Language of document : ECLI:EU:C:2017:211

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 96 TFUE – Applikabbiltà – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lis-servizzi tat-taxi milli joffru postijiet individwali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lis-servizzi tat-taxi milli jiddeterminaw minn qabel id-destinazzjoni tagħhom – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lis-servizzi tat-taxi milli jħajru klijenti”

Fil-Kawża C-253/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

FlibTravel International SA,

Léonard Travel International SA

vs

AAL Renting SA,

Haroune Tax SPRL,

Saratax SCS,

Ryad SCRI,

Taxis Bachir & Cie SCS,

Abdelhamid El Barjraji,

Abdelouahab Ben Bachir,

Sotax SCRI,

Mostapha El Hammouchi,

Boughaz SPRL,

Sahbaz SPRL,

Jamal El Jelali,

Mohamed Chakir Ben Kadour,

Taxis Chalkis SCRL,

Mohammed Gheris,

Les délices de Fes SPRL,

Abderrahmane Belyazid,

E.A.R. SCS,

Sotrans SPRL,

B.M.A. SCS,

Taxis Amri u Cie SCS,

Aramak SCS,

Rachid El Amrani,

Mourad Bakkour,

Mohamed Agharbiou,

Omar Amri,

Jmili Zouhair,

Mustapha Ben Abderrahman,

Mohamed Zahyani,

Miltotax SPRL,

Lextra SA,

Ismael El Amrani,

Farid Benazzouz,

Imad Zoufri,

Abdel-Ilah Bokhamy,

Ismail Al Bouhali,

Bahri Messaoud & Cie SCS,

Mostafa Bouzid,

BKN Star SPRL,

M.V.S. SPRL,

A.B.M.B. SCS,

Imatrans SPRL,

Reda Bouyaknouden,

Ayoub Tahri,

Moulay Adil El Khatir,

Redouan El Abboudi,

Mohamed El Abboudi,

Bilal El Abboudi,

Sofian El Abboudi,

Karim Bensbih,

Hadel Bensbih,

Mimoun Mallouk,

Abdellah El Ghaffouli,

Said El Aazzoui,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal FlibTravel International SA u Léonard Travel International SA, minn P. Frühling, avukat,

–        għal AAL Renting SA u Haroune Tax SPRL, minn V. Defraiteur, avukat,

–        għal Saratax SCS, Ryad SCRI, Taxis Bachir & Cie SCS, Abdelhamid El Barjraji, Abdelouahab Ben Bachir, Sotax SCRI, Mostapha El Hammouchi, Boughaz SPRL, Sahbaz SPRL, Jamal El Jelali, Mohamed Chakir Ben Kadour, Taxis Chalkis SCRL, Mohammed Gheris, Les délices de Fes SPRL, Abderrahmane Belyazid, E.A.R. SCS, Sotrans SPRL, B.M.A. SCS, Taxis Amri u Cie SCS, Aramak SCS, Rachid El Amrani, Mourad Bakkour, Mohamed Agharbiou, Omar Amri, Jmili Zouhair, Mustapha Ben Abderrahman, Mohamed Zahyani, Miltotax SPRL, Lextra SA, Ismael El Amrani, Farid Benazzouz, Imad Zoufri, Abdel-Ilah Bokhamy, Ismail Al Bouhali, Bahri Messaoud & Cie SCS, Mostafa Bouzid, BKN Star SPRL, M.V.S. SPRL, A.B.M.B. SCS, Imatrans SPRL, Reda Bouyaknouden, Ayoub Tahri, Moulay Adil El Khatir, Redouan El Abboudi, Mohamed El Abboudi, Bilal El Abboudi, Sofian El Abboudi, Karim Bensbih, Hadel Bensbih, Mimoun Mallouk, Abdellah El Ghaffouli u Said El Aazzoui, minn D. Ribant u I. Ferrant, avukati,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 96(1) TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ inibizzjoni ppreżentata minn FlibTravel International SA (iktar ’il quddiem “FlibTravel”) u Léonard Travel International SA (iktar ’il quddiem “Léonard Travel”), kumpanniji li joperaw linji regolari tat-trasport ta’ persuni b’kowċijiet, kontra persuni fiżiċi u ġuridiċi, li jeżerċitaw l-attività, rispettivament, ta’ xufiera ta’ taxis u ta’ operaturi ta’ taxis, minħabba aġir ta’ kompetizzjoni żleali li tal-ewwel jallegaw li jsofru min-naħa tat-tieni.

