Language of document : ECLI:EU:C:2004:697

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta' Novembru 2004 (*)

"Direttiva 96/9/KE – Protezzjoni legali tad-databases – Kunċett ta' database – Kamp ta' applikazzjoni tad-dritt sui generis – Kalendarji tal-kampjonati tal-futbol – Imħatri"

Fil-kawża C-444/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Monomeles Protodikeio Athinon (Il-Greċja), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Lulju 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta' Diċembru 2002, fil-proċedura

Fixtures Marketing Ltd

vs

Organismos prognostikon agonon podosfairou AE (OPAP),

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta' Awli, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistraturi: M. Múgica Arzamendi u M.-F. Contet, Amministraturi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fixtures Marketing Ltd, minn K. Giannakopoulos, dikigoros,

–        għall-Organismos prognostikon agonon podosfairou AE, minn F. Christodoulou, K. Christodoulou, A. Douzas, L. Maravelis u C. Pampoukis, dikigoroi,

–        għall-Gvern Grieg, minn E. Mamouna, I. Bakopoulos u V. Kyriazopoulos, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent, assistita minn P. Vlaemminck, advocaat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u A. P. Matos Barros, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komuitajiet Ewropej, minn K. Banks u M. Patakia, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, p. 20, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Fixtures Marketing Ltd (aktar 'il quddiem "Fixtures") u l-Organismos prognostikon agonon podosfairou AE (aktar 'il quddiem l-"OPAP"). Il-kawża tikkonċerna l-użu mill-OPAP, għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' logħob ta' l-imħatri, ta' informazzjoni meħuda mill-kalendarji tal-kampjonati tal-futbol Ingliż u Skoċċiż.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan tad-Direttiva huwa l-protezzjoni legali tad-databases ta' kull xorta. Fl-Artikolu 1(2) ta' l-istess direttiva, database hija definita bħala "kollezzjoni ta' xogħlijiet […], data jew materjali [indipendenti] oħra irranġati b'mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b'mezzi elettroniċi jew b'mezzi oħra".

4        L-Artikolu 3 tad-Direttiva jistabbilixxi protezzjoni taħt id-dritt ta' l-awtur favur "databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intelletwali ta' l-awtur innifsu".

5        L-Artikolu 7 tad-Direttiva jistabbilixxi dritt sui generis fit-termini segwenti:

"Għan tal-protezzjoni

1.      Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id- database.

2.       Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

a)      ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

b)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku il-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità;

Self pubbliku mhux att ta’ estrazzjoni jew użu mill-ġdid.

3.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkun trasferit, assenjat jew mogħti permezz ta’ liċenza kuntrattwali.

4.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika wkoll jekk dik id-database ma tkunx eliġibbli għal protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Barra dan, dan għandu japplika wkoll jekk il-kontenut ta’ dik id-database ma jkunx eliġibbli għall-protezzjoni bid-dritt ta’ l-awtur jew bi drittijiet oħra. Il-protezzjoni ta’ databases skond id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għal drittijiet li jkun hemm fir-rigward tal-kontenut tagħhom.

5.      L-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta’ sikwit u sistematika ta’ partijiet żgħar tal-kontenut tad-database li jġibu magħhom atti kuntrarji għall-użu normali ta’ dik id-database jew li jagħmlu ħsara irraġonevoli lill-interessi leġittimi ta’ min ikun għamel id-database m’għandhomx jitħallew isiru."

6        Id-Direttiva ġiet ittrasposta fid-dritt Grieg permezz tal-Liġi Nru 2819/2000 (FEK A' 84/15. 3. 2000).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-organizzaturi tal-kampjonati tal-futbol Ingliż u Skoċċiż fdaw, permezz ta' kuntratti ta' liċenzja, xi tipi ta' utilizzazzjoni tal-kalendarji tal-logħob ta' dawn il-kampjonati barra mir-Renju Unit lil Football Fixtures Ltd. Min-naħa tagħha, Fixtures ingħatat id-dritt li tirrappreżenta l-proprjetarji tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali marbutin ma' dawn il-kalendarji.

