, it-talbiet ta’ appell għandhom bħala għan l-annullament, totali jew parzjali tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

44      Issa, f’din il-kawża, l-appell tal-appellanta għandu bħala għan mhux biss annullament, li jkun parzjali, tas-sentenza appellata, jiġifieri tad-dispożittiv tiegħu [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra p. I‑5853, punti 83 sa 85, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Iride vs Il-Kummissjoni, C‑329/09 P, punt 48], iżda wkoll il-modifika ta’ ċerti wħud mill-motivi tagħha, hekk kif l-appellanta tirrikonoxxi hija stess fl-appell tagħha.

45      Fil-fatt, fir-rigward tat-talba għall-annullament tal-atti kontenzjużi, l-appellanta kellha suċċess fl-ewwel istanza, fuq il-baż tat-tielet motiv tagħha, u kellha bħala għan li tikseb biss sostituzzjoni tal-motivi f’dak li jirrigwarda żewġ partijiet tal-ewwel motiv li ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali.

46      Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba bil-għan li tiġi ddikjarata l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 2580/2001, miċħuda mill-Qorti Ġenerali skont il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanta llimitat ruħha li ssemmi din iċ-ċirkustanza fil-motivi tar-replika tagħha, mingħajr ma talbet l-annullament ta’ din il-parti tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell huma inammissibbli.

48      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata fuq il-bażi tal-argumenti tal-appellanta bbażati fuq res judicata.

49      Fil-fatt, ir-res judicata testendi biss għall-motivi ta’ sentenza li jammontaw għall-appoġġ neċessarju tad-dispożittiv tagħha u minħabba dan il-fatt huma inseparabbli (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punt 54; tal-1 ta’ Ġunju 2006, P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, Ġabra p. I‑4845, punti 44 u 47, kif ukoll tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, punt 87). Issa, f’din il-kawża, huma biss il-motivi li jirrigwardaw it-tielet motiv invokat fl-ewwel istanza u kkunsidrati bħala fondati mill-Qorti Ġenerali li huma inseparabbli mill-annullament tal-atti kontenzjużi msemmija fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

50      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell imressaq mill-appellanta għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

B –  Fuq l-appell tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (C‑550/10 P)

1.     L-argumenti tal-partijiet

51      Permezz tal-motiv uniku tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 1(4) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, billi kkunsidrat li, wara t-tħassir tas-Sanctieregeling, id-deċiżjoni għal miżuri provviżorji ma setgħetx isservi iktar ta’ bażi għall-inklużjoni tal-appellanta fil-lista kontenzjuża.

52      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 billi kkunsidrat, fil-punti 85 sa 87 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni għal miżuri provviżorji flimkien mas-Sanctieregeling bħala “deċiżjoni ttieħdet minn awtorità kompetenti”.

53      Fil-fatt, din is-sentenza tissodisfa, fiha nnfisha, il-kriterji preċiżi fformulati mill-Qorti Ġenerali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il-Kunsill, T‑341/07, Ġabra p. II‑3625, punt 111), li skont dawn, deċiżjoni għandha taqa’ fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li għandha bħala għan direttament u prinċipalment l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ tip preventiv jew repressiv fir-rigward tal-parti kkonċernata, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u tal-fatt tal-implikazzjoni f’dan. Id-deċiżjoni tal-qorti għal miżuri provviżorji dwar l-implikazzjoni tal-appellanta fil-finanzjament tat-terroriżmu tammonta għall-parti essenzjali tad-deċiżjoni tagħha, li, barra minn hekk, kienet ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali bil-għan li jiġu imposti miżuri preventivi lill-appellanta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

54      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali allegatament għamlet, fil-punti 172 u 180 tas-sentenza appellata, interpretazzjoni żbaljata tal-obbligi li jaqgħu taħt il-Kunsill fl-eżami mill-ġdid perjodiku bis-saħħa tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, meta ddeduċiet awtomatikament mit-tħassir tas-Sanctieregeling li ż-żamma tal-appellanta mil-lista kontenzjuża ma kenitx iktar ġustifikata.

55      Anki jekk dan it-tħassir jammonta għal ċirkustanza li għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid perjodiku, il-Kunsill għandu jikkunsidra wkoll ir-raġuni tal-imsemmija tħassir. F’din il-kawża, din tirriżulta mhux mill-konvinzjoni li miżura ta’ iffriżar ta’ fondi tal-appellanta ma hijiex iktar neċessarja, iżda mill-volontà li jiġi evitat li jkun hemm sovrapożizzjoni tal-miżura nazzjonali u tar-regolament Komunitarju, hekk kif indikat fl-espożizzjoni tal-motivi tad-digriet ministerjali li jwassal għat-tħassir tas-Sanctieregeling. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill kellu d-dritt li ma jnaqqasx awtomatikament it-tħassir tas-Sanctieregeling li ma kienx hemm lok iktar li żżomm lill-appellanta fil-lista kontenzjuża.

56      Il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi billi żżid li jista’ jiġi dedott mill-motivazzjoni tal-atti kontenzjużi li l-Kunsill jikkunsidra d-deċiżjoni waħida għal miżuri provviżorji bħala “deċiżjoni itteħdet minn awtorità kompetenti”. F’kull każ, ikun hemm lok li wieħed jikkunsidra d-dikjarazzoni tal-Kunsill fil-kuntest tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, li skont dan, din kienet ibbażat l-atti kontenzjużi fuq id-deċiżjoni biss għal miżuri provviżorji.

