Language of document : ECLI:EU:C:2011:291

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Mejju 2011(*)

“Ċittadinanza tal-Unjoni − Libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Istati Membri − Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità− Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE − Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni mingħajr distinzjoni abbażi ta’ razza jew ta’ oriġini etnika − Direttiva 2000/43/KE − Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi li l-kunjomijiet u l-ismijiet tal-persuni fiżiċi jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili f’forma li tirrispetta r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali”

Fil-Kawża C‑391/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vilniaus miesto 1 apylinkės teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura

Malgožata Runevič-Vardyn,

Łukasz Paweł Wardyn

vs

Vilniaus miesto savivaldybės administracija,

Lietuvos Respublikos teisingumo ministerija,

Valstybinė lietuvių kalbos komisija,

Vilniaus miesto savivaldybės administracijos Teisės departamento Civilinės metrikacijos skyrius,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus u A Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembre 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Runevič-Vardyn u Ł. Wardyn, minn E. Juchnevičius u Ł. Wardyn, avukati,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u V. Balčiūnaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo u M. Linntam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn K. Drēviņa u Z. Rasnača, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u M. Jarosz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u P. M. Pinto, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u A. Steiblytė kif ukoll minn J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa waħda, ċittadina Litwana, Malgožata Runevič-Vardyn, u r-raġel tagħha, ċittadin Pollakk, Łukasz Paweł Wardyn u, min-naħa l-oħra, il-Vilniaus miesto savivaldybės administracija (“il-Muniċipalità ta’ Vilnjus”), il-Lietuvos Respublikos teisingumo ministerija (“il-Ministru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja), il-Valstybinė lietuvių kalbos komisija (“il-Kumitat nazzjonali tal-lingwa Lituana”) u l-Vilniaus miesto savivaldybės administracijos Teisės departamento Civilinės metrikacijos skyrius (is-Servizz tal-istat ċivili tad-dipartiment ġuridiku tal-muniċipalità ta’ Vilnjus, iktar ’il quddiem is-“Servizz tal-istat ċivili ta’ Vilnjus”), fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jbiddel il-kunjomijiet u l-ismijiet taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali kif jinsabu fl-atti tal-istat ċivilil maħruġa lilhom minnu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Il-premessi 12 u 16 tad-Direttiva 2000/43 jistipulaw:

“(12)            Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, l-azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tad-diskriminazzjoni msejsa fuq l-origini tar-razza jew l-etniċità għandhom imorru iktar ’il bogħod mill-aċċess għall-attivitajiet tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom u jkopru oqsma bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali inkluzi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, il-vantaġġi soċjali u l-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi u l-provvediment tagħhom.

[…]

(16)               Huwa importatni li jiġu protetti l-persuni naturali kollha kontra d-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. […]”

4        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43, “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali”.

5        L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva jgħidu:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

2.      Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

[…]

b)      diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa”.

6        L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kamp tal-applikazzjoni tagħha kif ġej:

“Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, f’dak li għandu x’jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f’relazzjoni ma’:

a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għax-xogħol, għax-xogħol għal rasu u għal mestier, inklużi l-għażla tal-kriterji u l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ, tkun xi tkun il-fergħa ta’ l-attivitajiet u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

b)      l-aċċess għat-tipi kollha u l-livelli kollha ta’ gwida vokazzjonali, tat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid vokazzjonali avvanzati, inkluża l-esperjenza tax-xogħol prattiku;

ċ)      il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluzi t-tkeċċija u l-paga;

d)      is-sħubija u l-involviment f’organizzazzjoni tal-ħaddiema jew ta’ min iħaddem, jew kull organizzazzjoni li l-membri tagħha jwettqu professjoni partikolari, inklużi l-benefiċċji pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet;

e)      il-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa;

f)       il-vantaġġi soċjali;

g)       l-edukazzjoni;

h)       l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-Kostituzzjoni

7        L-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Litwana jipprovdi li l-lingwa uffiċjali hija l-Litwan.

 Il-Kodiċi ċivili

8        L-Artikolu 2.20(1) tal-Kodiċi Ċivili Litwan (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) jistabbilixxi li “kull persuna għandha dritt għal isem. Dan id-dritt għal isem iħaddan id-dritt għal kunjom, isem jew diversi ismijiet u psewdonimu”.

9        L-Artikolu 3.31 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Kull parti fiż-żwieġ għandha d-dritt li żżomm il-kunjom li kellha qabel iż-żwieġ, li tagħżel il-kunjom tal-parti l-oħra bħala kunjom komuni jew li tagħżel kunjom doppju li jikkonsisti fiż-żieda tal-kunjom tal-parti l-oħra ma’ dak tagħha”.

10      L-Artikolu 3.281 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li l-atti tal-istat ċivili għandhom jiġu rreġistrati, irrikostitwiti, immodifikati, ikkompletati jew ikkoreġuti b’mod konformi mar-regoli dwar l-istat ċivili ppromulgati mill-Ministru tal-Ġustizzja.

11      L-Artikolu 3.282 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li “ir-referenzi li jinsabu fuq l-atti tal-istat ċivili għandhom ikunu bil-Litwan. L-isem, il-kunjom u l-ismijiet ġeografiċi għandhom jinkitbu b’mod konformi mar-regoli tal-lingwa Litwana”.

 Ir-regoli dwar l-istat ċivili

12      Il-punt 11 tad-Digriet Nru IR‑294 tal-Ministru tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Lulju 2008, dwar il-konferma tar-regoli dwar l-istat ċivili (Žin., 2008, Nru 88-3541 jipprovdi li r-referenzi fl-atti tal-istat ċivili għandhom ikunu bil-Litwan.

