Language of document : ECLI:EU:C:2009:651

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà ta’ stabbiliment – Direttiva 96/96/KE – Leġizlazzjoni nazzjonali – Kundizzjonijiet għal aċċess restrittivi għall-attività ta’ testijiet ta’ vetturi – Artikolu 45 KE – Attivitajiet konnessi mal-eżerċizzju tal‑awtorità pubblika – Sigurtà fit-toroq – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑438/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-3 ta’ Ottubru 2008,

Il‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u M. Teles Romão, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil‑Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir‑Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes u A. Pereira de Miranda, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, aġent President tar-Raba’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti,

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi timponi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ korpi ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jeżerċitaw fil-Portugall l‑attività ta’ testijiet ta’ vetturi, b’mod partikolari permezz tar-rekwiżit li l-għoti tal-awtorizzazzjoni għandu jkun fl-interess pubbliku, tar-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100 000, tal-limitazzjoni tal-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni ta’ dawn l-impriżi u tal‑impożizzjoni ta’ regoli ta’ inkompatibbiltà fuq is-soċji, il-maniġers u d‑diretturi tagħhom, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikolu 43 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        It-tlieta u tletin premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq (ĠU 1997, L 46, p. 1) tiddisponi:

“[…]il-miżuri Komunitarji previsti f’din id-Direttiva huma necessarji biex tkun akkwistata l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar testijiet tal‑kondizzjoni tal-vetturi għas-sewqan, biex tkun ipprevenuta d‑distorzjoni tal‑kompetizzjoni bejn il‑hauliers tat-triq u jkun garantit l‑eżami kif suppost u l-manutenzjoni tal-vetturi; […]”

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 96/96 jipprevedi:

“F'kull Stat Membru, il-vetturi bil-mutur irreġistrati f'dak l-Istat u l-karrijiet u s-semikarrijiet tagħhom għandhom jgħaddu minn testijiet perjodiċi tal-kondizzjoni tajba għas-sewqan skond din id-Direttiva […]”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“It-testijiet tal-kondizzjoni tajba għas-sewqan previsti f'din id-Direttiva għandhom jitwettqu mill-Istat, jew minn korp pubbliku mogħti x-xogħol mill-Istat jew minn korpi jew stabbilimenti maħtura u direttament immexxija mill-Istat, inklużi korpi privati awtorizzati kif dovut. B'mod partikolari, meta stabbilimenti maħtura bħala ċentri ta' testing tal-vetturi jistgħu ukoll iwettqu tiswijiet fuq vetturi bil-mutur, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jassiguraw l-objettività u l-kwalità għolja tat-testing tal-vettura.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Digriet-Liġi Nru 550/99, tal-15 ta’ Diċembru 1999, dwar l-attività ta’ testijiet tal-kundizzjoni tal-vetturi bil-mutur għas-sewqan (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi”):

“1.      L-awtorizzazzjoni għall-attività ta’ testijiet tal-vetturi tingħata b’deċiżjoni tal-Ministru tal-Intern, fuq proposta mid-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku, lil persuni ġuridiċi, nazzjonali jew barranin, sakemm, f’dan l-aħħar każ, dawn ikunu stabbiliti regolarment fit‑territorju nazzjonali.

2.      Id-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku jista’ jissottometti l‑proposta prevista fil-paragrafu preċedenti biss jekk l-interess pubbliku għat-twettiq tat-testijiet jiġġustifika l-għoti tal-imsemmija awtorizzazzjoni.”

6        Peress li d-Direttorat Ġenerali tat-Traffiku ma baqax jeżisti matul dan il-perijodu, il‑kompetenzi tiegħu fil-qasam tat-testijiet tal-vetturi ġew assenjati lill-Istitut Pubbliku għall-Mobilità u t-Trasport tal-Art.

7        L-Artikolu 6 tad-Digriet-Liġi jiddisponi:

“1.      L-entitajiet li jippreżentaw studju li juri l-vijabbiltà u li jiġġustifika r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-ftuħ u l-ġestjoni t-tajba taċ-ċentri tat-testijiet huma meqjusa bħala li għandhom il-kapaċitajiet tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji neċessarji.

