Language of document : ECLI:EU:C:2013:424

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2013 (1)

Kawża C‑131/12

Google Spain SL

Google Inc.

vs

Agencia Española de Protección de Datos (AEPD)

Mario Costeja González

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja)]

“World Wide Web — Data personali — Mutur ta’ tfittxija tal-internet — Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data 95/46 — Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(b) u 2(d), 4(1)(a) u 4(1)(ċ), 12(b) u 14(a) — Kamp ta’ applikazzjoni territorjali — Kunċett ta’ stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Kunċett tal-ipproċessar ta’ data personali — Kunċett ta’ kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali — Dritt għat-tħassir u l-ibblokkar tad-data — ‘Id-dritt li jintesa’ — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 7, 8, 11 u 16”





I –    Introduzzjoni

1.        Fl-1890, fl-artiklu influwenti tagħhom fil-Harvard Law Review “The Right to Privacy” (2) Samuel D. Warren u Louis D. Brandeis ilmentaw li “l-invenzjonijiet u l-metodi tal-ġestjoni kummerċjali reċenti” bħalma huma “r-ritratti instantanji u l-impriżi tal-gazzetti, invadew il-limiti sagri tal-ħajja privata u domestika”. Fl-istess artiklu huma rreferew “għall-pass li jmiss li għandu jittieħed biex jiġu mħarsa l-persuni”.

2.        Illum il-ġurnata, il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza tal-individwi qegħdin isiru dejjem iżjed importanti. Il-materjal kollu li għandu fih data personali, kemm jekk fil-forma ta’ test kif ukoll jekk fil-forma ta’ materjal awdjoviżiv, jista’ jsir aċċessibbli f’format diġitali mad-dinja kollha b’mod instantanju u permanenti. L-internet irrivoluzzjona ħajjitna billi elimina kull ostakolu tekniku u istituzzjonali fir-rigward tat-tixrid u tal-ksib tal-informazzjoni, u ħoloq bażi għad-diversi servizzi tas-soċjetajiet tal-informazzjoni. Dawn is-servizzi jibbenefikaw lill-konsumaturi, lill-impriżi u lis-soċjetà inġenerali. Dan wassal għal ċirkustanzi li qatt ma kien hawn bħalhom u li fihom irid jintlaħaq bilanċ bejn id-diversi drittijiet fundamentali, bħalma huma l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-intrapriża, min-naħa l-waħda, u l-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza tal-individwi, min-naħa l-oħra.

3.        Fil-kuntest tal-internet jeżistu tliet sitwazzjonijiet relatati mad-data personali li għandha ssir distinzjoni bejniethom. L-ewwel waħda tirrigwarda l-pubblikazzjoni ta’ elementi ta’ data personali fuq kull paġna tal-web fuq l-internet (3) (iktar ’il quddiem il-“paġna tal-web oriġinali”) (4). It-tieni tirrigwarda l-każ fejn mutur ta’ tfittxija tal-internet jipprovdi riżultati tat-tfittxija li jirreferu lill-utenti tal-internet għall-paġna tal-web oriġinali. It-tielet sitwazzjoni, li tirrigwarda operazzjoni inqas viżibbli, isseħħ meta, filwaqt li jkun qiegħed juża mutur ta’ tfittxija tal-internet, xi ftit mid-data personali tal-utent tal-internet, bħalma hu l-indirizz IP minn fejn tkun qed issir it-tiftixa, tiġi awtomatikament ittrasferita lill-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet (5).

4.        F’dak li jirrigwarda l-ewwel sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat fis-sentenza Lindqvist li f’din is-sitwazzjoni tapplika d-Direttiva 95/46/KE (6) (iżjed il-quddiem id-“Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data” jew “id-Direttiva”). It-tielet sitwazzjoni ma hijiex pertinenti għall-kawża preżenti, u bħalissa għaddejjin proċeduri amministrattivi li nbdew mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data biex jiġi kkjarifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-UE fil-konfront tal-utenti tal-muturi ta’ tfittxija tal-internet (7).

5.        Id-digriet tar-rinviju f’din il-kawża jirrigwarda t-tieni sitwazzjoni. Dan ġie ppreżentat mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali Għolja ta’ Spanja) waqt il-proċeduri bejn Google Spain, S.L. u Google, Inc (iktar il-quddiem, individwalment jew konġuntament, imsejħa “Google”) min-naħa l-waħda, u l-Agencia Española de Protección de Datos (“l-AEPD”) u Mario Costeja González (iktar ’il-quddiem is-“suġġett tad-data”), min-naħa l-oħra. Il-proċeduri jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fir-rigward ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet imħaddem minn Google bħala fornitur ta’ servizz. Ma huwiex qed jiġi kkontestat, fil-proċeduri nazzjonali, il-fatt li xi data personali li tirrigwarda s-suġġett tad-data ġiet ippubblikata f’żewġ ħarġiet stampati ta’ gazzetta Spanjola fl-1998, u li dawn iż-żewġ ħarġiet wara ġew ippubblikati f’verżjoni elettronika disponibbli fuq l-internet. Is-suġġett tad-data issa jidhirlu li din l-informazzjoni ma għandhiex, meta ssir tfittxija ta’ ismu jew tal-kunjomijiet tiegħu, tibqa’ tintwera fir-riżultati tat-tfittxija ppreżentati mill-mutur ta’ tfittxija tal-internet imħaddem minn Google.

6.        Id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jaqgħu fi tliet kategoriji (8). L-ewwel grupp ta’ domandi jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-UE. It-tieni grupp jittratta l-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-pożizzjoni legali ta’ fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet (9) fid-dawl tad-Direttiva, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu. Fl-aħħar nett, it-tielet domanda tirrigwarda l-hekk imsejjaħ dritt li jintesa u l-kwistjoni dwar jekk is-suġġetti tad-data jistgħux jitolbu li r-riżultati tat-tfittxija kollha, jew xi parti minnhom, li jikkonċernaw lilhom ma jibqgħux aċċessibbli permezz tal-mutur ta’ tfittxija. Dawn id-domandi kollha, li wkoll iqajmu punti importanti dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, huma xi ħaġa ġdida għall-Qorti tal-Ġustizzja.

7.        Jidher li din hi l-ewwel kawża li fiha l-Qorti tal-ġustizzja qiegħda tintalab tinterpreta d-Direttiva fil-kuntest ta’ muturi ta’ tfittxija tal-internet; kwistjoni li jidher li hi topika għall-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data u għall-qrati tal-Istati Membri. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju indikat li għandha bosta kawżi simili pendenti quddiemha.

8.        L-iżjed kawża importanti preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha ġew ittrattati kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u dwar l-internet, kienet Lindqvist (10). Madankollu, din il-kawża ma kinitx tinvolvi l-muturi ta’ tfittxija tal-internet. Id-Direttiva nnifisha ġiet interpretata f’numru ta’ kawżi. Minn dawn huma partikolarment rilevanti s-sentenzi Österreichischer Rundfunk (11), Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (12) u Volker und Markus Schecke u Eifert (13). Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Google France u Google, Portakabin, L’Oréal et, Interflora and Interflora British Unit u Wintersteiger (14) ukoll ġie ttrattat ir-rwol tal-muturi ta’ tfittxija tal-internet fil-konfront tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u tal-ġurisdizzjoni tal-qrati.

9.        Sa mill-adozzjoni tad-Direttiva, ġiet inkorporata dispożizzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Artikolu 16 TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”). Barra dan, fl-2012, il-Kummissjoni għamlet Proposta għal Regolament dwar il-Protezzjoni Ġenerali tad-Data (15), bil-għan li dan jissostitwixxi d-Direttiva. Madankollu, it-tilwima preżenti għandha tiġi deċiża abbażi tad-dritt eżistenti bħalissa.

10.      It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari hija affettwata mill-fatt li meta l-Kummissjoni pproponiet id-Direttiva fl-1990, l-internet fis-sens kurrenti tal-World Wide Web, kien għadu ma jeżistix, u lanqas ma kienu jeżistu xi muturi ta’ tfittxija. Fiż-żmien li fih ġiet adottata d-Direttiva, jiġifieri fl-1995, l-internet kien għadu qed jibda u kienu għadhom qed jibdew jitfaċċaw l-ewwel muturi ta’ tfittxija rudimentali, iżda ħadd ma seta’ jipprevedi l-mod enormi li bih dan kien ser jirrivoluzzjona d-dinja. Illum il-ġurnata, kważi kull min għandu smartphone jew kompjuter jista’ jitqies li hu involut f’xi attivitajiet fuq l-internet li għalihom din id-Direttiva tista’ potenzjalment tapplika.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data

11.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46/KE jeħtieġ li l-Istati Membri jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni naturali, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

12.      L-Artikolu 2 jiddefinixxi, inter alia, il-kunċetti ta’ “data personali” u “suġġett tad-data”, l-“ipproċessar ta’ data personali”, “kontrollur” u “parti terza”.

13.      Skont l-Artikolu 3, id-Direttiva għandha tapplika fil-każ ta’ data personali li kollha kemm hi jew parti minnha tiġi pproċessata b’mezzi awtomatiċi, u f’ċerti sitwazzjonijiet fil-każ tal-ipproċessar b’mezzi mhux awtomatiċi.

14.      Skont l-Artikolu 4(1), Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jadotta skont id-Direttiva, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali meta kontrollur ikun stabbilit fit-territorju tiegħu, jew f’każijiet fejn il-kontrollur ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, jekk huwa jagħmel użu minn tagħmir li jinsab fit-territorju tal-Istat Membru bil-għan li jipproċessa d-data personali.

15.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva jagħti lis-suġġetti tad-data d-“dritt ta’ aċċess” għad-data personali pproċessata mill-kontrollur, u l-Artikolu 14 jagħtih id-“dritt [...] li jagħmel oġġezzjoni” fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’ċerti sitwazzjonijiet.

16.      L-Artikolu 29 tad-Direttiva jistabbilixxi grupp ta’ ħidma konsultattiv indipendenti li jikkonsisti, fost oħrajn, fl-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri (“il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29”).

B –    Id-dritt nazzjonali

17.      Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tal-Liġi Organika Nru 15/1999 dwar il-protezzjoni ta’ data (16).

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

18.      Fil-bidu tal-1998, gazzetta li tiċċirkola ħafna ġewwa Spanja ppubblikat, fl-edizzjoni stampata tagħha, żewġ avviżi li jirrigwardaw irkant ta’ beni immobbli relatat ma’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni minħabba dejn tas-sigurtà soċjali. Is-suġġett tad-data ssemma bħala l-proprjetarju. F’data iżjed tard il-pubblikatur ta’ din il-gazzetta ppubblika verżjoni elettronika tal-istess gazzetta fuq l-internet.

19.      F’Novembru tal-2009 is-suġġett tad-data kkuntattja lill-pubblikatur tal-gazzetta biex jiġbidlu l-attenzjoni għall-fatt li, meta ismu u l-kunjomijiet tiegħu jiddaħħlu fil-mutur ta’ tfittxija tal-Google, kienet qiegħda tidher referenza għall-paġni ta’ dik il-gazzetta li jinsabu fihom l-avviżi tal-irkant tal-beni immobbli. Hu sostna li l-proċeduri dwar miżuri kawtelatorji relatati mad-dejn tiegħu fir-rigward tas-sigurtà soċjali kienu ġew konklużi u riżolti bosta snin qabel u li issa ma kien għad baqgħalhom ebda rilevanza. Il-pubblikatur irrispondieh billi qal li t-tħassir tad-data tiegħu ma kienx f’loku, minħabba li l-pubblikazzjoni saret fuq ordni tal-Ministeru tax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali.

20.      Fi Frar tal-2010, is-suġġett tad-data kkuntattja lil Google Spain u għamel talba biex ir-riżultati tat-tfittxija ma juru ebda referenza għall-gazzetta meta ismu u l-kunjomijiet tiegħu jiddaħħlu fil-mutur ta’ tfittxija ta’ Google. Google Spain għaddiet din it-talba lil Google Inc., li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’California, l-Istati Uniti, billi dehrilha li din tal-aħħar kienet l-impriża li kienet tipprovdi s-servizz ta’ tfittxija fuq l-internet.

21.      Wara dan, is-suġġett tad-data lmenta formalment mal-AEPD, u talab li l-pubblikatur jiġi obbligat ineħħi jew jirrettifika l-pubblikazzjoni sabiex id-data personali tiegħu ma tibqax tidher, jew inkella jutilizza l-mezzi disponibbli fil-muturi ta’ tfittxija biex jipproteġi d-data personali tiegħu. Huwa sostna wkoll li Google Spain jew Google Inc. għandhom jiġu obbligati jħassru jew jaħbu d-data dwaru sabiex dawn ma jibqgħux jittellgħu fir-riżultati tat-tfittxija u b’hekk jiżvelaw ir-riferimenti għall-gazzetta.

22.      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2010, id-Direttur tal-AEPD laqa’ l-ilment tas-suġġett tad-data kontra Google Spain u Google Inc., billi talabhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirtiraw id-data mill-indiċi tagħhom u biex jirrendu impossibbli l-aċċess għaliha fil-futur, iżda ċaħad l-ilment kontra l-pubblikatur. Dan minħabba li l-pubblikazzjoni tad-data fil-gazzetti kienet legalment iġġustifikata. Google Spain u Google Inc. ippreżentaw żewġ appelli quddiem il-qorti tar-rinviju, biex jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-AEPD.

23.      Il-qorti nazzjonali ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni territorjali tad-[Direttiva] u, konsegwentement, tal-leġiżlazzjoni Spanjola dwar il-protezzjoni tad-data personali:

1.1      Għandu jiġi kkunsidrat li jeżisti “stabbiliment”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(a) tad-[Direttiva] meta tkun issodisfatta waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

–        meta l-kumpannija li tforni l-mutur ta’ riċerka toħloq fi Stat Membru fergħa jew sussidjarja intiża sabiex tiżgura l-promozzjoni u l-bejgħ tal-ispazji ta’ reklamar proposti fuq il-mutur ta’ riċerka, u li l-attività tagħha hija orjentata lejn ir-residenti ta’ dan l-Istat Membru,

jew

–        meta l-kumpannija parent taħtar sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru bħala r-rappreżentanti tagħha u bħala responsabbli għall-ipproċessar ta’ żewġ fajls speċifiċi li jinkludu d-data tal-klijenti li jkunu kkonkludew servizzi ta’ reklamar ma’ din l-impriża,

jew

–        meta l-fergħa jew is-sussidjarja stabbilita fi Stat Membru tittrażmetti lill-kumpannija parent, ibbażata barra mill-Unjoni Ewropea, l-ilmenti u l-ordnijiet mingħand kemm il-persuni kkonċernati kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti relatati mar-rispett tad-dritt għall-protezzjoni tad-data, anki meta din il-kollaborazzjoni tkun seħħet b’mod volontarju?

1.2      L-Artikolu 4(1)(ċ) tad-[Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżisti “użu ta’ tagħmir [...] li jkun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru”:

–        meta mutur ta’ riċerka juża crawlers jew robots sabiex jillokalizza u jelenka f’indiċi l-informazzjoni li tinsab f’siti internet li jinsabu fuq servers f’dan l-Istat Membru,

jew

–        meta dan juża isem ta’ domain ta’ Stat Membru u jorjenta r-riċerki u r-riżultati tiegħu skont il-lingwa ta’ dan l-Istat Membru?

1.3      Il-ħżin temporanju tal-informazzjoni elenkata f’indiċi mill-muturi ta’ riċerka fuq l-internet jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi użu ta’ tagħmir, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(ċ) tad-[Direttiva]? F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-aħħar domanda, jista’ jiġi kkunsidrat li dan il-kriterju ta’ konnessjoni huwa ssodisfatt meta l-impriża tirrifjuta li tiżvela l-post fejn hija taħżen dawn l-indiċi, filwaqt li tinvoka raġunijiet ta’ kompetizzjoni?

1.4      Indipendentement mir-risposta li tingħata lid-domandi preċedenti, u b’mod partikolari fil-każ fejn il-[Qorti] tkun tal-opinjoni li l-kriterji ta’ konnessjoni previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva ma humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tirrispondi għad-domanda li ġejja:

Fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-[Karta], id-[Direttiva] għandha tiġi applikata fl-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru ta’ gravità tal-kunflitt, u li fih id-drittijiet rikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu protetti bl-iżjed mod effettiv?

2)      F’dak li jirrigwarda l-attività tal-muturi ta’ riċerka bħala fornituri ta’ kontenut b’konnessjoni mad-[Direttiva]:

2.1      Fir-rigward tal-mutur ta’ riċerka fuq l-internet tal-kumpannija Google, li taġixxi bħala fornitur ta’ kontenut u li l-attività tagħha tikkonsisti f’li ssib informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn terzi, telenkaha f’indiċi b’mod awtomatiku, taħżinha temporanjament u fl-aħħar nett tqegħidha għad-dispożizzjoni tal-utenti tal-internet skont ordni ta’ preferenza partikolari, u meta din l-informazzjoni tkun tinkludi data personali ta’ terzi,

għandu jiġi kkunsidrat li attività bħal dik deskritta hija inkluża fil-kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali” kif iddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-[Direttiva]?

2.2.      Fil-każ fejn id-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv, u dejjem f’relazzjoni ma’ attività bħal dik deskritta fil-paragrafu preċedenti: l-Artikolu 2(d) tad-[Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jiġi kkunsidrat li l-impriża li topera l-mutur ta’ riċerka “Google” hija l-“kontrollur” tad-data personali li tinsab fis-siti internet li hija telenka f’indiċi?

2.3 Fl-ipoteżi fejn id-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv: l-awtorità nazzjonali responsabbli għall-kontroll tad-data personali (f’dan il-każ l-[AEPD]), tista’ sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet li jinsabu fl-Artikoli 12(b) u 14(a) tad-[Direttiva], tordna direttament lill-mutur ta’ riċerka “Google” jirtira mill-indiċi tiegħu informazzjoni ppubblikata minn terzi, mingħajr ma tindirizza ruħha preliminarjament jew simultanjament lill-proprjetarju tas-sit internet li fuqu tkun tinsab l-imsemmija informazzjoni?

2.4      Fl-ipoteżi fejn ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv: il-muturi ta’ riċerka huma liberi mill-obbligu tagħhom li jirrispettaw dawn id-drittijiet meta l-informazzjoni li tinsab fid-data personali kienet ġiet ppubblikata legalment minn terzi u tkun għadha fuq is-sit internet oriġinali?

3)      F’dak li jikkonċerna l-portata tad-dritt li jinkiseb it-tħassir u/jew li ssir oppożizzjoni għall-ipproċessar ta’ data li tikkonċerna lill-persuna kkonċernata, b’relazzjoni mad-“dritt li jintesa’”, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk:

3.1      Id-dritt li jinkiseb it-tħassir u l-ibblokkar tad-data personali u dak li ssir oppożizzjoni għall-ipproċessar tagħha (drittijiet irregolati mill-Artikoli 12(b) u 14(a) tad-[Direttiva]), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-persuna kkonċernata [lis-suġġett tad-data] tindirizza ruħha lill-muturi ta’ riċerka sabiex topponi għall-elenkar f’indiċi tal-informazzjoni li tikkonċernaha personalment, ippubblikata fuq siti internet ta’ terzi, billi tinvoka l-volontà tagħha li din l-informazzjoni ma tkunx magħrufa lill-utenti tal-internet meta hija tikkunsidra li din l-informazzjoni tista’ tikkawżalha dannu jew meta tkun tixtieq li din l-informazzjoni tintesa’, anki meta din tkun informazzjoni ppubblikata b’mod legali minn terzi?”

24.      Google, il-Gvern ta’ Spanja, tal-Greċja, tal-Italja, tal-Awstrija u tal-Polonja, u l-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Pollakk, kollha attendew, flimkien mar-rappreżentant tas-suġġett tad-data, għas-seduta tas-26 ta’ Frar 2013, u ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

IV – Osservazzjonijiet preliminari

A –    Rimarki introduttorji

25.      Il-kwistjoni ewlenija fil-kawża preżenti tirrigwarda kif għandu jiġi interpretat ir-rwol tal-fornituri tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet fil-kuntest tal-istrumenti legali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u b’mod partikolari fil-kuntest tad-Direttiva. Għalhekk ikun utli u informattiv li wieħed jibda b’xi osservazzjonijiet li jirrigwardaw kif żviluppaw il-protezzjoni tad-data, l-internet u l-muturi ta’ tfittxija tal-internet.

26.      Fiż-żmien meta d-Direttiva ġiet innegozjata u adottata fl-1995 (17), ingħatat kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae wiesa’. Dan sar biex tkun tista’ tlaħħaq mal-iżviluppi teknoloġiċi relatati mal-ipproċessar tad-data minn kontrolluri li kien iżjed iddeċentralizzat mis-sistemi ta’ fajling ibbażati fuq banek tad-data ċentralizzati tradizzjonali, u li kienu jkopru wkoll tipi ġodda ta’ data personali bħalma huma l-istampi, u tipi ġodda ta’ metodi ta’ pproċessar bħalma huma l-free text searches (18).

27.      Fl-1995, l-aċċess għall-internet mill-pubbliku inġenerali kien fenomenu ġdid. Illum, wara kważi għoxrin sena, l-ammont ta’ materjal diġitali disponibbli fuq l-internet sploda. Dan il-materjal jista’ faċilment jiġi aċċessat, ikkonsultat u mxerred permezz tal-midja soċjali, kif ukoll imniżżel fuq diversi mezzi, bħalma huma l-kompjuters tablet, l-ismartphones, u l-kompjuters portabbli. Madankollu, huwa ċar li l-iżvilupp tal-internet f’riżerva globali komprensiva ta’ informazzjoni universalment aċċessibbli u li tista’ tiġi riċerkata, ma kienx previst mil-leġiżlatur tal-Komunità.

28.      Il-fattur ewlieni tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa l-fatt li t-tixrid tal-informazzjoni ġie amplifikat u ffaċilitat mill-internet b’mod li qatt ma kien hawn bħalu (19). Bħalma fis-seklu ħmistax l-invenzjoni tal-istampar ippermettiet ir-riproduzzjoni ta’ numru mingħajr limitu ta’ kopji li qabel kellhom jinkitbu bl-idejn, illum, it-trasferiment ta’ materjal għal fuq l-internet jippermetti aċċess fuq skala kbira għal informazzjoni li qabel seta’ probabbilment isir biss permezz ta’ tfittxija metikoluża, u f’lokazzjonijiet fiżiċi limitati. Ħlief f’dawk il-pajjiżi fejn l-awtoritajiet irrestrinġew, permezz ta’ diversi mezzi tekniċi (bħal pereżempju firewalls) l-aċċess għall-internet, jew fejn l-aċċess għat-telekomunikazzjonijiet tkun ikkontrollata jew skarsa, l-aċċess universali għall-informazzjoni fuq l-internet huwa possibbli minn kullimkien.

29.      Minħabba dawn l-iżviluppi, il-kamp ta’ applikazzjoni potenzjali tad-Direttiva fid-dinja moderna twessgħet b’mod sorprendenti. Ejja nieħdu bħala eżempju, professur tad-dritt Ewropew li, mis-sit tal-internet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun niżżel għal fuq il-kompjuter portabbli tiegħu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jkollu bżonn. F’dak li jirrigwarda d-Direttiva, il-professur jista’ jitqies bħala “kontrollur” ta’ data personali li toriġina minn parti terza. F’dan il-każ, il-professur ikollu fajls li jinkludu data personali li jiġu awtomatikament ipproċessati għat-tfittxija u l-konsultazzjoni fil-kuntest ta’ attivitajiet li ma humiex purament personali jew relatati mal-attivitajiet ġewwa d-dar. Fil-fatt jidher li llum, kull min jaqra gazzetta fuq kompjuter tablet, jew isegwi l-midja soċjali fuq smartphone ikun qed jinvolvi ruħu fl-ipproċessar ta’ data personali b’mezzi awtomatiċi, u jista’ potenzjalment jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva safejn dan ikun qed iseħħ barra l-kapaċità purament privata tiegħu (20). Barra dan, jidher li l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata fil-kuntest tal-protezzjoni tad-data, tesponi għal skrutinju, bis-saħħa ta’ dan l-istess dritt, kull att ta’ komunikazzjoni umana b’mezzi elettroniċi.

30.      Fiċ-ċirkustanzi kurrenti, id-definizzjonijiet wiesgħa fir-rigward tad-data personali, l-ipproċessar tad-data personali u ta’ kontrollur, x’aktarx li jkopru, minħabba l-iżviluppi tekonoloġiċi, firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet fattwali li qatt ma kien hawn bħalhom. Dan jirriżulta minħabba l-fatt li bosta, jekk mhux il-biċċa l-kbira, tas-siti tal-internet u tal-fajls li jistgħu jiġu aċċessati fuqhom jinkludu data personali, bħal pereżempju l-ismijiet ta’ persuni naturali ħajjin. Dan jorbot lill-Qorti tal-Ġustizzja, biex jiġu evitati konsegwenzi legali illoġiċi u eċċessivi, tapplika r-regola tar-raġuni, fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, meta tkun qed tinterpreta l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dan l-approċċ moderat diġà ġie applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Lindqvist, fejn ċaħdet interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar it-trasferiment ta’ data personali lejn pajjiżi terzi fil-kuntest tal-internet (21), li setgħet twassal għal kamp ta’ applikazzjoni eċċessivament wiesa’.

31.      Għaldaqstant, fil-kawża preżenti huwa neċessarju li jintlaħaq bilanċ ġust, raġonevoli u proporzjonali bejn il-protezzjoni tad-data personali, l-interpretazzjoni koerenti tal-għanijiet tas-soċjetà tal-informazzjoni, u l-interessi leġittimi tal-operaturi ekonomiċi u tal-utenti tal-internet inġenerali. Minkejja li minn meta ġiet adottata fl-1995, id-Direttiva ma ġietx emendata, l-applikazzjoni tagħha f’sitwazzjonijiet ġodda ma setgħetx tiġi evitata. Dan huwa suġġett kumpless fejn id-dritt u t-teknoloġija jiltaqgħu. F’dan ir-rigward, l-opinjonijiet adottati mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 jipprovdu analiżi ta’ għajnuna kbira (22).

B –    Muturi ta’ tfittxija tal-internet u l-protezzjoni tad-data

32.      Meta wieħed janalizza l-pożizzjoni legali ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet fil-konfront tar-regoli tal-protezzjoni tad-data, għandhom jiġu nnotati l-fatturi segwenti (23).

33.      L-ewwel nett, fil-forma bażika tiegħu, mutur ta’ tfittxija tal-internet fil-prinċipju ma joħloqx materjal awtonomu ġdid. Fil-forma l-iżjed sempliċi tiegħu, kulma jagħmel hu li jindika fejn jista’ jinsab materjal diġà eżistenti, li jkun tqiegħed fuq l-internet minn partijiet terzi, billi jipprovdi hyperlink għas-sit tal-internet li fiha jkun hemm it-termini ta’ tfittxija.

34.      It-tieni nett, ir-riżultati tat-tfittxija li juri mutur ta’ tfittxija tal-internet ma humiex ibbażati fuq tfittxija instantanja fil-World Wide Web kollha, iżda huma miksuba minn materjal li l-mutur ta’ tfittxija tal-internet ikun ipproċessa minn qabel. Dan ifisser li l-mutur ta’ tfittxija tal-internet ikun kiseb materjal minn siti tal-internet eżistenti u kkopja, analizza u elenka f’indiċi dak il-kontenut fuq il-mezzi tiegħu stess. Dan il-materjal miksub ikollu fih ukoll data personali, jekk din tkun diġà teżisti fil-paġni tal-web oriġinali.

35.      It-tielet nett, biex ir-riżultati jkunu iżjed faċli għall-utent, il-muturi ta’ tfittxija tal-internet spiss juru materjal ieħor mar-referenza għas-sit tal-internet oriġinali. Dan jista’ jikkonsisti f’siltiet minn testi, materjal awdjoviżiv jew anki stampi statiċi tal-paġni tal-web oriġinali. Din l-informazzjoni fil-qosor li tingħata minn qabel tista’, tal-inqas parzjalment, terġa’ tinkiseb mill-mezzi tal-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija, u mhux instantanjament mis-sit tal-internet oriġinali. Dan ifisser li l-fornitur tas-servizz fil-fatt għandu fil-pussess tiegħu din l-informazzjoni murija.

C –    Regolament tal-muturi ta’ tfittxija tal-internet

36.      L-Unjoni Ewropea tat importanza kbira lill-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni. F’dan il-kuntest ġie indirizzat ukoll ir-rwol tal-intermedjarji tas-soċjetà tal-informazzjoni. Dawn l-intermedjarji joħolqu l-konnessjonijiet bejn il-fornituri tal-materjal u l-utenti tal-internet. Dan ir-rwol partikolari tal-intermedjarji ġie rrikonoxxut, pereżempju, fid-Direttiva (premessa 47 fil-preambolu tagħha), fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31 (24) (Artikolu 21(2) u l-premessa 18 fil-preambolu tagħha), kif ukoll fl-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29. Ir-rwol tal-fornituri tas-servizz tal-internet ġie meqjus bħala wieħed kruċjali għas-soċjetà tal-informazzjoni, u r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tal-materjal ta’ parti terza li huma jittrasferixxu u/jew jaħżnu tnaqqset sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet leġittimi tagħhom.

37.      Ir-rwol u l-pożizzjoni legali tal-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija ma huwiex espliċitament irregolat fid-dritt tal-UE. Fis-sens strett tal-kelma is-“servizzi ta’ għodda ta’ lokazzjoni tal-informazzjoni” jiġu “ipprovduti mill-bogħod, permezz ta’ tagħmir elettroniku u fuq talba individwali ta’ min jirċievi servizzi”, u għalhekk jammontaw għal servizz ta’ soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsisti fil-provvista ta’ għodda li jippermettu t-tfittxija, l-aċċess u l-ksib tad-data. Madankollu, f’dan ir-rigward jidher li l-fornituri tas-servizz ta’ muturi ta’ tfittxija tal-internet, bħalma hi Google, li ma jipprovdux is-servizz tagħhom bi ħlas mingħand l-utenti tal-internet, jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31 (25).

38.      Minkejja dan, ikun neċessarju li wieħed janalizza il-pożizzjoni tagħhom fil-konfront tal-prinċipji legali li fuqhom huwa bbażat it-tnaqqis tar-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizz tal-internet. Jiġifieri, sa liema punt l-attivitajiet imwettqa minn fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet, mill-aspett tal-prinċipji tar-responsabbiltà, huma analogi għas-servizzi elenkati fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31 (trasferiment, caching sempliċi, u hosting) jew għas-servizz ta’ trażmissjoni msemmi fil-premessa 47 fil-preambolu tad-Direttiva, u sa liema punt fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet jaġixxi bħala fornitur tal-materjal fil-kapaċità tiegħu.

D –    Ir-rwol u r-responsabbiltà tal-pubblikaturi tal-paġna tal-web oriġinali

39.      Fis-sentenza Lindqvist il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “l-operazzjoni li tikkonsisti fit-tqegħid ta’ data personali fuq paġna ta’ l-internet għandha tiġi kkunsidrata bħala [pproċessar ta’ data personali] (26)”. Barra dan, “[i]t-tqegħid ta’ informazzjoni fuq paġna tal-internet jimplika, skond il-proċeduri tekniċi u informatiċi attwalment applikabbli, it-twettiq ta’ operazzjoni ta’ tqegħid ta’ din il-paġna fuq server kif ukoll ta’ l-operazzjonijiet meħtieġa sabiex din il‑paġna tkun aċċessibbli għall‑persuni b’konnessjoni ma’ l-internet. Dawn l‑operazzjonijiet jitwettqu, ta’ l-inqas parzjalment, b’mezzi awtomatiċi.” Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “l-operazzjoni li tikkonsisti f’li jissemmew, fuq paġna ta’ l-internet, diversi persuni u fl-identifikazzjoni tagħhom b’isimhom jew b’mezzi oħra” “tikkostitwixxi ‘ipproċessar ta’ data personali fl‑intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi’, fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1) tad-[Direttiva].”

40.      Mill-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza Lindqvist imsemmija hawn fuq jirriżulta li l-pubblikatur ta’ paġni tal-web oriġinali li jkun fihom id-data personali jikkostitwixxi kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva. Bħala tali, il-pubblikatur huwa marbut bl-obbligi kollha li d-Direttiva timponi fuq il-kontrolluri.

41.      Il-paġni tal-web oriġinali jinżammu fuq servers prinċipali mqabbda mal-internet. Il-pubblikatur ta’ paġna tal-web oriġinali jista’ jagħmel użu minn “kodiċijiet ta’ esklużjoni” (27) fir-rigward tat-tħaddim ta’ muturi ta’ tfittxija tal-internet. Il-kodiċijiet ta’ esklużjoni jiggwidaw lill-muturi ta’ tfittxija biex ma jindiċjawx jew biex jaħżnu paġna tal-web oriġinali jew juruha fir-riżultati tat-tfittxija (28). L-użu tagħhom jindika li l-pubblikatur ma jixtieqx li ċerta informazzjoni fuq il-paġna tal-web oriġinali tinkiseb biex tixxerred permezz tal-muturi ta’ tfittxija.

42.      Għalhekk, teknikament, il-pubblikatur għandu l-possibbiltà li fil-paġna tal-web tiegħu jinkludi kodiċijiet ta’ esklużjoni li jirrestrinġu l-indiċjar u l-arkivjar tal-paġna, u b’hekk iżidu l-protezzjoni tad-data personali. F’każ estrem, il-pubblikatur jista’ jirtira l-paġna mis-server prinċipali, u jippubblikaha mill-ġdid mingħajr id-data personali li tkun saret oġġezzjoni dwarha, kif ukoll jeżiġi l-aġġornament tal-paġna fil-cache memories tal-muturi ta’ tfittxija.

43.      Għalhekk, il-persuna li tippubblika l-materjal fuq paġna tal-web oriġinali hija, fil-kapaċità tagħha ta’ kontrollur, responsabbli għad-data personali ppubblikata f’dik il-paġna, u għandha diversi mezzi biex tissodisfa l-obbligi tagħha f’dan ir-rigward. Dan l-iffokar tar-responsabbiltà legali fuq il-pubblikatur hija konformi mal-prinċipji stabbiliti tar-responsabbiltà tal-pubblikatur fil-kuntest tal-midja tradizzjonali (29).

44.      Madankollu, din ir-responsabbiltà tal-pubblikatur ma tiggarantixxix li huwa biżżejjed li wieħed idur għall-kontrolluri tal-paġni tal-web biex jiġu konklużivament riżolti l-problemi tal-protezzjoni tad-data. Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, huwa possibbli li l-istess data personali tkun ġiet ippubblikata fuq numru kbir ta’ paġni, liema sitwazzjoni tirrendi l-intraċċar tal-pubblikaturi kollha rilevanti u l-kuntatt magħhom, diffiċli jew anki impossibbli. Barra dan, jista’ jkun li l-pubblikatur ikun jgħix f’pajjiż terz, u li l-paġni tal-web ikkonċernati jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data. Jista’ jkun hemm ukoll ostakoli ġuridiċi bħalma hemm fil-kawża preżenti fejn iż-żamma tal-pubblikazzjoni oriġinali fuq l-internet tkun tqieset leġittima.

45.      Fil-fatt, l-aċċessibbiltà universali tal-informazzjoni fuq l-internet tiddependi fuq il-muturi ta’ tfittxija tal-internet, minħabba li mingħajrhom is-sejbien tal-informazzjoni tkun ikkumplikata u diffiċli wisq, u tkun tipproduċi riżultati limitati. Kif ġustament tosserva l-qorti tar-rinviju, preċedentement, il-ksib tal-informazzjoni dwar l-avviżi dwar il-bejgħ mandatorju tal-proprjetà tas-suġġett tad-data, kienet tkun tirrikjedi żjara fl-arkivji tal-gazzetta. Illum din l-informazzjoni tista’ tinkiseb billi wieħed jittajpja isem is-suġġett tad-data fil-mutur ta’ tfittxija tal-internet, u għalhekk it-tixrid ta’ din id-data issir konsiderevolment iżjed effiċjenti, u fl-istess waqt, iżjed inkwetanti għas-suġġett tad-data. Il-muturi ta’ tfittxija tal-internet jistgħu jintużaw sabiex tinkiseb informazzjoni estensiva dwar individwi billi jfittxu u jiġbru d-data personali tagħhom. Iżda l-biża’ relatata mat-tiftix u l-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-individwi ispirat l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni moderna dwar il-protezzjoni tad-data (30).

46.      Għal dawn ir-raġunijiet, huwa importanti li wieħed jeżamina r-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet fir-rigward ta’ data personali ppubblikata fuq paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza li jkunu aċċessibbli permezz tal-muturi ta’ tfittxija tagħhom. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk qed tiġi ffaċċjata bil-kwistjoni ta’ “responsabbiltà sekondarja” ta’ din il-kategorija ta’ fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li hija analoga għal dik li diġà ttrattat fil-ġurisprudenza tagħha dwar it-trade marks u s-swieq elettroniċi (31).

E –    L-attivitajiet ta’ fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija

47.      Fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet jista’ jkollu diversi tipi ta’ attivitajiet. In-natura u l-evalwazzjoni ta’ dawk l-attivitajiet mill-aspett tal-protezzjoni tad-data jistgħu jkunu differenti.

48.      Fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet jista’ awtomatikament jikseb data personali relatata mal-utenti tiegħu (32), jiġifieri l-persuni li jkunu daħħlu t-termini ta’ tfittxija fil-mutur ta’ tfittxija. Din id-data awtomatikament trażmessa tista’ tinkludi l-indirizz IP tagħhom, il-preferenzi tal-utenti (lingwa, etc.) u naturalment it-termini ta’ tfittxija nnifishom li fil-każ tal-hekk imsejħa vanity searches (jiġifieri tfittxija li jagħmel utent fuqu stess) faċilment jiżvelaw l-identità tal-utenti. Barra dan, fir-rigward ta’ dawk il-persuni li għandhom il-kontijiet tal-utent u li għaldaqstant ikunu rreġistraw lilhom infushom, id-data personali tagħhom, bħalma huma ismijiet, indirizzi tal-posta elettronika u numri tat-telefon, kważi dejjem jispiċċaw f’idejn il-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet.

49.      Id-dħul finanzjarju ta’ fornituri ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ma jiġix mingħand l-utenti li jdaħħlu t-termini ta’ tfittxija fil-mutur ta’ tfittxija, iżda mingħand dawk li jirreklamaw li jixtru t-termini ta’ tfittxija bħala kliem-prinċipali biex ir-reklam tagħhom jintwera simultanjament mar-riżultati tat-tfittxija wara li tkun intużat dik il-kelma-prinċipali (33). Hija ħaġa naturali li d-data personali tal-kljienti li jirreklamaw tiġi f’idejn il-fornitur tas-servizz.

50.      Madankollu, id-deċiżjoni preliminari preżenti tirrigwarda lil Google bħala sempliċi fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet fir-rigward tad-data, li tinkludi data personali, ippubblikata fuq l-internet f’paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza u pproċessata u elenkata f’indiċi mill-mutur ta’ tfittxija ta’ Google. Għalhekk, il-problemi tal-utenti u tal-klijenti li jirreklamaw, li ma hemmx dubju li f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni tagħhom ma’ Google tapplika d-Direttiva għad-data tagħhom, ma jaffettwawx l-analiżi tat-tieni grupp ta’ domandi preliminari. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet ġurisdizzjonali fl-ewwel grupp ta’ domandi preliminari, dawn it-tipi ta’ klijenti jistgħu jkunu rilevanti.

V –    L-ewwel grupp ta’ domandi li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva

A –    Introduzzjoni

51.      L-ewwel grupp ta’ domandi preliminari, f’dak li jirrigwarda l-kriterji li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-leġiżlazzjoni implementattiva nazzjonali, jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva.

52.      Il-qorti tar-rinviju qasmet id-domandi preliminari tagħha li jirrigwardaw l-applikazzjoni territorjali tal-leġiżlazzjoni Spanjola tal-protezzjoni tad-data, f’erba’ domandi sekondarji. L-ewwel domanda sekondarja tirrigwarda l-kunċett ta’ “stabbiliment”, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva, u t-tieni waħda ċ-ċirkustanzi li fihom isir “użu minn tagħmir [...] li jkun jinsab fit-territorju ta’ l-imsemmi Stat Membru” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(ċ) tagħha. It-tielet domanda sekondarja tistaqsi jekk huwiex possibbli li l-ħżin temporanju ta’ informazzjoni elenkata f’indiċi mill-muturi ta’ tfittxija tal-internet jitqies bħala użu ta’ tagħmir, u jekk ir-risposta għal dik id-domanda tkun fl-affermattiv, jekk jistax jiġi preżunt li jeżisti dan il-fattur li jorbot meta l-impriża tirrifjuta li tiżvela l-post fejn hija taħżen dawn l-indiċijiet. Ir-raba’ domanda sekondarja tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni li timplementa d-Direttiva għandhiex tiġi applikata, fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Karta, fl-Istat Membru fejn ikun jinsab iċ-ċentru ta’ gravità tal-kunflitt u fejn hija possibbli protezzjoni iktar effettiva tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE.

53.      Jien ser nibda biex nittratta d-domanda sekondarja tal-aħħar, li l-qorti nazzjonali għamlet “[i]ndipendentement mir-risposta li tingħata lid-domandi preċedenti, u b’mod partikolari fil-każ fejn il-[Qorti] tkun tal-opinjoni li l-kriterji ta’ konnessjoni previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva ma humiex issodisfatti”.

B –    Iċ-ċentru ta’ gravità ġeografiku tat-tilwima fih innifsu ma huwiex suffiċjenti biex jirrendi d-Direttiva applikabbli

54.      Skont l-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea lil hinn mill-poteri tal-Unjoni jew tistabilixxi xi poter jew dover ġdid għall-Unjoni, jew timmodifika l-poteri u d-doveri kif definiti fit-Trattati (34). Dan il-prinċipju japplika wkoll fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Karta dwar il-protezzjoni tad-data personali. Għalhekk, l-interpretazzjoni tad-Direttiva skont il-Karta ma tistax iżżid elementi ġodda li jistgħu jirrigwardaw l-applikabbiltà territorjali tad-dritt nazzjonali li jimplementa d-Direttiva ma’ dawk diġà msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva. Ma hemmx dubju li l-Artikolu 8 tal-Karta għandu jiġi kkunsidrat meta jkunu qed jiġu interpretati l-kunċetti użati fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, iżda l-punti ta’ konnessjoni ddefiniti mil-leġiżlatur tal-UE ma jistgħux jiġu ssupplimentati b’xi kriterju kompletament ġdid abbażi ta’ riferiment għal dak id-dritt fundamentali (35).

55.      Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 ġustament enfasizza li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali implementattiva jiġi attivat jew skont il-post fejn jinsab l-istabbiliment tal-kontrollur, jew, meta l-kontrollur ikun stabbilit barra ż-ŻEE, il-post fejn jinsabu l-mezzi jew it-tagħmir li jkunu qegħdin jintużaw. In-nazzjonalità jew il-post tar-residenza abitwali tas-suġġetti tad-data ma humiex deċiżivi, kif lanqas ma hu deċiżiv il-post fiżiku tad-data personali (36).

56.      Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 ippropona li fil-leġiżlazzjoni tal-futur l-indirizzar ta’ individwi fir-rigward ta’ kontrolluri li ma humiex stabbiliti fl-UE jista’ jiġi kkunsidrat (37). Skont il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta [Data] Ġenerali (2012) (38) l-offerta ta’ oġġetti jew servizzi lil suġġetti tad-data li jgħixu fl-Unjoni Ewropea hija fattur li jirrendi d-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli fir-rigward ta’ kontrolluri f’pajjiżi terzi. Dan l-approċċ, li jorbot l-applikabbiltà territorjali tad-dritt tal-UE mal-pubbliku mmirat, huwa konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/31 dwar il-kummerċ elettroniku (39), tar-Regolament Nru 44/2001 (40), u tad-Direttiva 2001/29 (41) fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet transkonfinali.

57.      B’kuntrast ma’ dan, il-kriterju ta’ pubbliku mmirat, fil-kawża preżenti l-utenti Spanjoli tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet ta’ Google li jidhrilhom li r-reputazzjoni tas-suġġett tad-data setgħet saritilha l-ħsara minħabba l-avviżi kkontestati, ma jidhirx li huwa fattur li jqanqal l-applikabbiltà territorjali tad-Direttiva u l-leġiżlazzjoni implementattiva nazzjonali tagħha.

58.      Għalhekk, il-fatt li ċ-ċentru ta’ gravità tat-tilwima huwa ġewwa Spanja ma jistax jiġi miżjud mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva li, fl-opinjoni tiegħi, tarmonizza b’mod komplet il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tad-data. Dan japplika irrispettivament minn jekk tali ċentru ta’ gravità huwiex in-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tas-suġġett tad-data inkwistjoni, il-post fejn tinsab id-data personali kkontestata fis-sit tal-internet tal-gazzetta, jew il-fatt li s-sit tal-internet Spanjola ta’ Google huwa speċifikament immirat għall-pubbliku Spanjol (42).

59.      Għal dawn ir-raġunijiet jien nipproponi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li huwa neċessarju li tirrispondi din id-domanda, ir-raba’ domanda sekondarja għandha tingħata risposta fin-negattiv.

C –    L-applikabbiltà tal-kriterju ta’ “stabbiliment fl-UE” fir-rigward ta’ fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ta’ pajjiż terz

60.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-fattur ewlieni li jqajjem il-kwistjoni tal-applikabbiltà territorjali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data huwa l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju tal-Istat Membru. Barra dan, meta kontrollur ma jkunx stabbilit fit-territorju tal-UE, iżda għall-ipproċessar ta’ data personali juża mezzi jew tagħmir (43) li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, tkun tapplika l-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru sakemm dak it-tagħmir jew mezz jiġi użat biss għall-iskopijiet ta’ passaġġ minn ġewwa t-territorju tal-UE.

61.      Kif ġie nnotat iktar ’il fuq, id-Direttiva u l-Artikolu 4 tagħha ġew adottati qabel ma bdew jiġu pprovduti servizzi on-line fuq l-internet fuq skala kbira. Barra dan, f’dan ir-rigward, il-kliem tagħha ma huwiex konsistenti u huwa inkomplet (44). Għalhekk ma hijiex ħaġa sorprendenti li l-esperti tal-protezzjoni tad-data sabu ruħhom f’diffikultajiet konsiderevoli meta ġew biex jinterpretawha fil-kuntest tal-internet. Il-fatti tal-kawża preżenti jagħtu eżempju ta’ dawn il-problemi.

62.      Google Inc. hija impriża Kalifornjana b’kumpanniji sussidjarji f’diversi Stati Membri tal-UE. L-operazzjonijiet Ewropej tagħha huma sa ċertu punt ikkoordinati mill-kumpannija sussidjarja Irlandiża tagħha. Preżentement hija għandha, minn tal-inqas, ċentri tad-data ġewwa l-Belġju u l-Finlandja. Ma teżistix informazzjoni pubblika dwar il-post ġeografiku preċiż tal-operazzjonijiet li jirrigwardaw il-mutur ta’ tfittxija tagħha. Google issostni li ġewwa Spanja ma jsir ebda pproċessar ta’ data personali fir-rigward tal-mutur ta’ tfittxija tagħha. Google Spain taġixxi bħala rappreżentanta kummerċjali ta’ Google għal dak li għandu x’jaqsam mal-operazzjonijiet ta’ reklamar tagħha. F’din il-kapaċità hija ħadet ir-responsabbiltà tal-ipproċessar ta’ data personali li huwa relatat mal-klijenti tagħha Spanjoli li jkunu jixtiequ jirreklamaw. Google tiċħad li l-mutur ta’ tfittxija tagħha jwettaq xi operazzjonijiet fuq is-servers prinċipali tal-paġni tal-web oriġinali, jew li jiġbor l-informazzjoni permezz ta’ cookies tal-utenti tal-mutur ta’ tfittxija tagħha li ma jkunux irreġistrati.

63.      F’dan il-kuntest ta’ fatti, il-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma huwiex wisq ta’ għajnuna. Google għandha diversi stabbilimenti ġewwa t-territorju tal-UE. Dan il-fatt, skont interpretazzjoni litterali, ikun jeskludi l-applikabbiltà tal-kundizzjoni li tirrigwarda t-tagħmir stabbilita fl-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva. Min-naħa l-oħra, ma huwiex ċar sa liema punt u meta l-ipproċessar tad-data personali ta’ suġġetti tad-data residenti fl-UE jseħħ fil-kuntest tal-kumpanniji sussidjarji tagħha fl-UE.

64.      Fil-fehma tiegħi il-Qorti għandha tittratta d-domanda dwar l-applikabbiltà territorjali mill-perspettiva tal-mudell kummerċjali tal-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet. Kif diġà semmejt, dan normalment jiddependi fuq ir-reklamar bil-kelma-prinċipali li huwa s-sors ta’ qligħ u, fis-sens strett tal-kelma, ir-raġuni ekonomika li abbażi tagħha tista’ tiġi pprovduta għodda ta’ lokazzjoni tal-informazzjoni mingħajr ħlas fil-forma ta’ mutur ta’ tfittxija. L-entità responsabbli għar-reklamar bil-kelma-prinċipali (imsejħa l-“fornitur tas-servizzi ta’ referenzar” fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (45)) hija konnessa mal-mutur ta’ tfittxija tal-internet. Din l-entità jkollha bżonn tistabbilixxi l-preżenza tagħha fis-swieq nazzjonali tar-reklamar. Għal din ir-raġuni Google stabbilixxiet kumpanniji sussidjarji f’diversi Stati Membri li b’mod ċar jikkostitwixxu stabbilimenti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva. Hija tipprovdi wkoll dominji tal-web nazzjonali bħal google.es jew google.fi. L-attività tal-mutur ta’ tfittxija jieħu kont tad-differenzi nazzjonali b’diversi modi relatati ma’ kif jintwerew ir-riżultati tat-tfittxija peress illi l-mudell normali tal-iffinanzjar tar-reklamar permezz tal-kliem-prinċipali jimxi skont il-prinċipju ta’ ħlas għal kull darba li jiġi kklikkjat ir-reklam (46).