 Ir-regoli dwar il-karti tal-identità u l-passaporti

13      Il-liġi Nru IX-577, tas-6 ta Novembru 2001, dwar il-karti tal-identità (Žin., 2001, Nru 97-3417), kif emendata (Žin., 2008, Nru 76-3007), u l-liġi Nru IX-590, tat-8 ta’ Novembru 2001, dwar il-passaporti (Žin., 2001, Nru 99-3524), kif emendata (Žin., 2008, Nru 87-3466), jistipulaw li l-informazzjoni li tinsab fuq il-karta tal-identità u fuq il-passaport għandha tinkiteb bil-karattri Litwani.

14      Il-paragrafi 1 sa 3 tad-digriet Nru I‑1031 tal-Kunsill Siprem Litwan, tal-31 ta’ Jannar 1991, dwar kif għandhom jinkitbu l-kunjomijiet u l-ismijiet fil-passaporti ta’ ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja (Žin., 1991, Nru 5-132) jistipulaw:

“1. F’passaport ta’ ċittadin tar-Repubblika tal-Litwanja, il-kunjomijiet u l-ismijiet għandhom jinkitbu b’karattri Litwani b’mod konformi mar-referenzi bil-Litwan li jinsabu fil-passaport eżistenti jew f’kull dokument tal-identità fil-pussess tal-persuna kkonċernata li abbażi tiegħu jinħarġilha passaport.

2. F’passaport ta’ ċittadin tar-Repubblika tal-Litwanja, il-kunjomijiet u l-ismijiet ta’ persuni li ma humiex ta’ oriġini Litwana għandhom jinkitbu b’karattri Litwani. Fuq talba bil-miktub tal-persuna kkonċernata u skont proċedura stabbilita, l-isem u l-kunjom tagħha għandhom jinkitbu:

a)      jew fonetikament u mingħajr ma jiġu applikati regoli tal-grammatika (jiġifieri mingħajr inflessjonijiet Litwani fi tmiem il-kliem);

b)      jew fonetikament u skont ir-regoli tal-grammatika (jiġifieri billi jiżdiedu l-inflessjonijiet Litwani fi tmiem il-kliem).

3. L-isem u l-kunjom ta’ kwalunkwe persuna li kellha n-nazzjonalità ta’ Stat ieħor jistgħu jinkitbu b’mod konformi mar-referenzi li jinsabu fil-passaport taċ-ċittadin maħruġ mill-Istat l-ieħor jew f’kull dokument ieħor ekwivalenti”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      M. Runevič-Vardyn, l-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, li twieldet fl-20 ta’ Marzu 1977 f’Vilnjus, hija ċittadina Litwana. Skont l-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija tagħmel parti mill-minoranza Pollakka tar-Repubblika tal-Litwanja, iżda ma għandhiex in-nazzjonalità Pollakka.

16      Hija tiddikjara li l-ġenituri tagħha tawha l-isem Pollakk “Małgorzata” u l-kunjom ta’ missierha “Runiewicz”.

17      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fiċ-ċertifikat tat-twelid li nħareġ lill-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali fl-14 ta’ Ġunju 1977, isimha u kunjomha ġew irreġistrati bil-forma Litwana, jiġifieri “Malgožata Runevič”. L-istess isem u l-istess kunjom jinsabu fuq ċertifikat tat-twelid ġdid li nħareġ lill-ewwel rikorrenti fid-9 ta’ Settembre 2003 mis-servizz tal-istat ċivili ta’ Vilnjus, kif ukoll fuq il-passaport Litwan li nħarġilha mill-awtoritajiet kompetenti fis-7 ta’ Awwissu 2002.

18      Skont l-osservazzjonijiet taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali, iċ-ċertifikat tat-twelid tal-14 ta’ Ġunju 1977 kien redatt b’karattri Ċirilliċi, filwaqt li f’dak datat 9 ta’ Settembru 2003 intuża l-alfabett Ruman, u l-isem u l-kunjom tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu miktubin fil-forma: “Malgožata Runevič”.

19      L-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni wkoll li ċ-ċertifikat tat-twelid Pollakk kien inħarġilha fil-31 ta’ Lulju 2006 mis-servizz tal-istat ċivili tal-belt ta’ Varsavja. F’dan iċ-ċertifikat Pollakk, l-isem u l-kunjom tagħha jissemmew skont ir-regoli ortografiċi Pollakki, jiġifieri “Małgorzata Runiewicz”. Iż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkonstataw li l-awtoritajiet kompetenti Pollakki wkoll ħarġu ċertifikat taż-żwieġ fejn kunjomhom u isimhom inkitbu skont ir-regoli ortografiċi Pollakki.

20      Wara li rrisjediet u ħadmet fil-Polonja għal ċertu żmien, l-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, fis-7 ta’ Lulju 2007, iżżewġet lit-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali. Fuq iċ-ċertifikat taż-żwieġ, maħruġ mis-servizz tal-istat ċivili ta’ Vilnjus, “Łukasz Paweł Wardyn” inkiteb fil-forma “Lukasz Pawel Wardyn” − fejn l-alfabett Ruman intuża mingħajr ma saru xi tibdiliet dijakritiċi −, filwaqt li l-kunjom tal-mara inkiteb fil-forma “Malgožata Runevič-Vardyn” − dan ifisser li ntużaw biss il-karattri Litwani, li ma jużawx l-ittra “W”, inkluż fejn il-kunjom ta’ żewġha ġie miżjud ma’ kunjomha.

21      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali bħalissa huma residenti l-Belġju, flimkien ma’ binhom.

22      Fis-16 ta’ Awwissu 2007, l-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat talba quddiem is-servizz tal-istat ċivili ta’ Vilnjus biex, minn naħa, isimha u kunjomha, kif jinsabu fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha, jiġifieri “Malgožata Runevič”, jinbidlu għal “Małgorzata Runiewicz”, u min-naħa l-oħra, isimha u kunjomha, kif jinsabu fiċ-ċertifikat taż-żwieġ tagħha, jiġifieri “Malgožata Runevič‑Vardyn”, jinbidlu għal “Małgorzata Runiewicz‑Wardyn”.

