Language of document : ECLI:EU:C:2014:73

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Frar 2014 (*)

“Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu fuq il-post tax-xogħol — Leave tal-maternità — Żamma ta’ remunerazzjoni u/jew tal-intitolament għal benefiċċju adegwat — Direttiva 96/34/KE — Ftehim qafas fuq il-leave parentali — Dritt individwali għal leave parentali minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild — Kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-remunerazzjoni — Ftehim kollettiv nazzjonali — Ħaddiema nisa li ħadu leave tal-maternità wara interruzzjoni ta’ leave parentali mhux imħallas — Rifjut tal-ħlas tas-salarju matul il-leave tal-maternità”

Fil-Kawżi magħquda C‑512/11 u C‑513/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-työtuomioistuin (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Settembru 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2011, fil-proċeduri

Terveys- ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry

vs

Terveyspalvelualan Liitto ry,

fil-preżenza ta’:

Mehiläinen Oy (C-512/11),

u

Ylemmät Toimihenkilöt (YTN) ry

vs

Teknologiateollisuus ry,

Nokia Siemens Networks Oy (C-513/11),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għat-Terveys- ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry u għall-Ylemmät Toimihenkilöt YTN ry, minn A. Vainio u T. Lehtinen, asianajajat,

–        għat-Terveyspalvelualan Liitto ry u Mehiläinen Oy, minn M. Kärkkäinen, asianajaja,

–        għat-Teknologiateollisuus ry u Nokia Siemens Networks Oy, minn S. Koivistoinen u J. Ikonen, asianajajat,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn S. Lee, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Koskinen u C. Gheorghiu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110), tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), u tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, it-Terveys- ja sosiaalialan neuvottelujärjestö (TSN) ry (Organizzazzjoni sindakali tas-settur tas-saħħa u soċjali, iktar ’il quddiem it-“TSN”) u t-Terveyspalvelualan Liitto ry (Sindakat tas-settur tas-servizzi tas-saħħa), fil-preżenza ta’ Mehiläinen Oy (iktar ’il quddiem “Mehiläinen”), u, min-naħa l-oħra, il-Ylemmät Toimihenkilöt (YTN) ry (Sindakat tal-persunal fi gradi għolja) u t-Teknologiateollisuus ry (Assoċjazzjoni tal-industrija teknoloġika) kif ukoll Nokia Siemens Networks Oy (iktar ’il quddiem “Nokia Siemens”), dwar ir-rifjut fil-konfront ta’ żewġ ħaddiema Finlandiżi mill-persuni rispettivi li jimpjegawhom, skont ftehimiet kollettivi applikabbli għalihom, li titħallsilhom remunerazzjoni, normalment prevista minn dawn il-ftehimiet matul il-leave tal-maternità tagħhom, minħabba l-fatt li l-leave tal-maternità ta’ dawn il-ħaddiema interrompa l-leave parentali mhux imħallas.

 Il-kuntest ġuridiku

Id-Dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 92/85

3        L-ewwel u s-sbatax-il premessa tad-Direttiva 92/85 huma fformulati kif ġej:

“Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi inkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

[...]

Billi, barra minn hekk, il-provvediment ta’ leave tal-maternità ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien tad-drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg u/jew drittijiet għal allowance adegwata.”

4        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Leave tal-Maternità” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.”

5        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg”, jipprovdi li:

“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

[…]

2)      fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

a)      id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f’punt (b) hawn taħt;

b)      il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;

3)      l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;

4)      L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali.

Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta’ impjieg preċedenti iktar minn 12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.”

Id-Direttiva 96/34

6        Id-Direttiva 96/34 timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali ta’ natura ġenerali (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”).

7        Il-preambolu tal-ftehim qafas li jinsab fl-anness tad-Direttiva 96/34 jipprovdi li:

“Il-ftehim qafas jirrappreżenta l-impenn ta’ l-UNICE, CEEP u ta’ ETUC biex jistabbilixxu l-ħtiġiet minimi dwar il-leave tal-ġenituri u l-ħin frank mix-xogħol a bażi ta’ forza maġġuri, bħala mezz importanti biex jistgħu jkunu rikonċiljati l-ħajja tax-xogħol u tal-familja u biex jippromwovu l-opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.”