8        Fil-Greċja, l-OPAP igawdi minn monopolju fuq l-organizzazzjoni tal-logħob ta' l-ażżard. Fil-kuntest ta' l-attivitajiet tiegħu, huwa juża informazzjoni meħuda mill-kalendarji tal-kampjonati tal-futbol Ingliż u Skoċċiż.

9        Fixtures ressqet azzjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon kontra l-OPAP fejn allegat li l-prattiċi tiegħu huma pprojbiti mid-dritt sui generis li hija tgawdi bis-saħħa ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva.

10      Minħabba li sabet problemi fl-interpretazzjoni tad-Direttiva, il-Monomeles Protodikeio Athinon iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      X'għandu jiġi mifhum b'"database" u x'inhi l-portata tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva […], b'mod partikolari ta' l-Artikolu 7 tagħha, dwar id-dritt sui generis?

2)      Fid-dawl tal-portata tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, il-kalendarji tal-kampjonati tal-futbol huma protetti bħala databases li, fir-rigward tagħhom, jeżisti dritt sui generis favur il-persuna li tkun bniet dawn id-databases, u taħt liema kundizzjonijiet?

3)      Kif, preċiżament, jista' jinkiser id-dritt fuq id-database u dan id-dritt huwa protett fil-każ li jkun hemm bidla tal-kontenut tad-database?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

11      Il-Gvern Finlandiż qiegħed jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Huwa jsostni li d-digriet tar-rinviju huwa vvizzjat minħabba nuqqas ta' preċiżjoni fir-rigward tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali, b'tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipprovdi risposti utli għad-domandi magħmula u l-Istati Membri ma jistgħux jippreżentaw osservazzjonijiet rilevanti dwar dawn id-domandi.

12      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-bżonn li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali jeżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u legali tad-domandi magħmula minnha jew li, minn ta' l-anqas, hija tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (sentenza tal-21 ta' Settembru 1999, Albany, C-67/96, Ġabra p. I-5751, punt 39).

13      L-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet ta' rinviju għandha mhux biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli iżda wkoll għandha tagħti lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 20 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tassigura li din il-possibbiltà tkun imħarsa, fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa tad-dispożizzjoni msemmija, id-deċiżjonijiet ta' rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet interessati (sentenza Albany, iċċitata aktar 'il fuq, punt 40).

14      F'din il-kawża, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, skond l-Artikolu 20 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-digriet tar-rinviju kienu biżżejjed sabiex jifhmu li t-tilwima fil-kawża prinċipali tnisslet mill-użu mill-OPAP, għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' mħatri dwar l-isports, ta' informazzjoni meħuda minn kalendarji ta' kampjonati ppreparati mill-kampjonati professjonali tal-futbol u li, f'dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-kunċett ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva u dwar il-kamp ta' applikazzjoni u l-portata tad-dritt sui generis stabbilit mill-Artikolu 7 ta' l-imsemmija direttiva.

15      Barra minn hekk, id-digriet tar-rinviju jinkludi dettalji dwar ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-kampjonati tal-futbol ikkonċernati, Football Fixtures Ltd u Fixtures, li jippermettu lil dak li jkun jifhem fuq liema bażi din ta' l-aħħar qiegħda titlob, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-protezzjoni marbuta mad-dritt sui generis.

16      Barra minn hekk, l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja għarfien suffiċjenti dwar il-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali sabiex tkun tista' tinterpreta d-dispożizzjonijiet Komunitarji li huma kkonċernati fir-rigward tas-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

17      Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq il-kunċett ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva

18      Permezz ta' l-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda l-ewwel nett tistaqsi xi jkopri l-kunċett ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva u jekk kalendarji ta' kampjonati tal-futbol humiex koperti minn dan il-kunċett.

19      Database, fis-sens tad-Direttiva, hija definita fl-Artikolu 1(2) tagħha bħala "kollezzjoni ta' xogħlijiet indipendenti, data jew materjali oħra irranġati b'mod sistematiku jew metodiku u aċċessibbli individwalment b'mezzi elettroniċi jew b'mezzi oħra".