23      Fir-risposta tiegħu tad-19 ta’ Settembru 2007, is-servizz tal-istat ċivili ta’ Vilnjus informa lill-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, ma huwiex possibbli li jsir tibdil fir-referenzi li jinsabu fl-atti tal-istat ċivili inkwistjoni.

24      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

25      Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-argumenti differenti ppreżentati miż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali insostenn ta’ dan ir-rikors. Fir-rigward tat-tieni rikorrent, hija tikkonstata li, skontu, ir-rifjut tal-awtoritajiet Taljani li jiktbu, fiċ-ċertifikat taż-żwieġ, l-ismijiet tiegħu f’forma li tirrispetta r-regoli ortografiċi Pollakki jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra ċittadin tal-Unjoni li żżewweġ fi Stat differenti mill-istat tal-oriġini tiegħu. Li kieku ż-żwieġ seħħ fil-Polonja, l-ismijiet tiegħu kienu jinkitbu fiċ-ċertifikat taż-żwieġ bl-istess ortografija bħal dik li tinsab fiċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu. Peress li l-ittra “W” ma teżistix uffiċjalment fl-alfabett Litwan, l-ewwel rikorrent fil-kawża prinċipali jistaqsi għalfejn l-ortografija oriġinali ta’ kunjomu nżammet mill-awtoritajiet Litwani filwaqt li dik tal-ismijiet tiegħu nbidlet.

26      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li s-servizz tal-istat ċivili ta’ Vilnjus u l-partijiet ikkonċernati l-oħra opponew it-talba taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jiġu obbligati jbiddlu r-referenzi li jinsabu fl-atti tal-istat ċivili.

27      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Qorti Kostituzzjonali, fil-21 ta’ Ottubru 1999, tat deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà mal-Kostituzzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 1991 tal-Kunsill Suprem dwar il-mod kif jinkitbu l-ismijiet u l-kunjomijiet fil-passaporti taċ-ċittadini Litwani. Din il-qorti ddikjarat li, fuq passaport, l-isem u l-kunjom ta’ persuna għandhom jinkitbu skont ir-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali sabiex ma jitqajmux dubji dwar l-istatus kostituzzjonali ta’ din il-lingwa.

28      Billi qieset li ma kienx possibbli għaliha li tagħti risposta ċara għad-domandi mqajma fil-kawża li tressqet quddiemha għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l‑Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43, il-Vilniaus miesto 1 apylinkės teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Fid-dawl tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2000/43 […], għandu l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli indirettament jiddiskriminaw kontra individwi abbażi tal-oriġini etnika tagħhom fil-każ fejn regoli ġuridiċi nazzjonali jipprovdu li ismijiet u kunjomijiet personali jistgħu jinkitbu f’dokumenti li jindikaw l-istat ċivili billi jintużaw biss l-ittri tal-lingwa nazzjonali?

2)      Fid-dawl tar-regoli li jinsabu fid-Direttiva 2000/43 […], għandu l-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri milli indirettament jiddiskriminaw kontra individwi abbażi tal-oriġini etnika tagħhom fil-każ fejn regoli ġuridiċi nazzjonali jipprovdu li ismijiet u kunjomijiet personali ta’ individwi ta’ oriġini jew ċittadinanza differenti għandhom jinkitbu, f’dokumenti li jindikaw l-istat ċivili, billi jintużaw ittri Rumani u mhux billi jintużaw marki dijakritiċi, legaturi jew modifiki oħrajn għall-ittri tal-alfabett Ruman li huma użati f’diversi lingwi?

3)       Fid-dawl tal-Artikolu [21](1) [TFUE], li jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu [18 TFUE], li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, għandhom dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jipprovdu f’regoli ġuridiċi nazzjonali li ismijiet u kunjomijiet personali jistgħu jinkitbu f’dokumenti li jindikaw l-istat ċivili billi jintużaw biss l-ittri tal-lingwa nazzjonali?

4)       Fid-dawl tal-Artikolu [21](1) [TFUE], li jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu [18 TFUE], li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, għandhom dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jipprovdu f’regoli ġuridiċi nazzjonali li l-ismijiet u kunjomijiet personali ta’ individwi ta’ oriġini jew ċittadinanza differenti għandhom jinkitbu, f’dokumenti li jindikaw l-istat ċivili, billi jintużaw ittri Rumani u mhux billi jintużaw marki dijakritiċi, legaturi jew modifiki oħrajn għall-ittri tal-alfabett Ruman li huma użati f’diversi lingwi?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u r-raba’ domandi preliminari

29      B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Litwan jipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-tieni u r-raba’ domandi preliminari bħala inammissibbli. Skont dan il-Gvern, il-qorti tar-rinviju ġiet adita b’rikors dwar iż-żewġ talbiet tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar iċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ tagħha u mhux b’rikors tat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali dwar iċ-ċertifikat taż-żwieġ tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi dwar kif jinkitbu l-ismijiet tat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali ma humiex marbutin ma’ problema konkreta li l-qorti tar-rinviju qed tintalab issolvi. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għaldaqstant, tirrifjuta li tiddeċiedi fuq dawn id-domandi peress li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba b’dan il-mod ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjoanli stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni li tkun ser tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir‑rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, Ġabra p. I-09391, punt 32).

31      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura li ma hijiex kontenzjuża, li għandha n-natura ta’ kwistjoni mqajma matul kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, u l-partijiet fil-kawża prinċipali huma sempliċement mistiedna sabiex jinstemgħu fi ħdan il-qafas legali stabbilit mill-imsemmija qorti. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, bl-espressjoni “partijiet”, l-Artikolu 23(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jkopri dawk li għandhom din il-kwalità fil-kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 1973, Bollmann, 62/72, Ġabra p. 269, punt 4, u d-digriet tat-12 ta’ Settembru 2007, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, Ġabra p. I‑7075, punt 11).

