Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Lulju 2011 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-360/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: L. Lozano Palacios, aġent)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja

Talbiet

tiddikjara li, billi applika rata ta' VAT imnaqqsa

għas-sustanzi mediċinali li jistgħu jintużaw abitwalment u xieraq sabiex jinkisbu mediċinali, skont il-punt 1(5) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 u skont il-punt 1(3) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 91 tal-liġi tal-VAT Spanjola,

għall-prodotti għall-ħarsien tas-saħħa, materjal, apparat u strumenti li, ikkunsidrati oġġettivament, jistgħu jintużaw biss sabiex jiġu pprevenuti, djanjostikati, trattati, allevjati jew imfejqa mardiet jew kundizzjonijiet mediċi relatati mal-bniedem jew mal-annimali, iżda li ma humiex "normalment intiżi sabiex jallevjew jew jitrattaw diżabbiltajiet, għall-użu personali u esklużiv tal-persuni b'diżabbiltà", skont it-tieni subparagrafu tal-punt 1(6) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tal-liġi tal-VAT Spanjola,

għall-apparat u l-aċċessorji li jistgħu essenzjalment jew prinċipalment jintużaw bħala sostenn għal diżabbiltajiet fiżiċi tal-annimali, skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(6) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tal-liġi tal-VAT Spanjola,

għall-apparat u l-aċċessorji li jistgħu essenzjalment jew prinċipalment jintużaw bħala sostenn għal diżabbiltajiet tal-bniedem, iżda li ma humiex intiżi għall-użu personali u esklużiv tal-"persuni b'diżabbiltà", fejn dan it-terminu jintuża fis-sens abitwali tiegħu, jiġifieri f'sens differenti u iżjed strett mit-terminu "persuna marida", skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(6) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tal-liġi tal-VAT Spanjola,

ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 98, moqri flimkien mal-Anness III, tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 1, tat-28 ta' Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud.

tikkundanna lir-Renju ta' Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistema ta' rata mnaqqsa prevista bil-punt 1(5) u (6) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tal-liġi tal-VAT Spanjola u bil-punt 1(3) tat-tieni paragrafu tal-istess artikolu tmur lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni awtorizzat mid-direttiva tal-VAT, peress li din tmur lil hinn mill-possibbiltajiet offerti lill-Istati Membri bil-kategoriji 3 u 4 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva. L-interpretazzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli tikkontradixxi l-kliem u l-istruttura tad-direttiva, u tmur kontra l-ġurisprudenza li tgħid li l-eċċezzjonijiet għar-regoli ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT għandhom jiġu interpretati b'mod strett.

____________

1 - ĠU L 347, p. 1.