Language of document : ECLI:EU:C:2012:283

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Mejju 2012 (*)

“Artikoli 3 KE, 10 KE, 43 KE, 49 KE u 81 KE — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Direttiva 2006/123/KE — Artikoli 15 u 16 — Konċessjoni ta’ servizzi ta’ likwidazzjoni, ta’ verifika u ta’ rkupru ta’ taxxi jew ta’ dħul ieħor tal-amministrazzjonijiet lokali — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Kapital azzjonarju minimu — Obbligu”

Fil-Kawżi magħquda C‑357/10 sa C‑359/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-20 ta’ Ottubru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura

Duomo Gpa Srl (C‑357/10),

Gestione Servizi Pubblici Srl (C‑358/10),

Irtel Srl (C‑359/10)

vs

Comune di Baranzate (C‑357/10 u C‑358/10),

Comune di Venegono Inferiore (C‑359/10),

fil-preżenza ta’:

Agenzia Italiana per le Pubbliche Amministrazioni Spa (AIPA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Comune di Baranzate, minn A. Soncini, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Bellis, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. M. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u I. V. Rogalski, kif ukoll minn S. La Pergola, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 KE, 10 KE, 43 KE, 49 KE u 81 KE, kif ukoll tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, rispettivament, Duomo Gpa srl (iktar ’il quddiem “Duomo”) u Gestione Servizi Pubblici Srl (iktar ’il quddiem “GSP”) u l-Comune di Barazate, kif ukoll Irtel Srl (iktar ’il quddiem “Irtel”) u l-Comune di Venegono Inferiore, dwar l-esklużjoni tagħhom minn proċeduri ta’ sejħa għal offerti; dawn it-tliet kawżi seħħew fil-preżenza tal-Agenzia Italiana per le Pubbliche Amministrazioni SpA (iktar ’il quddiem “AIPA”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi, din tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jippermettu li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri kif ukoll il-moviment liberu tas-servizzi, filwaqt li tiggarantixxi livell għoli ta’ kwalità għas-servizzi.

4        Skont l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha skont ir-regoli tat-Trattat li jirregolaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi.

5        L-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar is-servizzi jinsab fil-Kapitolu III tagħha, u huwa intitolat “Libertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”.

6        L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, u huwa intitolat “Moviment liberu ta’ servizzi” [Liberta’ li jiġu pprovduti servizzi].

7        Skont l-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva dwar is-servizzi, din daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Diċembru 2006 u kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Diċembru 2009.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        It-Titolu III tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446, dwar l-istabbiliment tat-taxxa reġjonali fuq l-attivitajiet ta’ produzzjoni, reviżjoni tal-livelli ta’ taxxa (tax bands), tar-rati u tat-tnaqqisijiet tat-taxxa fuq id-dħul (l-IRPEF) u l-istabbiliment ta’ taxxa reġjonali addizzjonali fuq din it-taxxa, kif ukoll l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni lokali tat-taxxa (Decreto legislativo n. 446 — Istituzione dell’imposta regionale sulle attività produttive, revisione degli scaglioni, delle aliquote e delle detrazioni dell’Irpef e istituzione di una addizionale regionale a tale imposta, nonché riordino della disciplina dei tributi locali), tal-15 ta’ Diċembru 1997 (suppliment ordinarju Nru 252 fil-GURI, serje ġenerali Nru 298, tat-23 ta’ Diċembru 1997), jikkonċerna l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-leġiżlazzjoni lokali tat-taxxa.

9        L-Artikolu 52 ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv jipprevedi:

“1.      Il-provinċji u l-komuni jistgħu jorganizzaw, permezz ta’ regolamenti, id-dħul tagħhom stess, anki dawk fiskali, ħlief f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni u d-definizzjoni tas-sitwazzjonijiet taxxabbli, tal-persuni taxxabbli u tar-rata massima ta’ kull taxxa, b’osservanza tar-rekwiżiti ta’ simplifikazzjoni tal-obbligi tal-persuni taxxabbli. Fin-nuqqas ta’ regolamenti, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ.”