57      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fid-deċiżjoni għal miżuri provviżorji, il-kwistjoni jekk l-appellanta kienet implikata f’attivitajiet terroristiċi ma kenitx ġiet invokata biss b’mod aċċessorju u inċidentali. Sabiex ikun jista’ jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li tiġi ppronunċata s-sospensjoni għall-eżekuzzjoni tas-Sanctieregeling, il-qorti għal miżuri provviżorji kellha teżamina l-kwistjoni ċentrali – ħaġa li kien għamel – li jikkonsisti fl-aċċertament jekk jeżistux indizzji suffiċjenti sabiex l-appellanta tkun ġabret fondi għall-benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet marbuta mal-Hamas li jpoġġu fondi għad-dispożizzjoni bil-għan tat-twettiq ta’ atti ta’ terroriżmu jew tal-iffaċilitar tat-twettiq tagħhom.

58      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kienet allegatament applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 meta ma kkunsidratx iktar la l-motivi ta’ tħassir tas-Sanctieregeling u lanqas il-fatt li l-appellanta ma kienet la ressqet appell mid-deċiżjoni għal miżuri provviżorji u lanqas ippreżentat rikors fuq il-mertu.

59      Min-naħa l-oħra, l-appellanta tqis, minn naħa, li d-deċiżjoni għal miżuri provviżorji fiha nfisha ma tissodisfax il-kriterji speċifiċi li l-Qorti Ġenerali stabbiliet għall-eżistenza ta’ deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. B’mod partikolari, dan ma huwiex każ ta’ proċedura nazzjonali li għandhom bħala għan dirett u prinċipalment l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ tip preventiv jew repressiv fir-rigward tal-parti kkonċernata. Il-qorti għal miżuri provviżorji għandha biss kompetenzi limitati. Hija tiddeċiedi b’mod provviżorju u ma tistax toħroġ b’sentenza ta’ dikjarazzjoni. Hija tillimita ruħha għal ibbilanċjar tal-interessi limitati għall-qasam. Iċ-ċaħda mill-qorti tal-azzjoni tal-appellanta, imressqa sabiex tipprojbixxi lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li żżomm il-miżura tal-iffriżar tal-assi tagħha, b’hekk ma timplikax l-approvazzjoni tal-aġir ta’ dan l-Istat Membru.

60      Min-naħa l-oħra, l-appellanta ssostni l-importanza partikolari rikonoxxuta fid-deċiżjoni nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżomm persuna fil-lista kontenzjuża. L-interpretazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tagħti lill-Kunsill libertà li ma tkunx kompatibbli mal-karattru ta’ dannu tal-iffriżar ta’ fondi, u lanqas mal-protezzjoni ġuridika.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61      Permezz tal-motiv uniku tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, wara t-tħassir tas-Sanctieregeling, ma kienx jeżisti iktar “substratum” fil-liġi nazzjonali li jiġġustifika b’mod suffiċjenti skont il-liġi ż-żamma tal-appellanta fil-lista kontenzjuża.

62      Sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ dan il-motiv, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali kkunsidratx ġustament li l-atti kontenzjużi kienu ġew adottati fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew elementi tal-proċess li juru li deċiżjoni li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kienet ittieħdet minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-appellanta, iżda li t-tħassir tas-Sanctieregeling teskludi ż-żamma tal-appellanta fil-lista kontenzjuża.

63      Għal dan il-għan, għandu jiġi interpretat l-Artikolu 1(4) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li għalih l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 jirreferi, b’kunsiderazzjoni tat-termini tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet imħaddna mil-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 50; tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, Ġabra p. I‑9217, punt 49, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising u Martinez, C‑509/09 u C‑161/10, Ġabra p. I‑10269, punt 54). Barra minn hekk, hemm lok li jiġu kkunsidrati d-dettalji tal-kawża preżenti.

a)     Interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

64      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dan jipprovdi li l-lista kontenzjuża hija stabbilita fuq il-bażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi tal-proċess li juru li ittieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-persuni, gruppi u entitajiet previsti, kemm fil-każ ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ azzjonijiet penali għal att terroristiku, jew it-tentattiv li jitwettaq, jew il-parteċipazzjoni għal, jew l-iffaċilitar ta’ att bħal dan, ibbażati fuq provi jew indizzji serji u kredibbli, jew ta’ kundanna għal fatti bħal dawn.

65      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 4, il-persuni, gruppi u entitajiet identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li huma marbuta mat-terroriżmu u li fir-rigward tagħhom ġew ordnati sanzjonijiet jistgħu jiġu inklużi fl-imsemmija lista.

66      B’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu 4, permezz ta’ “awtorità kompetenti” għandu jiġi mifhum, għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, awtorità ġudizzjarja, jew, jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ma għandhom l-ebda kompetenza fil-qasam kopert mill-paragrafu preżenti, awtorità kompetenti ekwivalenti f’dan il-qasam.

67      Barra minn hekk għal dak li jirrigwarda l-għan essenzjali u s-suġġett tar-Regolament Nru 2580/2001 kif ukoll tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jirriżulta mill-premessi tagħhom li huma għandhom l-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali, billi jinqatawlhom ir-riżorsi finanzjarji tagħom billi jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-persuni jew entitajiet issuspettati li huma involuti f’attivitajiet li huma marbuta miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punti 169 u 222, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet marbuta ma’ Oussama ben Laden, man-netwerk tal-Al-Qaida u mat-Taliban). B’hekk, dawn l-atti jwasslu mhux għall-akkumpanjament u għas-sostenn ta’ proċeduri kriminali nazzjonali, iżda sabiex jipprevjenu t-twettiq ta’ atti terroristiċi ġodda.