8        Il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, intitolat “L-Iskop u l-kamp ta’ l-applikazzjoni”, hija fformulata kif ġej:

“1.      Dan il-ftehim jistab[b]ilixxi ħtiġiet minimi intiżi biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu.

2.      Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, rgiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

9        Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolat “Il-Leave tal-ġenituri”, tipprovdi li:

“1.      Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

[...]

3.      Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mill-liġi u/jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. [...]

[...]

5.      Fl-aħħar tal-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt jirritornaw għall-istess impjieg jew, jekk dan mhuwiex possibbli, għal impjieg ekwivalenti jew simili konsistenti mal-kuntratt ta’ l-impjieg jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom.

6.      Id-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha l-leave tal-ġenituri jibda’ għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave tal-ġenituri. [...]

7.      L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol għall-perijodu tal-leave tal-ġenituri.

[...]”

10      Il-klawżola 4.1 tal-ftehim qafas jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk previsti f’dan il-ftehim.

Id-dritt Finlandiż

Il-liġijiet applikabbli

–        Il-liġi fuq il-kuntratti ta’ xogħol

11      Skont l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 4 tal-liġi fuq il-kuntratti ta’ xogħol [Työsopimuslaki (55/2001)], il-ħaddiema għandhom id-dritt għal leave parentali għal edukazzjoni sabiex jieħdu ħsieb il-wild tagħhom, jew kull tifel ieħor li jirrisjedi magħhom b’mod permanenti, sakemm jilħaq l-età ta’ tliet snin.

12      Il-Kapitolu 4 ta’ din il-liġi jipprovdi, fl-Artikolu 8 tiegħu, li l-persuna li timpjega ma hijiex obbligata tħallas salarju lill-ħaddiem għall-perijodi ta’ leave tal-familja.

–        Il-liġi fuq l-assigurazzjoni għall-mard

13      Il-Kapitolu 9 tal-liġi fuq l-assigurazzjoni għall-mard [Sairausvakuutuslaki (1224/2004)] jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, li l-persuna assigurata għandha dritt għal allowances parentali ta’ kuljum bil-kundizzjoni li tkun irrisjediet fil-Finlandja mill-inqas 180 jum mingħajr interruzzjoni qabel id-data preżunta tal-ħlas jew qabel ma t-tifel jitqiegħed, fis-sens tal-Artikolu 11, fid-dar tal-persuna assigurata.

14      Il-Kapitolu 9 ta’ din il-liġi jipprovdi, fl-Artikolu 3 tiegħu, li l-allowances tal-maternità jitħallsu għal 105 ijiem ta’ xogħol.

15      L-imsemmi Kapitolu 9 jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tiegħu, li d-dritt għal allowance parentali huwa disponibbli immedjatament wara l-waqfien tal-ħlas tal-allowances tal-maternità. L-allowance parentali tingħata jew lill-omm jew lill-missier, skont ix-xewqa tal-ġenituri.

Il-ftehimiet kollettivi applikabbli

16      It-Terveyspalvelualan Liitto ry u t-TSN ikkonkludew ftehim kollettiv għall-perijodu mill-1 ta’ Frar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv tas-settur tas-saħħa”), li japplika bejn il-partijiet fil-Kawża C‑512/11.

17      L-Artikolu 21(3) tal-ftehim kollettiv tas-settur tas-saħħa jipprovdi li ħaddiema mara għandha dritt għal 72 jum ta’ salarju b’rata sħiħa bil-kundizzjoni li tkun ilha impjegata għal mill-inqas tliet xhur mingħajr interruzzjoni qabel il-bidu tal-leave. Jekk il-ħaddiema mara tieħu leave tal-maternità ġdid matul wieħed mit-tipi ta’ leave mhux imħallsa previsti mill-imsemmija ftehim, is-salarju inkwistjoni ma jitħallasx matul wieħed minn dawn it-tipi ta’ leave mhux imħallsa, bla ħsara għal dispożizzjoni legali kuntrarja. Madankollu, meta tali leave jintemm, u jekk il-leave tal-maternità jkun għandu ma ntemmx, ir-remunerazzjoni għal-leave tal-maternità titħallas għall-bqija tal-perijodu tiegħu.

