Language of document : ECLI:EU:C:2013:43

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

31 ta’ Jannar 2013 (*)

“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ — Obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira minħabba ‘ċirkustanzi straordinarji’ — Eruzzjoni ta’ vulkan li twassal għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru — Eruzzjoni tal-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull”

Fil-Kawża C‑12/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Dublin Metropolitan District Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Denise McDonagh

vs

Ryanair Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, E. Juhász, G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal McDonagh, minn J. Hennessy, solicitor,

–        għal Ryanair Ltd, minn G. Berrisch, Rechtsanwalt, M. Hayden, Senior Counsel, u R. Aylward, Barrister-at-Law,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent,

–        għall-Parlament Ewropew, minn L. G. Knudsen u A. Troupiotis, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u A. De Elera, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn D. McDonagh u Ryanair Ltd (iktar ’il quddiem “Ryanair”) dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li tipprovdilha l-assistenza prevista fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004 wara l-eruzzjoni tal-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull li kkawża l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħha u b’mod iktar ġenerali l-għeluq ta’ parti mill-ispazju tal-ajru Ewropew.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999 ġiet iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”).

4        L-aħħar paragrafu tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jipprovdi:

“Peress li huma konvinti li l-adozzjoni ta’ miżuri kollettivi mill-Istati għal armozzazzjoni ikbar u kodifikazzjoni ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ konvenzjoni ġdida hija l-aħjar mod sabiex jintlaħaq bilanċ ekwu tal-interessi [...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont l-Artikolu 29 ta’ din il-konvenzjoni:

“Fit-trasport ta’ passiġġieri, bagalji u merkanzija, kull azzjoni għal danni, imressqa fuq kwalunkwe bażi, kemm jekk taħt din il-konvenzjoni, jew fuq il-bażi ta’ kuntratt jew delitt jew kwalunkwe raġuni oħra, tista’ titressaq biss taħt il-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ responsabbiltà stabbiliti f’din il-konvenzjoni, bla ħsara għad-determinazzjoni tal-persuni li għandhom id-dritt li jressqu kawża u għad-drittijiet rispettivi tagħhom. F’kull azzjoni ta’ dan it-tip, danni punittivi, eżemplari jew danni li ma humiex kumpensatorji ma jistgħux jiġu rkuprati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Il-premessi 1, 2, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[...]

(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkustanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbiltà politika, kundizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux mal-operazzjoni tat-titjira inkwistjoni, riskji tas-sigurtà, nuqqasijiet mhux mistennija fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u strajkijiet li jaffettwaw l-operazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru li jopera.

(15)      Ċirkustanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

7        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)      jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba:

(i)      huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)      huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii) huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[...]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[...]”

8        L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-assistenza pprovduta lill-passiġġieri mit-trasportatur tal-ajru, fir-rigward tad-dritt tagħhom għar-rimbors jew rotta differenti.

9        L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-dritt li ħsieb tal-passiġġieri jiġi meħud”, huwa redatt kif ġej:

“1.      Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas:

(a)      ikliet u ħwejjeġ oħra ta’ xorb u ta’ ikel b’konnessjoni raġonevoli mal-ħin li għandhom jistennew;

(b)      akkomodazzjoni f’lukanda f’każijiet:

–      fejn isir meħtieġ li joqogħdu għal lejl waħda jew aktar, jew

–      fejn isir meħtieġ li l-passiġġier ikollu joqgħod għal żmien addizzjonali għal dak maħsub minnu;

(ċ)      trasport bejn l-ajruport u l-post ta’ l-akkomodazzjoni (il-lukanda jew post ieħor).

2.      Barra minn dan, passiġġieri għandhom jiġu offruti mingħajr ħlas żewġ sejħiet bit-telefon, telex jew messaġġi bil-fax, jew e-mails.

[...]”

10      Taħt it-titolu “Kumpens ulterjuri”, l-Artikolu 12(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li “[d]an ir-Regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri. Dan il-kumpens mogħti taħt dan ir-Regolament jista’ jiġi mnaqqas minn dan il-kumpens”.