[…]

5.      F’dak li jikkonċerna l-istabbiliment u l-irkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor, ir-regolamenti għandhom ikunu konformi mal-kriterji li ġejjin:

[…]

b)      meta jiġi deċiż li l-istabbiliment u l-irkupru ta’ taxxi u tad-dħul kollu għandhom jiġu fdati lil terzi, anki b’mod separat, l-attivitajiet rilevanti għalihom għandhom jiġu fdati, b’osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-proċeduri fis-seħħ fil-qasam tal-għoti tal-ġestjoni tas-servizzi pubbliċi lokali:

1)      lill-persuni mniżżla fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 53(1);

2)      lill-operaturi tal-Istati Membri li huma stabbiliti f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea u jeżerċitaw l-imsemmija attivitajiet; dawn l-operaturi għandhom jippreżentaw ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-Istat ta’ stabbiliment tagħhom li jiċċertifika li huma jissodisfaw rekwiżiti ekwivalenti għal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana f’dan il-qasam;

3)      lill-kumpanniji b’kapital totalment pubbliku […]”

10      L-Artikolu 32(7a) tad-Digriet Liġi Nru 185, tad-29 ta’ Novembru 2008, dwar dispożizzjonijiet urġenti ta’ għajnuna lill-familji, lix-xogħol, lill-impjiegi u lill-impriżi, u intiż li jiddefinixxi mill-ġdid il-qafas strateġiku nazzjonali għal funzjoni kontra l-kriżi (Suppliment ordinarju Nru 263 fil-GURI Nru 280, tad-29 ta’ Novembru 2008), miżjud bil-liġi Nru 2, tat-28 ta’Jannar 2009, dwar konverżjoni fil-liġi, b’emendi, tad-Digriet Liġi Nru 185 (Suppliment ordinarju Nru 14 fil-GURI Nru 22, tat-28 ta’ Jannar 2009), u sussegwentement emendat bil-liġi Nru 14 tas-27 ta’ Frar 2009 (Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana Nru 49, tat-28 ta’ Frar 2009, iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali” jaqra kif ġej:

“L-ammont minimu ta’ kapital meħtieġ mill-kumpanniji, skont l-Artikolu 53(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446 tal-15 ta’ Diċembru 1997, kif emendat, sabiex jitniżżlu fir-reġistru ta’ persuni privati awtorizzati jwettqu attivitajiet ta’ likwidazzjoni u ta’ stabbiliement ta’ taxxi u ta’ dawk l-attivitajiet ta’ rkupru ta’ taxxi u dħul ieħor tal-provinċji u tal-komuni, huwa stabbilit għal ammont minimu ta’ EUR [10] miljuni kompletament imħallsa. Il-kumpanniji li l-parti l-kbira tal-kapital azzjonarju tagħhom huwa pubbliku huma esklużi mil-limitu msemmi fis-sentenza ta’ qabel din. L-għoti ta’ servizzi ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali lil persuni li ma jissodisfawx il-kundizzjoni finanzjarja msemmija iktar ’il fuq, huwa null. Il-persuni mniżżla f’dan ir-reġistru għandhom jadattaw il-kapital azzjonarju tagħhom għall-ammont minimu msemmi iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, huma ma jistgħux jiksbu għotjiet ġodda jew jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti miftuħa għal dan l-għan, sakemm dawn ikunu għadhom ma wettqux dan l-adattament.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

11      Il-Kawżi C‑357/10 u C‑359/10 joriġinaw minn proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa mill-komun ta’ Baranzate, fix-xahar ta’ Frar 2009, għall-għoti, lill-operatur li jippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, tal-konċessjoni tas-servizzi ta’ ġestjoni, likwidazzjoni, u rkupru ta’ ċerti taxxi u dħul lokali ieħor matul perijodu ta’ ħames snin bejn l-1 ta’ Mejju 2009 u t-30 ta’ April 2014. Il-valur tas-servizzi għall-perijodu kollu meħud inkunsiderazzjoni kien stmat għal EUR 57 000 eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud.