2.      Il-portata u l-istruttura tal-istudju, kif ukoll l-indikaturi tal‑kapaċità finanzjarja previsti fil-paragrafu preċedenti huma definiti permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Intern.”

8        Abbażi tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi Digriet-Liġi, ġie stabbilit id-Digriet Nru 1165/2000, tad-9 ta’ Diċembru 2000, li japprova r-regolament tas‑sejħa għal offerti pubblika għat-twaqqif ta’ ċentri tat-testijiet tal-vetturi (iktar ’il quddiem id-“Digriet”), li l-paragrafu 1 tiegħu jiddisponi:

“L-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-attività ta’ testijiet ta’ vetturi jiddependi fuq il-verifika tal-kapaċità teknika, ekonomika u finanzjarja prevista fl-Artikoli 4 u 6 tad-Digriet-Liġi Nru 550/99 tal-15 ta’ Diċembru 1999, abbażi tal‑preżentazzjoni mill-interessat, tad-dokumenti li ġejjin:

[…]

e) Dokument li jiċċertifikaw li l-interessat għandu l-kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100 000, jew l-ekwivalenti tiegħu f’escudos […].”

9        L-Artikolu 7 tad-Digriet-Liġi jipprevedi:

“Mhumiex awtorizzati sabiex jeżerċitaw l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi l‑entitajiet li jinsabu f’waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a) l-għan tagħhom li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni mhuwiex limitat biss għall-attività ta’ testijiet ta’ vetturi;

b) is-soċji, il-maniġers jew id-diretturi tagħhom huma involuti fil‑manifattura, fit-tiswija, fil-kiri, fl-importazzjoni jew fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ vetturi, ta’ komponenti jew ta’ aċċessorji, jew fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet tat-trasport.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

10      Peress li kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi kundizzjonijiet għall‑kisba tal-awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata l-attività tal-testijiet ta’ vetturi tqajjem kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà mal-prinċipju tal‑libertà ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikolu 43 KE, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE u bagħtet lir‑Repubblika Portugiża ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Ottubru 2005.

11      Wara li kisbet estensjoni tat-terminu għar-risposta sat-18 ta’ Frar 2006, ir‑Repubblika Portugiża rrispondiet permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2006. Peress li baqgħet tal-fehma, wara din ir-risposta, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkonforma mal-Artikolu 43 KE, il‑Kummissjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2006, bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru li biha stiednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn mill-jum li fiha rċevieha.

12      L-ewwel nett, ir-Repubblika Portugiża rrispondiet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2007, fejn indikat li abbozz ta’ test leġiżlattiv li jemenda d-Digriet-Liġi kien ġiet fformulat sabiex jitneħħew id‑dispożizzjonijiet kkritikati. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2008, hija ddikjarat li l-imsemmija proċedura ta’ reviżjoni kellha tintemm qabel l‑aħħar ta’ Jannar 2008, imbagħad, f’ittra tad-19 ta’ Mejju 2008, li din kienet qed tiġi ffinalizzata. Peress li ma setgħetx tikkonkludi li l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tkun konformi mal-Artikolu 43 KE ittieħdu, il‑Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

13      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-klawżola ta’ eċċezzjoni li hemm fl‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, invokata mir-Repubblika Portugiża sabiex tistabbilixxi l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tagħha mal-Artikolu 43 KE mhijiex applikabbli f’dan il-każ.

