Language of document : ECLI:EU:C:2015:363

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-4 ta’ Ġunju 2015 (1)

Kawża C‑650/13

Thierry Delvigne

vs

Commune de Lesparre Médoc

u

Préfet de la Gironde

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance de Bordeaux (Franza)]

“Artikoli 10 u 14(3) TUE – Artikolu 20(2)(b) TFUE – Artikolu 223(1) TFUE – Artikoli 39 u 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Att li jirrigwarda l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Demokrazija rappreżentattiva – Rappreżentazzjoni diretta – Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni – Il-Parlament Ewropew – Drittijiet tal-vot u dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew – Limitazzjoni ta’ dritt fundamentali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ċaħda perpetwa tad-drittijiet ċivili u politiċi – Leġiżlazzjoni kriminali inqas ħarxa mhux applikabbli għal dawk ikkundannati fl-aħħar istanza qabel id-dħul fis-seħħ tagħha – Trattament ugwali bejn ċittadini tal-Istati Membri – Inammissibbiltà”





1.        Fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja li l-għan tagħha hu li jiġi eskluż mir-reġistru elettorali ċittadin privat u d-dritt tal-vot u dritt tal-kandidatura tiegħu b’mod indefinit bħala konsegwenza addizzjonali ta’ kundanna għal reat ta’ qtil, qegħdin jiġu magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja żewġ domandi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti din is-sitwazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, b’invokazzjoni speċifika ta’ kull artikolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li huma relatati ma’ drittijiet fundamentali oħra: id-dritt għall-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-inqas ħarxa (it-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1)) u d-dritt tal-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (Artikolu 39(2)).(2)

2.        Kif spiss huwa l-każ kull meta titressaq l-applikazzjoni possibbli għal azzjoni ta’ awtorità pubblika nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tal-Karta (Artikolu 51(1)), anki f’dan il-każ hija meħtieġa, b’appoġġ essenzjali fil-ġurisprudenza stabbilita f’Åkerberg Fransson (3), l-eżaminazzjoni tal-imsemmija kwistjoni preliminari dwar jekk dawn humiex dispożizzjonijiet legali nazzjonali implimentati skont id-dritt tal-Unjoni.

3.        Ser nipproponi risposta separata għal din id-domanda preliminari, li tippermettili nittratta sussegwentement, b’mod esklużiv, it-tieni domanda preliminari magħmula, jiġifieri, l-osservanza mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, bl-għajnuna importanti, din id-darba, tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Liġi Internazzjonali

4.        L-Artikolu 3 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi li:

“Il-Partijiet Għolja Kontraenti jobbligaw ruħhom li jżommu elezzjonijiet liberi f’intervalli xierqa b’votazzjoni sigrieta, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw l-espressjoni libera ta’ l-opinjoni tal-poplu fl-għażla tal-leġiżlatura.”

B –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      It-Trattat tal-Unjoni Ewropea

5.        L-Artikolu 10 TUE jipprovdi li ġej:

“1. Il-funzjonament ta’ l-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva.

2. Fil-livell ta’ l-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew.

[…]

3. Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika ta’ l-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.

[…]”

6.        Fir-rigward tal-Artikolu 14(3) TUE, “[i]l-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti għal mandat ta’ ħames snin b’vot universali dirett, liberu u sigriet.”

2.      It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

7.        L-Artikolu 20 TFUE jipprovdi kif ġej:

“1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

[…]

b)      id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ- ċittadini ta’ dak l-Istat;

[…]

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.”

8.        B’mod konformi mal-Artikolu 22(2) TFUE, “[m]ingħajr ħsara għall-Artikolu 223 u għad-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu, kull ċittadin ta’ l-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat skond arranġamenti dettaljati li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skond il-proċedura leġislattiva speċjali wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew; dawn l-arranġamenti jistgħu jipprovdu għal derogi fejn ikun meħtieġ minħabba fi problemi speċifiċi għal xi Stat Membru.”

3.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

9.        L-Artikolu 39 tal-Karta jipprovdi kif ġej:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn jirrisjedi, bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għaċ- ċittadini ta’ dak l-Istat.

2.      Il-membri tal-Parlament Ewropew għandhom jiġu eletti b’vot dirett universali li hu liberu u sigriet.”

10.      Skont l-Artikolu 49(1) tal-Karta, “[l]-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat. Jekk wara li twettaq ir-reat, il-liġi tipprovdi għal piena inqas, dik il-piena għandha tkun applikabbli.”

11.      L-Artikolu 51 tal-Karta jaqra kif ġej:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u firrispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati.

2.      Il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta’ l-Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.”

12.      L-Artikolu 52 tal-Karta jipprovdi li:

“1.      Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

2.      Id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fihom.

3.      Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]”

4.      Att li jittratta l-elezzjoni tal-Membri għall-Parlament Ewropew (4)

13.      L-Artikolu 1 tal-Att tal-1976 jistipula li ġej:

“1.      F’kull Stat Membru, membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu eletti fuq il-bażi ta’ rapreżentanza proporzjonali, bl-użu tas-sistema ta’ lista jew tal-vot wieħed trasferibbli.

[…]

3.      L-elezzjonijiet għandhom ikunu b'vot dirett universali u għandhom ikunu ħielsa u sigrieti”

14.      Skont l-Artikolu 8 tal-Att tal-1976, “[s]uġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun irregolata f’kull Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu […]”.

C –    Id-dritt Franċiż

15.      B’mod konformi mal-Artikolu 28 tal-Kodiċi Kriminali stabbilit mil-Liġi Nru 1810-02-12, tat-12 ta’ Frar 1810 (iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Kriminali ta’ qabel”), il-kundanna ta’ piena kriminali tinvolvi d-degradazzjoni ċivika, li jfisser, skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi Kriminali ta’ qabel, iċ-ċaħda mid-dritt tal-vot, mill-kandidatura, mill-eliġibbiltà u, b’mod ġenerali, mid-drittijiet ċiviċi u politiċi kollha.

16.      Il-Kodiċi Kriminali ta’ qabel kien imħassr b’effett mill-1 ta’ Marzu 1994 bil-Liġi Nru 92-1336, tas-16 ta’ Diċembru 1992, dwar id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid u l-emenda ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali u tal-proċedura kriminali.

17.      L-Artikolu 370 tal-Liġi tas-16 ta’ Diċembru 1992 (iktar ’il quddiem, il-“Liġi tal-1992”), kif ġie emendat bl-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 94-89, tal-1 ta’ Frar 1994, jipprovdi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 702-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, għandhom jinżammu l-pieni taċ-ċaħda tad-drittijiet ċiviċi, ċivili u tal-familja, kif ukoll il-projbizzjoni li wieħed iservi bħala ġurat bħala riżultat ta’ kundanna penali mogħtija fl-aħħar istanza qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dik il-liġi.

18.      L-Artikolu 702-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, kif ġie emendat bil-Liġi°2009-1436, tal-24 ta’ Novembru 2009, penitenzjarja, jipprovdi li kull persuna affettwata minn ċaħda, projbizzjoni jew inkapaċità li tirriżulta minn kundanna penali prinċipali jew aċċessorja tista’ titlob lill-ġurisdizzjoni tissospendiha b’mod sħiħ jew parzjalment.

19.      Il-Liġi Nru 77-729, tas-7 ta’ Lulju 1977, dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew, tistabbilixxi fl-Artikolu 2 tagħha li ser tkun irregolata mill-Kodiċi Elettorali.

20.      Il-Kapitolu 1 tat-Titolu I tal-Ktieb I tal-Kodiċi Elettorali, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex wieħed ikun eliġibbli għall-vot, jipprovdi fl-Artikolu L 2 tiegħu li l-votanti huma l-Franċiżi li għandhom iktar minn 18-il sena li jgawdu mid-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom u li ma humiex affettwati minn xi nuqqas ta’ kapaċità skont il-liġi.

21.      Skont l-Artikolu L 6 tal-Kodiċi Elettorali, matul iż-żmien stabbilit fis-sentenza, dawk li kienu mċaħħda mid-dritt tal-vot mill-qrati permezz tal-applikazzjoni tal-liġijiet, ma jistgħux jirreġistraw lilhom infushom fir-reġistru.

II – Il-fatti

22.      It-talba għal deċiżjoni preliminari toriġina minn proċedura legali mibdija minn Thierry Delvigne kontra d-deċiżjoni amministrattiva li l-eskludietu mir-reġistru elettorali bħala konsegwenza tal-piena taċ-ċaħda tad-dritt tal-vot addizzjonali għall-kundanna finali tiegħu għal tnax-il sena priġunerija għar-reat ta’ qtil.

23.      Fiż-żmien tal-kundanna finali ta’ Thierry Delvigne, fit-30 ta’ Marzu 1988, il-Kodiċi Kriminali Franċiż ta’ qabel kien jipprovdi għaċ-ċaħda perpetwa mid-dritt tal-vot ta’ dawk li jiġu kkundannati għal piena kriminali. Il-Liġi tal-1992 neħħa n-natura awtomatika u indefinita ta’ din il-piena addizzjonali, iżda biss għall-kundanni mogħtija wara d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi l-ġdid.

24.      Thierry Delvigne appella quddiem it-Tribunal d’instance de Bordeaux l-esklużjoni tiegħu mir-reġistru elettorali, fejn talab li ssir domanda preliminari peress li jsostni l-liġi nazzjonali applikata timplika trattament diskriminatorju li jmur kontra l-Karta. It-Tribunal d’instance laqgħet din it-talba, li wasslet għal din il-proċedura.

III – Id-domanda magħmula

25.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa fid-9 ta’ Diċembru 2013, hija kif ġej:

“1)      L-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi li artikolu tal-liġi nazzjonali jżomm fis-seħħ projbizzjoni, li barra minn hekk hija indefinita u sproporzjonata, li persuni kkundannati qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi kriminali inqas ħarxa Nru 94-89 tal-1 ta’ Frar 1994 jibbenefikaw minn piena inqas severa?