12      Sitt impriżi privati, kollha kemm huma stabbiliti fl-Italja, ippreżentaw offerta, fosthom Duomo, GSP u AIPA. Fl-1 u fit-3 ta’ April 2009, il-komun ta’ Baranzate informa lil Duomo u lil GSP li huma kienu ġew esklużi mill-proċedura, mill-kummissjoni aġġudikanti minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit previst fid-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienet iffissat l-ammont minimu tal-kapital kompletament imħallas meħtieġ sabiex ikunu awtorizzati jwettqu attivitajiet ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali, għal EUR 10 miljun. Sussegwentement, il-konċessjoni ġiet attribwita lil AIPA.

13      Il-fatti li wasslu għall-Kawża C‑359/10 jmorru lura għal sejħa għal offerti miftuħa fit-22 ta’ Jannar 2009 mill-komun ta’ Venegono Inferiore, intiża sabiex tattribwixxi, lill-operatur li jipproponi l-prezz l-iktar baxx abbażi tal-perċentwali ta’ tariffi bankarji l-inqas għoli, il-konċessjoni ta’ servizzi ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ordinarju u forzat tat-taxxa komunali fuq ir-reklamar u ta’ drittijiet fuq it-twaħħil pubbliku ta’ kartelluni, għal perijodu ta’ erba’ snin bejn it-23 ta’ Frar 2009 u l-31 ta’ Diċembru 2012. Il-valur tas-servizzi għall-perijodu kollu kien stmat għal madwar EUR 49 000 minbarra t-taxxa fuq il-valur miżjud.

14      Ħames impriżi ppreżentaw offerta, fosthom Irtel u AIPA, li kienu jinsabu rispettivament l-ewwel u t-tieni fil-klassifika provviżorja. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2009, il-korp aġġudikanti eskluda lil Irtel mill-proċedura tal-għoti tal-kuntratti minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Sussegwentement, il-konċessjoni ġiet attribwita lil AIPA.

15      Duomo, GSP u Irtel ippreżentaw rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni mill-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fit-tilwima li wasslet għall-Kawża C‑357/10, Duomo tinvoka l-ksur tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ kompetizzjoni minħabba li kumpanniji li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma pubbliċi jibbenefikaw minn sistema iktar favorevoli.

16      Fit-tilwim li jikkostitwixxi l-bażi tal-Kawżi C‑358/10 u 359/10, GSP u Irtel isostnu li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mal-Artikoli 3 KE, 10 KE, 43 KE, 49 KE, 81 KE, 82 KE, 86 KE u 90KE, kif ukoll mal-prinċipji ta’ neċessità, ta’ razzjonalità u ta’ proporzjonalità li jirriżultaw mill-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi. Skont dawn, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, sa fejn hija tintroduċi rekwiżit sproporzjonat meta mqabbel mal-għan li l-leġiżlazzjoni hija intiża li ssegwi u twassal għal diskriminazzjoni favur kumpanniji li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma pubbliċi sa fejn dawn ma humiex ikkonċernati bil-livell ta’ kapital il-ġdid.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin, liema domandi huma identiċi għat-tliet kawżi prinċipali:

“1)      Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Artikolu 32(7)bis [32(7a)] tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 185 tad-29 ta’ Novembru 2008, miżjud mil-liġi ta’ konverżjoni Nru 2 tat-28 ta’ Jannar 2009 u sussegwentement emendat bil-Liġi Nru 14 tas-27 ta’ Frar 2009, li jipprovdu, barra għall-kumpanniji b’kapital, fil-parti l-kbira, pubbliku:

–        li l-għoti ta’ servizzi li jirrigwardaw il-likwidazzjoni, l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l‑irkupru] ta’ taxxi u dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali lil persuni li ma jissodisfawx ir-rekwiżit finanzjarju minimu ta’ kapital azzjonarju kompletament imħallas fl-ammont ta’ EUR 10 miljun huwa invalidu;