11      L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Ksur tar-Regolament”, jipprovdi dan li ġej:

“1.      Kull Stat Membru għandu jinnomina organu responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ titjiriet minn ajruporti li jinstabu fit-territoju tiegħu u titjiriet minn pajjiż terz għal dawn l-ajruporti. Fejn xieraq, dan l-organu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li d-drittijiet ta’ passiġġieri huma mħarsa. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni [bl]-organu li ġie nnominat skont dan il-paragrafu.

[...]

3.      Is-sanzjonijiet stabbiliti minn Stati Membri għal ksur ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u imġiegħla.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fil-11 ta’ Frar 2010, D. McDonagh ibbukkjat ma’ Ryanair titjira li kellha ssir minn Faro (il-Portugall) għal Dublin (l-Irlanda), fis-17 ta’ April 2010, għal ammont ta’ EUR 98. Fl-20 ta’ Marzu 2010, il-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull beda jiżbroffa. Fl-14 ta’ April 2010, dan daħal f’fażi esplożiva u ħoloq sħaba ta’ rmied vulkaniku fis-sema Ewropea. Fil-15 ta’ April 2010, l-awtoritajiet responsabbli mit-traffiku tal-ajru għalqu l-ispazju tal-ajru ta’ diversi Stati Membri minħabba r-riskji inkorsi mill-inġenji tal-ajru.

13      Fis-17 ta’ April 2010, it-titjira ta’ D. McDonagh ġiet ikkanċellata wara l-għeluq tal-ispazju tal-ajru Irlandiż. It-titjiriet ta’ Ryanair bejn l-Ewropa kontinentali u l-Irlanda reġgħu bdew joperaw fit-22 ta’ April 2010 u D. McDonagh setgħet tmur Dublin biss fl-24 ta’ April 2010.

14      Matul il-perijodu bejn is-17 u l-24 ta’ April 2010, Ryanair ma tatx assistenza lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali skont it-termini u l-kundizzjonijiet previsti l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004.

15      D. McDonagh ressqet azzjoni kontra Ryanair quddiem il-qorti tar-rinviju bl-għan li tikseb kumpens fl-ammont ta’ EUR 1129.41 li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ ikel, xorb, akkomodazzjoni u ta’ trasport imħallsa minnha matul dan il-perijodu.

16      Ryanair, min-naħa tagħha, issostni li l-għeluq tal-ispazju tal-ajru ta’ parti mill-Ewropa wara l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull ma jikkostitwixxix “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004 iżda “ċirkustanzi eċċezzjonalment straordinarji”, li jeżentawha mhux biss mill-obbligu tagħha ta’ kumpens, iżda wkoll mill-obbligi tagħha ta’ assistenza taħt l-Artikoli 5 u 9 ta’ dan ir-regolament.

17      Fid-dawl tad-dubji tagħha fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-obbligu li tingħata assistenza jistax ikun suġġett għal limiti f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u filwaqt li qieset li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx din il-kwistjoni, id-Dublin Metropolitan District Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq tal-ispazju tal-ajru Ewropew minħabba l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull fl-Islanda, li kkawża diżordni kbir u pprolongat fit-trasport bl-ajru, imorru lil hinn mill-ambitu taċ-‘ċirkostanzi straordinarji’ fis-sens tar-Regolament 261/2004?

2)      Jekk għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, ir-responsabbiltà marbuta mal-obbligu li jittieħed ħsieb tal-passiġġieri hija eskluża taħt l-Artikoli 5 u 9 [tar-Regolament Nru 261/2004] f’dawn iċ-ċirkustanzi?

3)       Jekk għat-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikoli 5 u 9 [tar-Regolament Nru 261/2004] huma invalidi inkwantu jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità u nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” stipulat fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, u l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea? [iktar ’il quddiem il-‘Karta’]?

4)       L-obbligu previst fl-Artikoli 5 u 9 [tar-Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat li jinkludi limitazzjoni impliċita, bħalma huwa limitu temporali u/jew monetarju, meta jittieħed ħsieb tal-passiġġieri f’każijiet fejn il-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ‘ċirkostanzi straordinarji’?