20      Kif isostnu Fixtures u l-Kummissjoni, hemm diversi indikazzjonijiet ta' l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jagħti lill-kunċett ta' database, fis-sens tad-Direttiva, portata wiesgħa, mingħajr limitazzjonijiet minħabba kunsiderazzjonijiet ta' natura formali, teknika jew materjali.

21      B'hekk, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jipprovdi li din id-direttiva tikkonċerna l-protezzjoni legali ta' databases "ta' kull xorta".

22      Filwaqt li l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU 1992, C 156, p. 4), ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta' April 1992, kienet tkopri biss id-databases elettroniċi skond id-definizzjoni ta' database mogħtija fil-punt 1 ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 ta' din il-proposta għal direttiva, matul il-proċess leġiżlattiv, kien ġie miftiehem "li l-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva għandha tiġi estiża għad-databases li mhumiex elettroniċi", kif jirriżulta mill-erbatax-il premessa tad-Direttiva.

23      Skond is-sbatax-il premessa ta' l-istess direttiva, il-kunċett ta' database għandu jiġi mifhum fis-sens li jinkludi "kollezzjonijiet letterarji, artistiċi, mużikali jew kollezzjonijiet oħra ta' xogħlijiet jew kollezzjonijiet ta' materjal ieħor bħal testi, ħoss, immaġni, numri, fatti u data". Għaldaqstant, il-fatt li d-data jew il-materjal in kwistjoni jkunu marbutin ma' dixxiplina sportiva ma jipprekludix li d-database tiġi kkwalifikata bħala tali fis-sens ta' l-imsemmija direttiva.

24      Filwaqt li, fl-opinjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 1993 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU C 194, p. 144), il-Parlament Ewropew kien issuġġerixxa li l-kwalifikazzjoni ta' database tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li l-kollezzjoni tkun tinkludi "numru sinjifikanti" ta' data, ta' xogħlijiet jew ta' materjal ieħor, din il-kundizzjoni m'għadhiex tinsab fid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva.

25      Sabiex tkun evalwata l-eżistenza ta' database fis-sens tad-Direttiva, mhuwiex rilevanti jekk il-kollezzjoni tkun komposta minn materjal meħud minn sors jew minn sorsi differenti mill-persuna li tikkostitwixxi din il-kollezzjoni, minn materjal maħluq minn din il-persuna jew minn materjal li jaqa' f'dawn iż-żewġ kategoriji fl-istess ħin.

26      Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Grieg u l-Gvern Portugiż, l-ebda element tad-Direttiva ma jwassal għall-konklużjoni li l-kwalifikazzjoni ta' database tiddependi fuq l-eżistenza ta' kreazzjoni intellettwali ta' l-awtur tagħha stess. Kif tosserva il-Kummissjoni, il-kriterju ta' oriġinalità huwa rilevanti biss sabiex tiġi evalwata l-eliġibbiltà tad-database għall-protezzjoni mid-dritt ta' l-awtur stabbilita fil-Kapitolu II tad-Direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) kif ukoll mill-ħmistax u mis-sittax-il premessi ta' din id-direttiva.

27      F'dan il-kuntest ta' interpretazzjoni wiesgħa, minn diversi elementi tad-Direttiva jirriżulta li l-kunċett ta' database fis-sens ta' din id-direttiva huwa definit b'mod aktar speċifiku skond il-funzjoni tiegħu.

28      Fil-fatt, mill-qari tal-premessi tad-Direttiva jirriżulta li, fid-dawl tat-"tkabbir esponenzjali fil-Komunità u mad-dinja kollha, fl-ammont ta' informazzjoni magħmula u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha tal-kummerċ u ta' l-industrija", skond il-kliem ta' l-għaxar premessa, il-protezzjoni legali stabbilita permezz ta' din id-direttiva hija intiża sabiex tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' sistemi ta' "ħażna" u ta' "proċessar ta' l-informazzjoni", kif jirriżulta mill-għaxar u mit-tnax-il premessa.

