Language of document : ECLI:EU:C:2011:397

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal użu privat – Artikoli 5(2)(b) u (5) – Kumpens ġust – Debitur tar-remunerazzjoni marbuta mal-finanzjament ta’ dan il-kumpens – Bejgħ mill-bogħod bejn żewġ persuni li jirrisjedu fi Stati Membri differenti”

Fil-Kawża C‑462/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

Stichting de Thuiskopie

vs

Opus Supplies Deutschland GmbH,

Mijndert van der Lee,

Hananja van der Lee,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis, J. Malenovský (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-iStichting de Thuiskopie, minn T. Cohen Jehoram u V. Rörsch, advocaten,

–        għal Opus Supplies Deutschland GmbH kif ukoll għal M. van dr Lee u H. van der Lee, minn D. Visser u A. Quaedvlieg, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u L. Liubertaitė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u G. Kunnert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 5(2)(b) u (5) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Stichting de Thuiskopie (iktar ’il quddiem l-“iStichting”) u Opus Supplies Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Opus”), kif ukoll M. u H. van der Lee, żewġ diretturi ta’ din il-kumpannija, dwar il-ħlas minn dawn tal-aħħar tar-remunerazzjoni intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust mħallas lid-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur abbażi tal-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal użu privat (iktar ’il quddiem ir-“remunerazzjoni għal kopja privata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 2001/29

3        Il‑premessi 9, 10, 31, 32, 35 u 38 tad‑Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens [remunerazzjoni] xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. […]

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. […]

(32)      Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.

[…]

(35)      F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

[…]

(38)      L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet. […]”

4        Skont l‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)      għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

b)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

ċ)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

d)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

e)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”

5        L‑Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, intitolat “Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat”.

6        L‑Artikolu 5(5) tal‑imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Skont L-Artikolu 16 c(1) sa (3) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur (Auteurswet, Staatsblad 2008, Nru 538):

“1.      Ir-riproduzzjoni ta’ biċċa xogħol letterarja, xjentifika jew artistika fuq oġġett iddisinjat għar-riproduzzjoni ta’ biċċa xogħol, ma għandiex titqies bħala ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dak ix-xogħol jekk ir-riproduzzjoni ssir għal skopijiet li la huma direttament u l-anqas indirettament kummerċjali u jekk din isservi esklużivament għal skopijiet ta’ prattika, studju jew użu mill-persuna fiżika li tagħmel ir-riproduzzjoni.

2.      Fir-rigward tar-riproduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun dovut ħlas ta’ rinumerazzjoni ġusta lill-awtur tax-xogħol jew lis-suċċessur legali tiegħu. Il-fabbrikant jew l-importatur tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu responsabbli għall-ħlas ta’ din ir-rimunerazzjoni.

3.      L-obbligu ta’ ħlas tal-fabbrikant jitnissel meta l-oġġetti mmanifatturati minnu jitqiegħdu fis-suq. L-obbligi tal-importatur jitnissel meta sseħħ l-importazzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Kif jirriżulta mill-Artikolu 16c(1) tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, ir-Renju tal-Olanda daħħal fid-dritt nazzjonali tiegħu l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal użu privat. Skont l-Artikolu 16(2) tal-istess liġi, il-ħlas tar-remunerazzjoni għal ikkuppjar privat huwa responsabbiltà tal-fabbrikant jew tal-importatur tal-mezzi ta’ riproduzzjoni.

9        L-iStichting huwa l-korp responsabbli għall-ġbir tar-remunerazzjoni għal ikkuppjar privat.

10      Opus hija kumpannija stabbilita fil-Ġermanja li tbigħ, permezz tal-internet, tagħmir li jaħżen id-data vojt, jiġifieri, mhux irreġistrata. L-attività tagħha hija, b’mod partikolari, diretta lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, permezz ta’ siti tal-internet bil-lingwa Olandiża intiżi għall-konsumaturi Olandiżi.

11      Il-kuntratt tal-bejgħ imħejji minn Opus jipprovdi li, meta konsumatur Olandiż jagħmel ordni online, din hija pproċessata fil-Ġermanja u l-merkanzija tintbagħat mill-Ġermanja għall-Pajjiżi l-Baxxi, f’isem u għan-nom tal-klijent, minn trasportatur postali, għalkemm fil-fatt, dan ikun imqabbad minn Opus.