5)       Jekk għar-raba’ domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikoli 5 u 9 [tar-Regolament Nru 261/2004] huma invalidi inkwantu jiksru l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, il-prinċipju ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” stipulat fil-Konvenzjoni ta’ Montréal, u l-Artikoli 16 u 17 tal-[Karta]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jsostni, essenzjalment, li d-domandi huma inammissibbli minħabba l-fatt li ma humiex rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali, inkwantu, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira u indipendentement mill-kawża ta’ din il-kanċellazzjoni, il-passiġġieri tal-ajru ma jistgħux jinvokaw, quddiem qorti nazzjonali, in-nuqqas ta’ rispett minn trasportatur tal-ajru tal-obbligu tiegħu ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, sabiex jikseb kumpens mingħand dan tal-aħħar.

19      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom jiġu offruti mit-trasportatur tal-ajru, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-punt, assistenza billi jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta’ ikel u xorb, akkomodazzjoni u komunikazzjoni previsti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament.

20      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li, meta trasportatur tal-ajru jonqos mill-obbligi tiegħu taħt l-imsemmi Artikolu 9, passiġġier tal-ajru għandu d-dritt isostni li jingħata kumpens fuq il-bażi tal-fatturi stabbiliti fl-istess dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, Ġabra p. I‑9469, punt 44), filwaqt li tali talba ma tistax tinftiehem bħala li hija intiża sabiex jinkisbu danni intiżi għall-kumpens, bħala kumpens individwalizzat, ta’ dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata taħt il-kundizzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Montréal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sousa Rodríguez et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

21      Fil-fatt, talba bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex jinkiseb, mingħand it-trasportatur tal-ajru, ir-rispett b’mod ekwivalenti tal-obbligu tiegħu ta’ assistenza li jirriżulta mill-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, li għandu jiġi mfakkar li jinsab ’il fuq mid-dispożittiv previst mill-Konvenzjoni ta’ Montréal (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, Ġabra p. I‑11061, punt 32, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, punt 57).

22      Il-fatt, enfasizzat f’dan ir-rigward mill-Kunsill, li kull Stat Membru għandu jaħtar korp inkarigat bl-infurzar tar-Regolament Nru 261/2004 li, fejn xieraq, għandu jieħu l-miżuri neċessarji għall-ħarsien tad-drittijiet tal-passiġġieri u li jista’ jiġi adit minn kull passiġġier b’ilment dwar ksur ta’ dan ir-regolament, skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, ma huwiex ta’ natura li jqiegħed f’dubju id-dritt ta’ passiġġier għal tali kumpens.

23      Fil-fatt, dan l-artikolu ma jistax jiġi interpretat bħala li jirriżerva biss għall-korpi nazzjonali inkarigati bl-infurzar tar-Regolament Nru 261/2004 is-sanzjoni tan-nuqqas ta’ rispett mit-trasportaturi tal-ajru tal-obbligu tagħhom ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 ta’ dan ir-regolament.

24      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li passiġġier tal-ajru jista’ jinvoka, quddiem qorti nazzjonali, in-nuqqas ta’ rispett minn trasportatur tal-ajru tal-obbligu tiegħu ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, sabiex jikseb kumpens mingħand dan tal-aħħar għall-ispejjeż li huwa kellu jassumi skont dawn id-dispożizzjonijiet.

25      Għaldaqstant, peress li d-domandi huma rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

26      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq ta’ parti mill-ispazju tal-ajru Ewropew wara l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull jikkostitwixxu “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ dan ir-regolament li ma jeżentawx lit-trasportaturi tal-ajru mill-obbligu tagħhom ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 jew, għall-kuntrarju u minħabba l-kobor partikolari tagħhom, li tali ċirkustanzi ma jaqgħux fl-ambitu ta’ dan il-kunċett, b’mod li dawn it-trasportaturi tal-ajru huma eżentati minn dan l-obbligu.

27      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” ma huwiex fost dawk li huma ddefiniti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004 jew fid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament, minkejja li mill-premessi 14 u 15 tirriżulta lista li ma hijiex eżawrjenti ta’ dawn iċ-ċirkustanzi.

28      F’dan il-kuntest, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (sentenza Wallentin-Hermann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

29      Skont il-lingwaġġ ta’ kuljum, il-kliem “ċirkustanzi straordinarji” jipprevedu litteralment ċirkustanzi “li jmorru lil hinn mill-ordinarju”. Fil-kuntest tat-trasport bl-ajru, dawn jirreferu għal avveniment li ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat u ma jaqax taħt il-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu (sentenza Wallentin-Hermann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). Fi kliem ieħor, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, huma kkonċernati ċ-ċirkustanzi kollha li ma jaqgħux taħt il-kontroll tat-trasportatur tal-ajru, tkun xi tkun in-natura ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u l-gravità tagħhom.