68      Barra minn hekk, mir-referenza għal deċiżjoni nazzjonali kif ukoll mir-referenza “informazzjoni preċiża” u “xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet” jirriżulta li l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 għandu bħala għan li jipproteġi l-persuni kkonċernati billi jiġi żgurat li l-inklużjoni tagħhom fil-lista kontenzjuża sseħħ biss fuq bażi fattwali suffiċjentement solida, u li l-imsemmija Pożizzjoni Komuni għandha l-għan li tilħaq dan l-għan billi jkun hemm rekwiżit ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali.

69      Fil-fatt, fin-nuqqas tal-motivi tal-Unjoni Ewropea sabiex hija stess twettaq investigazzjonijiet li jirrigwardaw l-implikazzjoni ta’ ċerta persuna f’atti terroristiċi, l-imsemmi rikors għandu bħala għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ provi jew indizzji serji u kredibbli tal-implikazzjoni tal-persuna kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, kkunsidrati bħala affidabbli mill-awtoritajiet nazzjonali u li wassluhom jieħdu, għall-inqas, miżuri ta’ investigazzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ li d-deċiżjoni nazzjonali tkun ittieħdet f’forma ġuridika partikolari jew li ġiet ippublikata jew notifikata.

70      Issa, l-imsemmija protezzjoni tal-persuni kkonċernati ma hijiex ikkontestata jekk id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali taqa’ mhux fil-kuntest ta’ proċeduri bil-għan li jiġu imposti sanzjonijiet kriminali, iżda f’dak ta’ proċeduri li għandhom bħala għan miżuri ta’ tip preventiv. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirreferi għall-“bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni”, mingħajr ma jippreċiża iktar in-natura jew il-karattru tal-investigazzjonijiet jew prosekuzzjoni previsti.

71      L-imsemmija protezzjoni tal-persuni kkonċernati hija wkoll żgurata meta d-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali ma hijiex dik li tiftaħ l-investigazzjoni, iżda dik li toħroġ il-konsegwenzi ta’ investigazzjoni billi timponi miżura ta’ tip preventiva lill-persuna kkonċernata, mingħajr ma tkun kundanna kriminali.

72      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt imsemmi fil-punt 65 tas-sentenza preżenti li skont din l-inklużjoni fil-lista kontenzjuża tista’ wkoll tkun ibbażata fuq sanzjoni ordnata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Fil-fatt, sa fejn sanzjonijiet bħal dawn ma għandhomx, bħala regola ġenerali, karattru kriminali, iffriżar ta’ fondi hekk kif impost f’din il-kawża mis-Sanctieregeling hija komparabbli ma’ sanzjoni deċiża mill-imsemmi Kunsill tas-Sigurtà.

73      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jippermetti lill-Kunsill li jibbaża ruħu fuq deċiżjoni li, wara investigazzjoni li tirrigwarda l-implikazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi, jimponi miżuri preventivi bħal iffriżar ta’ fondi.

74      Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, l-informazzjoni tal-AIVD li tirrigwarda s-sostenn finanzjarju tal-attivitajiet terroristiċi tal-Hamas mill-appellanta, li fuq il-bażi tagħha s-Sanctieregeling ġiet adottata, ġiet ikkunsidrata bħala affidabbli mhux biss miż-żewġ ministri responsabbli mill-adozzjoni tas-Sanctieregeling, iżda wkoll mill-qorti għal miżuri provviżorji wara li kkonsultat il-fajl kunfidenzjali tal-AIVD.

75      Barra minn hekk, is-Sanctieregeling ittieħdet minn awtorità kompetenti fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

76      Fil-fatt, din ġiet adottata mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Pajjiżi l-Baxxi, bi qbil mal-Ministru tal-Finanzi, fuq il-bażi tal-liġi fuq is-sanzjonijiet tal-1977 (Sanctiewet 1977, Stb. 1980, Nri 93 u 170), kif emendat b’liġi tas-16 ta’ Mejju 2002 (Stb. 2002, n° 270). L-imsemmija liġi tagħti kompetenza lil dawn l-awtoritajiet sabiex jiffriżaw il-fondi ta’ persuni u ta’ entitajiet, fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punt 91 tas-sentenza appellata, ma huwiex allegat li att bħas-Sanctieregeling jaqa’ fil-kompetenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji, jekk mhux fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tagħha.

77      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta l-Qorti Ġenerali setgħet ġustament ikkunsidrat li l-Kunsill kellu informazzjoni preċiża jew elementi tal-proċess li juru li deċiżjoni li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kienet ittieħdet minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-appellanta.

b)     Rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

78      Skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, “Għandha ssir reviżjoni ta’ l-ismijiet tal-persuni jew entitajiet fil-lista ta’ l-Anness, għall-inqas darba kull sitt xhur biex jiġi assigurat li hemm raġunijiet biex jinżammu fuq il-lista.”

79      Sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi eventwali tat-tħassir tas-Sanctieregeling fuq id-deċiżjonijiet li l-Kunsill kellu jieħu b’mod konformi mal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jitfakkar li l-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jirreferi għad-deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali li teżiġi l-eżistenza ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi tal-fajl li juru li deċiżjoni bħal din ittieħdet.

80      Ma jirriżultax la mill-imsemmi kliem u lanqas mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li, lil hinn minn din il-kundizzjoni, id-deċiżjoni meħuda fil-passat għandha neċessarjament tkun għadha fis-seħħ jew tipproduċi effetti ġuridiċi fil-mument fejn il-Kunsill jiddeċidi li persuna tinżamm fil-lista kontenzjuża.