2)      L-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea applikabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandu jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea l-obbligu li ma jipprevedux projbizzjoni ġenerali, indefinita u awtomatika mill-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi, bil-għan li ma tinħoloqx inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Dehru fil-proċedura, billi ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub, Thierry Delvigne, il-commune de Lesparre-Médoc, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Ingliż, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Franċiż, kif ukoll il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Dawn kollha dehru fis-seduta pubblika, li nżammet fl-20 ta’ Jannar 2015. Fiha, u b’mod konformi mal-Artikolu 61(1) u (2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jirrispondu diversi domandi: 1) Jekk l-Artikolu 370 tal-Liġi tal-1992 jikkostitwixxix preżunzjoni ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. 2) Liema huma l-“għanijiet ta’ interess ġenerali”, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jittieħdu bħala bażi għar-restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-vot li jirriżultaw minn kundanna kriminali. 3) Bħala domanda indirizzata b’mod partikolari lejn il-Gvern Franċiż, liema persuni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 370 tal-Liġi tal-1992 u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiksbu revoka, totali jew parzjali, taċ-ċaħda mid-dritt. 4) B’mod partikolari għal Thierry Delvigne, jekk talabx revoka, totali jew parzjali, taċ-ċaħda mid-dritt tal-vot u, jekk applikabbli, x’riżultati kien hemm.

V –    L-argumenti

A –    Dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Il-Gvern Franċiż isostni, primarjament, li d-digriet tar-rinviju huwa manifestament inammissibbli peress li ma jagħtix indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għaliex id-domandi magħmula huma neċessarji biex tiġi riżolta t-tilwima inkwistjoni, u lanqas ma jiddefinixxi fih b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li huma magħmula fih dawn id-domandi.

28.      Il-Gvern Spanjol u l-Gvern Franċiż jikkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tirrispondi għad-domandi magħmula. Għall-Gvern Franċiż, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li d-dispożizzjoni involuta għandha n-natura ta’ regola tal-liġi kriminali tranżitorja li ssegwi għanijiet li ma humiex koperti mir-regoli tal-Unjoni. Il-Gvern Spanjol jindika l-kompetenza tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-persuni intitolati biex jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

29.      Il-Gvern Ġermaniż, min-naħa tiegħu, isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel domanda peress li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda element li jwassal biex jiġi kkunsidrat li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni differenti minn dawk li jinsabu fil-Karta.

30.      Kemm Thierry Delvigne kif ukoll il-Kummissjoni u, f’dak li jirrigwarda t-tieni domanda biss, il-Parlament Ewropew jiddefendu l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri japplikaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jadottaw dispożizzjonijiet ta’ portata ġenerali jew individwali bil-għan li jiddeterminaw min huma l-benefiċjarji tad-dritt tal-vot għall-Parlament Ewropew. Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tal-Att tal-1976, jobbligahom jużaw il-kompetenza tagħhom biex jagħmlu dan, u f’dan is-sens ikunu marbuta mid-drittijiet rikonoxxuti fil-Karta.

31.      Il-Parlament Ewropew jemmen li l-Karta hija applikabbli u li, konsegwentement, huwa xieraq li tingħata risposta għat-tieni domanda. Fl-opinjoni tiegħu, fid-dawl tal-Artikolu 14(3) TUE, tal-Artikolu 223(1) TFUE u l-Artikoli 1(3) u 8 tal-Att tal-1976, Franza applikat id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Karta, meta adottat dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt tal-vot għall-Parlament Ewropew. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni differenti mill-Karta u, f’dan ir-rigward, Franza tirrispondi għal obbligu speċifiku li ġej mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, li tiżgura l-elezzjoni b’vot universali tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, bi tweġiba għall-Artikolu 8 tal-Att tal-1976, għalkemm il-proċedura elettorali hija rregolata permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, dawn jaqgħu fi ħdan id-dritt tal-Unjoni. Il-fatt li d-dritt Franċiż jirregola l-proċedura elettorali għall-Parlament Ewropew b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Elettorali applikabbli għall-elezzjonijiet l-oħra li jinżammu fi Franza ma jfissirx li l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet Ewropej jikkorrispondi għal kompetenza li ma hijiex attribwita lill-Unjoni.

B –    Dwar l-ewwel domanda

32.      Thierry Delvigne jqis li l-Artikolu 49 tal-Karta jmur kontra dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 370 tal-Liġi 1992, li timpedixxi effett retroattiv determinat għal liġi kriminali inqas ħarxa, u b’hekk tinħoloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-persuni kkundannati qabel l-1994 u dawk ikkundannati wara din id-data.

33.      Il-commune de Lesparre-Médoc, il-Gvern Brittaniku u l-Gvern Franċiż – sussidjarjament – u l-Kummissjoni jsostnu li l-Artikolu 49(1) tal-Karta ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm fil-mument meta Thierry Delvigne kien definittivament ikkundannat ma kinitx fis-seħħ liġi inqas ħarxa. Għalhekk, dan jirriżulta kemm mill-formulazzjoni tal-Artikolu 49(1) tal-Karta kif ukoll skont mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

C –    Dwar it-tieni domanda

34.      Thierry Delvigne jsostni li l-Artikolu 39 tal-Karta jipprekludi wkoll dak previst fl-Artikolu 370 tal-Liġi tal-1992 fejn joħloq inugwaljanza f’termini tan-nazzjonalità, billi jinvoka f’dan ir-rigward il-ksur tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB.

35.      Il-commune de Lesparre-Médoc iqis li ma hemm ebda inugwaljanza fit-trattament peress li l-piena pprovduta fil-Kodiċi Elettorali qabel il-Liġi tal-1992 kienet applikabbli, taħt l-istess kundizzjonijiet, għal kull ċittadin tal-Unjoni li xtaq jivvota fi Franza.

36.      Il-Gvern Franċiż jipproponi li, sussidjarjament, tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 39 tal-Karta ma jipprojbixxix li l-Istati Membri jimponu ċaħda indefinita tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot fil-każ ta’ kundanna għal delitt serju, suġġett għall-kontemplazzjoni ta’ possibbiltà ta’ tneħħija tagħha. L-ewwel nett, il-Gvern Franċiż jispjega li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdix ċaħda ġenerali u indefinita. Minn naħa waħda, iċ-ċaħda taffettwa lil dawk li, bħal Thierry Delvigne, ġew ikkundannati għal piena ta’ priġunerija ta’ bejn ħames snin u għomor il-ħabs; din ma hijiex piena awtomatika u indipendenti mit-tul tas-sentenza jew il-gravità tad-delitt. Min-naħa l-oħra, il-persuna affettwata miċ-ċaħda tista’ titlob ir-revoka tagħha, li ma tidhirx li saret minn Thierry Delvigne.

37.      It-tieni nett, il-Gvern Franċiż isostni li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jawtorizza lill-Istati Membri jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti fil-Karta nnifisha sakemm jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet li, skont dan il-Gvern, jiġu milħuqa fil-każ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

38.      Il-Gvern Ġermaniż jipproponi li tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 39(2), tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju tal-vot universali jippermetti ċ-ċaħda tad-dritt tal-vot għal raġunijiet serji bħall-iżgurar li r-rappreżentazzjoni tal-korp elettorali ma tiġix fdata lil persuni li ngħataw kundanna definittiva. Raġuni bħal din tiġġustifika ċ-ċaħda tad-dritt tal-vot fil-każ ta’ kundanna kriminali definittiva, sakemm ir-regola tagħmel distinzjoni b’mod suffiċjenti skont il-gravità tal-piena u t-tul taċ-ċaħda, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali biex tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni applikata tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

39.      Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li l-Artikolu 39 tal-Karta ma jimpedixxix lill-Istati Membri milli jadottaw miżura li, bħal dik applikata fil-kawża prinċipali, ma tiddiskriminax bejn ċittadini tal-Istati Membri. Fil-fehma tiegħu, huwa ċar li d-dritt tal-Unjoni ma jirrikonoxxix dritt tal-vot suxxettibbli li jiġi invokat kontra din il-miżura għal raġuni li ma hijiex waħda ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet Ewropej taqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri u l-Artikolu 39 tal-Karta ma jistax jiġi interpretat b’mod ieħor li ma jinvolvix ir-riskju li jestendi l-kompetenzi tal-Unjoni bi ksur tal-Artikolu 6(1) TUE. It-tieni nett, Thierry Delvigne ma jistax jinvoka l-Artikolu 39(1) tal-Karta peress li huwa ċittadin Franċiż u ma eżerċitax il-libertà ta’ moviment bħala ċittadin Ewropew. L-Artikolu 39 jirrifletti d-drittijiet mogħtija mill-Artikoli 20 u 22 TFUE u japplika fil-limiti u bil-kundizzjonijiet previsti taħt dawk id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, id-dritt rikonoxxut fl-Artikolu 39 tal-Karta huwa rriżervat għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li ma huwiex dak tan-nazzjonalità tagħhom. Il-fatt li, f’każijiet eċċezzjonali, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jinvokaw iċ-ċittadinanza tagħhom tal-Unjoni quddiem l-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom ma jaffettwax il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-vot.

40.      Il-Parlament Ewropew isostni li l-Artikolu 39 tal-Karta fih drittijiet suġġettivi stabbiliti għall-benefiċċju tal-individwi. Fil-fehma tiegħu, id-dritt tal-vot rikonoxxut fih ma huwiex iggarantit biss għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jivvutaw fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tagħhom, iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-Istat Membru tal-votazzjoni.

41.      F’dan ir-rigward il-Parlament Ewropew isostni, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta minn dak previst u mill-ispjegazzjonijiet tal-Karta, l-Artikolu 39 jinkludi żewġ drittijiet fundamentali differenti, jiġifieri, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ċittadini tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom biex jivvutaw f’dan tal-aħħar fl-elezzjonijiet Ewropej (paragrafu 1) u, ukoll, dritt għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b’vot dirett universali, liberu u sigriet (paragrafu 2).

42.      It-tieni nett, il-Parlament Ewropew isostni li l-portata tal-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu ma hijiex limitata mill-espressjoni “bl-istess kondizzjonijiet applikabbli bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat”, peress li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li huwa marbut magħha dan id-dritt, timplika statut li l-effetti legali tiegħu huma applikati anki fin-nuqqas ta’ element transkonfinali.