30      Ir-Regolament Nru 261/2004 ma għandu ebda indikazzjoni li tippermetti l-konklużjoni li dan jirrikonoxxi, lil hinn miċ-“ċirkustanzi straordinarji” msemmija fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, kategorija distinta ta’ avvenimenti “partikolarment straordinarji” li jkollhom il-konsegwenza li jeżentaw lit-trasportatur tal-ajru mill-obbligi kollha tiegħu, inklużi dawk taħt l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament.

31      Imbagħad, fir-rigward tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi l-obbligi tat-trasportatur tal-ajru f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, għandu jitfakkar minn naħa, li meta jirriżultaw ċirkustanzi eċċezzjonali, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jeżenta lit-trasportatur tal-ajru biss mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-obbligu ta’ assistenza taħt l-Artikolu 9 tal-istess regolament huwa applikabbli għat-trasportatur tal-ajru jkun xi jkun l-avveniment li wassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira. Min-naħa l-oħra, jidher ċar mill-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 261/2004 li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi b’mod ġenerali, meta l-kanċellazzjoni ta’ titjira twassal għal inkonvenjenzi serji għall-passiġġieri (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wallentin‑Hermann, punt 18, kif ukoll Nelson et, punt 72).

32      Issa, jekk jitqies li ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom ma jaqgħux, minħabba, b’mod partikolari, l-oriġini u l-kobor tagħhom, fl-ambitu tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, tali interpretazzjoni tmur kontra mhux biss it-tifsira ta’ dan il-kunċett fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iżda wkoll l-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

33      Fil-fatt, tali interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li t-trasportaturi tal-ajru jkunu marbuta jipprovdu assistenza taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004 lil passiġġieri tal-ajru li jkunu jinsabu, minħabba kanċellazzjoni ta’ titjira, f’sitwazzjoni ta’ inkonvenjenza limitata, filwaqt li passiġġieri, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jkunu jinsabu fi stat ta’ vulnerabbiltà partikolari minħabba li dawn ikollhom jgħaddu diversi jiem f’ajruport, jiġu mċaħħda minnha.

34      Fid-dawl tal-premess, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq ta’ parti mill-ispazju tal-ajru Ewropew wara l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull jikkostitwixxu “cirkostanzi straordinarji” fis-sens ta’ dan ir-regolament li ma jeżentawx lit-trasportaturi tal-ajru mill-obbligu tagħhom ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) tal-imsemmi regolament.

35      Mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domandi.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

36      Permezz tar-raba’ u tal-ħames domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira minħabba “ċirkustanzi straordinarji” bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ assistenza tal-passiġġieri previst f’dawn id-dispożizzjonijiet huwa limitat ratione temporis jew finanzjarjament, u, fil-każ negattiv, jekk dawn id-dispożizzjonijiet hekk interpretati humiex invalidi fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondisrkiminazzjoni, tal-prinċipju ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” previst fil-Konvenzjoni ta’ Montréal u fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira minħabba “ċirkustanzi straordinarji”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jaġġusta l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004.

38      Skont il-premessa 15 u l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, it-trasportatur tal-ajru huwa għalhekk eżentat mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament kemm-il darba huwa jista’ juri li l-kanċellazzjoni hija kkawżata minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha, jiġifieri ċirkustanzi li ma humiex taħt il-kontroll effettiv tat-trasportatur tal-ajru (sentenza Nelson et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, f’tali ċirkustanzi, it-trasportatur tal-ajru huwa eżentat biss mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 u li, konsegwentement, l-obbligu tiegħu ta’ assistenza skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jibqa’ applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Eglītis u Ratnieks, C‑294/10, Ġabra p. I‑3983, punti 23 u 24).

40      Barra minn hekk, l-ebda limitazzjoni, kemm ratione temporis kif ukoll monetarja, għall-obbligu ta’ assistenza tal-passiġġieri f’ċirkustanzi straordinarji bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirriżulta mit-test tar-Regolament Nru 261/2004.