 Il-kuntest ġuridiku Belġjan

3        Id-digriet tar-Région de Bruxelles-Capitale (gvern tar-reġjun ta’ Brussell-Kapitali) tas-27 ta’ April 1995, dwar servizzi tat-taxi u servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier (Moniteur belge tal-1 ta’ Ġunju 1995, p. 15510), kif emendat bid-digriet tal-20 ta’ Lulju 2006 (Moniteur belge tad-29 ta’ Settembru 2006) (iktar ’il quddiem id-“digriet tas-27 ta’ April 1995”), jipprovdi, fl-Artikolu 2(1) u (2) tiegħu:

“1)      servizzi tat-taxi: servizzi li jinvolvu t-trasport ta’ passiġġieri għal remunerazzjoni permezz ta’ vettura bil-mutur b’xufier, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      il-vettura, tat-tip ta’ karozza, karozza mħallta jew vann tal-passiġġieri, fis-sens tad-Digriet Irjali tal-15 ta’ Marzu 1968 li jirregola b’mod ġenerali l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mil-vetturi bil-mutur u t-trailers tagħhom, il-komponenti u kif ukoll l-aċċessorji ta’ sigurtà tagħhom, għandha tkun, skont it-tip ta’ kostruzzjoni u t-tagħmir tagħha, adatta sabiex tittrasporta numru massimu ta’ disa’ persuni – inkluż ix-xufier – u għandha tkun intiża għal dan l-għan;

b)      il-vettura għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, jew f’post ta’ parkeġġ speċifiku fi triq pubblika fis-sens tar-regolamenti ġenerali tal-pulizija dwar it-traffiku, jew fi kwalunkwe post ieħor mhux miftuħ għat-traffiku pubbliku;

c)      fejn il-vettura tintuża bħala taxi, il-forniment tat-trasport għandu jkun marbut mal-vettura u mhux mal-postijiet individwali, u fejn din tintuża bħala taxi kollettiva bl-awtorizzazzjoni tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-forniment tat-trasport għandu jkun marbut mal-postijiet individwali u mhux mal-vettura nnifisha;

d)      id-destinazzjoni għandha tiġi deċiża mill-klijent;

2)      servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier: is-servizzi kollha, għajr servizzi tat-taxi, li jinvolvu t-trasport ta’ passiġġieri permezz ta’ vettura bil-mutur għal remunerazzjoni, li jaħdmu b’karozzi, vetturi mħallta jew vannijiet tal-passiġġieri, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi mgħammrin bħala ambulanzi”.

4        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet:

“L-ebda persuna ma tista’, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Gvern, topera servizz tat-taxi b’vettura waħda jew iktar, bi tluq minn triq pubblika jew kwalunkwe post ieħor li ma huwiex miftuħ għat-traffiku pubbliku u jinsab fit-territorju tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali”.

5        L-Artikolu 16 tal-imsemmi digriet huwa fformulat kif ġej:

“L-ebda persuna ma tista’, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Gvern, topera servizz ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier b’vettura waħda jew iktar fir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali.

L-operaturi li huma fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-Gvern biss jistgħu jipprovdu servizzi fejn il-punt tat-tluq għall-utent jinsab fit-territorju tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali.

[…]”

6        Id-digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, tad-29 ta’ Marzu 2007, dwar servizzi tat-taxi u servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier (Moniteur belge tat-3 ta’ Mejju 2007, p. 23526), kif emendat bid-digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, tas-27 ta’ Marzu 2014 (Moniteur belge tas-17 ta’ April 2014) (iktar ’il quddiem id-“digriet tad-29 ta’ Marzu 2007”), jipprovdi, fl-Artikolu 31(7) tiegħu, li x-xufiera huma pprojbiti milli “[j]ħajru lill-klijenti jew ikollhom lil ħaddieħor li jħajjar lill-klijenti f’isimhom”.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Fl-ambitu ta’ ftehim ta’ subkonċessjoni konkluż mal-Brussels South Charleroi Airport, FlibTravel u Léonard Travel joperaw linja regolari ta’ kowċijiet li tgħaqqad, b’mod partikolari, il-gare de Bruxelles-Midi li tinsab fi Brussell (il-Belġju) mal-ajruport ta’ Charleroi (il-Belġju).

8        Fil-21 ta’ Mejju 2014, FlibTravel u Léonard Travel ħarrku lill-konvenuti fil-kawża prinċipali quddiem il-President tal-Qorti tal-Kummerċ Frankofona ta’ Brussell (il-Belġju) sabiex dawn jiġu inibiti milli jkompli bil-prattiki tagħhom li allegatament jikkostitwixxu atti li jmorru kontra l-prattiki onesti tas-suq, sa fejn dawn huma eżerċitati bi ksur tal-Artikolu 2(1)(c) u (d) tad-digriet tas-27 ta’ April 1995.

9        Insostenn tal-azzjoni ta’ inibizzjoni tagħhom, huma jsostnu li, fil-gare de Bruxelles-Midi, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jew persuni li jaħdmu għalihom iħajru l-passiġġieri li jkunu sejrin lejn l-ajruport ta’ Charleroi sabiex iqegħduhom fi gruppi f’“vannijiet tat-taxi” sabiex imbagħad, meta dawn it-taxis jimtlew, jeħduhom f’din id-destinazzjoni. Konsegwentement, huma jikkritikaw lil dawn il-konvenuti, b’mod partikolari, li jiġbru fi gruppi passiġġieri li jkollhom l-istess destinazzjoni, li joperaw tariffa tas-servizz għal kull passiġġier u mhux għal kull vettura u kif ukoll li jħajru l-klijenti.

10      B’sentenza tal-11 ta’ Frar 2015, il-president ta’ din il-qorti ċaħad it-talbiet kollha ta’ FlibTravel u Léonard Travel billi qies li l-fatti allegati ma ġewx ippruvati.

11      Fit-13 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu appell minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju).

12      Din il-qorti tqis li, skont l-Artikolu 2(1)(c) u (d) tad-digriet tas-27 ta’ April 1995, l-operaturi tat-taxis, la jistgħu jipprovdu lill-passiġġieri tagħhom b’postijiet individwali, minflok il-vettura kollha kemm hi, u lanqas ma jistgħu jiddeterminaw minn qabel id-destinazzjoni tagħhom. Bl-istess mod, hija tqis li l-prattiki kontenzjużi jikkostitwixxu tħajjir tal-klijenti fis-sens tal-Artikolu 31(7) tad-digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali tad-29 ta’ Marzu 2007, dwar servizzi tat-taxi u servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier, kif emendat bid-digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali tas-27 ta’ Marzu 2014. Fil-fehma tagħha, dawn il-prattiki jikkostitwixxu ksur għal dawn id-dispożizzjonijiet u atti li jmorru kontra l-prattiki onesti tas-suq. Dawn il-prattiki huma, minħabba f’hekk, ipprojbiti u jistgħu jkunu suġġetti għal ordni ta’ inibizzjoni fuq talba ta’ persuna interessata.

13      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-konformità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikolu 96(1) TFUE, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni Ewropea tad-digriet tas-27 ta’ April 1995.

14      B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-applikabbiltà għall-każ pendenti quddiemha tal-Artikolu 96(1) TFUE, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi t-“trasport effettwat fi ħdan l-Unjoni”, tippreżupponix li t-trasport ikkonċernat ikun ta’ dimensjoni transnazzjonali. Hija tesponi li l-prestazzjonijiet tat-trasport inkwistjoni quddiemha, minħabba d-dimensjoni internazzjonali tal-istazzjon u tal-ajruport ikkonċernati, ma jibbenefikawx biss liċ-ċittadini nazzjonali. Hija tistaqsi wkoll dwar l-interpretazzjoni tat-termini “prezzijiet u kondizzjonijiet” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, kif ukoll dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-protezzjoni ta’ industriji partikolari permessa minnha tapplikax għal industrija tat-trasport, bħal dik li toffri servizzi tat-taxi.

15      F’dawn iċ-ċirkustanzi u wara li staqsiet lill-partijiet dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet tad-digriet tas-27 ta’ April 1995 mal-Artikolu 96(1) TFUE, il-cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell ta’ Brussell, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 96(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ japplika għal prezzijiet u kundizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ taxi meta:

a)      jkun biss fuq bażi eċċezzjonali li l-vjaġġi tat-taxis ikkonċernati jaqsmu l-fruntieri nazzjonali,

b)      parti sinjifikattiva mill-klijentela tat-taxis ikkonċernati tkun magħmula minn ċittadini jew residenti tal-Unjoni Ewropea li ma jkunux ċittadini jew residenti tal-Istat Membru inkwistjoni u

c)      fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, il-vjaġġi bit-taxi kontenzjużi jkunu biss, għall-passiġġier, stadju wieħed fi vjaġġ itwal li l-punt ta’ wasla jew il-punt ta’ tluq tiegħu jkun jinsab f’pajjiż tal-Unjoni differenti mill-Istat Membru inkwistjoni?

2)      L-Artikolu 96(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ japplika għal kundizzjonijiet tal-operat differenti mill-kundizzjonijiet tariffarji u mill-kundizzjonijiet għall-kisba tal-awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-attività ta’ trasport ikkonċernata, bħal, f’dan il-każ, projbizzjoni għall-operaturi ta’ taxis milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni postijiet individwali minflok il-vettura kollha kemm hi u projbizzjoni għal dawn l-operaturi milli jiddeterminaw huma stess id-destinazzjoni ta’ vjaġġ li joffru lill-klijentela, li jwasslu sabiex dawn l-operaturi jiġu preklużi milli jiġbru flimkien klijenti bl-istess destinazzjoni?

(3)      L-Artikolu 96(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi, ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, miżuri bħal dawk imsemmija fit-tieni domanda:

a)      li l-għan ġenerali tagħhom, fost għanijiet oħra, jkun li l-operaturi ta’ taxis jiġu protetti mill-kompetizzjoni min-naħa tal-impriżi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier u,

b)      li l-effett speċifiku tagħhom fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża jkun li operaturi ta’ kowċijiet jiġu protetti mill-kompetizzjoni min-naħa tal-operaturi ta’ taxis?

(4)      L-Artikolu 96(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi, ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, miżura li tipprojbixxi lill-operaturi ta’ taxis milli jħajru klijenti, meta l-effett ta’ din il-miżura fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża jkun li titnaqqas il-kapaċità tagħhom li jiksbu l-klijenti ta’ servizz ta’ kowċ kompetitur?”

 Fuq id-domandi preliminari

16      Bit-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 96(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirregola l-kundizzjonijiet li fihom is-servizzi tat-taxi għandhom jiġu pprovduti.

17      Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-applikazzjoni imposta minn Stat Membru, għat-trasport effettwat fi ħdan l-Unjoni, ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet li jinvolvu element ta’ sostenn jew protezzjoni, għall-benefiċċju ta’ impriża jew industrija waħda jew iktar partikolari, għandha tkun ipprojbita, sakemm ma tkunx awtorizzata mill-Kummissjoni.

18      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed kont mhux biss tat-termini tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Hemming et, C-316/15, EU:C:2016:879, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 96(1) TFUE jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li jirregola l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli għat-trasport li jsir fi ħdan l-Unjoni fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kundizzjonijiet li jinkludu kull element ta’ sostenn jew ta’ protezzjoni għall-benefiċċju ta’ “impriża” jew industrija waħda jew iktar partikolari.

20      Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tevita l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri ta’ sostenn jew ta’ protezzjoni li indirettament jibbenefikaw lill-klijenti tal-operatur ikkonċernat li japplika għalihom l-imsemmija prezzijiet u kundizzjonijiet u mhux ta’ miżuri ta’ sostenn jew ta’ protezzjoni li direttament jibbenefikaw lil operaturi oħra li jkunu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-operatur ikkonċernat.

21      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 96(2) TFUE, li skontha l-Kummissjoni, sabiex tawtorizza miżura li fil-prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 96(1) TFUE, għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-eżiġenzi ta’ politika ekonomika reġjonali adegwata, il-bżonnijiet ta’ reġjuni sottożviluppati u kif ukoll il-problemi ta’ reġjuni milqutin serjament minn ċirkustanzi politiċi.

22      Għalhekk, l-Artikolu 96(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma japplikax għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23      L-interpretazzjoni invokata, sostnuta mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, hija barra minn hekk ta’ natura li tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 58 TFUE, li jimplika, konformement mal-Artikolu 91 TFUE, li l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport issir permezz tal-implementazzjoni tal-politika komuni tat-trasport (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C-338/09, EU:C:2010:814, punt 30), sa fejn l-Artikolu 96(1) TFUE għandu għalhekk l-effett li jipprojbixxi direttament parti kbira ta’ miżuri li jistgħu jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport mingħajr l-adozzjoni ta’ tali regola mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

24      Fid-dawl tal-premess, għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 96(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal restrizzjonijiet imposti fuq l-operaturi tat-taxis, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għal din it-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra mressqa.

 Fuq l-ispejjeż

26      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 96(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma japplikax għal restrizzjonijiet imposti fuq l-operaturi tat-taxis, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Firem


* Lingwatal-kawża:il-Franċiż.