18      Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑512/11 jirriżulta li l-Artikolu 21 tal-ftehim kollettiv tas-settur tas-saħħa huwa interpretat fis-sens li, sabiex tibbenefika minn remunerazzjoni matul leave tal-maternità, ħaddiema mara għandha tgħaddi direttament mix-xogħol jew minn leave mħallas għal-leave tal-maternità.

19      It-Teknologiateollisuus ry u l-Ylemmät Toimihenkilöt (YTN) ry ikkonkludew ftehim kollettiv fis-seħħ għall-perijodu mit-2 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ April 2010 (iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv tas-settur tal-industriji teknoloġiċi”), li japplika bejn il-partijiet fil-Kawża C‑513/11.

20      L-Artikolu 8 tal-ftehim kollettiv tas-settur tal-industriji teknoloġiċi jipprovdi b’mod partikolari li:

“Il-ħaddiema mara għandha tibbenefika minn leave tal-maternità għall-perijodu li jitqies li jagħti dritt għal allowances tal-maternità skont il-liġi fuq l-assigurazzjoni għall-mard. Matul it-tul tal-leave tal-maternità, is-salarju sħiħ għandu jitħallas għal tliet xhur meta r-relazzjoni ta’ xogħol tkun eżistiet matul mill-inqas sitt xhur konsekuttivi qabel il-ħlas.”

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑513/11 kif ukoll mill-osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mit-TSN u minn Nokia Siemens jirriżulta li l-Artikolu 8 tal-ftehim kollettiv tas-settur tal-industriji teknoloġiċi huwa applikat b’mod kostanti fis-sens li, sabiex tibbenefika minn remunerazzjoni matul leave tal-maternità, ħaddiema mara għandha tgħaddi direttament mix-xogħol jew minn leave mħallas għal-leave tal-maternità.

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

 Il-Kawża C‑512/11

22      Wara l-ewwel leave tal-maternità, N. Kultarinta, infermiera impjegata minn Mehiläinen, wieħed mill-fornituri prinċipali ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ servizzi soċjali fil-Finlandja, ħadet leave parentali għal edukazzjoni mhux imħallas għall-perijodu mis-7 ta’ Jannar 2010 sal-11 ta’ April 2012.

23      Billi reġgħet ħarġet tqila, hija informat lill-persuna li timpjegaha li hija kienet ser tinterrompi l-leave parentali għal edukazzjoni sabiex tieħu leave tal-maternità ġdid mid-9 ta’ April 2010.

24      Mehiläinen aċċettat l-interruzzjoni tal-leave parentali għal edukazzjoni, iżda rrifjutat li tħallas allowance għal 72 jum, ekwivalenti għas-salarju tagħha b’rata sħiħa, matul dan it-tieni leave tal-maternità peress li dan beda meta N. Kultarinta kienet fuq leave parentali għal edukazzjoni mhux imħallas.

 Il-Kawża C‑513/11

25      J. Novamo, impjegata minn Nokia Siemens, ħadet leave tal-maternità fit-8 ta’ Marzu 2008, segwit minn leave parentali għal edukazzjoni mhux imħallas għall-perijodu bejn id-19 ta’ Marzu 2009 sal-4 ta’ April 2011.

26      Fl-2010, hija ddikjarat lill-persuna li timpjegaha li reġgħet kienet tqila, li xtaqet tinterrompi l-leave parentali għal edukazzjoni mhux imħallas tagħha u tibda leave tal-maternità fl-24 ta’ Mejju 2010. Nokia Siemens ħadet nota tad-dikjarazzjoni ta’ J. Novamo dwar l-interruzzjoni tal-leave parentali għal edukazzjoni tagħha, iżda rrifjutat li tħallasha s-salarju tagħha matul il-leave tal-maternità għar-raġuni li dan il-leave tal-maternità ġdid kien beda meta l-persuna kkonċernata kienet fuq leave parentali għal edukazzjoni mhux imħallas.