41      Fil-fatt, mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li l-obbligi kollha ta’ assistenza lill-passiġġieri vittmi ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira japplikaw, fl-intier tagħhom, għat-trasportatur tal-ajru matul il-perijodu kollu li matulu l-passiġġieri kkonċernati jkollhom jistennew sakemm jingħataw titjira oħra. F’dan is-sens, jirriżulta ċar mill-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu li akkomodazzjoni f’lukanda hija offruta mingħajr ħlas mit-trasportatur tal-ajru matul iż-żmien “neċessarju”.

42      Barra minn hekk, kull interpretazzjoni differenti intiża sabiex jiġu rrikonoxxuti limiti, ratione temporis jew monetarji, għall-obbligu tat-trasportatur tal-ajru li jassisti lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata jkollha l-effett li tqiegħed f’dubju l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 261/2004 u mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, inkwantu, lil hinn mil-limitu applikat, il-passiġġieri jkunu mċaħħda minn kull assistenza u għalhekk mitluqa għal rashom. Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-assistenza lil tali passiġġieri tkun partikolarment importanti meta jirrikorru ċirkustanzi straordinarji li jieħdu ż-żmien u huwa proprju fil-każ fejn l-istennija kkawżata mill-kanċellazzjoni ta’ titjira tkun partikolarment twila li jkun neċessarju li jiġi żgurat li l-passiġġier tal-ajru li t-titjira tiegħu tkun ġiet ikkanċellata jkun jista’ jkollu aċċess għall-prodotti u għas-servizzi tal-ewwel ħtieġa, u dan għaż-żmien kollu tal-istennija.

43      Konsegwentement u b’mod kuntrarju għal dak li Ryanair issostni, mir-Regolament Nru 261/2004 ma jistax jiġi dedott li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri previst fl-Artikoli 5 u 9 ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu suġġetti għal limitazzjoni, ratione temporis jew monetarja.

44      Madankollu, għandu jiġi żgurat li l-interpretazzjoni miżmuma fil-punt preċedenti ma tikkontradixxix il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” previst mill-Konvenzjoni ta’ Montréal u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. Skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu fil-fatt jiġi interpretat, sa fejn possibbli, b’tali mod li ma jkunx jaffettwa l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi, C‑149/10, Ġabra p. I‑8489, punt 43).

45      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata, fil-punti 78 sa 92 tas-sentenza tagħha tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403), li l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 ma kinux invalidi minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

46      Issa, ebda fattur ma jiġġustifika, anki minħabba n-nuqqas ta’ limitu ratione temporis jew finanzjarju għall-obbligu ta’ assistenza f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-konstatazzjoni ta’ validità li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza titqiegħed f’dubju.

47      Il-fatt li l-obbligu ta’ assistenza kif iddefinit fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandu, kif issostni Ryanair, konsegwenzi finanzjarji ċerti għat-trasportaturi tal-ajru, ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta din il-konstatazzjoni, peress li dawn il-konsegwenzi ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma sproporzjonati fil-kuntest tal-għan ta’ protezzjoni ta’ livell għoli tal-passiġġieri.

48      Fil-fatt, l-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi għalhekk il-passiġġieri tal-ajru, tista’ tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (sentenza Nelson et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 58 u 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-trasportaturi tal-ajru għandhom, bħala operaturi avżati, jipprevedu l-ispejjeż marbuta mat-twettiq, meta jkun il-każ, tal-obbligu tagħhom ta’ assistenza u jistgħu, barra minn hekk, jinkludu l-ispejjeż ta’ dan l-obbligu fil-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru.

50      Minn dan isegwi li l-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 ma jmorrux kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

51      Madankollu, passiġġier tal-ajru jista’ biss jikseb, bħala kumpens minħabba n-nuqqas ta’ rispett mit-trasportatur tal-ajru tal-obbligu tiegħu ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004, ir-rimbors tal-ammonti li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, jirriżultaw neċessarji, xierqa u raġonevoli sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jassisti lil dan il-passiġġier, u dan huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa.

52      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-prinċipju ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” previst fl-aħħar paragrafu tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Montréal, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-miżuri ta’ rimedju standardizzati u immedjati previsti mir-Regolament Nru 261/2004, li jinkludu l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata, ma humiex fost dawk li tagħhom il-Konvenzjoni ta’ Montréal tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wallentin-Hermann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi evalwata l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-prinċipju ta’ “bilanċ ekwu tal-interessi” previst minn din il-konvenzjoni.