81      Barra minn hekk, hemm lok li tiġi kkunsidrata l-funzjoni tar-referenza għal deċiżjoni nazzjonali hekk kif esposta fil-punt 68 tas-sentenza preżenti li għandha l-għan li tiżgura li d-deċiżjoni tal-Kunsill tittieħed fuq il-bażi fattwali suffiċjenti li tippermetti lil dan tal-aħħar li jikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ periklu li, fin-nuqqas ta’ teħid ta’ miżuri inibittivi, il-persuna kkonċernata tibqa’ tkun implikata f’attivitajiet terroristiċi.

82      F’dawn iċ-ċirkustani, il-kwistjoni li hija importanti fl-eżami taż-żamma ta’ persuna fil-lista kontenzjuża hija dwar jekk, sa mill-inklużjoni tal-isem ta’ din il-persuna fl-imsemmija lista jew sa mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali tbiddlet b’tali mod li din ma tippermettix iktar l-istess konklużjoni dwar l-implikazzjoni tal-persuna inkwistjoni f’attivitajiet terroristiċi.

83      Issa, f’din il-kawża, it-tħassir tas-Sanctieregeling bl-ebda mod ma kien fondat fuq li jkun hemm fatti jew provi ġodda li skont dawn, l-appelanta ma kenitx iktar implikata fil-finanzjament tat-terroriżmu jew fuq modifika tal-evalwazzjoni ta’ implikazzjoni bħal din mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

84      L-unika raġuni li tiġġustifika l-imsemmi tħassir kien l-għan li tiġi evitata sovrapożizzjoni bejn il-miżura nazzjonali ta’ iffriżar ta’ fondi, imposti mis-Sanctieregeling, u l-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni mir-Regolament Nru 2580/2001, sussegwentement għall-inklużjoni tal-appellanta fil-lista kontenzjuża. Dan l-għan jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tad-digriet ministerjali li jirrigwarda t-tħassir tas-Sanctieregeling. Huwa korroborat mill-fatt li dan it-tħassir twettaq ex nunc, mingħajr effett retrottiv, u li l-espożizzjoni tal-motivi tas-Sanctieregeling (Stcrt. 2003, n° 68, p. 11) kienet diġà antiċipat it-tħassir tagħha mid-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni Komunitarja tal-iffiriżar tal-fondi.

85      B’hekk, l-imsemmi tħassir għandu bħala għan biss ir-rispett tal-Artikolu 288(2) TFUE li jipprovdi li r-regolament tal-Unjoni huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, li jeskludi bħala prinċipju, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali paralleli.

86      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-applikabbiltà diretta tar-regolamenti teskludi, ħlief f’każ kuntrarju, li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet interni dwar il-portata tar-regolament stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Frar 1970, Bollmann, 40/69, Ġabra p. 69, punt 4, kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 1970, Waren-Import-Gesellschaft Krohn, 74/69, Ġabra p. 451, punti 4 u 6).

87      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Istati Membri huma marbuta, permezz tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat FUE u li kisbu meta rratifikaw dan, li ma jostakolawx l-effett dirett proprju għar-regolamenti, peress li l-osservanza mill-qrib ta’ dan l-obbligu hija kundizzjoni indispensabbli għall-applikazzjoni simultanja u uniformi tar-regolamenti tal-Unjoni f’dan kollu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 1973, Variola, 34/73, Ġabra p. 981, punt 10; tal-31 ta’ Jannar 1978, Zerbone, 94/77, Ġabra p. 99, punti 24 u 25, kif ukoll tat-28 ta’ Marzu 1985, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 272/83, Ġabra p. 1057, punt 26). B’mod partikolari, l-Istati Membri ma jadottawx att li permezz tiegħu n-natura komunitarja ta’ regola ġuridika u l-effetti li jirriżultaw ikunu moħbija lill-persuni kkonċernati (ara s-sentenzi Variola, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11; Zerbone, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑113/02, Ġabra p. I‑9707, punt 16, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C‑316/10, Ġabra p. I‑13721, punt 41).

88      Issa, iffriżar ta’ fondi impost mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom bħala għan persuna li hija wkoll is-suġġett ta’ iffriżar ta’ fondi impost minn regolament tal-Unjoni, jista’ jaffettwa l-portata ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari minħabba l-fatt li d-definizzjoni tal-fondi kkonċernati mill-iffriżar kif ukoll mir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni eċċezzjonali tal-użu ta’ fondi ffriżati għal ċerti spejjeż bħal dawk previsti fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 2580/2001 jistgħu jvarjaw fuq livell nazzjonali u fuq livell tal-Unjoni.

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fir-rigward tal-kliem u l-għan tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, hekk kif esposti fil-punti 78 sa 82 tas-sentenza preżenti, it-tħassir tas-Sanctieregeling ma huwiex suffiċjenti sabiex l-appelanta tinżamm fil-lista kontenzjuża inkompatibbli mal-paragrafi 4 u 6 tal-imsemmi Artikolu 1.

90      Għall-bqija, ma jirriżultax mis-sentenza appellata li jeżistu indizzji li jindikaw li wara l-adozzjoni tas-Sanctieregeling, is-sitwazzjoni fattwali jew l-evalwazzjoni ta’ din mill-awtoritajiet nazzjonali kien tbiddel f’dak li jirrigwarda l-implikazzjoni tal-appellanta fil-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi. L-appellanta lanqas issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra tali indizzji.

91      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(4) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, meta kkunsidrat li, wara t-tħassir tas-Sanctieregeling, ma kienx jeżisti iktar “substratum” fid-dritt nazzjonali li jiġġustifika b’mod suffiċjenti skont il-liġi ż-żamma tal-appellanta fil-lista kontenzjuża, mingħajr ma jittieħed debitament inkunsiderazzjoni r-raġuni tal-imsemmi tħassir.