29      Huwa għalhekk li l-kwalifikazzjoni bħala database hija suġġetta, l-ewwel nett, għall-eżistenza ta' kollezzjoni ta' "materjal indipendenti", jiġifieri materjali li jistgħu jkunu separati minn xulxin mingħajr ma jkun affetwat il-kontenut informattiv, litterarju, artistiku, mużikali jew kontenut ieħor tagħhom. Għalhekk, skond is-sbatax-il premessa tad-Direttiva, ir-reġistrazzjoni ta' xogħol awdjo-viżiv, ċinematografiku, letterarju jew mużikali hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva.

30      It-tieni nett, il-kwalifikazzjoni ta' kollezzjoni bħala database teżiġi li l-materjal indipendenti li jikkostitwixxi din il-kollezzjoni jkun irranġat b'mod sistematiku jew metodiku u jkun aċċessibbli individwalment b'mod jew ieħor. Mingħajr ma teżiġi li dan l-arranġament sistematiku jew metodiku jkun fiżikament viżibbli, skond il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva, din il-kundizzjoni timplika li l-kollezzjoni għandha tkun miżmuma f'forma stabbilita, ta' natura kwalunkwe, u għandha tinkludi mezzi tekniċi bħal proċessi elettroniċi, elettromanjetiċi jew elettro-ottiċi, skond it-termini tat-tlettax-il premessa, jew mezzi oħra, bħalma huma indiċi, werrej, pjan jew metodu ta' klassifikazzjoni partikolari, li jippermettu l-irkupru ta' kull materjal indipendenti li jkun jinsab fil-kollezzjoni.

31      Din it-tieni kundizzjoni tippermetti li ssir distinzjoni bejn database fis-sens tad-Direttiva, ikkaratterizzata minn metodu li jippermetti l-irkupru minn ġewwa fiha ta' kull materjal li jikkostitwixxiha, u kollezzjoni ta' materjal li tipprovdi informazzjoni iżda li ma jkollha l-ebda metodu għall-ipproċessar tal-materjal individwali li jikkostitwixxiha.

32      Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-kunċett ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva jkopri kull kollezzjoni li tkun tinkludi xogħlijiet, data jew materjal ieħor, li jkunu jistgħu jiġu separati minn xulxin mingħajr ma' jkun affettwat il-valur tal-kontenut tagħhom, u li tinkludi metodu jew sistema, ta' kwalunkwe xorta, li jippermettu l-irkupru ta' kull wieħed mill-materjal li jikkostitwixxiha.

33      Fil-kawża prinċipali, id-data, il-ħin u l-identità taż-żewġ timijiet, kemm tat-tim li jkun ħa jilgħab f'daru u kemm tat-tim li jkun ħa jilgħab barra minn daru, li jikkonċernaw logħba futbol jaqgħu taħt il-kunċett ta' materjal indipendenti fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva peress li għandhom valur informattiv awtonomu.

34      Fil-fatt, minkejja li huwa veru li l-interess f'kampjonat tal-futbol jinsab fil-kunsiderazzjoni globali tad-diversi logħbiet ta' dan il-kampjonat, jibqa' l-fatt li d-data dwar id-data, il-ħin u l-identità tat-timijiet fir-rigward ta' logħba partikolari għandhom valur awtonomu fis-sens li jipprovdu lit-terzi persuni interessati l-informazzjoni rilevanti.

35      Il-ġabra tad-dati, tal-ħinijiet u ta' l-ismijiet ta' timijiet fir-rigward tal-logħbiet tal-ġranet differenti ta' kampjonat tal-futbol hija, f'dawn iċ-ċirkustanzi, kollezzjoni ta' materjal indipendenti. L-arranġament, fil-forma ta' kalendarju, tad-dati, tal-ħinijiet u ta' l-ismijiet tat-timijiet fir-rigward ta' dawn il-logħbiet differenti tal-futbol jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' arranġament sistematiku jew metodiku u ta' aċċessibbiltà individwali tal-materjal li jikkostitwixxi din il-kollezzjoni. Il-fatt, allegat mill-Gvern Grieg u mill-Gvern Awstrijak, li t-tlaqqigħ tat-timijiet jirriżulta minn tlugħ bix-xorti mhuwiex ta' natura li jikkontesta l-analiżi preċedenti.

36      Minn dan isegwi li kalendarju ta' kampjonat tal-futbol bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jammonta għal database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva.