27      Fiż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw rikors quddiem it-työtuomioistuin kontra l-persuni rispettivi li jimpjegaw lil N. Kultarinta u J. Novamo sabiex jiksbu kumpens għad-dannu li dawn tal-aħħar jallegaw li ġarrbu bħala vittmi ta’ trattament illegali.

28      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-allowance ta’ kuljum tal-maternità prevista mil-liġi fuq l-assigurazzjoni għall-mard, li għaliha kellhom dritt N. Kultarinta u J. Novamo matul il-leave tal-maternità tagħhom, kienet ta’ ammont ekwivalenti għall-allowance ta’ kuljum tal-mard, filwaqt li l-persuni li jimpjegawhom kellhom normalment iħallsuhom id-differenza bejn din l-allowance u s-salarju previst mill-ftehimiet kollettivi nazzjonali.

29      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, skont it-työtuomioistuin, id-Direttivi 92/85 u 2006/54 iqajmu kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni li jinfluwenzaw dik tal-ftehimiet kollettivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jew l-evalwazzjoni tal-validità tagħhom. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tipprovdix linji gwida kkonsolidati li jippermettu l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ mara tqila jew fuq leave tal-maternità fid-dawl tal-interdizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-työtuomioistuin iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel, essenzjalment, l-istess domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja, fiż-żewġ kawżi prinċipali:

“Id-Direttiva 2006/54/KE […] kif ukoll id-Direttiva […] 92/85/KEE […] jipprekludu dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv nazzjonali, jew l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jipprovdu li ħaddiema mara li tgħaddi minn leave għal raġunijiet ta’ tagħlim [edukazzjoni] mhux remunerat (‘hoitovapaa’) għal leave tal-maternità ma tibbenefikax, matul il-leave tal-maternità, mill-ħlas tar-remunerazzjoni prevista mill-ftehim kollettiv?”

31      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2011, il-Kawżi C‑512/11 u C‑513/11 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domanda preliminari

32      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C‑45/06, Ġabra p. I‑2089, punt 30; tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, Ġabra p. I‑9849, punt 39, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten, C‑342/12, punt 30).

33      Konsegwentement, anki jekk formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 92/85 u 2006/54 biss, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawżi li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Fuß, punt 40, u Worten, punt 31).

34      F’dan il-każ, sabiex tingħata risposta utli lid-domanda magħmula, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 96/34 dwar il-ftehim qafas u l-implementazzjoni ta’ miżuri intiża li jippromwovu l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa billi joffrulhom possibbiltà li jikkonċiljaw ir-responsabbiltajiet professjonali tagħhom u l-obbligi familjari tagħhom, minkejja li d-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jsemmux espliċitament din id-direttiva.

35      Għaldaqstant, id-domanda magħmula għandha tinftiehem li tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 96/34 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħal dik prevista mill-ftehimiet kollettivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi li ħaddiema tqila li tinterrompi leave parentali mhux imħallas fis-sens ta’ din id-direttiva sabiex tieħu, b’effett immedjat, leave tal-maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85, ma tibbenefikax miż-żamma tar-remunerazzjoni li għaliha kien ikollha dritt li kieku dan il-leave tal-maternità kien ġie ppreċedut bi perijodu minimu li matulu hija reġgħet bdiet taħdem.

36      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 ma jimplikax obbligu li r-remunerazzjoni tinżamm integralment matul il-leave tal-maternità, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq madankollu jiżgura li l-ħaddiema mara tibbenefika, matul dan il-leave, minn dħul li l-ammont tiegħu huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak tal-allowance prevista mill-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali f’każ ta’ interruzzjoni tal-attivitajiet tagħha minħabba raġunijiet ta’ saħħa (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 32).

37      Madankollu, l-imsemmija direttiva, li fiha rekwiżiti minimi, bl-ebda mod ma teskludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiggarantixxu protezzjoni ogħla lil dawn il-ħaddiema nisa, billi jżommu jew jistabbilixxu miżuri ta’ protezzjoni iktar favorevoli għall-ħaddiema nisa bil-kundizzjoni li dawn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C‑438/99, Ġabra p. I‑6915, punt 37). L-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 92/85 ma tipprekludi l-Istati Membri jew, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali milli jipprevedu ż-żamma tal-elementi kollha tar-remunerazzjoni li l-ħaddiema tqila kellha dritt għaliha qabel it-tqala tagħha u l-leave tal-maternità tagħha.