65.      Għal dawn ir-raġunijiet jien naqbel mal-konklużjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 b’tali mod li l-mudell kummerċjali ta’ fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet għandu jiġi kkunsidrat fis-sens li l-istabbiliment għandu rwol rilevanti fl-ipproċessar ta’ data personali jekk dan ikun marbut ma’ servizz involut fil-bejgħ ta’ reklamar immirat lejn nies li jgħixu f’dak l-Istat Membru (47).

66.      Barra dan, jidhirli li anki jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva huwa bbażat fuq kunċett uniku ta’ kontrollur f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet sostantivi tiegħu, għall-fini li tiġi deċiża l-kwistjoni preliminarja tal-applikabbiltà territorjali, operatur ekonomiku għandu jitqies bħal unità waħda, u għalhekk, f’dan l-istadju ta’ analiżi, ma għandux jiġi skrutinizzat abbażi tal-attivitajiet individwali tiegħu relatati mal-ipproċessar ta’ data personali jew ma’ gruppi differenti ta’ suġġetti tad-data li fir-rigward tagħhom japplikaw l-attivitajiet tiegħu.

67.      Fl-aħħar nett, l-ipproċessar tad-data personali jseħħ fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ kontrollur jekk dan l-istabbiliment ikun iservi ta’ pont bejn is-servizz ta’ referenzar u s-suq tar-reklamar ta’ dak l-Istat Membru, anki jekk l-operazzjonijiet tekniċi tal-ipproċessar tad-data jinsabu fi Stati Membri oħra jew f’pajjiżi terzi.

68.      Għal din ir-raġuni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel grupp ta’ domandi preliminari fis-sens li l-ipproċessar tad-data personali jitwettaq fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ “stabbiliment” tal-kontrollur fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva meta l-impriża li tipprovdi l-mutur ta’ tfittxija tistabbilixxi, fi Stat Membru u bil-għan li tippromwovi u tbigħ l-ispazju għar-reklamar fuq il-mutur ta’ tfittxija, uffiċċju jew kumpannija sussidjarja li l-attività tagħhom tkun orjentata lejn min jgħix f’dak l-Istat.

VI – It-tieni grupp ta’ domandi relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva

69.      It-tieni grupp ta’ domandi jirrigwarda l-pożizzjoni legali ta’ fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet li joffri aċċess għal mutur ta’ tfittxija tal-internet fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Il-qorti nazzjonali fformolat dawn id-domandi fis-sens li jirrigwardaw: il-kunċetti ta’ “ipproċessar” ta’ data personali (domanda 2.1), u ta’ “kontrollur” (domanda 2.2), is-setgħat tal-awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tad-data li tagħti l-ordnijiet direttament lill-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet (domanda 2.3), u l-esklużjoni possibbli tal-protezzjoni ta’ data personali, mill-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet, li tirrigwarda informazzjoni leġittimament ippubblikata fuq l-internet minn partijiet terzi (domanda 2.4). Dawn l-aħħar żewġ domandi sekondarji huma rilevanti biss jekk il-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet jista’ jitqies li qed jipproċessa data personali fuq il-paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza, u li huwa l-kontrollur tagħhom.

A –    Ipproċessar ta’ data personali permezz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet

70.      L-ewwel domanda sekondarja f’dan il-grupp tikkonċerna l-applikabbiltà tal-kunċetti ta’ “data personali” u l-“ipproċessar” tagħha fir-rigward ta’ fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet bħalma hija Google, abbażi tal-preżunzjoni li ma aħniex qed nittrattaw data personali ta’ utenti jew persuni li jirreklamaw, iżda data personali ppubblikata fuq il-paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza, u pproċessata minn mutur ta’ tfittxija tal-internet imħaddem mill-fornitur tas-servizz. Dan l-ipproċessar huwa deskritt mill-qorti nazzjonali fis-sens li jikkonsisti fis-sejbien tal-informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn partijiet terzi, l-elenkar f’indiċi awtomatiku tagħha, il-ħżin temporanju tagħha, u finalment, it-tqegħid tagħha fuq l-internet għad-dispożizzjoni tal-utenti skont ordni ta’ preferenza partikolari.

71.      Fl-opinjoni tiegħi ma hemmx bżonn ta’ diskussjoni fit-tul biex din id-domanda sekondarja tingħata risposta fl-affermattiv. Il-kunċett ta’ data personali tingħata definizzjoni wiesgħa fid-Direttiva, liema definizzjoni ġiet applikata mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 u ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (48).

72.      Il-paġni tal-web oriġinali fuq l-internet jistgħu jinkludu - u fil-fatt spiss jagħmlu dan - ismijiet, stampi, indirizzi, numri tat-telefon, deskrizzjonijiet u indikazzjonijiet oħra, li bl-għajnuna tagħhom tista’ tiġi identifikata persuna naturali. Il-fatt li n-natura tagħhom bħala data personali tibqa’ “mhux magħrufa” għall-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet li l-mutur ta’ tfittxija tiegħu jaħdem mingħajr ebda relazzjonijiet umani fir-rigward tad-data miġbura, elenkata f’indiċi u murija għal skopijiet ta’ tiftix, ma jbiddilx din il-konklużjoni (49). L-istess japplika fir-rigward tal-fatt li l-preżenza ta’ data personali fil-paġni tal-web oriġinali hija f’ċertu sens fortuwita għall-fornitur tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet peress li għall-fornitur tas-servizz, jew b’mod iżjed preċiż għall-funzjonijiet ta’ crawling, analiżi u elenkar f’indiċi tal-mutur ta’ tfittxija li jkun qed imur fuq il-paġni tal-web kollha aċċessibbli fuq l-internet, ma jista’ jkun hemm ebda differenza teknika jew operazzjonali bejn paġna tal-web oriġinali li jkun fiha data personali u oħra li ma jkunx fiha din id-data (50). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi dawn il-fatti għandhom jinfluwenzaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kontrollur”.

73.      Il-crawler tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google, imsejjaħ “googlegot”, kontinwament u sistematikament ifittex u, meta jmur minn paġna tal-web oriġinali għal oħra permezz ta’ hyperlinks bejn il-paġni, jitlob lis-siti li jżur jibagħtulu kopja tal-paġni aċċessati (51). Il-kopji ta’ dawn il-paġni tal-web oriġinali jiġu analizzati mis-sistema tal-indiċjar ta’ Google. Is-sign strings (jiġifieri l-kliem-prinċipali, u t-termini ta’ tfittxija) li jinsabu fuq il-paġni jiġu rrekordjati fl-indiċi tal-mutur ta’ tfittxija (52). L-algoritmu tat-tiftix elaborat ta’ Google jevalwa wkoll ir-rilevanza tar-riżultati tat-tfittxija. Il-kombinazzjonijiet ta’ dawn il-kliem-prinċipali mal-indirizzi URL, fejn dawn jistgħu jinstabu, jifformaw l-indiċi tal-mutur ta’ tfittxija. Ir-riċerki mibdija mill-utenti jitwettqu fi ħdan l-indiċi. Għall-iskopijiet ta’ elenkar f’indiċi u t-turija tar-riżultati tat-tfittxija, il-kopja tal-paġni tiġi rreġistrata fil-memorja cache tal-mutur ta’ tfittxija (53).

74.      Kopja ta’ paġna tal-web irriċerkata li tkun maħżuna fil-cache, tista’ tintwera wara li l-utent ikun għamel it-tfittxija. Madankollu, l-utent jista’ jaċċessa l-paġna oriġinali jekk pereżempju hu jkun jixtieq li jintwerew stampi li jinsabu fil-paġna web oriġinali. Il-cache jiġi frekwentement aġġornat iżda jista’ jkun hemm xi sitwazzjonijiet fejn il-paġna murija mill-mutur ta’ tfittxija ma tikkorrispondix mal-paġni tal-web fis-server ewlieni minħabba li jkun sarilha xi tibdil jew minħabba li tkun tħassret (54).

75.      Huwa ċar li l-operazzjonijiet deskritti fil-punt preċedenti jgħoddu bħala pproċessar ta’ data personali fil-paġni tal-web oriġinali kkupjati, elenkati f’indiċi u murija mill-mutur ta’ tfittxija. B’mod iżjed partikolari dawn jinvolvu l-ġbir, l-irrekordjar, l-organizzazzjoni u l-ħżin ta’ din id-data personali, u jistgħu jinvolvu l-użu, l-iżvelar permezz tat-trażmissjoni, it-tixrid tagħha jew inkella jagħmlu disponibbli u jikkombinaw id-data personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva.

B –    Il-kunċett ta’ ‘kontrollur’

76.      Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva, kontrollur (55) huwa “persuna naturali jew ġuridika [...] li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”. Fil-fehma tiegħi l-kwistjoni fundamentali f’din il-kawża hija jekk, u sa liema punt, fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet huwa kopert minn din id-definizzjoni.

77.      Il-partijiet kollha ħlief Google u l-Gvern Grieg jipproponu risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, li tista’ faċilment tiġi ddefenduta bħala konklużjoni loġika ta’ interpretazzjoni letterali u forsi anki teleoloġika tad-Direttiva, minħabba l-fatt li d-definizzjonijiet bażiċi tad-Direttiva ġew ifformulati b’mod komprensiv sabiex jiġu koperti l-iżviluppi ġodda. Madankollu, fil-fehma tiegħi dan ir-raġunar jirrappreżenta metodu li jinjora kompletament il-fatt li meta d-Direttiva ġiet abbozzata ma kienx possibbli li tiġi kkunsidrata l-prominenza dejjem tiżdied tal-internet u d-diversi fenomeni ġodda relatati.

78.      Meta ġiet adottata d-Direttiva, il-World Wide Web kienet għadha bilkemm saret realtà, u l-muturi ta’ tfittxija kienu għadhom fil-bidu. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva assolutament ma jqisux il-fatt li mases enormi ta’ dokumenti u fajls elettroniċi maħżuna b’mod diċentralizzat huma llum aċċessibbli minn kwalunkwe post fid-dinja u li l-kontenut tagħhom jista’ jiġi kkupjat u analizzat u mxerred minn persuni li ma għandhom ebda relazzjoni mal-awturi tagħhom jew ma’ dawk li jkunu ttrasferixxewhom għal fuq is-server ewlieni mqabbad mal-internet.

79.      Niftakar li fis-sentenza Lindqvist, il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx il-loġika massimalista proposta mill-Kummissjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett tat-trasferiment ta’ data lejn pajjiżi terzi. Il-Qorti ppreċiżat li “[minħabba] l-ewwel nett, l-istat ta’ l-iżvilupp ta’ l-internet fiż-żmien meta ġiet redatta [id-Direttiva] u, min-naħa l-oħra, [n]-nuqqas, fil-Kapitolu IV tagħha, ta’ kriterji applikabbli għall-użu ta’ l-internet, ma jistax jiġi preżunt li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jinkludi, b’mod prospettiv, l-inklużjoni, minn persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ B. Lindqvist, ta’ data fuq paġna tal-internet fil-kunċett ta’ ‘trasferiment lil [lejn] pajjiż terz ta’ data’, anki jekk din id-data tkun b’hekk magħmula aċċessibbli għall-persuni ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-mezzi tekniċi sabiex ikollhom aċċess għaliha.” (56) Fil-fehma tiegħi dan jimplika li l-interpretazzjoni tad-Direttiva, fir-rigward tal-fenomeni teknoloġiċi ġodda, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-għanijiet tad-Direttiva u l-mezzi pprovduti fiha biex dawn jinkisbu, għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jinkiseb riżultat ibbilanċjat u raġonevoli.

80.      Fl-opinjoni tiegħi, waħda mid-domandi ewlenin f’din il-kawża hi jekk huwiex ta’ importanza li fi ħdan id-definizzjoni ta’ kontrollur id-Direttiva tirreferi għall-kontrollur bħala l-persuna li “[t]iddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali” (enfasi miżjuda). Il-partijiet li jqisu li Google huwa kontrollur jibbażaw din l-istima fuq il-fatt innegabbli li l-fornitur ta’ servizz li jkun qed iħaddem mutur ta’ tfittxija tal-internet jiddetermina l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data għall-iskopijiet tiegħu.

81.      Madankollu, niddubita jekk dan iwassalx għal kostruzzjoni ġenwina tad-Direttiva f’sitwazzjoni fejn l-ipproċessar ikun jikkonsisti fl-ipproċessar ta’ fajls li jkollhom fihom data personali u data oħra b’mod diżorganizzat, kapriċċuż u fortuwitu. Il-professur tad-dritt Ewropew li jien semmejt fl-eżempju tiegħi fil-punt 29 iktar ’il fuq, jiddetermina l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali inklużi fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li niżżel fuq il-kompjuter portabbli tiegħu? Il-konklużjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 li tgħid li l-“utenti tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija jistgħu strettament ikunu anki meqjusa bħala kontrolluri” turi n-natura irrazzjonali ta’ interpretazzjoni għamja u letterali tad-Direttiva fil-kuntest tal-internet (57). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex taċċetta interpretazzjoni li permezz tagħha prattikament kull min ikollu smartphone jew tablet jew kompjuter portabbli jkun kontrollur tal-ipproċessar ta’ data personali ppubblikata fuq l-internet.

82.      Fl-opinjoni tiegħi l-intenzjoni ġenerali tad-Direttiva, il-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi u l-obbligi individwali li d-Direttiva timponi fuq il-kontrollur, huma bbażati fuq l-idea tar-responsabbiltà tal-kontrollur fir-rigward tad-data personali pproċessata, fis-sens li l-kontrollur huwa konxju tal-eżistenza ta’ ċerta kategorija definita ta’ informazzjoni li tammonta għal data personali u li l-kontrollur jipproċessa din id-data b’xi intenzjoni li tirrigwarda l-ipproċessar tagħha bħala data personali (58).

83.      Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 ġustament jinnota li “[i]l-kunċett ta’ kontrollur huwa [...] funzjonali, fis-sens li huwa maħsub biex jalloka r-responsabbiltajiet fejn tinsab l-influwenza fattwali, u b’hekk huwa bbażat fuq analiżi fattwali iktar milli fuq waħda formali.” (59) Dan ikompli biex jgħid li “l-kontrollur għandu jiddetermina liema data għandha tiġi pproċessata għall-iskop(ijiet) previst(i)” (60). Id-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva, u b’mod iżjed partikolari tal-Artikoli 6, 7 u 8 tagħha, huma, fl-opinjoni tiegħi, ibbażati fuq il-preżunzjoni li l-kontrollur jaf x’inhu jagħmel fir-rigward tad-data personali kkonċernata, fis-sens illi jkun jaf x’tip ta’ data personali jkun qed jipproċessa u għaliex. Fi kliem ieħor, l-ipproċessar tad-data għandu jkun jidher għalih li hu pproċessar ta’ data personali, jiġifieri “informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli” b’mod li huwa semantikament rilevanti u mhux sempliċi kodiċi tal-kompjuter (61).

C –    Fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ma huwiex “kontrollur” ta’ data personali f’paġna tal-web oriġinali ta’ parti terza

84.      Meta l-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet ikun qiegħed biss jipprovdi l-għodda ta’ lokazzjoni tal-informazzjoni, ma jkunx qiegħed jeżerċita kontroll fuq data personali li tinsab fil-paġni tal-web ta’ parti terza. Il-fornitur tas-servizz ma jkunx “konxju” tal-eżistenza ta’ data personali f’xi sens ieħor ħlief bħala fatt statistiku li hu probabbli li l-paġni tal-web ikollhom fihom data personali. Waqt l-ipproċessar tal-paġni tal-web oriġinali għall-iskopijiet ta’ crawling, analiżi u elenkar f’indiċi, id-data personali ma timmanifestax ruħha b’mod partikolari.

85.      Huwa għal din ir-raġuni li jidhirli li l-approċċ tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 huwa adegwat, minħabba li l-għan tiegħu hu li jiddistingwi bejn il-funzjonijiet kompletament passivi u intermedjarji tal-muturi ta’ tfittxija u sitwazzjonijiet fejn l-attività tagħhom tirrappreżenta kontroll veru fuq id-data personali pproċessata (62). Għall-finijiet ta’ kompletezza, wieħed għandu jżid li l-kwistjoni dwar jekk id-data personali tkunx saret pubblika (63) jew tkunx ġiet żvelata b’mod leġittimu fuq il-paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza, ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva (64).

