Language of document : ECLI:EU:C:1963:1

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

5 ta' Frar 1963 (*)


Fil-kawża C-26/62,

li għandha bħala suġġett talba magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, skond is-subparagrafu (a) ta' l-ewwel paragrafu u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mit-Tariefcommissie, Tribunal Amministrattiv Olandiż ta' istanza finali f’kawżi ta’ materja fiskali, bl-iskop li tingħata, fil-kawża pendenti quddiem l-imsemmi tribunal,

NV Algemene Transport – en Expeditie Onderneming van Gend & Loos

vs

Nederlandse Administratie der Belastingen

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn A. M. Donner, President, L. Delvaux u R. Rossi, Presidenti ta' Awla, O. Riese, Ch. L. Hammes (Relatur), A. Trabucchi u R. Lecourt, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Roemer,

Reġistratur: A. Van Houtte,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 I - Fuq il-proċedura

L-ebda oġġezzjoni ma tqajmet fir-rigward tar-regolarità tal-proċedura tat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, mit-Tariefcommissie, qorti jew tribunal skond l-imsemmi artikolu.

Barra minn hekk, ma teżisti ebda bażi sabiex il-qorti tqajjem il-kwistjoni ex officio.

 II - Fuq l-ewwel domanda

 A - Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Gvern Olandiż u l-Gvern Belġjan jikkontestaw il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi jsostnu li r-rinviju jirrigwarda l-applikazzjoni tat-Trattat fil-kuntest tad-dritt kostituzzjonali ta’ l-Olanda u mhux l-interpretazzjoni tat-Trattat.

B'mod aktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex kompetenza li tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE għandhomx jipprevalu fuq il-liġi Olandiża jew fuq xi ftehim ieħor li sar mill-Olanda u li ġie inkorporat fil-liġi nazzjonali Olandiża.

Is-soluzzjoni għal tali problema taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-qrati nazzjonali, bla ħsara għal rikors skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 169 u 170 tat-Trattat.

Madankollu, f'dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex mitluba tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tat-Trattat skond il-prinċipji tal-liġi nazzjonali ta’ l-Olanda, li tibqa' taħt il-kompetenza tal-qrati nazzjonali, iżda hija mitluba biss, skond is-subparagrafu (a) ta’ l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 177 tat-Trattat, li tinterpreta l-portata ta’ l-Artikolu 12 ta’ l-imsemmi Trattat fil-kuntest tad-dritt Komunitarju u b’referenza għall-effetti tiegħu fuq l-individwi.

Għaldaqstant, dan l-argument m’għandu ebda bażi legali.

Il-Gvern Belġjan isostni wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex kompetenza abbażi tal-fatt li ebda risposta mogħtija minnha għall-ewwel domanda tat-Tariefcommissie ma tista' tkun rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem dan it-tribunal.

Madankollu, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni f'din il-kawża, huwa biżżejjed li d-domanda preliminari tkun tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-Trattat.

Il-kunsiderazzjonijiet li jistgħu jwasslu qorti nazzjonali għall-għażla tad-domandi tagħha kif ukoll ir-rilevanza li tattribwixxi lil dawn id-domandi fil-kuntest tal-kawża quddiemha, huma esklużi mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Mill-kliem tad-domandi magħmula jidher li dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-Trattat.

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza twieġeb għal dawn id-domandi.

Għaldaqstant, dan l-argument ukoll huwa infondat.

 B - Fuq il-mertu

L-ewwel domanda tat-Tariefcommissie hija jekk l-Artikolu 12 tat-Trattat huwiex applikabbli direttament fil-liġi nazzjonali, fis-sens li, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri jkunu jistgħu, abbażi ta’ dan l-artikolu, jeżerċitaw drittijiet li l-qorti nazzjonali għandha tipproteġi.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-diżposizzjonijiet ta’ trattat internazzjonali għandhomx tali portata, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-ispirtu, l-iskema ġenerali u l-kliem tagħhom.

L-għan tat-Trattat KEE, li huwa li jistabbilixxi suq komuni li l-operat tiegħu jikkonċerna direttament liċ-ċittadini tal-Komunità, jimplika li dan it-Trattat huwa aktar minn ftehim li sempliċement joħloq obbligi reċiproċi bejn l-Istati kontraenti.