12      Opus ma tħallasx remunerazzjoni għal ikkuppjar privat, għat-tagħmir ta’ informazzjoni mogħti lill-klijenti tagħha la fil-Pajjiżi l-Baxxi, la f’dan l-Istat Membru u lanqas fil-Ġermanja. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-prezz tal-mezzi ta’ riproduzzjoni b’hekk ikkummerċjalizzati minn Opus ma jinkludux ir-remunerazzjoni għal ikkuppjar privat.

13      Stichtung, peress li jsostni li Opus għandha titqies bħala l-“importatur” kif definit fil-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u, konsegwentement, bħala d-debitur tar-remunerazzjoni għal ikkuppjar privat, ħarrek lil din il-kumpanija quddiem il-qrati Olandiżi għall-ħlas ta’ din ir-remunerazzjoni.

14      Opus, waqt li rreferiet għall-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ bejgħ, ikkontestat li hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-importatur fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni li hija tikkummerċjalizza. Hija ssostni li dawn huma x-xerrejja Olandiżi, jiġifieri l-konsumaturi individwali, li għandhom jiġi kkwalifikati bħala importaturi.

15      Dan l-argument invokat minn Opus bħala difiża ntlaqa’ mill-qrati Olandiżi tal-ewwel istanza, sussegwentement minn dawk tal-appell, li ċaħdu t-talba għall-ħlas tal-iStichting. Dan ippreżenta appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

16      Dan l-aħħar tistaqsi jekk is-soluzzjoni mogħtija għall-kawża prinċipali mill-imsemmija qrati hijiex konformi mal-Direttiva 2001/29. Fil-fatt, skont hi, li jiġi kkunsidrat li x-xerrej, jiġifieri l-konsumatur individwali, huwa l-importatur u, għaldaqstant, id-debitur tar-remunerazzjoni għal-ikkuppjar privat ifisser li jiġi aċċettat li din ma tistax tiġi rkuprata, peress li x-xerrej individwali ma huwiex faċilment identifikabbli fil-prattika. Hija tistaqsi b’hekk wkoll jekk il-kunċett ta’ “importatur” ma għandux ikun iddefinit b’mod iktar wiesa’ minn dak li jirriżulta mis-sens purament lingwistiku ta’ dak it-terminu, meta tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-destinazzjoni finali tal-mezzi ta’ informazzjoni, li hija kjarament ukoll għall-bejjiegħ professjonali.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lil-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-Direttiva [2001/29/KE], b’mod partikolari fl-Artikolu 5(2)(b) u (5) tagħha, tistabbilixxi punti ta’ referenza sabiex tingħata risposta lid-domanda dwar min huwa, fid-dritt nazzjonali, responsabbli għall-ħlas tal-‛kumpens ġust’ fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b)? Jekk [ir-risposta għal din id-domanda hija iva], liema huma dawn il-punti?

2)      Fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, meta x-xerrej ikun residenti fi Stat Membru differenti mill-bejjiegħ, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva [2001/29] jeżiġi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tant wiesgħa li l-‛kumpens ġust’ fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) ikun dovut, minn tal-inqas f’wieħed mill-Istati Membri involuti fil-bejgħ mill-bogħod, minn operatur kummerċjali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) u (5) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma għandhom kriterji li jiddeterminaw min għandu jiġi kkunsidrat bħala d-debitur tal-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal użu privat.

19      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri jipprovdu, fil-prinċipju, lill-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew in parti, tax-xogħlijiet tagħhom.

20      Madankollu, skont l-Artikolu 5(2)(b) ta’ din l-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom id-dritt jipprovdu, fil-prinċipju, eċċezzjoni għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-awtur fuq ix-xogħol tiegħu, meta jkun hemm riproduzzjonijiet ta’ kull tagħmir magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat jew għal finijiet li la huma direttament jew indirettament kummerċjali (eċċezzjoni msejħa “ikkuppjar privat ”).

21      L-Artikolu 5(5) tal-imsemmija direttiva madankollu tissuġġetta l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni tal-ikkuppjar privat għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, qabel kollox, li din l-eċċezzjoni hija applikabbli biss f’każijiet speċjali, imbagħad, li din ma tippreġudikax l-isfruttament normali tax-xogħol u, finalment, li din ma tikkawżax dannu mingħajr raġuni lill-interessi leġittimi tal-proprjetarju tad-dritt tal-awtur.

