Language of document : ECLI:EU:C:2011:268

Kawża C-61/11 PPU

Proċeduri kriminali

kontra

Hassen El Dridi, sive Soufi Karim

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Trento)

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari — Artikoli 15 u 16 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi piena ta’ priġunerija għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari f’każ ta’ rifjut li tiġi obduta ordni ta’ tluq mit-territorju ta’ Stat Membru — Kompatibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2008/115, Artikoli 15 u 16)

Id-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ piena ta’ priġunerija għal ċittadin ta’ pajjiż terz b’residenza irregolari sempliċement minħabba l-fatt li dan, bi ksur ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju ta’ dan l-Istat f’terminu determinat, baqa’ fl-imsemmi territorju, mingħajr motivazzjoni ġustifikata.

Fil-fatt, tali piena, minħabba b’mod partikolari l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha, tirriskja li tikkomprometti t-twettiq tal-għan intiż minn din id‑direttiva, jiġifieri l-adozzjoni ta’ politika effettiva ta’ ripatrijazzjoni u ta’ tneħħija taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari.

(ara l-punti 59, 62 u d-dispożittiv)