43.      It-tielet nett, il-Parlament Ewropew jemmen li biex jingħata effett utli lill-Artikolu 39(2) tal-Karta, din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala li tinkludi dritt suġġettiv li jikkomplementa l-Artikolu 14(3) TUE. F’dan is-sens, il-vot universali, li huwa l-kunċett ċentrali biex tiġi ddefinita s-sustanza ta’ dan id-dritt, jimplika dritt ratione personae, fil-prinċipju, ġenerali, li jinvolvi protezzjoni inkundizzjonata mhux biss taċ-ċittadini tal-Unjoni li jivvutaw fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, iżda wkoll taċ-ċittadini tal-Istat Membru tal-post tal-votazzjoni.

44.      Għall-Parlament Ewropew, kwalunkwe restrizzjoni tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Ewropej tikkostitwixxi ndħil fid-dritt taċ-ċittadin tal-Unjoni għad-dritt tal-vot universali ggarantit mill-Karta u, skont l-Artikolu 52(1) tal-istess Karta u l-ġurisprudenza, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw dritt biss jekk jirrispettaw ċerti kundizzjonijiet. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Parlament Ewropew jemmen li r-restrizzjoni tkun sproporzjonata jekk tkun kumulattiva, ġenerali, awtomatika u mhux iddifferenzjata fir-rigward tal-gravità tar-reat imwettaq. Għall-kuntrarju, din tista’ tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali jekk tiġi applikata għal ċerti reati differenzjati biżżejjed u jekk ikun possibbli li tiġi rriveduta, fejn hija l-qorti nazzjonali dik li għandha tivverifika tali eżaminazzjoni tal-proporzjonalità fid-dawl ta’ kif intużat din il-possibbiltà.

45.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għal dak li tikkunsidra l-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-esklużjoni ta’ Thierry Delvigne mir-reġistru elettorali ma jinvolvux trattament differenti bejn iċ-ċittadini ta’ Stati Membri differenti, iżda trattament differenti bejn il-kategoriji differenti ta’ votanti. Din id-differenza għandha titqies fir-rigward tal-ħtieġa ta’ vot universali għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.

46.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tħoss li għandha tirrispondi d-domanda fl-istess sens bħall-Parlament Ewropew.

VI – Evalwazzjoni

47.      Din id-domanda preliminari kienet suġġett ta’ oġġezzjonijiet ta’ ammissibbiltà minn żewġ perspettivi differenti ħafna. Minn naħa waħda, kif jirriżulta, b’intensità differenti, min-naħa tal-intervjenenti, id-digriet tar-rinviju huwa fformulat f’termini tant dgħajfa li diffiċli jiġi aċċettat li jissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza rigward l-espożizzjoni korretta tal-kuntest fattwali u regolatorju li fih huma magħmula d-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u rigward il-merti tar-raġunijiet li jeħtieġu r-risposta biex tiġi riżolta l-kawża prinċipali.

48.      Barra minn hekk, u, fl-opinjoni tiegħi, b’mod ħafna iktar rilevanti, inħolqot ukoll problema ta’ ġurisdizzjoni minn din l-istess perspettiva tal-ammissibbiltà. Fil-fatt, huwa diskuss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tagħti risposta għad-domandi li tagħmlilha l-qorti tar-rinviju u li jirrigwardaw ir-rispett minn Stat Membru għal diversi drittijiet fundamentali li jinsabu fil-Karta. Huwa diskuss sa fejn – huwa osservat minn uħud mill-partijiet – ma jkunux involuti atti adottati fl-applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni, bil-konsegwenzi loġiċi li jirriżultaw minn dan fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn iż-żewġ domandi għandhom jiġu kkunsidrati separatament minn qabel.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

49.      Kif għadu kif ġie diskuss, il-Gvern Franċiż isostni li, fit-termini li saret fihom, din id-domanda preliminari hija manifestament inammissibbli. Fil-fehma tiegħu, l-ispjegazzjoni mhux adegwata tal-qafas fattwali u regolatorju li fih jiġu magħmula d-domandi tal-qorti tar-rinviju ma tippermettix li jinftiehmu eżattament it-termini tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li, apparti li jimpedixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli għar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima, iċaħħad lill-Istati Membri u lil partijiet interessati oħra mill-possibbiltà li jissottomettu osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50.      Apparti l-partijiet fil-kawża prinċipali, l-intervenjenti kollha f’dan il-proċess jaqblu, ftit jew wisq, mal-kritika tal-Gvern Franċiż, għalkemm mhux sal-punt li jitolbu l-inammissibbiltà tat-talba għal dik ir-raġuni.

51.      Bi tweġiba għal dawn l-oġġezzjonijiet, għandu l-ewwel nett jingħad li rarament seħħ il-fatt fejn domanda preliminari waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’argumenti tant dgħajfa, filwaqt li fl-istess ħin, tant espressivi rigward il-problema ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li speċifikament tqajjem.

52.      Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju llimitat ruħha biss biex tittrażmetti lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-termini li qajjem Thierry Delvigne, fil-proċess a quo, id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-każ mal-Artikoli 39 u 49 tal-Karta, b’mod notevolment fil-qosor u kważi mingħajr ebda żvilupp ta’ argument. Minn din il-perspettiva biss, għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala ġġustifikati wħud mill-kritiki li saru rigward id-digriet tar-rinviju ta’ din id-domanda preliminari.

53.      Madankollu, fl-istess ħin, minkejja t-termini dgħajfa li ġew esposti bihom, iż-żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma, finalment, tant sempliċi u espressivi fihom infushom li ma hemmx bżonn ħafna immaġinazzjoni biex “jiġu rikostitwiti” b’mod suffiċjenti, għall-inqas għall-finijiet tal-għoti ta’ risposta lill-qorti tar-rinviju, il-kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali li huma kkontestati hawnhekk. L-argumenti tal-Gvern tar-Renju Unit fil-paragrafu 2 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu juru li, fil-fatt, ma huwiex diffiċli li tittieħed idea ċara tal-problema fundamentali mqajma mit-Tribunal d’instance.

54.      Barra minn hekk, fil-każ preżenti, il-problema fuq il-merti mqajma fil-proċess inkwistjoni, rigward id-drittijiet fundamentali, tidher li diġà ġiet iċċarata mill-perspettiva u permezz tal-istrumenti proċedurali offruti mid-dritt nazzjonali. Issa hija l-Karta, f’żewġ dispożizzjonijiet tagħha, li qed tiġi invokata kontra l-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat sa fejn, impliċitament u b’riferiment għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, huma meqjusa bħala applikati skont id-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u għalhekk mingħajr ma jiġu skużati n-nuqqasijiet tad-digriet tar-rinviju, inqis li għandu jiġi eżaminat b’attenzjoni partikolari jekk in-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq fil-fatt jimpedixxux lill-Qorti tal-Ġustizzja jew le milli tirrispondi d-domandi magħmula. Għalhekk, ma rridux ninsew kif, skont ġurisprudenza stabbilita sew, għandha tiġi rrifjutata risposta għal domanda preliminari biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jsirulha (5).

55.      F’dan is-sens, nemmen li l-informazzjoni u l-kunsiderazzjonijiet li tipprovdi l-qorti tar-rinviju huma suffiċjenti biex tiġi identifikata l-problema ta’ kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni mqajma fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u b’mod iktar speċifiku mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 370 tal-Liġi tal-1992.

56.      Fir-rigward tal-ewwel domanda, it-Tribunal d’instance stqarret li dan “l-Artikolu pprovda għall-iskwalifika perpetwa tal-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili bħala riżultat ta’ kundanna kriminali mogħtija fl-aħħar istanza qabel l-1 ta’ Marzu 1994”, filwaqt li ddikjarat ukoll li Thierry Delvigne – f’evalwazzjoni tal-qorti fejn iddikjarat li “tikkunsidra t-talba [tiegħu]” tat-tqegħid ta’ domanda preliminari (6) – “tqis li dan l-artikolu jikser diversi dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u [dawk ta’] l-Artikolu 3 [tal-Protokoll addizzjonali Nru ] tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali”.

57.      Din ma hijiex dikjarazzjoni mingħajr argument, peress li l-qorti tar-rinviju tispjega li din tinvolvi “primarjament l-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta minn dan fir-rigward tal-persuni kkundannati wara l-1 ta’ Marzu 1994 u li jibbenefikaw minn liġi inqas ħarxa, fejn hu stess ġie kkundannat għal sentenza fl-aħħar istanza fit-30 ta’ Marzu 1988, u l-kontradizzjoni [li tirriżulta minn dan] [...] bejn il-liġi Franċiża u l-liġi Komunitarja.”

58.      Id-“dispożizzjonijiet differenti tal-Karta” li invoka b’mod ġeneriku Thierry Delvigne ġew limitati mit-Tribunal d’instance de Bordeaux għall-Artikolu 49 biex tiġi fformulata l-ewwel domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens ta’ jekk dak l-Artikolu partikolari “jipprekludi[x] li artikolu tal-liġi nazzjonali jżomm fis-seħħ projbizzjoni, li barra minn hekk hija indefinita u sproporzjonata, li persuni kkundannati qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi kriminali inqas ħarxa Nru 94-89 tal-1 ta’ Frar 1994 jibbenefikaw minn piena inqas severa.”

59.      Id-digriet tar-rinvju ma huwiex wisq iktar espressiv, iżda pjuttost l-oppost, fit-tieni domanda tiegħu. Madankollu, mhux għalhekk, li l-kunsiderazzjonijiet tiegħu huma kompletament inkapaċi li jesprimu l-problema legali li għandha tingħata risposta għaliha fil-kawża prinċipali. Għalhekk, ftit qabel ifformulat iż-żewġ domandi tagħha, il-qorti ddikjarat li “tqis li għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ż-żewġ domandi preliminari [...], waħda dwar kriterju ta’ żmien u l-oħra li tikkonċerna kriterju ta’ nazzjonalità.” Ċertament, il-“kriterju ta’ nazzjonalità” isir viżibbli biss fil-kliem tat-tieni domanda, fejn jiġi mistoqsi jekk “l-Artikolu 39 tal-Karta [...], applikabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, [ ...] jimponi[x] fuq l-Istati Membri [...] li ma jipprevedux projbizzjoni ġenerali,  indefinita u awtomatika mill-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi, bil-għan li ma tinħoloqx inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri”.

60.      Id-digriet tar-rinviju, għalhekk, jippermetti b’mod suffiċjenti, l-identifikazzjoni taż-żewġ problemi legali rilevanti li fuqhom hija mitluba l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex it-Tribunal d’instance tkun tista’ tiddetermina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-proċess inkwistjoni hijiex kompatibbli jew le mad-dritt tal-Unjoni. Minn naħa waħda, jekk, skont l-Artikolu 49 tal-Karta, għandhiex tiġi eskluża, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-applikazzjoni retroattiva ta’ liġi kriminali inqas ħarxa. Min-naħa l-oħra, jekk, skont l-Artikolu 39 tal-Karta, hijiex possibbli ċ-ċaħda indefinita tad-dritt tal-vot bħala piena addizzjonali.

61.      Konsegwentement, nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tifhem, b’ħila minima, il-problema li għandha tiġi riżolta mill-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali involuta fil-proċess primarju mad-dritt tal-Unjoni u, f’dan ir-rigward, tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta’ dik il-kwistjoni billi tipprovdi interpretazzjoni rilevanti ta’ dak id-dritt.

62.      Id-domanda preliminari, għalhekk, fil-fehma tiegħi, tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun ammissibbli mill-perspettiva tan-nuqqas allegat tad-digriet tar-rinviju fir-rigward tar-rekwiżiti formali tagħha. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta l-oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tagħha.

B –    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: Il-portata tal-applikazzjoni tal-Karta fiċ-ċirkustanzi tal-każ

63.      Il-kunsiderazzjonijiet tal-partijiet kienu numerużi u varjati wkoll fir-rigward jekk l-azzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali saritx “skont id-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1), tal-Karta, bl-impatt konsegwenti fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi lill-qorti tar-rinviju. F’xi każijiet, bħal dak tal-Gvern Ġermaniż, ir-risposta għal din id-domanda għamlet distinzjoni bejn id-drittijiet fundamentali invokati, id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 39 tal-Karta) u d-dritt għal piena sussegwenti l-inqas ħarxa (l-Artikolu 49(1), it-tielet sentenza, tal-Karta). Nemmen li, għar-raġunijiet li se nispjega, din l-analiżi differenti tad-domanda magħmula hija imposta fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Iżda, qabel, għandha tiġi mfakkra fil-qosor l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-klawżola inkwistjoni.

1.      Fuq il-portata tal-klawżola skont liema l-Karta tindirizza lill-Istati Membri “biss meta huma jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” (l-Artikolu 51(1) tal-Karta). Digriet

64.      Id-dikjarazzjoni li għadni kif ikkwotajt ħolqot problemi ta’ interpretazzjoni ta’ prinċipju, li wassal għal dibattitu importanti dottrinali (7), magħmul parzjalment minn ċerta tensjoni li kien mixtieq li tiġi nnotata bejn il-ġurisprudenza preċedenti u l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni (8).

65.      Is-sentenza msemmija fil-kawża Åkerberg Fransson (9) iddikjarat, b’konferma tad-duttrina preċedenti msemmija, li “essenzjalment, [...] [i]d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn tali sitwazzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diġà li hija ma tistax tevalwa, fid-dawl tal-Karta, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, ġaladarba tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidħol fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali, li hija tiżgura r-rispett tagħhom” (10).

66.      Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza li, peress li “d-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta għandhom, konsegwentement, jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. L-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta.”

67.      Fl-aħħar nett, bħala proklamazzjoni ugwalment ta’ prinċipju, il-punt 29 tas-sentenza jipprovdi li fil-każ ta’ sitwazzjonijiet irregolati mil-Liġi nazzjonali “ma [humiex iddeterminati] interament mid-dritt tal-Unjoni”. F’dak il-każ, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jistgħu leġittimament “japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġaladarba din l-applikazzjoni ma tippreġudikax il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni” (11).

68.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fuq dan il-punt il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenza Melloni, li fil-punt 60 tagħha, b’riferiment għall-Artikolu 53 tal-Karta u, għaldaqstant, b’riferiment għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprovdu standards ta’ protezzjoni superjuri, tipprovdi li “l-Artikolu 53 tal-Karta jikkonferma li, fejn att tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sakemm din l-applikazzjoni ma tikkompromettix il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni” (12).

69.      Il-“kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, għalhekk, huwa ddefinit bħala dak li fih is-“sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni”. Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tal-Karta ma tistax twassal għal estensjoni tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni mit-Trattati, u għalhekk, kif ġie mfakkar fis-sentenza Åkerberg Fransson (13) stess, skont l-Artikolu 6(1) TUE, “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Karta bl-ebda mod ma jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif inhuma ddefiniti fit-Trattati. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 51(2) tal-Karta, din tal-aħħar ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u lanqas ma tistabbilixxi xi kompetenza jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti fit-Trattat” (14).

70.      Għalhekk, minn hawn, irridu niddeterminaw jekk fil-każ tagħna għandniex “sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni”.

2.      Fuq il-ħtieġa ta’ analiżi separata ta’ din id-domanda

71.      Kif għadni kif indikajt, nikkunsidra li d-domanda dwar jekk l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali saritx “skont id-dritt tal-Unjoni” għandha tingħata risposta differenti skont kull wieħed miż-żewġ drittjiet fundamentali invokati.

72.      Il-proposta tiegħi f’dan ir-rigward għandha tiġi spjegata. Fil-fatt, jista’ ma jkunx ċar li sitwazzjoni partikolari maħluqa fi Stat Membru tkun analizzabbli u mhux analizzabbli fl-istess ħin mill-perspettiva tal-Karta, skont id-dispożizzjoni invokata.

73.      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ tinħoloq sitwazzjoni partikolari, li tinsab fl-oriġini tat-talba magħmula fil-kawża prinċipali. Is-sitwazzjoni kkontestata minn Thierry Delvigne tista’, fil-fatt, tiġi riżolta b’żewġ modi differenti u, fuq il-merti, alternattivi: Minn naħa waħda permezz tal-evalwazzjoni ta’ jekk il-liġi kriminali li ġiet – u li tkompli tiġi – applikata għalih effettivament tiksirx id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 39 tal-Karta). Min-naħa l-oħra, permezz tal-evalwazzjoni alternattiva li, fi kwalunkwe każ, il-liġi kriminali sussegwenti, li ma ġietx applikata lilu, kellha tiġi applikata b’mod konformi mal-garanzija inkorporata fl-Artikolu 49 tal-Karta (dritt għar-retroattività tal-liġi kriminali l-inqas ħarxa). Iż-żewġ modi, kif se jintwera, eventwalment jistgħu jwasslu għall-istess riżultat.

74.      Wara dak li ntqal, il-problemi maħluqa mill-analiżi ta’ jekk għandniex każ ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma ppreżentati b’mod differenti ħafna skont jekk it-talba tkunx waħda jew oħra: jiġifieri, skont jekk it-talba tikkonsistix f’li jiġi ddikjarat li l-liġi li ġiet applikata tiksirx – essenzjalment – id-dritt tal-vot, jew jekk it-talba tikkonsistix f’applikazzjoni retroattiva partikolari tal-liġi kriminali li ma ġietx applikata għalih.

75.      Għalhekk, ser nindirizza, separatament u fl-ordni magħmula mill-qorti nazzjonali, id-domanda ta’ jekk huwiex il-każ tal-liġi nazzjonali ppromulgata b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

3.      Fuq jekk id-dritt għall-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-inqas ħarxa rrikonoxxut fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta jistax jopponi b’mod validu l-kundanna kriminali mogħtija fiċ-ċirkustanzi tal-każ

76.      Għandu jitfakkar kif, f’dan il-każ, kien hemm bidla f’emenda leġiżlattiva fil-liġi kriminali nazzjonali, li tista’ tiġi kkwalifikata mingħajr dubju bħala każ ta’ reformatio in mitius, li madankollu ġie eskluż li jista’ jaffettwa lil kundanni mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi. Madankollu, qabel ma eventwalment tiġi analizzata l-portata tal-garanzija rrikonoxxuta fil-Karta, u b’mod partikolari jekk din testendix ukoll għal kundanni definittivi li diġà ngħataw fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-riforma msemmija, jirriżulta li hu meħtieġ li jiġi eżaminat, kif għadni kif iddikjarajt, jekk il-kundanna kriminali inkwistjoni saritx “b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”. Fil-każ ta’ konklużjoni opposta, huwa ċar li ma hemmx għalfejn jiġu eżaminati d-domandi differenti possibbli relatati mal-portata sostantiva ta’ dan id-dritt fundamentali (15).

77.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, nista’ ngħid minn issa, tippermetti li jiġi konkluż mingħajr diffikultà li dan ma kienx il-każ hawnhekk. Infakkru kif fl-imsemmija sentenza Åkerberg Fransson, fir-rigward ta’ problema li għandha xebh innegabbli ma’ dik ta’ din il-kawża, u b’mod partikolari fl-eżaminazzjoni ta’ jekk garanzija tal-liġi kriminali bħal ma hu l-prinċipju ta’ ne bis in idem, irregolatx kundanna imposta f’każ ta’ ksur tal-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat il-preżenza ta’ każ ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fiċ-ċirkustanza fejn l-azzjoni kriminali inkwistjoni kienet dovuta “parzjalment [għal] nuqqasijiet fir-rigward tal-obbligi dikjarattivi [...] fil-qasam tal-VAT” (16).

78.      F’dan l-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik l-okkażjoni ddeċidiet li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali kienet irregolata minn liġi ppromulgata b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn dan tal-aħħar jimponi obbligu fuq l-Istati Membri “li jadotta l-liġijiet u l-miżuri amministrattivi neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu u sabiex tiġi miġġielda l-frodi” (17), kif jirriżulta, minn naħa waħda, mill-Artikolu 4(3) TUE, u, min-naħa l-oħra, mid-Direttiva 2006/112 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u mis-Sitt Direttiva.

79.      Ma’ dawn id-dispożizzjonijiet jiġi miżjud l-“Artikolu 325 TFUE [li] jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi u b’mod partikolari, tobbligahom jadottaw l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess” (18).

80.      Għall-Qorti tal-Ġustizzja, “peress li r-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE [...] dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej [...],id-dħul provenjenti mill-applikazzjoni ta’ taxxa uniformi fuq bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni, hemm rabta diretta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT skont id-dritt tal-Unjoni applikabbli u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi korrispondenti mill-VAT, peress li kull [nuqqas li jista’ jirriżulta] fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel [jista’ potenzjalment jikkawża] tnaqqis fit-tieni” (19).

81.      Finalment, Åkerberg Fransson kien jinvolvi każ fejn Stat Membru kellu jadotta l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi neċessarji biex jikkonforma ma’ obbligu impost mid-dritt tal-Unjoni.

82.      B’kuntrast ċar mas-sitwazzjoni preċedenti, f’dan il-każ ma jeżistux – u ċertament ma ġewx invokati – dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li, b’mod simili għal dawk li tqajmu f’dak il-każ, setgħu jkunu ta’ bażi u jattivaw l-awtorità penali tal-Istat Membru. Għall-kuntrarju, l-eżerċizzju tal-ius puniendi tal-Istat Membru seħħ fi kwistjoni kompletament barra mill-ġurisdizzjoni tal-Unjoni, speċifikament fir-rigward tal-infurzar ta’ liġi ta’ delitt ta’ qtil. Għalhekk, f’dan il-każ, ma hemmx applikazzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li jippermetti li jiġi stabbilit li l-piena kriminali ngħatat skont dan.

83.      Minn din il-perspettiva jonqos biss li nżid ngħid li l-fatt li l-interpretazzjoni differenti tal-portata tad-dritt għar-reformatio in mitius, fit-termini sostnuti minn Thierry Delvigne, setgħet tirriżulta li tiġi applikata għalih ir-riforma leġiżlattiva wara l-kundanna tiegħu, b’konsegwenzi, finalment, li jgawdi mid-dritt tal-vot ma huwiex biżżejjed biex ibiddel il-konklużjoni preċedenti.

84.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi impatt indirett ta’ suġġett inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed biex titqies bħala rregolata minn dan id-dritt is-sitwazzjoni li tapplika għaliha l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi tali impatt (20).

85.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li “l-kunċett ta’ ‘implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni’, fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ ċertu grad, li tmur lil hinn mill-affinità bejn l-oqsma meħuda inkunsiderazzjoni u l-effetti indiretti ta’ qasam fuq l-ieħor” (21). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li “[s]abiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali taqax taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, hemm lok li jiġi vverifikat, fost elementi oħra, jekk hija għandhiex bħala għan li timplementa dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ta’ din il-leġiżlazzjoni u jekk hija ssegwix għanijiet differenti minn dawk koperti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk hija tista’ taffettwa indirettament lil din tal-aħħar, kif ukoll, jekk teżistix leġiżlazzjoni tad-dritt tal-Unjoni speċifika fil-qasam jew li tista’ taffettwah” (22).

86.      Finalment, u b’mod konformi ma’ dan, il-fatt li effett retroattiv ta’ tali riforma seta’ kellu l-effett sekondarju, u sa ċertu punt aleatorju, tal-irkupru tad-dritt għall-vot ma jippermettix li jiġi stabbilit li t-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta “jirregola” din is-sitwazzjoni; finalment, li l-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali saret b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

87.      Nemmen, għaldaqstant, li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik f’dan il-każ, li teskludi ċertu effett retroattiv rigward leġiżlazzjoni kriminali li ma ġietx ippromulgata skont id-dritt tal-Unjoni, lanqas ma għandha n-natura ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ppromulgata b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

88.      Bħala konklużjoni, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mit-Tribunal d’instance mad-dritt irrikonoxxut fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

4.      Fuq jekk id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 39(2) tal-Karta, jistax jiġi oppost fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni kriminali nazzjonali li timponi telf definittiv tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

89.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, it-Tribunal de Bordeaux jikkontesta l-kompatibbiltà mal-Karta taċ-ċaħda definittiva tad-dritt tal-vot li ġie oriġinarjament impost fuq Thierry Delvigne – u li tkompli “tiġi infurzata” – b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni kriminali fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti delittwali li ġie kkundannat għalihom l-awtur.

90.      Għal darb’oħra għandha titqajjem il-kwistjoni tal-każ li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta għandu jiddetermina r-rabta tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri mal-mandati tagħha. Għal darb’oħra tqum, essenzjalment, il-kwistjoni ta’ jekk għandux jiġi ddikjarat li ninsabu fil-preżenza ta’ dritt tal-Unjoni li rregola jew iddetermina l-applikazzjoni tal-liġi kriminali inkwistjoni.

91.      Il-konklużjoni li għandha tintlaħaq fil-każ preżenti hija manifestament differenti. Is-sitwazzjoni ta’ telf tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jinsab fiha Thierry Delvigne, tirriżulta bħala konsegwenza tal-leġiżlazzjoni Franċiża li, kif se naraw, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, tirregola l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew b’riferiment għal-leġiżlazzjoni elettorali ġenerali nazzjonali (l-Artikolu 2 tal-Liġi 77-729, tas-7 ta’ Lulju 1977), u riferiment, min-naħa l-oħra, ta’ din tal-aħħar għal-leġiżlazzjoni kriminali tagħha (l-Artikolu L 2 tal-Kodiċi Elettorali), hija konsegwenza ta’ leġiżlazzjoni stabbilita skont id-dritt tal-Unjoni.

92.      Nemmen li f’dan il-każ hemm rabta ċara bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata u d-dritt tal-Unjoni. Din ir-rabta tirriżulta primarjament mis-suppożizzjoni min-naħa tal-liġi primarja ta’ ġurisdizzjoni għall-istabbiliment tad-dispożizzjonijiet neċessarji biex issir possibbli l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew “skont il-proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond il-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha.” Skont l-Artikolu 223(1) TFUE, b’mod konformi – ċertament b’xi sfumaturi – mal-predeċessur immedjat tiegħu, jiġifieri, l-Artikolu 190 KE, filwaqt li l-Parlament Ewropew għandu jħejji “proposta bil-ħsieb li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet meħtieġa” sabiex jippermettu dak il-għan, huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi dispożizzjonijiet bħal dawn “b’mod unanimu skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew”, filwaqt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom biss “jidħlu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom” (23).

93.      Din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 223(1) TFUE, tfisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jirregola l-elezzjoni tal-Membri tiegħu skont żewġ għażliet: jew billi tiġi stabbilita proċedura uniformi jew inkella fuq il-bażi ta’ prinċipji komuni. Irrispettivament mid-differenzi bejn għażla jew oħra, dak li huwa importanti, għall-każ li jirrigwarda lilna, huwa li t-tnejn li huma għandhom bħala għan suġġett li huwa inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat tal-Unjoni, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni, u huwa l-inqas li jista’ jingħad, il-kundizzjoni ta’ “koleġiżlatur” f’dik il-kwistjoni.

94.      Huwa ċar li, kemm jekk biex tiġi stabbilita proċedura għall-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew, jew jekk biex jiġu pprovduti l-prinċipji komuni li fuq il-bażi tagħhom għandha ssir din l-elezzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jipparteċipa fl-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni partikolari li forsi tista’ tiġi deskritta bħala “kondiviża”, iżda li fi kwalunkwe każ jinvolviha direttament. Il-kompetenza inkwistjoni tidher bħala “kondiviża” b’żewġ modi: fl-ewwel sens, sa fejn, filwaqt li l-inizjattiva u l-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet regolatorji ta’ din il-proċedura jew, fejn xieraq, id-delimitazzjoni tal-prinċipji komuni li għandhom jispirawh jappartjenu esklużivament lil-leġiżlatur tal-Unjoni, id-deċiżjoni tad-“dħul fis-seħħ” ta’ dawk id-dispożizzjonijiet titħalla f’idejn l-Istati Membri. Fit-tieni sens, minħabba li, wara li tiġi stabbilita proċedura uniformi jew, alternattivament, fuq il-bażi tal-prinċipji komuni li għandhom ikunu bbażati fuqhom il-proċeduri elettorali Ewropej, dejjem se jkun hemm spazju għall-eżerċizzju tas-setgħat proprji tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda r-regolamentazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

95.      L-ewwel konklużjoni li għandha ssir mill-kunsiderazzjoni preċedenti hija li skont it-TFUE diġà teżisti kompetenza partikolari għal-leġiżlatur tal-Unjoni li tippermettilu jirrifjuta l-kritika li l-implementazzjoni tal-Karta tista’ twassal għal modifika fil-kompetenzi tal-Unjoni fis-sens ipprojbit mit-tieni paragrafu  tal-Artikolu 6(1) TUE. Din il-konklużjoni ma tinbidilx minħabba l-fatt li, kif hu magħruf, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 223(1) TFUE ma tkunx laħqet saret realtà.

96.      Il-proċedura mixtieqa mill-Artikolu 223(1) TFUE fil-fatt, għadha ma saritx (24). Iżda l-mandat li jinsab f’dan l-artikolu, għalkemm għadu ma ġiex milħuq, juri r-rieda tal-leġiżlatur primarju biex jagħmel l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew “sitwazzjoni rregolata mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tas-sentenza Åkerberg Fransson, għalkemm mhux esklużivament, iżda bil-parteċipazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-proċedura uniformi stipulata mill-Unjoni jew, jekk ikun xieraq, tal-prinċipji komuni pprovduti minn tal-aħħar.

97.      L-interess tal-Unjoni għall-proċedura biex jinħatru l-membri tal-Parlament Ewropew diġà għadda minn bidla kwalitattiva minn meta l-membri parlamentari Ewropej bdew jiġu eletti bil-vot dirett universali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (25). F’din l-okkażjoni inizjalment kellu jiġi adottat l-Att tal-1976, dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew, li l-Artikolu 1(3) tiegħu, impona l-elezzjonijiet “b’vot universali dirett, liberu u sigriet”.

98.      L-Att imsemmi tal-1976, ippreveda, ċertament, ftit iktar fejn skont l-Artikolu 8 tiegħu pprovda li, “[s]uġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun irregolata f’kull Stat Membru permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu”. Iżda, fi kwalunkwe każ, l-elezzjoni b’vot dirett u universali tal-Parlament Ewropew tinvolvi l-istabbiliment ta’ din il-Kamra fl-immaġni u x-xebh tal-Parlamenti tal-Istati Membri. Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba tal-partit “Les Verts” fis-sentenza tagħha Los Verdes vs Il-Parlament (26) abbażi ta’ dan l-Att, fejn ikkwalifikat għall-ewwel darba t-Trattati bħala karta kostituzzjonali.