32      Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikors ippreżentat quddiemha ġie ppreżentat miż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali u mhux mill-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali waħedha u li l-imsemmija rikorrenti ssuġġerew lill-qorti tar-rinviju l-possibbiltà li jintbagħtu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn id-domandi koprew kemm ir-rifjut li jinbidlu l-kunjom u l-isem tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll li jinbidlu l-ismijiet tat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali kif jinsabu fid-dokumenti tal-istat ċivili li nħarġu lilhom mill-awtoritajiet kompetenti Litwani. Id-domandi preliminari magħmula minn din il-qorti fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni esklużiva mogtħija lilha mill-Artikolu 267 TFUE u r-raġunament espost fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha jkopru s-sitwazzjoni taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali.

33      Ċertament, fid-dawl tal-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE, din iddeċidiet li ma tistax tiddeċiedi dwar domanda mressqa minn qorti nazzjoanli, meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandhom x’jaqsmu xejn mar-realtà jew is-suġġett tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1995, Furlanis costruzioni generali, C‑143/94, Ġabra p. I‑3633, punt 12).

34      Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, b’mod partikolari dik li tinsab fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, u tad-definizzjoni mill-qorti tar-rinviju tas-suġġett u l-portata tal-kawża quddiemha, ma jidhirx b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba minnha ma għandha x’taqsam xejn mar-realtà u s-suġġett tal-imsemmija kawża.

35      Konsegwentement, it-tieni u r-raba’ domandi magħmula għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

36      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43 jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjomijiet u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali, li jbiddlu l-mod kif jinkiteb il-kunjom u l-isem ta’ persuna, b’mod li dawn għandhom jinkitbu billi jintużaw biss il-karattri tal-lingwa nazzjonali, mingħajr marki dijakritiċi, legaturi jew modifiki oħrajn għall-ittri tal-alfabett Ruman li jintużaw f’lingwi oħrajn.

37      Il-Gvern Litwan, dak Ċek, dak Estonjan, dak Pollakk u dak Slovakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jsostnu li r-regoli nazzjonali dwar it-tfassil tal-atti tal-istat ċivili ma jaqgħux taħt il-kamp tal-applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/43.

38      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jenfasizzaw li l-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 huwa wiesa’ ħafna u jinkludi parti kbira mill-oqsma tal-ħajja soċjali. B’jekk, huwa neċessarju li wieħed jippreżenta dokument tal-identità u diversi tipi ta’ dokumenti, ċertifikati jew diplomi biex ikun jista’ jibbenefika minn ċerti drittijiet previsti minn din id-direttiva, kif ukoll biex ikollu l-possibbiltà li juża l-beni u s-servizzi u jipprovdi pubblikament il-beni u s-servizzi koperti mill-Artikolu 3(1) tagħha.

39      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2000/43 għandha l-għan, b’mod konformi mal-Artikolu 1 tagħha, li tistabbilixxi qafas sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, sabiex isir effettiv il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

40      Skont il-premessa 16 ta’ din id-direttiva, il-persuni fiżiċi kollha għandhom jiġu protetti mid-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika.

41      Għal dak li jirrigwarda l-kamp tal-applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/43, mill-premessa 12 jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mir-razza jew l-oriġini etnika, l-azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tad-diskriminazzjoni msejsa fuq ir-razza jew l-oriġini etnika għandhom imorru iktar ’il bogħod mill-aċċess għall-attivitajiet tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom u jkopru oqsma bħal dawk elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

42      Din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tiprovdi li, fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-Komunità, li fil-frattemp saret l-Unjoni Ewropea, l-imsemmija direttiva tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi l-entitajiet pubbliċi, għal dak li jirrigwarda l-oqsma elenkati b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni u riprodotti fil-punt 6 ta’ din is-sentenza.

43      Għandu jiġi rrilevat f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2000/43 u tan-natura tad-drittijiet li timmira li tipproteġi kif ukoll tal-fatt li din id-direttiva hija sempliċiment, fil-qasam ikkunsidrat, l-espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, rikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ma jistax jiġi ddefinit b’mod restrittiv.

44      Madankollu, minn dan ma jsegwix li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-mod kif jinkitbu l-kunjomijiet u l-ismijiet fl-atti tal-istat ċivili għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43.

45      Għalkemm l-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2000/43 jirreferi, b’mod ġenerali, għall-aċċess għall-beni u s-servizzi kif ukoll għall-provvista ta’ beni u servizzi, li huma disponibbli għall-pubbliku, ma jistax jiġi kkunsidrat, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

46      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li x-xogħol preparatorju għad-Direttiva 2000/43, li ġiet adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea unanimament b’mod konformi mal-Artikolu 13 KE, jindika li l-Kunsill ma riedx jieħu inkunsiderazzjoni proposta ta’ emenda tal-Parlament Ewropew li skontha “l-eżerċizzju minn kwalunkwe entità jew awtorità pubblika, inklużi ż-żamma tal-ordni, il-kontroll tal-immigrazzjoni u s-sistema legali u kriminali, tal-funzjonijiet tagħha” huma inklużi fil-lista tal-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva u b’hekk jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni tagħha.

47      Konsegwentement, jekk, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 kif inhuwa ddefinit fl-Artikolu 3(1) tagħha, ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv, ma jkoprix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali dwar il-mod kif għandhom jinkitbu l-kunjomijiet u l-ismijiet fl-atti tal-istat ċivili.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjomijiet u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tikkonċerna sitwazzjoni li ma taqax taħt il-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

49      Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE jipprekludux lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjomijiet u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali, li jbiddlu l-mod kif jinkiteb il-kunjom u l-isem ta’ persuna, b’mod li dawn għandhom jinkitbu billi jintużaw biss il-karattri tal-lingwa nazzjonali, mingħajr marki dijakritiċi, legaturi jew modifiki oħrajn għall-ittri tal-alfabett Ruman li jintużaw f’lingwi oħrajn.