14      Minn naħa, l-eċċezzjoni bbażata fuq l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika tista’ tiġi invokata biss fir-rigward ta’ miżuri diskriminatorji, filwaqt li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni tapplika kemm għall-entitajiet nazzjonali kif ukoll bħala entitajiet barranin. Min-naħa l-oħra, din l‑eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett u l-applikazzjoni tagħha limitata għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

15      Issa, ir-Repubblika Portugiża kienet kkonfermat fir-risposta tagħha għall‑ittra ta’ intimazzjoni li t-testijiet ta’ vetturi kienu attivitajiet ekonomiċi u li r‑responsabbilità tal-istabbilimenti ta’ testijiet għall-ħsarat ikkawżati matul jew wara test kienet taqa’ taħt id-dritt privat. Il-ħruġ ta’ rapport ta’ test jew ta’ tikketta sabiex tiġi esposta ma jikkostitwixxix prova tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Il‑fatt li jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet għal nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fuq t-testijiet ta’ vetturi lanqas ma jista’ jkun rilevanti. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet tal-pulizija jew dawk ġudizzjarji, peress li l-impriżi ta’ testijiet m’għandhom l-ebda setgħa ta’ impożizzjoni.

16      Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet għall-ksib tal‑awtorizzazzjoni li tiġi eżerċita l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li hija inkompatibbli mal-Artikolu 43 KE. Fl-ewwel lok, ir-rekwiżit, kif previst fl-Artikolu 3(2) tad-Digriet-Liġi, li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet il-ġodda għandhom ikunu fl-interess pubbliku, jissuġġetta l-persuni ġuridiċi ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jeżerċitaw din l-attività fil-Portugall għas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Għaldaqstant, din il‑leġiżlazzjoni ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tkun iġġustifikata, sistema ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi minn qabel għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa minn qabel, b’mod li jiġi limitat l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali.

17      Il-kriterju tal-interess pubbliku, barra minn hekk, ma jistax ikun iġġustifikat minn motivi ta’ protezzjoni tas-sigurtà fit-toroq, peress li l‑Kummissjoni f’dan ir‑rigward speċifikat li l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità mhijiex sodisfatta. Fil-fatt, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-funzjonament ta’ ċentri ta’ testijiet, is-sistema nazzjonali inkwistjoni mhijiex adegwata sabiex tiżgura l-kisba ta’ dan l‑għan. Barra minn hekk, l-għoti tal‑awtorizzazzjoni skont il-kriterju inċert tal-interess pubbliku jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tas‑sigurtà fit‑toroq.

18      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 6(1) tad‑Digriet-Liġi, moqri flimkien mal-Artikolu 1(e) tad-Digriet, ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100 000 jipprekludi, skont is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-171/02, Ġabra p. I‑5645, punt 54), operatur Komunitarju li għandu kapital baxx milli jistabbilixxi ruħu fit-territorju Portugiż. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-argumenti tar-Repubblika Portugiża li dan ir‑rekwiżit huwa maħsub biex jiżgura s-solvibbiltà finanzjarja ta’ entitajiet awtorizzati ma humiex validi. Fil-fatt hemm mezzi inqas restrittivi għall-protezzjoni tal‑kredituri, bħalma huma l-kostituzzjoni ta’ garanzija jew sottoskrizzjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

19      Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 7(a) tad-Digriet-Liġi, li jillimita l‑għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni tal-impriżi ta’ testijiet ta’ vetturi għal din l‑attività biss, lanqas m’hu kompatibbli mal-Artikolu 43 KE. Fil-fatt, l-operaturi li jipprovdu legalment servizzi oħra fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom huma mġegħla, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw l‑attività tagħhom fil-Portugall, li jibdlu l-għan tal-impriża li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni, kif ukoll l‑istruttura interna tagħhom. L-għan tas-sigurtà fit-toroq ma jistax jiġi invokat, peress li d-dispożizzjoni inkwistjoni mhijiex adegwata sabiex jintlaħaq dan l-għan u li l-kwalità tat-testijiet tista’ tiġi żgurata permezz ta’ proċeduri ta’ kontroll tal-kwalità. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal‑għan li jiġu minimizzati t-testijiet frawdolenti, il-Kummissjoni tosserva li n-natura frawdolenti tat-testijiet ma tistax tiġi sempliċement preżunta fil-każ ta’ eżerċizzju ta’ attivitajiet relatati u li r‑riskju ta’ dawn it-testijiet ma jeżistix fil-każ ta’ attivitajiet mhux relatati mat-testijiet ta’ vetturi. Barra minn hekk, jistgħu jittieħdu miżuri inqas restrittivi.