Dan huwa kkonfermat fil-preambolu tat-Trattat li jirreferi mhux biss għal Gvernijiet iżda wkoll għal popli. Konferma ta' dan tidher, b'mod aktar speċifiku, fit-twaqqif ta’ istituzzjonijiet mogħtija drittijiet sovrani, li l-eżerċizzju tagħhom jeffettwa kemm lill-Istati Membri kif ukoll liċ-ċittadini tagħhom. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri fil-Komunità huma msejħa sabiex jikkooperaw fl-operat ta’ din il-Komunità permezz tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.

Minn barra dan, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' l-Artikolu 177, li l-għan tiegħu huwa li tiġi assigurata interpretazzjoni uniformi tat-Trattat mill-qrati nazzjonali, jikkonferma li l-Istati rrikonoxxew li d-dritt Komunitarju għandu awtorità li tista' tiġi invokata miċ-ċittadini tagħhom quddiem dawn il-qrati.

Minn dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi konkluż li l-Komunità tikkostitwixxi ordinament ġuridiku ġdid tad-dritt internazzjonali, li għal benefiċċju tiegħu l-Istati limitaw id-drittijiet sovrani tagħhom, anke jekk f’oqsma limitati, u li s-suġġetti ta' dan l-ordinament jinkludu mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom.

Indipendentament mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri, id-dritt Komunitarju mhux biss jimponi obbligi fuq l-individwi, iżda huwa wkoll intiż sabiex jagħtihom drittijiet li jkunu jiffurmaw parti mill-patrimonju ġuridiku tagħhom.

Dawn id-drittijiet jinħolqu mhux biss meta jkunu espressament mogħtija mit-Trattat, iżda wkoll meta t-Trattat jimponi ċerti obbligi, b'mod ċar, kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet tal-Komunità.

Fir-rigward ta’ l-iskema ġenerali tat-Trattat għal dak li jirrigwarda d-dazji doganali u piżijiet b'effett ekwivalenti jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9, li jibbaża l-Komunità fuq unjoni doganali, jinkludi, bħala regola essenzjali, il-projbizzjoni ta’ dawn id-dazji doganali u piżijiet.

Din id-dispożizzjoni tinsab fil-bidu tal-parti tat-Trattat li tiddeffinixxi l-“Bażi tal-Komunità”. Hija applikata u spjegata permezz ta' l-Artikolu 12.

Il-kliem ta’ l-Artikolu 12 fih projbizzjoni ċara u mhux kundizzjonali, li mhijiex obbligu pożittiv iżda wieħed negattiv.

Barra minn hekk, dan l-obbligu mhuwa kkwalifikat bl-ebda riżerva, mill-Istati, li tissuġġetta l-implementazzjoni tiegħu għal att pożittiv tad-dritt nazzjonali.

Permezz tan-natura tagħha stess, din il-projbizzjoni tipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom.

L-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 12 ma teħtieġ ebda intervent leġiżlattiv mill-Istati.

Il-fatt li permezz ta’ dan l-artikolu l-Istati Membri huma s-suġġetti ta’ l-obbligu negattiv ma jfissirx li ċ-ċittadini tagħhom ma jistgħux jibbenefikaw minn dan l-obbligu.

Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq l-Artikoli 169 u 170 tat-Trattat, imressaq mit-tliet Gvernijiet li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa infondat.

Il-fatt li l-Artikoli tat-Trattat hawn fuq imsemmija jawtorizzaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Stat li ma jkunx wettaq l-obbligi tiegħu, ma jfissirx li l-individwi ma jistgħux jinvokaw dawn l-obbligi, jekk ikun il-każ, quddiem qorti nazzjonali, l-istess mod kif il-fatt li t-Trattat iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mezzi biex tassigura li l-obbligi imposti fuq dawk li huma suġġetti għat-Trattat jiġu osservati, ma jipprekludix il-possibbiltà li din l-inosservanza tiġi invokata f’kawżi bejn individwi quddiem qorti nazzjonali.

Jekk il-garanziji kontra ksur ta’ l-Artikolu 12 mill-Istati Membri jiġu limitati għal proċeduri previsti fl-Artikoli 169 u 170 dan ikun ifisser li d-drittijiet individwali taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tagħhom ma jkollhom l-ebda protezzjoni legali diretta.

Hemm riskju li rikors għal dawn l-artikoli jkun ineffikaċi jekk ikollu jsir wara l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

Il-viġilanza ta’ l-individwi kkonċernati sabiex jiġu protetti d-drittijiet tagħhom tammonta għal kontroll effikaċi flimkien mal-kontroll li l-Artikoli 169 u 170 jafdaw fid-diliġenza tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri.