 Fuq il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt sui generis

37      Fil-kuntest ta' l-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda imbagħad tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-protezzjoni mid-dritt sui generis f'kuntest bħal dak fil-kawża prinċipali.

38      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jirriżerva l-benefiċċju tal-protezzjoni taħt id-dritt sui generis għad-databases li jissodisfaw kriterju preċiż, jiġifieri li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut tagħhom juru li kien sar investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv.

39      Skond id-disa', l-għaxar u t-tnax-il premessi tad-Direttiva, l-għan tagħha huwa, kif josservaw l-OPAP u l-Gvern Grieg, li tinkoraġġixxi u tipproteġi l-investimenti f'sistemi ta' "ħażna" jew ta' "proċessar" ta' data li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq ta' l-informazzjoni f'kuntest ikkaratterizzat minn tkabbir esponenzjali fl-ammont ta' data maħluqa u pproċessata kull sena fl-oqsma kollha ta' attività. Minn dan isegwi li l-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba, mal-verifika jew mal-preżentazzjoni tal-kontenut ta' database għandu jinftiehem, b'mod ġenerali, bħala li jkopri l-investiment magħmul fir-rigward tal-ħolqien ta' l-imsemmija database bħala tali.

40      F'dan il-kuntest, il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database għandu, kif jenfasizzaw l-OPAP, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Portugiż, jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal indipendenti eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database, bl-esklużjoni tar-riżorsi użati fil-ħolqien stess ta' materjal indipendenti. L-għan tal-protezzjoni mid-dritt sui generis prevista mid-Direttiva huwa, fil-fatt, li jistimula l-istabbiliment ta' sistemi ta' ħażna u ta' pproċessar ta' informazzjoni eżistenti u mhux il-ħolqien ta' materjal li sussegwentament jista' jinġabar f'database.

41      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mid-disa' u tletin premessa tad-Direttiva li tipprovdi li l-għan tad-dritt sui generis huwa li jiggarantixxi protezzjoni kontra l-użu tar-riżultati miksuba mill-investiment finanzjarju u professjonali magħmul "għall-kisba u kollezzjoni tal-kontenut" ta' database. Kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 sa 72 tal-konklużjonijiet tagħha, minkejja varjazzjonijiet żgħar fit-terminoloġija użata, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta' din id-disa' u tletin premessa jsostnu interpretazzjoni li teskludi l-ħolqien tal-materjal li jinsab f'database mill-kunċett ta' kisba.

42      Id-dsatax-il premessa tad-Direttiva, li tipprovdi li l-kumpilazzjoni ta' diversi reġistrazzjonijiet ta' eżekuzzjonijiet mużikali fuq CD ma tirrappreżentax investiment sostanzjali biżżejjed biex tkun eliġibbli għad-dritt sui generis, tipprovdi argument addizzjonali in sostenn ta' din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-mezzi użati għall-ħolqien stess tax-xogħlijiet jew tal-materjal li jkun jinsab f'database, f'dan il-każ fuq CD, m'għandhomx jiġu assimilati ma' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' l-imsemmija database u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu fl-evalwazzjoni tal-karattru sostanzjali ta' l-investiment marbut mal-ħolqien ta' din id-database.

43      Il-kunċett ta' investiment marbut mal-verifika tal-kontenut tad-database għandu jinftiehem fis-sens li jkopri l-mezzi użati matul il-ħolqien tad-database kif ukoll matul il-perijodu ta' operazzjoni tagħha għall-kontroll ta' l-eżattezza tal-materjal riċerkat sabiex ikun assigurat li l-informazzjoni inkluża fl-imsemmija database tkun informazzjoni li ta' min joqgħod fuqha. Il-kunċett ta' investiment marbut mal-preżentazzjoni tal-kontenut tad-database jikkonċerna, min-naħa tiegħu, il-mezzi intiżi sabiex jikkonferixxu lil din id-database il-funzjoni tagħha ta' pproċessar ta' l-informazzjoni, jiġifieri dawk użati għall-arranġament sistematiku jew metodiku tal-materjal li jinsab f'din id-database kif ukoll għall-organizzazzjoni ta' l-aċċessibbiltà individwali tiegħu.