86.      Il-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet ma għandu ebda relazzjoni mal-materjal tal-paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza fuq l-internet fejn id-data personali tista’ tidher. Barra dan, minħabba li l-mutur ta’ tfittxija jaħdem b’kopji tal-paġni tal-web oriġinali li l-funsjoni ta’ crawler tiegħu jkun kiseb u kkopja, il-fornitur tas-servizz ma għandu ebda mezz li bih jista’ jbiddel l-informazzjoni fis-servers prinċipali. Il-provvista tal-għodda ta’ lokazzjoni tal-informazzjoni ma timplika ebda kontroll fuq il-materjal. Lanqas ma tippermetti lill-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet jiddistingwi bejn data personali fis-sens tad-Direttiva li tirrigwarda persuna ħajja fiżika identifikabbli, u data oħra.

87.      Hawnhekk jien nieħu bħala eżempju l-prinċipju espress fil-premessa 47 fil-preambolu tad-Direttiva. Dan jgħid li l-kontrollur ta’ messaġġi li jkun fihom data personali trażmessa bit-telekomunikazzjoni jew bil-posta elettronika huwa l-awtur tal-messaġġ u mhux il-persuna li toffri s-servizz tat-trażmissjoni. Din il-premessa, kif ukoll l-eċċezzjonijiet għar-responsabbiltà previsti fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31 (Artikoli 12, 13, u 14), tibbaża ruħha fuq il-prinċipju legali li skontu r-relazzjonijiet awtomatizzati, tekniċi u passivi ma’ materjal li jkun maħżun jew trażmess elettronikament ma joħolqux kontroll fuqu jew responsabbiltà għalih.

88.      Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 enfasizza li, l-ewwel u qabel kollox, l-iskop tal-kunċett ta’ kontrollur hu li jiġi ddeterminat min għandu jkun responsabbli għall-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data u l-allokazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà għal-locus tal-influwenza f’kuntest ta’ fatti (65). Skont il-Grupp ta’ Ħidma “[i]l-prinċipju tal-proporzjonalità jeħtieġ li sakemm fornitur ta’ magna ta’ riċerka [mutur ta’ tfittxija] jagħmilha biss ta’ intermedjarju, m’għandux jitqies bħala l-kontrolur prinċipali rigward l-ipproċessar tad-data personali relatat mal-kontenut li qed isir. F’dan il-każ, il-kontrolluri prinċipali tad-data personali huma l-fornituri ta’ l-informazzjoni.” (66)

89.      Fil-fehma tiegħi, fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ma jistax de jure jew de facto jwettaq l-obbligi ta’ kontrollur previsti fl-Artikoli 6, 7 u 8 tad-Direttiva fir-rigward ta’ data personali f’paġni tal-web oriġinali miżmuma fuq servers ta’ parti terza. Għalhekk, interpretazzjoni raġonevoli tad-Direttiva tkun tirrikjedi li l-fornitur tas-servizz ġeneralment ma jitqiesx illi għandu dik il-pożizzjoni (67).

90.      Opinjoni kuntrarja tkun tfisser li l-muturi ta’ tfittxija jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-UE, konklużjoni li jien inqis bħala assurda. B’mod speċifiku, li kieku l-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet kellhom jiġu meqjusa bħala kontrolluri ta’ data personali fil-paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza, u jekk fuq xi waħda minn dawn il-paġni jkun hemm il-“kategoriji speċjali ta’ data” imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva (eż. data personali li tiżvela opinjonijiet politiċi jew twemmin reliġjuż, jew informazzjoni li tirrigwarda s-saħħa jew il-ħajja sesswali ta’ individwi), allura hekk kif il-kundizzjonijiet strinġenti stabbiliti f’dak l-artikolu ma jiġux osservati, l-attività tal-fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet awtomatikament issir illegali.

D –    Ċirkustanzi li fihom il-fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ikun “kontrollur”

91.      Huwa ċar li l-fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet jikkontrolla l-indiċi tal-mutur ta’ tfittxija li jqabbel il-kliem-prinċipali mal-indirizzi URL rilevanti. Il-fornitur tas-servizz jiddetermina kif għandu jiġi strutturat l-indiċi, u jista’ teknikament jibblokka ċerti riżultati tat-tfittxija, pereżempju billi fir-riżultati tat-tfittxija ma jurix l-indirizzi URL minn ċerti pajjiżi jew dominji (68). Barra dan, il-fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet jikkontrolla l-indiċi tiegħu fis-sens li jiddeċiedi jekk il-kodiċijiet tal-esklużjoni (69) fil-paġna tal-web l-oriġinali għandhomx jiġu osservati jew le.

92.      B’kuntrast ma’ dan, il-kontenut tal-memorja cache ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ma jistax jitqies illi jaqa’ taħt il-kontroll tal-fornitur tas-servizz, minħabba li l-cache huwa r-riżultat ta’ proċessi kompletament tekniċi u awtomatiċi li jipproduċu immaġni eżatta tad-data fil-forma ta’ test fuq il-paġni tal-web li jkun sar il-crawling fuqhom, bl-eċċezzjoni ta’ data li tkun ġiet eskluża mill-elenkar f’indiċi u mill-arkivjar. Huwa interessanti li xi Stati Membri jidhru li jipprovdu eċċezzjonijiet orizzontali speċjali fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ muturi ta’ tfittxija li huma analogi għall-eċċezzjoni prevista fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31 fir-rigward ta’ ċerti fornituri tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni (70).

93.      Madankollu, fir-rigward tal-kontenut cache, fl-opinjoni tiegħi, id-deċiżjoni li ma jiġux osservati l-kodiċijiet tal-esklużjoni (71) fuq paġna tal-web, tirrikjedi l-kontroll fuq din id-data personali fis-sens tad-Direttiva. L-istess japplika f’sitwazzjonijiet fejn il-fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ma jaġġornax paġna tal-web fil-cache tiegħu minkejja talba għal dan mis-sit tal-internet.

E –    L-obbligi, bħala “kontrollur”, ta’ fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet

94.      Huwa ċar li jekk u meta l-fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet jista’ jitqies bħala “kontrollur” huwa għandu josserva l-obbligi previsti mid-Direttiva.

95.      F’dak li jirrigwarda l-kriterji li għandhom x’jaqsmu mal-leġittimizzar tal-ipproċessar tad-data fl-assenza tal-kunsens ta’ suġġett tad-data (Artikolu 7(a) tad-Direttiva), jidher ċar li l-provvista ta’ servizzi ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet tipprova tikseb, fis-sens strett tal-kelma, interessi leġittimi (Artikolu 7(f) tad-Direttiva), jiġifieri (i) tagħmilha iżjed faċli għall-utenti tal-internet li jaċċessaw l-informazzjoni; (ii) tirrendi t-tixrid tal-informazzjoni ttrasferita għal fuq l-internet iżjed effettiva u (iii) tippermetti li jkun hemm diversi servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni pprovduti mill-fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet li huma anċillari għall-mutur ta’ tfittxija, bħal pereżempju l-provvista ta’ reklamar permezz tal-kliem-prinċipali. Dawn it-tliet għanijiet huma rispettivament relatati ma’ tliet drittijiet fundamentali mħarsa mill-Karta, jiġifieri l-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni (it-tnejn li huma jinsabu fl-Artikolu 11) u l-libertà tal-intrapriża (Artikolu 16). Għalhekk, fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ikun qed jinvolvi ruħu f’interessi leġittimi, fi ħdan l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva, meta jkun qed jipproċessa data li tkun saret disponibbli fuq l-internet, inkluż id-data personali.

96.      Bħala kontrollur, fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet għandu jirrispetta r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva. B’mod partikolari, id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-iskopijiet li għalihom tinġabar, għandha tkun aġġornata, iżda mhux li jkun għadda żmienha għall-għanijiet li għalihom tinġabar. Barra dan, għandhom jiġu meqjusa l-interessi tal-“kontrollur” jew ta’ partijiet terzi li fl-interess tagħhom ikun qed jiġi eżerċitat l-ipproċessar, u dawk tas-suġġett tad-data.

97.      Fil-proċeduri ewlenin, is-suġġett tad-data qed jitlob li jitneħħew mill-indiċi ta’ Google ismu u kunjomijietu li ġew elenkati f’indiċi fl-indirizzi URL tal-paġni tal-gazzetta li turi d-data personali li hu qed jipprova jneħħi. Fil-fatt, l-ismijiet ta’ persuni jintużaw bħala termini ta’ tfittxija, u dawn jiġu rrekordjati bħala kliem-prinċipali fl-indiċijiet tal-muturi ta’ tfittxija. Xorta waħda, isem waħdu normalment mhux biżżejjed biex persuna naturali tiġi direttament identifikata fuq l-internet, minħabba li mad-dinja kollha jkun hemm bosta, anki eluf jew miljuni ta’ persuni bl-istess isem jew kombinazzjoni ta’ isem/ismijiet u kunjom (72). Madankollu, nassumi li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-ikkombinar ta’ isem u kunjom bħala terminu ta’ tfittxija jippermetti l-identifikazzjoni indiretta ta’ persuna naturali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva, minħabba li r-riżultat tat-tfittxija fl-indiċi ta’ mutur ta’ tfittxija jiżvela sett limitat ta’ referenzi li jippermettu lill-utent tal-internet jiddistingwi bejn persuni bl-istess isem.

98.      L-indiċi ta’ mutur ta’ tfittxija jassenja ismijiet u identifikaturi oħra użati bħala terminu ta’ tfittxija, lil referenza jew referenzi tal-paġni tal-web. Fl-opinjoni tiegħi, billi r-referenza tkun adegwata fis-sens li d-data li tikkorrispondi għat-tfittxija tkun verament tidher jew verament dehret fuq il-paġni abbinati tal-web, l-indiċi jikkonforma mal-kriterji tal-adegwatezza, tar-rilevanza, tal-proporzjonalità, tal-akkuratezza u tal-kompletezza, kif stabbiliti fl-Artikolu 6(ċ) u 6(d) tad-Direttiva. F’dak li jirrigwarda l-aspetti taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 6(d) u 6(e) (meta d-data personali tkun aġġornata u mhux maħżuna għal iżjed milli huwa neċessarju), dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu ttrattati mill-aspett tal-ipproċessar inkwistjoni, jiġifieri l-provvediment ta’ servizz ta’ għodda ta’ informazzjoni, u mhux bħala kwistjoni relatata mal-materjal tal-paġni tal-web oriġinali (73).

F –    Konklużjoni dwar it-tieni grupp ta’ domandi

99.      Abbażi ta’ dan ir-raġunar, jien tal-fehma li awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-data ma tistax teżiġi li fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet jirtira l-informazzjoni mill-indiċi tiegħu ħlief fil-każijiet fejn il-fornitur tas-servizz ma jkunx osserva l-kodiċijiet tal-esklużjoni (74), jew meta talba ġejja mis-sit tal-internet li tirrigwarda aġġornament tal-memorja cache ma tkunx ġiet osservata. Din is-sitwazzjoni ma tidhirx li hi rilevanti għad-deċiżjoni preliminari preżenti. Il-possibbiltà ta’ “proċedura ta’ notifika u tneħħija” (75) fir-rigward tar-referenzi għall-paġni tal-web oriġinali li jkollhom fihom materjal illegali jew mhux xieraq, hija kwistjoni ta’ responsabbiltà ċivili tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bbażata fuq raġunijiet li ma humiex relatati mal-protezzjoni tad-data personali (76).

100. Għal dawn ir-raġunijiet nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni grupp ta’ domandi fis-sens li skont iċ-ċirkustanzi speċifikati fit-talba għal deċiżjoni preliminari, fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet “jipproċessa” id-data personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva. Madankollu, il-fornitur tas-servizz ma jistax jitqies bħala “kontrollur” tal-ipproċessar ta’ din id-data personali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva ħlief fl-eċċezzjoni spjegata iżjed ’il fuq.

VII – It-tielet domanda li tirrigwarda d-“dritt li jintesa” tas-suġġett tad-data

A –    Osservazzjonijiet preliminari

101. It-tielet domanda preliminari hija rilevanti biss jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-konklużjoni li jien wasalt għaliha iktar ’il fuq li skontha Google ġeneralment ma għandhiex titqies bħala “kontrollur” skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva, jew sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-affermazzjoni tiegħi li jeżistu każijiet fejn fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet bħalma hi Google, jista’ jitqies li għandu din il-pożizzjoni. Altrimenti, is-sezzjoni li ssegwi tkun superfluwa.

102. Fi kwalunkwe każ, permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti nazzjonali tistaqsi jekk id-drittijiet ta’ tħassir u tal-ibblokkar tad-data, skont kif previsti fl-Artikolu 12(b) tad-Direttiva, u d-dritt tal-oġġezzjoni, skont kif previst fl-Artikolu 14(a) tad-Direttiva, jistgħux ukoll jagħtu s-setgħa lis-suġġett tad-data li jikkuntattja huwa stess lill-fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet biex jipprevjeni l-elenkar f’indiċi tal-informazzjoni relatata miegħu personalment li tkun ġiet ippubblikata fuq il-paġni tal-web ta’ terzi persuni. Meta jagħmel hekk, is-suġġett tad-data jkun qiegħed jipprova jipprevjeni li l-utenti tal-internet isiru jafu b’xi informazzjoni potenzjalment preġudizzjali, jew jesprimi x-xewqa li l-informazzjoni titħassar b’mod permanenti, anki jekk l-informazzjoni inkwistjoni tkun ġiet legalment ippubblikata minn terzi persuni. Fi kliem ieħor il-qorti nazzjonali qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk “id-dritt li jintesa” jistax jiġi bbażat fuq l-Artikolu 12(b) u l-Artikolu 14(a) tad-Direttiva. Din hija l-ewwel kwistjoni li ser tiġi ttrattata fl-analiżi li ser issegwi, li ser tiġi bbażata fuq il-kliem u l-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

103. Jekk nasal għall-konklużjoni li l-Artikoli 12(b) u 14(a) tad-Direttiva, intrinsikament ma joffrux din il-protezzjoni, jien allura nkompli biex nikkontempla jekk din l-interpretazzjoni hijiex kompatibbli mal-Karta (77). Dan ikun jirrikjedi li jiġu kkunsidrati d-dritt tal-protezzjoni tad-data fl-Artikolu 8, id-dritt li tiġi rrispettata l-ħajja privata u tal-familja skont l-Artikolu 7, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif imħarsa mill-Artikolu 11 (it-tnejn li huma fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni tal-pubblikaturi tal-paġni tal-web u l-libertà tal-utenti tal-internet li jiksbu l-informazzjoni), u l-libertà tal-intrapriża skont l-Artikolu 16. Fil-fatt, ser ikun hemm bżonn li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 7 u 8 jiġu kkuntrastati mad-drittijiet imħarsa mill-Artikoli 11 u 16 ta’ dawk li jixtiequ jxerrdu jew jaċċessaw id-data.

B –    Id-drittijiet ta’ rettifika, tħassir, blokkar u oġġezzjoni skont kif previsti fid-Direttiva jammontaw għad-dritt ta’ suġġett tad-data “li jintesa”?

104. Id-drittijiet tar-rettifika, it-tħassir u l-ibblokkar tad-data kif previsti fl-Artikolu 12(b) tad-Direttiva jirrigwardaw data, li l-ipproċessar tagħha ma jkunx jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, b’mod partikolari minħabba n-natura inkompleta jew impreċiża tad-data (enfasi tiegħi).

105. Id-digriet tar-rinviju jirrikonoxxi l-fatt li l-informazzjoni li tidher fuq il-paġni tal-web inkwistjoni ma tistax titqies bħala inkompleta jew impreċiża. Inqas u inqas ma hu qed jiġi sostnut li jistgħu jiġu deskritti b’dan il-mod l-indiċi ta’ Google jew il-kontenut tal-cache tagħha li fih hemm din id-data. Għalhekk, id-drittijiet tar-rettifika, tat-tħassir jew tal-ibblokkar imsemmija fl-Artikolu 12(b) tad-Direttiva, ikunu pertinenti biss jekk Google tipproċessa d-data personali fuq paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza b’mod li jkun inkompatibbli mad-Direttiva għal raġunijiet oħra.