54      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ ugwaljanza fit-trattament, Ryanair tallega li l-obbligu ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jesponi lit-trasportaturi tal-ajru għal obbligi li, f’ċirkustanzi simili għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux fuq il-mezzi l-oħra ta’ trasport irregolati permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, p. 14), (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, p. 1), u (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, p. 1), meta l-passiġġieri bblokkati b’interruzzjoni estiża u fit-tul tat-trasporti jkunu jinsabu f’sitwazzjoni identika indipendentement mill-mezz ta’ trasport tagħhom.

55      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punti 93 sa 99 tas-sentenza tagħha IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 261/2004 ma jiksrux il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

56      Fil-fatt, is-sitwazzjoni tal-impriżi li joperaw fis-settur tal-attività tad-diversi mezzi ta’ trasport ma hijiex paragunabbli inkwantu, fid-dawl tal-metodi ta’ operar tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ aċċessibbiltà tagħhom u tad-distribuzzjoni tan-netwerks tagħhom, dawn id-diversi mezzi ta’ trasport ma humiex, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom, interkambjabbli (is-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96).

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jistabbilixxi regoli li jipprevedu livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur differenti skont is-settur tat-trasport ikkonċernat.

58      Minn dan isegwi li l-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 ma jiksrux il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

59      Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta li jiggarantixxu, rispettivament, il-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, Ryanair issostni li l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri impost fuq it-trasportaturi tal-ajru f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-effett li jċaħħadhom minn parti mill-frott tax-xogħol tagħhom u tal-investimenti li għamlu.

60      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li l-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet stipulati minnha sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il‑kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u jissodisfaw b’mod effettiv l‑għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad‑drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

62      Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ kunflitt bejn diversi drittijiet protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, din l-evalwazzjoni għandha ssir fl-osservanza tal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet u ta’ bilanċ ġust bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, Ġabra p. I‑271, punti 65 u 66, kif ukoll Deutsches Weintor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

63      Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 16 u 17 tal-Karta. Madankollu, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni li l-Artikolu 38 tagħha li, bħall-Artikolu 169 TFUE, huwa intiż sabiex jiżgura, fil-politika tal-Unjoni, livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, inklużi l-passiġġieri tal-ajru. Fil-fatt, kif imfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni ta’ dawn il-passiġġieri tinsab fost l-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 261/2004.

64      Issa, mill-punti 45 sa 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 kif interpretati fil-punt 43 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma konformi mar-rekwiżit ta’ konċiljazzjoni tad-diversi drittijiet fundamentali eżistenti u ta’ stabbiliment ta’ bilanċ ġust bejniethom.

65      Minn dan isegwi li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jiksrux l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

66      Konsegwentement, għar-raba’ u l-ħames domandi għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira minħabba “ċirkustanzi straordinarji” li jkollhom l-istess tul bħalma kellhom dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri tal-ajru previst f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi sodisfatt, u dan mingħajr ma hija effettwata l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Madankollu, passiġġier tal-ajru jista’ jikseb biss, bħala kumpens minħabba n-nuqqas ta’ rispett mit-trasportatur tal-ajru tal-obbligu tiegħu ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/044, ir-rimbors tas-somom li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, jirriżultaw neċessarji, xierqa u raġonevoli sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jassisti lil dan il-passiġġier, u dan huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq ta’ parti mill-ispazju tal-ajru Ewropew wara l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull jikkostitwixxu “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens ta’ dan ir-regolament li ma jeżentawx lit-trasportaturi tal-ajru mill-obbligu tagħhom ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004.

2)      L-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira minħabba “ċirkustanzi straordinarji” li jkollhom l-istess tul bħalma kellhom dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ assistenza lill-passiġġieri tal-ajru previst f’dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi sodisfatt, u dan mingħajr ma hija effettwata l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Madankollu, passiġġier tal-ajru jista’ jikseb biss, bħala kumpens minħabba n-nuqqas ta’ rispett mit-trasportatur tal-ajru tal-obbligu tiegħu ta’ assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/044, ir-rimbors tas-somom li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, jirriżultaw neċessarji, xierqa u raġonevoli sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jassisti lil dan il-passiġġier, u dan huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.