–        li persuni mniżżla fir-reġistru rilevanti ta’ persuni awtorizzati sabiex iwettqu attivitajiet li jirrigwardaw l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-provinċji u tal-muniċipalitajiet [komuni] huma meħtieġa jgħollu l-kapital azzjonarju tagħhom għall-ammont minimu msemmi skont l-Artikolu 53(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446 tal-15 ta’ Diċembru 1997, kif […] emendat;

–        li huwa pprojbit li jinkisbu kuntratti ġodda jew li ssir parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti għall-għoti ta’ servizzi li jirrigwardaw il-likwidazzjoni, l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali sakemm ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq li jiżdied il-kapital azzjonarju ma jkunx ġie sodisfatt,

jipprekludi l-applikazzjoni korretta tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva [dwar is-servizzi]?

2)      Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Artikolu 32(7)bis [32(7a)] tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 185 tad-29 ta’ Novembru 2008, miżjud mil-liġi ta’ konverżjoni Nru 2 tat-28 ta’ Jannar 2009 u sussegwentement emendat bil-Liġi Nru 14 tas-27 ta’ Frar 2009, li jipprovdu, barra għall-kumpanniji b’kapital, fil-parti l-kbira, pubbliku:

–        li l-għoti ta’ servizzi li jirrigwardaw il-likwidazzjoni, l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali lil persuni li ma jissodisfawx ir-rekwiżit finanzjarju minimu ta’ kapital azzjonarju kompletament imħallas fl-ammont ta’ EUR 10 miljun huwa invalidu;

–        li persuni mniżżla fir-reġistru rilevanti ta’ persuni awtorizzati sabiex iwettqu attivitajiet li jirrigwardaw l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-provinċji u tal-muniċipalitajiet [komuni] huma meħtieġa jgħollu l-kapital azzjonarju tagħhom għall-ammont minimu msemmi skont l-Artikolu 53(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 446 tal-15 ta’ Diċembru 1997, kif […] emendat;

–        li huwa pprojbit li jinkisbu kuntratti ġodda jew li ssir parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti għall-għoti ta’ servizzi li jirrigwardaw il-likwidazzjoni, l-istima u l-ġbir [il-likwidazzjoni, l-istabbiliment u l-irkupru] ta’ taxxi u dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali sakemm ir-rekwiżit imsemmi iktar ’il fuq li jiżdied il-kapital azzjonarju ma jkunx ġie sodisfatt,

jipprekludu l-applikazzjoni korretta tal-Artikoli 3 [KE], 10 [KE], 43 [KE], 49 [KE] u 81 KE […]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

18      Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 11 sa 14 ta’ din is-sentenza, il-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali seħħew matul il-perijodu ta’ qabel it-28 ta’ Diċembru 2009, data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi, skont l-Artikolu 44(1) tagħha.

19      Għalhekk, anki jekk wieħed jippreżupponi li din id-direttiva għandha titqies li twettaq armonizzazzjoni totali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din iċ-ċirkustanza ma twassalx sabiex tixxekkel ir-rilevanza tad-dritt primarju għall-perijodu ta’ qabel it-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva (ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ April 1979, Ratti, 148/78, Ġabra p. 1629, punti 36 u 42 sa 44, kif ukoll tal-11 ta’ Mejju 1999, Monsees, C‑350/97, Ġabra p. I‑2921, punt 27).

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’din il-kawżi huwa xieraq li t-tieni domanda tiġi eżaminata l-ewwel, liema domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt primarju fir-rigward tal-fatti bħal dawk li wasslu għall-imsemmija kawżi.

 Fuq it-tieni domanda

21      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3 KE, 10 KE, 43 KE, 49 KE u/jew 81 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi:

–        l-obbligu ta’ operaturi ekonomiċi, minbarra kumpanniji li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma pubbliċi, sabiex jekk ikun il-każ, jadattaw għall-ammont ta’ EUR 10 miljun, l-ammont minimu ta’ kapital kompletament imħallas sabiex ikunu awtorizzati jwettqu attivitajiet ta’ likwidazzjoni, ta’ verifika u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali;

–        in-nullità tal-għoti ta’ tali servizzi lil operaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu, u

–        il-projbizzjoni li jiksbu kuntratti ġodda jew li jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti miftuħa għall-għoti ta’ dawn is-servizzi sakemm l-obbligu ta’ adattament tal-kapital azzjonarju ma jiġix sodisfatt.