92      Konsegwentement, il-motiv uniku mqajjem mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa fondat, b’mod li hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata.

C –  Fuq l-appell inċidentali allegat mill-appellanta fil-kawża C‑550/10 P

93      Ir-risposta ppreżentata mill-appellanta fil-kawża C‑550/10 P hija wkoll intitolata “appell inċidentali”.

94      Madankollu, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 117(2) tar-Regoli tal-Proċedura, appell inċidentali jeżiġi li l-parti li tinvokah tkun trid tikseb l-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza appellata għal raġuni li ma kenitx tqajmet fl-appell (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 186), indipendentement mid-denominazzjoni tagħha.

95      Issa, f’din il-kawża, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-test tal-imsemmija risposta tillimita ruħha li tispjega r-raġunijiet li għalihom, skont l-appellanta, iż-żewġ partijiet tal-motiv invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jintlaqgħax. Min-naħa l-oħra, l-ebda motivazzjoni fir-rigward ta’ appell inċidentali ma ġiet adottata. F’dan ir-rigward, ma huwiex suffiċjenti li jintalab, fl-introduzzjoni tar-risposta, li jiġi kkunsidrat il-kontenut ta’ appell tal-kawża C‑539/10 P bħala ripetut u mdaħħal f’din ir-risposta.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-appell inċidentali tal-appellanta jiġi ddikjarat inammissibbli.

VI –  Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

97      B’mod konformi mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, f’każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, tiddeċiedi l-kawża definittivament, meta din tkun fi stadju li tiġi deċiża.

98      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rikors għal annullament tal-atti kontenzjużi ppreżentat mill-appellanta huwa fi stadju li jiġi deċiż u li hemm lok li tittieħed deċiżjoni definittiva fuq dan.

99      Għandu jitfakkar li l-appellanta ressqet essenzjalment ħames motivi.

A –  Fuq l-ewwel motiv

100    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(1), (2) u (4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 jinqasam f’erba’ partijiet, imsemmija fil-punt 22 tas-sentenza preżenti.

101    Preliminarjament, għandu jingħad li l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-partijiet kollha u li l-appellanta llimitat, fl-appell tagħha, li tikkritika ċ-ċaħda tat-tieni u t-tielet partijiet. B’hekk, l-appellanta ma titlobx iktar l-annullament tal-atti kontenzjużi fuq il-bażi tal-argumenti invokati inizzjalment fl-ewwel u r-raba’ parti tal-ewwel motiv tagħha. Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġu eżaminati dawn il-partijiet.

102    It-tieni parti tal-ewwel motiv tal-appellanta hija bbażata fuq li l-ebda awtorità kompetenti ma ħadet deċiżjoni fil-konfront tagħha, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931. L-appellanta ssostni f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, li la s-Sanctieregeling u lanqas id-deċiżjoni għal miżuri provviżorji ma jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji ta’ deċiżjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni.

103    Din il-parti ma hijiex fondata. Fil-fatt, mill-punti 64 sa 77 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-Kunsill kellu informazzjoni preċiża jew elementi tal-proċess li juru li deċiżjoni li tissodisfa d-definizzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kienet ittieħdet minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-appellanta.

104    F’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-Kunsill kontenuta fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li skont din l-atti kontenzjużi kienu fondati fuq id-deċiżjoni għal miżuri provviżorji biss, għandha titfakkar il-funzjoni tar-referenza għal deċiżjoni nazzjonali, li saret mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li tikkonsisti f’li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ provi jew indizzji serji u kredibbli tal-implikazzjoni tal-persuna kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, ikkunsidrati bħala affidabbli mill-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi kkomunikata darbtejn lill-appellanta b’ittri tat-23 ta’ April u tad-29 ta’ Ġunju 2007, tirreferi għas-Sanctieregeling. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija dikjarazzjoni tal-Kunsill tammonta biss għal argument invokat insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha li ma jorbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tal-atti kontenzjużi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u l-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 65).

105    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, l-appellanta ssostni li la l-espożizzjoni tal-motivi, la d-deċiżjoni għal miżuri provviżorji, la s-Sanctieregeling, u lanqas il-memorandum tal-AIVD ma juru l-iċken forma ta’ intenzjoni, ta’ ħtija jew ta’ għarfien min-naħa tagħha fir-rigward tas-sostenn ta’ attivitajiet terroristiċi. Issa, il-prova ta’ dawn il-punti, li fil-fehma tagħha taqa’ fuq il-Kunsill, hija determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tar-Regolament Nru 2580/2001. Il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ppreżuma li hija kienet taf li wħud mill-organizzazzjonijiet li kienu sarulhom donazzjonijiet kienu marbuta mal-Hamas u li dawn l-organizzazzjonijiet kienu min-naħa tagħhom jużaw dawn il-fondi sabiex iwettqu attentati terroristiċi.

106    F’dan ir-rigward, miċ-ċirkustanzi proprji għall-każ preżenti ġustament imsemmija fil-punti 128 sa 132 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-Kunsill seta’ jikkunsidra, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, li l-appellanta kienet konxja, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(k) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li l-attività tagħha ta’ ġbir u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi kienet tikkontribwixxi għall-attivitajiet kriminali ta’ grupp terroristiku.