106. L-Artikolu 14(a) tad-Direttiva jorbot lill-Istati Membri jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt li meta jrid, ħlief fejn ikun ipprovdut mod ieħor mid-dritt nazzjonali, joġġezzjona abbażi ta’ raġunijiet leġittimi u konvinċenti relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għall-ipproċessar tad-data relatata miegħu. Dan japplika b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 7(e) u 7(f) tad-Direttiva, jiġifieri meta l-ipproċessar ikun neċessarju minħabba xi interess pubbliku jew għall-iskopijiet tal-interessi leġittimi tal-kontrollur jew ta’ partijiet terzi. Barra dan, skont l-Artikolu 14(a), jista’ jkun il-każ li “l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur” ma jkunx għadu jinvolvi d-data li tkun saret oġġezzjoni dwarha jekk l-oġġezzjoni tkun iġġustifikata.

107. Fis-sitwazzjonijiet fejn il-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet jiġu meqjusa bħala kontrolluri tal-ipproċessar ta’ data personali, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva jobbligahom iqisu l-interessi tal-kontrollur tad-data, jew tal-partijiet terzi li fl-interess tagħhom ikun qed jiġi eżerċitat l-ipproċessar, kontra dawk tas-suġġett tad-data. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ASNEF u FECEMD, jekk id-data inkwistjoni tidhirx diġà fis-sorsi pubbliċi jew le, hija ta’ rilevanza għal dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar (78).

108. Madankollu jidhirli li, kif diġà sostnew kważi l-partijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom f’din il-kawża, id-Direttiva ma tipprovdix għal dritt ġenerali li tintesa fis-sens li suġġett tad-data jkun intitolat jirrestrinġi jew itemm t-tixrid ta’ data personali li jikkunsidra li jkun ta’ dannu jew li jmur kontra l-interessi tiegħu. Huma l-għan tal-ipproċessar u l-interessi li jservi, meta mqabbla ma’ dawk tas-suġġett tad-data, il-kriterji li għandhom jiġu applikati meta d-data tiġi pproċessata mingħajr il-kunsens tas-suġġett, u mhux il-preferenzi soġġettivi ta’ dan tal-aħħar. Preferenza soġġettiva waħedha ma tammontax għal raġuni leġittima konvinċenti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva.

109. Anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għall-konklużjoni li l-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet huma responsabbli bħala kontrolluri, quod non, għad-data personali fuq paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza, is-suġġett tad-data xorta ma jkollux id-dritt assolut “li jintesa” li jista’ jiġi invokat kontra dawn il-fornituri tas-servizz. Madankollu, il-fornitur tas-servizz ikollu bżonn iqiegħed lilu nnifsu fil-pożizzjoni tal-pubblikatur tal-paġna tal-web oriġinali u jivverifika jekk it-tixrid tad-data personali fuq il-paġna jistax, f’dak il-mument, jitqies bħala legali u leġittimu għall-iskopijiet tad-Direttiva. Fi kliem ieħor, il-fornitur tas-servizz ikollu bżonn jabbanduna l-funzjoni intermedjarja tiegħu ta’ bejn l-utent u l-pubblikatur u jassumi r-responsabbiltà għall-materjal fil-paġna tal-web oriġinali, u meta jkun hemm bżonn, jiċċensura dan il-materjal billi jipprevjeni jew jillimita l-aċċess għalih.

110. Għall-fini tal-kompletezza huwa utli li wieħed jiftakar li l-Artikolu 17 tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta [Data] Ġenerali, jipprovdi għal dritt li jintesa. Madankollu, jidher li din il-proposta ntlaqgħet b’oppożizzjoni konsiderevoli, u ma tirrappreżentax kodifikazzjoni tal-liġi eżistenti, iżda innovazzjoni legali importanti. Għaldaqstant jidher li ma taffettwax ir-risposta mogħtija lid-domanda preliminari. Madankollu, huwa interessanti, li skont l-Artikolu 17(2) tal-proposta “[m]eta l-kontrollur [...] ikun għamel id-dejta personali pubblika, huwa għandu jieħu l-passi kollha raġonevoli [...] fir-rigward tad-dejta li l-kontrollur huwa responsabbli għall-pubblikazzjoni tagħha, sabiex jinforma lil partijiet terzi li qegħdin jipproċessaw din id-dejta, li suġġett tad-dejta jitlobhom biex iħassru kwalunkwe rabta ma’, jew kopja jew replika ta’ dik id-dejta personali”. Jidher li dan it-test iqis lill-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet iżjed bħala partijiet terzi milli bħala kontrolluri fil-kapaċità tagħhom.

111. Għalhekk nikkonkludi li l-Artikoli 12(b) u 14(a) tad-Direttiva ma jipprovdux għal dritt li jintesa. Jien issa ser nikkunsidra jekk din l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tikkonformax mal-Karta.

C –    Id-drittijiet fundamentali inkwistjoni

112. L-Artikolu 8 tal-Karta jiggarantixxi lil kulħadd id-dritt ta’ protezzjoni tad-data personali tiegħu. Din id-data għandha tiġi ttrattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha. L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.

113. Fl-opinjoni tiegħi dan id-dritt fundamentali, billi jikkostitwixxi dikjarazzjoni mill-ġdid tal-acquis tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan il-qasam, jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tad-data, iżda fis-sens strett tal-kelma ma jżidx xi elementi ġodda sinjifikattivi fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-Direttiva.

114. Skont l-Artikolu 7 tal-Karta kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Din id-dispożizzjoni, minħabba li fis-sustanza tagħha hija identika għall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (KEDB), għandha tiġi kkunsidrata meta jkunu qed jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva, li teżiġi li l-Istati Membri jipproteġu, b’mod partikolari, id-dritt tal-privatezza.

115. Niftakar li fil-kuntest tal-KEDB, l-Artikolu 8 tagħha jkopri wkoll kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali. Għal din ir-raġuni, u b’mod konformi mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 8 tal-KEDB hija rilevanti kemm għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll għall-applikazzjoni tad-Direttiva b’mod konformi mal-Artikolu 8 tal-Karta.

116. Fis-sentenza Niemietz, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonkludiet li l-attivitajiet professjonali u kummerċjali ta’ individwu jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħajja privata kif imħarsa taħt l-Artikolu 8 tal-KEDB (79). Dan l-approċċ ġie applikat fil-ġurisprudenza sussegwenti ta’ dik il-qorti.

117. Barra dan, fis-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert (80) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “[i]r-rispett tad-dritt tal-ħajja privata fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data personali, rikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jirrigwarda kull data [enfasi tiegħi] li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli [...] u [...] l-limitazzjonijiet li jistgħu leġittimament isiru għad-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali, jikkorrispondu għal dawk aċċettati fil-kuntest tal-Artikolu 8 tal-KEDB.”

118. Abbażi tas-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert nikkonkludi li, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar ta’ data personali, il-protezzjoni tal-ħajja privata skont il-Karta tkopri l-informazzjoni kollha relatata ma’ individwu irrispettivament minn jekk huwiex qiegħed jaġixxi fi sfera purament privata jew bħala operatur ekonomiku jew, pereżempju, bħala politikant. Fid-dawl tal-kunċetti wesgħin fid-dritt tal-UE fir-rigward tad-data personali u tal-ipproċessar tagħha, jidher li mill-ġurisprudenza msemmija hawn fuq jirriżulta li kull att ta’ komunikazzjoni li tutilizza mezzi elettroniċi u li tirrigwarda persuna naturali, bħal pereżempju t-telekomunikazzjoni, il-posta elettronika jew il-midja soċjali tikkostitwixxi, fis-sens strett tal-kelma, interferenza putattiva ta’ dak id-dritt fundamentali li tirrikjedi ġustifikazzjoni (81).

119. Fil-punt 75 ikkonkludejt li fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet huwa involut fl-ipproċessar ta’ data personali murija fuq il-paġni tal-web oriġinali ta’ parti terza. Għalhekk mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Volker und Markus Schecke u Eifert jirriżulta li, indipendentement minn kif jiġi kklassifikat ir-rwol tiegħu skont id-Direttiva, teżisti interferenza fid-dritt għall-privatezza tas-suġġetti tad-data inkwistjoni skont l-Artikolu 7 tal-Karta. Skont il-KEDB u l-Karta, kull interferenza għad-drittijiet imħarsa għandha tkun ibbażata fuq id-dritt u għandha tkun indispensabbli f’soċjetà demokratika. Fil-kawża preżenti ma aħniex qed nittrattaw interferenza minn awtoritajiet pubbliċi li għandhom bżonn ġustifikazzjoni, iżda l-kwistjoni tal-punt sa fejn tista’ tiġi ttollerata dik l-interferenza minn suġġetti fiżiċi. Il-limiti f’dan ir-rigward jinsabu stabbiliti fid-Direttiva, u huma għalhekk ibbażati fuq id-dritt, kif jesiġu l-KEDB u l-Karta. Għalhekk meta tiġi interpretata d-Direttiva, dan l-eżerċizzju jkun preċiżament jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-limiti stabbiliti fir-rigward tal-ipproċessar tad-data minn suġġetti fiżiċi fil-kuntest tal-Karta. Minn dan tqum il-kwistjoni dwar jekk hemmx l-obbligu pożittiv fuq l-UE u fuq l-Istati Membri li jinfurzaw, kontra fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet li jkunu suġġetti fiżiċi, id-dritt li jintesa (82). Dan konsegwentement iwassal għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ġustifikazzjoni tal-interferenza fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u r-relazzjoni mad-drittijiet konkorrenti tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u mad-dritt tal-libertà li jitwettqu attivitajiet kummerċjali.

D –    Id-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u d-dritt li jitwettqu attivitajiet kummerċjali

120. Il-kawża preżenti tirrigwarda, minn diversi perspettivi, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif imħaddna fl-Artikolu 11 tal-Karta, li jikkorrispondi mal-Artikolu 10 tal-KEDB. L-Artikolu 11(1) tal-Karta jistipula li “kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.” (83)

121. Id-dritt tal-utenti tal-internet li jfittxu u jiksbu l-informazzjoni disponibbli fuq l-internet huwa mħares mill-Artikolu 11 tal-Karta (84). Dan jirrigwarda kemm l-informazzjoni tal-paġni tal-web oriġinali kif ukoll l-informazzjoni pprovduta mill-muturi ta’ tfittxija tal-internet. Kif diġà semmejt, l-internet irrivoluzzjona l-aċċess għal u t-tixrid ta’ kull tip ta’ informazzjoni, u ppermetta forom ġodda ta’ komunikazzjoni u interazzjoni soċjali bejn l-individwi. Fl-opinjoni tiegħi, id-dritt fundamentali għall-informazzjoni jistħoqqlu protezzjoni speċjali mid-dritt tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tat-tendenza dejjem tikber ta’ reġimi awtoritarji f’postijiet oħra li jillimitaw l-aċċess għall-internet jew li jiċċensuraw materjal li jista’ jinkiseb minn fuqu (85).

122. Il-pubblikaturi tal-paġni tal-web igawdu mill-istess protezzjoni skont l-Artikolu 11 tal-Karta. It-tqegħid ta’ materjal fuq l-internet jammonta, fis-sens strett tal-kelma, għall-eżerċitar tal-libertà tal-espressjoni (86), b’mod partikolari meta l-pubblikatur ikun ikkollega l-paġna tiegħu ma’ paġni oħra u ma jkunx illimita l-elenkar f’indiċi jew l-arkivjar tagħha mill-muturi ta’ tfittxija, u allura jkun qed juri li hu jixtieq li l-materjal jixxerred b’mod estensiv. Il-pubblikazzjoni fuq il-web hi mezz li permezz tiegħu l-individwi jipparteċipaw f’dibattiti jew iqassmu l-materjal tagħhom jew materjal li jkun ġie ttrasferit għal fuq l-internet minn persuni oħra (87).

123. B’mod partikolari, it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tirrigwarda data personali ppubblikata fl-arkivji ta’ gazzetta. Fis-sentenza Times Newspapers Ltd vs Ir-Renju Unit (nri. 1 u 2), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem osservat li l-arkivji tal-internet jikkontribwixxu b’mod sostanzjali biex jippreservaw u jagħmlu disponibbli l-aħbarijiet u informazzjoni: “Dawn l-arkivji jikkostitwixxu sors importanti għall-edukazzjoni u għar-riċerka storika, b’mod partikolari minħabba li huma faċilment aċċessibbli għall-pubbliku u ġeneralment huma mingħajr ħlas. [...] Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati biex dawn ikunu jistgħu jiksbu bilanċ bejn id-drittijiet konkorrenti x’aktarx tkun ikbar fejn, iktar milli r-rapurtaġġ ta’ aħbarijiet kurrenti, ikunu kkonċernati l-arkivji tal-aħbarijiet ta’ ġrajjiet fl-imgħoddi. B’mod partikolari, id-dmir tal-istampa li taġixxi skont il-prinċipji ta’ ġurnaliżmu responsabbli billi tiżgura l-akkuratezza [enfasi tiegħi] tal-informazzjoni storika, iżjed milli tal-informazzjoni tranżitorja ppubblikata, x’aktarx li jkun iżjed strinġenti meta ma jkunx hemm urġenza biex jiġi ppubblikat il-materjal (88).” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

124. Il-fornituri kummerċjali tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet joffru s-servizzi ta’ lokazzjoni tal-informazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ attività kummerċjali bil-għan illi jagħmlu l-qligħ mir-reklamar permezz tal-kliem-prinċipali. Għalhekk din l-attività hija waħda kummerċjali, li l-libertà tagħha li titwettaq hija rrikonoxxuta taħt l-Artikolu 16 tal-Karta, bi qbil mad-dritt tal-UE u d-dritt nazzjonali (89).

125. Barra dan, għandu jitfakkar li ebda wieħed mid-drittijiet fundamentali inkwistjoni f’din il-kawża ma hu assolut. Dawn jistgħu jiġu limitati sakemm ikun hemm ġustifikazzjoni aċċettabbli fil-kuntest tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (90).

E –    Jista’ d-“dritt li jintesa” ta’ suġġett tad-data jinsilet mill-Artikolu 7 tal-Karta?

126. Fl-aħħar nett, huwa neċessarju li wieħed jikkunsidra jekk l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12(b) u 14(a) tad-Direttiva fid-dawl tal-Karta, u b’mod iżjed partikolari tal-Artikolu 7 tagħha, tistax twassal għar-rikonoxximent ta’ “dritt li jintesa” fis-sens imsemmi mill-qorti nazzjonali. Għall-ewwel, din il-konklużjoni ma tkunx tmur kontra l-Artikolu 51(2) tal-Karta minħabba li tkun tirrigwarda l-preċiżjoni tal-ambitu tad-dritt tal-aċċess u d-dritt ta’ oġġezzjoni tas-suġġett tad-data kif diġà rrikonoxxuti mid-Direttiva, u mhux il-ħolqien ta’ drittijiet ġodda jew it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE.

127. Fis-sentenza Aleksey Ovchinnikov (91), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem sostniet li “f’ċerti ċirkustanzi restrizzjoni fuq ir-riproduzzjoni ta’ informazzjoni li tkun diġà ddaħħlet fid-dominju pubbliku tista’ tiġi ġġustifikata, pereżempju biex ma jkomplix jitħalla x-xandir tad-dettalji tal-ħajja privata ta’ individwu li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ dibattitu politiku jew pubbliku dwar kwistjoni ta’ importanza ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-dritt fundamentali tal-protezzjoni tal-ħajja privata jista’ għalhekk fil-prinċipju jiġi invokat anki jekk l-informazzjoni inkwistjoni tkun diġà fid-dominju pubbliku.

128. Madankollu, id-dritt ta’ suġġett tad-data għall-protezzjoni tal-ħajja privata tiegħu għandha tiġi bbilanċjata ma’ drittijiet fundamentali oħra, b’mod partikolari mal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-informazzjoni.

129. Il-libertà tal-informazzjoni ta’ pubblikatur ta’ gazzetta tipproteġi d-dritt tiegħu li jippubblika mill-ġdid b’mod diġitali fuq l-internet il-gazzetti stampati tiegħu. Fil-fehma tiegħi, l-awtoritajiet, inklużi l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, ma jistgħux jiċċensuraw din il-pubblikazzjoni mill-ġdid. Is-sentenza The Times Newspapers Ltd vs Ir-Renju Unit (nri. 1 u 2) tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (92) turi li r-responsabbiltà tal-pubblikatur fir-rigward tal-akkuratezza ta’ pubblikazzjonijiet storiċi tista’ tkun iżjed strinġenti minn dawk fir-rigward tal-aħbarijiet kurrenti, u tista’ teħtieġ l-użu ta’ limitazzjonijiet addizzjonali xierqa fuq il-materjal ikkontestat. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi l-pubblikazzjoni mill-ġdid diġitali ta’ ħarġa ta’ gazzetta li jkollha fiha materjal differenti minn dak oriġinarjament ippubblikat fil-verżjoni stampata ma huwiex iġġustifikat. Dan ikun jikkostitwixxi falsifikazzjoni tal-istorja.