22      Sa fejn id-domanda magħmula, kif ifformulata mill-ġdid fil-punt ta’ qabel dan, tikkonċerna interpretazzjoni tal-Artikoli 3 KE, 10 KE u 81 KE, għandu jitfakkar li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C‑384/08, Ġabra p. I‑2055, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jipprovdux lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-provi ta’ fatt u ta’ dritt li jippermettulha tiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom, dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jaqgħu taħt l-imsemmija artikoli. B’mod partikolari, l-imsemmija deċiżjonijiet ma jipprovdu ebda spjegazzjoni fir-rigward tar-rabta li huma jistabbilixxu bejn l-imsemmija artikoli u l-kawżi prinċipali jew is-suġġett tagħhom.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn hija tikkonċerna interpretazzjoni tal-Artikoli 3 KE, 10 KE u 81 KE.

25      F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, mill-proċess jirriżulta li l-elementi kollha fil-kawżi prinċipali huma limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni f’dawn il-kawżi sabiex tiddeċiedi dwar dawn l-aħħar dispożizzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 64, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet, C‑245/09, Ġabra p. I‑13771, punti 9 u 10).

26      Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skont il-formulazzjoni tagħha, tapplika mingħajr distinzjoni għall-operaturi Taljani u għall-operaturi ta’ Stati Membri oħra, tista’ taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat biss sa fejn din tkun tapplika għal sitwazzjonijiet li jkollhom rabta mal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C‑448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 21; tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et, C‑6/01, Ġabra p. I‑8621, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Centro Europa 7, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, Ġabra p. I‑4629, punt 40).

27      Madankollu, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, f’dan il-każ ma jistax jiġi eskluż li kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana kienu jew huma interessati li jwettqu, f’dan l-aħħar stat Membru, l-attivitajiet bħal dak li huma s-suġġett tal-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

28      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 49 KE mitluba mill-qorti tar-rinviju tista’ tkun utli għaliha fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jimponi li operatur Taljan ikun igawdi mill-istess drittijiet li jgawdi minnhom operatur ta’ Stat Membru ieħor jislet mid-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Centro Europa 7, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Blanco Pérez u Chao Gómez, punt 39). Dwar dan il-punt, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, il-qorti nazzjonali mmotivat id-deċiżjoni tagħha għalfejn fil-fehma tagħha huwa meħtieġ li jsiru domandi preliminari billi rrilevat li l-legalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tiddependi b’mod partikolari mill-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

29      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

30      F’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-prinċipji ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi u ta’ libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi ddeterminat jekk l-operatur ekonomiku huwiex stabbilit jew le fl-Istat Membru li fih huwa joffri s-servizz inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 22). Meta dan ikun stabbilit fl-Istat Membru li fih huwa joffri dan is-servizz, huwa jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, kif definit fl-Artikolu 43 KE. Meta, min-naħa l-oħra, l-operatur ekonomiku ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru destinatarju, huwa jkun fornitur transkonfinali li jaqa’ taħt il-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi previst fl-Artikolu 49 KE (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑171/02, Ġabra p. I‑5645, punt 24).

31      F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ stabbiliment jimplika li l-operatur joffri s-servizzi tiegħu, b’mod stabbli u kontinwu, minn stabbiliment fl-Istat Membru destinatarju. Min-naħa l-oħra, huma “[provvisti ta’] servizzi” fis-sens tal-Artikolu 49 KE l-provvisti kollha li ma humiex offruti b’mod stabbli u kontinwu, minn stabbiliment fl-Istat Membru destinatarju (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ebda dispożizzjoni tat-Trattat KE ma tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod astratt, it-tul jew il-frekwenza li abbażi tagħha l-provvista ta’ servizz jew ta’ ċertu tip ta’ servizz ma jkunx jista’ jibqa’ jitqies bħala provvista ta’ servizzi, b’mod li l-kunċett ta’ “servizz” fis-sens tat-Trattat jista’ jkopri servizzi ta’ natura differenti ħafna, inkluż servizzi li l-provvista tagħhom hija mifruxa fuq perijodu imtawwal, saħansitra fuq numru ta’ snin (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer, C-215/01, Ġabra p. I‑14847, punti 30 u 31, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; tas-16 ta’Lulju 2009, von Chamier-Glisczinski, C‑208/07, Ġabra p. I‑6095, punt 74, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz, C‑97/09, Ġabra p. I‑10465, punt 42).