107    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel motiv u, għalhekk, dan il-motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

B –  Fuq it-tielet motiv

108    It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, tal-Artikolu 2(3), tar-Regolament Nru 2580/2001 u ta’ rekwiżit sostanzjali. Permezz ta’ dan il-motiv, l-appellanta ssostni li l-Kunsill ma wettaq l-ebda eżami mill-ġdid tal-persistenza tal-motivi li ġġustifikaw id-deċiżjoni tal-iffriżar ta’ fondi inizzjali u tal-opportunità taż-żamma tal-inklużjoni tagħha fil-lista kontenzjuża u li b’hekk kiser rekwiżit sostanzjali.

109    L-appellanta ssostni li hija ma għadx għandha mezz kif tressaq quddiem l-istħarriġ ta’ qorti Olandiża l-eżattezza jew l-ineżattezza fattwali tal-akkużi magħmula mill-AIVD fl-2003, u inqas u inqas l-istatus attwali tal-organizzazzjonijiet li lilhom ittrasferixxiet fondi. Barra minn hekk, il-Kunsill ma setgħax jikkunsidra b’mod adegwat il-fatt li s-Sanctieregeling u d-deċiżjoni għal miżuri provviżorji ma wasslux fil-Pajjiżi l-Baxxi għal ebda ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew prosekuzzjoni fil-konfront tal-appellanta, filwaqt li s-Sanctieregeling tħassret immedjatament wara l-adozzjoni tal-ewwel miżura Komunitarja ta’ ffriżar tal-fondi tagħha.

110    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li mill-punti 78 sa 89 tas-sentenza preżenti jirriżulta li t-tħassir tas-Sanctieregeling fih innifsu ma huwiex suffiċjenti sabiex iż-żamma tal-appellanta fil-lista kontenzjuża ssir inkompatibbli mal-Artikolu 1(4) u (6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

111    Barra minn hekk, hekk kif intqal fil-punt 90 tas-sentenza preżenti, mis-sentenza appellata ma jirriżultax li jeżistu indizzji li jindikaw li, wara l-adozzjoni tas-Sanctieregeling, is-sitwazzjoni fattwali jew l-evalwazzjoni ta’ din mill-awtoritajiet nazzjonali tbiddlet f’dak li jirrigwarda l-implikazzjoni tal-appellanta fil-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi.

112    Lanqas ma l-appellanta sostniet iktar li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra tali indizzji jew li l-Kunsill kellu indizzji li setgħu jwasslu lil dan sabiex jikkunsidra li, wara l-adozzjoni tas-Sanctieregeling, l-appellanta kienet issospendiet jew waqfet milli tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi, u dan indipendentement mill-fatt li l-iffriżar tal-fondi tagħha kien jagħmel il-kontinwazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni iktar diffiċli, saħansitra impossibbli.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma ġiex ikkonstatat li l-Kunsill naqas mill-obbligu tiegħu ta’ eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

C –  Fuq it-tieni u r-raba’ motivi

1.     L-argumenti tal-partijiet

114    Permezz tat-tieni u r-raba’ motiv tagħha, l-appellanta ssostni li l-atti kontenzjużi jippreġudikaw id-dritt fundamentali tagħha li tgawdi l-proprjetà tagħha, bi ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari tal-prinċipju tal-proporzjonalità, tal-Artikolu 6 UE u tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

115    L-appellanta tirrikonoxxi li l-iffriżar ta’ fondi jippreġudika mhux is-sustanza stess tad-dritt ta’ proprjetà tal-persuni kkonċernati fuq l-assi finanzjarji tagħhom, iżda biss fuq l-użu tagħhom. Madankollu, f’din il-kawża, l-interferenza li tirriżulta mill-atti kontenzjużi tkun sproporzjonata. Fil-fatt, kien ikun possibbli li ssir għażla bejn numru ta’ miżuri adegwati fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, għan leġittimi fih innifsu, u l-miżura magħżula ma tkunx dik li twassal għall-inqas restrizzjonijiet għall-parti kkonċernata.

116    F’dan ir-rigward, l-appellanta takkuża lill-Kunsill li ffriża l-assi kollha tagħha, minkejja li dan setgħa wkoll b’mod effettiv u b’mod inqas restrittiv, jipprojbixxiha tħallas fondi lil ċerti organizzazzjonijiet partikolari, jew jipprojbixxilha biss l-appoġġ finanzjarju tal-proġetti mwettqa fil-Palestina, jew jawtorizzaha tħallas fondi lil ċerti organizzazzjonijiet umanitarji partikolari, jew jistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel minn awtorità nazzjonali qabel kull transazzjoni finanzjarja, jew inkella jimponilha obbligu rigoruż ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu tal-fondi previsti. L-appellanta madankollu ssuġeriet dawn il-miżuri alternattivi lill-Kunsill fl-ittra tagħha tal-25 ta’ Mejju 2007.

117    L-appellanta żżid li hemm ukoll lok li jiġu kkunsidrati l-inkonvenjenzi eċċessivi li jikkawżawlha l-atti kontenzjużi, sa fejn dawn jippreġudikaw l-essenza stess tal-eżistenza tagħha bħala donatriċi ta’ fondi għall-benefiċċju ta’ organizzazzjonijiet karitattivi. Konsegwentment għall-iffriżar tal-fondi tagħha, hija ma hijiex iktar fil-pożizzjoni li twettaq ebda attivitajiet li għalihom hija ġiet stabbilita, inkluż fosthom favur għanijiet karitattivi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

118    Barra minn hekk, iż-żmien mhux speċifiku u potenzjalment illimitat tal-miżuri inkwistjoni f’din il-kawża, diġà fis-seħħ għal iktar minn erba’ snin, isaħħaħ il-karattru sproporzjonat tagħhom. Ikun impossibbli li jiġi kkalkolat il-perijodu li fih, il-Kunsill iqis neċessarju li japplikalha dawn il-miżuri. L-appelanta stess ma tkun tista’ tagħmel xejn sabiex tbiddel il-pożizzjoni tagħha.

