Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tad-19 ta' Novembru 2009 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof, Handelsgericht Wien -L-Awstrija, Il-Ġermanja) - Christopher Sturgeon, Gabriel Sturgeon, Alana Sturgeon (C-402/07), Stefan Böck, Cornelia Lepuschitz (C-432/07) vs Condor Flugdienst GmbH (C-402/07), Air France SA (C-432/07)

(Kawżi magħquda C-402/07 u C-432-07) 1

"Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Artikoli 2(l), 5, 6 u 7 - Kunċetti ta' 'dewmien' u ta' 'kanċellazzjoni' ta' titjira - Dritt għal kumpens fil-każ ta' dewmien - Kunċett ta' 'ċirkostanzi straordinarji"

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qrati tar-rinviju

Bundesgerichtshof, Handelsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Christopher Sturgeon, Gabriel Sturgeon, Alana Sturgeon (C-402/07), Stefan Böck, Cornelia Lepuschitz (C-432/07)

Konvenuti: Condor Flugdienst GmbH (C-402/07), Air France SA (C-432/07)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Bundesgerichtshof, Handelsgericht Wien - Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(l) u 5(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, p. 1)

Dispożittiv

L-Artikoli 2(l), 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira mdewma, indipendentement mit-tul tad-dewmien, anki jekk sinjifikattiv, ma tistax titqies li hija kkanċellata meta ssir skont l-iskeda inizjalment stabbilita mit-trasportatur tal-ajru.

L-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta' titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta' titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b'hekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta' dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta' ħin ta' tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat mit-trasportatur tal-ajru. Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f'pożizzjoni li jipprova li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it-trasportatur tal-ajru m'għandux kontroll effettiv.

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika fuq ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien ta' titjira ma taqax taħt il-kunċett ta' "ċirkostanzi straordinarji" fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, ħlief jekk din il-problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li fuqhom it-trasportatur m'għandux kontroll effettiv.

____________

1 - ĠU C 283, 24.11.2007.