33      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, bħala prinċipju, tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 43 KE kif ukoll tal-Artikolu 49 KE. Ikun mod ieħor kieku, hekk kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, fil-prattika, l-irkupru ta’ taxxi lokali ma jkunx jista’ jitwettaq mingħajr ma jintuża stabbiliment fit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru destinatarju. Fejn ikun neċessarju, tkun il-qorti tar-rinviju li jkollha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-Artikoli 43 KE u 49 KE, jekk ir-rekwiżiti li jirriżultaw, b’mod espliċitu jew impliċitu, minn dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxux restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u/jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

35      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 43 KE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr distinzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat u li tali effetti restrittivi jistgħu jirriżultaw meta, minħabba leġiżlazzjoni nazzjonali, kumpannija tista’ tiġi skoraġġuta milli toħloq entitajiet subordinati, bħal stabbiliment stabbli, fi Stati Membri oħra u li teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ tali entitajiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, DHL International, C‑148/10, Ġabra p. I‑9543, punt 60).

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, ukoll jekk din tapplika indistintivament għall-fornituri nazzjonali u għal dawk tal-Istati Membri l-oħra, meta din hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn hu legalment jipprovdi servizzi analogi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger, C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑9083, punt 85). F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑381/93, Ġabra p. I‑5145, punt 17, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, b’mod konformi mad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri minbarra r-Repubblika Taljana huma, bħalma huma l-operaturi privati fl-Italja, marbuta, sabiex iwettqu attivitajiet ta’ likwidazzjoni, ta’ stabbiliment u ta’ rkupru ta’ ċertu dħul tal-awtoritajiet lokali, ikollhom ammont minimu ta’ kapital azzjonarju kompletament imħallas ta’ EUR 10 miljun, jekk ikun il-każ billi jadattaw il-kapital tagħhom għal dan il-livell sabiex jevitaw li xi konċessjonijiet ta’ kuntratti li possibbilment ikunu diġà ingħataw lilhom jibdew jitqiesu nulli.

38      Obbligu bħal dan jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, minn naħa, huwa jinkludi kundizzjoni ta’ kapital azzjonarju minimu (ara, b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 u 54, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑514/03, Ġabra p. I‑963, punt 36) u, min-naħa l-oħra, hekk kif irrileva l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwa jorbot lill-operaturi privati li jixtiequ jwettqu l-attivitajiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali sabiex jikkostitwixxu ruħhom bħala persuna ġuridika (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punti 41 u 42, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 31). Għaldaqstant, dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tfixkel jew tagħmel inqas attraenti, fis-sens tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbiliti, rispettivament, fl-Artikoli 43 KE u 49 KE.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat sa fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi aċċettata taħt waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 KE jew iġġustifikata, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C‑167/01, Ġabra p. I‑10155, punt 107, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 55).

40      L-unika raġuni ta’ ġustifikazzjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija l-protezzjoni tal-amministrazzjoni pubblika kontra l-eventwali nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-kumpannija konċessjonarja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-valur totali għoli tal-kuntratti li hija għandha.

41      Dwar dan il-punt, mill-osservazzjonijiet tal-Comune di Barazate jirriżulta li l-konċessjonarji jirċievu bil-quddiem id-dħul fiskali kopert mill-konċessjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont dan il-komun, huwa biss wara tnaqqis ta’ “kummissjoni ta’ ġbir” li t-taxxi għandhom, fi tmiem kull erba’ xhur, jitħallsu lill-amministrazzjoni pubblika. Il-Comune di Baranzate jindika li, wara li titnaqqas il-kummissjoni ta’ ġbir, il-qligħ tal-konċessjonarji jiġi minn tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa bil-fondi li jkunu jinsabu f’idejn l-imsemmija konċessjonarji. Għalhekk, il-konċessjonarju huwa detentur u jħaddem miljuni ta’ euro liema flus huwa obbligat li sussegwentement iħallashom lill-amministrazzjoni pubblika.

42      F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi ammess li l-għan espost fil-punt 40 ta’ din is-sentenza jista’ jitqies bħala li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u mhux bħala raġuni ta’ natura purament ekonomika (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann, C‑109/04, Ġabra p. I‑2421, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, punt 59), għandu jitfakkar li l-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat tippresupponi li l-miżura inkwistjoni tkun adegwata sabiex jiġi ggarantit it-twettiq tal-għan tagħha u li din il-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, leġiżlazzjoni nazzjonali hija biss xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat jekk hija tissodisfa, b’mod reali, ix-xewqa li dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 55, u Attanasio Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

43      Issa, hekk kif il-qorti tar-rinviju kkonstatat hija stess, dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn sew mill-għan ta’ protezzjoni tal-amministrazzjoni pubblika min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-konċessjonarji.

44      Fil-fatt, din il-qorti rrilevat li ċerti prekawzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni Taljana, skont hi huma ta’ natura li jipproteġu, b’mod iktar proporzjonat, lill-amministrazzjoni pubblika kontra n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-konċessjonarji. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni Taljana teħtieġ, b’mod partikolari, il-produzzjoni ta’ prova tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti, kemm għall-kapaċità teknika u finanzjarja kif ukoll għall-affidabbiltà u s-solvenza. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju semmiet ukoll l-applikazzjoni ta’ livelli minimi meħtieġa ta’ kapital azzjonarju kompletament imħallas tal-kumpannija konċessjonarja li jvarja skont il-valur tal-kuntratti li hija effettivament għandha.

45      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tinkludi restrizzjonijiet sproporzjonati, u għaldaqstant mhux ġustifikati, għal-libertajiet stabbiliti fl-Artikoli 43 KE u 49 KE.

46      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi:

–        l-obbligu, għal operaturi ekonomiċi, minbarra l-kumpanniji li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma pubbliċi, li jadattaw, jekk ikun il-każ, il-kapital azzjonarju tagħhom għal EUR 10 miljun sabiex ikunu awtorizzati jwettqu attivitajiet ta’ likwidazzjoni, ta’ verifika u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali;

–        in-nullità tal-għoti ta’ tali servizzi lil operaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu, u

–        il-projbizzjoni li jinkisbu kuntratti ġodda jew li jkun hemm parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti miftuħa għall-għoti ta’ dawn is-servizzi sakemm l-obbligu ta’ adattament tal-kapital azzjonarju ma jiġix sodisfatt.

 Fuq l-ewwel domanda

47      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunamenti li jinsabu fil-punti 18 u 19 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprevedi:

–        l-obbligu, għal operaturi ekonomiċi, minbarra l-kumpanniji li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tagħhom huma pubbliċi, li jadattaw, jekk ikun il-każ, il-kapital azzjonarju tagħhom għal EUR 10 miljun sabiex ikunu awtorizzati jwettqu attivitajiet ta’ likwidazzjoni, ta’ verifika u ta’ rkupru ta’ taxxi u ta’ dħul ieħor tal-awtoritajiet lokali;

–        in-nullità tal-għoti ta’ tali servizzi lil operaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ kapital azzjonarju minimu, u

–        il-projbizzjoni li jinkisbu kuntratti ġodda jew li jkun hemm parteċipazzjoni f’sejħiet għal offerti miftuħa għall-għoti ta’ dawn is-servizzi sakemm l-obbligu ta’ adattament tal-kapital azzjonarju ma jiġix sodisfatt.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.