20      Il-Kummissjoni ssostni, fir-raba’ lok, li r-regoli ta’ inkompatibbiltà imposti fuq is-soċji, il-maniġers u d-diretturi ta’ stabbilimenti ta’ testijiet ta’ vetturi, skont l-Artikolu 7(b) tad‑Digriet‑Liġi, jista’ jkollhom effetti restrittivi simili peress li jobbligaw lill-operaturi diġà legalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li jwettqu attivitajiet oħra, li jbiddlu l-istruttura interna tagħhom, li jisseparaw mis-soċji jew li ma jkomplux bl-attivitajiet inkompatibbli. Barra minn hekk, skont il‑Kummissjoni, tali regoli mhumiex proporzjonati mal-għanijiet invokati ta’ sigurtà fit-toroq, ta’ objettività tat-testijiet u ta’ prevenzjoni tal‑frodi. Hemm soluzzjonijiet inqas restrittivi, bħall-obbligu li jiġu ttestjati minn impriża oħra l-vetturi marbuta ma’ attivitajiet relatati tas-soċji, tal-maniġers u tad-diretturi tal-kumpannija, u, min-naħa l-oħra, bħall-obbligu li jsiru, wara test negattiv, it‑tiswijiet minn istituzzjoni indipendenti, il-projbizzjoni ta’ testijiet fuq il-vetturi tal-maniġers jew tal‑persunal tiegħu u tal-qraba tiegħu, l-issuġġettar ta’ stabbilimenti ta’ kontrolli sistematiċi jew ukoll it-twaqqif ta’ sistema ta’ sanzjonijiet ċivili jew kriminali.

21      Ir-Repubblika Portugiża tafferma li jidher inkontestabbli li l-attività ta’ testijiet tal‑kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ vetturi taqa’ taħt l-interess ġenerali ta’ sigurtà fit‑toroq. Hija ssostni li, minn naħa, din l-attività tikkostiwixxi kompetenza proprja tal-Istat, għalkemm dan tal-aħħar jista’ jirrikorri għall‑kollaborazzjoni ta’ korpi privati, kif ikkonfernat mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/96. Id‑delega lil dawn il-korpi madankollu f’ebda każ ma tikkostiwixxi privatizzazzjoni materjali ta’ din il-missjoni li hija proprja tal-Istat. Hija l-ħtieġa ta’ kontroll speċifiku mill-Istat fuq l-operaturi privati awtorizzati jeżerċitaw din l‑attività permezz ta’ delega li tiġġustifika l-adozzjoni tal-kriterji kkontestati.

22      Min-naħa l-oħra, dawn il-korpi privati b’delega jwettqu atti ta’ eżerċizzju tas‑setgħa pubblika. Jeżistu fit-teorija żewġ possibbiltajiet ta’ implementazzjoni tal-attività inkwistjoni. Jew l-att preparatorju ta’ testijiet għandu jsir minn korpi privati u segwit minn ċertifikazzjoni mill-awtorità pubblika, jew t-testijiet u ċ‑ċertifikazzjoni jkunu fdati fil-korp privat, taħt il-kontroll tal-awtorità uffiċjali. Fis-sistema Portugiża, il-proċedura ta’ testijiet, li għandha funzjoni purament preparatorju, tikkonsisti fit-teħid ta’ deċiżjoni ta’ ċertifikazzjoni jew le tal-konformità tal-vetturi mal-istandards applikabbli, mingħajr ebda intervent tal-awtorità pubblika amministrattiva. Dawn id-deċiżjonijiet huma, minħabba l-effetti tagħhom fuq id-drittijiet ġuridiċi tas-sid tal-vettura, assoċjati mal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.

23      Għalhekk, ir-Repubblika Portugiża tikkunsidra li l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi hija direttament relatata mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. B’hekk, anki jkun possibbli li jkun hemm każ ta’ inkompatibbiltà tar-regoli inkwistjoni mal-Artikolu 43 KE, dawn ikunu ġġustifikati taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

24      F’kull każ, ir-Repubblika Portugiża ssostni li hija bdiet proċedura ta’ reviżjoni tad-Digriet-Liġi, intiża essenzjalment sabiex tissostitwixxi s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel b’sistema ta’ konċessjonijiet mogħtija abbażi ta’ kompetizzjoni. Bl-adozzjoni u l‑promulgazzjoni ta’ dan it-test il-ġdid, previsti inizjalment għat-tmiem tal-ewwel trimestru tal-2009, imbagħad għax-xahar ta’ Lulju 2009 skont il-kontroreplika, il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni imposti mid‑Digriet-Liġi u r-restrizzjonijiet eventwali għal-libertà ta’ stabbiliment jispiċċaw.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

25      Il-Kummissjoni tikkritika essenzjalment lir-Repubblika Portugiża talli timponi fuq l-operaturi privati, li jixtiequ jeżerċitaw fit-territorju tagħha l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi, regoli ta’ aċċess inkompatibbli mal‑Artikolu 43 KE.

26      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 96/96 għandha l‑għan, skont it-tlieta u tletin premessa tagħha, li tinkiseb armonizzazzjoni tar-regoli dwar testijiet tal-kundizzjoni tajba għas‑sewqan tal-vetturi, b’mod partikolari, kif iddikjarat fl‑Artikolu 1(2) fid‑determinazzjoni tal-kategoriji ta’ vetturi li għandhom jiġu ttestjati għall-kundizzjoni tajba għas-sewqan, il-frekwenza ta’ dawn it-testijiet u l-oġġetti li għandhom jiġu ttestjati. Din id-direttiva madankollu m’għandha l-ebda dispożizzjoni dwar ir-regoli dwar l-aċċess għall‑attivitajiet ta’ testijiet ta’ vetturi.

27      Għalkemm, f’settur li mhuwiex kompletament armonizzat fuq il-livell Komunitarju, l-Istati Membri jibqgħu, bħala regola, kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet f’dan is‑settur, jibqa’ l-fatt li huma għandhom jeżerċitaw l-kompetenzi tagħhom billi jirrispettaw il‑libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE (ara s‑sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑393/05, Ġabra p. I-10195, punt 29, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-404/05, Ġabra p. I-10239, punt 31 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ tqum il-kwistjoni tal-konformità mal-Artikolu 43 KE ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi ċerti kundizzjonijiet għall-ksib tal‑awtorizzazzjoni li tiġi eżerċitata l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi, b’mod partikolari r-rekwiżit li l-għoti tal-awtorizzazzjoni għandu jkun fl-interess pubbliku, ir-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100 000, il-limitazzjoni tal-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni ta’ dawn l-impriżi u l-impożizzjoni ta’ regoli ta’ inkompatibbiltà fuq is-soċji, il-maniġers u d diretturi tagħhom.

29      Hija ġurisprudenza stabbilita li, għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal‑libertà ta’ stabbiliment l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et, C‑79/01, Ġabra p. I-8923, punt 26; tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 30).

30      Issa, anki jekk ir-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni Portugiża japplikaw b’mod identiku kemm għall-operaturi stabbiliti fil-Portugall kif ukoll għal dawk li ġejjin minn Stati Membri oħra, dawn jistgħu jwasslu sabiex jipprekludu l-operaturi li ma jissodisfawx il-kriterji definiti fihom milli jistabbilixxu ruħom fil-Portugall sabiex jeżerċitaw attività ta’ testijiet ta’ vetturi. B’mod partikolari, kif tenfasizza l‑Kummissjoni, il-kriterju ta’ interess pubbliku, li għalih huwa suġġett l-għoti tal‑awtorizzazzjoni amministrattiva inkwistjoni, jista’ jwitti t-triq għal użu arbitrarju tas-setgħa diskrezzjonali mill-awtoritajiet kompetenti, billi jippermettilhom li jirrifjutaw din l-awtorizzazzjoni lil ċerti operaturi interessati, għalkemm dawn jissodisfaw il‑kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni.

31      Għalhekk, il-kundizzjonijiet kkontestati ta’ aċċess għall-attività ta’ testijiet tal‑kundizzjoni tajba għas-sewqan tal-vetturi imposti mil‑leġiżlazzjoni Portugiża jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment.

 Fuq l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE

32      Ir-Repubblika Portugiża li ma tikkontestax fid-dettall in-natura restrittiva tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, issostni li l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi hija attività li taqa’ “fl-ambitu ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-Artikolu 45 KE, u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE. Il-Kummissjoni tinvoka f’dan ir‑rigward li din hija attività ekonomika li ma tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u li l‑Artikolu 45 KE japplika biss għal miżuri ta’ natura diskriminatorja.

33      Rigward dan l-aħħar argument, madankollu għandu jiġi kkonstatat, kif ġie mfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 43 KE fih mhux biss projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni iżda wkoll projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kollha li jagħmlu inqas attraenti l‑eżerċizzju tal‑libertà ta’ stabbiliment. Peress li l-Artikolu 45 KE fih klawżola ta’ eċċezzjoni ġenerali għall-prinċipju tal‑libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 43 KE, l-applikazzjoni tiegħu ma tistax għalhekk tkun ristretta biss għall-miżuri diskriminatorji. B’hekk, dan l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’.

34      Għall-kuntrarju, għandu jiġi mfakkar li, bħala deroga mir-regola fundamentali tal‑libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 45 KE għandu jingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tiegħu għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu mħarsa l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id‑dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 147/86, Ġabra p. 1637, punt 7; tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C-114/97, Ġabra p. I-6717, punt 34, u tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 45).

35      Bl-istess mod, huwa paċifiku li l-evalwazzjoni tal-eċċezzjonijiet għal‑libertà ta’ stabbiliment previsti fl-Artikolu 45 KE għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura Komunitarju tal-limiti stabbiliti minn dan l‑artikolu għall-eċċezzjonijiet għal din l‑imsemmija libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 50, u Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8).

36      B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deroga prevista f’dan l‑artikolu għandha tkun ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal‑awtorità pubblika (ara s‑sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C-42/92, Ġabra p. I-4047, punt 8, u tal-31 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, C-283/99, Ġabra p. I‑4363, punt 20), u dan jeskludi li jiġu kkunsidrati bħala “parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika” fis-sens tal-imsemmija dergoa, il‑funzjonijiet sempliċiment anċillari u preparatorji fir-rigward ta’ entità li teżerċita effettivament l-awtorità pubblika billi tagħti d-deċiżjoni finali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 22; Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 36, u l‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 38).

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat iktar id-distinzjoni bejn attivitajiet ta’ korpi privati li jikkostitwixxu sempliċi funzjonijiet preparatorji u dawk li jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal‑awtorità pubblika billi kkonstatat li, anki meta l-korpi privati jeżerċitaw il-prerogattivi tas-setgħa pubblika billi jiġbdu l-konsegwenzi mit-testijiet li jagħmlu, l-Artikolu 45 KE ma jistax jiġi invokat meta l-leġiżlazzjoni applikabbli tkun tipprevedi qafas legali għal dawn il-korpi privati mill-awtorità pubblika kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 41 u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 43). Il-Qorti tal‑Ġustizzja fil-fatt kkonstatat li korpi privati li jeżerċitaw l-attività tagħhom taħt is-superviżjoni attiva tal-awtorità pubblika kompetenti li hi responsabbli, fl-aħħar nett, għall‑ispezzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal‑imsemmija korpi, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika”, fis‑sens tal-Artikolu 45 KE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 42, u Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 44).

38      Skont l-indikazzjonijiet li hemm fir-rikors u fir-risposta, it-twettiq ta’ testijiet tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ vetturi fil-Portugall jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ stabbiliment pubbliku, l-Istitut Pubbliku għall-Mobilità u t-Trasport tal-Art, li madankollu jista’ jirrikorri għal korpi privati sabiex jimplementaw dawn it‑testijiet. Id-deċiżjoni li tiċċertifika jew le l-konformità teknika tal-vetturi hija meħuda mill-korp privat ta’ testijiet ta’ vetturi mingħajr ebda intervent tal-awtorità pubblika amministrattiva.