50      Dawn id-domandi jkopru tliet aspetti differenti tal-kawża prinċipali:

–        it-talba tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex kunjomha ta’ qabel iż-żwieġ u isimha jinkitbu fiċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ tagħha f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi Pollakki, u dan jinvolvi l-użu tal-marki dijakritiċi użati f’dik il-lingwa;

–        it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex il-kunjom tat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali, li ġie miżjud mal-kunjom ta’ qabel iż-żwieġ tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali u li jidher fiċ-ċertifikat taż-żwieġ, jinkiteb f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi Pollakki, u

–        it-talba tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex l-ismijiet tagħha jinkitbu fl-imsemmi ċertifikat f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi Pollakki.

 Osservazzjonijiet preliminari fuq id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni

51      B’mod preliminari, għandu jiġi eżaminat jekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern Litwan u dak Ċek, is-sitwazzjoni tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, fir-rigward tad-dokumenti tal-istat ċivili maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti Litwani, li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, taqax taħt il-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar iċ-ċittadinaza tal-Unjoni.

52      Fir-rigward taċ-ċertifikat tat-twelid, il-Gvern Litwan jenfasizza b’mod partikolari li dan huwa att tal-istat ċivili maħruġ għall-ewwel darba fl-14 ta’ Ġunju 1977, jiġifieri ħafna żmien qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Litwanja mal-Unjoni. Barra minn hekk, dan huwa att maħruġ lil ċittadina Litwana mil-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru. Is-sitwazzjoni tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward taċ-ċertifikat tat-twelid tagħha b’hekk tikkostitwixxi sitwazzjoni purament interna. Konsegwentement, it-talba sabiex jinbidel dan iċ-ċertifikat magħmul mill-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

53      Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar għal dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-kawża prinċipali ma tikkonċernax ir-rikonoxximent ta’ drittijiet li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni allegatament miksuba qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Litwanja u d-dħul fis-seħħ fil-konfront tagħha tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Din il-kawża tikkonċerna allegazzjoni ta’ trattament diskriminatorju attwali jew restrizzjoni attwali fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 24).

54      Fil-fatt, l-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex qed tistaqsi li ċ-ċertifikat tat-twelid tagħha jinbidel b’effett retroattiv, iżda li, sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tagħha bħala ċittadina tal-Unjoni – billi l-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, wara li żżewġet ċittadin Pollakk, stabbilixxiet ir-residenza tagħha fil-Belġju fejn kellha tifel, li għandu nazzjonalità doppja Litwana u Pollakka – l-awtoritajiet kompetenti Litwani joħorġulha ċertifikat tat-twelid li fih il-kunjom tagħha ta’ qabel iż-żwieġ u isimha jinkitbu f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi Pollakki.

55      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni japplikaw mid-dħul fis-seħħ tagħhom. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li għandhom jiġu applikati għall-effetti attwali ta’ sitwazzjonijiet li seħħew qabel (sentenza D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

56      Minn dan jirriżulta li d-diskriminazzjoni jew ir-restrizzjoni allegata mill-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rigward tar-rifjut li jinbidel il-mod kif jinkiteb il-kunjom tagħha ta’ qabel iż-żwieġ u isimha fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tagħha jista’ bħala regola, jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE.

57      Il-kwistjoni tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma tqumx għal dak li jikkonċerna t-talba sabiex jinbidel iċ-ċertifikat taż-żwieġ tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali maħruġ fis-7 ta’ Lulju 2007.

58      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk it-talba sabiex jinbidlu ċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkorispondix għal sitwazzjoni purament interna li ma taqax taħt il-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li dawn huma atti tal-istat ċivili li nħarġulha mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini tagħha, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, li eżerċitat id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza mogħti lilha mill-Artikolu 21 TFUE, tixtieq li ċ-ċertifikati jinbidlu sabiex ikun iktar faċli għaliha li teżerċita l-imsemmi dritt. Hija tibbaża t-talba tagħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 21 TFUE billi tirrileva l-inkonvenjent li jikkawżalha l-fatt li meta teżerċita d-drittijiet mogħtija lilha minn dawn id-dispożizzjonijiet jkollha tuża dokumenti tal-istat ċivili li fihom kunjomha u isimha ma jidhrux fil-forma Pollakka u b’hekk ma jirriflettux in-natura tar-relazzjoni tagħha mat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali u lanqas mat-tifel tagħha.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C-34/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40). Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni, għandha dan l-istatus.

60      Billi tirrikonoxxi l-importanza li d-dritt primarju jagħti lill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi li dan l-istatus huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2002, Baumbast u R, C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 82; tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, Ġabra p. I-01449, punti 43 u 56, u Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

61      Dan l-istatus jippermetti lil dawk fost dawn iċ-ċittadini li jkunu fl-istess sitwazzjoni jingħataw fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-trattat, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31).

62      Fost is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni hemm dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Grzelczyk, punt 33, u D’Hoop, punt 29).

63      Għalkemm, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli li jirregolaw il-mod kif jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili l-kunjom u l-isem ta’ persuna jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar xorta waħda għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà rrikonoxxuta fil-konfront ta’ kull ċittadin ta’ moviment u residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, Ġabra p. I‑11613, punti 25 u 26; tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul, C‑353/06, Ġabra p. I‑7639, punt 16, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein, C‑208/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 38 u 39).

64      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li ż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali t-tnejn li huma eżerċitaw, fil-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, il-libertà ta’ moviment u residenza fi Stati Membri differenti mill-Istati Membri ta’ oriġini tagħhom.