130. Il-problema tal-protezzjoni tad-data li tikkostitwixxi l-fattur ewlieni tat-tilwima preżenti titqajjem biss meta utent tal-internet jittajpja l-isem u l-kunjomijiet tas-suġġett tad-data fil-mutur ta’ tfittxija, u b’hekk jikseb ir-referenza għall-paġni tal-web tal-gazzetta li fihom l-avviżi kkontestati. F’sitwazzjoni bħal din l-utent tal-internet, għar-raġunijiet tiegħu, qiegħed b’mod attiv jutilizza d-dritt tiegħu li jikseb informazzjoni li tirrigwarda s-suġġett tad-data minn sorsi pubbliċi (93).

131. F’soċjetà tal-informazzjoni moderna, id-dritt li tfittex l-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet permezz ta’ muturi ta’ tfittxija hija waħda mill-iżjed mezzi importanti li bihom wieħed jista’ jeżerċita dan id-dritt fundamentali. Bla dubju, dan id-dritt ikopri d-dritt li wieħed ifittex informazzjoni relatata ma’ individwi oħra li hija, bħala prinċipju, mħarsa mid-dritt għall-ħajja privata, bħalma hi l-informazzjoni fuq l-internet li tirrigwarda l-attivitajiet ta’ individwu bħala negozjant jew politikant. Id-dritt għall-informazzjoni ta’ utent tal-internet jiġi kompromess jekk it-tfittxija tiegħu għall-informazzjoni ma tiġġenerax riżultati li jipprovdu riflessjoni vera tal-paġni tal-web rilevanti, iżda verżjoni “bowdlerizzata” (imnaddfa) (94) tagħha.

132. Meta jqiegħed fuq l-internet għodda ta’ lokazzjoni tal-informazzjoni li jutilizzaw mutur ta’ tfittxija, fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ikun qiegħed legalment jeżerċita kemm il-libertà tal-intrapriża tiegħu kif ukoll il-libertà tal-espressjoni.

133. Dan il-grupp ta’ drittijiet fundamentali relatati partikolarment kumplessi u diffiċli li tippreżenta din il-kawża, ma jippermettux li l-pożizzjoni legali tas-suġġett tad-data taħt id-Direttiva tissaħħaħ, jew li jiġi assoċjat magħha d-dritt li jintesa. Dan ikun jirrikjedi li jiġu ssagrifikati drittijiet kruċjali bħalma huma l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Nixtieq ukoll niskoraġġixxi l-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonkludi li dawn l-interessi kunfliġġenti jistgħu jiġu bbilanċjati b’mod sodisfaċenti f’każijiet individwali u każ b’każ, u bid-deċiżjoni mħollija f’idejn il-fornitur tas-servizz tal-mutur ta’ tfittxija. Huwa probabbli li dawn il-“proċeduri ta’ notifika u tneħħija”, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġihom, iwasslu jew għall-irtirar awtomatiku tar-referenzi għall-materjal li tkun saret oġġezzjoni dwaru, jew għal numru mhux maniġġabbli ta’ talbiet li jkollhom jiġu ttrattati mill-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet l-iżjed popolari u importanti (95). F’dan il-kuntest huwa neċessarju li wieħed jiftakar li l-“proċeduri ta’ notifika u tneħħija” imsemmija fid-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31 jirrigwardaw materjal illegali, filwaqt li f’din il-kawża qed nittrattaw talba biex tiġi mneħħija informazzjoni leġittima u legali li daħlet fl-isfera pubblika.

134. B’mod partikolari, il-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ma għandhomx jiġu mgħobbija b’dan l-obbligu. Dan ikun jinvolvi interferenza fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni tal-pubblikatur tal-paġna tal-web, li f’sitwazzjoni bħal din ma jkunx igawdi minn protezzjoni legali adegwata, minħabba li kull “proċedura ta’ notifika u tneħħija” hija kwistjoni privata bejn is-suġġett tad-data u l-fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija (96). Dan ikun jammonta għaċ-ċensura, minn persuna privata, tal-materjal ippubblikat tiegħu (97). L-obbligi pożittivi tal-Istati li jipprovdu rimedju effettiv kontra l-ksur, minn pubblikatur, tad-dritt tal-ħajja privata hija ħaġa kompletament differenti, li fil-kuntest tal-internet tkun tikkonċerna l-pubblikatur tal-paġna tal-web.

135. Kif osserva l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, huwa possibbli li l-obbligu sekondarju tal-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija skont id-dritt nazzjonali jista’ jwassal għal dmirijiet li jikkonsistu fl-ibblokkar tal-aċċess għal siti tal-internet ta’ parti terza li jkun fihom materjal illegali bħalma huma l-paġni tal-web li jiksru d-drittijiet tal-IP, jew li jesponu informazzjoni libelluża jew kriminali (98).

136. B’kuntrast ma’ dan, ma jista’ jiġi invokat kontrihom ebda dritt ġenerali li jintesa abbażi tad-Direttiva, lanqas meta din tiġi interpretata b’mod konsistenti mal-Karta.

137. Għal dawn ir-raġunijiet nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tielet domanda preliminari fis-sens li d-drittijiet ta’ tħassir u tal-ibblokkar, previsti fl-Artikolu 12(b), u d-dritt tal-oġġezzjoni previst fl-Artikolu 14(a) tad-Direttiva, ma jestendux għal dan id-dritt li jintesa kif deskritt fid-domanda preliminari.

VIII – Konklużjoni

138. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Audiencia Nacional:

1.      L-ipproċessar tad-data personali jitwettaq - fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ “stabbiliment” tal-kontrollur fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data - meta l-impriża li tipprovdi l-mutur ta’ tfittxija tal-internet tistabbilixxi fi Stat Membru, għall-iskopijiet li tippromwovi u tbigħ l-ispazju għar-reklamar fuq il-mutur ta’ tfittxija, uffiċċju jew kumpannija sussidjarja li jorjentaw l-attivitajiet tagħhom lejn min jgħix f’dak l-Istat.

2.      Fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet li l-mutur ta’ tfittxija tiegħu jsib informazzjoni ppubblikata jew imqiegħda fuq l-internet minn partijiet terzi, jelenkaha f’indiċi awtomatikament, jaħżinha temporanjament u fl-aħħar nett jagħmilha disponibbli għall-utenti tal-internet skont ordni ta’ preferenza partikolari, ikun qed “jipproċessa” d-data personali fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46, meta dik l-informazzjoni jkun fiha data personali.

Madankollu, fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet ma jistax jitqies bħala “kontrollur” tal-ipproċessar ta’ din id-data personali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, ħlief fir-rigward tal-materjal tal-indiċi tal-mutur ta’ tfittxija tiegħu, u sakemm il-fornitur tas-servizz ma jelenkax f’indiċi jew ma jarkivjax id-data personali kontra l-istruzzjonijiet jew it-talbiet tal-pubblikatur tal-paġna tal-web.

3.      Id-drittijiet tat-tħassir u tal-ibblokkar tad-data, previsti fl-Artikolu 12(b), u d-dritt tal-oġġezzjoni, previst fl-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46, ma jagħtux lis-suġġett tad-data d-dritt li jindirizza fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija sabiex jipprevjeni l-elenkar f’indiċi tal-informazzjoni li tirrigwarda lilu personalment, u li tkun ġiet ippubblikata legalment fuq paġni tal-web ta’ terzi persuni, billi jesprimi x-xewqa tiegħu li dik l-informazzjoni ma għandhomx isiru jafu biha l-utenti tal-internet meta huwa jkun jidhirlu li din tkun tippreġudikah jew meta huwa jkun jixtieq li din tintnesa.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2Harvard Law Review, Vol. IV, Nru 5, 15 ta’ Diċembru 1890.


3 –      Fil-fatt l-“internet” jikkonsisti f’żewġ servizzi, li huma l-World Wide Web u s-servizzi tal-posta elettronika. Filwaqt li l-internet, bħala netwerk ta’ kompjuters ikkollegati bejniethom, ilu jeżisti f’diversi forom għal xi ftit taż-żmien, minn meta beda bl-Arpanet (Stati Uniti), in-netwerk miftuħ u liberament aċċessibbli bl-indirizzi www u struttura b’kodiċi komuni beda biss fil-bidu tas-snin 90. Jidher li t-terminu storikament korrett huwa World Wide Web. Madankollu, minħabba l-użu kurrenti u l-għażliet terminoloġiċi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit-test segwenti l-kelma “internet” ser tinuża primarjament biex tirreferi għall-parti tan-netwerk li tirrigwarda l-World Wide Web.


4 – Il-post fejn jinsabu l-paġni tal-web huwa identifikat permezz ta’ indirizz individwali, il-“URL” (Identifikatur Uniformi tar-Riżorsi), sistema li nħolqot fl‑1994. Paġna tal-web tista’ tiġi aċċessata billi wieħed jittajpja l-URL fil-brawżer tal-web direttament, jew bl-għajnuna ta’ isem tad-dominju. Il-paġni tal-web iridu jiġu kkodifikati b’xi markup language. Il-HyperText Markup Language (HTML) hija l-markup language ewlenija li permezz tagħha jiġu kkreati l-paġni tal-web u informazzjoni oħra li tista’ tintwera fuq brawżer tal-web.


5 –      L-ambitu ta’ dawn it-tliet kwistjonijiet jinsab spjegat fl-informazzjoni segwenti (għalkemm ma humiex disponibbli l-figuri eżatti). L-ewwel nett ġie stmat li fuq l-internet jista’ jkun hemm iżjed minn 600 miljun sit tal-internet. Jidher li ġo dawn is-siti tal-internet hemm 40 biljun paġna tal-web. It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-muturi ta’ tfittxija, in-numru tagħhom huwa ħafna iżjed limitat: jidher li jeżistu inqas minn 100 mutur ta’ tfittxija importanti, u li bħalissa Google għandha sehem kbir minn dan f’bosta swieq. Jingħad li s-suċċess tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google huwa bbażat fuq web crawlers ta’ qawwa kbira, sistemi effiċjenti tal-elenkar f’indiċi u teknoloġija li tippermetti li r-riżultati tat-tfittxija jiġu rranġati skont ir-rilevanza tagħhom għall-utent (inkluż l-algoritmu PageRank ibbrevettat tagħhom), ara A. López‑Tarruella, “Introduction: Google Pushing the Boundaries of Law”, f’Google and the Law. Empirical Approaches to Legal Aspects of Knowledge‑Economy Business Models, Ed. A. López‑Tarruella, T.M.C, Asser Press, The Hague, 2012, pp. 1-8, p. 2. It-tielet nett, iżjed minn tliet kwarti tan-nies fl-Ewropa jużaw l-internet u minħabba li jużaw il-muturi ta’ tfittxija, id-data personali tagħhom, bħala utenti tal-muturi ta’ tfittxija tal-internet, tista’ tiġi kkumpilata u pproċessata mill-mutur ta’ tfittxija tal-internet użat.


6 – Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).


7 – Ara, b’mod ġenerali, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, Opinjoni 1/2008 dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data relatati mal-magni ta’ riċerka [tfittxija] (WP 148). F’dak li jirrigwarda l-utenti tal-mutur ta’ tfittxija tal-internet tagħha, il-politika ta’ privatezza ta’ Google tinsab taħt skrutinju mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data fl-Istati Membri. Din l-azzjoni hija mmexxija mill-Awtorità Franċiża tal-Protezzjoni tad-Data (is-CNIL). Għall-iżviluppi reċenti, ara l-ittra tas-16 ta’ Ottubru 2012 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 lil Google, li tista’ tinsab fuq is-sit tal-internet imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iżjed ’l isfel.


8 – Punt 19 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


9 – Fit-test li ġej il-frażi “mutur ta’ tfittxija tal-internet” tirreferi għall-kombinazzjoni ta’ softwer u tagħmir li jippermetti l-possibbiltà li ssir tfittxija ta’ test u kontenut awdjoviżiv fuq l-internet. Kwistjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-muturi ta’ tfittxija li joperaw fi ħdan dominju tal-internet (jew sit tal-internet) speċifiku, bħal pereżempju http://curia.europa.eu, ma humiex diskussi f’dawn il-Konklużjonijiet. L-operatur ekonomiku li jipprovdi għall-aċċess għal mutur ta’ tfittxija jissejjaħ “fornitur tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet”. Jidher li fil-kawża preżenti Google Inc. hija l-fornitur tas-servizz li jipprovdi l-aċċess għall-mutur ta’ tfittxija ta’ Google, kif ukoll għal bosta funzjonijiet ta’ tfittxija oħra bħalma huma maps.google.com u news.google.com.


10 – Is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01 Ġabra p. I‑12971).


11 –      Is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (Kawżi magħquda C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989).


12 – Is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, Ġabra p. I‑9831).


13 –      Is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (Kawżi magħquda C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063).


14 – Is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (Kawżi magħquda C‑236/08 sa C‑238/08, Ġabra p. I‑2417); is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Portakabin (C‑558/08, Ġabra p. I‑6963); is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra); is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra); u s-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger (C‑523/10).


15 –      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta [data] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta [data] (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta [Data] Ġenerali). COM (2012) 11 finali.


16 –      BOE Nru 298, 14 ta’ Diċembru 1999, p. 43088.


17 – Skont il-premessa 11 tagħha, il-“prinċipji tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li jinsabu f’din id-Direttiva, isostnu u jwessgħu dawk li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar, 1981, għall-Protezzjoni ta’ Individwi dwar l-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali”.


18–      Opinjoni 1/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “proċessur” (WP 169), p. 3, 4.


19 – Pereżempju, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising u Martinez (Kawżi magħquda C‑509/09 u C‑161/10, Ġabra p. I‑10269, punt 45).


20 – Gazzetta normalment tinkludi data personali bħalma huma ismijiet ta’ persuni naturali. Din id-data personali tiġi pproċessata meta tiġi kkonsultata b’mezzi awtomatiċi. Dan l-ipproċessar jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva sakemm ikun eżerċitat minn persuna naturali waqt attività purament personali jew privata. Ara l-Artikolu 2(a) u (b) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva. Barra dan, il-qari ta’ dokument karta jew it-turija ta’ stampi li għandhom fihom data personali wkoll jammonta għall-ipproċessar ta’ din id-data personali. Ara U. Dammann u S. Simitis, EG-Datenschutzrichtlinie, Nomos Verlagsgesellschaft, Baden-Baden, 1997, p. 110.


21 – Lindqvist, punti 67–70, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25 tad-Direttiva.


22 –      Dawn l-opinjonijiet jistgħu jinsabu fis-sit tal-internet http://ec.europa.eu/justice/data-protection/index_en.htm


23 – Il-muturi ta’ tfittxija tal-internet kontinwament jiżviluppaw u l-iskop hawnhekk huwa sempliċement li nagħti idea ġenerali tal-karatteristiċi l-iżjed importanti li huma rilevanti bħalissa.


24 –      Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


25 – Ara l-premessa 18 fil-preambolu, u l-Artikolu 2(a), tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31, flimkien mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).


26 –      Lindqvist, punti 25‑27.


27 – Kodiċi tal-esklużjoni kurrenti tipiku (jew robot exclusion protocol) jissejjaħ “robots.txt”; ara http://en.wikipedia.org/wiki/Robots.txt jew http://www.robotstxt.org/.


28 – Madankollu, l-kodiċijiet tal-esklużjoni teknikament ma jipprevjenux l-elenkar f’indiċi jew it-turija, iżda l-fornitur tas-servizz li jkun qed jopera mutur ta’ tfittxija jista’ jiddeċiedi li jinjorahom. Il-fornituri ewlenin tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet, inkluża Google, isostnu li josservaw dawn il-kodiċijiet li jinsabu fil-paġna tal-web oriġinali. Ara l-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 14.


29 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, K.U. v Il-Finlandja, nru 2872/02, (punt 43 u 48), QEDB 2008, fejn il-Qorti għamlet riferiment għall-eżistenza ta’ obbligi pożittivi intrinsiċi biex ikun hemm rispett effettiv għall-ħajja privata jew tal-familja. Dawn l-obbligi jistgħu jinvolvu l-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba biex jiksbu r-rispett għal ħajja privata anki fl-isfera tar-relazzjonijiet tal-individwi bejniethom. Fis-sentenza K.U. v. Il-Finlandja, l-Istat kellu obbligu pożittiv li jiżgura li kien hemm rimedju effettiv disponibbli kontra l-pubblikatur.


30 – Madankollu, l-internet ma huwiex bank tad-data enormi u uniku stabbilit mill-“Big Brother” iżda sistema diċentralizzata ta’ informazzjoni li toriġina minn numru kbir ta’ sorsi indipendenti fejn l-aċċessibbiltà u t-tixrid tal-informazzjoni tiddependi fuq servizzi intermedjarji li, fis-sens strett tal-kelma, ma jkollhomx x’jaqsmu mal-kontenut.