44      L-investiment marbut mal-ħolqien tad-database jista' jikkonsisti fl-użu ta' riżorsi jew mezzi umani, finanzjarji jew tekniċi, iżda għandu jkun sostanzjali mill-aspett kwantitattiv jew kwalitattiv. L-evalwazzjoni kwantitattiva tirreferi għal mezzi li jistgħu jkunu kkwantifikati u l-evalwazzjoni kwalitattiva tirreferi għal sforzi li ma jistgħux ikunu kkwantifikati, bħalma huwa sforz intelletwali jew użu ta' enerġija, kif jirriżulta mis-seba', mid-disa' u tletin u mill-erbgħin premessi tad-Direttiva.

45      F'dan il-kuntest, il-fatt li l-ħolqien ta' database jkun marbut ma' l-eżerċizzju ta' attività prinċipali li, fil-kuntest tagħha, il-persuna li tibni d-database tkun ukoll il-persuna li ħolqot il-materjal li jkun jinsab f'din id-database, ma jeskludix, fih innifsu, li din il-persuna tkun tista' titlob il-benefiċċju tal-protezzjoni mid-dritt sui generis, sakemm hija tistabbilixxi li l-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni ta' l-imsemmi materjal, fis-sens ippreċiżat fil-punti 40 sa 43 ta' din is-sentenza, kienu jinvolvu investiment sostanzjali fuq livell kwantitattiv jew kwalitattiv, li kien indipendenti mill-mezzi użati għall-ħolqien ta' dan il-materjal.

46      F'dan ir-rigward, minkejja li r-riċerka tad-data u l-verifika ta' l-eżattezza tagħha fil-mument tal-ħolqien tad-database ma tirrikjedix, fil-prinċipju, l-użu ta' mezzi partikolari mill-persuna li tibni din id-database minħabba li hija involuta data li tkun ħolqot hija stess u li hija għad-dispożizzjoni tagħha, jibqa' l-fatt li l-kollezzjoni ta' din id-data, l-arranġament sistematiku jew metodiku tagħha fid-database, l-organizzazzjoni ta' l-aċċessibbiltà individwali tagħha u l-verifika ta' l-eżattezza tagħha matul il-perijodu kollu ta' operazzjoni tad-database jistgħu jeħtieġu investiment sostanzjali, fuq livell kwantitattiv u/jew kwalitattiv, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

47      Fil-kawża prinċipali, il-mezzi użati għad-determinazzjoni, fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni ta' kampjonati tal-futbol, tad-dati, tal-ħinijiet u tat-timijiet, kemm dawk li jkunu ħa jilagħbu f'darhom u kemm dawk li jkunu ħa jilagħbu barra minn darhom, fir-rigward tal-logħbiet fid-diversi ġranet ta' dawn il-kampjonati jikkorrispondu, kif isostnu l-OPAP, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Portugiż, għal investiment marbut mal-ħolqien tal-kalendarju ta' dawn il-logħbiet. Investiment bħal dan, li huwa relatat ma' l-organizzazzjoni stess tal-kampjonati, huwa marbut mal-ħolqien tad-data li tkun tinsab fid-database in kwistjoni, jiġifieri dawk relatati ma' kull logħba tal-kampjonati differenti. Għaldaqstant, dan l-investiment ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.

48      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat, filwaqt li jkun injorat l-investiment imsemmi fil-punt preċedenti, jekk il-kisba, il-verifika jew il-preżentazzjoni tal-kontenut ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol jinvolvux investiment sostanzjali mill-aspett kwalitattiv jew kwantitattiv.

49      Ir-riċerka u l-kollezzjoni tad-data li tikkostwixxi l-kalendarju tal-logħbiet tal-futbol ma jeħtieġux sforz partikolari min-naħa tal-kampjonati professjonali. Fil-fatt, dawn l-operazzjonijiet ma jistgħux ikunu sseparati mill-ħolqien ta' din id-data, li fih għandhom sehem dirett l-imsemmmija kampjonati bħala l-entitajiet responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kampjonati tal-futbol. Għaldaqstant, il-kisba tal-kontenut ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol ma teħtieġ l-ebda investiment indipendenti minn dak meħtieġ għall-ħolqien tad-data li tinsab f'dan il-kalendarju.