22      B’hekk fid-dawl ta’ din l-aħħar kundizzjoni, l-Istati Membri li jiddeċiedu li jistabbilixxu l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar għal użu privat fid-dritt intern tagħhom, għandhom, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, jipprovdu għall-ħlas ta’ “kumpens ġust” għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet (ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan, C-467/08, Ġabra p. I‑10055, punt 30).

23      Fir-rigward tar-risposta għad-domanda dwar l-identifikazzjoni tal-persuna li għandha tiġi kkunsidrata bħala d-debitur tal-kumpens ġust, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jirregolawx b’mod espliċitu l-kwistjoni dwar min għandu jħallas l-imsemmi kumpens, hekk li l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw min għandu jħallas dan il-kumpens ġust.

24      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l‑kunċett u l‑livell tal-kumpens ġust huma marbutin mad-dannu li jirriżulta għall‑awtur mir‑riproduzzjoni tax‑xogħol protett tiegħu li ssir mingħajr l‑awtorizzazzjoni tiegħu għal użu privat. F’din il‑perspettiva, il‑kumpens ġust għandu jitqies bħala l‑kontroparti tad-dannu li jsofri l‑awtur (sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

25      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll mill-punt 43 tas-sentenza Padawn, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jinżamm “bilanċ ġust” bejn id‑drittijiet u l‑interessi tal‑awturi, benefiċjarji tal‑kumpens ġust, minn naħa, u dawk tal‑utenti ta’ oġġetti protetti, min‑naħa l‑oħra.

26      Meta l‑persuna li tikkawża d-dannu lid‑detentur esklużiv tad‑dritt ta’ riproduzzjoni hija dik li tagħmel, għall‑użu privat tagħha, tali riproduzzjoni ta’ xogħol protett mingħajr ma titlob l‑awtorizzazzjoni minn qabel tal‑imsemmi detentur, bħala regola, hija din il‑persuna li għandha tħallas għad-dannu marbut ma’ din ir‑riproduzzjoni, billi tiffinanzja l‑kumpens li għandu jitħallas lil dan id‑detentur (sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

27      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, fid‑dawl tad‑diffikultajiet prattiċi sabiex jiġu identifikati l‑utenti privati kif ukoll sabiex jiġu obbligati jikkumpensaw lid-detenturi tad-drittijiet għad-dannu li joħolqulhom, huwa possibbli għall‑Istati Membri li jistabbilixxu, għall‑finijiet tal‑finanzjament tal‑kumpens ġust, “remunerazzjoni għal ikkuppjar privat” li għandhom iħallsuha mhux il‑persuni privati kkonċernati, imma dawk li jkollhom l-attrezzatura, it-tagħmir u l-mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li, għalhekk, fid‑dritt jew fil‑fatt, ipoġġu din l-attrezzatura għad‑dispożizzjoni tal‑persuni privati jew jagħtu lil dawn tal‑aħħar servizz ta’ riproduzzjoni. Fil‑kuntest ta’ tali sistema, huma l‑persuni li għandhom din l‑attrezzatura li għandhom jagħmlu l‑ħlas għal ikkuppjar privat (sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, peress li l-imsemmija sistema tippermetti lill-persuni responsabbli għall-ħlas li jgħaddu l-ispiża tar-remunerazzjoni għall-ħlas għal ikkuppjar privat fil-prezz ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija attrezzatura, tagħmir u mezzi ta’ riproduzzjoni jew fil-prezz tas-servizz ta’ riproduzzjoni mogħti, ir-responsabbiltà għall-ħlas tar-rimunerazzjoni hija b’mod definittiv tal-utent privat li ħallas dan il-prezz, u dan konformi mal-“bilanċ ġust” li għandu jinstab bejn l-interessi tal-awturi u dawk tal-utenti tal-oġġetti protetti (sentenza Padawan, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49)

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li d-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikoli 5(2)(b) u 5(5) tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-utent finali li jagħmel, privatament, riproduzzjoni ta’ xogħol protett, għandu, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala d-debitur tal-kumpens ġust ipprovdut fl-imsemmi Artikolu 5(2)(b). Madankollu, huwa possibbli għall-Istati Membri li jintroduċu remunerazzjoni għal ikkuppjar privat li titħallas mill-persuni li jagħmlu disponibbli għal dan l-utent l-attrezzatura, it-tagħmir jew il-mezzi ta’ riproduzzjoni, peress li dawn il-persuni għandhom il-possibbiltà li jirkupraw l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni fil-prezz tal-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni mill-utent finali.