65      Peress li l-Artikolu 21 TFUE jinkludi mhux biss id-dritt ta’ libertà ta’ moviment u residenza fit-territorju tal-Istati Membri iżda wkoll, hekk kif jirriżulta mill-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza u hekk kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, projbizzjoni fuq kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità, għandu jiġi eżaminat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni r-rifjut, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jbiddlu l-atti tal-istat ċivili f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu

66      Preliminarjament għandu jiġi rrilevat illi l-isem u l-kunjom ta’ persuna huma element kostituttiv tal-identità tagħha u tal-ħajja privata tagħha, il-protezzjoni ta’ liema hija stabbilita fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Għalkemm l-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni ma jsemmix dan b’mod speċifiku, l-isem u l-kunjom ta’ persuna jirrigwardaw il-ħajja privata u tal-familja tagħha bħala mezz ta’ identifikazzjoni personali u ta’ rabta ma’ familja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Sayn-Wittgenstein, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Sa fejn lil ċittadin tal-Unjoni għandu jiġi rikonoxxut, fl-Istati Membri kollha, l-istess trattament ġuridiku bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ċ-ċittadin jista’ jkun suġġett, fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, għal trattament inqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu (sentenza D’Hoop, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

68      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment u residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet rikonoxxuti mill-Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Grunkin u Paul, punt 21, kif ukoll Sayn-Wittgentstein, punt 53).

69      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talba tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex jinbidlu isimha u l-kunjom tagħha ta’ qabel iż-żwieġ fiċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ maħruġa mis-servizz tal-istat ċivili ta’ Vilnjus, għandu jiġi rrilevat li, meta ċittadin tal-Unjoni jmur fi Stat Membru ieħor u mbagħad jiżżewweġ lil ċittadin ta’ dak l-Istat l-ieħor, il-fatt li l-kunjom ta’ dan iċ-ċittadin, li kien juża qabel iż-żwieġ, u ismu ma jistgħux jinbidlu u jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili tal-Istat Membru tal-oriġini ħlief bil-karattri tal-lingwa tal-Istat Membru msemmi l-aħħar, ma jistax jikkostitwixxi trattament inqas favorevoli minn dak li gawda qabel ma uża l-opportunitajiet mogħtija mit-trattat fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni.

70      B’hekk, in-nuqqas ta’ tali dritt ma huwiex sejjer jiddiswadi lil ċittadin tal-Unjoni milli jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment irrikonoxxuti mill-Artikolu 21 TFUE u ma jikkostitwixxix restrizzjoni. Fil-fatt, fid-dokumenti kollha li nħarġu lill-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-awtoritajiet kompetenti Litwani u li huma s-suġġett tar-rikors fil-kawża prinċipali, l-isem u l-kunjom ta’ qabel iż-żwieġ irreġistrati mat-twelid inkitbu b’mod uniformi, b’mod li ma jeżistux restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet.

71      Minn dan isegwi li l-Artikolu 21 TFUE ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjomijiet u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali, li jbiddlu l-kunjom ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu li kien juża qabel iż-żwieġ u ismu, meta dawn ġew irreġistrati mat-twelid, b’mod konformi mal-imsemmija leġiżlazzjoni.

72      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talbiet ta’ modifika taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar iż-żieda fiċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-kunjom tar-raġel mal-kunjom ta’ qabel iż-żwieġ tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li din iż-żieda saret fuq talba espressa taż-żewġ rikorrenti fil-kawża priċnipali, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Litwana fis-seħħ.

73      Diversi azzjonijiet ta’ kuljum, kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll f’dak privat, jeżiġu li persuna tagħti prova tal-identità tagħha u, barra minn hekk, fir-rigward ta’ familja, il-prova tan-natura tar-rabtiet familjari li jeżistu bejn id-diversi membri tal-familja. Fil-fatt, koppja ta’ ċittadini tal-Unjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirrisjedi u taħdem fi Stat Membru differenti mill-Istati Membri ta’ oriġini tagħhom, għandha, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), tkun f’pożizzjoni li tagħti prova tar-relazzjoni li teżisti bejniethom.

74      Ċertament, il-mod differenti kif jinkitbu l-isem u l-kunjom ta’ qabel iż-żwieġ tal-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, fid-dokumenti tal-istat ċivili maħruġa mill-awtoritajiet Litwani u Pollakki, jirriżulta minn għażla magħmula deliberatament minnha u ma jikkostitwixxix, bħala tali, restrizzjoni fuq id-dritt tagħha ta’ libertà ta’ moviment u residenza. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-fatt li, fiċ-ċertifikat taż-żwieġ, il-kunjom ta’ żewġha ġie miżjud mal-kunjom tagħha ta’ qabel iż-żwieġ f’forma li ma tikkorrispondix mal-kunjom tiegħu kif inhuwa rreġistrat fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu u lanqas kif inhuwa miktub, fir-rigward tat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali, fl-istess ċertifikat taż-żwieġ, jista’ jkun tali li jikkawża inkonvenjent għall-persuni kkonċernati.

75      Fil-fatt, tali inkonvenjent jista’ jirriżulta mid-differenza fil-mod kif jinkiteb l-istess kunjom għal żewġ persuni li jifformaw koppja waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Garcia Avello, punt 36, kif ukoll Sayn-Wittgenstein, punti 55 u 66).

76      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertajiet rikonoxxuti mill-Artikolu 21 TFUE, ir-rifjut li jinbidel il-kunjom komuni għaż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandu jkun tali li jikkawża għall-persuni kkonċernati “inkonvenjenti serji” ta’ natura amministrattiva, professjonali u privata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Garcia Avello, punt 36; Grunkin u Paul, punti 23 sa 28, kif ukoll Sayn-Wittgenstein, punti 67, 69 u 70).

77      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk jeżistix riskju konkret, għal familja bħal dik taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali, minħabba r-rifjut mill-awtoritajiet kompetenti li jbiddlu, fl-ortografija tal-kunjom ta’ wieħed mill-membri ta’ din il-familja, l-ittra “V” f”“W”, li jkun hemm bżonn jitneħħew xi dubji dwar l-identità tagħhom kif ukoll dwar l-awtentiċità tad-dokumenti li jippreżentaw. Jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-imsemmi rifjut jimplika l-possibbiltà li jitqajmu dubji dwar il-veraċità tal-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti u li jitqajmu dubji dwar l-identità ta’ din il-familja u r-relazzjoni li teżisti bejn il-membri tagħha, dan jista’ jkollu konsegwenzi importanti għal dak li jirrigwarda, fost affarijiet oħra, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza mogħti direttament mill-Artikolu 21 TFUE (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Garcia Avello, punt 36, u Sayn-Wittgenstein, punti 55 u 66 sa 70).