Minn dan isegwi li, skond l-ispirtu, l-iskema ġenerali u l-kliem tat-Trattat, l-Artikolu 12 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproduċi effetti diretti u joħloq drittijiet individwali li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.

 III – Fuq it-tieni domanda

 A - Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Skond l-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan u dak Olandiż, sabiex tkun tista' tingħata risposta, jidher li l-kliem ta' din id-domanda jirrikjedi eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-klassifikazzjoni tariffarja ta’ l-ureaformaldehyde importat fl-Olanda, klassifikazzjoni li dwarha Van Gend & Loos u l-Ispettur tad-Dwana f’Zaandam għandhom opinjonijiet differenti fir-rigward tat-“Tariefbesluit” ta' l-1947.

Huwa ċar li d-domanda ma tirrikjedix interpretazzjoni tat-Trattat iżda tikkonċerna l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali ta' l-Olanda għall-klassifikazzjoni ta’ l-aminoplastiċi, li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 177(a).

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex kompetenza tikkunsidra r-rinviju magħmul mit-Tariefcommissie.

Madankollu, il-portata vera tad-domanda magħmula mit-Tariefcommissie hija, dwar jekk żieda effettiva tad-dazji doganali imposti fuq prodott partikolari, mhux minħabba żieda fir-rata iżda minħabba klassifikazzjoni ġdida tal-prodott li tirriżulta minn bidla fil-kwalifikazzjoni tariffarja, tiksirx il-projbizzjoni ta' l-Artikolu 12 tat-Trattat.

Taħt dan l-aspett, id-domanda magħmula hija kkonċernata mill-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat u, b'mod aktar partikolari, mill-portata li għandha tingħata lill-kunċett ta’ dazji doganali applikat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat.

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza sabiex tirrispondi għal din id-domanda.

 B - Fuq il-mertu

Mill-kliem u mill-iskema ġenerali ta’ l-Artikolu 12 tat-Trattat jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dazji doganali jew piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti ikunux ġew miżjuda kuntrarjament għall-projbizzjoni li tinsab fl-imsemmi artikolu, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dazji doganali u l-piżijiet effettivament applikati fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat.

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 12 tat-Trattat, żieda illeċita bħal din tista' tinħoloq kemm minħabba aġġustament ġdid tat-tariffa li tirriżulta fil-klassifika tal-prodott taħt intestatura b’taxxa aktar għolja, kif ukoll minħabba żieda fir-rata tad-dazju.

Mhuwiex importanti li jsir magħruf kif saret iż-żieda fid-dazji doganali meta, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat, l-istess prodott fl-istess Stat Membru huwa suġġett għal rata għola ta’ dazju.

Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12, skond l-interpretazzjoni mogħtija aktar 'il fuq, taqa' taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, li għandha teżamina jekk il-prodott suġġett għad-dazju, f’dan il-każ l-ureaformaldehyde li joriġina mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huwiex milqut mill-miżuri doganali fis-seħħ fl-Olanda b’dazju fuq l-importazzjoni għola minn dak impost fl-1 ta’ Jannar 1958.

Il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex kompetenza tivverifika l-mertu ta' l-affermazzjonijiet kontradittorji li ġew ippreżentati lilha fir-rigward ta' dan is-suġġett matul il-proċeduri u għalhekk għandha tħallihom għall-kunsiderazzjoni tal-qrati nazzjonali.

 IV - Fuq l-ispejjeż

L-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-KEE u ta' l-Istati Membri li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni imqajma quddiem it-Tariefcommissie, huwa dan it-tribunal li jiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

B'risposta għad-domandi preliminari magħmula mit-Tariefcommissie, b’deċiżjoni tas-16 ta' Awwissu 1962, taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 12 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea jipproduċi effetti diretti u joħloq drittijiet individwali li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu.

2)      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dazji doganali jew piżijiet b'effett ekwivalenti jkunux ġew miżjuda kuntrarjament għall-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 12 tat-Trattat, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dazji doganali u l-piżijiet effettivament applikati mill-Istat Membru in kwistjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat.

Żieda bħal din tista' tinħoloq kemm minn aġġustament ġdid tat-tariffa li tirriżulta fil-klassifika tal-prodott taħt intestatura ta’ taxxa aktar għola, kif ukoll minħabba żieda fir-rata tad-dazju.

3)      Huwa t-Tariefcommissie li għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż f'din il-kawża.

Donner

Delvaux

Rossi

Riese

Hammes

Trabucchi

 

      Lecourt

 

Mogħti f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 5 ta’ Frar 1963

A. Van Houtte

 

      A. M. Donner

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż