Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fl-14 ta’ Lulju 2014 – Quenon K. SPRL vs Citibank Belgium SA, Metlife Insurance SA

(Kawża C-338/14)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Quenon K. SPRL

Konvenut: Citibank Belgium SA, Metlife Insurance SA

Domandi preliminari

L-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom 1 għandu jiġi interpretat bħala li jawtorizza lil-leġiżlatur nazzjonali jistabbilixxi li wara t-terminazzjoni ta’ kuntratt, l-aġent kummerċjali għandu dritt għal kumpens għat-telf ta’ klijentela li l-ammont tiegħu ma jistax jeċċedi l-ammont ta’ remunerazzjoni dovuta lilu għal sena kif ukoll, jekk l-ammont ta’ dan il-kumpens ma jkunx ikopri d-dannu kollu realment subit, għal danni li jammontaw għad-differenza bejn l-ammont tad-danni realment subiti u dak ta’ dan il-kumpens?

B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 17(2)(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jikkondizzjona l-għoti tad-danni li jikkumplementaw il-kumpens għat-telf ta’ klijentela għall-eżistenza ta’ nuqqas kuntrattwali jew kważi-delittwali min-naħa tal-prinċipal li jkollu rabta kawżali mad-danni mitluba, kif ukoll għall-eżistenza ta’ dannu separat minn dak irrimedjat permezz tal-kumpens għat-telf ta’ klijentela mħallas fil-forma ta’ somma f’daqqa?

F’każ ta’ risposta pożittiva għal din l-aħħar domanda, in-nuqqas għandu jkun differenti mit-terminazzjoni unilaterali tal-kuntatt, bħal pereżempju n-notifika insuffiċjenti ta’ preavviż, l-għoti ta’ kumpens insuffiċjenti għal nuqqas ta’ preavviż jew għat-telf ta’ klijentela, l-eżistenza ta’ raġunijiet serji min-naħa tal-prinċipal, abbuż mid-dritt ta’ terminazzjoni jew kull nuqqas ieħor, b’mod partikolari, fir-rigward tal-prattiki tas-suq?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177.