31 –      Ara, f’dan ir-rigward, il-Konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza L’Oréal et, punti 54 et seq.


32 –      Dan jikkorrispondi mat-tielet sitwazzjoni msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.


33 – Għal eżempju ta’ sistema ta’ reklamar bl-użu tal-kliem-prinċipali (AdWords ta’ Google) ara s-sentenza Google France u Google, punti 22 u 23; is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, BergSpechte (C‑278/08, Ġabra p. I‑2517, punti 5‑7); Portakabin, punti 8‑10; u s-sentenza Interflora u Interflora British Unit, punti 9-13.


34 –      Is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB. (C‑400/10 PPU, Ġabra P. I‑8965, punti 51 u 59); is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, Ġabra p. I‑11315, punti 71 u 72); is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, punt 78) u s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, punt 23).


35 –      Pereżempju, fis-sentenza McB., il-Qorti tal-Ġustizzja rreżistiet interpretazzjoni, li kienet qed tiġi sostnuta abbażi tal-Artikolu 7 tal-Karta, tad-“drittijiet tal-kustodja” fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), li kienet twessa’ t-tifsira tagħha. Naturalment, minkejja dan, jekk ikun impossibbli li tinterpreta dispożizzjoni leġiżlattiva tal-UE b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali mħarsa mid-dritt tal-UE, dik id-dispożizzjoni jkollha tiġi ddikjarata nulla. Ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test‑Achats et (C-236/09, Ġabra p. I‑773, punti 30-34).


36 – Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, Opinjoni 8/2010 dwar id-dritt applikabbli (WP 179), p. 8.


37 –      L-Opinjoni 8/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 24 u 31.


38 –      Artikolu 3(2)(a) tal-Proposta tal-Kummissjoni.


39 – L’Oréal et u d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31.


40 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42 ), is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (Kawżi magħquda C‑585/08 u C-144/09, Ġabra p. I‑12527) u s-sentenza Wintersteiger (iċċitata iktar ’il fuq). Ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pinckney (C‑170/12, li għadha pendenti).


41 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), u s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Donner (C-5/11).


42 – Din ir-referenza ma tispeċifikax x’inhu mfisser bi “iċ-ċentru ta’ gravità”, iżda din l-espressjoni ntużat mill-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-punti 32 u 55 tal-Konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza eDate Advertising u Martinez.


43 – L-Opinjoni 8/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 8 u 9. Il-Grupp ta’ Ħidma jindika wkoll li l-kelma “equipment” użata fil-verżjoni Ingliża tad-Direttiva hija dejqa wisq minħabba li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jużaw il-kelma “mezzi” li tkopri anki mezzi mhux materjali bħalma huma l-cookies (p. 20 u 21).


44 – Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 29 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 19, fejn huwa sostnut li, minkejja l-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva għandu japplika meta l-kontrolluri jkollhom l-istabbilimenti ġewwa l-UE iżda l-attivitajiet tagħhom ma jkunux relatati mal-ipproċessar tad-data personali kkonċernat.


45 – Ara s-sentenza Google France u Google, punt 23.


46 – Ara s-sentenza Google France u Google, punt 25, u l-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 5, 6. Huwa faċli li wieħed jivverifika li użu tal-istess kliem-prinċipali f’diversi dominji nazzjonali ta’ Google jista’ jattiva t-turija ta’ riżultati tat-tfittxija u reklami differenti.


47 – L-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 10.


48 – Ara wkoll l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva, li skontu data personali tfisser “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”. Fl-Opinjoni 4/2007 tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 jagħti bosta eżempji dwar il-kunċett ta’ data personali (WP 136). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija fis-sentenza Lindqvist, punti 24-27. Ara wkoll is-sentenza Österreichischer Rundfunk et, punt 64; is-sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, punti 35-37; is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C-524/06, Ġabra p. I‑9705, punt 43); is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C-553/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62); is-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C -461/10, punt 93); u s-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, punti 23, 55 u 56.


49      Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 ifakkar li “m’hemmx għalfejn li l-informazzjoni titqies bħala data personali li tinsab f’database strutturata jew f’fajl. Barra minn hekk, l-informazzjoni inkluża f’test liberu f’dokument elettroniku tista’ tikwalifika bħala data personali [...]”, ara l-Opinjoni 4/2007 (iċċitata iktar ’il fuq), p. 8.


50 – Jeżistu muturi ta’ tfittxija jew karatteristiċi ta’ muturi ta’ tfittxija li jiffokaw b’mod partikolari fuq id-data personali, li, fis-sens strett tal-kelma tista’ tkun identifikabbli minħabba l-forma tagħhom (pereżempju, numri tas-sigurtà soċjali) jew il-kompożizzjoni (sekwenzi ta’ sinjali li jikkorrispondu għal ismijiet u l-kunjomijiet). Ara l-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 14. Dawn il-muturi ta’ tfittxija jistgħu jqajmu kwistjonijiet partikolari dwar il-protezzjoni tad-data li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-Konklużjonijiet.


51 – Madankollu, l-hekk imsejħa paġni orfni mingħajr referenzi għal paġni oħra tal-web jibqgħu inaċċessibbli għall-mutur ta’ tfittxija.


52 – Il-paġni tal-web misjuba mill-crawler jiġu maħżuna fid-database tal-indiċi ta’ Google li tiġi rranġata alfabetikament skont it-terminu ta’ tfittxija, u fejn kull annotazzjoni fl-indiċi taħżen lista ta’ dokumenti li fihom jidher it-terminu kif ukoll il-post fit-test fejn dan iseħħ. Ċerti kliem bħal artikli, pronomi u avverbji komuni jew ċerti numri waħedhom u ittri waħedhom ma humiex elenkati f’indiċi. Ara http://www.googleguide.com/google_works.html.


53 – Dawn il-kopji (l-hekk imsejħa “immaġnijiet statiċi”) ta’ paġni tal-web maħżuna fil-cache ta’ Google jikkonsistu biss f’kodiċi HTML, u mhux f’immaġnijiet li għandhom jiġu ttrasferiti mil-lok oriġinali. Ara M. Peguera, “Copyright Issues Regarding Google Images and Google Cache”, f’Google and the Law, p. 169–202, f’p. 174.


54 – Il-fornituri tas-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet normalment jippermettu lill-amministraturi tas-siti tal-internet jitolbu li jsir aġġornament tal-kopja tal-paġna tal-web li tinsab fil-cache. L-istruzzjonijiet dwar kif jista’ jsir dan jinsabu fuq il-Webmaster Tools page ta’ Google.


55 – Jidher li, ħlief għall-Ingliż, il-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva, bħalma huma l-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol, l-Iżvediż u l-Olandiż, isemmu entità “responsabbli” għall-ipproċessar tad-data, u mhux kontrollur. Xi wħud mill-verżjonijiet lingwistiċi, bħalma huma l-Finlandiż u l-Pollakk jużaw kliem iżjed newtrali (“rekisterinpitäjä” bil-Finlandiż; “administrator danych” bil-Pollakk).


56 – Lindqvist, punt 68.


57–      L-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 14, nota ta’ qiegħ il-paġna 17. Skont l-Opinjoni, ir-rwol tal-utenti jaqa’ tipikament barra l-ambitu tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data bħala “attività purament personali”. Fl-opinjoni tiegħi din il-preżunzjoni ma hijiex plawżibbli. Ġeneralment, l-utenti tal-internet jużaw il-muturi ta’ tfittxija anki fir-rigward ta’ attivitajiet li ma humiex purament personali, bħalma huwa l-użu għal skopijiet ta’ xogħol, studju, kummerċ jew attivitajiet tat-tielet settur.


58 – Fl-Opinjoni 4/2007 tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 jagħti bosta eżempji ta’ kunċett ta’ data personali u l-ipproċessar tagħha, kif ukoll tal-kunċett tal-kontrollur, u jidhirli li din il-kundizzjoni ġiet issodisfatta fl-eżempji kollha ppreżentati.


59 – L-Opinjoni 1/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (iċċitata iktar ’il fuq), p. 9.


60Ibidem, p. 14.


61 – Dammann u Simitis (p. 120) josservaw li l-ipproċessar b’mezzi awtomatiċi ma għandux jirrigwarda biss il-mezz li fuqu tiġi rrekordjata d-data (Datenträger), iżda jirrigwarda wkoll id-data fid-dimensjoni semantika jew sostantiva tagħha. Fil-fehma tiegħi huwa kruċjali li d-data personali tkun skont l-“informazzjoni” gwida, jiġifieri li tkun tikkostitwixxi materjal semantikament rilevanti.


62 – Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 14.


63 – Lindqvist, punt 27.


64 – Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, punt 37.


65 – Opinjoni 1/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 4 u 9.


66 – Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 14.


67 – L-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 14, madankollu żżid li l-punt sa fejn huwa għandu l-obbligu li jneħħi jew jibblokka d-data personali jista’ jiddependi fuq ir-regolamenti ġenerali tad-dritt delittwali u tar-responsabbiltà tal-Istat Membru partikolari. F’uħud mill-Istati Membri d-dritt nazzjonali jipprovdi għal proċeduri ta’ “notifika u tneħħija” li jridu jiġu segwiti mill-fornitur ta’ servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tal-internet sabiex jevita r-responsabbiltà.


68 –      Skont wieħed mill-awturi dan l-iffiltrar isir minn Google fi kważi l-pajjiżi kollha, pereżempju f’dak li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali. Barra dan, fl-Istati Uniti ġiet iffiltrata l-informazzjoni kruċjali għax-Xjentoloġija. Fi Franza u fil-Ġermanja, Google qiegħda tiffiltra r-riżultati ta’ tfittxijiet relatati ma’ “is-suvenirs tan-Nażi, dawk li jiċħdu l-Olokawst, dawk li jiddefendu r-razza tal-bojod u s-siti li jagħmlu propaganda kontra l-ordni kostituzzjonali demokratika”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għal iżjed eżempji dwar dan ara D. Friedmann, “Paradoxes, Google and China: How Censorship can Harm and Intellectual Property can Harness Innovation”, Google and the Law, p. 303‑327, f’p. 307.


69 – Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70 – L-Ewwel Rapport dwar l-applikazzjoni tad-[Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku 2000/31], COM (2003)702 finali, p. 13, nota ta’ qiegħ il-paġna 69, u l-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 13, nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


71 – Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.


72 – Il-kapaċità ta’ isem personali li jidentifika persuna naturali tiddependi mill-kuntest. Isem komuni mhux bilfors jindividwalizza persuna fuq l-internet, iżda bla dubju, jista’ jagħmel dan pereżempju fil-kuntest ta’ klassi ġewwa skola. Fl-ipproċessar ikkomputerizzat ta’ data personali, persuna normalment tingħata identifikatur uniku sabiex tiġi evitata l-konfużjoni bejn żewġ persuni. Eżempji tipiċi ta’ dawn l-identifikaturi huma n-numri tas-sigurtà soċjali. F’dan ir-rigward ara l-Opinjoni 4/2007 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 13 u l-Opinjoni 1/2008 p. 9, nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


73 –      Madankollu, huwa interessanti illi wieħed jinnota li fil-kuntest ta’ data maħżuna minn aġenziji tal-Gvern, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreċiżat li “id-dritt nazzjonali għandu notevolment jiżgura li, fir-rigward tal-iskop li għalih tkun qed tiġi maħżuna, din id-data tkun rilevanti u mhux eċċessiva; u ppreżervata f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iżjed miż-żmien meħtieġ għall-iskop li għalih dik id-data tkun ġiet maħżuna”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara S. and Marper v. Ir-Renju Unit, nri 30562/04 u 30566/04, punt 103, QEDB 2008; ara wkoll Segerstedt‑Wiberg et vs L-Isvezja, nru. 62332/00, punt 90, QEDB 2006‑VII). Madankollu, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet ukoll, fil-kuntest tal-Artikolu 10 tal-QEDB, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, “il-kontribut konsiderevoli tal-arkivji tal-internet biex jippreżervaw u jirrendu aċċessibbli l-aħbarijiet u l-informazzjoni” (Times Newspapers Ltd vs Ir-Renju Unit (nri. 1 u 2), nri. 3002/03 u 23676/03, punt 45, QEDB 2009).


74 – Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.


75 – Ara l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.


76–      L-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 14.


77 – Dan kien l-approċċ żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza McB., punti 44 u 49.


78 – Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, ASNEF u FECEMD (Kawżi magħquda C‑468/10 u C‑469/10, Ġabra p. I‑12181, punti 44, 45). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem innotat li l-pubblikazzjoni tad-data personali f’postijiet oħra tannulla l-interess superjuri tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità, ara s-sentenza Aleksey Ovchinnikov vs Ir‑Russja, nru. 24061/04, punt 49, 16 ta’ Diċembru 2010.


79 – Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; Niemietz vs Il-Ġermanja, 16 ta’ Diċembru 1992, punt 29, Serje A nru. 251‑B; Amann vs L-Isvizzera [QĠ], nru. 27798/95, punt 65, QEDB 2000‑II; u Rotaru vs Ir-Rumanija [QĠ], nru. 28341/95, punt 43, QEDB 2000 V.


80 –      Punt 52 tas-sentenza.


81 – B’kuntrast ma’ dan, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem astjeniet milli tagħti definizzjoni ta’ ħajja privata f’termini pożittivi. Skont dik il-Qorti, il-kunċett ta’ ħajja privata huwa wieħed wiesa’, li ma huwiex predispost għal definizzjoni eżawrjenti (ara s-sentenza Costello‑Roberts vs Ir-Renju Unit, 25 ta’ Marzu 1993, punt 36, Serje A Nru. 247‑C).


82 – Dwar l-obbligi pożittivi tal-Istat li jaġixxi b’mod li jipproteġi l-privatezza, meta din tkun qed tiġi miksura minn atturi fis-settur privat, u dwar il-bżonn li dan l-obbligu jiġi bbilanċjat fil-konfront tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni ta’ dawn tal-aħħar, ara pereżempju, Von Hannover vs Il-Ġermanja, nru. 59320/00, QEDB 2004–VI, u Ageyevy vs Ir-Russja, nru 7075/10, 18 ta’ April 2013.


83 – Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; Handyside vs Ir-Renju Unit, 7 ta’ Diċembru 1976, punt 49, Serje A, nru 24; Müller et vs L-Isvizzera, 24 ta’ Mejju 1988, punt 33, Serje A nru. 133; Vogt vs Il-Ġermanja, 26 ta’ Settembru 1995, punt 52, Serje A nru 323; u Guja vs Il-Moldova [QĠ], nru. 14277/04, punt 69, QEDB 2008. Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 39) u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, punt 38.


84 –      Is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM vs Netlog (C‑360/10, punt 48).


85 – Ir-Rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, tar-Relatur Speċjali, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt tal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, Frank La Rue (Dokument A/HRC/17/27), tas-16 ta’ Mejju 2011.


86 –      Is-sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, punt 60.


87 –      Għandu jitfakkar hawn li l-eċċezzjoni fir-rigward tal-ġurnaliżmu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva “ma [tapplikax] biss għall-mezzi tal-komunikazzjoni iżda wkoll għall-persuni kollha li jiżvolġu attività ġurnalistika”, ara s-sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, punt 58.


88 –      Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; Times Newspapers Ltd (nri. 1 u 2), punt 45.


89 – Is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, Ġabra p. I‑11959, punt 46) u s-sentenza SABAM vs Netlog, punt 44.


90 – Ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (Kawżi magħquda C‑317/08 sa C‑320/08, Ġabra p. I‑221, punt 63), fejn ġie sostnut li “minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jwasslu għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali sabiex jintlaħqu l-miżuri inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, Ġabra p. I‑5431, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Fogarty vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, tal-21 ta’ Novembru 2001, Nru 37112/97, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2001-XI, § 33)”.


91 – Punt 50 tas-sentenza.


92 – Iċċitata iktar ’il fuq.


93 –      Dwar id-dritt għall-ksib tal-informazzjoni ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Observer and Guardian vs Ir-Renju Unit, tas-26 ta’ Novembru 1991, punt 60, Serje A nru. 216, u Timpul Info‑Magazin u Anghel vs Il-Moldova, nru. 42864/05, punt 34, tas-27 ta’ Novembru 2007.


94 – Thomas Bowdler (1754–1825) ippubblika verżjoni mnaddfa tax-xogħlijiet ta’ William Shakespeare biex tkun iżjed xierqa, mill-verżjoni oriġinali, għan-nisa u t-tfal tad-19-il seklu.


95 – SABAM vs Netlog, punti 45‑47.


96 –      Il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża L’Oréal et, punt 155.


97 –      SABAM vs Netlog, punti 48 u 50.


98 –      L-Opinjoni 1/2008 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, p. 14 u 15.