78      Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk ir-rifjut tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jbiddlu, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, iċ-ċertifikat taż-żwieġ ta’ koppja ta’ ċittadini tal-Unjoni sabiex il-kunjom komuni għaż-żewġ konjuġi jinkiteb, minn naħa, b’mod uniformi u, min-naħa l-oħra, f’forma li tirrifletti r-regoli ortografiċi tal-Istat Membru tal-oriġini tar-raġel, li kunjomu huwa inkwistjoni, huwiex ta’ tali natura li jikkawża inkonvenjenti serji ta’ natura amministrattiva, professjonali u privata għall-persuni kkonċernati. Jekk dan huwa l-każ, din hija restrizzjoni fuq il-libertajiet rikonoxxuti mill-Artikolu 21 TFUE fil-konfront ta’ kull ċittadin tal-Unjoni.

79      Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, it-talba tat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex l-ismijiet tiegħu jinkitbu fiċ-ċertifikat taż-żwieġ maħruġ mis-servizz tal-istat ċivili ta’ Vilnjus f’forma li tirrispetta r-regoli ortografiċi Pollakki, jiġifieri “Łukasz Paweł”, għandu jitfakkar li dawn l-ismijiet inkitbu fl-imsemmi ċertifikat taż-żwieġ fil-forma “Lukasz Pawel”. Id-differenzi bejn il-mod kif jinkitbu dawn l-ismijiet jikkonsistu fl-ommissjoni tas-sinjali dijakritiċi li ma jintużawx fil-lingwa Litwana.

80      F’dan ir-rigward, it-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Gvern Pollakk isostnu li kull bidla, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, fl-ortografija oriġinali tal-isem jew tal-kunjom ta’ persuna li jinsab fl-atti tal-istat ċivili maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-oriġini tagħha jista’ jkollha konsegwenzi dannużi, kemm jekk il-bidla tikkonsisti f’mod ġdid kif jinkiteb l-isem jew il-kunjom inkwistjoni kif ukoll jekk tirriżulta biss mit-tneħħija tas-sinjali dijakritiċi tagħhom. Fil-fatt, il-pronunzja tal-isem jew tal-kunjom tista’ tiġi affettwata b’dan, u t-tneħħija ta’ sinjal dijakritiku tista’, f’ċerti każijiet, toħloq isem differenti.

81      Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sinjali dijakritiċi spiss jitħallew barra f’diversi azzjonijiet ta’ kuljum għal raġunijiet tekniċi, bħal dawk marbutin mar-restrizzjonijiet oġġettivi inerenti għal ċerti sistemi tal-informatika. Barra minn hekk, persuna li ma hijiex midħla ta’ lingwa barranija, spiss ma tkunx taf is-sinjifikat tas-sinjali dijakritiċi u lanqas ma tinnotahom. Għaldaqstant, x’aktarx ommissjoni ta’ sinjali bħal dawn ma tistax, waħedha, tikkawża inkonvenjenti reali u serji għall-persuna kkonċernata fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 ta’ din is-sentenza ta’ tali natura li tqajjem dubji dwar l-identità u l-awtentiċità tad-dokumenti ppreżentati minnha jew dwar il-veraċità tal-informazzjoni li tinsab fihom.

82      Minn dan isegwi li r-rifjut tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li jbiddlu ċ-ċertifikat taż-żwieġ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sabiex l-ismijiet tal-imsemmi ċittadin jinkitbu f’dan iċ-ċertifikat b’sinjali dijakritiċi kif jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini tiegħu u f’forma li tirrispetta r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru msemmi l-aħħar ma jikkostitwixxix, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, restrizzjoni fuq il-libertajiet rikonoxxuti mill-Artikolu 21 TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni.

 Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għal restrizzjoni fuq il-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni

83      F’każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi li r-rifjut li jinbidel kunjom komuni għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi restrizzjoni fuq l-Artikolu 21 TFUE, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni ma jistax jiġi ġġustifikat ħlief jekk huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u huwa proporzjonali mal-għan leġittimament segwit mid-dritt nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Grunkin u Paul, punt 29, kif ukoll Sayn-Wittgenstein, punt 81).

84      Skont uħud mill-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru huwa ġġustifikat jipproteġi l-lingwa uffiċjali nazzjonali, sabiex tiġi protetta l-unità nazzjonali u tinżamm il-koeżjoni soċjali. Il-Gvern Litwan jenfasizza, b’mod partikolari, li l-lingwa Litawana tikkostitwixxi assi kostituzzjonali li tippreżerva l-identità tan-nazzjon, tikkontribwixxi għall-integrazzjoni taċ-ċittadini, tiżgura l-espressjoni tas-sovranità nazzjonali, l-indiviżibbiltà tal-Istat, u l-operat tajjeb tas-servizzi tal-Istat u tal-awtoritajiet lokali.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ politika li tħaddan id-difiża u l-promozzjoni tal-lingwa ta’ Stat Membru li fl-istess ħin hija l-lingwa nazzjonali u l-ewwel lingwa uffiċjali (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener, C‑379/87, Ġabra p. 3967, punt 19).

86      Fil-fatt, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, u skont l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha. B’mod konformi mal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta wkoll l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, li minnha tagħmel parti wkoll il-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tal-Istat.

87      Minn dan isegwi li l-għan ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża biex tipproteġi l-lingwa uffiċjali nazzjonali billi timponi regoli ortografiċi previsti minn din il-lingwa, jikkostitwixxi, bħala regola, objettiv leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjonijiet fuq id-drittijiet ta’ libertà ta’ moviment u residenza previsti mill-Artikolu 21 TFUE u jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu bbilanċjati l-interessi leġittimi mal-imsemmija drittijiet rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.