99.      Iż-żieda gradwali fil-kompetenzi tal-Parlament Ewropew u l-approssimazzjoni dejjem tikber tal-pożizzjoni istituzzjonali u politika tiegħu għal dik tal-Parlamenti nazzjonali fl-ordinamenti tal-Istati Membri għamlu iktar urġenti l-ħtieġa li l-proċedura tal-elezzjoni tagħhom tirrispetta l-kundizzjoni tagħhom bħala korp ta’ rappreżentanza tar-rieda taċ-ċittadini “tal-Unjoni”. Jekk ikun meħtieġ, fit-termini li użajt biex nesprimi ruħi fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Åkerberg Fransson, jidher ċar li dan huwa każ ta’ “interess speċifiku tal-Unjoni li dan l-eżerċizzju ta’ setgħa [min-naħa tal-Istati Membri meta japplikaw id-Dritt tal-Unjoni] jadatta ruħu għat-tifsira tagħha ta’ drittijiet fundamentali” (27).

100. Bl-istess mod, separatament mill-formolazzjoni preċedenti inkluża fl-Artikolu 189 KE, l-Artikolu 14(2) TUE, u b’koerenza ma’ dan, l-Artikolu 39(1) tal-Karta ma jirreferux għall-Membri tal-Parlament Ewropew bħala “rappreżentanti tal-popli tal-Istati miġbura flimkien fil-Komunità”, iżda, ħafna aktar mod dirett, bħala “rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni” (28).

101. F’din il-kundizzjoni l-ġdida ta’ Kamra b’rappreżentanza immedjata taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, huwa ċar li l-Parlament Ewropew ma jistax faċilment ikun is-sempliċi żieda tal-membri tal-Parlament eletti skont il-proċeduri elettorali nazzjonali forsi kompletament diverġenti fl-approċċi jew il-proċeduri tal-bidu tagħhom. L-unità tar-rappreżentanza taċ-ċittadini teħtieġ l-adozzjoni ta’ proċedura elettorali uniformi jew, għall-inqas, ispirata minn prinċipji komuni. Dan jidhirli li huwa s-sens tal-Artikolu 223(1) TFUE.

102. Il-fatt li l-mandat li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma mmaterjalizzax fis-sens li għadni kemm indikajt jagħmel neċessarju li l-Unjoni tkompli tuża l-assistenza tal-proċeduri elettorali nazzjonali, kif għadu jipprevedi l-Att tal-1976. Ċertament l-Istati Membri issa għandhom – madankollu – jiddeterminaw id-dħul fis-seħħ ta’ tali proċedura. Imma jekk dawn għandhom b’dan il-mod, jekk ikun mixtieq, il-kompetenza biex jiddeterminaw dak id-dħul fis-seħħ, ma jkunux għadhom qed iżommu il-kompetenza inkundizzjonata li kellhom qabel biex jirregolaw il-proċedura tal-elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej eliġibbli fil-kostitwenza tagħhom. Għalhekk, ir-riferiment prattikament komplut li llum għadu neċessarju għall-proċeduri elettorali nazzjonali ma huwiex konsegwenza tal-eżistenza ta’ kompetenza proprja tant estensiva tal-Istati Membri f’dan ir-rigward, imma r-riżultat tal-ħtieġa li jimtela l-vojt li kieku jseħħ bħala konsegwenza ta’ nuqqas ta’ konformità mal-mandat stipulat fl-Artikolu 223(1) TFUE.

103. Fi kwalunkwe każ, u fir-rigward ta’ dan li huwa importanti għalina f’dan il-punt, minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li qed naffaċċjaw ambitu li fih hija obbligatorja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

104. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti, għalhekk, biex tirrispondi għat-tieni domanda magħmula quddiem il-qorti tar-rinviju sa fejn japplika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Din il-konklużjoni għandha tkun suġġetta, madankollu, għal preċiżjoni importanti li tirriżulta mill-portata limitata tal-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

105. Fil-fatt, ma għandux jintesa dak li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 29 tas-sentenza Åkerberg Fransson, iċċitata iktar ’il fuq: fil-każ ta’ sitwazzjonijiet irregolati mil-liġi nazzjonali li “ma hijiex iddeterminata interament mid-dritt tal-Unjoni”, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jistgħu leġittimament “japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġaladarba din l-applikazzjoni ma tippreġudikax il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni” (29).

106. F’dan is-sens, u skont dak li esponejt, huwa ċar li l-liġi elettorali kollha li għandha tirregola l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ma hijiex “iddeterminata interament”, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, mid-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, anki f’sitwazzjoni ta’ konformità mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 223(1) TFUE, il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma tinkludix il-liġi elettorali kollha fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, iżda biss l-istabbiliment ta’ proċedura uniformi jew ta’ xi prinċipji komuni. Din is-sitwazzjoni tfisser li l-liġi nazzjonali li diġà ġiet imfassla f’dan ir-rigward ma kinitx “iddeterminata interament” mid-dritt tal-Unjoni. Din iċ-ċirkustanza hija ċerta f’sitwazzjoni fejn id-dispożizzjoni tal-Artikolu 223(1) TFUE ma saritx. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom spazju biex japplikaw standards ta’ protezzjoni differenti minn dawk stipulati fil-Karta –u b’riferiment għal Melloni (30), superjuri – dejjem, naturalment, b’konformità mal-kundizzjoni li għadni kif semmejt fl-aħħar tal-punt preċedenti.

107. Bħala konklużjoni intermedjarja, nemmen, għalhekk, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik ikkontestata hawnhekk, li tirregola, b’mod dirett jew permezz ta’ referenza, l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew hija leġiżlazzjoni magħmula “b’applikazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk hijiex “iddeterminata interament” minnu, dan tal-aħħar fis-sens u skont il-konsegwenzi ddikjarati fil-punt 29 tas-sentenza Åkerberg Fransson.

C –    Dwar il-mertu

1.      Kunsiderazzjoni preliminari

108. Fit-termini li saret bihom, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tidher ibbażata fuq il-paragrafu (1) tal-Artikolu 39 tal-Karta, għax huwa biss dak il-paragrafu li jirreferi għall-prinċipju tal-ugwaljanza, għalkemm biss biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru differenti minn dak taċ-ċittadinanza tagħhom jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-Istat ta’ residenza. Madankollu, huwa ċar li l-ugwaljanza invokata minn Thierry Delvigne u li tirreferi għaliha t-Tribunal d’instance fid-digriet tar-rinviju tagħha ma hijiex dik tal-paragrafu (1) tal-Artikolu 39 tal-Karta, iżda dik tal-paragrafu (2) tal-istess artikolu.

109. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi eżattament jekk “[l]-Artikolu 39 tal-Karta [...] applikabbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew għandu[x] jiġi interpretat bħala li jimponi fuq l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea l-obbligu li ma jipprevedux projbizzjoni ġenerali, indefinita u awtomatika mill-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u politiċi, bil-għan li ma tinħoloqx inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri.” Ir-riferiment għall-“projbizzjoni ġenerali, indefinita u awtomatika” tevoka immedjatament, kif ser naraw, id-duttrina tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem b’konnessjoni maċ-ċaħda tad-dritt tal-vot f’kuntesti purament domestiċi (31), jiġifieri, fir-rigward tad-definizzjoni stess tad-dritt tal-vot bħala dritt politiku. Għaldaqstant, meta t-Tribunal d’instance ssemmi “inugwaljanza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri”, nemmen li tirreferi esklużivament għaċ-ċittadini Franċiżi u mhux għal dawn f’relazzjoni maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn.

110. Għalhekk, għandha tingħata attenzjoni lill-paragrafu 2 tal-Artikolu 39 tal-Karta, jiġifieri, l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot f’sens strett, peress li l-kwistjoni dwar id-drittijiet fundamentali mqajma fil-każ ta’ Thierry Delvigne ma hijiex eżattament jekk, fl-istess ċirkustanzi tiegħu, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn jistgħux jipparteċipaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, kemm jekk fi Franza jew fi Stati Membri oħrajn. Il-kwistjoni hija jekk, bħala ċittadin tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikata hijiex kompatibbli ma’ dritt fundamentali rrikonoxxut fil-Karta liċ-ċittadini Ewropej kollha anki fil-każ li jkollhom jeżerċitawh fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom.

111. Definita b’dan il-mod, għandu jitfakkar li d-domanda toriġina minn proċedura li għandha l-għan li teskludi lil Thierry Delvigne mir-reġistru elettorali minħabba li kien ikkundannat fl-1988 għal sentenza prinċipali ta’ priġunerija għal 12-il sena, flimkien ma’ ċaħda perpetwa tad-dritt tal-vot. Thierry Delvigne huwa interessat biex fil-kawża inkwistjoni tiġi applikata b’mod retroattiv il-liġi kriminali li fl-1992 neħħiet in-natura awtomatika u indefinita ta’ din il-piena addizzjonali, iżda biss għall-kundanni imposti wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

2.      Fuq ir-rispett mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tad-dritt tal-vot għall-Parlament Ewropew (l-Artikolu 39(2) tal-Karta)

112. F’dan il-każ għandna sitwazzjoni ta’ ineliġibbiltà definittiva marbuta mal-kundizzjoni li persuna kienet suġġetta għal kundanna ddeterminata. Dan huwa, b’mod partikolari, każ li għandu jiġi deskritt bħala “limitazzjoni” tal-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, tali limitazzjoni hija ammissibbli biss fil-każ li “tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza” tad-dritt ikkonċernat, u għandha tkun, fi kwalunkwe każ, limitazzjoni li tirrispetta l-“prinċipju ta’ proporzjonalità” u li, apparti milli tkun “meħtieġa”, “[tilħaq] l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

113. Għandu jiġi eżaminat jekk, b’mod konformi mal-ġurisprudenza dwar is-suġġett, fiċ-ċirkustanzi tal-każ jeżistux il-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-limitazzjoni inkwistjoni titqies bħala kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Karta.