38      Għal dak li jirrigwarda d-drittijiet relatati mal-leave parentali previst mid-Direttiva 96/34, inkluż dak għal-leave parentali mhux imħallas, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, għandhom jitfakkru ż-żewġ għanijiet distinti ta’ din id-direttiva. Minn naħa, il-ftehim qafas implementat mill-imsemmija direttiva jikkostitwixxi impenn tal-imsieħba soċjali li, permezz ta’ rekwiżiti minimi, jistabbilixxu miżuri intiżi li jippromwovu l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa billi joffrulhom possibbiltà li jikkonċiljaw ir-responsabbiltajiet professjonali tagħhom u l-obbligi familjari tagħhom (sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 2009, Meerts, C‑116/08, Ġabra p. I‑10063, punt 35, u tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi, C‑149/10, Ġabra p. I‑8489, punt 56).

39      Min-naħa l-oħra, l-imsemmi ftehim qafas jippermetti lill-ġenituri l-ġodda li jinterrompu l-attività professjonali tagħhom sabiex jiddedikaw ruħhom għar-responsabbiltajiet familjari tagħhom, filwaqt li jiġu żgurati, skont il-klawżola 2.5 ta’ dan il-ftehim, li huma ser jerġgħu jsibu l-pożizzjoni tax-xogħol tagħhom jew, fil-każ li dan ma jkunx possibbli, xogħol ekwivalenti jew simili skont il-kuntratt tagħhom jew ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din id-dispożizzjoni kienet tobbliga li, fi tmiem l-imsemmi leave, ir-ritorn għall-pożizzjoni tax-xogħol isir bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jeżistu fil-mument meta ttieħed dan il-leave (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece, C‑7/12, punt 32).

40      F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul l-ewwel leave tal-maternità tagħhom, il-ħaddiema nisa inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kellhom dritt, skont il-ftehimiet kollettivi applikabbli għalihom, għaż-żamma tar-remunerazzjoni tagħhom, għall-inqas għal ċertu perijodu. Billi sussegwentement ħadu leave parentali mhux imħallas, dawn il-ħaddiema nisa interrompew dan il-leave sabiex jieħdu immedjatament leave tal-maternità ieħor li fil-konfront tiegħu ġie rrifjutat lilhom id-dritt għaż-żamma tar-remunerazzjoni tagħhom, minħabba l-fatt li dan it-tieni leave tal-maternità kien interrompa leave parentali mhux imħallas u għalhekk ma kien ġie ppreċedut b’edba perijodu li matulu huma reġgħu bdew jaħdmu.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat sa fejn id-dritt tal-Unjoni jippermetti li t-teħid tal-imsemmi leave parentali huwa ta’ natura li jkollu effett fuq il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-leave tal-maternità sussegwenti, għal dak li jirrigwarda, bħal fil-kawżi prinċipali, iż-żamma tar-remunerazzjoni prevista mir-regoli tad-dritt nazzjonali inkwistjoni.

42      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li leave ggarantit bid-dritt Komunitarju ma jistax jaffettwa d-dritt li jittieħed leave ieħor iggarantit b’dan id-dritt (sentenzi tal-14 ta’ April, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C‑519/03, Ġabra p. I‑3067, punt 33; tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C‑124/05, Ġabra p. I‑3423, punt 24; u tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 56).

43      Hekk kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma waqqfux lil N. Kultarinta u J. Novamo milli jinterrompu l-leave parentali mhux imħallas tagħhom sabiex wara jieħdu leave tal-maternità.

44      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jallegaw li l-interessi ta’ N. Kultarinta u J. Novamo ġew affettwati b’mod inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni għaliex, meta użaw id-dritt tagħhom għal dawn iż-żewġ tipi ta’ leave distinti, dawn il-ħaddiema nisa ġew miċħuda miż-żamma tar-remunerazzjoni tagħhom prevista mill-ftehimiet kollettivi inkwistjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-kundizzjoni li persuna hija obbligata tirritorna taħdem qabel ma terġa’ tieħu leave tal-maternità ieħor tirrendi bla sustanza d-dritt għaż-żamma tar-remunerazzjoni.