 Fuq it-tieni domanda

30      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk, f’każ ta’ kuntratt mill-bogħod bejn xerrej u bejjiegħ professjonali ta’ attrezzatura, tagħmir jew mezzi ta’ riproduzzjoni li huma stabbiliti fi Stati Membri differenti, id-Direttiva 2001/29 timponix interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tippermetti l-ħlas tal-kumpens ġust mingħand debitur li jaġixxi bħala kummerċjant.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ applikazzjoni, inkluża l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar privat, ma għandu, bħala tali, ebda indikazzjoni speċifika tali sabiex tippermetti interpretazzjoni speċifika rigward il-persuna li għandha tiġi kkunsidrata bħala d-debitur tal-kumpens ġust dovut lill-awturi skont l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar privat fil-kuntest ta’ kuntratt mill-bogħod bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32      Għandu jitfakkar ukoll li mill-premessa 9 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jiggarantixxi minn livell għoli ta’ protezzjoni tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati, peress li dawn huma essenzjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tikkontribwixxi għaż-żamma u għall-iżvilupp tal-kreattività fl-interessi tal-awturi, tal-artisti, tal-produtturi, tal-konsumaturi, tal-kultura, tan-negozju u tal-pubbliku ġenerali. B’hekk, skont il-premessa 10 tal-istess direttiva, l-awturi jew l-artisti, sabiex ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom.

33      B’mod partikolari, mill-Artikolu 5(2)(b) u mill-premessa 35 tad-direttiva jirriżulta li, fl-Istati Membri li introduċew l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar privat, id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust sabiex jiġu kkumpensati b’mod adegwat għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ oġġetti oħra protetti magħmula mingħajr il-kunsens tagħhom. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(5) tal-istess direttiva, l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni tal-ikkuppjar privat ma tistax tikkawża dannu lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt tal-awtur.

34      Isegwi li, sakemm ma jkunux imċaħħda minn kull effettività, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu fuq l-Istat Membru li introduċa l-eċċezzjoni tal-ikkuppjar privat fid-dritt nazzjonali tiegħu obbligu ta’ riżultat, fis-sens li l-Istat għandu jiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, il-ġbir tal-kumpens ġust intiż sabiex jikkumpensa l-awturi li ġarrbu d-dannu, b’mod partikolari jekk dan beda fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

35      Peress li, kif kien intqal fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, bħala prinċipju, huma l-utenti finali li jagħmlu, għall-użu privat tagħhom, riproduzzjoni ta’ xogħol protett mingħajr ma jitolbu l-awtorizzazzjoni minn qabel tas-sid tad-detentur ta’ drittijiet u li, għaldaqstant, jikkawżaw lil dan tal-aħħar dannu, li għandhom jikkumpensaw dan id-dannu, jista’ jiġi preżunt li d-dannu li għalih għandu jingħata kumpens beda fit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedu dawn l-utenti finali.

36      Jirriżulta minn dak li ntqal li, jekk Stat Membru jkun daħħal eċċezzjoni ta’ kkuppjar privat fid-dritt nazzjonali tiegħu, u jekk l-utenti finali li jagħmlu, privatament, ir-riproduzzjoni ta’ xogħol protett jirrisjedu fit-territorju tiegħu, dan l-Istat Membru huwa obbligat li jiżgura, skont il-kompetenza territorjali tiegħu, ħlas effettiv tal-kumpens ġust bħala kumpens għad-dannu mġarrab mill-awturi fit-territorju tal-imsemmi Stat.

37      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, huwa paċifiku li d-dannu mġarrab mill-awturi beda fit-territorju Olandiż, peress li x-xerrejja, bħala utenti finali, privatament, ta’ xogħlijiet protetti, jirrisjedu hemmhekk. Huwa wkoll paċifiku li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għażel li jistabbilixxi sistema ta’ ġbir tal-kumpens ġust dovut taħt l-eċċezzjoni ta’ kkuppjar privat mill-fabbrikant jew mill-importatur tat-tagħmir intiż għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti.

38      Skont l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kuntest ta’ kuntratti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa fil-prattika impossibbli li jinġabar tali kumpens mingħand l-utenti finali bħala importaturi ta’ dan it-tagħmir fil-Pajjiżi l-Baxxi.