39      B’hekk kif jirriżulta barra minn hekk mir-risposta, l-attività ta’ stabbilimenti ta’ testijiet ta’ vetturi tinqasam f’żewġ fażijiet. Fl‑ewwel fażi, din l‑attività tikkonsisti fit-twettiq ta’ żjarat tekniċi, jiġifieri biex tiġi vverifikata l-konformità ta’ vetturi ttestjati mal‑istandards tekniċi applikabbli u sabiex jiġi redatt rapport fuq din iż‑żjara li jagħti d-dettalji tat-testijiet magħmula u tar-riżultati miksuba. Fit-tieni fażi, din l-attività tinkludi ċ-ċertifikazzjoni tat-testijiet magħmula billi titwaħħal tikketta fuq il-vettura, jew, għall-kuntrarju, bir-rifjut ta’ tali ċertifikazzjoni.

40      Ix- xogħlijiet li jaqgħu fl-ewwel fażi huma esklużivament ta’ natura teknika, u għalhekk, minħabba n-natura tagħhom stess, huma estranji għall‑eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1989, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, C-3/88, Ġabra p. 4035, punt 13). Min-naħa l-oħra, t-tieni fażi, li għandha x’taqsam maċ-ċertifikazzjoni tat-testijiet dwar jekk il-vetturi humiex f’kundizzjoni tajba għas-sewqan, tinkludi l-eżerċizzju tal‑prerogattivi ta’ setgħa pubblika, meta jinġibdu l-konsegwenzi ġuridiċi miż-żjara teknika.

41      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni li jiġi ċċertifikat jew le t-testijiet dwar jekk il-vetturi humiex f’kundizzjoni tajba għas‑sewqan, tikkostata biss, essenzjalment, ir-riżultati taż-żjara teknika u, minn naħa, hija nieqsa mill-awtonomija deċiżjonali neċessarja għall-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ setgħa pubblika u, min‑naħa l-oħra, meħuda fil-kuntest ta’ sorveljanza Statali diretta.

42      Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/96 li meta l-Istat Membru jafda l-ġestjoni ta’ stabbilimenti ta’ testijiet dwar jekk vettura hijiex f’kundizzjoni tajba għas-sewqan lil korpi privati, huwa madankollu jkompli jeżerċita sorveljanza diretta fuq dawn il-korpi.

43      Fil-fatt huwa l-Istat Membru, skont l-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu, li għandu jaħtar l-stabbiliment kompetenti, li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni u li żżommhom taħt sorveljanza diretta. Skont id‑dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu, li ssemmi l‑prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ kunflitt ta’ interessi bejn l-attività ta’ testijiet u dik ta’ tiswija tal-vetturi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jiżguraw l-oġġettività u l-kwalità għolja tat-testing. Jirriżulta mill-użu tal-frażi “b’mod partikolari” li d‑Direttiva 96/96 hija intiża għat-twettiq strett mill-Istat ta’ dawn iż‑żewġ għanijiet kwalitattivi konkreti, jiġifieri l-oġġettività u l-kwalità għolja tat-testijiet fuq il-kundizzjoni tajba għas-sewqan ta’ vetturi, fil-każ fejn ikun hemm kunflitt ta’ interessi, iżda, a fortiori, ukoll, fl-eżekuzzjoni tal-missjoni ta’ sorveljanza tagħha tal-istabbilimenti privati ta’ testijiet ta’ vetturi fuq il-kundizzjoni tajba għas‑sewqan tal-vetturi deskritta fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/96 ikollhom qafas legali.

44      Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Portugiża, il-korpi privati ta’ testijiet ta’ vetturi m’għandhomx, fil‑kuntest tal-attivitajiet tagħhom, setgħa ta’ koerċività, peress li s-sanzjonijiet fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar it‑testijiet ta’ vetturi jaqgħu taħt il-kompetenza tal‑awtoritajiet tal-pulizija u ta’ dawk ġudizzjarji.