50      Il-kampjonati professjonali tal-futbol m'għandhom bżonn jagħmlu l-ebda sforz partikolari sabiex jivverifikaw l-eżattezza tad-data dwar il-logħbiet tal-kampjonati meta jkun qiegħed jitħejja l-kalendarju peress li l-imsemmija kampjonati huma direttament involuti fil-ħolqien ta' din id-data. Fir-rigward tal-verifika ta' l-eżattezza tal-kontenut tal-kalendarji tal-logħbiet matul l-istaġun, din tinvolvi, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta' Fixtures, fl-aġġustament ta' ċerta data f'dawn il-kalendarji fid-dawl tal-possibbiltà ta' posponiment ta' logħba jew ta' ġurnata tal-kampjonat deċiżi minn jew b'kollaborazzjoni mal-kampjonati. Verifika bħal din ma tistax titqies li tammonta għal investiment sostanzjali.

51      Il-preżentazzjoni ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol hija wkoll marbuta mill-qrib mal-ħolqien stess tad-data li tikkostitwixxi dan il-kalendarju. Għaldaqstant, hija ma tistax titqies li teżiġi investiment indipendenti mill-investiment marbut mal-ħolqien tad-data li tikkostitwixxieh.

52      Minn dan isegwi li la l-kisba, la l-verifika u lanqas il-preżentazzjoni tal-kontenut ta' kalendarju ta' logħbiet tal-futbol ma jinvolvu investiment sostanzjali ta' natura li jiġġustifika l-benefiċċju tal-protezzjoni mid-dritt sui generis stabbilt mill-Artikolu 7 tad-Direttiva.

53      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi magħmula għandha tkun li:

–        Il-kunċett ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva jkopri kull kollezzjoni li tinkludi xogħlijiet, data jew materjal ieħor, li jistgħu jkunu separati minn xulxin mingħajr ma jkun affettwat il-valur tal-kontenut tagħhom, u li tinkludi metodu jew sistema, ta' kwalunkwe xorta, li jippermettu l-irkupru ta' kull wieħed mill-materjal li jikkostitwixxiha.

–        Kalendarju ta' logħbiet tal-futbol bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jammonta għal database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva.

–        Il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database. Dan il-kunċett ma jinkludix il-mezzi użati fil-ħolqien tal-materjal li jikkostitwixxi l-kontenut ta' database. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ħolqien ta' kalendarju ta' logħbiet għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' kampjonati tal-futbol, dan il-kunċett ma jkoprix il-mezzi użati sabiex jiġu ddeterminati d-dati, il-ħinijiet u ż-żewġ timijiet fir-rigward tad-diversi logħbiet ta' dawn il-kampjonati.

54      Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

Il-kunċett ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases, jkopri kull kollezzjoni li tinkludi xogħlijiet, data jew materjal ieħor, li jistgħu jkunu separati minn xulxin mingħajr ma jkun affettwat il-valur tal-kontenut tagħhom, u li tinkludi metodu jew sistema, ta' kwalunkwe xorta, li jippermettu l-irkupru ta' kull wieħed mill-materjal li jikkostitwixxiha.

Kalendarju ta' logħbiet tal-futbol bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jammonta għal database fis-sens ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9.

Il-kunċett ta' investiment marbut mal-kisba tal-kontenut ta' database fis-sens ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-mezzi użati fir-riċerka ta' materjal eżistenti u għall-ġabra tiegħu fl-imsemmija database. Dan il-kunċett ma jinkludix il-mezzi użati fil-ħolqien tal-materjal li jikkostitwixxi l-kontenut ta' database. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ħolqien ta' kalendarju ta' logħbiet għall-finijiet ta' l-organizzazzjoni ta' kampjonati tal-futbol, dan il-kunċett ma jkoprix il-mezzi użati sabiex jiġu ddeterminati d-dati, il-ħinijiet u ż-żewġ timijiet fir-rigward tad-diversi logħbiet ta' dawn il-kampjonati.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.