39      Jekk dan huwa l-każ, u fid-dawl tal-fatt li s-sistema ta’ ġbir magħżula mill-Istat Membru kkonċernat ma tistax teskludi lil dan tal-aħħar mill-impost fuqu li jiżgura lill-awturi ddanneġġjati l-ħlas effettiv ta’ kumpens ġust għad-dannu li beda fit-territorju tiegħu, huma l-awtoritajiet, b’mod partikoalri dawk ġudizzjarji, ta’ dan l-Istat Membru li għandhom ifittxu interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mal-imsemmi obbligu ta’ riżultat, li jiżgura l-ġbir tal-imsemmi kumpens mingħand il-bejjiegħ li kkontribwixxa għall-importazzjoni tal-imsemmi tagħmir billi tagħmlu disponibbli għall-utenti finali.

40      F’dan ir-rigward, f’ċirkustanzi bħal dawk imfakkra b’mod partikolari fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, jibqa’ mingħajr ebda effett fuq dan l-obbligu li għandu l-isemmi Stat Membru l-fatt li fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-bejjiegħ professjonali li jipprovdi lix-xerrejja residenti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, bħala utenti finali l-attrezzatura, it-tagħmir, jew il-mezzi ta’ riproduzzjoni, huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li d-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) u (5) għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-Istat Membru li jkun istitwixxa sistema ta’ remunerazzjoni għal ikkuppjar privat li titħallas mill-fabbrikant jew mill-importatur ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, u li fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jiġi kawżat id-dannu lill-awturi mill-użu għal finijiet privati tax-xogħlijiet tagħhom minn xerrejja li jirrisjedu hemmhekk, li għandu jiżgura li dawn l-awturi fil-fatt jirċievu effettivament il-kumpens ġust intiż sabiex jikkumpensawhom għal dan id-dannu. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-bejjiegħ professjonali tal-attrezzatura, tat-tagħmir u tal-mezzi ta’ riproduzzjoni huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor għajr fejn jirrisjedu x-xerrejja ma għandu l-ebda effett fuq dan l-obbligu ta’ riżultat. Hija l-qorti nazzjonali li għandha, fil-każ li ma jkunx possibbli li jiġi żgurat il-ġbir tal-kumpens ġust mingħand ix-xerrejja, tinterpreta d-dritt nazzjonali sabiex jista’ jsir il-ħlas ta’ dan il-kumpens mingħand debitur li jaġixxi bħala kummerċjant.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) u (5) tagħha, għandha tiġi interpretati fis-sens li l-utent finali li jagħmel, privatament, riproduzzjoni ta’ xogħol protett, għandu, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala d-debitur tal-kumpens ġust ipprovdut fl-imsemmi Artikolu 5(2)(b). Madankollu, huwa possibbli għall-Istati Membri li jintroduċu remunerazzjoni għal ikkuppjar privat li titħallas mill-persuni li jagħmlu disponibbli għal dan l-utent l-attrezzatura, it-tagħmir jew il-mezzi ta’ riproduzzjoni, peress li dawn il-persuni għandhom il-possibbiltà li jirkupraw l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni fil-prezz tal-imsemmi tqegħid għad-dispożizzjoni mill-utent finali.

2)      Id-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) u (5) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-Istat Membru li jkun istitwixxa sistema ta’ remunerazzjoni għal ikkuppjar privat li titħallas mill-fabbrikant jew mill-importatur ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, u li fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jiġi kawżat id-dannu lill-awturi mill-użu għal finijiet privati tax-xogħlijiet tagħhom minn xerrejja li jirrisjedu hemmhekk, li għandu jiżgura li dawn l-awturi fil-fatt jirċievu effettivament il-kumpens ġust intiż sabiex jikkumpensawhom għal dan id-dannu. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-bejjiegħ professjonali tal-attrezzatura, tat-tagħmir u tal-mezzi ta’ riproduzzjoni huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn jirrisjedu x-xerrejja ma għandu l-ebda effett fuq dan l-obbligu ta’ riżultat. Hija l-qorti nazzjonali li għandha, fil-każ li ma jkunx possibbli li jiġi żgurat il-ġbir tal-kumpens ġust mingħand ix-xerrejja, tinterpreta d-dritt nazzjonali sabiex jista’ jsir il-ħlas ta’ dan il-kumpens mingħand debitur li jaġixxi bħala kummerċjant.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.