114. Ma hemmx dubju li din il-limitazzjoni ġiet stabbilita bil-liġi, peress li tirriżulta mill-applikazzjoni konġunta tal-Kodiċi Kriminali, il-Liġi tal-1992 u l-Kodiċi Elettorali. Il-kwistjoni hija jekk, barra minn hekk, tirrispettax il-kontenut essenzjali tad-dritt tal-vot, bi qbil mal-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjoni tiegħu li ċaħda “mekkanika u dejjiema” tad-dritt tal-vot attiv jew id-dritt tal-kandidatura f’każ li kundanna kriminali tmur kontra l-kontenut essenzjali tal-vot universali, u għalhekk tagħmel impossibbli l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għal ċerti ċittadini tal-Unjoni (32).

115. Fil-fatt, fil-kuntest tal-Karta, ir-rispett tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet irrikonoxxuti fiha jaġixxi bħala limitu finali u assolut fuq kwalunkwe limitazzjoni potenzjali fuq l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet, bħala “limitu tal-limiti” (33). Finalment, in-nuqqas ta’ rispett ta’ dak il-kontenut essenzjali jwassal biex id-dritt fundamentali kkonċernat “ma jkunx rikonoxxibbli bħala tali”, b’tali mod li ma hemmx għalfejn għalhekk tiġi diskussa “limitazzjoni” tal-eżerċizzju ta’ dritt, iżda, purament u sempliċement, ta’ “soppressjoni” tiegħu.

116. Wara li ntweriet il-kunsiderazzjoni preċedenti dwar il-każ inkwistjoni, u minħabba n-natura stess tal-limitazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi ddeterminat, finalment, jekk din hijiex proporzjonali, fis-sens li, jekk ma kinitx proporzjonali, ma tkunx irrikonoxxiet il-limitu li imponiet il-Karta fuq kull limitazzjoni possibbli tad-drittijiet fundamentali, jiġifieri, il-kontenut essenzjali tagħha.

117. Sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonali jew sproporzjonali tal-limitazzjoni eżaminata, jeħtieġ li nibdew mid-diversità kbira li teżisti f’dan il-qasam bejn il-liġijiet nazzjonali differenti, tant differenti li mid-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi nnotifikat biss il-minimu kondiviż mill-Istati Membri u, konsegwentement, għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-Artikolu 3 tal-Protokoll addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea.

118. L-eżaminazzjoni tad-dritt komparattiv turi, fil-fatt, diversità kbira fil-liġijiet tal-Istati Membri rigward iċ-ċaħda tad-dritt tal-vot bħala riżultat ta’ piena kriminali (34), fejn kienet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li stabbiliet bħala d-denominatur komuni minimu ammissibbli fil-kuntest tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1 għall-Konvenzjoni Ewropea l-possibbiltà ta’ ċaħda perpetwa tad-dritt tal-vot sakemm tali ċaħda ma tkunx riżultat ta’ sistema li tissodisfa l-kriterji ġenerali, awtomatiċi u ta’ applikazzjoni mhux iddifferenzjata. Għall-Qorti Ewropea, fil-fatt, tmur kontra dik id-dispożizzjoni dik il-leġiżlazzjoni li ċċaħħad, “mingħajr kwalifiki”, mid-dritt tal-vot lil numru kbir ta’ individwi “mingħajr distinzjoni” u “awtomatikament [...], tkun xi tkun it-tul tas-sentenza u irrispettivament min-natura jew mill-gravità tar-reat mwettaq u mis-sitwazzjoni personali tagħhom” bil-konklużjoni li “restrizzjoni ġenerali, awtomatika u mingħajr distinzjoni ta’ dritt stabbilit fil-Konvenzjoni u ta’ importanza kruċjali jaqbeż marġni ta’ evalwazzjoni aċċettabbli, minkejja li hi wiesgħa, u huwa inkompatibbli mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 1” (35).

119. B’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tapprezza b’mod speċjali l-possibbiltà li l-miżura ta’ ċaħda tkun suġġetta għal reviżjoni, wara li kkunsidrat li ma għandhiex riġidità eċċessiva, inkompatibbli mal-Konvenzjoni ta’ Ruma, sistema nazzjonali li tippermetti li jinkiseb ir-restawr tad-dritt tal-vot permezz ta’ applikazzjoni ppreżentata wara li jiddekorru tliet snin mill-implementazzjoni tal-kundanna prinċipali u sakemm ikun hemm prova ta’ kondotta tajba effettiva u konsistenti (36).

120. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nemmen li, mingħajr ma jkun hemm inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-kawżi ta’ ċaħda tad-dritt tal-vot f’każ ta’ kundanna kriminali, iżda biss fit-termini li tali ċaħda tkun aċċettabbli skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għalhekk, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dejjem fakkret, f’konformità ma’ dik id-duttrina, li “l-Istati kontraenti jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex jimponu kundizzjonijiet għad-dritt għall-vot. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux inaqqsu d-drittijiet in kwistjoni sal-punt li jintlaqtu fis-sustanza tagħhom u li jiġu miċħuda mill-effettività tagħhom [,] [g]ħandhom isegwu għan leġittimu u r-raġunijiet għalihom ma jistgħux ikunu sproporzjonati” (37).

121. Fl-opinjoni tiegħi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali involuta fil-kawża prinċipali ma hijiex, fil-prinċipju, inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għax, għalkemm l-effettività tal-possibbiltà ta’ reviżjoni ġiet ikkontestata serjament waqt is-seduta pubblika, id-dritt Franċiż jipprovdi għall-possibbiltà ta’ reviżjoni taċ-ċaħda perpetwa tad-dritt tal-vot. Hekk jidher li jipprovdi l-Artikolu 702-1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, kif emendat bil-Liġi°2009-1436, tal-24 ta’ 'Novembru 2009, penitenzjarja, skont liema kull persuna affettwata minn ċaħda, projbizzjoni jew inkapaċità li jirriżultaw minn kundanna penali prinċipali jew addizzjonali tista’ titlob lill-ġurisdizzjoni għas-sospensjoni totali jew parzjali tagħha.

122. Dan il-fatt waħdu, flimkien mal-fatt li ma huwiex ċert li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha karatteristiċi ġenerali, awtomatiċi u ta’ applikazzjoni mhux iddifferenzjata ċċensurati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, peress li ma tidhirx li tapplika għad-delitti kollha, iżda biss għal dawk ta’ ċertu serjetà, jista’ jeskludi, fil-prinċipju, l-inkompatibbiltà ta’ dik il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, dejjem suġġett għall-istħarriġ tal-organu ġudizzjarju.

123. Finalment, u skont dak li ntqal qabel, hija l-qorti tar-rinviju li għandha finalment tiddetermina jekk il-possibbiltajiet ta’ reviżjoni offruti mid-dritt nazzjonali jintwerewx, fil-prattika, li huma vijabbli biżżejjed sabiex jeskludu, fil-fatt, li ċ-ċaħda tad-dritt tal-vot tispiċċa tkun inevitabbilment dejjiema, bil-konsegwenza li jġarrbu b’mod sproporzjonat u, finalment, ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt. F’dan ir-rigward, jistgħu jikkostitwixxu elementi ta’ ġudizzju relatati mad-diffikultà kbira jew żgħira reali tal-proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-bidu tagħha, ir-raġonevolezza tal-ispejjeż, b’attenzjoni partikolari għall-possibbiltà li, jekk tkun meħtieġa assistenza jew rappreżentanza legali, japplika l-benefiċċju tal-ġustizzja mingħajr ħlas, kif ukoll il-prattika segwita mill-awtoritajiet li għandhom jiddeċiedu dwar it-talba għal reviżjoni fir-rigward tal-gravità tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tingħata.

124. Bħala konklużjoni, nikkunsidra li l-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jmurx kontra leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali dejjem sakemm ma jkunx hemm ċaħda tad-dritt tal-vot ta’ natura ġenerali, indefinita u awtomatika, mingħajr biżżejjed possibbiltà vijabbli ta’ reviżjoni, liema kwistjoni tal-aħħar għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali.

VII – Konklużjoni

125. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula kif ġej:

1.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, biex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mit-Tribunal d’instance mad-dritt irrikonoxxut fit-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.      L-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni ma jmurx kontra leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali dejjem sakemm ma jkunx hemm ċaħda tad-dritt tal-vot ta’ natura ġenerali, indefinita u awtomatika, mingħajr possibbiltà suffiċjentement vijabbli ta’ reviżjoni, u din l-aħħar kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali.


1–      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2–      Għall-kumdità, iktar ’il quddiem id-“dritt tal-vot”.


3–      Kawża C‑617/10, EU:C:2013:105.


4–      L-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976, dwar l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b’vot dirett universali (ĠU L 278, p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, tal-25 ta’ Ġunju 2002 u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 283, p. 1). Iktar ’il quddiem, l-“Att tal-1976”.


5–      Ara, s-sentenzi Rüffler, C‑544/07, EU:C:2009:258, punt 38; Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 29; u Di Donna, C‑492/11, EU:C:2013:428, punt 25.


6–      Din l-istqarrija tidher, fl-opinjoni tiegħi, li hi biżżejjed biex tneħħi d-dubju espress mill-Kummissjoni fil-punt 20 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fejn tindika li l-formulazzjoni tad-domandi magħmula hija identika għal dik proposta minn ThierryDelvigne, minn fejn jirriżulta li xi rimarki dwar id-dritt Franċiż ma jirriflettux l-“opinjoni finali tal-qorti tar-rinviju” dwar il-kwistjoni individwali. Fil-fehma tiegħi, sa fejn din il-ġurisdizzjoni tgħid “tevalwa” it-talba ta’ Thierry Delvigne, għandu jiġi mifhum li din tassumi r-raġunijiet mogħtija minn dik il-parti insostenn tat-talba tagħha għar-rinviju tad-domanda preliminari u, sa dak il-punt dawn ir-raġunijiet saru wkoll tagħha.