45      Konsegwentement, l-attivitajiet ta’ korpi privati ta’ testijiet tal-kundizzjoni tajba għas‑sewqan tal-vetturi inkwistjoni f’dan il-każ ma jaqgħux taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 45 KE. Għalhekk huwa neċeessarju li jiġi eżaminat jekk is-sistema ta’ aċċess għall-attività ta’ testijiet ta’ vetturi implementata mir-Repubblika Portugiża għandhiex tiġi ġġustifikata.

 Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

46      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li restrizzjoni għal‑libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’dan il-każ, jeħtieġ ukoll li hija tkun kapaċi tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tagħha u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-158/03, punt 35; tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C-518/06, Ġabra p. I‑3491, punt 72, u tad-19 ta’ Mejju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-531/06, Ġabra p. I‑4103, punt 49).

47      F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom juru, minn naħa, li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija neċessarja sabiex jinkiseb l-għan imfittex u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija leġiżlazzjoni hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C-54/05, Ġabra p. I-2473, punt 39, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummisjoni vs L-Olanda, C-297/05, Ġabra p. I‑7467, punt 76).

48      F’dan il-każ, il-ġustifikazzjoni invokata mir-Repubblika Portugiża fil‑proċedura prekontenzjuża tirrigwarda l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà fit-triq, li tikkostitwixxi, skont ġurisprudenza stabbilita, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77, u tal-10 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-110/05, Ġabra p. I‑519, punt 60).

49      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Portugiża ma ddefendietx ruħha mill-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan il‑punt fil-proċedura kontenzjuża, u ma wriet la l-ħtieġa u lanqas il‑proporzjonalità, fir-rigward tal-għan segwit, tal-miżuri inkwistjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ġġustifikati minħabba raġunijiet marbuta mal‑protezzjoni tas-sigurtà fit-toroq.

50      Ir-Repubblika Portugiża tindika wkoll li hija bdiet proċedura ta’ reviżjoni tad‑Digriet‑Liġi, li għandha titlesta f’Lulju 2009, sabiex jiġi ddefinit mill-ġdid il‑kuntest tekniku u ġuridiku tal-attività ta’ testijiet u sabiex jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment li jirriżultaw mis-sistema fis‑seħħ.

51      Madankollu, għand jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑emendi introdotti fil-liġi nazzjonali huma irrilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fuq is-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li dawn ma ġewx implementati qabel l‑iskadenza tat-terminu stabbilit fl‑opinjoni motivata (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-173/94, Ġabra p. I-3265, punt 16, u tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-66/06, Ġabra p. I‑158, punt 91). Ir-Repubblika Portugiża ma tistax għalhekk tinvoka emendi leġiżlattivi li jsiru wara din id-data.

52      Għaldaqstant, ir-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jitqies li huwa fondat.

53      Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi timponi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ korpi ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jeżerċitaw fil-Portugall l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi, jiġifieri permezz tar-rekwiżit li l-għoti tal-awtorizzazzjoni għandu jkun fl-interess pubbliku, tar-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100 000, tal-limitazzjoni tal-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni ta’ dawn l-impriżi u tal-impożizzjoni ta’ regoli ta’ inkompatibbiltà fuq is-soċji, il-maniġers u d-diretturi tagħhom, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikolu 43 KE.

 Fuq l-ispejjeż

54      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi timponi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ korpi ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jeżerċitaw fil-Portugall l-attività ta’ testijiet ta’ vetturi, jiġifieri permezz tar-rekwiżit li l-għoti tal-awtorizzazzjoni għandu jkun fl-interess pubbliku, tar-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu ta’ EUR 100 000, tal-limitazzjoni tal-għan li jinsab fil-memorandum ta’ assoċjazzjoni ta’ dawn l-impriżi u tal-impożizzjoni ta’ regoli ta’ inkompatibbiltà fuq is-soċji, il-maniġers u d-diretturi tagħhom, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha taħt l-Artikolu 43 KE.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.