45      Il-konvenuti fil-kawżi prinċipali jsostnu li d-dispożizzjoni inkwistjoni li tinsab fl-imsemmija ftehimiet kollettivi hija intiża li tipproteġi l-ħaddiema tqal. Hija tnaqqas l-iżvantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mit-teħid ta’ leave tal-maternità u, għalhekk, tiffavorixxi l-protezzjoni tar-rapporti partikolari bejn il-ħaddiema mara u l-wild tagħha wara t-tqala u l-ħlas.

46      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tenfasizza li l-allowances tal-maternità previsti matul il-leave tal-maternità tal-ħaddiema nisa inkwistjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/85.

47      Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 37 u 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ sistema, bħal dik fil-kawżi prinċipali, dwar ir-remunerazzjoni dovuta lil ħaddiema mara matul leave tal-maternità skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 92/85 għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk dwar il-leave parentali.

48      F’dan ir-rigward, l-għażla ta’ ħaddiema mara li tagħmel użu mid-dritt tagħha għal leave parentali ma għandhiex taffettwa l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tieħu leave ieħor, f’dan il-każ leave tal-maternità. Madankollu, fil-kawżi prinċipali, it-teħid ta’ leave parentali mhux imħallas jimplika neċessarjament, għal ħaddiema mara li tinsab fin-neċessità li tieħu leave tal-maternità immedjatament wara l-imsemmi leave parentali, it-telf ta’ parti mir-remunerazzjoni tagħha.

49      Issa, l-effett ta’ kundizzjoni bħal dik fil-kawżi prinċipali huwa li tobbliga ħaddiema mara, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni tagħha li tieħu leave parentali mhux imħallas, li tirrinunzja bil-quddiem għal-leave tal-maternità mħallas kif previst mill-ftehimiet kollettivi applikabbli, fil-każ li hija jkollha bżonn tinterrompi l-leave parentali tagħha sabiex immedjatament wara tieħu leave tal-maternità. Konsegwentement, ħaddiema mara hija mħeġġa ma tiħux tali leave parentali.

50      F’dan il-kuntest u hekk kif ikkonstatat diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li tqala ġdida mhux dejjem tikkostitwixxi avveniment prevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41). Minn dan jirriżulta li ħaddiema mara mhux dejjem tista’ tiddetermina, fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni tagħha li tieħu leave parentali jew fil-bidu ta’ dan l-istess leave, jekk hija ser tinsab, matul dan il-perijodu, fin-neċessità li tieħu leave tal-maternità.

51      Għandu jiġi konkluż li kundizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandha bħala effett li tiddiswadi ħaddiema mara milli tieħu deċiżjoni li tuża d-dritt tagħha għal leave parentali fid-dawl tal-effett li din id-deċiżjoni jista’ jkollha fuq leave tal-maternità li jittieħed matul dan il-leave parentali. Għaldaqstant, tali kundizzjoni tippreġudika l-effettività tad-Direttiva 96/34.

52      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-Direttiva 96/34 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħal dik prevista mill-ftehimiet kollettivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi li ħaddiema tqila li tinterrompi leave parentali mhux imħallas fis-sens ta’ din id-direttiva sabiex tieħu, b’effett immedjat, leave tal-maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85 ma tibbenefikax miż-żamma tar-remunerazzjoni li għaliha kien ikollha dritt li kieku dan il-leave tal-maternità kien ġie ppreċedut b’perijodu minimu li matulu hija reġgħet bdiet taħdem.

 Fuq l-ispejjeż

53      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħal dik prevista mill-ftehimiet kollettivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi li ħaddiema tqila li tinterrompi leave parentali mhux imħallas fis-sens ta’ din id-direttiva sabiex tieħu, b’effett immedjat, leave tal-maternità fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), ma tibbenefikax miż-żamma tar-remunerazzjoni li għaliha kien ikollha dritt li kieku dan il-leave tal-maternità kien ġie ppreċedut b’perijodu minimu li matulu hija reġgħet bdiet taħdem.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.