7–      Bħala eżempju, Groussot, X., Pech, L., u Petursson, G.T.: “The Scope of Application of EU Fundamental Rights on Member States’ Action: In Search of Certainty in EU Adjudication”, Eric Stein Working Paper 1/2011. Nusser, J.: Die Bindung der Mitgliedstaaten an die Unionsgrundrechte, Ed. Mohr Siebeck, Tubinga, 2011, p. 54 u sussegwenti; Kokott, J., u Sobotta, C.: “The Charter of Fundamental Rights of the European Union after Lisbon”, EUI Working Papers, Academy of European Law, Nru 6, 2010; Alonso García, R.: “The General Provisions of the Charter of Fundamental Rights of the European Union”, European Law Journal, Nru 8, 2002; Eeckhout, P.: “The EU Charter of Fundamental Rights and the federal question”, 39 Common Market Law Review, 2002; Jacqué, J.P., “La Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne: aspects juridiques généraux”, REDP, vol. 14, Nru 1, 2002; Egger, A.: “EU-Fundamental Rights in the National Legal Order: The Obligations of Member States Revisited”, Yearbook of European Law, vol. 25, 2006; Rosas, A., u Kaila, H.: “L’application de la Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne par la Cour de justice – un premier bilan”, Il Diritto dell’Unione Europea, 1/2011, u Weiler, J., u Lockhart, N.: “ ‘Taking rights seriously’ seriously: The European Court and its Fundamental Rights Jurisprudence – Part I” nº 32, Common Market Law Review, 1995.


8–      Ara, minn naħa waħda, is-sentenzi Wachauf, C‑5/88, EU:C:1989:321, u Bostock, C‑2/92, EU:C:1994:116, u min-naħa l-oħra, is-sentenzi ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, u Familiapress, C‑368/95, EU:C:1997:325, b’kuntrast mas-sentenzi Maurin, C‑144/95, EU:C:1996:235, Kremzow, C‑299/95, EU:C:1997:254, u Annibaldi, C‑309/96, EU:C:1997:631.


9–      Kawża C‑617/10, EU:C:2013:105.


10 – Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19. Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli billi tikkwota s-sentenzi ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254) punt 42; Kremzow (C‑299/95, EU:C:1997:254), punt 15; Annibaldi (C‑309/96, EU:C:1997:631), punt 13; Roquette Frères (C‑94/00, EU:C:2002:603), punt 25; Sopropé (C‑349/07, EU:C:2008:746), punt 34; Dereci u oħrajn (C‑256/11, EU:C:2011:734), punt 72, u Vinkov (C‑27/11, EU:C:2012:326), punt 58.


11–      Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29.


12–      Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107.


13–      Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 23.


14–      F’dan l-aħħar rigward, fl-istess sens, Dereci u oħrajn, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 71.


15––      B’mod ġenerali, Lascuraín Sánchez, J.A.: Sobre la retroactividad penal favorable, Civitas, Madrid, 2000.


16–      Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 24.


17–      Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 25.


18–      Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26.


19–      Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26.


20–      Annibaldi, C‑309/96, EU:C:1997:631, punti 21 sa 23.


21–      Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 24.


22–      Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 25, b’riferiment għal Annibaldi, C‑309/96, EU:C:1997:631, punti 21 sa 23; Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 79; u Ymeraga et al, C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 41.


23–      B’mod ġenerali, dwar l-Artikolu 190 KE u l-Artikolu 223(1) TFUE, González Alonso, L.N. : “El Parlamento Europeo ante las elecciones de junio de 2009: reflexiones a la luz del Tratado de Lisboa”, Revista Unión Europea Aranzadi, Mejju 2009, p. 7-13.


24–      Ma naqsux it-tentattivi tal-Parlament Ewropew li jwettaq dan il-mandat. Għandu jiġi nnotat l-ewwel rapport dwar il-Proposta għall-emenda tal-Att tal-1976, magħmul mill-membru tal-Parlament Andrew Duff fit-28 ta’ April 2011 (PE 440.210v04-00) fejn ġie propost il-ħolqien ta’ listi elettorali pan-Ewropej, fejn huwa ssuġġerit il-ħolqien ta’ distrett elettorali uniku għat-territorju kollu tal-Unjoni u l-obbligu li tiġi żgurata rappreżentanza tan-nisa fil-listi, kif ukoll l-allokazzjoni tas-siġġijiet skont is-sistema proporzjonali kkoreġuta d’Hondt, liema proposta, minħabba li ma laħqitx maġġoranza sodisfaċenti fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, wasslet għat-tieni rapport mill-istess membru tal-Parlament tat-2 ta’ Frar 2012, li lanqas ma laħaq maġġoranza sodisfaċenti fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u, konsegwentement, ma ġiex ikkunsidrat fis-sessjoni plenarja. Wara dawn it-tentattivi falluti, ġiet approvata Riżoluzzjoni tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 (P7_TA(2012)0462, rapport mill-membru tal-Parlament Carlo Casini). Permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament adotta d-Direttiva tal-Kunsill 2013/1/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Direttiva 93/109/KE dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU L 26, p. 27). Din ir-riforma tiffoka fuq it-titjib tal-arranġamenti ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll dawk tar-reġistrazzjoni fir-reġistru taċ-ċittadini Ewropej mhux nazzjonali. Bl-istess mod, fl-10 ta’ Ġunju 2013, il-Parlament Ewropew adotta Rakkomandazzjoni li tapprova l-proposta tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (PE 513.240v01-00), proposta min-naħa tagħha hija bbażata fuq Riżoluzzjoni oħra tal-Parlament adottata mis-sessjoni plenarja fit-13 ta’ Marzu 2013 (P7_TA(2013)0082). Iktar tard, f’Lulju 2013, il-Parlament adotta wkoll Riżoluzzjoni dwar it-titjib tal-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tal-2014 (P7_TA(2013)0323), li tipprovdi għal żieda fil-poteri tal-Parlament għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni.


25–      Dwar is-sinjifikat li l-duttrina ta’ dak iż-żmien kienet tat lil din in-novità, tista’ tara, pereżempju, Lodge, J.: “The significance of direct elections for the European Parliament’s role in the European Community and the drafting of a common electoral law”, Common Market Law Review 16, 1979, p. 195 sa 208. Paulin, B., u Forman, J.: “L’élection du Parlement Européen au suffrage universal direct”, Cahiers de Droit Européen 5-6, 1976, p. 506 sa 536. Charpentier, J., et al.: La signification politique de l’élection du parlement européen au suffrage universel direct, Centre Européen Universitaire de Nancy, Nancy, 1978.


26–      Kawża 294/83, EU:C:1986:166, punt 23.


27–      Konklużjonijiet Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2012:340, punt 40. Enfasi miżjuda.


28–      Fuq dan il-punt l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għamel progress sinjifikanti billi “huwa intiż [...] [li jsir] l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri u b’hekk jippermetti lil dawk fosthom li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni jiksbu, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku”, kif sostnut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Spanja vs Ir-Renju Unit C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 74. Barra minn hekk, kif stabbilixxa l-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Konklużjonijiet tiegħu f’dan l-istess każ (C‑145/04, EU:C:2006:231, punt 68) billi kien ċert li ebda dispożizzjoni Komunitarja ma kienet tistabbilixxi għaldaqstant “b’mod ċar u dirett[a] li [d-dritt tal-vot għall-elezzjonijiet Ewropej] [kien] inkluż fost dawk li huma intitolati għalihom iċ-ċittadini tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(2) KE [,] [m]adankollu, jista’ jiġi nnotat li l-Artikolu 19(2) KE, sabiex jippermetti liċ-ċittadini ta’ Stat Membru jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej fi Stat Membru ieħor fejn joqogħdu taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat, jiżgura ċertu mod ta’ attribuzzjoni ta’ dan id-dritt liċ-ċittadini tal-Unjoni. U jista’ jiġi argumentat ukoll fl-istess sens fuq il-bażi tal-Artikoli 189 KE u 190 KE, li jipprovdu li l-Parlament Ewropew huwa magħmul minn rappreżentanti tal-‘popli’, u għalhekk (mill-inqas) minn ċittadini, ‘tal-Istati miġbura flimkien fil-Komunità’ ”.


29 – Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 29.


30–      Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 60.


31–      Kawżi Hirst c. Ir-Renju Unit (Nru 2) [GC] Nru 74026/01, 2005-IX; Frodl c. L-Awstrija, Nru 20201/04; Scoppola c. L-Italja (Nruº 3) [GC], Nru 126/05; Greens y MT c. Ir-Renju Unit, Nru 60041/08 u 60054/08.


32–      Punt 31 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż.


33–      Dwar il-kunċett, De Otto, I.: “La regulación del ejercicio de los derechos fundamentales. La garantía de su contenido esencial en el artículo 53.1 de la Constitución”, Obras Completas, Universidad de Oviedo y Centro de Estudios Políticos y Constitucionales, Oviedo, 2010, p. 1471 sa 1513. Fil-ġurisprudenza Ġermaniża, responsabbli għall-kunċett inkwistjoni, għal kollox, Häberle, P.: Die Wesensgehaltsgarantie des Art. 19 Abs. 2 GG, 3ª ed., C.F. Müller, Karlsruhe, 1983, u Schneider, L.: Der Schutz des Wesensgehalts von Grundrechten nach Art. 19 Abs. 2 GG, Duncker & Humblot, Berlin, 1983.


34–      Din id-diversità diġà ġiet osservata fl-1993 fil-proposta tal-Kummissjoni li twassal għad-Direttiva 93/109/KE tas-6 ta’ Diċembru 1993 dwar arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 20, Vol. 1, p. 7). Fil-ġurisprudenza, pereżempju, Rottinghaus, B.: Incarceration and Enfranchisement: International Practices, Impact and Recommendations for Reform, International Foundation for Election Systems, Washington DC 2003; Ewald, A., u Rottinghaus, B.: Criminal Disenfranchisement in an International Perspective, Cambridge University Press, 2009.


35–      Kawżi Hirst c. Ir-Renju Unit (Nru 2) [GC] Nru 74026/01, 2005-IX, punt 82; Frodl c. L-Awstrija, Nru 20201/04, punt 25; Scoppola c. L-Italja (Nru 3) [GC], Nru 126/05, punt 96.


36–      Kawża Scoppola c. L-Italja (Nru 3) [GC], Nru 126/05, punt 109.


37–      Kawża Spanja vs Ir-Renju Unit, C‑145/04, EU:C:2006:543, punt 94.