Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-31 ta' Jannar 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tad-Dublin Metropolitan District Court - l-Irlanda) - Denise McDonagh vs Ryanair Ltd

(Kawża C-12/11) 

(Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Kunċett ta' 'ċirkostanzi straordinarji' - Obbligu ta' assistenza lill-passiġġieri fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira minħabba 'ċirkostanzi straordinarji' - Eruzzjoni ta' vulkan li twassal għall-għeluq tal-ispazju tal-ajru - Eruzzjoni tal-vulkan Islandiż Eyjafjallajökull)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Dublin Metropolitan District Court

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Denise McDonagh

Konvenuta: Ryanair Ltd

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Dublin Metropolitan District Court - Interpretazzjoni u validità tal-Artikoli 5 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10) - Kunċett ta' "cirkostanzi straordinarji" fis-sens tar-Regolament - Portata - Kanċellazzjoni tat-titjira minħabba l-għeluq tal-ispazju tal-ajru Ewropew ikkawżat mill-eruzzjoni tal-vulkan Islandiż Eyjafjallajokull

Dispożittiv

1)    L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħalma huma l-għeluq ta' parti mill-ispazju tal-ajru Ewropew wara l-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull jikkostitwixxu "ċirkostanzi straordinarji" fis-sens ta' dan ir-regolament li ma jeżentawx lit-trasportaturi tal-ajru mill-obbligu tagħhom ta' assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004.

2)    L-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira minħabba "ċirkostanzi straordinarji" li jkollhom l-istess tul bħalma kellha dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta' assistenza lill-passiġġieri tal-ajru previst f'dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi sodisfatt, u dan mingħajr ma hija effettwata l-validità ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Madankollu, passiġġier tal-ajru jista' jikseb biss, bħala kumpens minħabba n-nuqqas ta' osservanza mit-trasportatur tal-ajru tal-obbligu tiegħu ta' assistenza previst fl-Artikoli 5(1)(b) u 9 tar-Regolament Nru 261/044, ir-rimbors tas-somom li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull każ, jirriżultaw neċessarji, xierqa u raġonevoli sabiex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas tat-trasportatur tal-ajru li jassisti lil dan il-passiġġier, u dan huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa.

____________

1 - ĠU C 80, 12.03.2011