Language of document : ECLI:EU:C:2013:28

Kawża C‑283/11

Sky Österreich GmbH

vs

Österreichischer Rundfunk

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundeskommunikationssenat)

“Direttiva 2010/13/UE — Provvista ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva — Artikolu 15(6) — Validità — Avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi li jkunu s-suġġett ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni — Dritt ta’ aċċess tax-xandara bit-televiżjoni għal tali avvenimenti bil-għan li jwettqu rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor — Limitazzjoni tal-eventwali kumpens finanzjarju tal-proprjetarju tad-dritt esklużiv għall-ispejjeż addizzjonali sostnuti sabiex jingħata dan l-aċċess — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 16 u 17 — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Jannar 2013

1.        Domandi preliminari — Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja — Qorti jew tribunal nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Kunċett — Bundeskommunikationssenat — Inklużjoni

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għall-proprjetà — Kamp ta’ applikazzjoni — Drittijiet li jagħtu pożizzjoni ġuridika miksuba — Kunċett — Drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni miksuba b’kuntratt wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2007/65 — Dritt li jintalab kumpens li jaqbeż il-limitu impost mid-Direttiva — Esklużjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/65)

3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni — Direttiva 2010/13 — Drittijiet esklużivi u rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor — Drittijiet ta’ aċċess ta’ xandara bit-televiżjoni għal-avvenimenti ta’ interess pubbliku qawwi — Limitazzjoni tal-libertà tal-impriża tal-proprjetarji tad-drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni — Ksur tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11, 16 u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/13, Artikolu 15(6))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26-29)

2.        Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma tirrigwardax biss is-sempliċi interessi jew opportunitajiet kummerċjali, li n-natura aleatorja tagħhom tifforma parti sħiħa mis-sustanza stess tal-attività ekonomika, iżda wkoll id-drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, pożizzjoni ġuridika miksuba li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur il-proprjetarju tagħhom.

F’dan ir-rigward, drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu sempliċi interessi jew opportunitajiet kummerċjali iżda bħala li għandhom valur patrimonjali, ladarba dawn jingħataw bi ħlas lil xandara bit-televiżjoni permezz ta’ kuntratt li jippermettilhom ixandru avvenimenti speċifiċi b’mod esklużiv, fatt li għandu l-effett li jeskludi lil xandara bit-televiżjoni oħra milli jkunu jistgħu jxandru kwalunkwe trażmissjoni ta’ dawn l-avvenimenti.

Madankollu, operatur ekonomiku li kiseb drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni permezz ta’ kuntratt konkluż wara d-dħul fis-seħħ, fid-19 ta’ Diċembru 2007, tad-Direttiva 2007/65, li temenda d-Direttiva 89/522, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, ma jistax ikun iġġustifikat, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, li jinvoka pożizzjoni ġuridika miksuba sabiex, bil-kontra tal-kontenut mandatorju tad-Direttiva 2007/65, jeżiġi kumpens li jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal. Fil-fatt, dak iż-żmien l-Istati Membri diġà kellhom l-obbligu li jittrasponu din id-direttiva, traspożizzjoni li setgħet titwettaq f’kull mument u li kellha, f’kull każ, titwettaq sad-19 ta’ Diċembru 2009.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, proprjetarju ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni li jikkonċernaw avvenimenti ta’ interess qawwi għall-pubbliku ma jistax jinvoka l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 34, 35, 38-40)

3.        Il-validità tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva, li jipprovdi li l-proprjetarju ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni huwa obbligat li jippermetti t-twettiq ta’ rapporti ta’ aħbarijiet fil-qosor lill-kull xandar bit-televiżjoni ieħor, stabbilit fl-Unjoni, mingħajr ma jkun jista’ jeżiġi kumpens finanzjarju li jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali sostnuti direttament sabiex jingħata l-aċċess għas-sinjal, ma hijiex effettwata mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ċertament, l-Artikolu 15(6) jikkostitwixxi interferenza għal-libertà tal-impriża tal-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni.

Madankollu, il-libertà tal-impriża ma hijiex dritt assolut, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà. Din il-libertà tista’ tiġi suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika. Din iċ-ċirkustanza hija b’mod partikolari riflessa fil-mod ta’ kif għandu jiġi implementat il-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, fid-dawl, minn naħa, tal-importanza li għandu l-ħarsien tal-libertà fundamentali li wieħed jirċievi informazzjoni, tal-libertà kif ukoll tal-pluraliżmu tal-media ggarantiti mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-protezzjoni tal-libertà tal-impriża kif prevista fl-Artikolu 16 tagħha, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jadotta regoli, bħal dawk previsti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2010/13, li jinkludu limiti għal-libertà tal-impriża filwaqt li jipprivileġġaw, fid-dawl tal-evalwazzjoni neċessarja tad-drittijiet u tal-interessi kkonċernati, l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni iktar milli l-libertà ta’ kontrattazzjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa ġġustifikat li jimponi l-limiti għal-libertà tal-impriża previsti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2010/13 fuq il-proprjetarji ta’ drittijiet esklużivi ta’ xandir bit-televiżjoni u li jikkunsidra li l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni ma humiex sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet imfittxa minnha u huma tali li jistabbilixxu bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet u libertajiet fundamentali inkwistjoni.

(ara l-punti 44-47, 66-68 u d-dispożittiv)