119    Il-Kunsill, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-atti kontenzjużi huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità b’mod li d-dritt tal-appellanta għar-rispett tal-proprjetà tagħha ma nkisirx.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

120    Il-miżura ta’ ffriżar ta’ fondi imposta mill-atti kontenzjużi tammonta għal miżura ta’ prekawzjoni li ma hijiex intiża li tiċħad lill-persuni kkonċernati mill-proprjetà tagħhom (ara s-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 358). Madankollu, hija tammonta inkontestabbilment għal restrizzjoni tal-użu mid-dritt ta’ proprjetà tal-appellanta, restrizzjoni li, madankollu, għandha tiġi kklassifikata b’mod konsiderevoli fir-rigward tal-portata ġenerali tal-miżura ta’ ffriżar u hekk kif jirriżulta mill-fatt li din ġiet imposta l-ewwel darba permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2003.

121    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ proprjetà ma tgawdix, fid-dritt tal-Unjoni, minn protezzjoni assoluta. Konsegwentement, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet għall-użu ta’ dan id-dritt, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw dawn l-għanijiet ta’ interess ġenerali mħaddna mill-Unjoni u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan imħaddan, għal intervent sproporzjonat u intolerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti b’dan il-mod (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra p. I‑3953, punt 21; Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 355, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, C‑548/09 P, Ġabra p. I‑11381, punti 89, 113 u 114).

122    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jiriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 61, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    B’referenza għall-għan tal-interess ġenerali tant fundamentali għall-komunità internazzjonali bħall-ġlieda permezz tal-mezzi kollha, b’mod konformi mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid fir-rigward tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali li jikkawżaw l-atti ta’ terroriżmu, l-iffriżar ta’ fondi, tal-assi finanzarji u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni identifikati skont ir-regoli previsti bir-Regolament Nru 2580/2001 u permezz tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 bħala implikati fil-finanzjament tat-terroriżmu, fihom infushom, ma jgħaddux bħala inadegwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bosphorus, punt 26; Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, punt 363, kif ukoll Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 115).

124    L-appellanta stess tirrikonoxxi l-leġittimità tal-għan imħaddan, jiġifieri l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fid-dawl taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, u din ma tikkontestax l-adegwatezza ta’ ffriżar ta’ fondi sabiex jintlaħaq dan l-għan. Hija tikkontesta biss il-karattru neċessarju u sproporzjonat tal-iffriżar tal-fondi tagħha impost mill-atti kontenzjużi.

125    F’dak li jirrigwarda l-karattru neċessarju, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri alternattivi u inqas restrittivi invokati mill-appellanta, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu tal-fondi mħallsa, ma jippermettix daqshekk b’mod effikaċi li jintlaħaq l-għan imħaddan, jiġifieri l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbilità li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti.

126    Barra minn hekk, iffriżar parzjali limitat għall-assi marbuta mal-finanzjament tat-terroriżmu ma huwiex previst la mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u lanqas mir-Regolament Nru 2580/2001. L-istess japplika għar-Reżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li tipprovdi, fil-paragrafu 1(c), b’mod ġenerali, li l-Istati għandhom jiffriżaw fondi u l-assi l-oħra finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ta’ persuni implikati fit-twettiq jew fit-tentattivi ta’ twettiq ta’ atti ta’ terroriżmu. Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat it-test u l-għan ta’ din ir-reżoluzzjoni għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li għandhom l-għan li jimplementaw dan (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, s-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, Ġabra p. I‑6213, punt 72; Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104, kif ukoll Melli Bank vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

127    Fir-rigward tal-karattru allegatament sproporzjonat taż-żamma tal-appellanta fil-lista kontenzjuża permezz tal-atti kontenzjużi, għandu jingħad li l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 2580/2001 jipprovdu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu sodisfatti bżonnijiet essenzjali jew jiġu ssodisfatti ċerti obbligi u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu rrilaxxati fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 364).

128    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, kuntrarjament għall-persuna kkonċernata fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar ’il fuq, l-appellanta kkontribwixxiet, permezz tal-imġiba tagħha, għas-sitwazzjoni li wasslitu għall-inklużjoni tiegħu fil-lista kontenzjuża, hekk kif jirriżulta mis-Sanctieregeling u mid-deċiżjoni għal miżuri provviżorji.

129    Fl-aħħar nett, iż-żamma tal-appellanta fil-lista kontenzjuża permezz tal-atti kontenzjużi ma tkunx ikklassifikata bħala sproporzjonata minħabba allegat karattru potenzjalment illimitat. Fil-fatt, din iż-żamma hija s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid perjodiku sabiex jiġi żgurat li l-persuni u entitajiet li ma jissodisfawx iktar il-kriterji sabiex jidhru fil-lista kontenzjuża jitħassru mil-lista (ara, b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 365).

130    B’hekk jirriżulta li, minħabba l-importanza essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fid-dawl taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, ir-restrizzjonijiet għad-dritt ta’ proprjetà tal-appellanta kkawżati mill-atti kontenzjużi ma humiex sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet previsti.

131    Konsegwentement, it-tieni u r-raba’ motivi tar-rikors ma humiex fondati u għandhom jiġu miċħuda.

D –  Fuq il-ħames motiv

1.     L-argumenti tal-partijiet

132    Permezz tal-ħames motiv, l-appellanta ssostni li d-Deċiżjoni 2007/445 ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni prevista fl-Artikolu 253 KE għal numru ta’ raġunijiet.