88      Miżuri li jirrestrinġu libertà fundamentali, bħal dik prevista fl-Artikolu 21 TFUE, ma jistgħux, madankolu, ikunu ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi ħlief jekk huma jkunu neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi li huma intiżi jiggarantixxu, u dan biss sakemm dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu minn miżuri inqas restrittivi (ara s-sentenza Sayn-Wittgenstein, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Hekk kif jirriżulta mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, il-kunjom ta’ persuna huwa element kostituttiv tal-identità tagħha u tal-ħajja privata tagħha, li l-protezzjoni tagħha hija ggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

90      Barra minn hekk, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, ġiet rikonoxxuta l-importanza li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex jiġu eliminati l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punt 98).

91      Jekk jiġi stabbilit li r-rifjut li jinbidel il-kunjom komuni għall-koppja ta’ ċittadini tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża priċnipali jagħti lok għal inkonvenjenti ta’ natura amministrattiva, professjonali u privata fir-rigward tagħhom u/jew fir-rigward tal-familja tagħhom, hija l-qorti tar-rinviju li jkollha tiddetermina jekk tali rifjut jirrispettax bilanċ bejn l-interessi inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, id-dritt taż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali li tiġi rrispettata l-ħajja privata u tal-familja tagħhom kif ukoll, minn naħa l-oħra, il-protezzjoni leġittima mill-Istat Membru kkonċernat tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tiegħu u tat-tradizzjonijiet tiegħu.

92      Fir-rigward tal-bidla, fiċ-ċertifikat taż-żwieġ, tal-kunjom Pollakk “Wardyn” għal “Vardyn”, in-natura sproporzjonata taċ-ċaħda tas-servizz tal-istat ċivili ta’ Vilnjus tat-talbiet għal modifika magħmula miż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dan ir-rigward tista’ eventwalment tirriżulta mill-fatt li dan is-servizz kiteb l-imsemmi kunjom, għal dak li jikkonċerna t-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali fl-istess ċertifikat billi rrispetta r-regoli ortografiċi Pollakki inkwistjoni.

93      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunjomijiet taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra jistgħu, fil-Litwanja, jinkitbu billi jintużaw ittri tal-alfabett Ruman li ma jeżistux fl-alfabett Litwan. Il-fatt li, fiċ-ċertifikat taż-żwieġ, il-kunjom tat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali jibda bl-ittra “W”, li ma teżistix fl-alfabett Litwan, huwa tabilħaqq prova ta’ dan.

94      Fid-dawl tas-suespost, ir-risposta li għandha tingħata lit-tielet u r-raba’ domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjom u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali, li jbiddlu fiċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu l-kunjom u l-isem tiegħu skont ir-regoli ortografiċi ta’ Stat Membru ieħor;

–        ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwisjtoni fil-kawża prinċipali u filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ din l-istess leġiżlazzjoni, li jbiddlu l-kunjom komuni għal koppja miżżewġa ta’ ċittadini tal-Unjoni, kif jinsab fl-atti tal-istat ċivili maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini ta’ wieħed minn dawn iċ-ċittadini, f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-Istat imsemmi l-aħħar, bil-kundizzjoni li dan ir-rifjut ma jikkawżax għall-imsemmija ċittadini tal-Unjoni, inkonvenjenti serji ta’ natura amministrattiva, professjonali u privata, ħaġa li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju. Jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika wkoll jekk ir-rifjut li jsiru tibdiliet huwiex meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprova tiggarantixxi u huwiex proporzjonali għall-għan imfittex leġittimament.

–        ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwisjtoni fil-kawża prinċipali u filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ din l-istess leġiżlazzjoni, li jbiddlu ċ-ċertifikat taż-żwieġ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sabiex l-ismijiet tal-imsemmi ċittadin jinkitbu f’dan iċ-ċertifikat b’marki dijakritiċi kif kienu nkitbu fl-atti tal-istat ċivili maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini tiegħu u f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tal-Istat imsemmi l-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

95      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjomijiet u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tikkonċerna sitwazzjoni li ma taqax taħt il-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità

2)      L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-kunjom u l-ismijiet ta’ persuna jistgħu jinkitbu fl-atti tal-istat ċivili ta’ dan l-Istat biss f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali, li jbiddlu fiċ-ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu l-kunjom u l-isem tiegħu skont ir-regoli ortografiċi ta’ Stat Membru ieħor;

–        ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwisjtoni fil-kawża prinċipali u filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ din l-istess leġiżlazzjoni, li jbiddlu l-kunjom komuni għal koppja miżżewġa ta’ ċittadini tal-Unjoni, kif jinsab fl-atti tal-istat ċivili maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini ta’ wieħed minn dawn iċ-ċittadini, f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-Istat imsemmi l-aħħar, bil-kundizzjoni li dan ir-rifjut ma jikkawżax għall-imsemmija ċittadini tal-Unjoni, inkonvenjenti serji ta’ natura amministrattiva, professjonali u privata, ħaġa li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju. Jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika wkoll jekk ir-rifjut li jsiru tibdiliet huwiex meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprova tiggarantixxi u huwiex proporzjonali għall-għan imfittex leġittimament;

–        ma jipprekludix lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwisjtoni fil-kawża prinċipali u filwaqt li jaġixxu b’mod konformi ma’ din l-istess leġiżlazzjoni, li jbiddlu ċ-ċertifikat taż-żwieġ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sabiex l-ismijiet tal-imsemmi ċittadin jinkitbu f’dan iċ-ċertifikat b’marki dijakritiċi kif kienu nkitbu fl-atti tal-istat ċivili maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini tiegħu u f’forma li tosserva r-regoli ortografiċi tal-lingwa uffiċjali nazzjonali tal-Istat imsemmi l-aħħar.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.