133    L-ewwel nett, il-Kunsill ma indikax ir-raġunijiet li għalihom huwa kkunsidra li kienet ittieħdet deċiżjoni f’din il-kawża minn awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

134    It-tieni nett, il-Kunsill ikkuntenta ruħu li juri kif l-appellanta waqat, skont dan, fil-qasam ta’ applikazzjoni formali tar-Regolament Nru 2580/2001, mingħajr ma’ indika r-raġunijiet li għalihom ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu ta’ evalwazzjoni, li l-appellanta kellha effettivament tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi.

135    It-tielet nett, il-Kunsill ma setax jindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa kkunsidra, wara eżami mill-ġdid, li l-iffriżar ta’ fondi tal-appellanta baqa’ ġustifikat. Huwa llimita ruħu li jirreferi għall-“konvinzjoni” tiegħu li r-raġunijiet li kienu ġġustifikaw l-inklużjoni inizzjali tal-appellanta fil-lista kontenzjuża baqgħu validi.

136    Ir-raba’ nett, l-appellanta takkunża lill-Kunsill li bl-ebda mod ma pprova jirrispondi għall-osservazzjonijiet ċirkustanzjati li hija bgħatitlu permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2007.

137    Il-Kunsill u l-Kummissjoni jqisu li d-Deċiżjoni 2007/445, moqrija flimkien mal-espożizzjoni tal-motivi u r-Regolament Nru 2580/2001, tkun adegwatament immotivata.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

138    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, għandu jinftiehem b’mod ċar u inekwivoku, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63; Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 166, kif ukoll E u F, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

139    Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, punt 166, kif ukoll Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 93).

140    Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att jissodisfax ir-rekwiżit tal-Artikolu 253 KE għandu jiġi evalwat fir-rigward mhux biss ta’ kliemu, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu kif ukoll mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw l-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra p. I‑6079, punt 66, kif ukoll Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 166).

141    L-ewwel nett, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 253 KE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-Kunsill jirrispondi b’mod detaljat għall-osservazzjonijiet imqajma mill-appellanta fil-konsultazzjoni tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1960, Barbara Erzbergbau et vs L-Awtorità Għolja, 3/58 sa 18/58, 25/58 u 26/58, Ġabra p. 367, 411, kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punti 72 u 73).

142    Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi nnotifikata lill-appellanta konġuntament mad-Deċiżjoni 2007/445 tindika r-raġunijiet individwali u speċifiċi li wasslu lill-Kunsill jikkunsidra, b’mod konformi mal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fuq il-bażi ta’ informazzjoni kkunsidrata bħala affidabbli minn awtorità nazzjonali, li l-appellanta kienet implikata fil-finanzjament tat-terroriżmu. Elementi bħal dawn kienu suffiċjenti sabiex jippermettu lill-appellanta tifhem dak li kien qed jiġi attribwit lilha.

143    Din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-atti l-oħra kontenzjużi, peress li ma huwiex ikkontestat li l-espożizzjoni tal-motivi invokata mill-Kunsill bħala li tiġġustifika dan l-att kienet identika għall-espożizzjoni msemmija iktar ’il fuq.

144    Fir-rigward tat-tieni argument tal-appellanta, mill-paragrafu 1(c) tar-Reżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Artikolu 2, paragrafi 1 u 3 tar-Regolament Nru 2580/2001 jirriżulta li l-iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fl-atti ta’ terroriżmu jammonta għar-regola. Għalhekk, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li ma indikax ir-raġunijiet supplementari li setgħu wassluh jikkunsidra li l-appellanta kellha effettivament tkun is-suġġet ta’ ffriżar ta’ fondi.

145    F’dak li jirrigwarda t-tielet argument tal-appellanta bbażat fuq nuqqas ta’ indikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom il-Kunsill ikkunsidra li l-iffriżar ta’ fondi tal-appellanta kien ġustifikat, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 111 u 112 tas-sentenza preżenti, ma hemmx indizzji li jindikaw li, sa mill-adozzjoni tas-Sanctieregeling, is-sitwazzjoni fattwali jew l-evalwazzjoni ta’ din mill-awtoritajiet nazzjonali kienet tbiddlet f’dak li jirrigwarda l-implikazzjoni tal-appellanta fil-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi. L-appellanta ma ssostnix l-anqas li l-Kunsill kellu informazzjoni li setgħet twasslu jikkunsidra li, wara l-adozzjoni tas-Sanctieregeling, l-appellanta kienet issospendiet jew waqfet milli tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġu esposti iktar fid-detall ir-raġunijiet li għalihom il-Kunsill kien konvint li l-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni tal-appellanta fil-lista kontenzjuża baqgħu validi.

147    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu jiġu miċħuda.

VII –  Fuq l-ispejjeż

148    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, li sar applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

149    Peress li l-appell tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġie milqugħ, u peress li ġie miċħud l-appell tal-appellanta kif ukoll ir-rikors tagħha kontra l-atti kontenzjużi, hemm lok, b’mod konformi mat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Kunsill, li l-appellanta tiġi kkundannata tbati, apparti l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kunsill fl-okkażjoni tal-appelli preżenti kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill fl-ewwel istanza.

150    Il-Kummissjoni bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti fl-istanzi rispettivi.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Settembru 2010, Al-Aqsa vs Il-Kunsill (T‑348/07), hija annullata.

2)      Ir-rikors u l-appell ta’ Stichting Al-Aqsa huma miċħuda.

3)      Stichting Al-Aqsa hija kkundannata tbati, apparti l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż sostnuti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-appelli preżenti kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fl-ewwel istanza.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti minnhom fl-istanzi rispettivi.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.